Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi — Użu mit-trade mark fis-sens tal-Artikoli 9 tar-Regolament u 5 tad-Direttiva — Bejgħ, offerta għall-bejgħ jew reklamar, ta’ prodotti li jinsabu fi Stat terz, fuq suq online maħsub għal konsumaturi fl-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 9; Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5)

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 — Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark — Kundizzjonijiet — Prodott ikkummerċjalizzat fil-Komunità jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 13(1); Regolament tal-Kunsill Nru 89/104, Artikolu 7(1))

3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi — Użu mit-trade mark fis-sens tal-Artikoli 9 tar-Regolament u 5 tad-Direttiva — Bejgħ mill-ġdid ta’ fwejjaħ jew ta’ prodotti kożmetiċi li jkunu tneħħew mill-imballaġġ

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 9; Direttivi tal-Kunsill Nru 76/768, Artikolu 6(1), u 89/104, Artikolu 5)

4. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi — Użu mit-trade mark fis-sens tal-Artikoli 9 tar-Regolament u 5 tad-Direttiva — Reklamar fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 9(1)(a); Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(1)(a))

5. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trade marks — Interpretazzjoni tar-Regolament Nru 40/94 u tad-Direttiva 89/104 — Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jopponi l-użu minn terz ta’ sinjal identiku għal prodotti identiċi — Użu mit-trade mark fis-sens tal-Artikoli 9 tar-Regolament u 5 tad-Direttiva — Kunċett — Ġestjoni ta’ suq online — Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 9; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikoli 12 sa 15; Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5)

6. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Kummerċ elettroniku — Direttiva 2000/31 — Responsabbiltà tal-intermedjarji — Hosting

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikolu 14(1))

7. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — Direttiva 2004/48 — Miżuri, proċeduri u rimedji — Miżuri li jirriżultaw minn sentenza fuq il-mertu

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, Artikolu 11)

Summary

1. Meta l-prodotti li jinsabu fi Stat terz, li jkunu protetti minn trade mark irreġistrata fi Stat Membru tal-Unjoni jew minn trade mark komunitarja u li preċedentement ma jkunux ġew ikkummerċjalizzati fiż-Żona Ekonomika Ewropea jew, fil-każ ta’ trade mark komunitarja, li preċedentement ma jkunux ġew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni, jiġu mibjugħa minn operatur ekonomiku permezz ta’ suq online u mingħajr il-kunsens tal-proprejtarju ta’ din it-trade mark lil konsumatur li jinsab fit-territorju kopert mill-imsemmija trade mark, jew li jkunu s-suġġett ta’ offerta għall-bejgħ jew ta’ reklamar fuq tali suq maħsub għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju, l-imsemmi proprjetarju jista’ jopponi dak il-bejgħ, dik l-offerta għall-bejgħ jew dak ir-reklamar skont ir-regoli ddikjarati fl-Artikolu 5 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill dwar it-trade marks, jew l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw fuq bażi ta’ każ b’każ jekk jeżistux indizji rilevanti sabiex jiġi konkluż li offerta għall-bejgħ jew reklam murija fuq suq online, li huwa aċċessibbli mit-territorju kopert mit-trade mark, huma maħsuba għall-konsumaturi li jinsabu f’dan tal-aħħar.

