Kawża C-254/09 P

Calvin Klein Trademark Trust

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Trade mark verbali CK CREACIONES KENNYA — Oppożizzjoni mill-proprjetarju b’mod partikolari tat-trade mark figurattiva Komunitarja CK Calvin Klein u tat-trade marks nazzjonali CK — Oppożizzjoni miċħuda”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni —Trade mark kumplessa

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja —Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8 u 51(1)(b))

1.        Fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, l-eżistenza ta’ xebh bejn żewġ trade marks ma jippresupponix li l-komponiment komuni tagħhom jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks teħtieġ li kull waħda dawn it-trade marks tiġi kkunsidrata kollha kemm hi, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal‑pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti.

(ara l-punt 56)

2.        Fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni għandu jiġi evalwat mill-perspettiva tal-konsumatur medju, billi jsir riferiment għall-kwalitajiet intrinsiċi ta’ dawn it-trade marks u mhux għal ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja. Għalhekk, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aġir allegatament abbużiv tal-applikant għal trade mark. Fil-fatt, jekk tali aġir huwa fattur partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mibdija skont l-Artikolu 51(1)(b) ta’ dan ir-regolament, min-naħa l-oħra dan ma jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

(ara l-punti 46, 47)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Settembru 2010 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Trade mark verbali CK CREACIONES KENNYA – Oppożizzjoni mill-proprjetarju b’mod partikolari tat-trade mark figurattiva Komunitarja CK Calvin Klein u tat-trade marks nazzjonali CK – Oppożizzjoni miċħuda”

Fil-Kawża C‑254/09 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-9 ta’ Lulju 2009

Calvin Klein Trademark Trust, stabbilita fi Wilmington, Delaware (l‑Istati Uniti), irrappreżentata minn T. Andrade Boué, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Zafra Marroquineros, SL, stabbilita fi Caravaca de la Cruz (Spanja), irrappreżentata minn J.E. Martín Álvarez, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Calvin Klein Trademark Trust (iktar ’il quddiem “Calvin Klein” titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tas-7 ta’ Mejju 2009, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI – Zafra Marroquineros (CK CREACIONES KENNYA) (T‑185/07, Ġabra p. II‑1323, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tad-29 ta’ Marzu 2007 (Każ R 314/2006‑2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). B’din id-deċiżjoni, it-Tieni Bord tal-Appell kien ikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI tat-22 ta’ Diċembru 2005 li kienet ċaħdet l-oppożizzjoni magħmula minn Calvin Klein kontra l-applikazzjoni ta’ Zafra Marroquineros, SL (iktar ’il quddiem “Zafra Marroquineros”), intiża għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali CK CREACIONES KENNYA bħala trade mark Komunitarja.

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.146) ġiet imħassra bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU l 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, il-kawża tibqa’ rregolata, fid-dawl tad-data tal-fatti, bir-Regolament Nru 40/94.

3        L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

4        Skont il-paragrafu 5 tal-istess Artikolu 8, “Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

5        L-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi:

“Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni

[…]

b)      meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l-applikazzjoni għat-trade mark.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Fis-7 ta’ Ottubru 2003, Zafra Marroquineros ppreżentat lill-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali “CK CREACIONES KENNYA” bħala trade mark Komunitarja.

7        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda u oġġetti ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

–        Klassi 25: “Hwejjeġ, żraben u kpiepel”.

8        Din it-talba ġiet ippubblikata fil-Bulletin des marques communautaires Nru 23/2004, tas-7 ta’ Ġunju 2004.

9        Fis-6 ta’ Settembru 2004, Calvin Klein għamel oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b), (2)(ċ) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

10      L-oppożizzjoni kienet fondata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Komunitarja Nru 66172, irreġistrata għal prodotti u s-servizzi fil-klassijiet 3, 4, 8, 9, 14, 16, 18, 20, 21, 24 sa 27, 35 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice, irrapprezentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Spanjola Nru 2023213, irreġistrata għal prodotti fil-klassi 18 fis-sens ta’ dan il-ftehim, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark Spanjola Nru 2028104, irreġistrata għal prodotti inklużi fil-klassi 25 fis-sens ta’ dan il-ftehim, irrappreżentata kif ġej:

Image not found

11      L-oppożizzjoni kienet fondata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti bit-trade marks preċedenti u saret kontra l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark.

