Kawża C-271/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-kapital — Kamp ta’ applikazzjoni — Fondi miftuħa ta’ pensjonijiet — Limitazzjoni tal-investiment ta’ kapital f’pajjiżi barranin — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-kapital — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Fondi miftuħa ta’ pensjonijiet

(Artikolu 56 KE; Direttiva tal-Kunsill 88/361, Anness I)

2.        Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Fondi miftuħa ta’ pensjonijiet — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirristrinġi l-investimenti barra mill-pajjiż ta’ dawn il-fondi

(Artikoli 56 KE u 58(1)(b), KE)

1.        Il-fondi ta’ pensjoni professjonali li jiffunzjonaw skont il-prinċipju tal-kapitalizzazzjoni jeżerċitaw, minkejja l-għan soċjali tagħhom u n-natura obbligatorja tal-affiljazzjoni għas-sistema ta’ rtirar li jaqgħu taħtu, attività ekonomika. Dan huwa l-każ għall-investimenti tal-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet, li l-attivi tagħhom huma amministrati u investiti minn kumpanniji distinti li joperaw bi ħlas, taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Is-superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq dawn il-fondi u dawn il-kumpanniji u l-garanzija mill-Istat sabiex tkopri l-iżbilanċi eventwali tal-imsemmija fondi ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni n-natura ekomonika tal-attivitajiet inkwistjoni.

Barra minnhekk, anki jekk tiġi aċċettata n-natura pubblika tar-riżorsi allokati għall-imsemmija fondi f’każ li joriġinaw mill-kontribuzzjonijiet għal irtirar miġbura mingħand il-persuni jimpjegaw lill-ħaddiema kkonċernati, tali fatt huwa insuffiċjenti fih innifsu, fi kwalunkwe każ, sabiex jeskludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għat-tranżazzjonijiet li jikkonċernawhom, kif dan jirriżulta mill-Anness I tad-Direttiva 88/361 għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam], li jipprovdi li l-kunċett ta’ movimenti tal-kapital jinkludi, b’mod partikolari, l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ beni jew obbligi ta’ Stati Membri jew amministrazzjonijiet u aġenziji pubbliki oħra.

(ara l-punti 40, 41)

2.        Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet limitazzjonijiet kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi fir-rigward tal-investimenti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn peress li hija tikkostitwixxi ostaklu kontrihom għall-ġabra ta’ kapital f’dan l-Istat membru inkwistjoni, sa fejn l-akkwist b’mod partikolari ta’ ishma ta’ korpi ta’ investiment kollettiv huwa limitat mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

Tali restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 58(1)(b), KE, peress li, għalkemm l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi l-kontenut materjali tar-regoli prudenzjali applikabbli għall-imsemmija fondi ta’ pensjonijiet, hija ma għandhiex, min-naħa l-oħra, ebda għan li tikser il-liġijiet u r-regolamenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ma tistax għaldaqstant, taqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi artikolu.

Ir-restrizzjonijiet inkwisjtoni lanqas jistgħu jiġu ġġustifikati fir-rigward ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Fil-fatt, jekk huwa veru li l-interess li tiġi ggarantita l-istabbiltà u s-sigurtà tal-attivi amministrati minn fond ta’ pensjoni, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ regoli prudenzjali, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital, tali restrizzjonijiet għandhom ikunu xierqa għall-għan segwit u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan. Jekk, id-diffikultajiet tal-imsemmija fondi sabiex jiġu evalwati r-riskji marbuta mal-investimenti barranin, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma jistax jiġġustifika r-restrizzjonijiet kwantitattivi u kwalittativi li jirrigwardaw l-investimenti fit-titoli maħruġa fl-Istati Membri. Fil-fatt, il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ żvelar ta’ informazzjoni fuq il-prodotti finanzjarji kif ukoll ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ konsumaturi kienu, il-parti l-kbira, is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, b’hekk jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ suq komuni ta’ kapital Ewropew. Bl-istess mod, tali miżuri kwantitattivi ma jistgħux jiġu ġġustifikati għar-raġuni li huma jikkostitwixxu mezz iktar faċli sabiex jiġu implementati mill-awtoritajiet kontroll nazzjonali, u dan anki fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali emerġenti jew għar-raġuni li wħud minn dawn il-miżuri huwa intiżi li jipproteġu l-imsemmija fondi mir-riskju li jbatu spejjeż addizzjonali jew eċċessivi, peress li tali spejjeż għandhom fi kwalunkwe każ jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-investitur meta jagħmel l-investimenti tiegħu, irrispettivament minn fejn isiru.

Għaldaqstant, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE, Stat membru li jżomm fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jomponu fuq il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet limitazzjonijiet kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi fir-rigward tal-investimenti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali, li jirristrinġu wkoll l-investimenti tal-imsemmi fondi ta’ pensjoni fl-Istati Membri oħrajn.

(ara l-punti 51, 52, 56-58, 65-67, 69-71, 73 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-kapital – Kamp ta’ applikazzjoni – Fondi miftuħa ta’ pensjonijiet – Limitazzjoni tal-investiment ta’ kapital f’pajjiżi barranin – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑271/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Lulju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u K. Herrmann, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz, M. Szpunar, M. Jarosz u P. Kucharski, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malaček, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ l-Artikoli 143, 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar l-organizzazzjoni u l‑funzjonament tal-fondi ta’ pensjonijiet (Ustawa o organizacji i funkcjonowaniu funduszy emerytalnych), tat-28 ta’ Awwissu 1997, kif emendata (Dz. U tal-2004, Nru 159, Titolu 1667, iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet”), li jirrestrinġu l-investimenti fil-pajjiżi barranin ta’ fondi miftuħa ta’ pensjonijiet (iktar ’il quddiem l-“FMP”) Pollakka, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 88/361

2        Il-parti introduttiva tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), bit-titolu “Nomenklatura tal-moviment ta’ kapitali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1 tad-direttiva”, jipprovdi li:

“[...]