Ir-regoli tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94 japplikaw minn meta ssir offerta għall-bejgħ tal-prodotti protetti mit-trade mark li jkunu jinsabu fi Stat terz lil konsumaturi li jkunu jinsabu fit-territorju kopert mit-trade mark. Fil-fatt, li kieku kien mod ieħor, l-operaturi li jirrikorru għall-kummerċ elettroniku billi joffru għall-bejgħ, fuq suq online maħsub għal konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, prodotti protetti minn trade mark li jinsabu fi Stat terz, peress li huwa possibbli li dawn jintwerew fuq l-iskrin u li jiġu ordnati permezz tal-imsemmi suq online, ma jkunux, fir-rigward tal-offerti għall-bejgħ ta’ dan it-tip, obbligati li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Tali sitwazzjoni tkun taffettwa l-effett utli ta’ dawk ir-regoli.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikoli 5(3)(b) u (d) tad-Direttiva 89/104 u 9(2)(b) u (d) tar-Regolament Nru 40/94, l-użu, minn terzi, ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks li l-proprejtarju ta’ dawn tal-aħħar jista’ jopponi, jinkludi l-użu ta’ tali sinjal f’offerti għall-bejgħ u fir-reklamar. Ikun ta’ ħsara għall-effettività ta’ dawn ir-regoli jekk l-użu, f’offerta għall-bejgħ jew reklam fuq l-internet maħsub għal konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata fl-Unjoni jevita l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar sempliċiment minħabba l-fatt li t-terz li għamel din l-offerta jew dan ir-reklam huwa stabbilit fi Stat terz, li s-server tas-sit tal-internet li huwa juża jinsab fi Stat terz, jew inkella li l-prodott li huwa s-suġġett tal-imsemmija offerta jew tal-imsemmi reklam jinsab fi Stat terz.

Madankollu, s-sempliċi aċċessibbiltà għal sit tal-internet f’territorju kopert mit-trade mark ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-offerti għall-bejgħ murija fuqu huma maħsuba għal konsumaturi li jinsabu f’dak it-territorju. Fil-fatt, jekk l-aċċessibbiltà, mill-imsemmi territorju, għal suq online hija suffiċjenti sabiex ir-reklami murija fuqu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94, siti u reklami evidentement maħsuba esklużivament għal konsumaturi fi Stati terzi, li huma madankollu teknikament aċċessibbli mit-territorju tal-Unjoni, ikunu indebitament suġġetti għad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punti 61-64, 67, dispożittiv 1)

2. Il-forniment mill-proprjetarju ta’ trade mark, lid-distributuri awtorizzati tiegħu, ta’ oġġetti koperti minn din tal-aħħar, maħsuba għad-dimostrazzjoni lil konsumaturi fil-ħwienet awtorizzati, kif ukoll ta’ fliexken koperti minn din it-trade mark, li minnhom jistgħu jittieħdu kwantitatjiet żgħar sabiex jingħataw lil konsumaturi bħala kampjuni b’xejn, ma jikkostitwixxix, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji, tqegħid fis-suq fis-sens tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94.

(ara l-punt 73, dispożittiv 2)

3. L-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u 9 tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’, skont id-dritt esklużiv mogħti minn din tal-aħħar, jopponi għall-bejgħ mill-ġdid ta’ fwejjaħ u ta’ prodotti kożmetiċi, minħabba li l-bejjiegħ ikun neħħa l-imballaġġ estern ta’ dawn il-prodotti, meta din it-tneħħija tal-imballaġġ tirriżulta fin-nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali, bħal dik dwar l-identifikazzjoni tal-manifattur jew ta’ min hu responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott kożmetiku. Meta t-tneħħija tal-imballaġġ ma tkunx wasslet għal tali nuqqas ta’ informazzjoni, il-proprejtarju tat-trade mark jista’ madankollu jopponi l-bejgħ mill-ġdid ta’ fwieħa jew prodott kożmetiku protett mit-trade mark li huwa l-proprjetarju tagħha li jkun tneħħa mill-imballaġġ, jekk huwa jistabbilixxi li t-tneħħija tal-imballaġġ ippreġudikat l-immaġni tal-imsemmi prodott u, għalhekk, ippreġudikat ir-reputazzjoni tat-trade mark.

