Kawża C-90/09 P

General Química SA et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Grupp ta’ impriżi — Responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li tkun il-kap ta’ grupp”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2.        Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3.        Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36)

4.        Appell — Aggravji — Żball ta’ liġi

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

1.        Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum kollu kemm hu mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

Minħabba n-natura konfutabbli tagħha, din il-preżunzjoni ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li żżomm il-kapital soċjali kollu tas-sussidjarja tagħha, li kienet tkun kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali li fuqu huwa bbażat d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Sabiex tiġi invertita din il-preżunzjoni, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija nnifisha u s-sussidjarja tagħha, b’mod li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

(ara l-punti 39, 40, 50-52)

2.        Kumpannija holding tista’ tiġi miżmuma responsabbli in solidum għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn sussidjarja fil-grupp tagħha li ma żżomx il-kapital soċjali tagħha b’mod dirett, u dan jekk kemm-il darba din il-kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja, anki jekk tali influwenza tkun teżisti b’mod indirett permezz ta’ kumpannija intermedjarja. Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu mill-kumpannija intermedjarja, u l-intermedjarja stess ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, kemm il-kumpannija holding, il-kumpannija intermedjarja u kif ukoll l-aħħar sussidjarja tal-grupp jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

Fil-każ partikolari fejn 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent, li min-naħa tagħha din il-kumpannija intermedjarja żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja fil-grupp tagħha u fejn tali sussidjarja tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti l-preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija holding teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja, u b’mod indirett permezz ta’ din tal-aħħar, teżerċita l-istess influwenza fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja. Għaldaqstant, f’din is-sitwazzjoni speċifika, il-Kummissjoni għandha l-jedd li tobbliga lill-kumpannija holding sabiex, in solidum, tħallas il-multa imposta fuq l-aħħar sussidjarja tal-grupp, sakemm din il-kumpannija holding ma tinvertix din il-preżunzjoni billi turi li kemm il-kumpannija intermedjarja u anki l-imsemmija sussidjarja jaġixxu fis-suq b’mod awtonomu.

(ara l-punti 86-89)

3.        Il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li jippermetti lill-interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

Is-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali tillimita ruħha għal sempliċi affermazzjoni ta’ prinċipju, mingħajr ma turi b’mod ċar u inekwivoku l-motivi li wassluha għall-konklużjoni tagħha, u għaldaqstant ma tesponix ir-raġunijiet li fuqhom ibbażat l-imsemmija konklużjoni, hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

(ara l-punti 59, 61, 62)

4.        Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi meta, fl-analiżi tal-aġir ta’ sussidjarja li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hija ma teżaminax fil-fond il-provi allegati sabiex tintwera l-awtonomija kummerċjali ta’ sussidjarja fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha, u tiċħad l-argumenti tar-rikorrenti billi tagħmel sempliċi riferiment għal ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, peress li l-Qorti Ġenerali hija marbuta, fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, li tevalwa l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja li jistgħu jwasslu sabiex jiġi stabbilit li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumpannija parent tagħha u li dawn iż-żewġ kumpanniji ma jiffurmawx entità ekonomika waħda, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni u teżamina b’mod konkret l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex juru l-awtonomija tas-sussidjarja fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha, u dan sabiex tivverifika jekk il-Kummissjoni għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat dawn il-provi bħala li ma jurux li tali sussidjarja ma tiffurmax entità ekonomika waħda flimkien mal-kumpannija parent tagħha.

Tali verifika hija iktar u iktar neċessarja peress li l-awtonomija ta’ sussidjarja fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha tifforma parti min-numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu lill-appellanti sabiex jinvertu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq l-aġir tas-sussidjarja, elementi li n-natura tagħhom u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull waħda minnhom.

(ara l-punti 75-78)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Jannar 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Grupp ta’ impriżi – Responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni mwettaq mis-sussidjarji tagħha – Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li tkun il-kap ta’ grupp”

Fil-Kawża C‑90/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2009,

General Química SA, stabbilita f’Alava (Spanja),

Repsol Química SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Repsol YPF SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, u J. Jiménez‑Laiglesia Oñate, avukati

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, J.‑J. Kasel, M. Ilešič, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom General Química SA (iktar ’il quddiem “GQ”), Repsol Química SA (iktar ’il quddiem “RQ”) u Repsol YPF SA (iktar ’il quddiem “RYPF”) qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Diċembru 2009) tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química et vs Il‑Kummissjoni, (T‑85/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (ex Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (ex Crompton Corporation), General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA (Kawża COMP/F/C.38.443) – Prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku (ĠU 2006 L 353, p. 50, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), u imponiet fuq dawn il-kumpanniji, b’mod konġunt, multa għall-parteċipazzjoni tagħhom f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        GQ hija kumpannija Spanjola li tipproduċi ċerti tipi ta’ prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lasktu. Hija sussidjarja 100 % ta’ RQ, liema kumpannija hija sussidjarja 100 % ta’ RYPF.

3        Fit-12 ta’ April 2005, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej innotifikat lill-appellanti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet relattiva għal proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).

4        Bid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni ddikjarat lil RQ u RYPF, imsejħa flimkien bħala “Repsol”, flimkien u in solidum responsabbli għall-ksur imwettaq minn GQ.

5        F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni esponiet fl-imsemmija deċiżjoni li kumpannija parent tista’ tiġi kkunsidrata a priori bħala responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħha li jkunu 100 % kkontrollati minnha, iżda li huwa possibbli li din il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq tali sussidjarji tiġi invertita mill-kumpannija parent.

6        Il-Kummissjoni ppreċiżat li tali inverżjoni ta’ preżunzjoni ma tistax tirriżulta mill-affermazzjoni li l-kumpannija parent ma pparteċipatx direttament fil-ħsieb jew li ma kinitx infurmata bih, jew li ma inkoraġġietx lis-sussidjarji tagħha sabiex jadottaw komportament illeċitu. Il-Kummissjoni kkunsidrat bl-istess mod li l-fatt li RQ u RYPF ma assumewx ir-responsabbiltà għat-tmexxija fuq bażi regolari u lanqas amministrazzjoni operazzjonali ta’ GQ, ma kienx biżżejjed sabiex din il-preżunzjoni tiġi invertita.

