Kawża C-109/09

Deutsche Lufthansa AG

vs

Gertraud Kumpan

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70/KE — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Rwol tal-qorti nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat — Direttiva 1999/70 — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi miżuri effettivi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat tali użu abbużiv — Kunċett ta’ “rabta stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega” — Obbligu li l-qorti nazzjonali tinterpreta d-dritt intern b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni

(Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(1))

Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat], li jidher fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li tħaddem”, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi applikat għal sitwazzjonijiet fejn kuntratt għal żmien determinat ma kienx immedjatament ippreċedut minn kuntratt għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li tħaddem u meta intervall ta’ diversi snin jissepara lil dawn il-kuntratti, meta, waqt dan il-perijodu kollu, ir-relazzjoni ta’ impjieg inizjali tkompliet, għall-istess attività, mal-istess persuna li timpjega, permezz ta’ suċċessjoni mhux interrotta ta’ kuntratti għal żmien determinat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mal-imsemmija klawżola 5(1).

(ara l-punt 57 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Marzu 2011 (*)

“Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70/KE – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Rwol tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑109/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Marzu 2009, fil-proċedura

Deutsche Lufthansa AG

vs

Gertraud Kumpan,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus, u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Deutsche Lufthansa AG, minn K. Streichardt u A.‑C. Ebener, avukati,

–        għal G. Kumpan, minn A. Dittmann, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u N. Donnelly, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn D. Wyatt, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Deutsche Lufthansa AG (iktar ’il quddiem “Lufthansa”) u G. Kumpan dwar il-kuntratt ta’ xogħol li jorbot lil din tal-aħħar mal-imsemmija kumpannija (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Mill-premessi 3, 6, 7, 13 sa 15 u 17 tad-Direttiva 1999/70, kif ukoll mill-ewwel sat-tielet inċiżi tal-preambolu tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali tal-industrija (ETUC [CES], UNICE u CEEP), (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”), li jidher fl-anness ta’ din id-direttiva, u fil-punti 3, 5 sa 8 u 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tagħha, jirriżulta li:

–        il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea permezz ta’ approssimazzjoni tal-iżviluppi ta’ dawn il-kundizzjonijiet, b’mod partikolari għat-tipi ta’ xogħol oħrajn li ma humiex xogħol għal żmien indeterminat, sabiex jintlaħaq ekwilibriju aħjar bejn il-flessibbiltà tal-ħinijiet ta’ xogħol u s-sigurtà tal-ħaddiema;

–        dawn l-għanijiet ma jistgħux jitwettqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, b’tali mod li ġie kkunsidrat ġust li tintuża miżura Komunitarja li torbot legalment, imfassla b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali rappreżentattivi;

–        il-partijiet għall-Ftehim Qafas jirrikonoxxu li, minn naħa, il-kuntratti għal żmien indeterminat huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, peress li jikkontribwixxu għall-kwalità ta’ ħajja tal-ħaddiema kkonċernati u għat-titjib tax-xogħol tagħhom, imma li, min-naħa l-oħra, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jissodisfaw, f’ċerti ċirkustanzi, il-bżonnijiet kemm ta’ min jimpjega kif ukoll tal-ħaddiema;

–        dan il-Ftehim Qafas jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi fir-rigward tax-xogħol għal żmien determinat, billi jistabbilixxi, b’mod partikolari, kuntest ġenerali intiż li jiżgura l-ugwaljanza ta’ trattament għall-ħaddiema għal żmien determinat billi jipproteġihom mid-diskriminazzjoni kif ukoll sabiex jipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, filwaqt li jirreferi għall-Istati Membri u għall-imsieħba soċjali għad-definizzjoni tal-arranġamenti ddettaljati ta’ applikazzjoni tal-imsemmija prinċipji u preskrizzjonijiet, sabiex jieħu inkunsiderazzjoni r-realtajiet tas-sitwazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, settorjali u staġonali;

–        huwa għalhekk li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kkunsidra li direttiva hija l-iktar strument xieraq għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim Qafas, peress li hija torbot l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna r-riżultat li għandu jintlaħaq, imma tħallilhom l-għażla tal-forma u tal-mezzi;