Fid-dawl tal-varjetà ta’ gammi ta’ fwejjaħ u ta’ prodotti kożmetiċi, il-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-imballaġġ ta’ tali prodott jippreġudikax l-immaġni ta’ dan tal-aħħar u, għalhekk, jippreġudikax ir-reputazzjoni tat-trade mark li huwa protett minnha, għandha tiġi eżaminata fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Fil-fatt, l-apparenza ta’ fwieħa jew ta’ prodott kożmetiku mingħajr imballaġġ estern jista’ xi drabi jittrażmetti b’mod effettiv l-immaġni ta’ prestiġju u ta’ lussu ta’ dak il-prodott, filwaqt li, f’każijiet oħra, t-tneħħija tal-imsemmi imballaġġ tirriżulta preċiżament fi preġudizzju għal dik l-immaġni.Tali preġudizzju jista’ jseħħ meta l-imballaġġ estern jikkontribwixxi, b’mod ugwali jew b’mod iktar qawwi mill-flixkun jew il-kontenitur, lejn il-preżentazzjoni tal-immaġni tal-prodott maħluqa mill-proprjetarju tat-trade mark u mid-distributuri awtorizzati tiegħu. Jista’ jkun ukoll li n-nuqqas ta’ ċerta informazzjoni jew tal-informazzjoni kollha rikjesta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/768, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi, jippreġudika l-immaġni tal-prodott. Huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għandu jistabbilixxi l-eżistenza tal-elementi li jikkostitwixxu dan il-preġudizzju.

Barra minn hekk, it-trade mark, li għandha l-funzjoni essenzjali li tiżgura lil konsumatur l-identità tal-oriġini tal-prodott, isservi b’mod partikolari sabiex tikkonferma li l-prodotti kollha li huma protetti minn din it-trade mark ġew immanifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom. Issa, meta tkun nieqsa ċerta informazzjoni rikjesta mil-liġi, bħal dik dwar l-identifikazzjoni tal-manifattur jew ta’ min hu responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodott kożmetiku, tkun ġiet ippreġudikata l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini tat-trade mark, peress li din tal-aħħar tkun ġiet imċaħħda mill-effett essenzjali tagħha li jikkonsisti fl-iżgurar li l-prodotti indikati minnha ġew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom.

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk l-offerta għall-bejgħ jew il-bejgħ ta’ prodotti protetti minn trade mark li tneħħew mill-imballaġġ estern tagħhom u, għalhekk tneħħitilhom ċerta informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/768 hijiex issanzjonata kriminalment mil-liġi nazzjonali ma tistax tinfluwenza l-applikabbiltà tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tat-trade marks.

(ara l-punti 78-83, dispożittiv 3)

4. L-Artikolu 5(1)(a) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jimpedixxi lil operatur ta’ suq online milli jagħmel, permezz ta’ kelma prinċipali identika għall-imsemmija trade mark li ġiet magħżula minn dan l-operatur fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzar fuq l-internet, reklamar għal prodotti protetti minn din it-trade mark offruti għall-bejgħ fuq l-imsemmi suq, meta dan ir-reklamar ma jippermettix, jew jippermetti b’mod diffiċli biss, lill-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent li jsir jaf jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija mir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn terzi.

Sa fejn l-operatur ta’ suq online uża kliem prinċipali li jikkorrispondi għal trade marks bil-għan li jippromwovi offerti għall-bejgħ ta’ prodotti ta’ trade marks li joriġinaw mill-klijenti bejjiegħa tiegħu, huwa għamel użu għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom dawn it-trade marks ġew irreġistrati. F’dan ir-rigward, l-espressjoni “għal prodotti jew għal servizzi” ma tirrigwardax biss il-prodotti jew is-servizzi ta’ terzi li jagħmlu użu minn sinjali li jikkorrispondu għal trade marks, iżda tista’ tirrigwarda wkoll il-prodotti jew is-servizzi ta’ persuni oħra. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li operatur ekonomiku juża sinjal li jikkorrispondi għal trade mark għal prodotti li ma jkunux il-prodotti tiegħu stess, fis-sens li huwa ma jkollux titolu fuq dawn tal-aħħar, fiha nnifisha ma timpedixxix li dak l-użu jaqa’ taħt l-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u 9 tar-Regolament Nru 40/94.

