Kawża C-264/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Slovakka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Enerġija — Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2003/54/KE — Kuntratt ta’ investiment — Ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni tal-investimenti konkluż qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea — Artikolu 307 KE”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri intiżi għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku — Direttiva 2003/54 — Aċċess ta’ terzi għan-netwerks tat-trasport u tad-distribuzzjoni tal-elettriku

(Artikolu 307 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54)

Ma jonqosx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 2003/54, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92, Stat Membru li l-operatur tan-netwerk tal-elettriku tiegħu kkonkluda, qabel is-sħubija ta’ dan l-Istat fil-Komunità, ma’ kumpannija stabbilita fi Stat terz, kuntratt ta’ aċċess preferenzjali li jirriżerva lill-imsemmija kumpannija dritt ta’ trażmissjoni fuq in-netwerk tal-elettriku b’vultaġġ għoli nazzjonali bħala korrispettiv tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fil-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni li fuqha hija tgawdi dan id-dritt, peress li għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess privileġġjat mogħti lill-kumpannija inkwistjoni jista’ jitqies li huwa investiment protett mill-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, konkluż bejn l-Istat terz u l-Istat Membru kkonċernat qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Komunità, u xoljiment eventwali tal-kuntratt inkwistjoni jwassal, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Istat Membru, għal ksur tal-imsemmi ftehim minn dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu bħala għan li jippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 30(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, li l-applikazzjoni tat-Trattat KE ma jaffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni li saret qabel, u li josserva l-obbligi korrispondenti tiegħu.

Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola Komunitarja tistax tiġi mfixkla minn konvenzjoni internazzjonali li saret qabel, għandu jiġi eżaminat jekk din timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li t-twettiq tagħhom jista’ jibqa’ rikjest mill-pajjiżi terzi li huma partijiet tal-konvenzjoni.

Barra minn hekk, għalkemm, fil-kuntest tal-Artikolu 307 KE, l-Istati Membri għandhom l-għażla dwar il-miżuri li jadottaw sabiex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet li hemm bejn konvenzjoni prekomunitarja u t-Trattat KE, meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jagħmlu l-emenda ta’ ftehim impossibbli, ma jistax jiġi eskluż li huwa għandu l-obbligu li jiddenunzja dan il-ftehim. Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-kuntratt ma għandu l-ebda klawżola relatata mal-possibbiltà li jkun denunzjat u li xoljiment tiegħu jkollu l-effett li jċaħħad lill-kumpannija mir-remunerazzjoni li l-imsemmi kuntratt jipprovdi bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fil-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni, jista’ jippreġudika d-drittijiet ta’ din il-kumpannija u jkollu, għaldaqstant, l-istess effett bħal esproprjazzjoni pprojbita mill-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li l-aċċess privileġġjat lill-kumpannija ma huwiex skont id-Direttiva 2003/54, dan l-aċċess privileġġjat huwa protett mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

(ara l-punti 38, 41, 42, 44, 46, 48, 51, 52)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Settembru 2011(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Direttiva 2003/54/KE – Kuntratt ta’ investiment – Ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni tal-investimenti konkluż qabel l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea – Artikolu 307 KE”

Fil-Kawża C‑264/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fl-14 ta’ Lulju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, kif ukoll minn F. Hoffmeister u minn J. Javorský, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstatata li, billi ma pprovdietx aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ trażmissjoni, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 9(e) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 1, p. 211).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti

2        Skont l-Artikolu 1(1) tal-Ftehim iffirmat, fil-5 ta’ Ottubru 1990, bejn il-Konfederazzjoni Svizzera u u r-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti”), il-kelma “investitur” tfisser:

“[...]

(b) l-entitajiet legali, inklużi l-kumpanniji, il-kumpanniji rreġistrati, is-soċjetajiet ta’ persuni jew organizzazzjonijiet oħra, li huma kkostiwiti jew organizzati xort’oħra skont il-leġiżlazzjoni ta’ din il-Parti Kontraenti, u li għandhom is-sede tagħhom, fl-istess żmien bħall-attivitajiet ekonomiċi reali, fit-territorju ta’ din l-istess Parti Kontraenti;

[...]”

