Kawżi magħquda C-300/09 u C-301/09

Staatssecretaris van Justitie

vs

F. Toprak et I. Oguz

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-ħaddiema — Regola ta’ ‘standstill’ inkluża fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 — Projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fl-aċċess għas-suq tax-xogħol”

Sommarju tas-sentenza

Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Regola ta’ standstill tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Portata — Restrizzjoni ġdida — Kunċett

(Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 13)

Fir-rigward ta’ ħaddiema Torok li ħadmu fi Stat Membru li fih, fl-1 ta’ Diċembru 1980, kienet fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 1/80, dwar l‑iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, l-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni għandu jiġi interpretat fis-sens segwenti: dispożizzjoni iktar iebsa introdotta wara l-1 ta’ Diċembru 1980, fejn din kienet tipprovdi għal dispożizzjoni inqas iebsa mid-dispożizzjoni applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, minkejja li din id-dispożizzjoni iktar iebsa ma taggravax il-kundizzjoni għall-kisba ta’ dawn il-permessi meta mqabbla mal-kundizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1980, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li peress illi kliem l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jindika l-ebda data partikolari minn meta r-regola ta’ “stanstill” għandha tapplika, l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet ġodda, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tista’ tiġi evalwata fil-konfront tad-data tad-dħul fis-seħħ tat-test li jinkludiha, f’dan il-każ, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

Madankollu, ma jirriżultax li din id-data biss hija rilevanti. Għalhekk, sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-kliem “restrizzjonijiet ġodda”, fis-sens tal-Artikolu 13 tal‑imsemmija Deċiżjoni Nru 1/80, għandu jsir riferiment għall-għan imfittex minn dan l-artikolu. Dan ifittex li joħloq il-kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema permezz tal-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma pprojbiti milli jintroduċu ostakoli ġodda għall-imsemmija libertajiet sabiex ma jrendux iktar diffiċli t-twettiq b’mod gradwali ta’ dawn tal-aħħar bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija. Hemm lok li jitqies li l-portata tal-obbligu ta’ “standstill” li jinsab f’dan l‑Artikolu 13 għandha tinfirex bl-istess mod għal kwalunkwe ostakolu ġdid għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaggrava l-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari.

Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jitbegħdux mill-għan imfittex billi jħassru d-dispożizzjonijet li huma kienu adottaw favur il‑moviment liberu tal-ħaddiema Torok wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni Nru 1/80 fit-territorju tagħhom. Minn dan isegwi li d-data minn meta għandu jiġi evalwat jekk l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda tawx lok għal “restrizzjonijiet ġodda” hija d-data li fiha dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati.

(ara l-punti 49-52, 54-56, 62 u dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – Regola ta’ ‘standstill’ inkluża fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 – Projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fl-aċċess għas-suq tax-xogħol”

Fil‑Kawżi magħquda C‑300/09 u C‑301/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il‑Pajjiżi l‑Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑24 ta’ Lulju 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2009, fil-proċeduri

Staatssecretaris van Justitie

vs

F. Toprak (C‑300/09),

I. Oguz (C‑301/09),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u R. Holdgaard, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il‑Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn F. Toprak fil-Kawża C‑300/09 u I. Oguz fil-Kawża C‑301/09 u l-iStaatssecretaris van Justitie (Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jemenda l-permess ta’ residenza tagħhom għal żmien determinat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

3        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa li jippromwovi t-twettiq kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, bl-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u sussegwentment tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-Komunità.

 Id-Deċiżjoni Nru 1/80

4        L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi s-segwenti:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

5        L-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni jistabbilixxi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom. [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

 Il-Protokoll Addizzjonali

6        Il-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), jifforma, kif jirriżulta mill-Artikolu 62 tiegħu, parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,

7        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jistabbilixxi:

“1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi [il-libertà li jiġu pprovduti servizzi]”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Fl-1 ta’ Diċembru 1980, l-aċċess u r-residenza tal-barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu rregolati mil-liġi dwar il-barranin (Vreemdelingenwet) (Stb, 1965, Nru 40) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1967, kif ukoll b’digriet eżekuttiv dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit) u b’ċirkulari dwar il-barranin tal-1966 (Vreemdelingencirculaire, 1966).