Fir-rigward, b’mod preċiż, ta’ sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ servizz jagħmel użu minn sinjal li jikkorrispondi għal trade mark ta’ ħaddieħor sabiex jippromwovi prodotti li wieħed mill-klijenti tiegħu jikkummerċjalizza bl-għajnuna ta’ dak is-servizz, tali użu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1 tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u 9 tar-Regolament Nru 40/94, meta dan isir b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn l-imsemmi sinjal u l-imsemmi servizz.

(ara l-punti 91, 92, 97, dispożittiv 4)

5. L-operatur ta’ suq online ma jagħmilx “użu”, fis-sens tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94, minn sinjali identiċi jew simili għal trade marks li jidhru f’offerti għall-bejgħ fuq is-sit tiegħu.

Fil-fatt, l-eżistenza ta’ “użu” ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-proprjetarju minn terza persuna, fis-sens tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 89/104 u 9 tar-Regolament Nru 40/94, timplika tal-inqas li din tal-aħħar tagħmel użu mis-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess. Issa, sa fejn din it-terza persuna tforni servizz li jippermetti lil klijenti tagħha li juru, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom bħall-offerti għall-bejgħ tagħhom, sinjali li jikkorrispondu għal trade marks fuq is-sit tagħha hija nnifisha ma tkunx qiegħda tagħmel użu fuq l-imsemmi sit minn dawn is-sinjali fis-sens previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Isegwi li l-użu ta’ sinjali identiċi jew simili għal trade marks f’offerti għall-bejgħ murija f’suq online isir mill-klijenti bejjiegħa tal-operatur ta’ dak is-suq u mhux minn dak l-operatur inniffsu.

Sa fejn huwa jippermetti lil klijenti tiegħu li jagħmlu dan l-użu, ir-rwol tal-operatur fis-suq online ma jistax jiġi evalwat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94, iżda għandu jiġi eżaminat mill-perspettiva ta’ regoli oħra tad-dritt, bħal dawk iddikjarati fid-Direttiva 2000/31, b’mod partikolari fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar, li tirrigwarda r-“responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz” fil-kummerċ elettroniku u li tinkludi l-Artikoli 12 sa 15 ta’ dik id-direttiva.

(ara l-punti 102-105, dispożittiv 5)

6. L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għal operatur ta’ suq online meta dan ma jkunx assuma rwol attiv ta’ natura li jagħtih tagħrif jew kontroll tad-data maħżuna.

L-imsemmi operatur jassumi tali rwol meta jagħti assistenza maħsuba b’mod partikolari sabiex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni jew sabiex tippromwovi dawn tal-aħħar.

Meta l-operatur ta’ suq online ma jkunx assuma rwol attiv fis-sens previst fil-punt preċedenti u meta l-forniment ta’ servizz tiegħu konsegwentment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, huwa ma jistax madankollu, f’kawża li tista’ tirriżulta f’kundanna għall-ħlas tad-danni, jipprevalixxi ruħu mill-eżonorazzjoni mir-responsabbiltà prevista f’dik id-dispożizzjoni jekk huwa kellu konoxxenza ta’ fatti jew ċirkustanzi li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti kellu jikkonstata l-illegalità tal-offerti għall-bejgħ inkwistjoni u, f’każ ta’ tali konoxxenza, ma jkunx aġixxa bla dewmien skont l-Artikolu 14(1)(b).

(ara l-punti 123, 124, dispożittiv 6)

7. It-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi interpretata fis-sens li hija teżiġi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu jistgħu jordnaw lill-operatur ta’ suq online jieħu miżuri li jikkontribwixxu, mhux biss sabiex jinġieb fi tmiemu ksur ta’ dawn id-drittijiet mill-utenti ta’ dan is-suq, iżda wkoll sabiex jiġi evitat ksur ġdid ta’ din in-natura. Dawn l-ordnijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u ma għandhomx jikkawżaw ostakli għall-kummerċ legali.

(ara l-punt 144, dispożittiv 7)