Kawża C-291/09
Francesco Guarnieri & Cie
vs
Vandevelde Eddy VOF
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa
mir-Rechtbank van koophandel te Brussel)
“Moviment liberu tal-merkanzija — Artikolu 34 TFUE — Cautio judicatum solvi — Kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Monako — L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE”
Sommarju tas-sentenza
1. Unjoni doganali — Territorju doganali tal-Unjoni — Prinċipalità ta’ Monako
(Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 3(2)(b))
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti
(Artikolu 34 TFUE)
1. Skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, it-territorju tal-Prinċipalità ta’ Monako huwa kkunsidrat bħala li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Unjoni. Ebda dazju doganali jew ebda taxxa li għandha effett ekwivalenti ma tista’, konsegwentement, tiġi applikata fuq il-kummerċ bejn Monako u l-Istati Membri, il-merkanzija li toriġina minn Monako, esportata direttament lejn Stat Membru, għandha tiġi trattata daqs li kieku kienet toriġina mill-imsemmija Stati Membri. Minn din l-assimilazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri jirriżulta li l-merkanzija li toriġina minn Monako tibbenefika mir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.
(ara l-punt 14)
2. L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-ħlas ta’ cautio judicatum solvi fuq rikorrent ta’ nazzjonalità ta’ Monako, li ressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem waħda mill-qrati ċivili ta’ dan l-Istat kontra ċittadin ta’ dan l-istess Stat sabiex jikseb il-ħlas tal-kontijiet maħruġa għall-kunsinna ta’ merkanzija assimilata għal merkanzija Komunitarja, iżda li ma timponix tali rekwiżit fuq iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.
Huwa ċertament minnu li miżura bħal din twassal sabiex l-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jibdew proċeduri ġudizzjarji jkunu suġġetti għal sistema proċedurali differenti skont jekk huma għandhomx jew le n-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jeżitaw, minħabba f’dan, li jbigħu merkanzija lil xerrejja stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru u li għandhom in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar, hija inċerta u indiretta wisq sabiex tali miżura nazzjonali tkun tista’ titqies bħala li hija ta’ natura li tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju, għalhekk, ir-rabta kawżali bejn l-eventwali bdil tal-kummerċ intra-Komunitarju u d-differenza ta’ trattament inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.
(ara l-punti 17, 21 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ April 2011 (*)
“Moviment liberu tal-merkanzija – Artikolu 34 TFUE – Cautio judicatum solvi – Kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Monako – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE”
Fil-Kawża C-291/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura
Francesco Guarnieri & Cie
vs
Vandevelde Eddy VOF,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.‑B. Laignelot u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 28 KE sa 30 KE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Francesco Guarnieri & Cie (iktar ’il quddiem “Guarnieri”), kumpannija rregolata mid-dritt ta’ Monako stabbilita f’Monako, u Vandevelde Eddy VOF (iktar ’il quddiem “Vandevelde”), li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab fil-Belġju, fir-rigward tal-kunsinna ta’ diversi merkanzija u l-ħlas tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità
3 L-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), li issa ġie ssostitwit bl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 145, p. 1), jipprovdi:
“It-territorji li ġejjin li jinsabu barra t-territorju ta’ l-Istati Membri, fid-dawl tal-konvenzjonijiet u t-trattati li huma applikabbli għalihom, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mit-territorju doganali tal-Komunità:
[…]
b) FRANZA
It-territorju tal-Prinċipalità ta’ Monako kif definit fil-Konvenzjoni Doganali ffirmata f’Pariġi fit-18 ta’ Mejju 1963 (Journal officiel tas-27 ta’ Settembru 1963, p. 8679).”
Id-dritt Belġjan
4 L-Artikolu 851 tal-Kodiċi ġudizzjarju Belġjan (iktar ’il quddiem il-“kodiċi ġudizzjarju” jipprovdi:
“ċittadin ta’ pajjiż barrani li jagħti bidu għal proċeduri legali jew li jintervjeni fi proċeduri legali għandu, fuq talba tal-konvenut Belġjan, jipprovdi garanzija għall-ħlas tal-ispejjeż u tad-danni li jirriżultaw mill-proċeduri u li jista’ jiġi ordnat iħallas, ħlief fil-każ ta’ ċittadini ta’ Stati li magħhom teżisti konvenzjoni bilaterali li teżenta ċ-ċittadini tagħhom minn dan l-obbligu. Il-konvenut jista’ jitlob li tiġi pprovduta garanzija, anki jekk għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell, jekk huwa jiġi intimat”.