7        Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li, f’dan il-każ, anki jekk l-amministratur waħdieni ta’ GQ iddelega l-poteri tiegħu relattivi għat-tmexxija operazzjonali taghħa, huwa xorta jkun meqjus bħala “rabta” bejn GQ u RQ, għax bih, l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji ġew komunikati lill-kumpannija parent. Barra minn hekk, ir-riżultati finanzjarji ta’ GQ ġew ikkonsolidati ma’ dawk ta’ “Repsol”, bil-konsegwenza li l-profitti jew it-telf ta’ GQ kienu riflessi fil-profitti u t-telf tal-grupp.

8        F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-Artikolu 1(f) sa (h) tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-appellanti kienu pparteċipaw, bejn il-31 ta’ Ottubru 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2000, f’numru ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fir-rigward tal-iffissar tal-prezzijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali fuq ċerti prodotti kimiċi destinati għall-ipproċessar tal-lasktu, madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, bi ksur tal-Artikolu 81 u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992.

9        Bħala konsegwenza, fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni mmultat lil GQ, lil RQ u lil RYPF, in solidum, multa ta’ EUR 3.38 miljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nhar it-8 ta’ Marzu 2006, l-appellanti ppreżentaw rikors abbażi tal-Artikolu 230 KE, fejn talbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża.

11      Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma invokaw tliet motivi. L-ewwel motiv kien jirrigwarda żball evidenti ta’ evalwazzjoni u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà in solidum tal-appellanti. It-tieni u t-tielet motiv, li ma humiex ulterjorment inkwistjoni għaliex ma humiex indikati fl-appell, kienu jirrigwardaw rispettivament diversi żbalji ta’ liġi li l-Kummissjoni allegatament għamlet meta kkalkulat il-multa, kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

12      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG Telefunken vs Il‑Kummissjoni (107/82, Ġabra p. 3151, punt 49), u tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 26), ġurisprudenza li minnha jirriżulta li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta mhux biżżejjed sabiex jeskludi l-possibilità li l-kumpannija parent tiġi miżmuma responsabbli għall-aġir tagħha, speċjalment jekk tali sussidjarja ma taġixxix b’mod awtonomu fis-suq, iżda tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija liha mill-kumpannija parent tagħha.

13      Barra minn hekk, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent tikkontrolla 100 % lis-sussidjarja tagħha u liema sussidjarja tkun aġixxiet b’mod illegali, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li dik il-kumpannija parent teżerċita effettivament influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (b’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod illi dawn iż-żewg kumpanniji jikkostitwixxu impriża waħda taħt l-Artikolu 81 KE (b’referenza għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Tokai II”, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, punt 59). Għaldaqstant hija l-kumpannija parent li, quddiem il-qorti Komunitarja, tkun qiegħda tikkontesta deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponilha multa għall-aġir imwettaq mis-sussidjarja tagħha, li għandha tinverti din il-preżunzjoni billi tressaq provi li juru l-awtonomija ta’ din tal-aħħar, u għalhekk il-Qorti Ġenerali tirreferi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29).

14      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, għalkemm fl-imsemmija sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni l-Qorti tal-Ġustizzja kienet invokat ċirkustanzi differenti milli ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, dan sar biss għall-iskop sabiex tesponi t-totalità tal-elementi li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ir-raġunament tagħha fid-deċiżjoni attakkata fl-ambitu ta’ din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-imsemmija preżunzjoni għall-eżistenza ta’ provi supplementari.

15      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex b’hekk tiġi stabbilita l-preżunzjoni li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja fis-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha fir-rigward ta’ ftehim illegali li fihom tali sussidjarja tkun ipparteċipat, anki jekk jirriżulta li l-kumpannija parent ma kinitx involuta direttament f’dawn il-ftehim, sakemm din tal-aħħar ma tippruvax li s-sussidjarja tagħha għandha aġir awtonomu fis-suq.

16      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li, f’dan il-każ, “il-Kummissjoni ma injoratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali meta rreferiet għaż-żamma ta’ 100 % tal-kapital ta’ GQ mill-kumpanniji parent tagħha […] sabiex iżżommhom responsabbli għall-aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar”.

17      Il-Qorti Ġenerali osservat iktar tard, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li RYPF u RQ ma ssottomettew l-ebda element relattiv għal rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejniethom u GQ sabiex juru l-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ din is-sussidjarja.

18      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qalet, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, saħqu favur l-eżistenza ta’ entità unika, u jiġifieri li l-amministratur waħdieni ta’ GQ aġixxa dejjem bħala “rabta” ma’ RQ, li RYPF ikkonsolidat il-kontijiet ta’ GQ u ta’ RQ fuq livell ta’ grupp, u finalment, li RQ u RYPF irrispondew għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet b’mod konġunt.

19      Barra minn hekk, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-fatt li nhar it-22 ta’ Ottubru 2002 RQ ordnat lil GQ sabiex twaqqaf kull prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, wara spezzjoni li seħħet fl-istabbilimenti ta’ GQ nhar is-27 ta’ Settembru 2002, kienet tikkostitwixxi prova biżżejjed tal-influwenza determinanti eżerċitata minn RYPF u RQ dwar il-politika ta’ GQ, mhux biss fis-suq, iżda wkoll fir-rigward tal-aġir ta’ ksur li jikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża.

20      Sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali eżaminat. fil-punti 71 sa 76 tas-sentenza appellata. jekk, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni għamlitx xi żball ta’ evalwazzjoni li jirrigwarda l-elementi ta’ prova ppreżentati mill-appellanti jew jekk hi injorathomx b’mod żbaljat, bil-mod kif ġej:

“71      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-fatt li l-attivitajiet tas-sussidjarja huma differenti, anki kompletament, mill-attivitajiet tal-grupp jew anki l-fatt li l-kumpannija parent ippruvat, mingħajr suċċess, terġa’ tbiegħ lis-sussidjarja, mhux biżżejjed sabiex jaqilbu l-preżunzjoni li RQ u RYPF huma responsabbli. Anki jekk gruppi ta’ impriżi u kumpanniji holding frekwentement ikollhom attivitajiet ta’ negozju differenti u xi kultant ibiegħu wħud mis-sussidjarji tagħhom, huma xorta jitqiesu bħala li jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punti 78 u 82).

