Keywords
Summary

Keywords

1. Unjoni doganali — Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali — Att ta’ Adeżjoni tal-2003

(Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, Kapitolu 5, Punt 1; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 448)

2. Unjoni doganali — Rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija eżenti mid-dazji doganali — Att ta’ Adeżjoni tal-2003

(Att ta’ Adeżjoni tal-2003, Anness IV, Kapitolu 5, Punt 1; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93)

3. Unjoni doganali — Dazji fuq l-importazzjoni — Portata — Taxxa fuq il-valur miżjud

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 4(10); Direttiva tal-Kunsill Nru 77/388, Artikoli 2(2), 11 B(3)(a), u 21(2))

Summary

1. Peress li l-merkanziji kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, tapplika l-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, bl-esklużjoni tal-proċeduri doganali oħra. Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal din, peress li l-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni hija eżawrjenti, l-Artikolu 448 tar-Regolament 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2787/2000 li jirrigwarda l-proċeduri ssimplifikati għat-trasport bil-baħar bejn l-Istati Membri, ma japplikax fil-kuntest tal-proċedura tat-tranżitu tal-Komunità. Konsegwentement, l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament għall-Implementazjoni ma jistgħux jissostitwixxu l-formalitajiet tal-esportazzjoni msemmija fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni, inkluż meta ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija. Minn dan isegwi li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija mill-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni ġewx ikkompletati, ma huwiex rilevanti jekk l-atti previsti fl-Artikolu 448 tar-Regolament Nru 2454/93 kinux imwettqa, anki fil-każ fejn ġie stabbilit manifest ta’ tagħbija.

(ara l-punti 32-35, u d-dispożittiv 1)

2. Ir-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97 u r-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 2787/2000, japplikaw fl-Istati Membri l-ġodda b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma jista’ jiġi invokat il-benefiċċju tal-proċedura prevista fil-Kapitolu 5, Punt 1 tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, meta l-formalitajiet tal-esportazzjoni li huma msemmija fih ma ġewx ikkompletati għal merkanziji li kienu qegħdin jiġu ttrasportati fi ħdan il-Komunità mkabbra fid-data tal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 41, u d-dispożittiv 2)

3. L-Artikolu 4(10) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 82/97, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji fuq l-importazzjoni ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud li għandha tinġabar fuq l-importazzjoni tal-oġġetti. Barra minn hekk, peress li t-taxxa fuq il-valur miżjud trid titħallas fuq merkanzija importata, l-obbligu li titħallas din it-taxxa jaqa’ fuq il-persuna jew persuni identifikati jew rikonoxxuti mill-Istat Membru tal-importazzjoni.

(ara l-punti 47, 49, 52, u d-dispożittivi 3, 4)