Il-movimenti ta’ kapital elenkati f’din in-Nomenklatura jiftiehmu li jkopru:

[...]

–      operazzjonijiet imwettqa minn kwalunkwe persuna naturali jew legali [kif iddefiniti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali], li tinkludi operazzjonijiet fir-rigward ta’ beni jew obbligi ta’ Stati Membri jew amministrazzjonijiet u aġenziji pubbliki oħra, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 68(3) tat-Trattat,

[...]”

 Id-Direttiva 2003/41

3        L-Artikolu 18(5) u (6) tad-Direttiva 2003/41/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ġunju 2003, dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 350) jipprovdi li:

“5. Skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri jistgħu, għal istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorji tagħhom, jippreskrivu regoli aktar dettaljati, inklużi regoli kwantitattivi, sakemm dawn ikunu prudentement iġġustifikati, biex jirriflettu l-firxa totali ta’ skemi ta’ pensjoni operati minn dawn l-istituzzjonijiet.

B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet ta’ investiment simili għal dawk tad-Direttiva 2002/83/KE.

Iżda l-Istati Membri m’għandhomx jipprevjienu istituzzjonijiet milli:

[…]

b) jinvestu sa 30 % ta’ l-attiv li jkopri provvisti tekniċi f’attiv denominati f’muniti barra minn dawk li fihom il-passiv huma espressi;

[…]

6. Il-paragrafu 5 m’għandux jipprekludi d-dritt li l-Istati Membri jeħtieġu l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet li jinsabu fit-territorju tagħhom ta’ regoli aktar stretti ta’ investiment ukoll fuq bażi individwali sakemm ikunu prudentement iġġustifikati, b’mod partikolari fid-dawl tar-responsabilitajiet li tidħol fihom l-istituzzjoni.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Suġġett għall-aġġustamenti marbuta mal-iskemi tranżitorji applikabbli għall-persuni li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1949 u dak li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 1949 u l-31 ta’ Diċembru 1968, l-iskema ta’ pensjonijiet għall-irtirar, li daħlet fis-seħħ fil-Polonja fl-1 ta’ Jannar 1999 skont il-Liġi dar l-iskema ta’ sigurtà soċjali (Ustawa o systemie ubezpieczeń społecznych), tat-13 ta’ Ottubru 1998, kif emendata (Dz. U tal-2007, Nru 11, Titolu 74, iktar ʼil quddiem il-“Liġi dwar l-iskema ta’ sigurtà soċjali”, tibbaża fuq tliet pilastri:

–        L-ewwel pilastru, skema obbligatorja; huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ tqassim. Il-pensjonijiet huma amministrati u mħallsa miż-Zakład Ubezpieczeń Społecznych (Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem iż-“ZUS”), entità pubblika li għandha riżorsi finanzjarji tal-Fundusz Ubezpieczeń Społecznych (Fondi ta’ Assigurazzjoni Soċjali).

–        It-tieni pilastru, ukoll skema obbligatorja, huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni. Huwa kkostitwit mill-FMP, li bħalissa hemm erbatax.

–        It-tielet pilastru, skema fakultattiva, huwa kkostitwit minn mekkaniżmi ta’ tfaddil volontarju addizzjonali. Huwa rregolat bil-Liġi dwar kontijiet individwali ta’ rtirar (Ustawa o indywidualnych kontach emerytalnych), tal-20 ta’ April 2004 (Dz. U Nru 116, Titolu 1205).

5        Skont l-Artikolu 3(1)(2) tal-Liġi dwar l-iskema ta’ sigurtà soċjali, tat-13 ta’ Ottubru 1998, kif emendata, l-FMP huma ddefiniti b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet.

6        Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, l-għan ta’ FMP huwa li jakkumula u li jinvesti riżorsi finanzjarji bil-għan li jħallashom lill-kontribwenti tiegħu wara li jilħqu l-età tal-irtirar.

7        Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, FMP huwa persuna ġuridika kkostitwita fil-forma ta’ fondazzjoni u li għandha attivi distinti minn dawk tal-kumpannija li tkun ħolqitha, li tamministraha u li tirrappreżentaha fuq bażi esklużiva fir-relazzjonijiet tagħha ma’ terzi, il-Powszechne Towarzystwa Emerytalne (iktar ’il quddiem il-“PTE”). Skont l-Artikolu 27 tal-imsemmija liġi, din il-kumpannija li teżerċita l-attività tagħha esklużivament fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, u skont l-Artikolu 27 tal-istess liġi, bi ħlas PTE tista’ tamministra fond miftuħ tal-pensjonijiet wieħed biss.

8        L-FMP, li l-kontribwenti għandhom il-fakultà li jagħżluh, huwa ffinanzjat permezz ta’ trasferiment, miż-ZUS, ta’ terz tal-kontribuzzjonijiet tal-irtirar imħallsa mill-kontribwenti fil-kuntest tal-ewwel pilastru tal-iskema ta’ pensjonijiet għal irtirar.

9        Skont l-Artikolu 180 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, it-Teżor Pubbliku jiggarantixxi l-kopertura tal-iżbilanċi tal-FMP, fil-każ li, skont l-Artikolu 175(1) ta’ din il-liġi, fuq perijodu ta’ 36 xahar, ir-rendiment tal-fondi jkun inqas mir-rendiment minimu meħtieġ, jiġifieri rendiment ta’ 50 % inferjuri mir-rendiment medju fuq il-FMP kollha fuq dan il-perijodu jew ta’ 4 punti ta’ perċentwal ta’ dan ir-rendiment medju, skont il-valur l-iktar baxx, jekk la l-FMP ikkonċernat u lanqas il-Fond ta’ garanzija, li l-FMP jikkontribwixxi fih skont il-Kapitolu 19 tal-imsemmija liġi, ma għandhom riżorsi għal dan il-għan.

