Keywords
Summary

Keywords

1. Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Skema ta’ pagament uniku – Kunċett ta’ żona eliġibbli għall-appoġġ

(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, kif emendat bir‑Regolament Nru 2013/2006, Artikoli 2(ċ), u 44 (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 796/2004, Artikolu 2, punti 1 u 2)

2. Agrikoltura – Politika agrikola komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Skema ta’ pagament uniku – Kunċett ta’ żona li tifforma parti mill-azjenda tal-bidwi

(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, kif emendat bir‑Regolament Nru 2013/2006, Artikolu 44(2))

Summary

1. L-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il‑politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall‑bdiewa, kif emendat bir‑Regolament Nru 2013/2006, għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludiex li żona tkun eliġibbli għall‑appoġġ li, minkejja użata wkoll għal skopijiet agrikoli, isservi prinċipalment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura. Barra minn hekk, skont din id-dispożizzjoni, il‑fatt li bidwi huwa suġġett għall‑istruzzjonijiet tal‑amministrazzjoni responsabbli għall‑protezzjoni tan‑natura ma jċaħħadx attività li tikkorrispondi għad‑definizzjoni msemmija fl‑Artikolu 2(ċ) tal‑imsemmi regolament min‑natura agrikola tagħha.

Fil-fatt, il‑klassifikazzjoni ta’ “art li tinħadem” jew ta’ “mergħa permanenti” u, konsegwentement, dik ta’ “żona agrikola”, tiddependi mill‑użu effettiv tal‑artijiet inkwistjoni. Minn dan isegwi li l‑fatt li biċċiet ta’ art li huma effettivament użati bħala art li tinħadem jew mergħat permanenti jservu prinċipalment għall‑protezzjoni tan‑natura u għall‑konservazzjoni tal‑pajsaġġ ma jistax jipprekludi li tali biċċiet tal‑art jiġu kklassifikati bħala żona agrikola fis‑sens tal‑Artikolu 2(1) u (2) tar‑Regolament Nru 796/2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall‑implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir‑Regolament Nru 1782/2003, partikolarment peress li l-protezzjoni tal-ambjent tikkostitwixxi għan li jifforma parti mill‑politika komuni tal‑agrikoltura. Minn dan jirriżulta, minn naħa, li n‑natura predominanti tal‑għan ta’ protezzjoni tan‑natura u ta’ konservazzjoni tal‑pajsaġġ ta’ żona ma ċċaħħadiex min‑natura agrikola tagħha, fis‑sens tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, peress li l-imsemmija żona hija s‑suġġett ta’ uża effettiv bħala art li tinħadem jew bħala mergħa. Min-naħa l-oħra, peress li żona agrikola hija s‑suġġett ta’ attività agrikola fis‑sens tal‑Artikolu 2(ċ) ta’ dan ir-regolament, huwa irrilevanti, għall‑finijiet tal‑Artikolu 44(2) tiegħu, li din l‑attività għandha għan primarjament agrikolu jew ta’ protezzjoni tan‑natura.

(ara l-punti 37-39, 41, 47, 49, dispożittiv 1)

2. L-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il‑politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall‑bdiewa, kif emendat bir‑Regolament Nru 2013/2006, għandu jiġi interpretat fis‑sens li:

- ma huwiex neċessarju, sabiex żona agrikola titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda tal‑bidwi, li din tkun għad‑dispożizzjoni tiegħu permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew tip ieħor ta’ kuntratt tal‑istess tip konkluż bi ħlas;

- ma jipprekludix li ż‑żona titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda, li hija mqiegħda għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi bla ħlas, permezz tal‑fatt biss li l‑bidwi huwa responsabbili li jħallas il‑kontribuzzjonijiet dovuti lill‑assoċjazzjoni professjonali, għal użu speċifiku matul perijodu limitat skont l‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura, bil‑kundizzjoni li dan il‑bidwi jkun jista’ juża tali żona b’awtonomija suffiċjenti għal, tal‑inqas, perijodu ta’ għaxar xhur, u li;

- ma jikkawżax preġudizzju lir-rabta taż-żona kkonċernata mal-azjenda tal-bidwi l-fatt li dan għandu jwettaq bi ħlas ċerti kompiti għal terz, fejn din iż-żona hija użata wkoll mill-bidwi għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu f’ismu;

(ara l-punt 71, dispożittiv 2)