Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Ottubru 2010 – Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall

(Kawża C‑154/09)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2002/22/KE – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Artikoli 3(2) u 8(2) – Ħatra tal-impriżi inkarigati mill-obbligi ta’ servizz universali – Traspożizzjoni inkorretta”

1.                     Approssimazzjoni tal-liġijiet - Settur tat-telekomunikazzjonijiet - Servizz universali u drittijiet tal-utenti - Direttiva 2002/22 - Ħatra tal-impriżi għall-provvista ta’ servizz universali - Obbligu li wieħed jirrikorri għal proċedura ta’ ħatra effikaċi, oġġettiva, trasparenti u nondiskriminatorja (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/22, Artikoli 3(2) u 8(2)) (ara l-punti 34-39, 42-49)

2.                     Stati Membri - Obbligi - Implementazzjoni tad-direttivi - Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Ġustifikazzjoni - Inammissibbiltà (Artikolu 226 KE) (ara l-punti 37, 38)

3.                     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu - Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni - Eżerċizzju diskrezzjonali (Artikolu 226 KE) (ara l-punt 51)

Suġġett

Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 3(2) u 8(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367) - Ħatra tal-impriżi inkarigati mill-obbligi ta’ servizz universali.

Dispożittiv

1)         Billi ma ttrasponietx korrettament fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-ħatra tal-fornitur jew tal-fornituri tas-servizz universali u, fi kwalunkwe każ, billi ma żguratx l-applikazzjoni prattika ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3(2) u 8(2) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva “Servizz Universali”).

2)         Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.