10      L-Artikoli 134 sa 137 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jiddefinixxu l-mod ta’ finanzjament tal-attività tal-FMP. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, huma jistgħu jieħdu remunerazzjoni billi jieħdu perċentwal mill-kontribuzzjonijiet imħallsa, qabel ma jinqalbu f’punti ta’ unitajiet u fil-limitu ta’ 3.5 % tagħhom, kif ukoll billi jiġu ffatturati l-ispejjeż tal-ammistrazzjoni tal-fond mill-PTE, li l-ammont ta’ dawn l-ispejjeż jinħadem skont il-valur tal-attivi u ma jistax jaqbeż il-limiti ffissati fl-Artikolu 136(2a) ta’ din il-liġi.

11      Għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-valur tal-attivi li jservu bħala bażi sabiex jiġi ddefinit l-ammont tal-imsemmija spejjeż, l-Artikolu 136(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi li:

“Meta jiġi ddeterminat il-valur nett tal-attivi amministrati mill-fondi, imsemmi fil-paragrafi 2 u 2a, ma jittiħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-investimenti msemmija fl-Artikolu 141(1)(8), u lanqas l-investimenti f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barrani, imsemmija fl‑Artikolu 143(1).”

12      L-Artikolu 136a tal-istess liġi jipprovdi li:

“1.      L-ispejjeż marbuta mal-konservazzjoni tal-attivi u mat-twettiq u l-ħlas ta’ tranżazzjonijiet ta’ akkwist jew ta’ ċessjoni tal-attivi tal-fond, li jikkorrispondu għall-ħlas dovut lill-kmamar ta’ kumpens li s-servizzi tagħhom iridu jintużaw mill-fond skont dispożizzjonijiet partikolari u li jagħmlu parti mir-remunerazzjoni tad-depożitarju, għandhom jitnaqqsu mill-attivi tal-fond skont it-tabella tal-kummissjonijiet u tal-ispejjeż attwalment fis-seħħ tal-kamra ta’ kumpens ikkonċernata.

2.      L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 li huma ekwivalenti għall-ħlas dovut lill-kmamar ta’ kumpens barranin jitnaqqsu mill-attivi tal-fond sal-ammonti korrispondenti dovuti lill-kmamar ta’ kumpens nazzjonali msemmijja fil-paragrafu 1.”

13      L-Artikoli 139 sa 159 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jittrattaw l-attivitajiet ta’ investiment tal-FMP.

14      L-Artikolu 139 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li l-FMP għandhom jinvestu l-attivi tagħhom b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi billi jipprovaw jimmassimizzaw kemm is-sigurtà kif ukoll ir-rendiment ta’ dawn l-investimenti.

15      L-Artikolu 141(1) tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-attivi tal-fondi jistgħu jiġu investiti biss [...] fil-kategoriji ta’ strumenti is-segwenti:

1)      obbligi, bonds u titoli oħrajn maħruġa mit-Teżor Pubbliku jew mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja, kif ukoll self u krediti lil dawn il-korpi;

2)      obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn, li huma bbażati fuq benefiċċji fi flus, iggarantiti mit-Teżor Pubbliku jew mill-Bank Nazzjonali tal-Polonja jew appoġġjati minn dawn il-korpi, kif ukoll depożiti, krediti u self iggarantiti minn dawn il-korpi jew appoġġjati minnhom;

3)      depożiti bankarji u titoli maħruġa mill-banek, fil-valuta Pollakka;

3a)      depożiti bankarji u titoli maħruġa minn banek fil-valuta ta’ Stat Membru tal-[Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u ta’ Żviluppi Ekonomiċi (OECD)] jew minn Stat ieħor li miegħu r-Repubblika tal-Polonja kkonkludiet ftehim ta’ promozzjoni u protezzjoni reċiproċi tal-investimenti, sa fejn dawn il-valuti jistgħu jiġu akkwistati biss bil-għan li jitħallsu l-krediti kurrenti tal-fond;

4)      ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq borża regolata, kif ukoll id-drittijiet preferenzjali ta’ abbonament, opzjonijiet fuq ishma u obbligi skambjabbli f’ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq suq borża rregolata;

5)      ishma ta’ kumpanniji kkwotati fuq suq mhux irregolat jew ishma intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2005 dwar it-tqegħid f’ċirkolazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, ishma ta’ kumpanniji mhux negozjabbli f’suq irregolat, kif ukoll id-drittijiet preferenzjali ta’ abbonament, opzjonijiet fuq ishma u obbligi skambjabbli f’ishma ta’ kumpanniji kkwotati f’suq mhux irregolat jew ishma intanġibbli, iżda mhux ikkwotati fis-suq irregolat;

6)      ishma minn fondi ta’ investiment nazzjonali;

7)      ċertifikati ta’ investiment maħruġa minn fondi ta’ investiment magħluqa;

8)      ishma ttrasferiti minn fondi ta’ investiment miftuħa jew ta’ fondi ta’ investiment miftuħa speċjalizzati;

9)      obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn maħruġa minn awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li jingħataw forma intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija fil-punt 5;

10)      strumenti oħrajn minbarra obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn intanġibbli maħruġa minn awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja;

10a)      obbligi parteċipattivi msemmija fil-Liġi tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-obbligi (Dz. U tal-2001, Nru 120, Titolu 1300; Dz. U tal-2002, Nru 216, Titolu 1824, u Dz. U tal-2003, Nru 217, Titolu 2124);