12      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi. Hija kkunsidrat li ma kienet teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni għall-konsumatur rilevanti.

13      Fit-22 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-UASI kontra din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

14      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2007, it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors. Dan ikkunsidra li ma kienx jeżisti xebh suffiċjenti bejn is-sinjali inkwistjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15      B’rikors ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Mejju 2007, Calvin Klein ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali tordna lill-UASI li jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

16      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.

17      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 32 tas-sentenza appellata li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti.

18      It-tieni nett, hija sostniet, fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx.

19      Hija kkonstatat ukoll, fil-punt 35 tal-istess sentenza, li l-partijiet mhumiex qegħdin jikkontestaw l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni.

20      Fir-rigward tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza tfakkar li ma jistgħux jitqiesu li jixxiebhu trade mark kumplessa u trade mark oħra, identika jew li għandha xebh ma’ wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa ħlief meta dan jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali li tagħti t-trade mark kumplessa. Ix-xebh għandu jsir, skont il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata fl-intier tagħha.

21      Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-kliem “creaciones kennya” jokkupaw, minħabba d-daqs tagħhom, pożizzjoni ħafna iktar importanti mill-grupp ta’ kliem “ck” u jifformaw unità sintattika u kunċettwali li tiddomina fuq din it-trade mark kollha. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali ppreċiżat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-element “creaciones kennya” għandu karattru distintivament ċert għall-oġġetti tal-ħwejjeġ u l-aċċessorji tal-moda fil-klassijiet 18 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice. Barra minn hekk, dan il-karattru distintiv ma jitqiegħedx fid-dubju mill-konnessjoni li tista’ tinħoloq f’moħħ il-pubbliku rilevanti bejn il-kelma “kennya” u l-pajjiż tal-Kenja, fid-dawl tal-ortografija differenti ta’ dawn iż-żewġ kelmiet. Il-Qorti Ġenerali sussegwentement osservat, fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li l-element “ck” li jikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-kliem “creaciones” u “kennya”, jokkupa pożizzjoni sekondarja fir-rigward tal-element “creaciones kennya”.

22      Mill-punt 45 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-konsumatur ikkonċernat ħa jiftakar l-iktar il-kliem “creaciones kennya”, li fuqhom ħa jiffoka u jitfa’ l-attenzjoni prinċipali tiegħu. F’din il-kawża, il-pożizzjoni solitarja, tal-grupp ta’ ittri “ck” fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma hijiex biżżejjed biex tagħmlu l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali li tagħti din it-trade mark.

23      F’dak li jikkonċerna x-xebh tas-sinjali mill-perspettiva viżiva, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li t-trade marks preċedenti huma komposti mill-element uniku jew dominanti “ck”, irrappreżentat bi grafika partikolari li tagħti lil dawn it-trade marks karattru distintivament intrinsiku. Madankollu, l-uniku xebh viżiv bejn l-element figurattiv uniku jew dominanti “ck” tat-trade marks preċedenti u l-element “ck” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jippermettix, skont il-Qorti Ġenerali, li jinħoloq xebh viżiv bejn it-trade marks kontenzjużi, fid-dawl, minn naħa, tal-impressjoni ġenerali li tagħti t-trade mark CK CREACIONES KENNYA u, min-naħa l-oħra, tar-rappreżentazzjoni grafika partikolari li tikkaratterizza t-trade marks preċedenti, jiġifieri d-daqs iżgħar u l-pożizzjoni ċentrali tal-ittra “c” meta mqabbla mal-ittra “k”. Il-Qorti Ġenerali tqis li l-protezzjoni miksuba bir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux l-aspetti grafiċi jew stilistiċi partikolari li din it-trade mark tista’ eventwalment ikollha.