–        fir-rigward b’mod iktar partikolari tat-termini użati fil-Ftehim Qafas, imma li ma humiex definiti fih b’mod speċifiku, id-Direttiva 1999/70 tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jippreċiżawhom skont id-dritt u/jew il-prattiki nazzjonali, bil-kundizzjoni li huma jirrispettaw il-Ftehim Qafas, u

–        skont il-partijiet firmatarji tal-Ftehim Qafas, l-użu tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi, jikkostitwixxi mezz ta’ prevenzjoni tal-abbuż għad-dannu tal-ħaddiema.

4        Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 1999/70 hija intiża sabiex timplementa l-Ftehim Qafas.

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva [...]”.

6        Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim Qafas, l-iskop tiegħu huwa:

“[…]

a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

7        Il-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

c)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol għal żmien determinat

8        Id-Direttiva 1999/70 ġiet trasposta fis-sistema legali Ġermaniża permezz tal-Liġi dwar ix-xogħol part‑time u l-kuntratti għal żmien determinat, (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge), tal-21 ta’ Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1966, iktar ’il quddiem it-“TzBfG”). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001.

9        Skont l-Artikolu 14 tat-TzBfG:

“(1) Jista’ jiġi konkluż kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat meta teżisti raġuni oġġettiva biex isir dan, jiġifieri b’mod partikolari fil-każijiet segwenti;

–        il-bżonn li jiġi pprovdut ix-xogħol huwa biss provviżorju,

–        l-iffissar ta’ żmien determinat isegwi perijodu ta’ taħriġ jew ta’ studju sabiex jiffaċilita d-dħul tal-ħaddiem fil-ħajja tax-xogħol,

–        il-ħaddiem jissostitwixxi ħaddiem ieħor,

–        l-ispeċifiċità tax-xogħol ipprovdut tiġġustifika l-iffissar ta’ żmien determinat,

–        il-limitu huwa marbut ma’ perijodu ta’ prova,

–        raġunijiet li jirrigwardaw lill-ħaddiem personalment li jiġġustifikaw l-iffissar ta’ żmien determinat,

–        il-ħaddiem huwa mħallas mill-fondi tal-baġit previsti għal xogħol għal żmien determinat u huwa impjegat skont din l-iskema,

–        iż-żmien determinat ġie stabbilit bi qbil bejn il-partijiet quddiem qorti.

(2)      Il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat hija awtorizzata fin-nuqqas ta’ raġuni oġġettiva fil-limitu ta’ sentejn. Fl-imsemmi limitu, kuntratt għal żmien determinat ma jistax jiġġedded għal iktar minn tliet darbiet. Il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat skont l-ewwel sentenza ma hijiex awtorizzata meta l-ħaddiem ikun diġà kellu relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat jew indeterminat mal-istess persuna li timpjega. Ftehim kollettiv jista’ jidderoga mill-ewwel sentenza billi jistabbilixxi n-numru ta’ drabi li jista’ jkun hemm tiġdid jew it-tul ta’ żmien massimu. Il-persuna li timpjega u l-ħaddiema tas-settur ikkonċernat minn ftehim kollettiv iżda li ma humiex marbuta b’dan il-ftehim jistgħu jiftiehmu dwar l-applikazzjoni tal-ftehim.

(3)      Il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva meta l-ħaddiem ikun għalaq l-età ta’ 58 sena dakinhar li tibda r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. L-iffissar ta’ żmien determinat ma huwiex legali meta teżisti rabta stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega. Tali rabta oġġettiva stretta hija preżunta b’mod partikolari meta l-intervall bejn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħol ikun ta’ inqas minn 6 xhur.

(4)      Il-limitu tat-tul ta’ kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi indikat bil-“miktub.”