11)      obbligi intanġibbli b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-liġi msemmija fil-punt 5, maħruġa minn korpi differenti mill-awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li huma ggarantiti sal-valur sħiħ nominali tagħhom, miżjud bl-interessi li jista’ jkun hemm;

12)      strumenti minbarra obbligi intanġibbli u titoli ta’ kreditu oħrajn, maħruġa minn korpi minbarra awtoritajiet lokali, gruppi ta’ awtoritajiet lokali jew il-belt ta’ Varsavja, li huma ggarantiti sal-valur sħiħ nominali tagħhom, miżjud bl-interessi li jista’ jkun hemm;

13)      obbligi u titoli ta’ kreditu oħrajn maħruġa minn kumpanniji pubbliċi, minbarra t-titoli msemmija fil-punti 11 u 12;

13a)      obbligi u titoli ta’ kreditu intanġibbli b’mod konformi mal-liġi msemmija fil-punt 5, minbarra dawk imsemmija fil-punti 9 u 11;

13b)      ipoteki;

13c)      ċertifikati ta’ depożitu, fis-sens tal-Liġi tad-29 ta’ Lulju 2005 dwar it-tqegħid f’ċirkolazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, negozjabbli fuq suq irregolat fil-Polonja.

[...]”

16      L-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jiddefinixxi sussegwentement il-kategoriji ta’ strumenti barranin li fihom il-fondi miftuħa ta’ pensjonijiet jistgħu jinvestu l-attivi tagħhom. Dan huwa fformulat hekk:

“1.      Fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija permezz ta’ digriet mill-ministru responsabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’din l-awtorizzazzjoni, l-attivi ta’ [FMP] jistgħu jiġu investiti f’pajjiż barrani f’titoli maħruġa minn kumpanniji kkwotati fil-boroż ewlenin tal-Istati Membri tal-OECD jew ta’ Stati oħrajn, speċifikati fl-awtorizzazzjoni, kif ukoll fil-bonds tat-Teżor jew titoli maħruġa mill-banek ċentrali ta’ dawn l-Istati u fl-ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li jkollhom is-sede tagħhom f’dawn l-Istati, jekk dawk l-korpi joffru dawn l-ishma lill-pubbliku ġenerali u jieħduhom lura fuq talba tal-investitur.

2.      Il-valur totali tal-investimenti li jsiru

1)      minn [FMP] fi strumenti li jaqgħu taħt il-kategoriji msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jaqbżu l-5 % tal-valur tal-attivi tal-fond.

[...]”

17      Din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija ssupplimentata mill-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi li jirrigwarda awtorizzazzjoni ġenerali għall-investimenti ta’ fondi ta’ pensjonijiet barra mill-fruntieri nazzjonali (Rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie ogólnego zezwolenia na lokowanie aktywów funduszy emerytalnych poza granicami kraju), tat-23 ta’ Diċembru 2003, kif emendat (Dz. U Nru 229, Titolu 2286, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Ministru tal-Finanzi”) li jipprovdi, b’mod partikolari, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-investimenti f’attivi barranin għandhom ikunu akkumpanjati b’evalwazzjoni tal-kwalità tal-investiment, li għandha ssir minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni speċjalizzata, rikonoxxuta f’suq ta’ kapital internazzjonali, li għandha tevalwa r-riskju tal-investiment relatat mal-valuri tat-titoli kkunsidrati u l-ħila ta’ min ikun ħareġ dawn it-titoli li jonora, jekk ikun il-każ, l-impenji meħuda.

 Il-proċedura prekontenzjuża

18      Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 56 KE. F’din l-ittra, il-Kummissjoni ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, moqri flimkien mal-Artikolu 141 tagħha, kif ukoll l-Artikoli 136(3) u 136a(2) tal-imsemmija liġi jirrestrinġu l-investimenti tal-FMP f’pajjiżi barranin u, minħabba dan, imorru kontra l-libertà fundamentali tal-moviment tal-kapital stabbilita fl-Artikolu 56 KE.

19      B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Gvern Pollakk irrisponda għall-ilmenti formali magħmula mill-Kummissjoni billi sostna li l-Artikolu 56 KE ma huwiex applikabbli għall-FMP.

20      Fit-23 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja, fejn hija ċaħdet l-argument tal-awtoritajiet Pollakki dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għall-attività ta’ investiment tal-FMP u baqgħet issostni l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 56 KE minħabba r-restrizzjoni għall-investimenti imposta mill-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, moqri flimkien mal-Artikolu 141 tagħha, kif ukoll l-Artikoli 136(3) u 136a(2) tal-imsemmija liġi.

21      Fl-24 ta’ Novembru 2008, fir-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, il-Gvern Pollakk invoka, minbarra n-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għall-attività ta’ investiment tal-FMP, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku, billi tiġi ggarantita l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema tas-sigurtà soċjali, sabiex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet imposti fuq l-investiment ta’ dawn il-fondi.

22      Fid-dawl ta’ din ir-risposta tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

23      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Polonja tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi ex officio fuq l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

24      Fl-ewwel lok, hija ma taqbilx mal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti fattwali tal-kawża u tal-elementi meqjusa li jikkostitwixxu l-ksur allegat tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital. Peress li ma stabbilixxietx korrettament u bis-sħiħ il-prinċipju u r-reġim ġuridiku applikabbli għall-FMP, n-natura ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni, minn naħa, ma ddefinitx b’mod preċiż is-suġġett tal-kawża matul il-proċedura prekontenzjuża, u, min-naħa l-oħra, kisret l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni invokat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3) tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi, li jfisser li jiġi invokat, f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija kontriha, ilment ġdid, li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

25      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew sodisfatti (sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑439/99, Ġabra p. I‑305, punt 8; tal-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑98/04, Ġabra p. I‑4003, punt 16, u tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, C‑343/08, Ġabra p. I‑275, punt 25).