24      Fuq il-livell fonetiku, huwa wkoll ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, li t-trade marks kontenzjużi ma kinux jixxiebhu. Fil-fatt, riferiment għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jseħħ meta wieħed jgħid kemm l-uniċi kliem “creaciones kennya”, jew l-espressjoni “ck creaciones kennya” fl-intier tagħha. Huwa ftit probabbli li r-riferiment għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jseħħ billi jintqal il-grupp ta’ ittri “ck” biss.

25      Fuq il-livell kunċettwali, mill-punt 51 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-kliem “creaciones kennya”, li minnhom jitnissel il-grupp ta’ ittri “ck”, joħolqu differenza kunċettwali fir-rigward tat-trade marks preċedenti. Il-grupp ta’ ittri “ck” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġina mill-kliem “creaciones kennya”, filwaqt li l-grupp ta’ ittri “ck” li jifforma t-trade marks preċedenti jirreferi għall-produttur u disinjatur famuż tal-oġġetti tal-moda Calvin Klein.

26      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li n-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwisjtoni jirriżulta minn differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn dawn is-sinjali.

27      F’dak li jikkonċerna l-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, li ma hemmx lok għal probabbiltà ta’ konfużjoni fin-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni. L-identiċità tal-prodotti koperti bit-trade marks inkwisjtoni ma tbiddilx din l-evalwazzjoni. Sussegwentement, għalkemm it-trade marks li jiddisponu minn karattru distintiv għoli minħabba r-reputazzjoni tagħhom għandhom igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa, l-għarfien, f’dan il-każ, tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti mhux ser joħloq kontestazzjoni tal-konstatazzjoni li t-trade marks kontenzjużi joħolqu impressjoni ġenerali wisq differenti sabiex probabbiltà ta’ konfużjoni tkun tista’ tiġi kkonstatata.

28      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-pubbliku rilevanti jista’ jifhem it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala waħda mit-trade marks sussidjarja ta’ Calvin Klein, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, li t-trade marks kontenzjużi ma jaqsmux l-element dominanti komuni.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza appellata u li tikkundanna lill-UASI kif ukoll Zafra Marroquineros għall-ispejjeż.

30      Il-UASI u Zafra Marroquineros jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u li tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

31      Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ aggravji bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

32      Permezz tal-ewwel aggravju, li essenzjalment jinqasam fi tliet partijiet, l-appellanta tallega li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ.

33      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-appellanta takkuża lill-Qorti Ġenerali li injorat il-fatt li Zafra Marroquineros kienet għamlet użu mill-ittri “CK” b’mod iżolat u wkoll b’ittri kbar b’enfasi, flimkien mal-kliem “CREACIONES KENNYA” miktuba b’ittri żgħar ħafna, sabiex tikkopja t-trade marks magħrufa cK ta’ Calvin Klein. L-aġir ta’ Zafra Marroquineros juri għalhekk li l-ittri “CK” jikkostitwixxu l-parti l-iktar distintiva tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fehma tal-appellanti, Zafra Marroquineros aġixxiet, permezz tal-aġir tagħha stess, b’kontradizzjoni mal-argument ġuridiku tagħha. Issa, skont prinċipju ġenerali tad-dritt, ħadd ma għandu jitħalla jaġixxi b’kontradizzjoni mal-atti tiegħu stess.

34      Il-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ Zafra Marroquineros sabiex tistabbilixxi liema element tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni huwa l-iktar importanti u l-iktar apparenti. Għalhekk dan l-aġir ma kienx ġie evalwat ġuridikament fis-sentenza appellata fid-dawl tal-ġurisprudenza li tgħid li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ. Issa, skont l-appellanta, fid-dawl tal-aġir ta’ Zafra Marroquineros, għandu jiġi kkonstatat li l-ittri “CK” huma l-iktar distintivi fit-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni.