72      Barra minn dan, il-Kummissjoni, bi tweġiba għat-talba għal dokumenti mressqa mir-rikorrenti, ipproduċiet lill-Qorti Ġenerali dokument li jinkludi l-minuti tal-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sa 2000 u li jsemmi r-riżultati finanzjari ta’ GQ u riżoluzzjoni dwar il-bejgħ ta’ kumpannija ta’ GQ f’Silquímica SA u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli ta’ GQ. Jekk il-bord tad-diretturi ta’ RQ għandu rwol sinjifikattiv f’diversi aspetti essenzjali fl-istrateġija ta’ GQ, bħal pereżempju, il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew il-bejgħ ta’ kumpannija holding, u jirriserva l-poter ta’ deċiżjoni finali f’dan ir-rigward, jirriżulta li hu jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ GQ.

73      Fir-rigward tal-argument dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni fis-sħubija tal-organi tal-kumpanniji rikorrenti, għandu jingħad li mill-ittra tal-5 ta’ April 2004 mibgħuta minn GQ lill-Kummissjoni u prodotta mir-rikorrenti waqt il-proċedura prekontenzjuża jidher li [kunfidenzjali] kien kemm president tal-bord tad-diretturi ta’ GQ mill-1996 sal-2000 u anki membru fil-bord tad-diretturi ta’ RQ mill-1998 sal-1999. Barra minn dan, tajjeb li jissemma li, meta mistoqsija dwar dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti rrikonoxxew, tal-inqas b’mod impliċitu, li kien hemm din is-sovrapożizzjoni.

74      Bl-istess mod, l-argumenti li jallegaw li fid-deċiżjoni [kontenzjuża] l-Kummissjoni ma eżaminatx il-provi fattwali kollha li wrew li l-uffiċjali eżekuttivi ta’ GQ biss iddeċidew dwar il-politika kummerċjali tagħha u implementawha, mingħajr ma RQ kienet ġiet informata jew mitluba tawtorizza dan, ma jistgħux jintlaqgħu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. L-istess huwa minnu dwar l-argument li l-informazzjoni li ngħatat lil RQ minn GQ ma kinitx tikkonċerna l-politika kummerċjali imma r-riżultati finanzjarji tas-sussidjarja.

75      Fir-rigward tar-relazzjoni bejn GQ u Repsol Italia, fid-deċiżjoni [kontenzjuża], irid jingħad li l-Kummissjoni hija korretta li tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegat kunflitt ta’ interessi bejn GQ u l-kumpanniji parent tagħha billi tgħid li RYPF tikkonsolida l-kontijiet tal-grupp, li hu magħmul minn numru ta’ sussidjarji li jinkludi lil GQ u lil Repsol Italia. Barra minn dan, il-Kummissjoni hija wkoll korretta meta tgħid li r-relazzjoni hija sabiex issaħħaħ il-preżunzjoni li hemm impriża waħda.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jiġi konkluż, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 264 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jaqilbu l-preżunzjoni li l-kumpanniji parent huma responsabbli.”

21      Finalment, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-ebda argument imressaq b’mod sussidjarju mill-kumpanniji appellanti ma’ kien ta’ natura li jista’ jinvalida d-deċiżjoni kontenzjuża.

22      B’mod partikolari, fil-punti 78 sa 83 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kif jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza relattiva għas-suġġett, il-preżunzjoni tar-responsabbiltà li toħroġ miż-żamma tal-kapital tapplika mhux biss f’każijiet fejn hemm relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, imma anki f’każijiet bħall-kawża preżenti, fejn ir-relazzjoni hija indiretta, minħabba sussidjarja intermedjarja.

23      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-ewwel motiv imressaq insostenn tar-rikors għal annullament.

24      Billi ddeċidiet li l-motivi l-oħra lanqas ma kienu fondati, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors fit-totalità tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

25      Fl-appell, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fil-parti fejn tiċħad il-motiv tal-annullament relatat ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ motivazzjoni sabiex l-appellanti jinstabu responsabbli in solidum;

–        tannulla l-Artikolu 1(g) u (h) u l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li dawn jiddikjaraw li RYPF u RQ huma responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-ksur li GQ wettqet tal-Artikolu 81(1) KE u, sussidjarjament, sa fejn id-deċiżjoni kontenzjuża hi kontra RYPF, u

–        fiż-żewġ każijiet, li tnaqqas il-multa b’mod xieraq.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

27      L-appellanti invokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi relattivi għall-imputazzjoni lil RQ u lil RYPF, rispettivament, tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li wettqet GQ.

 Fuq l-ewwel aggravju, dwar żbalji ta’ liġi relattivi għall-imputazzjoni lil RQ tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE li wettqet GQ

28      L-ewwel aggravju mqajjem mill-appellanti jinqasam essenzjalment fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti, dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti li kumpannija parent għandha fuq sussidjarja kkontrollata minnha 100 %

–       L-argumenti tal-partijiet

29      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, b’mod żbaljat, li, sabiex iżżomm lil kumpannija parent responsabbli għall-aġir ta’ ksur ta’ sussidjarja li tagħha hija żżomm 100 % tal-kapital, il-Kummissjoni setgħet iżżomm ma’ kriterju li ma għandu l-ebda rabta mal-ksur li sar minn tali sussidjarja.

30      Huwa minnu li s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237), tikkonferma l-leġittimità tal-applikazzjoni ta’ preżunzjoni f’dak ir-rigward. Minkejja dan, il-Kummissjoni tkun xorta waħda obbligata tippreżenta provi supplementari sabiex il-kumpannija parent tkun miżmuma responsabbli għall-aġir tas-sussidjarja tagħha.

31      Għaldaqstant, kif joħroġ ċar mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, Daimler Chrysler vs Il‑Kummissjoni (T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 218, u tas-26 ta’ April 2007, Bolloré vs Il‑Kummissjoni (T‑109/02, T‑118/02, T‑122/02, T‑125/02, T‑126/02, T‑128/02, T‑129/02, T‑132/02 u T‑136/02, Ġabra p. II‑947, punt 132), u sa ċertu punt, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax tiġi meħlusa milli tivverifika, f’kull każ, jekk il-kumpannija parent eżerċitatx poter effettiv ta’ tmexxija ta’ sussidjarja tagħha u jekk din applikatx l-istruzzjonijiet riċevuti.

32      Skont il-Kummissjoni, din it-teżi tmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita. Fil-fatt, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq AEG Telefunken vs Il‑Kummissjoni, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-eżistenza ta’ preżunzjoni fis-sens li sussidjarja li tkun ikkontrollata 100 % mill-kumpannija parent tagħha ssegwi politika abbozzata mill-istess organi statutorji li jistabbilixxu l-politika ta’ din tal-aħħar. Dan jippermetti li l-kumpannija parent tinżamm responsabbli ta’ ksur imwettaq mis-sussidjarja tagħha stess anki fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-involviment tal-imsemmija kumpannija parent fil-fatti li jikkostitwixxu l-ksur li jkun seħħ.