26      F’dan il-kuntest, għandu jitqies, fl-ewwel lok, li l-nuqqas ta’ qbil bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja, rigward l-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li kien hemm nuqqas li jiġi ddefinit is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Għall-kuntrarju, tali nuqqas ta’ qbil li jdum iktar mit-terminu ffissat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha jikkostitwixxi l-ġustifikazzjoni stess tal-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 226 KE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif jeħtieġu l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar, fit-talbiet tar-rikors promotur, li l-ilment kontra r-Repubblika tal-Polonja kien jikkonċerna n-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 56 KE tal-Artikoli 143, 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, b’hekk dan jiddefinixxi f’dettall suffiċjentement preċiż is-suġġett tal-kawża.

28      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-invokazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi, mill-proċess verbali ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-digriet jikkostitwixxi test ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet li huwa s-suġġett ta’ dan ir-rikors. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni spjegat, fir-replika tagħha, ilment li hija kienet diġà sostniet b’mod iktar ġenerali fir-rikors ma emendax is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u ma kellux, konsegwentament, effett fuq il-portata tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ November 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑543/08, Ġabra p. I‑11241, punti 20, 21 u 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

30      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni, mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, indikat li huwa limitat għar-restrizzjoni biss tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri.

 Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE

–       L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 56 KE japplika għall-attivitajiet ta’ investiment tal-FMP fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-Nomenklatura annessa mad-Direttiva 88/361.

32      Hija tirrileva wkoll li, fil-kuntest tar-ristrutturar tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni, li jimplika, f’din il-kawża, li, fl-għażla tal-investimenti tal-attivi tagħhom, l-FMP jistgħu jgawdu mill-moviment liberu tal-kapital. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 137(4) KE ma jistax jiġi invokat b’mod validu sa fejn huwa jikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet il-ġodda adottati skont dan l-artikolu u bl-ebda mod ma jeskludi l-obbligu għall-Istati Membri li josservaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti bit-Trattat KE.

33      Skont il-Kummissjoni, l-attività inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE minħabba li l-FMP għandhom jiġi ttrattati bħala entitajiet ta’ dritt pubbliku li jissostitwixxu l-Istat u ma jeżerċitawx, konsegwentement, attività ekonomika. Fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, l-FMP għandhom jitqiesu li jiffunzjonaw skont il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni u jibbażaw fuq prinċipji mingħajr relazzjoni mas-sistema ta’ tqassim, kif tipprevali fil-kuntest tal-ewwel pilastru amministrat miż-ZUS. Għaldaqstant, l-FMP għandhom jitqies bħala impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika.

34      Barra minn hekk, il-Kummissjoni teskludi li l-Artikolu 295 KE huwa ta’ natura li jeskludi l-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni mill-iskop tal-Artikolu 56 KE minħabba li l-proprjetarju veru tar-riżorsi mill-kontribuzzjonijiet huwa l-Istat. Fil-fatt, dawn il-kontribuzzjonijiet joriġinaw kollha kemm huma mill-ishma mħallsa mill-ħaddiem u jagħtuh dritt, jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet iffissati bil-liġi, għall-ħlas tal-kapital akkumulat.

35      Fuq il-bażi tal-Artikolu 137(4) KE, in-natura mhux ekonomika tal-attività inkwistjoni u l-Artikolu 295 KE, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-FMP ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li, konsegwentement, l-Artikolu 56 KE ma japplikax għall-attività inkwistjoni.

36      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-Artikolu 137(4) KE, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li hija biss hija kompetenti sabiex tiddefinixxi l-prinċipji ta’ funzjonament tas-sistema Pollakka ta’ sigurtà soċjali obbligatorja, inkluża għal dak li jikkonċerna l-politika ta’ investiment tal-FMP barranin u l-ispejjeż marbutin ma’ dawn l-investimenti, li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-ekwilibru finanzjarju ta’ s-sistema tagħha ta’ assigurazzjoni għall-irtirar.

37      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ natura ekonomika tal-attività tal-FMP, l-imsemmi Stat Membru jsostni li l-libertajiet stabbiliti bit-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 56 KE, ma japplikawx għal oqsma li, bħas-sigurtà soċjali f’din il-kawża, jikkonċernaw, minħabba n-natura tagħhom, pregorattivi tal-Istat u ma għandomx direttament dimensjoni kummerċjali. Madankollu, l-istatus tal-entatijiet irregolati bid-dritt pubbliku li ma għandhomx skop ta’ lukru, bħall-FMP, u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ rtirar fuq bażi obbligatorja għandhom iwasslu li dawn l-FMP jiġu rrrikonoxxuti natura esklużivament soċjali.

38      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 295 KE, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-imsemmi artikolu jippermetti lil Stat Membru li jagħżel liberament il-mod kif hija eżerċitata l-pregorattivi marbuta mal-proprjetà tar-riżorsi pubbliċi għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu. Skont dan l-Istat Membru u kif ikkonfermat mill-qrati Pollakki, is-somom inkwisjtoni jikkostitwixxu riżorsi ta’ natura pubblika.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Peress li huwa paċifiku li t-tranżazzjonijiet ta’ investimenti miftuħa fl-FMP jikkostitwixxu “movimenti tal-kapital”, fis-sens tal-Artikolu 56 KE, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati mir-Repubblika tal-Polonja intiżi li juri li dawn l-investimenti, madankollu, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

40      Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, l-argument li l-Artikolu 56 KE ma huwiex maħsub sabiex japplika għall-attivitajiet ta’ investiment tal-attivi tal-FMP peress li dawn ma għandhomx natura ekonomika, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-fondi ta’ pensjoni professjonali jiffunzjonaw skont il-prinċipju tal-kapitalizzazzjoni jeżerċitaw, minkejja l-għan soċjali tagħhom u n-natura obbligatorja tal-affiljazzjoni għat-tieni pilastru tas-sistema ta’ rtirar li jaqgħu taħtu, attività ekonomika (ara s-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punti 81 sa 87). Skont l-Artikoli 2, 3, 27 u 29 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, l-iskema inkwistjoni hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni u l-attivi tal-FMP huma amministrati u investiti mill-PTE li jopera bi ħlas, taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Il-provi, allegati mir-Repubblika tal-Polonja, dwar is-superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-FMP u l-PTE u l-garanzija mill-Istat sabiex tkopri l-iżbilanċi eventwali tal-FMP, ma humiex ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni n-natura ekomonika tal-attivitajiet inkwistjoni.

