Kawża C-72/09

Établissements Rimbaud SA

vs

Directeur général des impôts u Directeur des services fiscaux d’Aix-en-Provence

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza))

“Tassazzjoni diretta — Moviment liberu tal-kapital — Persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stat terz membru taż-Żona Ekonomika Ewropea — Pussess ta’ proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru — Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ din il-proprjetà — Rifjut ta’ eżenzjoni — Ġlieda kontra l-evażjoni fiskali — Evalwazzjoni fid-dawl tal-Ftehim ŻEE”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Jääskinen, ippreżentati fid-29 ta’ April 2010   I - 10662

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Ottubru 2010   I - 10680

Sommarju tas-sentenza

  1. Ftehim internazzjonali – Ftehim li joħloq iż-Zona Ekonomika Ewropea – Moviment liberu tal-kapital – Portata ġuridika identika għal dik tad-diżpozizzjonijiet Komunitarji

    (Artikolu 63 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 40 u Anness XII)

  2. Ftehim internazzjonali – Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea – Moviment liberu tal-kapital – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq il-valur fis-suq ta’ proprjetà immobbli fil-pussess ta’ persuni ġuridiċi

    (Ftehim ŻEE, Artikolu 40)

  1.  Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim li joħloq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa li jinkiseb bl-iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal-Komunità jiġi estiż għall-Istati tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA). F’din il-perspettiva, diversi dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim huma intiżi li jiggarantixxu l-iktar interpretazzjoni uniformi possibbli tiegħu fiż-ŻEE kollha. F’dan il-kuntest, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li r-regoli tal-Ftehim ŻEE, essenzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat FUE, jiġu interpretati b’mod uniformi fi ħdan l-Istati Membri.

    Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jirriżulta li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital u d-diskriminazzjoni li huma jistabbilixxu huma, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati partijiet fil-Ftehim ŻEE, irrispettivament minn jekk humiex membri tal-Unjoni jew tal-EFTA, identiċi għal dawk li d-dritt tal-Unjoni jimponi fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

    Minn dan jirriżulta li, għalkemm restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn ċittadini ta’ Stati partijiet fil-Ftehim ŻEE għandhom ikunu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 u tal-Anness XII tal-imsemmi ftehim, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess portata ġuridika bħal dik tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 63 TFUE.

    (ara l-punti 20-22)

  2.  L-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Europea (ŻEE), ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mit-taxxa fuq il-valur fis-suq tal-proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat u li tissuġġetta din l-eżenzjoni, għal kumpannija li s-sede tagħha tinsab fit-territorju ta’ Stat terz membru taż-ŻEE, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni dwar għajnuna amministrattiva konkluża bejn dan l-Istat Membru u dan l-Istat terz bil-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa jew għall-kundizzjoni li, b’applikazzjoni ta’ trattat li jinkludi klawżola ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, dawn il-persuni ġuridiċi ma għandhomx ikunu suġġetti għal taxxa ogħla minn dik li għaliha huma suġġetti l-kumpanniji stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru.

    Fil-fatt, għalkemm tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi, fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, restrizzjoni għall-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital, li, bħala regola ġenerali, hija pprojbita mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE bl-istess mod kif hija pprojbita mill-Artikolu 63 TFUE, il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u n-neċessità li tinżamm l-effettività tal-kontrolli fiskali huma evalwati b’mod differenti peress li l-qafas ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stabbilit mid-Direttiva 77/99, dwar l-għajnuna komuni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta, ma jeżistix bejnhom u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat terz meta dan tal-aħħar ma jkun ħa ebda impenn ta’ għajnuna reċiproka. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa bħala prinċipju leġittimu li Stat Membru jirrifjuta l-għoti ta’ dan il-vantaġġ jekk, b’mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta’ obbligu f’konvenzjoni ta’ dan l-Istat terz li jipprovdi informazzjoni, ikun impossibbli għalih li jikseb din l-informazzjoni mingħand dan tal-aħħar.

    (ara l-punti 29, 41, 44, 52 u d-dispożittiv)