33      Kuntrarjament għal dak allegat mill-appellanti, ir-rikors għal tali preżunzjoni ma jipprevedix inverżjoni tal-preżunzjoni, iżda jiswa biss sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ prova rikjest sabiex kumpannija parent tkun tistà tiġi miżmuma responsabbli għal attivitajiet kollużivi li huma attribwiti lis-sussidjarja tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34      Għandu qabelxejn jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jirrappreżenta kwalunkwe entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatut ġuridiku ta’ dik l-entità u l-mod ta’ kif tiġi ffinanzjata (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 112; tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 107, u tal-11 ta’ Lulju 2006, FENIN vs Il‑Kummissjoni, C‑205/03 P, Ġabra p. I‑6295, punt 25).

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 40; Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq, punt 55, u dik tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni C‑407/08 P, Ġabra p. I-00000, punt 64).

36      Fejn tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, tirrispondi għal tali ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummisjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fir-rigward tal-kwistjoni relattiva għal f’liema ċirkustanzi persuna ġuridika li ma wettqitx hija stess ksur tista’ xorta waħda tiġi mmultata, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kumpannija parent tista’ tiġi miżmuma responsabbli għall-aġir ta’ sussidjarja tagħha, b’mod partikolari meta, għalkemm għandha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment hija tapplika l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet (sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummisjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u b’hekk jiffurmaw impriża waħda għall-finijiet tal-Artikolu 81 KE u, għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li fiha timponi multi lill-kumpannija parent mingħajr ma jkollha għalfejn tistabbilixxi l-implikazzjoni personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

39      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tagħti prova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum kollu kemm hu mill-kumpannija parent tagħha sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tqis lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tinverti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61).

41      Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li argumentaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali osservat korrettament, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li, anki jekk huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja evokat fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ċirkustanzi oħra minbarra ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital mill-kumpannija parent, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li tali ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja osservathom biss bl-għan li tesponi l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha f’din il-kawża, u mhux sabiex tissuġġetta l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-produzzjoni ta’ provi supplementari fir-rigward tal-fatt li l-kumpannija parent effettivaent eżerċitat influwenza fuq is-sussidjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

42      Minn dawn il-kunsiderazzjonjiet kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 59 sa 63 tas-sentenza appellata, li, ġaladarba kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni juris tantum li tgħid li din il-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

43      Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, li tallega żbalji fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent fuq l-aġir ta’ sussidjarja kkontrollata 100 %.

L-argumenti tal-partijiet

44      L-appellanti jesponu, fl-ewwel lok, li, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tassumi l-eżerċizzju effettiv tal-kumpannija parent bħala wieħed ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha li tagħha hija għandha ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital, il-Qorti Ġenerali tkun xorta waħda għamlet żball ta’ liġi f’dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli fil-qasam tal-prova, billi llimitat b’mod eċċessiv il-possibiltà li tinverti tali preżunzjoni, u billi introduċiet mekkaniżmu ta’ responsabbiltà awtomatika li jmur kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

45      Fit-tieni lok, dwar l-evalwazzjoni tal-elementi ta’ prova ppreżentati sabiex jinvertu l-imsemmija preżunzjoni, l-appellanti jallegaw li l-elementi analizzati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 66 tas-sentenza appellata ma jwasslux għall-konklużjoni li teżisti entità ekonomika waħda.

46      Fit-tielet lok, huma jsostnu li, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-komunikazzjoni li permezz tagħha, wara l-ispezzjoni li saret mill-Kummissjoni, RQ ordnat lill-kumpanniji kollha fi ħdan il-grupp tagħha, fosthom GQ, sabiex iwaqqfu kull prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur, għar-raġuni li din il-komunikazzjoni ma stabbilietx li RQ kienet taf bl-aġir attribiwit lil GQ.

47      Fir-raba’ lok, l-istess punti tas-sentenza appellata jistgħu wkoll ikunu vizzjati bi żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika u ta’ motivazzjoni, dan sakemm l-imsemmija komunikazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex turi l-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda bejn RQ u GQ.

48      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-inverżjoni, mill-kumpannija parent, tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ipprovdiet numru ta’ indikazzjonijiet li jikkonfermaw il-leġittimità tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex wieħed jiddeċiedi jekk sussidjarja għandhiex aġir awtonomu fis-suq, hemm bżonn illi jiġu eżaminati l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi, li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija parent.

49      Issa, skont il-Kummissjoni, l-appellanti naqsu milli juru li l-Qorti Ġenerali għamlet xi żbalji fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Fir-rigward tal-ewwel ilment dwar żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta naqqset il-possibiltajiet għall-kumpannija parent li tinverti l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ sussidjarja tagħha li tagħha hija għandha ż-żamma ta’ 100 % tal-kapital, għandu jissemma li, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, tali qorti ġustament ikkonstatat li hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kwalunkwe element relattiv għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn l-istess kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha b’mod li juru li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda.

51      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li, sabiex tiġi invertita l-preżunzjoni li kumpannija parent li żżomm 100 % tal-kapital soċjali tas-sussidjarja tagħha teżerċita influwenza determinanti fuqha, hija l-kumpannija parent li għandha tissottometti għall-evalwazzjoni tal-qorti tal-Unjoni l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn il-kumpannija nnifisha u s-sussidjarja tagħha, b’mod li turi li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

52      Tajjeb li jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, minħabba n-natura konfutabbli tagħha, din il-preżunzjoni, li tista’ tiġi invertita f’kull każ partikolari billi jsir riferiment għall-elementi kollha msemmija mill-Qorti Ġenerali, ma twassalx għal attribuzzjoni awtomatika ta’ responsabbiltà lill-kumpannija parent li żżomm il-kapital soċjali kollu tas-sussidjarja tagħha, li kienet tkun kontra l-prinċipju ta’ responsabbiltà personali li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

53      B’konsegwenza ta’ dan, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

54      Fir-rigward tat-tieni u t-tielet ilmenti, dwar żball li għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sens li l-elementi analizzati fil-punt 66 tas-sentenza appellata ma jwasslux għall-konklużjoni li teżisti entità ekonomika waħda, u ta’ żnaturar fil-punti 68 u 69 tal-imsemmija sentenza, tal-ordni kkomunikata minn RQ lil GQ, fis-sens li din tal-aħħar ma tistabbilixxix li RQ kienet taf bl-aġir attribwit lil GQ, għandu jiġi osservat li dawn jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tas-siltiet rilevanti tal-imsemmija sentenza.