9        Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li s-sistema applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980 kienet is-segwenti.

10      Barrani li ż-żwieġ tiegħu, ma’ persuna li għandha dritt ta’ residenza li mhux temporanju, dam tal-inqas tliet snin u kien residenti wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi għal minimu ta’ tliet snin, billi kien fil-pussess ta’ permess ta’ residenza marbut ma’ kundizzjoni ta’ “residenza ma’ konjuġi”, seta’, bħala regola, minkejja li ż-żwieġ ikun spiċċa, jistenna permess awtonomu ta’ residenza. Madankollu, l-għoti ta’ dan il-permess seta’ jiġi rrifjutat jekk il-barrani ma kellux il-mezzi finanzjarji meħtieġa. Barra minn hekk, dan il-permess seta’ eċċezzjonalment jingħata għal raġunijiet umanitarji imperattivi jew meta l-attività eżerċitata mill-barrani kienet taqdi interess sostanzjali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

11      Mill-1 ta’ Frar 1983, żewġ aspetti ta’ din is-sistema ġew emendati permezz ta’ ċirkulari dwar il-barranin adottata fl-1982 (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tal-1982”). L-ewwel nett, iż-żmien ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, qabel ma ż-żwieġ ikun spiċċa jew ġie xolt, li kien ta’ tliet snin, tnaqqas għal sena. It-tieni nett, in‑nuqqas ta’ mezzi finanzjarji seta’ jiġi infurzat kontra ċittadin barrani biss jekk l‑awtoritajiet kompetenti setgħu jitolbuh li jqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tas-suq tax-xogħol.

12      Fl-1 ta’ April 2001 daħlet fis-seħħ il-Liġi tat-23 ta’ Novembru 2000 dwar bdil radikali fil-liġi dwar il-barranin (Wet van 23 ta’ Novembru 2000 tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet) (Stb. 2000, Nru°495). Flimkien ma’ din il‑liġi, ġie adottat matul l-2000 digriet dwar il-barranin (Vreemdelingenbesluit 2000) (Stb. 2000, Nru 497, iktar ’il quddiem il-“VB 2000”) u ġiet adottata wkoll matul din l-istess sena ċirkulari dwar il-barranin (Vreemdelingencirculaire 2000, iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari 2000”).

13      Bid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ April 2001 tal-VB 2000 u taċ-ċirkulari tal-2000, l‑emendi introdotti matul l-1982 ma baqgħux applikabbli u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ permessi awtonomi ta’ residenza pprovduti fl-1 ta’ Diċembru 1980 reġgħu ġew stabbiliti.

14      Madankollu, regoli tranżitorji, ibbażati fuq l-Artikolu 9.6 tal-VB 2000, ġew ipprovduti għall-barranin li bbenefikaw, qabel il-11 ta’ Diċembru 2000, minn permess ta’ residenza minħabba ż-żwieġ tagħhom. Abbażi ta’ dawn ir-regoli, fil-każ fejn ċittadin barrani kien fil-pussess, għal perijodu minimu ta’ sena, ta’ permess ta’ residenza bbażat fuq żwieġ li dam tliet snin qabel ma dan spiċċa jew ġie xolt, jista’ jingħatalu permess ta’ residenza marbut mal-kundizzjoni li “jfittex u jipprovdi servizz ta’ attività b’salarju jew le”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

 Kawża Toprak (C-300/09)

15      F. Toprak, ċittadin Tork, iżżewweġ ċittadina Olandiża, fl-14 ta’ Ġunju 2001. Fil-21 ta’ Mejju 2002, huwa daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ permess ta’ residenza provviżorja, li nbidel f’permess ta’ residenza temporanja bin-nota “għal residenza għand il-konjuġi”, u ż-żmien ta’ validità tiegħu ġġedded sal-24 ta’ Settembru 2006.

16      Iż-żwieġ ta’ F. Toprak ma’ martu spiċċa de facto fit-12 ta’ April 2004, jiġifieri inqas minn tliet snin wara li żżewweġ, u fit-30 ta’ Diċembru 2004 ngħatat id‑deċiżjoni tad-divorzju, jiġifieri iktar minn tliet snin wara li żżewweġ. Minn dan jirriżulta li, bejn id-data li fiha daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi u d-data li fiha ż-żwieġ tiegħu spiċċa de facto, F. Toprak kien residenti għand il-konjuġi tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal żmien li huwa inqas minn tliet snin.