10      L-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ġie emendat bl-ewwel liġi għall-provvista ta’ servizzi moderni fis-suq tax-xogħol (Erstes Gesetz für moderne Dienstleistungen am Arbeitsmarkt), tat-23 ta’ Diċembru 2002, (BGBl. 2002 I, p. 4607). Il-verżjoni l-ġdida tal-imsemmija dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003, tipprovdi:

“Il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva meta l-ħaddiem ikun għalaq l-età ta’ 58 sena dakinhar li tibda r-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat. L-iffissar ta’ żmien determinat ma huwiex legali meta teżisti rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega. Tali rabta oġġettiva stretta hija preżunta b’mod partikolari meta l-intervall bejn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħol ikun ta’ inqas minn 6 xhur. Sal-31 ta’ Diċembru 2006, għandha tiġi applikata l-ewwel sentenza billi tinqara l-età ta’ 52 sena minnflok 58 sena”.

11      Il-liġi intiża sabiex itejjeb il-possibbiltajiet ta’ impjieg ta’ persuni ta’ ċerta età (Gesetz zur Verbesserung der Beschäftigungschancen älterer Menschen), ġiet adottata fid-19 ta’ April 2007. Mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi fl-1 ta’ Mejju 2007, l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ġie mfassal mill-ġdid.

 Il-ftehim kollettiv

12      L-Artikolu 19 tal-ftehim kollettiv Nru 1, applikabbli għall-ekwipaġġ tal-kabina ta’ Lufthansa (MTV Nr. 1 Kabine, iktar ’il quddiem, il-“ftehim kollettiv”) jipprovdi:

“Tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba li jintlaħaq il-limitu tal-età

1)      Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm – mingħajr ma jkun neċessarju avviż minn qabel – fit-tmiem tax-xahar li fih l-impjegat jagħlaq l-età ta’ 55 sena.

2)      Taħt il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità fiżika u professjonali, il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi estiż, permezz ta’ ftehim reċiproku, lil hinn mill-età ta’ 55 sena.

Jekk il-kuntratt ta’ xogħol ta’ membru tal-ekwipaġġ jiġi estiż, huwa jintemm – mingħajr ma jkun neċessarju avviż minn qabel – fit-tmiem tax-xahar li fih il-membru tal-ekwipaġġ jagħlaq sena oħra. Estensjoni oħra hija possibbli. Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm, f’kull każ – mingħajr ma jkun neċessarju avviż minn qabel – fit-tmiem tax-xahar li fih il-membru tal-ekwipaġġ jagħlaq l-età ta’ 60 sena.

3)      wara li jilħqu l-limitu tal-età, sa fejn u sakemm ikunu kapaċi jkomplu joffru servizz, il-membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jiġu impjegati sabiex iwettqu attività oħra fi ħdan il-kumpannija, peress li attività ta’ ekwipaġġ tal-kabina ma tistax tibqa’ tiġi kkunsidrata. F’dan il-każ, madankollu, huma ma jistgħu jinvokaw, fuq il-bażi tal-attività preċedenti tagħhom ta’ membru tal-ekwipaġġ, l-ebda dritt għaż-żamma tas-salarju mħallas sa dak iż-żmien. Ma jeżistix obbligu li l-attività tibqa’ għaddejja, la minn naħa ta’ [Lufthansa], u lanqas min-naħa tal-membru tal-ekwipaġġ.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      G. Kumpan twieldet fit-12 ta’ April 1945. Hija bdiet taħdem mal-kumpannija tal-ajru PanAmerican World Airways Inc. (iktar ’il quddiem “PanAm”), bħala air hostess fil-15 ta’ Marzu 1971.

14      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kuntest tax-xiri tal-attiv ta’ PanAm, Lufthansa impjegat parti mill-persunal ta’ din tal-aħħar, fosthom G. Kumpan. Fil-15 ta’ Marzu 1991, G. Kumpan u Lufthansa kkonkludew kuntratt ta’ xogħol li kien fih id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv, fosthom l-Artikolu 19 tiegħu, dwar il-limiti tal-età applikabbli għall-ekwipaġġ tal-kabina.

