SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
17 ta’ Frar 2011 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 102 TFUE – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Prezzijiet applikati minn operatur ta’ telekomunikazzjonijiet – Servizzi intermedjarji ta’ ADSL – Servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali – Kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetitur”
Fil-Kawża C‑52/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-iStockholms tingsrätt (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2009, fil-proċedura
Konkurrensverket
vs
TeliaSonera Sverige AB,
fil-preżenza ta’:
Tele2 Sverige AB,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Konkurrensverket, minn C. Zackari u C. Landström kif ukoll minn S. Martinsson, bħala aġenti, assistiti minn U. Öberg, avukat,
– għal TeliaSonera Sverige AB, minn E. Söderlind u C. Mailund, avukati,
– għal Tele2 Sverige AB, minn C. Wetter u P. Forsberg, avukati,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Parpala u E. Gippini Fournier kif ukoll minn K. Mojzesowicz, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, fir-rigward tal-kriterji li abbażi tagħhom prattika tariffarja ta’ kompressjoni tal-marġni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Konkurrensverket (l-awtorità Svediża tal-kompetizzjoni) u TeliaSonera Sverige AB (iktar ’il quddiem, “TeliaSonera”), dwar talba ta’ din l-awtorità intiża sabiex l-imsemmija kumpannija tiġi kkundannata tħallas multa amministrattiva minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kompetizzjoni kif ukoll tal-Artikolu 82 KE.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
3 Fit-tmiem tas-snin 90 u fil-bidu tas-snin 2000 numru dejjem jikber ta’ utenti finali Svediżi ta’ servizzi tal-internet qalbu minn konnessjonijiet dial-up, b’veloċità ta’ trażmissjoni dgħajfa, għal diversi tipi ta’ konnessjonijiet broadband, b’veloċitajiet ta’ trażmissjoni kunsiderevolment ogħla. F’dak iż-żmien, il-forom l-iktar komuni ta’ konnessjonijiet broadband kienu dawk li jsiru permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat (iktar ’il quddiem “ADSL”) [“asymmetric (bit rate) digital subscriber line”]. Dawn il-konnessjonijiet kienu jużaw netwerk tat-telefonija fissa jew netwerk tat-televiżjoni bil-kejbil, jew ukoll local area network (LAN).
4 TeliaSonera, li qabel kienet Telia AB, hija l-operatur eżistenti Svediż tan-netwerk tat-telefonija fissa u preċedentement kellha drittijiet esklużivi. Hija ilha proprjetarja għal żmien twil ta’ netwerk għal aċċess lokali li jikkonsisti f’kejbils tal-metall li jilħqu kważi d-djar kollha fl-Isvezja. B’mod partikolari, hija l-propretarja tal-linja lokali (local loop), jiġifieri dik il-parti tan-netwerk telefoniku li tikkonsisti f’pari tar-ramm, li tikkonnettja l-exchange tal-operatur telefoniku mat-telefon tal-abbonat.
5 TeliaSonera offriet lill-operaturi l-oħra aċċess għal-linja lokali, permezz ta’ żewġ possibbiltajiet. Minn naħa, hija offriet dan l-aċċess disassoċjat, skont l-obbligi imposti fuqha mir-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 83).
6 Min-naħa l-oħra, TeliaSonera offriet lill-operaturi, mingħajr ma kienet marbuta bl-ebda obbligu leġiżlattiv, prodott ADSL intiż għas-servizzi intermedjarji. Dan il-prodott ippermetta lill-imsemmija operaturi jipprovdu s-servizzi tagħhom ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali.
7 Fl-istess żmien, TeliaSonera pproponiet servizzi ta’ konnessjoni broadband direttament lill-klijenti finali tagħha.
8 Skont il-Konkurrensverket, TeliaSonera, bejn ix-xahar ta’ April 2000 u x-xahar ta’ Jannar 2003, abbużat minn pożizzjoni dominanti sa fejn kienet applikat politika tariffarja li kellha bħala konsegwenza li d-differenza bejn il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti ADSL intiżi għas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet tal-bejgħ proposti lill-klijenti finali kienet insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż li TeliaSonera stess kellha ssostni għad-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi lill-imsemmija klijenti finali.