17      Wara d-divorzju tiegħu, F. Toprak ressaq diversi talbiet sabiex in-nota “residenza għand il-konjuġi” tinbidel għal “eżerċizzju ta’ attività b’salarju” u l-permess ta’ residenza jittawwal għal żmien determinat.

18      It-talbiet ta’ F. Toprak ġew miċħuda mill-ministru responsabbli għaliex, mid-data li fiha ż-żwieġ tiegħu kien spiċċa de facto, huwa ma baqax jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza għand il-konjuġi. Barra minn hekk, għalkemm kien ħadem fil-Pajjiżi l-Baxxi, F. Toprak lanqas ma wera biżżejjed li, f’dik id-data, huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettulu li jikseb permess ta’ residenza sabiex jeżerċita attività b’salarju bbażata fuq l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. B’mod partikolari, la wera li ħadem għal sena mal-istess prinċipal u lanqas li dan tal-aħħar kien dispost li jkompli din ir-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, l‑attività b’salarju tiegħu ma kienet taqdi l-ebda interess sostanzjali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

19      F. Toprak ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem il-Staatssecretaris van Justitie. Madankollu, dan tal-aħħar ċaħad dan ir-rikors bħala infondat.

20      Għalhekk, F. Toprak mar quddiem il-Rechtbank’s-Gravenhage. Din il-qorti qieset li l-fatt li kienet qed tiġi applikata politika iktar iebsa fir-rigward ta’ persuni bħal F. Toprak, wara perijodu li fih din il-politika kienet naqqset l-intensità tar-restrizzjonijiet tagħha, jikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Għaldaqstant, din laqgħet ir-rikors, annullat id-deċiżjoni ta’ rifjut tal-iStaatssecretaris van Justitie u ordnat lil dan tal-aħħar sabiex jadotta deċiżjoni ġdida. Dan tal-aħħar appella mid-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State.

 Kawża Oguz (C‑301/09)

21      I. Oguz huwa ċittadin Tork li żżewweġ ċittadina Torka li għandha permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fil-Pajjiżi l-Baxxi. Iż-żwieġ tagħhom ġie ċċelebrat fit-12 ta’ Awwissu 2002. Huwa daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi sena wara u kiseb permess ta’ residenza temporanja, marbuta mal-kundizzjoni ta’ “residenza għand il-konjuġi”, fejn iż-żmien ta’ validità tal-permess ittawwal sa Awwissu 2009.

22      Iż-żwieġ bejn I. Oguz u martu spiċċa de facto fis-16 ta’ Ottubru 2005 u d‑deċiżjoni tad-divorzju ngħatat fil-21 ta’ Lulju 2006, jiġifieri, fiż-żewġ sitwazzjonijiet, iktar minn tliet snin wara ż-żwieġ tagħhom. Madankollu, bejn id‑data li fiha huwa daħal fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2003 u d-data li fiha ż-żwieġ tiegħu spiċċa de facto, I. Oguz kien residenti għand il-konjuġi tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi għal perijodu ta’ inqas minn tliet snin.

23      Fit-12 ta’ April 2006, I. Oguz talab li l-kundizzjoni ta’ ħruġ tal-permess ta’ residenza tiegħu, bin-nota “residenza għand il-konjuġi”, issir, minn issa ’l quddiem, “għall-eżerċizzju ta’ attività b’salarju”. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li I. Oguz ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol ma’ prinċipal, mill-1 ta’ April sal-1 ta’ Ottubru 2004, li ħadem ma’ prinċipal ieħor mis-16 ta’ Ottubru 2005 u li prinċipal ieħor, it-tielet wieħed, impjegah miegħu mill-1 ta’ Frar 2006.