15      Fl-1 ta’ Mejju 1991, G. Kumpan ġiet inkluża fl-ekwipaġġ tal-kabina ta’ Lufthansa.

16      Fit-12 ta’ April 2000, G. Kumpan għalqet l-età ta’ 55 sena. Skont il-qorti tar-rinviju, minn din id-data, hija kkonkludiet, kull sena ma’ Lufthansa, kuntratt ġdid għal żmien determinat ta’ sena, skont l-Artikolu 19 tal-ftehim kollettiv, sabiex tokkupa l-pożizzjoni ta’ air hostess part‑time.

17      Il-kuntratt ikkontestat ġie konkluż fit-23 ta’ Jannar 2004, is-sena li fiha G. Kumpan kellha tagħlaq 59 sena. Dan il-kuntratt, ta’ perijodu ta’ sena, kellu jintemm fit-30 ta’ April 2005, l-aħħar ġurnata tax-xahar li fih ir-rikorrenti kellha tagħlaq sittin sena.

18      B’ittra tal-25 ta’ Novembru 2004, G. Kumpan talbet, mingħajr suċċess, estensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, lil hinn mit-30 ta’ April 2005.

19      Fit-13 ta’ April 2005, G. Kumpan ippreżentat, quddiem l-Arbeitsgericht Frankfurt am Main, rikors għaż-żamma tal-impjieg tagħha minn Lufthansa billi sostniet li t-terminu tat-30 ta’ April 2005 kien mingħajr effett. Insostenn tat-talba tagħha, hija sostniet, minn naħa, li l-limitu tal-età ta’ 60 sena, previst fl-Artikolu 19(2) tal-ftehim kollettiv, ma kienx ġustifikabbli oġġettivament fis-sens tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG. Hija sostniet, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data li fiha l-kuntratt ikkontestat ġie konkluż, kien imur kontra d-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant ma setax jiġi applikat fil-konfront tagħha.

20      L-Arbeitsgericht Frankfurt am Main ċaħdet din it-talba. Fl-appell, il-Hessisches Landesarbeitsgericht ħassret din id-deċiżjoni. Lufthansa ppreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht, sabiex tiġi ristabbilita d-deċiżjoni meħuda fl-ewwel istanza.

21      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundesarbeitsgericht esponiet li ddeċidiet, permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Lulju 2002, li klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol meta l-impjegat jagħlaq 55 sena, prevista minn ftehim kollettiv applikabbli fuq l-ekwipaġġ tal-kabina, ma hijiex ġustifikabbli oġġettivament. Din il-pożizzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li, bil-kontra tas-sitwazzjoni tal-persunal tal-kabina tal-piloti, il-każijiet li fihom nuqqas marbut mal-età ta’ membru tal-ekwipaġġ ikun jista’ jirriżulta f’riskju serju għall-passiġġieri, u għall-membri tal-ekwipaġġ l-oħra, huma tant teoretiċi u improbabbli li ma jistax jiġġustifika l-limitu ta’ 55 sena stabbilit għal dan it-tip ta’ impjegati.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li din is-soluzzjoni tista’ tiġi trasposta għal-limitu ta’ età ffissat għal 60 sena fl-Artikolu 19(2) tal-ftehim kollettiv. Fil-fatt, din il-qorti tikkunsidra li r-riskju għas-sigurtà tal-avjazzjoni marbuta mal-età tal-ekwipaġġ tal-kabina huwa rilevanti biss fil-każ ta’ evakwazzjoni urġenti ta’ ajruplan. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ma tipprovdi età massima għall-ekwipaġġ tal-kabina, li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-persunal tal-kabina tal-piloti. Minn dan, din il-qorti tiddeduċi li l-partijiet fi ftehim kollettiv ma jistgħu jirreferu għall-ebda regola internazzjonali sabiex jiġġustifikaw l-evalwazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ riskju eventwali dovut għan-nuqqasijiet marbuta mal-età tal-ekwipaġġ tal-kabina.

23      Konsegwentement, din il-qorti tqis li l-ebda raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tat-TzBfG ma tiġġustifika ż-żmien determinat ta’ kuntratt ta’ xogħol tat-23 ta’ Jannar 2004 u lanqas il-limitu ta’ età previst fl-Artikolu 19(2) tal-ftehim kollettiv.