41      Għal dak li jikkonċerna n-natura pubblika jew privata tar-riżorsi allokati lill-FMP u amministrati mill-PTE, anki jekk tiġi aċċettata, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, in-natura pubblika tal-imsemmija riżorsi minkejja l-fatt li joriġinaw mill-kontribuzzjonijiet għal irtirar miġbura mingħand il-persuni li jimpjegaw lill-ħaddiema kkonċernati, tali fatt huwa insuffiċjenti fih innifsu, fi kwalunkwe każ, sabiex jeskludi l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 KE għat-tranżazzjonijiet li jikkonċernawhom, kif dan jirriżulta mill-Anness I tad-Direttiva 88/361, li jipprovdi li l-“movimenti ta[l]-kapital” jinkludi, b’mod partikolari, “operazzjonijiet fir-rigward ta’ beni jew obbligi ta’ Stati Membri jew amministrazzjonijiet u aġenziji pubbliki oħra”.

42      Għaldaqstant, la n-nuqqas allegat ta’ natura ekonomika tal-attivitajiet ta’ investiment tal-FMP u lanqas in-natura allegatament pubblika tal-fondi li jissupplixxuhom ma jistgħux jostakolaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE.

43      Għal dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jipprovdi li l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE tiġi, f’din il-kawża, eskluża abbażi tal-Artikolu 137(4) KE, li jipprojbixxi ksur tad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u ma jaffettwawx b’mod sinjifikattiv l-ekwilibriju finanzjarju tal-imsemmija sistemi, għandu jiġi rrilevat li l-projbizzjonijiet għaldaqstant stabbiliti jirreferu għad-“dispożizzjonijiet adottati skont [dan] l-artikolu” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 66 u 67). Issa, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 56 KE.

44      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 295 KE, li jipprovdi li “[it-]Trattat għandu jkun bla ebda preġudizzju għas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri”, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi artikolu ma għandux l-effett li s-sistemi ta’ proprjetà eżistenti fl-Istati Membri jaħarbu mir-regoli fundamentali tat-trattat (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, Ġabra p. I‑6817, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, jekk tabilħaqq is-somom miżmuma mill-FMP u investiti mill-PTE għandhom jitqiesu bħala riżorsi pubbliċi, l-Artikolu 295 KE ma jistax jeħles lir-Repubblika tal-Polonja milli tosserva regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑367/98, Ġabra p. I‑4731, punt 48), lanqas ma jista barra minn hekk jiġġustifika restrizzjoni fuq dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE.

 Fuq ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital u l-ġustifikazzjoni tagħhom


 L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors jikkostitwixxu restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 56 KE sa fejn huma ta’ natura li jiddiswadu u huma jiddiswadu l-investimentii tal-FMP barra mit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja u għal destinazzjoni ta’ Stati Membri oħra, u li din tal-aħħar ma tikkontestax u kif ukoll dan jirriżulta mill-livell baxx ta’ investimenti tal-FMP fl-investimenti barranin (1.1 %).

47      Mingħajr ma tikkontesta n-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-fondi akkumulati fil-kontijiet tal-pensjonijiet tal-FMP, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu ġġustifikati, la taħt l-Artikolu 58(1)(b) KE u lanqas bir-rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali li jikkostitwixxu l-preservazzjoni tal-ekwilibriju finanzjarju tal-FMP u l-protezzjoni tal-kontribwenti tagħhom, minħabba n-natura diskriminatorja tagħhom, u li dawn huma, fi kwalunkwe każ, sproporzjonati.

48      Il-Kummissjoni teskludi li l-Artikolu 86(2) KE jippermetti deroga, f’dan il-każ, għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital. F’dan ir-rigward, filwaqt li jiġi aċċettat li dan l-artikolu jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni għal ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital, u li l-FMP jistgħu jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, din l-istituzzjoni tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 86(2) KE jeżiġi li l-ġestjoni ta’ dawn is-servizzi tiġi fdata lil entitajiet li għandhom il-kwalità ta’ impriżi, kwalità li r-Repubblika tal-Polonja teskludi fir-rigward tal-FMP. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li l-FMP ma humiex meħtieġa mill-Istat sabiex jipprovdi tali servizzi. Fit-tielet lok u fi kwalunkwe każ, hija tirreleva li l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-moviment liberu tal-kapital ma tostakolax l-eżekuzzjoni tal-missjonijiet delegati lill-FMP u li r-restrizzjonijiet inkwistjoni ma jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati sabiex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ dawn il-missjonijiet. Fir-raba’ lok, hija tqis li l-imsemmija restrizzjonijiet jaffettwaw l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni billi jillimitaw b’mod kunsiderevoli l-kompetetizzjoni, billi jiskoraġġixxu u billi jiddiswadu l-FMP milli joperaw b’mod iktar effikaċi.

49      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 58(1)(b) KE kif ukoll, fit-tieni lok, permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li jirrigwarda, essenzjalment, in-neċessità li tiġi ggarantita l-istabbiltà u s-sigurtà tar-riżorsi ttrasferiti fil-FMP. Fit-tielet lok, sabiex jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet inkwistjoni, dan l-Istat Membru jinvoka l-Artikolu 86(2) KE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jwasslux għal restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri, fil-prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 56(1) KE.