24      It-talba sabiex il-permess ta’ residenza ta’ I. Oguz jiġi emendat għal żmien determinat ġiet miċħuda għal diversi drabi mill-ministru responsabbli għaliex, mill-mument li ż-żwieġ tiegħu spiċċa, huwa ma baqax jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “residenza għand il-konjuġi” li fuqha l-għoti tal-permess ta’ residenza kien ibbażat. Barra minn hekk, I. Oguz ma weriex biżżejjed li seta’ jistenna li jinħariġlu permess ta’ residenza sabiex jeżerċita attività b’salarju abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. B’mod partikolari, la wera li ħadem għal sena mal-istess prinċipal u lanqas li dan kien dispost li jkompli din ir-relazzjoni ta’ xogħol. Barra minn hekk, l-attività b’salarju tiegħu ma kienet taqdi l-ebda interess sostanzjali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

25      I. Oguz ippreżenta rikors għal reviżjoni quddiem l-iStaatssecretaris van Justitie li qies l-oġġezzjoni tiegħu bħala infondata.

26      L-iStaatssecretaris van Justitie sostna, b’mod partikolari, li I. Oguz ma setax jippretendi permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji bbażati fuq l-Artikolu 9.6 tal-Vb 2000 għaliex il-permess ta’ residenza tiegħu ma nħariġlux qabel il-11 ta’ Diċembru 2000.

27      I. Oguz mar quddiem il-Rechtbank’s-Gravenhage. Din il-qorti qieset li l‑iStaatssecretaris van Justitie bbaża ruħu, b’mod żbaljat, fuq l-imsemmi Artikolu 9.6 tal-Vb 2000, meta fil-fatt kellu japplika l-politika segwita mill-1983. Hija laqgħet ir-rikors ta’ I. Oguz billi qieset li s-sistema iktar iebsa li l‑iStaatssecretaris van Justitie applika fuq I. Oguz, li ġiet wara sistema iktar liberali favur iċ-ċittadini Torok, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, li tikser l‑Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Għaldaqstant, din annullat id-deċiżjoni tal‑iStaatssecretaris van Justitie u ordnatlu jadotta deċiżjoni ġdida. Dan tal-aħħar appella mid-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State.

 Id-domanda preliminari

28      Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State ddeċidiet li tissosspendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi, id‑domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li tisħiħ ta’ dispożizzjoni li daħlet fis-seħħ wara l-1 ta’ Diċembru 1980 u li kienet tipprovdi għal laxkar tad-dispożizzjoni applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980 tikkostitwixxi wkoll kundizzjoni [restrizzjoni] ġdida fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta dan it‑tisħiħ ma fih l-ebda deterjorazzjoni meta mqabbel mad-dispożizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1980?”

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2009, il‑Kawżi C‑300/09 u C-301/09 ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

30      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ japplika għal dispożizzjonijiet li mhux biss jinsabu f’test leġiżlattiv jew regolamentarju, iżda wkoll f’ċirkulari li tispeċifika l-mod ta’ kif il-Gvern ikkonċernat beħsiebu japplika l-liġi.

31      Fil-fatt, dan l-Artikolu 13 jirrigwarda b’mod partikolari r-restrizzjonijiet introdotti mill-Istati Membri, mingħajr ma tiġi speċifikata n-natura tal-att li jintroduċi dawn ir-restrizzjonijiet.

32      Fis-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑398/06), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-legalità ta’ ċirkulari dwar il‑barranin, simili għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment liberu tal-persuni. Hija ddeċidiet li l-imsemmija ċirkulari kienet tikser dan id-dritt.

33      Huwa paċifiku li ċ-ċirkulari tal-1982 u ċ-ċirkulari tal-2000, bħaċ-ċirkulari inkwisjtoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, jipproduċu effetti fir-rigward tal-barranin ikkonċernati, inklużi ċittadini Torok.

34      Isegwi li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ japplika għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn iċ-ċirkulari.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, fir-rigward ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kisba ta’ permess ta’ residenza għal ħaddiema Torok, bħal F. Toprak u I. Oguz, jekk l-Artikolu 13 tad-deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni iktar iebsa introdotta wara l-1 ta’ Diċembru 1980, fejn din kienet tipprovdi għal dispożizzjoni inqas iebsa mid-dispożizzjoni applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, minkejja li din id-dispożizzjoni iktar iebsa ma taggravax il-kundizzjoni għall-kisba ta’ dawn il-permessi meta mqabbla mal-kundizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1980.

