1. Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP — Direttiva 1999/70
(Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 8(3))
2. Politika soċjali — Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż miċ-CES, mill-UNICE u miċ-CEEP — Direttiva 1999/70
(it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 8(3))
1. Il-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li neħħiet l-obbligu li min iħaddem jispeċifika, fil-kuntratti għal żmien determinat li għandhom l-għan li jissostitwixxu ħaddiema assenti, l-ismijiet ta’ dawn il-ħaddiema u r-raġunijiet għas-sostituzzjoni tagħhom, u li tipprevedi biss li tali kuntratti għal żmien determinat għandhom ikunu bil-miktub u għandhom jindikaw ir-raġunijiet li għalihom intużaw dawn il-kuntratti, sa fejn dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda huma mpaċija bl-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn ta’ garanzija jew protezzjoni jew sa fejn jaffettwaw biss kategorija limitata ta’ ħaddiema li kkonkludew kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fil-fatt, sa fejn dawn il-ħaddiema ma jirrappreżentawx parti sinjifikattiva tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat fl-Istat Membru kkonċernat, it-tnaqqis tal-protezzjoni li tibbenefika minnu kategorija limitata ta’ ħaddiema ma jistax, fih innfisu, jaffettwa globalment il-livell ta’ protezzjoni applikabbli fis-sistema legali interna għall-ħaddiema marbuta b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat.
Barra minn hekk, l-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-garanziji l-oħra kollha li hija tipprevedi biex tiżgura l-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema impjegati b’kuntratt għal żmien determinat, bħall-miżuri li jipprevjenu l-użu abbużiv minn kuntratti għal żmien determinat suċċessivi u dawk li għandhom l-għan li jipprojbixxu d-diskriminazzjonijiet li jsiru kontra l‑ħaddiema li kkonkludew tali kuntratti.
(ara l‑punti 44, 46, 48 u d‑dispożittiv 1)
2. Peress li l-klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u mis-CEEP, ma għandhiex effett dirett, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju jkollha tikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, hija ma għandhiex twarrab l-applikazzjoni tagħha, imma għandha tagħtiha sa fejn ikun possibbli, intepretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/70 u mal-għan finali li dan il-ftehim qafas irid jilħaq.
Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi madankollu jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tal-ftehim qafas inkwistjoni u sabiex jaslu għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnu.
(ara l-punti 53, 55 u d-dispożittiv 2)