Keywords
Summary

Keywords

1. Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi fis-suq intern — Direttiva 2006/123 — Komunikazzjoni kummerċjali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, punt 12 tal-Artikoli 4 u 24)

2. Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi fis-suq intern — Direttiva 2006/123 — Komunikazzjonijiet kummerċjali għall-professjonijiet irregolati

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 24(1) u (2))

Summary

1. Il-kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali, kif iddefinit fil-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, jinkludi mhux biss ir-reklamar klassiku, iżda wkoll tipi oħra ta’ reklamar u ta’ komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni intiżi sabiex jinkisbu klijenti ġodda.

Għalhekk, li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ komunikazzjoni kummerċjali, fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2006/123, peress li dan jikkostitwixxi tip ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni ddestinata li tfittex klijenti ġodda, li jimplika kuntatt personalizzat bejn il-fornitur u l-klijent potenzjali, bl-għan li ssir offerta ta’ servizzi lil dan tal-aħħar, u, minn dan il-fatt, dan jista’ jikkwalifika bħala marketing dirett.

(ara l-punti 32, 33, 38)

2. L-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi totalment lill-membri ta’ professjoni rregolata, bħalma hija l-professjoni ta’ awditur, milli jwettqu atti ta’ soliċitazzjoni lil klijenti prospettivi. Fil-fatt, jirriżulta, kemm mill-għan tal-Artikolu 24 kif ukoll mill-kuntest tiegħu li, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni ma kinitx biss li jneħħi l-projbizzjonijiet totali, għall-membri ta’ professjoni rregolata, milli jirrikorru għall-komunikazzjoni kummerċjali, ikun xi jkun it-tip, iżda wkoll li jelimina l-projbizzjonijiet li jsir użu minn wieħed jew iktar tipi ta’ komunikazzjoni kummerċjali fis-sens tal-punt 12 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123, bħalma huma, b’mod partikolari, ir-reklamar, il-marketing dirett jew l-isponsorship. Fir-rigward tal-eżempji li jidhru fil-premessa 100 ta’ din id-direttiva, għandhom ukoll jitqiesu bħala projbizzjonijiet ġenerali, ipprojbiti bl-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva, ir-regoli professjonali li jipprojbixxu l-komunikazzjoni, f’medja wieħed jew f’uħud minnhom, ta’ informazzjoni dwar il-fornitur jew dwar l-attività tiegħu.

Għalhekk, projbizzjoni li jiġu ssolleċitati klijenti prospettivi, li hija abbozzata b’mod wiesa’, b’mod li tipprojbixxi kull att ta’ solleċitazzjoni lil klijenti prospettivi, ikun xi jkun it-tip tiegħu, il-kontenut tiegħu jew il-mezzi użati, u li tinkludi l-projbizzjoni tal-metodi kollha ta’ komunikazzjoni li jippermettu l-implementazzjoni ta’ dan it-tip ta’ komunikazzjoni kummerċjali, għandha titqies bħala projbizzjoni ġenerali tal-komunikazzjonijiet kummerċjali prekluża bl-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2006/123.

Peress li din tipprojbixxi totalment tip ta’ komunikazzjoni kummerċjali u taqa’, għaldaqstant, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24(1), tad-Direttiva 2006/123, tali leġiżlazzjoni hija inkompatibbli ma’ din id-direttiva u ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 24(2) tal-imsemmija direttiva, anki jekk ma hijiex diskriminatorja, hija bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u hija proporzjonata.

(ara l-punti 29, 41, 42, 45, 46 u d-dispożittiv)