55      Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx, meta kkunsidrat l-elementi analizzati fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li hemm l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda. Hija llimitat ruħha li tikkonstata li dawn l-elementi, li diġà kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, jikkorroboraw l-eżistenza ta’ entità waħda u, għaldaqstant, ma jippermettux li l-preżunzjoni kontra RQ tiġi invertita.

56      Min-naħa l-oħra, fil-punti 68 u 69 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx mill-ordni kkomunikata lil GQ minn RQ li din tal-aħħar kienet taf b’mod ċert bl-aġir ta’ ksur attribwit lill-GQ, iżda kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tal-appellanti, li tikkonferma l-komunikazzjoni tal-imsemmi ordni lil GQ, kienet biżżejjed sabiex waħedha tagħti prova li RQ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u t-tielet ilmenti għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala li ma humiex fondati.

58      Bis-saħħa tar-raba’ ilment, l-appellanti jallegaw, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti motivazzjoni, fis-sens li hija allegatament ma indikatx biżżejjed ir-raġunijiet li fuqhom, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, hija kkunsidrat l-imsemmija dikjarazzjoni tal-appellanti fir-rigward tal-ordni kkomunikata lil GQ minn RQ kienet biżżejjed, waħedha, sabiex tagħti prova li RQ teżerċita influwenza effettiva fuq il-politika ta’ GQ.

59      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, b’mod li tippermetti lill-interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Telecom vs Il‑Kummissjoni C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkunsidra, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li l-komunikazzjoni li biha, wara l-ispezzjoni li saret fl-istabbilimenti ta’ GQ fis-27 ta’ Settembru 2002, RQ ordnat lil GQ sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li setgħet tikkostitwixxi ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni, hija biżżejjed sabiex tagħti prova li RQ teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ, u dan mhux biss fis-suq, iżda wkoll fl-aġir ta’ ksur, li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kontenzjuża.

61      B’hekk, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha għal sempliċi affermazzjoni ta’ prinċipju, mingħajr ma qagħdet turi b’mod ċar u inekwivoku l-motivi li wassluha għal tali konklużjoni.

62      Minn dan jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet li fuqhom ibbażat l-imsemmija konklużjoni.

63      Bħala konsegwenza, dan l-ilment huwa fondat, filwaqt li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju, dwar żbalji ta’ liġi u ta’ motivazzjoni fl-eżaminazzjoni tal-elementi mressqa mill-appellanti bl-għan li jinvertu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ RQ fuq l-aġir ta’ GQ.

–       L-argumenti tal-partijiet

64      L-appellanti jressqu sussidjarjament diversi lmenti kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 71 sa 75 tas-sentenza appellata.

65      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali allegatament żnaturat, fil-punt 71 tal-imsemmija sentenza, il-fatt li GQ twettaq attivitajiet differenti minn dawk ta’ RQ, apparti l-fatt li, b’mod żbaljat, ma tat l-ebda importanza lid-diversi tentattivi li RQ għamlet sabiex tittrasferixxi l-kumpannija GQ lil terzi bejn l-1993 u l-2004. Fil-fatt, tali elementi kieku kienu jikkostitwixxu prova ċara tan-nuqqas ta’ interess li RQ għandha lejn l-attivitajiet ta’ GQ.

66      Fit-tieni lok, kuntrarjament għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ RQ ma għamlu qatt referenza għal GQ ħlief għal żewġ okkażjonijiet fuq perijodu ta’ tmien snin li ddekorrew bejn l-1998 u l-2005, juru n-nuqqas totali ta’ interess ta’ RQ fl-attivitajiet ta’ GQ.

67      Fit-tielet lok, skont l-appellanti, l-eżistenza ta’ koinċidenza tal-organi amministrattivi ta’ RQ u GQ, osservata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, tikkonċerna biss persuna waħda u għaldaqstant din il-koinċidenza kienet biss ta’ natura purament marġinali.

68      Fir-raba’ lok, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament ċaħdet, b’mod żbaljat u mingħajr ma analizzathom, minn naħa, l-elementi li juru li d-diriġenti ta’ GQ biss kienu jiddeterminaw u jimplementaw il-politika kummmerċjali ta’ din il-kumpannija u, min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet li l-informazzjoni mogħtija lil RQ minn GQ kienet tikkonċerna biss ir-riżultati finanzjarji ta’ din tal-aħħar.

69      Fil-ħames lok, f’dak li jikkonċerna l-konnessjoni bejn GQ u l-kumpannija Repsol Italia, il-Qorti Ġenerali allegatament żbaljat meta kkunsidrat, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li l-konsolidazzjoni tal-kontijiet magħmula minn RYPF fir-rigward tal-grupp kollu kienet tissostanzja l-argument tal-Kummissjoni, filwaqt li r-relazzjoni ta’ aġenzija mhux esklużiva li teżisti bejn GQ u din il-kumpannija tagħti prova tal-awtonomija kummerċjali ta’ GQ.

70      Il-Kummissjoni tirribatti li l-appellanti ma wrewx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali tant li tinverti l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha, ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, naqset milli tanalizza jew żnaturat. L-argumenti mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward għandhom karattru ġenerali ħafna u huma infondati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni, C‑266/06 P, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 31).

72      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu legalment, u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u produzzjoni tal-provi jkunu ġew imħarsa, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi mressqa quddiemha. Tali evalwazzjoni ma tikkostitwix, b’riżerva għall-każ fejn ikun hemm żnaturar ta’ dawn l-elementi, punt ta’ liġi, suġġett bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza General Motors vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52; sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra p. I‑8831, punt 83; u s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2008, Angelidis vs Il‑Parlament, C‑103/07 P, punt 46).

73      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar l-allegat żnaturar, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, tal-eżerċizzju min-naħa ta’ GQ, anki qabel ma hija bdiet tifforma parti mill-grupp RQ, ta’ attivitajiet differenti minn ta’ din u tat-tentattivi ta’ RQ sabiex tbiegħ lil GQ bejn l-1993 u l-2004, minn naħa, u l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-fatti analizzati fil-punti 72, 73 u 75 ta’ tali sentenza, min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-appellanti, b’dawn l-ilmenti, qegħdin jipprovaw biss li jerġgħu jdaħħlu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi jikkontestaw il-valur li l-Qorti Ġenerali tat lil dawn il-provi fl-analiżi tagħha.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-appellanti realment la jallegaw li kien hemm żnaturar tal-fatti li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sabiex waslet għall-osservazzjonijiet tagħha u lanqas żball ta’ kwalifikazzjoni ġuridika tagħhom, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 71 u 72 tas-sentenza preżenti, dawn l-ilmenti għandhom jitwarrbu u jiġu meqjusa bħala mhux milqugħa.