36      Għalhekk, id-domanda magħmula mill-Raad van State essenzjalment tirrigwarda l-iffissar tad-data rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-eżistenza ta’ restrizzjoni ġdida fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

37      Minkejja li l-Gvern Olandiż ma jikkontestax li F. Toprak u I. Oguz ħadmu fil-Pajjiżi l-Baxxi, huwa madankollu jsostni li ma hemmx lok li din id-domanda tingħata risposta għaliex l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma għandux japplika għall-kawża preżenti peress li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema Torok koperti minn dan l-artikolu, iżda tikkonċerna d-dritt tal-konjuġi barranin fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja.

38      Din l-oġġezzjoni għandha tiġi eżaminata qabel mad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tingħata, jekk ikun il-każ, risposta.

39      Fil-fatt, il-Gvern Olandiż isostni li wara tliet snin ta’ żwieġ u residenza tal-istess tul fil-Pajjiżi l-Baxxi mogħtija minħabba dan iż-żwieġ, ċittadin barrani għandu bħala regola dritt għal permess awtonomu ta’ residenza, mingħajr kundizzjoni ta’ residenza għand il-konjuġi. Madankollu, meta l-ħtieġa ta’ riunifikazzjoni tal-familja tisparixxi qabel ma’ dawn it-tliet snin jiskadu, minħabba li r-relazzjoni konjugali tkun spiċċat, dan iwassal, bħala regola, għat-tmiem tad-dritt ta’ residenza. Din is-sistema ma tirrigwardax lill-ħaddiema u għalhekk l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax. Fir-rigward ta’ ċittadini barranin ta’ nazzjonalità Torka, peress li matul dawn it-tliet snin ir-relazzjoni konjugali tkun spiċċat, huma ma jibbenefikawx minn dritt ta’ residenza skont is-sistema inkwistjoni u jistgħu jnisslu dan id-dritt biss mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jekk jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ xogħol legali mal-istess prinċipal stabbilita minn dan l-artikolu.

40      F’dan ir-rigward, l-imsemmija sistema ċertament ma tirrigwardax direttament lill-ħaddiema barranin, iżda tikkonċerna liċ-ċittadini barranin miżżewġa lil persuni li jgawdu minn dritt ta’ residenza għal żmien indeterminat fil-Pajjiżi l-Baxxi.

41      Madankollu, din is-sistema tista’ jkollha impatt fuq il-ħaddiema barranin, b’mod partikolari fuq il-ħaddiema Torok, billi tispeċifika l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ permess awtonomu ta’ residenza, mingħajr rabta mar-residenza tal-konjuġi.

42      Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li s-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok miżżewġa persuni li jgawdu minn dritt ta’ residenza mhux temporanja fil-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari ċittadini tal-Pajjiżi l-Baxxi, tbiddlet mill-1 ta’ April 2001 fir-rigward tal-għoti ta’ dan il-permess. Minn din id-data, u kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet teżisti mill-1 ta’ Frar 1983, dawn il-ħaddiema huma suġġetti mill-ġdid għall-kundizzjoni ta’ residenza għand il-konjuġi tagħhom, f’dan l-Istat Membru, għal perijodu ta’ tliet snin.

43      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-bidliet marbuta mal-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ permess ta’ residenza għaċ-ċittadini Torok fir-rigward tar-regoli “standstill” inklużi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija ddeċidiet li l-introduzzjoni tal-obbligu, li ma kienx jeżisti meta l-Protokoll Addizzjonali daħal fis-seħħ, li tinżamm visa sabiex jiġu eżerċitati ċerti attivitajiet għall-provvista ta’ servizzi fil-Ġermanja jikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali (sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli, C‑228/06, Ġabra p. I‑1031, punt 57). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-introduzzjoni ta’ dazji fiskali ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mal-ammont applikat għaċ-ċittadini tal-Istati Membri sabiex jinħareġ permess ta’ residenza tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin, C‑242/06, Ġabra p. I‑8465, punt 74).