51      Huwa paċifiku li l-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi tal-pensjonijiet, minn naħa, jillimita l-investimenti tal-FMP magħmula fil-pajjiżi barranin għal 5 % tal-valur tal-attivi tal-FMP ikkonċernat, u, min-naħa, jiffissa lista ta’ investimenti possibbli fil-pajjiżi barranin iqsar minn dik tal-investimenti possibbli fit-territorju Pollakk skont l-Artikolu 141(1) ta’ din il-liġi. B’dan il-mod, l-imsemmi Artikolu 143 jimponi fuq l-FMP limitazzjonijiet kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi fir-rigward tal-investimenti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali, u partikolarment fl-Istati Membri oħrajn.

52      Tali dispożizzjoni tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħrajn peress li hija tikkostitwixxi ostaklu kontrihom għall-ġabra ta’ kapital fil-Polonja, sa fejn l-akkwist b’mod partikolari ta’ ishma ta’ korpi ta’ investiment kollettiv huwa limitat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004,Weidert u Paulus, C‑242/03, Ġabra p. I‑7379, punt 14).

53      L-istess, mill-Artikolu 136(3) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jirriżulta li l-valur tal-investimenti mwettqa minn FMP f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barrani, imsemmija fl-Artikolu 143(1) ta’ din il-liġi, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni waqt id-determinazzjoni tal-valur nett tal-attivi amministrati mill-fond ikkonċernat, li l-valur tiegħu jservi bħala bażi għad-determinazzjoni tal-ispejjeż ta’ ġestjoni tal-fondi miġbura mill-PTE bħala remunerazzjoni. Konsegwentement, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 136(3) tal-imsemmija liġi għandha l-effett li tiddiswadi l-investiment tal-attivi tal-FMP f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra, billi ma tippermettilhomx li jirċievu remunerazzjoni għall-ġestjoni ta’ tali attivi. Barra minn hekk, flimkien mal-Artikolu 143 tal-istess liġi, l-imsemmi Artikolu 136(3) isaħħaħ l-ostakolu mqiegħed għall-ġabra ta’ kapital li joriġina mill-Polonja minn dawn il-korpi.

54      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet jipprovdi li l-ispejjeż ekwivalenti għall-miżati dovuti lil kmamar ta’ kumpens barranin jistgħu jiġu koperti biss sal-ispejjeż korrispondenti dovuti lill-kmarar ta’ kumpens nazzjonali. Dan l-element jista’ wkoll jiddiswadi l-investiment tal-attivi tal-FMP fi Stati Membri oħra peress li, jekk spejjeż bħal dawk inkwistjoni u sostnuti fil-pajjiż barrani jkunu superjuri għal dawk sostnuti fil-Polonja, huma ma jistgħux jiġu koperti kompletament, kuntrarjament għall-ispejjeż simili ġenerati mill-kmamar ta’ kumpens nazzjonali.

55      Sussegwentement, rigward il-ġustifikazzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repettivament li l-moviment liberu tal-kapital jista’ jiġi limitat minn leġiżlazzjoni nazzjonali biss jekk din tkun iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 86(2) KE “kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali […] għandha tkun suġġetta għar-regoli ta’ dan it-Trattat […] sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija [u bil-kundizzjoni li l-]iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità”.

56      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li jipprovdi li r-restrizzjonijiet inkwistjoni huma ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 58(1)(b) KE li jgħid li “[i]d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 m’għandhom jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istat Membru […] li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti […] fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, filwaqt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistabbilixxu b’mod ċert il-kontenut materjali tar-regoli prudenzjali applikabbli għall-FMP, huma ma għandhomx, min-naħa l-oħra, l-għan li jiksru l-liġijiet u r-regolamenti fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux, għaldaqstant, jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi artikolu.

57      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġustifikazzjoni allegata rigward raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, għandu jiġi rrikonoxxut li l-interess li tiġi ggarantita l-istabbiltà u s-sigurtà tal-attivi amministrati minn fond ta’ pensjoni, b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ regoli prudenzjali, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital.

58      Madankollu, tali restrizzjonijiet għandhom ikunu xierqa għall-għan segwit u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan (sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti previsti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni huwa sproporzjonati fir-rigward tal-għan segwit, peress li d-diversifikazzjoni tal-investimenti kemm mill-perspettiva ġeografika kif ukoll mit-tip ta’ investiment tiggarantixxi s-sigurtà tagħhom. Barra minn hekk, hija tirrileva li l-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni tippermetti li jsiru investimenti barranin biss fi Stati Membri tal-Unjoni u tal-OCDE jew fi Stat li kkonkludew mar-Repubblika tal-Polonja ftehim ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni reċiproċi ta’ investimenti, u li r-riskju marbut mal-varjazzjonijiet fil-munita barranija fuq perijodu ta’ żmien qasir ma jiġġustifikax miżuri daqshekk restrittivi. Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, jekk l-Istat Membru konvenut għandu jadotta miżuri stretti, dawn għandhom ikunu identiċi għall-investimenti fl-istrumenti finanzjarji kemm nazzjonali kif ukoll barranin.