75      F’dak li mbagħad jirrigwarda l-ilment li permezz tiegħu l-appellanti qegħdin ifittxu li juru l-mod insuffiċjenti, jew aħjar, il-mod kontradittorju tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali u l-iżball ta’ liġi li hi allegatament wettqet fil-parti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata relattiva għaċ-ċaħda tal-provi mressqa mir-rikorrenti sabiex juru l-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ GQ fir-rigward ta’ RQ, għandu jiġi osservat li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fil-fond dawn il-provi, iżda hija ċaħdet l-argumenti tagħhom billi għamlet sempliċi riferiment għall-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fis-sentenza appellata.

76      Madanakollu xorta għandu jiġi kkonstatat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 58 u 60 tal-imsemmija sentenza appellata mhux biss ma tipprovdix elementi li jwasslu għall-esklużjoni ta’ tali argumenti mingħajr ma ssir analiżi speċifika tagħhom, iżda fil-verità tobbliga lill-Qorti Ġenerali, kif osservat hija stess fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, sabiex tevalwa l-elementi kollha relattivi għar-rabtiet organizzazzjonali, ekonomiċi u ġuridiċi bejn RQ u GQ li jwasslu sabiex jiġi stabbilit li din tal-aħħar taġixxi b’mod awtonomu mill-kumannija parent tagħha u li, għaldaqstant, iż-żewġ kumpanniji ma jiffurmawx entità ekonomika waħda.

77      Tali verifika kienet iktar u iktar neċessarja peress li l-awtonomija ta’ GQ fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha tifforma parti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, min-numru ta’ elementi rilevanti li jippermettu lill-appellanti sabiex jinvertu l-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ RQ fuq l-aġir ta’ GQ, elementi li n-natura tagħhom u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi ta’ kull waħda minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 73 u 74).

78      Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant kienet marbuta li tikkunsidra u teżamina b’mod konkret l-elementi tressqu mir-rikorrenti bl-għan li juru l-awtonomija ta’ GQ fl-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha, u dan sabiex tivverifika jekk il-Kummissjoni għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kienet ikkunsidrat dawn il-provi bħala li ma jurux, f’dan il-każ, li tali sussidjarja ma tiffurmax entità ekonomika waħda flimkien ma’ RQ.

79      Minn dak li ntqal jirriżulta li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qalet, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa bl-iskop li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali awtonomija ma setgħux jilħqu dan l-għan “fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata”, mingħajr ma jsir eżami konkret tal-elementi mressqa mill-appellanti.

80      Għalhekk hemm lok li l-ilment preżenti jintlaqa’, bit-tielet parti tal-ewwel aggravju tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament.

 Fuq it-tieni aggravju, fir-rigward ta’ żball ta’ liġi li jikkonċerna l-fatt li RYPF inżammet responsabbli għall-ksur li GQ wettqet tal-Artikolu 81(1) KE

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti sostnew li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta estendiet b’mod awtomatiku r-responsabbiltà tas-sussidjara li wettqet il-ksur għal fuq il-kumpannija li tmexxi l-grupp li minnu l-imsemmija sussidjarja tifforma parti.

82      Meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali żammet lil RYPF responsabbli tal-inkapaċità ta’ RQ li tirribatti r-responsabbiltà tagħha kwantu għall-aġir ta’ GQ. Minn dan jirriżulta li r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn sussidjarja jkun attribwit b’mod sistematiku lill-kumpannija parent li tmexxi l-grupp li minnu l-imsemmija sussidjarja tifforma parti, u dan mingħajr ma jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikulari ta’ kull każ, speċjalment fir-rigward tal-ammont ta’ kumpanniji intermedjarji, in-natura jew l-attivitajiet tagħhom, u anki r-rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi ta’ bejniethom.

83      Skont il-Kummissjoni, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ġenerali tikkonferma li l-preżunzjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza fuq sussidjarja taqa’ fuq il-kumpannija parent li tmexxi grupp ta’ kumpanniji, anki jekk il-kontroll fuq tali sussidjarja huwa wieħed “mill-bogħod” u “mhux dirett”.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Ir-risposta għall-aggravju preżenti titlob li jiġi determinat jekk, u eventwalment taħt liema kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lil kumpannija li tmexxi grupp ta’ kumpanniji (iktar ’il quddiem “kumpannija holding”), f’dan il-każ RYPF, responsabbiltà in solidum għall-ksur ta’ regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea li jkun twettaq minn kumpannija, f’dan il-każ, GQ, li l-kapital ta’ din il-kumpannija jkun miżmum minn kumpannija intermedjarja li tifforma parti mill-istess grupp, f’dan il-każ RQ, li hija stess hija kkontrollata 100 % mill-kumpannija holding.

85      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, b’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punti 34 sa 38 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tista’, f’ċertu każijiet, tiddeċiedi li timponi multa għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea fuq kumpannija mingħajr ma jkollha għalfejn toqgħod tistabbilixxi l-influwenza diretta tagħha f’dan il-ksur, b’mod partikolari fejn is-sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent tagħha.

86      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi eskluż li kumpannija holding tista’ tiġi miżmuma responsabbli in solidum għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mwettaq minn sussidjarja fil-grupp tagħha li ma żżomx il-kapital soċjali tagħha b’mod dirett, u dan jekk kemm-il darba din il-kumpannija holding teżerċita influwenza determinanti fuq l-imsemmija sussidjarja, anki jekk tali influwenza tkun teżisti b’mod indirett permezz ta’ kumpannija intermedjarja. Dan ikun b’mod partikolari l-każ fejn is-sussidjarja ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu mill-kumpannija intermedjarja, u l-intermedjarja stess ma tiddeterminax l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent.