35      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali lil żnaturat il-fatti metta kkunsidrat, mingħajr ma ħadet kunsiderazzjoni tal-aġir ta’ Zafra Marroquineros, li huma l-kliem “CREACIONES KENNYA” li jikkostitwixxu l-parti l-iktar apparenti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

36      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-rikorrenti takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx kunsiderazzjoni tal-importanza tal-ittri “CK” u, konsegwentement, li ma analizzatx l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tirriżulta mill-fatt tal-preżenza ta’ dawn l-ittri fit-trade marks inkwistjoni. Issa, dan ir-riskju huwa f’dan il-każ enfasizzat minħabba r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u mill-fatt li l-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni jikkoinċidu interament.

37      Fil-fatt huwa komuni, fis-settur tal-moda, li l-produtturi ta’ ħwejjeġ ikunu identifikati bl-ittri li jifformaw l-akronimu tal-isem tagħhom b’mod li, meta t-trade marks jiksbu reputazzjoni f’dan is-settur, dawn ikunu identifikati biż-żewġ ittri tagħhom kemm fuq il-pjan viżiv kif ukoll fonetiku. Mill-aspett legali, teżisti għalhekk probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni, peress li l-ittri “CK” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkostitwixxu element distintiv ħafna għall-konsumatur sa fejn, fis-settur tal-moda, l-ittri “CK” jidentifikaw Calvin Klein.

38      Il-UASI teċċepixxi l-inammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-appell peress li jwassal sabiex jinkseb mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti ma’ dik magħmula mill-Qorti Ġenerali. Peress li l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għal punti ta’ dritt, l-evalwazzjoni tal-fatti għalhekk ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tal-elementi li kienu suġġetti għalih, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39      Fil-fehma tal-UASI, l-argument imressaq mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel aggravju jippresupponi fir-realtà bidla tas-suġġett tal-kawża. Filwaqt li t-trade mark ikkontestata kienet is-sinjal verbali “CK CREACIONES KENNYA”, l-appellanti tirreferi għal sinjali distinti, jiġifieri għal rappreżentazzjoni grafika partikolari tas-sinjal verbali msemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, f’dan il-każ ma hemmx żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali peress li l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi ma tistax tapplika għall-eżempji invokati mill-appellanti.

40      L-argument tal-appellanti dwar fatti “evidenti” ta’ kopja wkoll ma huwiex ammissibbli f’din il-kawża, fejn l-għan huwa li jiġi stabbilit jekk teżistix jew le probabbiltà ta’ konfużjoni bejn drittijiet preċedenti u sinjal, konkret u preċiż, li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komuntarja. Il-konklużjonijiet ta’ din il-natura għandhom ikunu invokati fil-kuntest ta’ proċeduri dwar eventwali ksur għal trade mark jew kompetizzjoni żleali.

41      Zafra Marroquineros ssostni li s-sentenza appellata ma kisritx il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94.

42      Waqt l-eżami tax-xebh tat-trade marks inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-trade marks fl-intier tagħhom, bħal ma huma rreġistrati jew bħal ma saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u l-użu ipotetiku tal-użu tagħhom ma huwiex rilevanti. Minbarra dan, l-intenzjoni ipotetika ta’ Zafra Marroquineros li tikkopja t-trade marks preċedenti tal-appellanti li hija, f’kull każ, ineżistenti, ma tistax tkun rilevanti sabiex tiġi eżaminata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija miċħuda meta, minħabba identiċità jew xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni f’moħħ il-publiku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Skont l-istess dispożizzzoni, tali probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

44      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku għandha tkun evalwata globalment billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ partikolari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I-6191, punt 22; tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I-3819, punt 18; tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion, C‑120/04, Ġabra p. I-8551, punt 27; tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 34, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, Ġabra p. I‑7371, punt 46).