60      Ir-Repubblika tal-Polonja tiċħad l-argument li jipprovdi li d-diversifikazzjoni ġeografika tal-investimenti għadha tikkostitwixxi strument essenzjali għat-tnaqqis tar-riskji, minħabba l-globalizzazzjoni tas-swieq finanzjarji. Hija tinsisti fuq ir-riskji ta’ kambju marbuta mal-varjazzjonijiet sinjifikattivi fir-rata ta’ kambju tal-izloty Pollakka u fuq in-neċessità li jiġi adottat approċċ partikolarment prudenti matul il-perijodu inizjali ta’ funzjonament tas-sistema l-ġdida ta’ sigurtà soċjali Pollakka. Hija tirreleva wkoll li huwa iktar faċli, għall-Awtorità ta’ reviżjoni ta’ kuntratti pubbliċi, li timplementa restrizzjonijiet kwantitattivi milli tikkontrolla politika ta’ investiment ibbażata fuq ir-“regola tal-investitur prudenti”.

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika tal-Polonja kinitx kapaċi turi li l-limiti kwantitattivi u kwalittativi imposti bl-Artikolu 143 tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet huma xierqa għall-għan intiżi li jiggarantixxi l-istabbiltà u s-sigurtà tal-attivi amministrattivi minn fond ta’ pensjoni u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

62      Rigward ir-riskju ta’ kambju, huwa veru li varjazzjonijiet sinjifikattivi fir-rati ta’ kambju barranini jistgħu jkollhom impatt kunsiderevoli fuq ir-rendiment tal-investimenti magħmula f’munita barranija. Madankollu, mill-Artikolu 18(5)(b) tad-Direttiva 2003/41 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jimpedixxux l-istituzzjonijiet ta’ rtirar professjonali milli jinvestu sa 30 % tal-attivi tagħhom f’attivi denominati f’muniti barranin u li, skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, huwa biss fuq bażi individwali li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-territorju tagħhom regoli ta’ investiment iktar stretti minn dawk previsti fil-paragrafu 5 tal-imsemmi artikolu.

63      Anki jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet ma japplikawx ratione materiae għall-investimenti tal-FMP, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-regola ta’ 30 % kienet ġiet stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet simili.

64      F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja kien imissha ressqet, sabiex tiġġustifika l-limitu kwantitattiv ta’ 5 % li huwa kunsiderevolment inferjuri għat-30 % meqjus xieraq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, elementi speċifiċi li jispjegaw ir-raġunijiet għall-impożizzjoni tal-limiti kwantitattivi adottati.

65      Sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka, f’dan ir-rigward, id-diffikultajiet tal-FMP sabiex jiġu evalwati r-riskji marbuta mal-investimenti barranin, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma jistax jiġġustifika r-restrizzjonijiet kwantitattivi li jirrigwarda l-investimenti fit-titoli maħruġa fl-Istati Membri. Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam ta’ żvelar ta’ informazzjoni fuq il-prodotti finanzjarji kif ukoll ta’ protezzjoni tal-investituri u ta’ konsumaturi kienu, il-parti l-kbira, is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, b’hekk jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ suq komuni ta’ kapital Ewropew.

66      Bl-istess mod, tali miżuri kwantitattivi ma jistgħux jiġu ġġustifikati għar-raġuni li huwa jikkostitwixxu mezz iktar faċli sabiex jiġu implementati mill-awtoritajiet ta’ kontroll nazzjonali, u dan anki fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali emerġenti.

67      Għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ir-restrizzjonijiet kwalittativi ma jistgħux jiġu ġġustifikati għal dak li jikkonċerna l-investimenti fit-titoli maħruġa fl-Istati Membri.

68      Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet ebda element sabiex tagħti prova b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-għan segwiet mill-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistax jintlaħaq kemm mingħajr dawn ir-restrizzjonijiet jew b’restrizzjonijiet inqas restrittivi tal-libertà ta’ investiment tal-FMP fl-Istati Membri l-oħrajn.

69      Fil-fatt, la n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-investimenti magħmula f’ishma maħruġa minn korpi ta’ investiment kollettiv li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż barranin għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-attivi netti tal-fond li l-valur tiegħu jservi ta’ bażi għall-ispejjeż ta’ ġestjoni riċevuti mingħand il-PTE, u lanqas il-limitu impost fuq l-allokazzjoni tal-ispejjeż ta’ tranżazzjoni marbuta mal-kmamar ta’ kumpens nazzjonali ma jistgħux jiġu ġġustifikati bin-neċessità, allegata mir-Repubblika tal-Polonja, li jiġu protetti l-FMP mir-riskju li jbatu spejjeż addizzjonali jew eċċessivi, peress li tali spejjeż għandhom fi kwalunkwe każ jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-investitur meta jagħmel l-investimenti tiegħu, irrispettivament minn fejn isiru.

70      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 86(2) KE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-Istat Membru li jinvoka dan l-artikolu li għandu juri li l-kundizzjonijiet kollha ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma sodisfatti (sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, Ġabra p. I‑3713, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Issa, għalkemm huwa veru li l-FMP jistgħu jitqiesu li jwettqu missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza Albany, iċċitata iktar’il fuq, punti 105 sa 111), għandu madankollu jiġi enfasizzat li r-Repubblika tal-Polonja ma wrietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi artikolu ġew sodisfatti. B’mod partikolari, hija ma wrietx sa fejn l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, f’din il-kawża tal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri, tfixkel it-twettiq, fid-dritt jew fil-fatt, tal-għanijiet tal-FMP.

72      Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq l-Artikolu 86(2) KE għandu jiġi miċħud.

73      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ l-Artikoli 143, 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet, sa fejn jillimitaw l-investimenti tal-FMP Pollakki fl-Istati Membri l-oħrajn, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

 Fuq l-ispejjeż

74      Skont l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żammet fis-seħħ l-Artikoli 143, 136(3) u 136a(2) tal-Liġi dwar il-fondi ta’ pensjonijiet (Ustawa o organizacji i funkcjonowaniu funduszy emerytalnych), tat-28 ta’ Awwissu 1997, kif emendata, sa fejn jillimitaw l-investimenti tal-FMP Pollakki fl-Istati Membri l-oħrajn, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.