24      Barra minn hekk, il-Bundesarbeitsgericht tikkunsidra li l-Artikolu 14(2) tat-TzBfG ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

25      Għaldaqstant, hija tqis li, fin-nuqqas ta’ rabta oġġettiva stretta bejn dan il-kuntratt u kuntratt għal żmien indeterminat preċedentement konkluż mal-istess persuna li timpjega, il-konklużjoni tal-kuntratt ikkontestat tista’ tiġi ġġustifikata biss fid-dawl tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3) tat-TzBfG.

26      Issa, fid-dawl tas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981), il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-konformità tal-Artikolu 14(3) tat-TzBfG mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif ukoll l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu fil-kawża prinċipali.

27      Din il-qorti għandha dubju wkoll dwar il-konformità tal-Artikolu 14(3) tat-TzBfG mal-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas, li għandu bħala għan li jipproteġi lill-ħaddiema mill-abbużi li jirriżultaw mill-kuntratti jew mir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 1, 2(1) u 6(1) tad-Direttiva [2000/78 u/jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni legali nazzjonali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001, li abbażi tagħha jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mingħajr kundizzjonijiet oħra ma’ ħaddiema sempliċement għaliex dawn laħqu l-età ta’ 58 sena?

2)      Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas [...], għandu jiġi interpretata fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tawtorizza, mingħajr kundizzjonijiet oħra u mingħajr limitu ta’ żmien, il-konklużjoni ta’ numru illimitat ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss [determinat] konsekuttivi fin-nuqqas ta’ raġuni oġġettiva sempliċement għaliex, fil-mument li fih tibda r-relazzjoni kuntrattwali għal żmien fiss, il-ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 58 sena u ma jkun hemm l-ebda rabta oġġettiva stretta ma’ relazzjoni preċedenti ta’ xogħol għal żmien indefinit [indeterminat] mal-istess persuna li timpjega?

3)      Fil-każ li l-ewwel żewġ domandi jingħataw risposta fl-affermattiv:

      Il-qrati nazzjonali huma marbuta li ma japplikawx id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

29      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, għal kull ħaddiem li għandu iktar minn 58 sena, il-konklużjoni ta’ numru illimitat ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi mingħajr raġuni oġġettiva, sakemm ma teżistix rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat preċedenti, konkluż mal-istess persuna li timpjega. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hijiex marbuta li ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Ftehim Qafas jitlaq mill-premessa li tgħid li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 61). L-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat huwa għaldaqstant ta’ natura eċċezzjonali fil-konfront tal-kuntratti għal żmien indeterminat.

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa maħsub bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold, punt 64, kif ukoll Adeneler et, punt 62). Minn dan hija ddeduċiet li l-Ftehim Qafas huwa intiż sabiex jillimita l-użu suċċessiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrati bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-dannu tal-ħaddiema, billi jipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

32      Għaldaqstant, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas hija speċifikament intiża sabiex jiġi pprevenut l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Għal dan il-għan, l-imsemmija klawżola timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jintroduċu fis-sistema legali tagħhom għall-inqas waħda mill-miżuri elenkati fl-imsemmi punt 1(a) sa (ċ) meta fl-Istat Membru kkonċernat ma jkunux diġà jeżistu dispożizzjonijiet legali ekwivalenti ddestinati sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64 u 65; tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 44, kif ukoll Vassallo, C‑180/04, Ġabra p. I‑7251, punt 35).

33      Il-miżuri elenkati b’dan il-mod, li jammontaw għal tlieta, jikkonċernaw rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti.

34      Madankollu, il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas tassenja għan ġenerali lill-Istati Membri, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbużi, filwaqt li tħalli f’idejhom l-għażla tal-mezzi sabiex jaslu għal dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 70).

35      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa fil-fatt parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li għal dan il-għan jirrikorru għal waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

36      Isegwi li bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jilħqu dan l-għan, madankollu bil-kundizzjoni li jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt tal-Unjoni, hekk kif dan jirriżulta mhux biss mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, iżda wkoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68, Digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C‑364/07, punt 87, kif ukoll is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, Ġabra p. I‑3071, punt 80).