87      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, kemm il-kumpannija holding, il-kumpannija intermedjarja u kif ukoll l-aħħar sussidjarja tal-grupp jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u għaldaqstant, jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

88      Jirriżulta li, kif stqarr l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 fil-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ partikolari fejn 100 % tal-kapital ta’ kumpannija intermedjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent, li min-naħa tagħha din il-kumpannija intermedjarja żżomm il-kapital kollu ta’ sussidjarja fil-grupp tagħha u li tali sussidjarja tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti l-preżunzjoni konfutabbli li din il-kumpannija holding teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-aġir tal-kumpannija intermedjarja, u b’mod indirett permezz ta’ din tal-aħħar, teżerċita l-istess influwenza fuq l-aġir tal-imsemmija sussidjarja.

89      Għaldaqstant, f’din is-sitwazzjoni speċifika, il-Kummissjoni għandha l-jedd li tobbliga lill-kumpannija holding sabiex, in solidum, tħallas il-multa imposta fuq l-aħħar sussidjarja tal-grupp, sakemm din il-kumpannija holding ma tinvertix din il-preżunzjoni billi turi li kemm il-kumpannija intermedjarja u anki dik sussidjarja jaġixxu fis-suq b’mod awtonomu (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, punt 29, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 61).

90      Minn dak imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li l-preżunzjoni tar-responsabbiltà ddeterminata mill-fatt li kumpannija tkun iżżomm il-kapital kollu ta’ kumpannija oħra, tapplika mhux biss fil-każ meta tkun teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda tapplika wkoll fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, din ir-relazzjoni hija indiretta meta tikkunsidra l-involviment ta’ kumpannija oħra. Għaldaqstant, huwa ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 64 u 80 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti jistgħu jiġu meqjusa mill-Kummissjoni bħala responsabbli in solidum, b’mod partikolari minħabba l-parteċipazzjoni totali ta’ RQ f’GQ, u l-parteċipazzjoni totali ta’ RYPF f’RQ.

91      B’hekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

92      Minn dak imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata fil-parti sa fejn hija tiċħad ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sal-punt li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet ikkunsidrati insostenn tal-konklużjoni li l-komunikazzjoni ta’ RQ fejn tordna lil GQ sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni hija prova biżżejjed li RQ kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ GQ mhux biss fis-suq, iżda wkoll fir-rigward tal-imġiba ta’ ksur li tikkostitwixxi s-suġġett tad-deċiżjoni kontenzjuża, u sa fejn, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina b’mod konkret l-elementi ppreżentati mill-appellanti bl-għan li juru l-awtonomija ta’ GQ waqt id-determinazzjoni u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha.

93      Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

94      B’konformità mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża jekk din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

 L-argumenti tal-partijiet

95      Fl-ewwel lok, l-appellanti jsostnu li, wara l-ispezzjoni li saret fis-27 ta’ Settembru 2002 fl-istabbilimenti ta’ GQ, fit-22 ta’ Ottubru 2002, RQ ordnat lill-kumpanniji kollha fil-grupp tagħha, u għaldaqstant anki lil GQ, sabiex iwaqqfu kwalunkwe prattika li tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

96      Dan il-fatt juri li RQ u RYPF ma pparteċipawx fl-aġir ta’ ksur attribwit lil GQ, ma kellhom kuntatt ma’ ebda impriża involuta fl-akkordju inkwistjoni, ma pparteċipaw la fl-ippjanar tad-deċiżjoni tagħha u lanqas fl-implementazzjoni, ma kinux infurmati minn impriżi oħra dwar il-fatti inkwistjoni, u fl-aħħar nett, ma kinux infurmati minn GQ dwar l-aġir tagħha.

97      Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li waqt il-proċedura prekontenzjuża, RYPF u GQ pprovdew lill-Kummissjoni b’sett ta’ dokumenti bl-għan li jinvertu l-preżunzjoni tar-responsabbiltà li kienet taqa’ fuqhom fir-rigward ta’ tali aġir, u li jagħtu prova tal-awtonomija kummerċjali u operazzjonali ta’ GQ. Dawn il-provi ġew evalwati b’mod żbaljat, jew injorati, mill-Kummissjoni.

98      B’mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet żball evidenti ta’ evalwazzjoni tal-provi materjali tal-fatt li juri li GQ kellha awtonomija totali sabiex topera fis-suq, li d-diriġenti ta’ din il-kumpannija għandhom delega totali u prokura sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi kollha relatati mad-direzzjoni, ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tinnota wkoll li l-informazzjoni mogħtija minn GQ lil RQ kienet limitata għar-rendikont tar-riżultati fir-rigward ta’ baġits u pjanijiet strateġiċi jew kummerċjali stabbiliti mid-diriġenti ta’ GQ.

99      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-appellanti naqsu milli jinvertu l-preżunzjoni tar-responsabbiltà ta’ RQ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100    Sabiex jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet preżenti, irid jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni żbaljatx fl-evalwazzjoni peress li, minn naħa, l-ordni lil GQ minn RQ turi li din tal-aħħar la kienet taf bil-ksur inkwistjoni, la pparteċipat f’dan il-ksur, u lanqas ma inkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex twettaq tali ksur, u min-naħa l-oħra, li l-provi ppreżentati relattivi għall-awtonomija tad-diriġenti ta’ GQ fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija juru li hi tistabbilixxi b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq.

101    F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam, fl-ewwel lok, mal-ordni mogħtija lil GQ minn RQ, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-proċess, din l-ordni kienet ta’ natura ġenerali u destinata mhux esklużivament għal GQ, iżda għall-kumpanniji kollha li jiffurmaw parti mill-grupp, u li tali ordni ngħatat sentejn u nofs wara li GQ waqfet mill-aġir antikompetittiv li allegatament wettqet.

102    Ċertament, tali elementi jimmilitaw favur nuqqas ta’ għarfien tal-ksur attribwit lil GQ, ta’ parteċipazzjoni f’dan il-ksur u anki tal-inkoraġġiment sabiex twettaq tali ksur. Madankollu, kuntrarjament għal dak imressaq mill-appellanti, dak li jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ timponi multa fuq l-imsemmija kumpannija parent ma huwiex il-fatt li l-kumpannija parent inkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex twettaq ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u lanqas ma huwa xi involviment dirett minn din tal-ewwel f’tali ksur imwettaq minn din tat-tieni, iżda huwa l-fatt li ż-żewġ kumpanniji jikkostitwixxu unità ekonomika waħda u għalhekk jiffurmaw impriża waħda abbażi tal-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 u 77).