44      Fil-kawżi preżenti, is-sistema Olandiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplika wkoll bdil fil-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ ċerti permessi ta’ residenza. Sa fejn dawn il-bidliet jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok, bħal F. Toprak u I. Oguz, hemm lok li jitqies li din is-sistema tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

45      Il-fatt li l-ħaddiema kkonċernati ma humiex diġà integrati fis-suq tax-xogħol tal-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens li huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, bl-ebda mod ma jipprekludi l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 13. Il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement iddeċidiet li r‑regola ta’ “standstill” li tinsab fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma hijiex maħsuba li tipproteġi liċ-ċittadini Torok li huma diġà integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, iżda l-għan tagħha huwa preċiżament li tapplika għaċ-ċittadini Torok li għadhom ma jibbenefikawx mid-drittijiet fil-qasam tal-impjieg u, korrelattivament, ta’ residenza skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni (ara s‑sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C‑317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punt 83, kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l‑Baxxi, C‑92/07, Ġabra p. I-3683, punt 45).

46      Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Olandiż, li jipprovdi li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikax għas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaliex dan ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal impjieg tal-ħaddiema Torok intiżi mill-imsemmija artikolu, iżda jirrigwarda d-dritt tal-konjuġi barranin fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi miċħud.

47      Għalhekk, għandha tiġi eżaminata d-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-eżistenza ta’ “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

48      Il-Gvern Olandiż, dak Daniż u dak Ġermaniż iqisu li l-unika data rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni jew politika partikolari taggrava s-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok hija l-1 ta’ Diċembru 1980. Kwalunkwe bidla sussegwenti li hija ta’ vantaġġ għal dawn il-ħaddiema ma għandhiex tiġi kkunsidrata.

49      Għandu jiġi rrilevat li peress illi kliem l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jindika l-ebda data partikolari minn meta r-regola ta’ “stanstill” għandha tapplika, l-eżistenza ta’ “restrizzjoni ġdida”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tista’ tiġi evalwata fil-konfront tad-data tad-dħul fis-seħħ tat-test li jinkludiha, f’dan il-każ, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi opportunitajiet li tirreferi għal dan il-punt ta’ tluq. Għalhekk, fil-punt 49 tas-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprekludi l-introduzzjoni fil-leġiżlazzjoni Olandiża, mid-data tad-dħul fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi tal-imsemmija deċiżjoni, ta’ kwalunkwe restrizzjoni ġdida għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Abatay et, punt 74, kif ukoll Sahin, punt 63; b’analoġija, fir-rigward tar-regola “standstill” inkluża fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Abatay et, punt 66, kif ukoll Soysal u Savatli, punt 47).

50      Madankollu, minn dan ma jirriżultax li din id-data biss hija rilevanti.

51      Sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-kliem “restrizzjonijiet ġodda”, għandu jsir riferiment għall-għan imfittex mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

52      Fil-punt 72 tas-sentenza Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli ta’ “standstill”, li jinsabu fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, ifittxu għan identiku li jikkonsisti fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva, rispettivament, tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, permezz tal-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma pprojbiti milli jintroduċu ostakoli ġodda għall-imsemmija libertajiet sabiex ma jrendux iktar diffiċli t-twettiq b’mod gradwali ta’ dawn tal-aħħar bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tat-Turkija.

53      Fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 61) il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid, fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li din id-dispożizzjoni hija intiża li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-implementazzjoni progressiva tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma pprojbiti milli jintroduċu kwalunkwe ostakolu ġdid għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà billi jaggravaw il-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari.

54      Fir-rigward tal-konverġenza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali u tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 f’dak li jikkonċerna l-għan imfittex, hemm lok li jitqies li l-portata tal-obbligu ta’ “standstill” li jinsab f’dan l‑Artikolu 13 għandha tinfirex bl-istess mod għal kwalunkwe ostakolu ġdid għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jaggrava l-kundizzjonijiet eżistenti f’data partikolari.

55      Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jitbegħdux mill-għan imfittex billi jħassru d-dispożizzjonijet li huma kienu adottaw favur il‑moviment liberu tal-ħaddiema Torok wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni Nru 1/80 fit-territorju tagħhom.

56      Isegwi li, fil-każijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, id-data minn meta għandu jiġi evalwat jekk l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda tawx lok għal “restrizzjonijiet ġodda” hija d-data li fiha dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati.