37      Is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas għandha wkoll tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipji ġenerali tiegħu kif ukoll tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Mangold, punti 50 sa 54 u 63 sa 65, kif ukoll Angelidaki et, punt 85).

38      Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG għandu bħala għan li jiffavorixxi l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema anzjani qiegħda, sa fejn dawn ikollhom diffikultajiet serji sabiex jerġgħu jsibu impjieg.

39      Għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, bħala mezz ta’ implementazzjoni ta’ dan l-għan leġittimu fil-qasam tal-politika tal-impjieġ, ma huwiex indirizzat biss lill-ħaddiema anzjani qiegħda, iżda japplika wkoll għall-ħaddiema kollha li jissodisfaw kundizzjoni ta’ età.

40      Minkejja li huwa intiż sabiex jiffavorixxi l-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema anzjani qiegħda, l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG għandu l-effett li jnaqqas il-livell ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema anzjani kollha billi jċaħħadhom mill-miżuri kollha ta’ protezzjoni stabbiliti fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas, u intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

41      Fil-fatt, għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ma jipprovdi l-ebda waħda mill-miżuri stabbiliti fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-Ftehim Qafas u intiżi sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Bil-kontra, l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG jipprovdi li l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mal-ħaddiema li laħqu ċerta età ma hijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva. Din id-dispożizzjoni ma fiha l-ebda kundizzjoni fir-rigward tat-tul massimu totali tal-kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew għan-numru ta’ tiġdid possibbli tagħhom.

42      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali li sempliċement tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt permezz ta’ liġi jew regolament, l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi ma hijiex konformi mar-rekwiżiti hekk kif ippreċiżati fil-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas (ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71).

43      Tali dispożizzjoni, li ma tiġġustifikax b’mod speċifiku l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi permezz tal-eżistenza ta’ fatturi oġġettivi relatati mal-karatteristiċi tal-attività kkonċernata u mal-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha, tinvolvi riskju reali li jsir użu abbużiv minn dan it-tip ta’ kuntratti u b’hekk ma hijiex kompatibbli mal-għan u mal-effett utli tal-Ftehim Qafas (sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

44      Madankollu, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas, leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, mingħajr il-ħtieġa ta’ raġuni oġġettiva u mingħajr ma timponi tul massimu totali ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi jew mingħajr ma timponi numru massimu ta’ tiġdid, tista’ titqies li hija konformi mal-Ftehim Qafas jekk is-sistema legali nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat tinkludi miżura oħra ekwivalenti effettiva sabiex tevita, u jekk ikun il-każ, tippenalizza, l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Adeneler et, punt 105; Marrosu u Sardino, punt 49, kif ukoll Vassallo, punt 34).

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG jistabbilixxi limitu fuq l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat għall-persuni li laħqu l-limitu ta’ età previst. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni teskludi l-iffissar ta’ żmien determinat “meta teżisti rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega” u tippreċiża li “[t]ali rabta oġġettiva stretta hija preżunta meta l-intervall bejn iż-żewġ kuntratti ta’ xogħol huwa ta’ inqas minn 6 xhur”.

46      Dan il-limitu għandu jiġi interpretat b’konformità mal-għan tal-Ftehim Qafas u b’tali mod li ma jċaħħadx mis-sustanza tiegħu l-prinċipju li l-kuntratti għal żmien indeterminat jikkostitwixxu l-forma ġenerali tar-relazzjonijiet ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

47      Issa, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dan il-limitu previst fl-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, ma jistax jiġi applikat għall-kuntratt ikkontestat. Minkejja li dan il-kuntratt kien ġie konkluż għal attività identika għal dik li kienet is-suġġett tal-kuntratti preċedenti u jippreżenta rabta ta’ kontinwità diretta fiż-żmien ma’ dawn il-kuntratti, il-qorti tar-rinviju tqis li ma jippreżentax “rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat” fis-sens tal-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, peress li r-rikorrenti kien ilha impjegata mill-1 ta’ Mejju 2000 fuq il-bażi ta’ kuntratti għal żmien determinat.