3        Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan il-ftehim, il-kelma “investiment” tinkludi kull xorta ta’ beni u, b’mod partikolari:

“[…];

(c) pretensjonijiet u drittijiet għal kull prestazzjoni li għandha valur ekonomiku;

[…]”

4        L-Artikolu 4 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Protezzjoni, trattament” jgħid:

“[…]

(2)       Kull Parti Kontraenti għandha tagħti trattament ġust u ekwu fit-territorju tagħha lill-investimenti tal-investituri tal-Parti Kontraenti l-oħra […]

[…]”

5        Skont l-Artikolu 6 tal-istess ftehim, intitolat “Konfiska, kumpens”:

“(1) L-ebda waħda mill-Partijiet Kontraenti ma għandha tadotta, kemm direttament jew indirettament, miżuri ta’ esproprjazzjoni, nazzjonalizzazzjoni jew kwalunkwe miżura oħra li għandha l-istess natura jew effett kontra investimenti ta’ investituri tal-Parti Kontraenti l-oħra, sakemm il-miżuri ma jkunux ittieħdu fl-interess pubbliku u bil-kundizzjoni li ma jkunux diskriminatorji, ikunu konformi mal-liġi u jagħtu lok għal kumpens effettiv u adegwat […]”

[…]”

 It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ffirmat f’Lisbona fis-17 ta’ Diċembru 1994

6        Skont l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Settembru 1997, rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq il-Karta tal-Enerġija u tal-Protokoll fuq l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU 1998, L 69, p. 1, iktar ’il quddiem it-“TKE”):

“Kull Parti Kontraenti għandha, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat, tinkoraġġixxi u toħloq kondizzjonijet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti għall-investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra biex jagħmlu investimenti fiż-żona tagħha. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu impenn biex jagħtu dejjem trattament ġust u ekwu lill-investimenti ta’ investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra. Dawn l-investimenti għandhom ukoll igawdu l-aktar protezzjoni u sigurtà kostanti u l-ebda Parti Kontraenti ma tista’ b’xi mod ixxellef b’miżuri mhux raġonevoli jew diskriminatorji l-amministrazzjoni, l-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija jew it-tneħħija tagħhom. Fl-ebda każ għandhom dawn l-investimenti jingħataw trattament anqas favorevoli minn dak meħtieġ mil-liġi internazzjonali, inklużi l-obbligazzjonijiet tat-trattat. Kull Parti Kontrattati għandha tosserva l-obbligazzjonijiet kollha li tkun daħlet għalihom ma’ investitur jew f’investiment ta’ investitur ta’ xi Parti Kontraenti oħra.”

7        Skont l-Artikolu 13 ta’ dan it-trattat, intitolat “Esproprijazzjoni”:

“(1) Investimenti ta’ investituri ta’ Parti Kontraenti fiż-żona ta’ xi Parti Kontraenti oħra m’għandhomx jiġu nazzjonalizzati, esproprjati jew assoġġettati għal miżura jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għan-nazzjonalizzazzjoni jew l-esproprjazzjoni (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘esproprjazzjoni’) minbarra fejn din l-esproprjazzjoni tkun:

(a) għal għan li jkun fl-interess pubbliku;

(b) non-diskriminatorja;

(ċ) imwettqa taħt il-proċess normali tal-liġi,

u

(d) akkompanjata mill-ħlas ta’ kumpens bla dewmien, adegwat u effettiv”.

Dan il-kumpens għandu jammonta għall-valur ġust kummerċjali ta’ l-investiment esproprjat fil-waqt immedjatament qabel l-esproprjazzjoni jew l-esproprjazzjoni imminenti tkun ġiet magħrufa b’mod li teffettwa l-valur ta’ l-investiment (minn issa ’l quddiem imsejħa ‘id-data tal-valutazzjoni’).