57      Din l-interpretazzjoni ssegwi l-politika meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta r-regoli ta’ “standstill” f’oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-qasam tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud kif stabbilit mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l‑armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23 iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) u fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital.

58      Fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali tikser ir-regola ta’ “standstill” li tinsab fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jekk l-effett tagħha jkun li twessa’, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, il-kamp ta’ esklużjonijiet eżistenti b’tali mod li titbiegħed mill-għan ta’ din id-direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan jgħodd għal kwalunkwe emenda wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva li twessa’ l-kamp ta’ esklużjonijiet applikabbli immedjatament qabel din l-emenda. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa importanti li l-emenda ma twessax il-kamp ta’ esklużjonijiet applikabbli meta din id-direttiva daħlet fis-seħħ (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C-40/00, Ġabra p. I‑4539, punti 17 sa 19).

59      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’sens analogu fir-rigward tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 57(1) KE fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, li jippermetti ż‑żamma ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz li kienu jeżistu fis-sistema legali nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 1993. Hija qieset li l-kunċett ta’ restrizzjoni eżistenti fid-data indikata fl-imsemmi artikolu, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 1993, jippreżumi li l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ ir‑restrizzjoni inkwistjoni kien jifforma parti mis-sistema legali tal-Istat Membru kkonċernat minn dik id-data għal żmien mhux interrott. Hija żżid tgħid li, kieku kien mod ieħor, Stat Membru kien ikun jista’, fi kwalunkwe mument, jintroduċi mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiż terz li kienu jeżistu fis-sistema legali nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 1993, iżda li ma nżammewx. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-eċċezzjoni ma tirrigwardax dispożizzjoni li tintroduċi mill-ġdid ostakolu, li, wara li l‑leġiżlazzjoni preċedenti tkun tħassret, ma jibqax jeżisti (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A, C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punti 48 u 49).

60      Għalhekk, għandu jitqies li, billi adottat dispożizzjonijiet li jaggravaw il‑kundizzjonijiet applikabbli għall-ħaddiema Torok sabiex jiksbu permess ta’ residenza, meta mqabbla mal-kundizzjonijiet li qabel kienu japplikaw għalihom, taħt id-dispożizzjonijiet adottati wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni Nru 1/80 fuq it-territorju kkonċernat, l-Istat Membru introduċa “restrizzjonijiet ġodda”, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-deċiżjoni.

61      Fis-sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkulari tal-1982, iċ-ċirkulari tal-2000 tagħmilhiex iktar diffiċli għall-ħaddiema Torok li jiksbu permess awtonomu ta’ residenza u jekk F. Toprak u I. Oguz jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fiċ-ċirkulari tal-1982. Fil-każ fejn il-kisba ta’ dan il-permess skont iċ-ċirk.ulari tal-2000 issir iktar diffiċli, din tkun tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, minkejja li din iċ-ċirkulari sempliċiment tintroduċi mill-ġdid id-dispożizzjonijiet li kienu jeżistu fil-leġiżlazzjoni Olandiża fl-1 ta’ Diċembru 1980.

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad‑domanda magħmula għandha tkun li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kisba ta’ permess ta’ residenza għal ħaddiema Torok, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni iktar iebsa introdotta wara l-1 ta’ Diċembru 1980, fejn din kienet tipprovdi għal dispożizzjoni inqas iebsa mid-dispożizzjoni applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, minkejja li din id-dispożizzjoni iktar iebsa ma taggravax il-kundizzjoni għall-kisba ta’ dawn il-permessi meta mqabbla mal-kundizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1980, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw dispożizzjoni nazzjonali dwar il-kisba ta’ permess ta’ residenza għal ħaddiema Torok, l‑Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l‑iżvilupp tal-assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li twaqqaf permezz tal-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni iktar iebsa introdotta wara l-1 ta’ Diċembru 1980, fejn din kienet tipprovdi għal dispożizzjoni inqas iebsa mid-dispożizzjoni applikabbli fl-1 ta’ Diċembru 1980, tikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” fis-sens ta’ dan l-artikolu, minkejja li din id-dispożizzjoni iktar iebsa ma taggravax il-kundizzjoni għall-kisba ta’ dawn il-permessi meta mqabbla mal-kundizzjoni li tirriżulta mid-dispożizzjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1980, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.