48      Din l-interpretazzjoni twassal sabiex tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-unika restrizzjoni għall-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, li jiġi konkluż numru illimitat ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi mingħajr raġuni oġġettiva. Fil-fatt, l-imsemmi limitu allegatament ma huwiex applikabbli fis-sitwazzjonijiet fejn kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma kienx immedjatament ippreċedut minn kuntratt għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega u meta intervall ta’ diversi snin jissepara lil dawn il-kuntratti, minkejja li, waqt dan il-perijodu kollu, ir-relazzjoni ta’ impjieg inizjali tkompliet għall-istess attività, mal-istess persuna li timpjega, permezz ta’ suċċessjoni mhux interrotta ta’ kuntratti għal żmien determinat.

49      Tali interpretazzjoni twassal ukoll sabiex sitwazzjoni ta’ fatt bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi approvata biss minħabba l-fatt li terminu ta’ erba’ snin jissepara l-konklużjoni tal-kuntratt ikkontestat minn dik tal-ewwel kuntratt għal żmien determinat u, dan, minkejja l-fatt li G. Kumpan, li kellha anzjanità kunsiderevoli fil-pożizzjoni tagħha, rat ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħha tiġi ttrasformata f’suċċessjoni mhux interrotta ta’ ħames kuntratti ta’ sena għall-eżekuzzjoni tal-istess doveri.

50      Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan tal-Ftehim Qafas u tal-klawżola 5(1) ta’ dan tal-aħħar, li huwa li l-ħaddiema jiġu protetti mill-instabbiltà tal-impjieg u li jipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

51      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas ma tidhirx li hija, mil-lat tal-kontenut tagħha, mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jagħmlu użu, sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, minn waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella minn miżuri legali ekwivalenti eżistenti, u dan kollu filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti l-protezzjoni minima li għandha, f’kull każ, tiġi implementata taħt il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 196).

52      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għad-direttiva inkwistjoni (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C‑106/89, Ġabra p. I‑4135, punt 8, kif ukoll Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 197).

53      Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali hija effettivament inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE għaliex din tippermetti lill-qrati nazzjonali jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 198).

54      Ċertament, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta din tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b’mod partikolari minn dawk ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività, u din ma tistax isservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 199).

55      Madankollu, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 200).

56      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli u meta jkun seħħ użu abbużiv minn kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, interpretazzjoni u applikazzjoni sabiex dan l-abbuż jiġi ppenalizzat b’mod xieraq u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

57      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega”, previst fl-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, għandu jiġi applikat għal sitwazzjonijiet fejn kuntratt għal żmien determinat ma kienx immedjatament ippreċedut minn kuntratt għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega u meta intervall ta’ diversi snin jissepara lil dawn il-kuntratti, meta, waqt dan il-perijodu kollu, ir-relazzjoni ta’ impjieg inizjali tkompliet għall-istess attività, mal-istess persuna li timpjega, permezz ta’ suċċessjoni mhux interrotta ta’ kuntratti għal żmien determinat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mal-imsemmija klawżola 5(1).

58      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u għat-tielet domandi, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “rabta oġġettiva stretta ma’ kuntratt ta’ xogħol preċedenti għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega”, previst fl-Artikolu 14(3) tal-Liġi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge und zur Änderung), tal-21 ta’ Diċembru 2000, għandu jiġi applikat għal sitwazzjonijiet fejn kuntratt għal żmien determinat ma kienx immedjatament ippreċedut minn kuntratt għal żmien indeterminat konkluż mal-istess persuna li timpjega u meta intervall ta’ diversi snin jissepara lil dawn il-kuntratti, meta, waqt dan il-perijodu kollu, ir-relazzjoni ta’ impjieg inizjali tkompliet, għall-istess attività, mal-istess persuna li timpjega, permezz ta’ suċċessjoni mhux interrotta ta’ kuntratti għal żmien determinat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mal-imsemmija klawżola 5(1).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.