5 Mill-proċess ma jirriżultax li teżisti xi konvenzjoni li tippermetti li l-kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Monako jiġu eżentati mill-cautio judicatum solvi.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Il-kumpannija b’responsabbiltà limitata Fourcroy kienet għamlet ordni ma’ Vandevelde għal 21 000 “twister-glazen” (tazzi) u għal 10 000 xemgħat żgħar għat-tisħin tal-platti u aċċessorji fil-kuntest ta’ kampanja promozzjonali għall-bejgħ ta’ fliexken ta’ “Mandarine Napoléon”. Vandevelde kienet għaddiet din l-ordni lil Guarnieri.
7 Skont Vandevelde, Guarnieri ma ssodisfatx l-obbligu ta’ kunsinna tagħha b’mod korrett. Fil-fatt, hija ssostni li mhux biss talli l-kunsinna waslet tard iżda talli din ma kinitx konformi mal-ordni, peress li 65 % tat-“twister-glazen” kienu miksurin, li t-tazzi intatti kienu maħmuġin, li l-ippakjar tal-plastik kien miksur (3000 il-biċċa) u li l-istiker promozzjonali kienet imwaħħla fuq in-naħa żbaljata. Barra minn hekk, Vandevelde irrifjutat li tonora l-obbligu ta’ ħlas tagħha.
8 Konsegwentement, Guarnieri ppreżentat rikors quddiem ir-Rechtbank van koophandel te Brussel (it-tribunal kummerċjali ta’ Brussell), li kien essenzjalment intiż sabiex Vandevelde tiġi kkundannata tħallas il-bilanċ tal-fatturi flimkien ma’ interessi moratorji. Permezz ta’ kontrotalba, Vandevelde talbet sabiex Guarnieri tiġi kkundannata tħallas id-danni u l-interessi għad-dannu materjali u għat-telf ta’ qliegħ li hija ssostni li subiet, miżjuda bl-interessi moratorji.
9 Matul il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, Vandevelde eċċeppixiet, in limine litis, il-cautio judicatum solvi, prevista fl-Artikolu 851 tal-kodiċi ġudizzjarju, sabiex Guarnieri tiġi kkundannata tipprovdi garanzija ta’ EUR 2 500 għall-ispejjeż proċedurali li din tista’ tiġi kkundannata tħallas.
10 Peress li Guarnieri sostniet li l-fatt li hija tiġi kkundannata tipprovdi garanzija jikser l-Artikoli 28 KE sa 30 KE, dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, ir-Rechtbank van koophandel te Antwerpen qieset li kien neċessarju, sabiex tkun tista’ tevalwa jekk l-Artikolu 851 tal-kodiċi ġudizzjarju huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikoli 28, 29 u 30 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tal-25 ta’ Marzu 1957, jipprekludu li rikorrent ta’ nazzjonalità ta’ Monako li jressaq proċeduri legali għall-ħlas ta’ kontijiet maħruġa għall-kunsinna ta’ “twister-glazen” u ta’ xemgħat żgħar u aċċessorji, ikun meħtieġ, fuq talba ta’ konvenut ta’ nazzjonalità Belġjana, jagħti garanzija għall-ħlas ta’ spejjeż u ta’ danni li jirriżultaw mill-proċeduri li huwa jista’ jiġi kkundanat iħallas?”
Fuq id-domanda preliminari
11 Għandu l-ewwel nett jiġi ppreċiżat li mill-espożizzjoni tal-fatti tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-kawża preżenti ma tirrigwardax il-flussi tal-esportazzjoni iżda biss il-kummerċ ta’ merkanzija lejn il-Belġju. Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 TFUE.
12 Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu tal-cautio judicatum solvi fid-dawl tal-Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE, għandha preliminarjament tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-merkanzija f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna l-importazzjoni fi Stat Membru, mingħand kumpannija stabbilita f’Monako, ta’ oġġetti li joriġinaw minn Monako.
13 F’dan ir-rigward, għandu ċertament jitfakkar li l-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE ma jinkludux it-territorju tal-Prinċipalità ta’ Monako fil-“kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati” u li, barra minn hekk, l-esklużjoni tat-territorju doganali tal-Unjoni ġġib magħha l-inapplikabbiltà tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑30/01, Ġabra p. I‑9481, punt 60).
14 Madankollu, skont l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, it-territorju tal-Prinċipalità ta’ Monako huwa kkunsidrat bħala li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, peress li ebda dazju doganali jew ebda taxxa li għandha effett ekwivalenti ma tista’, konsegwentement, tiġi applikata fuq il-kummerċ bejn Monako u l-Istati Membri, il-merkanzija li toriġina minn Monako, esportata direttament lejn Stat Membru, għandha tiġi trattata daqs li kieku kienet toriġina mill-imsemmija Stati Membri. Minn din l-assimilazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mill-Istati Membri jirriżulta li l-merkanzija li toriġina minn Monako tibbenefika mir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (ara b’analoġija, is-sentenzi, tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou, 41/76, Ġabra p. 1921, punti 17 u 18, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).