Dan il-valur kummerċjali ġust fuq it-talba ta’ l-investitur għandu jiġi espress f’munita liberament konvertibbli fuq il-bażi tar-rata kummerċjali tal-kambju eżistenti għal dik il-munita fid-data tal-valutazzjoni. Il-kumpens għandu wkoll jinkludi l-interessi b’rata’ kummerċjali stabbilita fuq il-bażi tas-suq mid-data ta’ l-esproprjazzjoni sad-data tal-ħlas.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

8        Skont l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), “id-disposizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet [...] għandhom jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u għandhom japplikaw f’dawk l-Istati Membri bil-kondizzjonijiet kif imniżżla f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att”.

9        L-Artikolu 9(e) tad-Direttiva 2003/54 jipprovdi:

“Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni għandu jkun responsabbli biex:

[…] jiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema jew bejn klassijiet ta' utenti tas-sistema, speċjalment favur l-impriżi relatati tiegħu;

[…]”.

10      L-Artikolu 20(1) ta’ din id-Direttiva 2003/54 jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta' sistema ta’ aċċess għal terzi partijiet lejn is-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni bbażati fuq tariffi ppubblikati, li jkunu japplikaw għall-klijenti kollha eliġibbli u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu moħbija fil-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ f’konformità ma’ l-Artikolu 23 u li dawn it-tariffi, u il-metodoloġiji - fejn il-metodoloġiji jkunu approvati - jiġu ppubblikati qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

11      Fis-27 ta’ Ottubru 1997, Aare-Tessin AG für Elektrizität (iktar ’il quddiem “ATEL”), impriża li għandha s-sede tagħha f’Olten (l‑Isvizzera), u Slovenské elektrárne a.s (iktar ’il quddiem “ Slovenské elektrárne”), kumpannija bbażata fi Bratislava (is-Slovakkja) u li ssuċċedietha Slovenská elektrizačná prenosová sústava, a.s. (iktar ’il quddiem “SEPS”), li taġixxi bħala opertatur tas-sistema tat-trasport tas-Slovakkja, iffirmaw kuntratt ta’ rikonoxximent ta’ dritt ta’ trażmissjoni fuq in-netwerk b’vultaġġ għoli ta’ Slovenské elektrárne a.s. fis-Slovakkja (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”). Skont l-Artikolu 3 ta’ dan il-kuntratt, SEPS tat lil ATEL dritt ta’ trażmissjoni ggarantit b’kapaċità ta’ 300 MW bejn il-Polonja u l-Ungerija, mill-1 ta’ Ottubru 1998 sat-30 ta’ Settembru 2014. ATEL tista’ liberament tiddisponi minn dan id-dritt.

12      Id-dritt ta’ trażmissjoni ta’ ATEL jirrappreżenta l-korrispettiv tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fil-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni li fuqha hija tgawdi dan id-dritt, liema parteċipazzjoni taqbeż 50 % tal-ispejjeż ta’ kostruzzjoni sostnuti.

13      Wara li intimat lir-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni bagħtet lil din tal-aħħar, fil-15 ta’ Diċembru 2006, opinjoni motivata li fiha hija qieset li, billi rriżervat kapaċità fil-livell tal-“interkonnessjoni SEPS” fuq il-linji li jgħaqqdu n-netwerk Slovakk man-netwerks Pollakki u Ungeriżi, ir-Repubblika Slovakka kienet qed tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2003/54.

14      Permezz ta’ ittra tad-9 Frar, 2007, ir-Repubblika Slovakka rrispondiet għall-opinjoni motivata billi sostniet li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx kuntratt ta’ aċċess privileġġjat, iżda kuntratt ta’ investiment. Ir-Repubblika Slovakka indikat ukoll li, minkejja n-negozjati sabiex ikun hemm ix-xoljiment jew l-emenda ta’ dan il-kuntratt, ATEL baqgħet tinsisti li dan il-kuntratt jiġi eżegwit u li l-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investiment jiġi osservat.

15      Peress li qieset li r-Repubblika Slovakka ma kinitx irrimedjat għan-nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

16      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li r-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 9(e) u 20(1) tad-Direttiva 2003/54, li jirrkjedu li aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ trażmissjoni jiġi ggarantit.