103    Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, is-sempliċi ċirkustanza li RQ, minn naħa, ma kinitx taf bil-ksur ħlief wara l-ispezzjoni tas-27 ta’ Settembru 2002 fl-istabbilimenti ta’ GQ u, min-naħa l-oħra, ma pparteċipatx b’mod dirett f’dan il-ksur u lanqas ma inkoraġġiet sabiex jitwettaq dan il-ksur, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li ż-żewġ kumpanniji ma jiffurmawx unità ekonomika waħda. Tali ċirkustanza għaldaqstant mhux biżżejjed sabiex tinverti l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti minn RQ fuq l-aġir ta’ GQ.

104    F’dak li għandu x’jaqsam, fit-tieni lok, mal-argumenti relattivi għall-awtonomija preżunta tad-diriġenti ta’ GQ fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali ta’ din il-kumpannija, hemm lok li jiġi osservat li l-elementi mressqa mill-appellanti f’dan ir-rigward ma jurux li GQ tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u, għaldaqstant, li hi ma tiffurmax entità ekonomika waħda flimkien ma’ RQ. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li xi dokumenti ppreżentati mill-appellanti juru kompetenzi numerużi tal-immaniġġjar, direzzjoni u amministrazzjoni ta’ GQ li huma suġġetti għal delega favur tad-diriġenti tagħha, elementi oħra mid-dokumentazzjoni juru l-eżistenza ta’ indħil sinjifikattiv ta’ RQ fuq diversi aspetti mill-istrateġija u l-politika kummerċjali ta’ GQ.

105    F’dan ir-rigward, jaqbel li qabelxejn wieħed jirreferi għad-dikjarazzjoni tas-segretarju tal-kunsill tal-amministrazzjoni ta’ RQ tas-7 ta’ Ġunju 2005, li tinkludi estratti ta’ għadd ta’ minuti tal-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija li ddekorrew bejn l-1998 u l-2005. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-kunsill ta’ amministrazzjoni ta’ RQ intervjena b’mod sinjifikattiv, bejn l-1998 u l-2000, fuq ċerti aspetti essenzjali tal-politika ta’ GQ, b’mod partikolari bl-għan li jawtorizzaw, fis-17 ta’ April 1998, il-bejgħ tal-parteċipazzjoni ta’ GQ fil-kumpannija Silquímica SA u, fit-28 ta’ Jannar 1999, il-bejgħ ta’ beni immobbli ta’ GQ.

106    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-punt 262 tal-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ma effettivament ġiet ikkontestata mill-appellanti, l-amministratur waħdieni ta’ GQ appuntat minn RQ jikkostitwixxi, mill-aġir kostanti tiegħu, rabta bejn iż-żewg kumpanniji, li permezz tiegħu, informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ, il-produzzjoni u r-riżultati finanzjarji kienet tgħaddi għand RQ.

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward għal darba oħra tal-iskambju bejn id-diriġenti ta’ GQ u dawk ta’ RQ, il-fatt, kif ikkonfermat mill-appellanti stess, li jagħtu informazzjoni fuq l-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi u kummerċjali jikkostitwixxi indikazzjoni supplementari tal-eżistenza ta’ kontroll li RQ għandha fuq id-deċiżjonijiet meħuda u implementati mid-diriġenti ta’ GQ.

108    F’dan il-kuntest, ma għandha l-ebda rilevanza ċ-ċirkustanza li parti minn din l-informazzjoni tikkonċerna r-riżultati finanzjarji fir-rigward ta’ baġits annwali ta’ GQ, inkwantu kull kumpannija parent għandha l-obbligu li tikkonsolida l-kontijiet fuq livell tal-grupp tagħha.

109    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista’ jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma għamlitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-elementi ppreżentati mill-appellanti dwar, minn naħa, il-fatt li RQ ma kinitx taf bil-ksur inkwistjoni u lanqas ma pparteċipat f’dan il-ksur, u lanqas ma inkoraġġiet lis-sussidjarja tagħha sabiex tagħmel dan il-ksur, u, min-naħa l-oħra, il-mod ta’ kif tiġi ppjanata u implementata l-politika kummerċjali ta’ GQ, meta jiġu meħuda inkunsiderazzjoni mal-elementi l-oħra rilevanti fil-proċess, ma jurux li hija tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u ma jippermettux għalhekk, li tiġi invertita l-preżunzjoni li RQ eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ GQ.

110    B’konsegwenza ta’ dan, hemm lok li l-ilmenti mressqa mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament jiġu miċħuda.

111    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

113    Skont l-Artikolu 69(2) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn tal-aħħar, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

114    F’dan il-kuntest, peress li l-appellanti ngħataw raġun dwar l-essenza fil-kuntest tal-appell, iżda tilfu fit-talbiet tagħhom fil-kuntest tar-rikors għal annullament, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha relattivi għal din l-istanza, u li l-appellanti jbatu l-ispejjeż kollha relattivi għall-proċedura fl-ewwel istanza.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Diċembru 2008, General Química vs Il‑Kummissjoni (T‑85/06), hija annullata f’dak li jirrigwarda ċ-ċaħda tar-rikors ta’ General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/902/KE, tal-21 ta’ Diċembru 2005, dwar il-proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kontra Flexsys NV, Bayer AG, Crompton Manufacturing Company Inc. (ex Uniroyal Chemical Company Inc.), Crompton Europe Ltd, Chemtura Corporation (ex Crompton Corporation.), General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA (Kawża COMP/F/C.38.443 – Prodotti kimiċi għall-ipproċessar tal-lastku), inkwantu, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma esponietx ir-raġunijiet milqugħa insostenn tal-konklużjoni li skontha, il-komunikazzjoni fejn Repsol Química SA ordnat lil General Química SA sabiex twaqqaf kwalunkwe prattika li setgħet tikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet biżżejjed, hi waħedha, sabiex turi li Repsol Química SA teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika ta’ General Química SA mhux biss fis-suq, iżda wkoll f’dak li kellu x’jaqsam mal-aġir ta’ ksur, liema aġir kien is-suġġett tad-deċiżjoni 2006/902, u fejn, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina b’mod konkret l-elementi ppreżentati minn General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA bl-għan li turi l-awtonomija ta’ General Química SA fl-ippjanar u l-implementazzjoni tal-politika kummerċjali tagħha.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      Ir-rikors ippreżentat minn General Química SA, Repsol Química SA u Repsol YPF SA quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud.

4)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kollha relatati ma’ din l-istanza, u General Química SA, Repsol Química SA, kif ukoll Repsol YPF SA huma kkundannati għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura tal-ewwel istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.