45      Minn ġurisprudenza stabbilti jirriżulta wkoll li l-evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, ta’ smigħ jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju għandu tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni ġlobali ta’ din il-probabbiltà. Il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fit-totalità tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq SABEL, punt 23; Lloyd Schuhfabrik Meyer, punt 25; Medion, punt 28; UASI vs Shaker, punt 35, u tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI, C‑206/04 P, Ġabra p. I-2717, punt 19).

46      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li x-xebh tat-trade marks inkwistjoni għandu jiġi evalwat mill-perspettiva tal-konsumatur medju, billi jsir riferiment għall-kwalitajiet intrinsiċi ta’ dawn it-trade marks u mhux għal ċirkustanzi relatati mal-aġir tal-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja.

47      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi minħabba l-fatt li din ma ħaditx kunsiderazzjoni tal-aġir allegatament abbużiv tal-applikant għal trade mark. Fil-fatt, jekk tali aġir huwa fattur partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dispożizzjoni li ma hijiex inkwistjoni f’dan l-appell, min-naħa l-oħra dan ma jikkostitwixxix element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni mibdija fuq il-bażi tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

48      Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tkun miċħuda bħala infondata.

49      F’dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq l-iżnaturament tal-fatti, għandu l-ewwel nett jitfakkar li skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali hija l-unika kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22; tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 35, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Sunplus Technology vs UASI, C‑21/08 P, punt 31).

50      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni hija analiżi ta’ natura fattwali li, bla ħsara tal-iżnaturament imsemmi iktar ’il fuq, ma tkunx suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tali żnaturament għandha tidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi [ara s-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C‑8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 72; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 54; tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 108, kif ukoll tas-7 ta’ Mejju 2009, Waterford Wedgwood vs Assembled Investments (Proprietary) u UASI, C‑398/07 P, punt 41].

51      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li jistgħu juru li l-Qorti Ġenerali kienet żnaturat il-fatti meta ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ xebh tas-sinjali inkwistjoni jirriżulta mid-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali tagħhom. L-argument tar-rikorrenti li l-iżnaturament jirriżulta mill-fatt li l-Qorti Ġenerali naqqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir ta’ Zafra Marroquineros għandu jiġi miċħud peress li dan l-aġir ma kienx, bħal ma jirriżulta mill-punti 43 sa 47 ta’ din is-sentenza, ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha.

52      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tkun miċħuda bħala infondata.

53      F’dak li jikkonċerna t-tielet parti, għandu l-ewwel nett jitfakkar li n-nuqqas ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C‑106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 54; tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, Ġabra p. I-7333, punti 50 u 51, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Gateway vs UASI, C‑57/08 P, punti 55 u 56).

54      Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm xebh bejn it-trade marks inkwistjoni. Fil-fatt, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, hija tirrileva li l-eżami ta’ dawn it-trade marks mill-perspettiva viżiva, fonetika u kunċettwali juri li l-impressjoni ġenerali li jagħtu t-trade marks preċedenti hija ddominata mill-element “ck” filwaqt li dik maħluqa mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ddominata mill-element “creaciones kennya” u kkonkludiet li n-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwisjtoni jirriżulta għalhekk mid-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali.

55      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, fil-punti 41 sa 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet analiżi li tagħmel parti mill-proċedura intiża sabiex tiġi stabbilita l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade marks inkwistjoni u sabiex twettaq evalwazzjoni globali fuq ix-xebh bejniethom. Għalhekk, fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza, hija għamlet analiżi dettaljata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kkunsidrata kollha kemm hi, billi ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-perċezzjoni li l-konsumatur medju għandu tagħha. Din l-analiżi ġiet segwita, fil-punti 46 sa 51 ta’ din is-sentenza, mill-eżami ta’ xebh tat-trade marks inkwistjoni fuq il-livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntarjament għal dak li jidher li huwa affermat fil-punt 39 tas-sentenza appellata, l-eżistenza ta’ xebh bejn żewġ trade marks ma jippresupponix li l-komponiment komuni tagħhom jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks teħtieġ li kull waħda dawn it-trade marks tiġi kkunsidrata kollha kemm hi, li ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali prodotta fil-memorja tal‑pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tiġi ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat‑trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi biss tal-element dominanti (ara s-sentenzi UASI vs Shaker, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42; tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, punti 42 u 43; kif ukoll Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Fil-fatt, huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li dan il-komponent komuni ma jkunx negliġibbli.

