Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

2. Ambjent — Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis — Direttiva 2008/1 — Kundizzjonijiet tal-permess għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali — Obbligu li l-Istati Membri jqisu, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva 2001/81 — Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 96/61, kif ikkodifikata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/1, Artikolu 9(1),(3) u (4))

3. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi ta’ astensjoni tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(Arikolu 4(3) TUE; it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

4. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi ta’ astensjoni tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(Arikolu 4(3) TUE; it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

5. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi li l-Istati Membri jaġixxu matul il-perijodu tranżitorju

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikoli 4, 6, 7(1) u (2), u 8(1) u (2))

6. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ xi sustanzi li jniġġsu l-atmosfera — Obbligi tal-Istati Membri matul il-perijodu tranżitorju

(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikolu 4)

7. Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2001/81 — Effett dirett matul il-perijodu tranżitorju

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/81, Artikoli 4 u 6)

Summary

1. Fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

(ara l-punt 47)

2. L-Artikolu 9(1), (3) u (4) tad-Direttiva 96/61/KE, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis, fil-verżjoni oriġinali tagħha kif ukoll f’dik ikkodifikata bid-Direttiva 2008/1, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta jinħareġ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jqisu, fost il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan il-permess, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx stabbiliti bid-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, filwaqt li għandhom josservaw l-obbligu li jinsilet minn din id-direttiva li jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri xierqa u koerenti, adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet b’mod partikolari ta’ dawn is-sustanzi li jniġġsu għal kwantitajiet li ma jaqbżux il-limiti indikati fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010.

(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 1)

3. Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, l-Artikolu 4(3) TUE, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll id-Direttiva 2001/81 jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li ma jadottawx miżuri li jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva.

(ara l-punti 78, 79, 91 u d-dispożittiv 2)

4. Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, l-adozzjoni mill-Istati Membri ta’ miżura speċifika fir-rigward ta’ sors wieħed ta’ SO2 u ta’ NOx ma thidirx li tista’, fiha nnifisha, tikkomprometti serjament il-kisba tar-riżultat li jrid jintlaħaq minn din id-direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fir-rigward ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali.

(ara l-punti 80-83, 91 u d-dispożittiv 2)

5. Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-Artikoli 6, 7(1) u (2) kif ukoll 8(1) u (2) tad-Direttiva 2001/81, minn naħa, jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jfasslu, jaġġornaw u jirrevedu, jekk ikun meħtieġ, programmi ta’ tnaqqis progressiv tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ SO2 u ta’ Nox, li huma għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment, u għandhom ukoll jibagħtuhom lill-Kummissjoni Ewropea fit-termini previsti, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu li jaġġornaw kull sena inventarji nazzjonali tal-imsemmija emissjonijiet, kif ukoll l-istimi nazzjonali għas-sena 2010, li huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent fit-termini previsti.

(ara l-punti 87, 91 u d-dispożittiv 2)

6. Matul il-perijodu tranżitorju mis-27 ta’ Novembru 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2010, previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u d-Direttiva 2001/81 stess la jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jirrifjutaw jew li jillimitaw il-ħruġ ta’ permess ambjentali għall-bini u t-tħaddim ta’ installazzjoni industrijali, u lanqas li jadottaw miżuri kumpensatorji speċifiċi għal kull permess ta’ dan it-tip li jinħareġ, u dan anki f’każ li jinqabżu jew li jkun hemm riskju li jinqabżu l-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet ta’ SO2 u ta’ NOx.

(ara l-punti 90, 91 u d-dispożittiv 2)

7. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/81, dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, ma huwiex inkondizzjonat u preċiż biżżejjed biex ikun jista’ jiġi invokat minn individwi quddiem il-qrati nazzjonali qabel il-31 ta’ Diċembru 2010.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/81 jagħti lill-individwi kkonċernati direttament drittijiet li jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex ikun jista’ jiġi pretiż li, matul il-perijodu tranżitorju bejn is-27 ta’ Novembru 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri jadottaw jew jipprevedu, fil-kuntest ta’ programmi nazzjonali, politiki u miżuri, xierqa u koerenti, li jkunu adattati biex inaqqsu, komplessivament, l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu msemmija b’mod li jikkonformaw ruħhom mal-limiti nazzjonali previsti fl-Anness I tal-imsemmija direttiva sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2010, u għandhom iqiegħdu l-programmi mfasslin għal dan il-għan għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati permezz ta’ informazzjoni ċara, komprensibbli u aċċessibbli faċilment.

(ara l-punti 98-104 u d-dispożittiv 3)