17      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, id-dritt ta’ trażmissjoni preferenzjali li SEPS irrikonoxxiet lil ATEL sat-30 ta’ Settembru 2014 ipoġġi lil din tal-aħħar f’pożizzjoni privileġġjata mqabbla ma’ dik ta’ utenti oħra tan-netwerk.

18      Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Slovakka, il-ksur tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi ġġustifikat mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata biss jekk ikun hemm kunflitt bejn l-obbligi li jirriżultaw, għall-Istati aderenti, ta’ konvenzjonijiet konklużi qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom għall-Unjoni Ewropea u d-dritt Komunitarju. Issa, skont il-Kummissjoni, ma hemm l-ebda kunflitt bejn il-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti u dan id-dritt. Barra minn hekk, dan il-ftehim bl-ebda mod ma jobbliga lir-Repubblika Slovakka żżomm applikabbli l-kuntratt inkwistjoni. Għall-kuntrarju, hija libera għal kollox li tittermina dan il-kuntratt, sabiex tissodisfaa l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/54.

19      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Artikolu 4(2) u (6) tal-imsemmi ftehim ma jirrikjedux li l-kuntratt inkwistjoni jiġi eżegwit sal-iskadenza tiegħu, it-30 ta’ Settembru 2014, ma hemm l-ebda obbligu, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE, li jżomm lir-Repubblika Slovakka milli tittermina dan il-kuntratt, u b’hekk tistabbilixxi aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerk ta’ trażmissjoni skont id-Direttiva 2003/54.

20      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Slovakka tqis, fl-ewwel lok, li l-kuntratt inkwistjoni ma jiddiskriminax kontra operaturi oħra fis-suq Slovakk tal-elettriku.

21      Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka tqis li huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat li l-kuntratt inkwistjoni ma jikkostitwixxix kuntratt ta’ aċċess preferenzjali iżda kuntratt ta’ investiment. Hija tippreċiża li d-dritt ta’ trażmissjoni huwa biss forma speċifika ta’ ħlas għall-investiment li sar kuntrattwalment minn ATEL u l-irtirar stess tal-garanzija tad-dritt ta’ trażmissjoni jwassal li tiddaħħal, kontra din l-istess kumpannija, diskriminazzjoni mqabbla mal-operaturi l-oħra tas-suq. Fil-fatt, dan l-irtirar jissuġġetta lil ATEL għall-istess kundizzjonijiet bħall-operaturi tas-suq, għalkemm dawn tal-aħħar ma jkunu għamlu ebda investiment fin-netwerk tat-trażmissjoni fis-Slovakkja. Dan ikun jammonta għal ċaħda tad-drittijiet ta’ din il-kumpannija, mingħajr kumpens xieraq, u jkun inkonsistenti mhux biss mal-kuntratt inkwistjoni iżda wkoll mat-TKE, li tifforma parti sħiħa mid-dritt Komunitarju.

22      F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-protezzjoni tal-investiment li sar minn ATEL, abbażi tat-TKE, ir-Repubblika Slovakka ssostni li dan it-trattat jeskludi interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/54 fis-sens li hija timponi l-irtirar tal-garanzija tad-dritt ta’ trażmissjoni li tibbenefika minnu ATEL, peress li din id-direttiva ma tistax tippreġudika l-protezzjoni tal-investituri ggarantita mit-TKE. Issa, l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/54 li tagħmel il-Kummissjoni jkollha l-effett li tippermetti lil ATEL issostni, matul arbitraġġ potenzjali, li l-irtirar tal-garanzija tad-dritt ta’ trażmissjoni, mingħajr l-għoti ta’ kumpens xieraq, jikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-esproprjazzjoni (Artikolu 13 tat-TKE), ksur tad-dritt għal trattament ġust u ekwu (Artikolu 10 tat-TKE), jew ksur tal-klawżola tal-kuntratt inkwistjoni (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 10(1) tat-TKE).