57      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, li l-impressjoni ġenerali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija dominata mill-element “creaciones kennya”, li fuqu l-konsumatur ikkonċernat ser jiffokalizza fil-parti l-kbira ħafna l-attenzjoni tiegħu, u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li l-element “ck” jokkupa fir-rigward tiegħu pożizzjoni aċċessorja biss li jfisser, essenzjalment, bħala konklużjoni li l-element “ck” huwa negliġibbli fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

58      Għalhekk, peress li ċaħdet fuq il-bażi ta’ analiżi li seħħet korrettament kull xebh bejn it-trade marks inkwisjoni, huwa b’mod korrett li, fil-punti 53 sa 57 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, minkejja r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks.

59      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tkun iddikjarata infondata.

60      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel aggravju għandu jkun miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

61      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti takkuża lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 8(5) tar-Regolament 40/94 peress li ma eżaminatx ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

62      Il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball meta indikat, fil-punt 15 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li r-rikors kien fondat ukoll, b’mod espliċitu, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament.

63      Billi kkonstatat li, peress li t-trade marks inkwistjoni ma jixxiebhux, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fehma tal-appellanti, il-fatt li t-trade mark preċedenti cK ta’ Calvin Klien hija magħrufa sew jmissu ttieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk kellhiex tingħata protezzjoni iktar wiesgħa. Ir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata waqt l-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u mhux wara li x-xebh ikun ġie stabbilit.

64      F’dan ir-rigward, l-appellanti ssostni li, jekk it-trade marks magħrufa “cK” ma kinux protetti ħlief meta l-ittri cK huma użati minn terzi bl-istess mod ta’ rappreżentazzjoni grafika, dan iwassal sabiex jingħata lit-trade mark b’reputazzjoni CK livell ta’ protezzjoni prattikament inqas minn dak li hija kienet tgawdi minnu kieku hija ma kinitx magħrufa. Il-fatt li t-trade marks cK, kif ukoll rappreżentazzjonijiet grafiċi distinti oħra ta’ dawn l-ittri, huma magħrufa jagħtihom protezzjoni kontra l-użu tal-ittri “CK” fis-settur tal-moda, peress li, f’dan is-settur, dawn l-ittri huma identifikati għal Calvin Klein, b’mod li l-użu tagħhom minn terz iwassal għal konfużjoni permezz tal-assoċjazzjoni.

65      Il-UASI tirribati li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament fuq il-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, sa fejn is-sinjali inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jixxiebhu, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma huwiex applikabbli.

66      Zafra Marroquineros ssostni li s-sentenza appellata tirreferi għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti. Filwaqt li tirrikonoxxi r-reputazzjoni tal-element figurattiv “CK” fit-trade mark preċedenti, is-sentenza appellata tgħid sussegwentement li din ir-reputazzjoni ma tqiegħedx f’dubju l-fatt li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni ma teżistix.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti takkuża, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li b’mod żbaljat limitat l-evalwazzjoni tagħha għall-analiżi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 mingħajr ma eżaminat argumenti tal-appellanti fir-rigward tal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni u l-għarfien tat-trade marks preċedenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

68      Issa, għandu jitfakkar li l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija manifestament inapplikabbli meta, bħal fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali tiċħad kull xebh tat-trade marks inkwistjoni.

69      F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni aggravju għandu jkun miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Calvin Klein tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjż kif mitlub mill-UASI u Zafra Marroquineros.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Calvin Klein Trademark Trust hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.