Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi favur l-Istat drittijiet speċjali fit-tmexxija ta’ impriża privatizzata
(Artikoli 56(1) KE, 58 KE u 86(2) KE)
Stat jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE, meta jżomm f’kumpannija b’responsabbilta’ limitata drittijiet speċjali previsti favur dan l-Istat u entitatjiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet privileġġati (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija msemmija, li jwasslu, b’mod partikolari, għall-elezzjoni tal-President tal-bord tad-diretturi u li jagħtu dritt għall-veto fuq il-ħatra ta’ numru ta’ amministraturi ekwivalenti l-iktar għal terz mit-total kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet li jemendaw l-istatut tal-kumpannija, dawk intiżi biex jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ grupp b’relazzjoni ta’ parità jew ta’ subordinazzjoni u dawk li jistgħu, b’xi mod, jaffettwaw il-provvista fil-pajjiż ta’ żejt, ta’ gass jew ta’ prodotti derivati.
Fil-fatt, id-dritt tal-veto, sa fejn jikkonferixxi lil dan l-Istat Membru influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-kumpannija li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tas-sehem li għandu f’din il-kumpannija, jista’ jiskoraġġixxi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti fil-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar, peress li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-valur ta’ sehemhom. Bl-istess mod, id-dritt tal-veto inkwistjoni jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-investimenti portfolio fil-kumpannija, peress li rifjut eventwali mill-Istat ikkonċernat li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-korpi ta’ din il-kumpannija bħala li tissodisfa l-interess tagħha, jista’, effettivament, ikollu effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-kumpannija msemmija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet.
F’dak li jirrigwarda d-dritt li jinħatar il-President tal-bord tad-diretturi, dan jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital peress li tali dritt speċifiku jikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji stabbilit għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li din il-possibbiltà tista’ tingħata mil-liġi bħala dritt ta’ minoranza kkwalifikata, f’dan il-każ, din għandha tkun aċċessibbli għall-azzjonisti kollha u ma għandhiex tkun riżervata esklużivament għall-Istat. Fil-fatt, billi jillimita l-possibbiltà tal-azzjonisti l-oħra, minbarra l-Istat milli jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, id-dritt li jinħatar amministratur jista’ jiddiswadi lill-investituri diretti ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.
Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, ċertament, in-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru kkonċernat f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u jiġġustifika, eventwalment, ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. Madankollu, l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata b’mod unilaterali minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà. Peress li Stat jillimita ruħu li jinvoka l-motiv dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, mingħajr ma jippreċiża r-raġunijiet eżatti għalfejn huwa jqis li kull wieħed mid-drittijiet speċjali kkontestati jew ilkoll flimkien jippermettu li jiġi evitat tali ksur ta’ interess fundamentali bħall-provvista tal-enerġija, ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika ma tistax tiġi milqugħa f’dan il-każ.
Barra minn hekk, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, l-inċertezza, li tinħoloq minħabba l-fatt li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li ż-żamma ta’ azzjonijiet privileġġati fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija tagħti lill-Istat ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-moviment liberu tal-kapital peress li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, f’dak li jikkonċerna l-użu ta’ tali drittijiet, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali li ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa.
Finalment, l-Artikolu 86(2) KE ma japplikax għad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq, u ma jistax għalhekk jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit mit-Trattat. Fil-fatt, l-Artikolu 86(2) KE, moqri flimkien mal-Arikolu 86(1), jippermetti li jiġi ġġustifikat l-għoti, minn Stat Membru, lil impriża inkarigata bit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ingħatatlu jkun jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sakemm l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx milqut b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. Madankollu, dan ma huwiex l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li talloka lil Stat Membru drittijiet speċjali f’kumpannija b’responsabbilta’ limitata, relatati ma’ azzjonijiet privileġġati miżmuma minn dan l-Istat Membru fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.
(ara l-punti 57-60, 82, 83, 85, 88, 90-92, 95, 97 u d-dispożittiv)