23      Fir-raba’ lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, anki jekk l-irtirar tal-garanzija tad-dritt ta’ trażmissjoni ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal esproprjazzjoni diretta u għalkemm din il-miżura ttieħdet fl-interess pubbliku, ATEL setgħet turi li esproprjazzjoni regolatorja indiretta tista’ ssir biss permezz tal-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha pprovduti rigward l-esproprjazzjoni, fosthom inkluż dik li timponi l-ħlas ta’ kumpens lill-investitur ikkonċernat.

24      Fil-ħames lok, dan l-Istat Membru jqis infondati d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li, minn naħa, ix-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, li jeżiġu trattament ġust u ekwu tal-investimenti, peress li ATEL kienet f’pożizzjoni li tantiċipa d-dħul tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea u l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija u, min-naħa l-oħra, li r-Repubblika Slovakka ma impenjatx ruħha fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera li ma tintroduċix tibdiliet regolatorji li jirriżulta fix-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni qabel l-iskadenza tat-30 ta’ Settembru 2014.

25      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li huma infondati l-argumenti tar-Repubblika Slovakka li, minn naħa, il-ksur waqaf peress li l-prattiki fis-seħħ inbidlu mill-1 ta’ Jannar 2008 sabiex, minn dakinhar ’il quddiem, ATEL ma setgħetx tibbenefika iktar minn aċċess preferenzjali u, min-naħa l-oħra, it-tibdil tal-kuntratt inkwistjoni jwassal għall-għoti ta’ kumpens taħt id-dritt internazzjonali, li għandu natura oneruża.

26      Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, sempliċi prattika ma tistax ittemm ksur, meta dispożizzjonijiet vinkolanti kuntrarji għad-dritt Komunitarju jibqgħu fis-seħħ, u li, f’din il-kawża, il-ksur jibqa’ sakemm il-kuntratt inkwistjoni jiġi emendat jew xolt. Min-naħa l-oħra, kumpanniji jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn kumpens skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali jew tad-dritt nazzjonali, minħabba t-telf tad-drittijiet kuntrattwali li fuqhom jistrieħ it-trattament preferenzjali li jirriżultaw mill-investimenti li huma jkunu għamlu.

27      Il-Kummissjoni tikkonkludi minn dan li, peress li r-Repubblika Slovakka ma wrietx li d-Direttiva 2003/54 tmur kontra t-TKE, l-argumenti tagħha, ibbażati fuq l-Artikolu 307 KE, dwar l-impenji internazzjonali tal-Komunità Ewropea, huma bla bażi.

28      Fir-rigward tal-argument invokat mir-Repubblika Slovakka li x-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni jmur kontra l-Artikolu 4(2) tal-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, sa fejn dan ma jikkostitwixxix trattament ġust u ekwu, il-Kummissjoni, tirreplika li l-ebda investitur ma jista’ leġittimament jistenna li l-qafas leġiżlattiv jibqa’ ma jinbidilx u li l-investituri avżati kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, li l-effetti tas-sħubija mal-Unjoni fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-Repubblika Slovakka ser ikunu kunsiderevoli. B’hekk, l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-ftehim bl-ebda mod ma jobbliga lir-Repubblika Slovakka żżomm sistema ta’ aċċess diskriminatorja għan-netwerk ta’ trażmissjoni bħal dik li tirriżulta mill-kuntratt inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      Id-difiża tar-Repubblika Slovakka hija bbażata kemm fuq it-TKE kif ukoll fuq il-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti.

30      Peress li dan l-aħħar ftehim huwa intiż direttament għall-protezzjoni tal-investimenti, għandha tiġi eżaminata d-difiża tar-Repubblika Slovakka bbażata fuq dan il-ftehim.

31      Il-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti ġie ffirmat fil-5 ta’ Ottubru 1990, jiġifieri qabel is-sħubija tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni, li seħħet biss fl-1 ta’ Mejju 2004. Dan il-ftehim, li jorbot lir-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-investimenti li saru fit-territorju tagħha, jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw protezzjoni ta’ investimenti magħmula mill-investituri Svizzeri fis-Slovakkja.