15 Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni ta’ Stat Membru, li tobbliga lil kull ċittadin barrani, bħaċ-ċittadini ta’ Monako, jipprovdi cautio judicatum solvi meta jkollu l-intenzjoni li jressaq kawża kontra ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li tali rekwiżit ma huwiex impost fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dan tal-aħħar, tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija, għandu jitfakkar li kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi (ara, f’dan is-sens is-sentenzi, tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Humanplasma, C‑421/09, Ġabra p. I‑0000, punt 26).
16 Issa, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 tal-konklużjonijiet tagħha, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-cautio judicatum solvi, prevista fl-Artikolu 851 tal-kodiċi ġudizzjarju, hija ta’ natura purament proċedurali u ma hijiex intiża sabiex tirregola l-kummerċ tal-merkanzija. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tagħha ma tiddependix fuq l-oriġini tal-prodott inkwistjoni iżda fuq żewġ kwistjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ kontroversja li sseħħ wara l-konklużjoni ta’ kuntratt u li twassal għal proċeduri quddiem il-qrati Belġjani, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-konvenut f’tali proċeduri għandu jkun ċittadin Belġjan li jagħżel li jinvoka d-dispożizzjoni inkwistjoni.
17 Huwa ċertament minnu li miżura bħal din twassal sabiex l-operaturi ekonomiċi li jkunu jixtiequ jibdew proċeduri ġudizzjarji jkunu suġġetti għal sistema proċedurali differenti skont jekk huma għandhomx jew le n-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, kif tosserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jeżitaw, minħabba f’dan, li jbiegħu merkanzija lil xerrejja stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru u li għandhom in-nazzjonalità ta’ dan tal-aħħar, hija inċerta u indiretta wisq sabiex tali miżura nazzjonali tista’ titqies bħala li hija ta’ natura li tostakola l-kummerċ intra-Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenzi, tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz, C‑69/88, Ġabra p. I‑583, punt 11; tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta, C‑379/92, Ġabra p. I‑3453, punt 24; tal-5 ta’ Ottubru 1995, Centro Servizi Spediporto, C‑96/94, Ġabra p. I‑2883, punt 41, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, ED, C‑412/97, Ġabra p. I‑3845, punt 11). Ir-rabta kawżali bejn l-eventwali bdil tal-kummerċ intra-Komunitarju u d-differenza ta’ trattament inkwistjoni għalhekk ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.
18 Għalhekk, l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludix miżura nazzjonali bħal dik stabbilita mill-Artikolu 851 tal-kodiċi ġudizzjarju.
19 Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat, kif tfakkar il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm ma tagħmilx distinzjoni skont l-oriġini tal-prodotti, madankollu tinvolvi, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, diskriminazzjoni diretta minħabba ċ-ċittadinanza tar-rikorrent, sa fejn din ma timponix fuq iċ-ċittadini nazzjonali l-obbligu li jipprovdu garanzija (sentenzi, tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg, C‑43/95, Ġabra p. I‑4661, punt 17, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 1997, Hayes, C‑323/95, Ġabra p. I‑1711, punt 19).
20 Tali diskriminazzjoni, ipprojbita mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, madankollu ma tistax tiġi kkonstatata fir-rigward ta’ kumpannija stabbilita f’Monako, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sa fejn din ma tistax b’mod utli tinvoka l-benefiċċju tal-imsemmija dispożizzjoni tat-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS, C‑122/96, Ġabra p. I‑5325, punt 15; ara wkoll, fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, Ġabra p. I‑4585, punt 52).
21 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmulha għandha tkun li l-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-ħlas ta’ cautio judicatum solvi fuq rikorrent ta’ nazzjonalità ta’ Monako, li ressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem waħda mill-qrati ċivili ta’ dan l-Istat kontra ċittadin ta’ dan l-istess Stat sabiex jikseb il-ħlas tal-kontijiet maħruġa għall-kunsinna ta’ merkanzija assimilata għal merkanzija Komunitarja, iżda li ma timponix tali rekwiżit fuq iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.
Fuq l-ispejjeż
22 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-ħlas ta’ cautio judicatum solvi fuq rikkorrent ta’ nazzjonalità ta’ Monako li ressaq proċeduri ġudizzjarji quddiem waħda mill-qrati ċivili ta’ dan l-Istat kontra ċittadin ta’ dan l-istess Stat sabiex jikseb il-ħlas tal-kontijiet maħruġa għall-kunsinna ta’ merkanzija assimilata għal merkanzija Komunitarja, iżda li ma timponix tali rekwiżit fuq iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.