32      Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm ir-Repubblika Slovakka kellha, skont dan il-ftehim, tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt inkwistjoni, id-diskriminazzjoni eventwali marbuta mat-trattament preferenzjali mogħti lil ATEL huwa ġġustifikat, għalkemm kellu jitqies li ma huwiex konformi mad-Direttiva 2003/54.

33      Sabiex jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-aċċess preferenzjali mogħti lil ATEL għandux jitqies li huwa investiment kopert, f’dak iż-żmien, mill-imsemmi ftehim. Huwa biss f’tali ipoteżi li ser jiġi eżaminat ukoll jekk ir-Repubblika Slovakka tistax ixxolji l-kuntratt inkwistjoni mingħajr ma tikser dan il-ftehim.

34      Skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tiegħu, il-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, japplika għall-investimenti, iddefiniti bħala “kull xorta ta’ beni”, u, b’mod partikolari, għall-“pretensjonijiet u drittijiet għal kull prestazzjoni li għandha valur ekonomiku.”

35      F’din il-kawża, ATEL, meta ħallset iktar minn 50 % tal-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni minn Krosno (il-Polonja) sa Lemesany (is-Slovakkja), setgħet tikseb dritt ta’ trażmissjoni fuq din il-linja għal kapaċità speċifika. Fi kliem ieħor, l-obbligu ta’ SEPS li tagħti lil ATEL kapaċità ta’ trażmissjoni, fuq sempliċi talba ta’ din tal-aħħar, huwa parti mir-remunerazzjoni miftiehma fil-kuntratt bħala korrispettiv għall-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija minn ATEL għall-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni inkwistjoni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt ta’ trażmissjoni miksub minn ATEL għandu manifestament valur ekonomiku, sa fejn jiggarantixxilha, għal kapaċità speċifika, l-aċċess għan-netwerk ta’ trasport Slovakk neċessarju sabiex hija tkun tista’ tbigħ l-elettriku fil-Polonja vija l-Ungerija.

37      Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, l-investiment minn ATEL għandu jitqies li huwa investiment skont it-tifsira tal-Artikolu (1)(c) tal-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, li r-Repubblika Slovakka għandha tipproteġi skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan l-istess ftehim.

38      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk xoljiment eventwali tal-kuntratt inkwistjoni minn SEPS iwassalx, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Slovakka, għal ksur tal-imsemmi ftehim minn dan l-Istat Membru.

39      F’din il-kawża, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni tqis li x-xoljiment ta’ dan il-kuntratt la jmur kontra l-Artikolu 4(2) ta’ dan il-ftehim, li jipprovdi għal trattament ġust u ekwu tal-investimenti, u lanqas kontra l-Artikolu 6 tal-istess ftehim, sa fejn huwa ma jikkostitwixxix esproprjazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, hija madankollu għandha teżamina l-elementi li bihom jista’ jiġi ddeterminat jekk dan il-ftehim jipprovdix, għar-Repubblika Slovakka, obbligu li, skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 307 KE, ma jistax jiġi affettwat mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

41      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE għandu bħala għan li jippreċiża, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 30(4)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, li l-applikazzjoni tat-Trattat KE ma jaffettwax l-impenn tal-Istat Membru kkonċernat li jirrispetta d-drittijiet tal-pajjiżi terzi li jirriżultaw minn konvenzjoni li saret qabel, u li josserva l-obbligi korrispondenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1980 Burgoa, 812/79, Ġabra p. 2787, punt 8).

42      Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk regola Komunitarja tistax tiġi mfixkla minn konvenzjoni internazzjonali li saret qabel, għandu jiġi eżaminat jekk din timponix fuq l-Istat Membru kkonċernat obbligi li t-twettiq tagħhom jista’ jibqa’ rikjest mill-Istati terzi li huma partijiet fil-konvenzjoni (sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy, C‑158/91, Ġabra p. I-4287, punt 13).

43      Skont ir-Repubblika Slovakka, il-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti jeżiġi li hija żżomm fis-seħħ l-obbligu ta’ SEPS li tiżgura l-aċċess preferenzjali ta’ ATEL tal-linja ta’ trażmissjoni msemmija fil-kuntratt inkwistjoni.

44      Issa, għandu jitfakkar li fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-62/98, Ġabra p. I-5171, punt 49) il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, għalkemm, fil-kuntest tal-Artikolu 307 KE, l-Istati Membri għandhom l-għażla dwar il-miżuri li jadottaw sabiex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet li hemm bejn konvenzjoni prekomunitarja u t-Trattat KE, meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet li jagħmlu l-emenda ta’ ftehim impossibbli, ma jistax jiġi eskluż li huwa għandu l-obbligu li jiddenunzja dan il-ftehim.

45      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari kkunsidrat li, peress li l-ftehim ikkonċernat kien fih klawżola li espliċitament tirreferi għall-possibbiltà li jiġi ddenunzjat, id-denunzja tiegħu mir-Repubblika Portugiża ma jiksirx id-drittijiet li, f’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Angola kisbet minn dan il-ftehim (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

46      Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-kuntratt inkwistjoni ma għandu ebda klawżola dwar il-possibbiltà li jiġi ddenunzjat.

47      Fir-rigward tal-possibbiltà għar-Repubblika Slovakka li xxolji l-imsemmi kuntratt skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi protezzjoni wiesgħa tal-investimenti, li tkopri mhux biss il-miżuri ta’ esproprjazzjoni diretti u indiretti, iżda wkoll il-miżuri li għandhom l-istess effett bħall-esproprjazzjoni.

48      Għaldaqstant, sa fejn tali xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni jkollu l-effett li jċaħħad lil ATEL mir-remunerazzjoni li l-imsemmi kuntratt jipprovdi bħala korrispettiv għall-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fil-kostruzzjoni tal-linja ta’ trażmissjoni bejn Krosno u Lemesany, tali miżura tista’ tippreġudika d-drittijiet ta’ ATEL u jkollha, għaldaqstant, l-istess effett bħal esproprjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti.

49      Ċertament, l-imsemmi Artikolu 6 jistabbilixxi wkoll dritt għal kumpens minħabba l-preġudizzju li sar għad-dritt tal-investitur li ma jkunx esproprjat. Madankollu, l-obbligu ta’ kumpens fil-każ ta’ esproprjazzjoni ma għandux l-effett li jneħħi l-obbligu tar-Repubblika Slovakka li ma tiħux miżuri ta’ esproprjazzjoni kontra investimenti protetti mill-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti.

50      Għandu jingħad ukoll, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tagħha, li r-Repubblika Slovakka ma tistax temenda t-termini jew l-effetti tal-kuntratt inkwistjoni bil-leġiżlazzjoni tagħha, jew iċċaħħdu mill-effetti legali tiegħu. Leġiżlazzjoni Slovakka li tiddikjara li l-kuntratti li jipprovdu għal aċċess ipprivileġġjat għal netwerks tat-trażmissjoni huma invalidi u inapplikabbli ma tibdilx il-fatt li SEPS tibqa’ legalment marbuta bil-kuntratt. Għaldaqstant, l-uniku mod konċepibbli sabiex ir-Repubblika Slovakka tissodisfa l-obbligu tagħha huwa li tgħaddi leġiżlazzjoni li jkollha fil-mira tagħha lil SEPS u żżommha lura milli timplementa l-kuntratt, li jammonta għal esproprjazzjoni indiretta tad-dritt ta’ trażmissjoni li tgawdi minnu ATEL.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess privileġġjat mogħti lil ATEL jista’ jitqies li huwa investiment protett mill-Ftehim dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti u, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307, ma jistax jiġi affettwat mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, anki jekk jiġi preżunt li l-aċċess privileġġjat mogħti lil ATEL ma huwiex skont id-Direttiva 2003/54, dan l-aċċess privileġġjat huwa protett mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 307 KE.

53      Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

54      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Slovakka talbet il-kundanna tal-Kummissjoni u din tal-aħħar tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.