9 Fuq din il-bażi, il-Konkurrensverket ippreżenta talba quddiem l-iStockholms tingsrätt intiża għall-kundanna ta’ TeliaSonera għall-ħlas ta’ multa amministrattiva għall-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, bejn ix-xahar ta’ April 2000 u dak ta’ Jannar 2003, kif ukoll tal-Artikolu 82 KE, fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2001 u x-xahar ta’ Jannar 2003.
10 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li l-partijiet ma jaqblux fuq serje ta’ punti ta’ fatt, bħall-effetti eventwali li l-prattika inkwistjoni toħloq fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, id-definizzjoni tas-suq rilevanti li fih TeliaSonera żżomm pożizzjoni dominanti jew l-eżistenza stess ta’ tali pożizzjoni, il-qorti tar-rinviju hija madankollu marbuta tippreżenta f’din il-fażi t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, b’kunsiderazzjoni tar-regoli proċedurali interni. Issa, dawn, fil-kuntest ta’ domandi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdu li t-tingsrätt għandha tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll ta’ kwistjonijiet ta’ liġi fl-istess ħin tad-deliberazzjoni.
11 F’kull każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, anki jekk, wara li tipproċedi għall-evalwazzjoni tal-provi, hija tikkonkludi li l-prattika inkwistjoni ma tistax taffettwa l-iskambji bejn l-Istati Membri, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 102 TFUE xorta tibqa’ neċessarja, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni Svediża dwar il-kompetizzjoni hija bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni u l-interpretazzjoni tagħha tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dritt.
12 Konsegwentement, l-iStockholms tingsrätt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jkun hemm ksur tal-Artikolu [102 TFUE] ibbażat fuq id-differenza bejn il-prezz li bih impriża dominanti integrata vertikalment tbigħ provvisti ta’ servizzi intermedjarji ADSL lil kompetituri tagħha u l-prezz li bih hija tbigħhom lil klijenti finali?
2) Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huma biss il-prezzijiet applikati mill-impriża dominanti fir-rigward tal-klijenti finali tagħha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jew jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll prezzijiet applikati mill-kompetituri tagħha fis-suq tal-klijenti finali?
3) Il-fatt li l-impriża domininati m’għandhiex obbligu leġiżlattiv li tipprovdi servizzi intermedjarji, iżda ddeċidiet li tagħmel dan volontarjament, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
4) Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li din ikollha effetti li jirristrinġu l-kompetizzjoni u, jekk dan ikun il-każ, dawn kif jistgħu jiġu stabbiliti?
5) L-importanza tas-setgħa tas-suq li tgawdi minnha l-impriża dominanti għandha effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
6) Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża li adottata jkollha pożizzjoni dominanti kemm fis-suq tal-intermedjarji kif ukoll fis-suq tal-klijenti finali?
7) Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-prodott jew is-servizz provdut mill-impriża dominanti jkun indispensabbli?
8) Il-fatt li l-kunsinna hija lil klijent ġdid għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda?
9) Sabiex il-prattika deskritta fl-ewwel domanda tkun meqjusa bħala abbużiva, jeħtieġ li l-impriża dominanti jkollha probabbiltà li tirkupra t-telf tagħha?
10) Il-fatt li hija involuta teknoloġija ġdida f’suq, li teħtieġ investimenti kbar ħafna, għandu effett fuq ir-risposta għall-ewwel domanda, pereżempju minħabba spejjeż raġonevoli ta’ stabbiliment u l-eventwali neċessità ta’ bejgħ b’telf matul il-fażi ta’ stabbiliment?”
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi
13 Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, minħabba r-regoli proċedurali applikabbli fil-kawża prinċipali, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi punti ta’ fatt. B’mod partikolari, l-ebda suq rilevanti għadu ma ġie ddefinit u, konsegwentement, ma ġiex stabbilit li TeliaSonera għandha effettivament pożizzjoni dominanti. Bl-istess mod, għadu ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-aġir ta’ TeliaSonera affettwax l-iskambji bejn l-Istati Membri, u lanqas jekk l-Artikolu 82 KE kienx b’hekk effettivament applikabbli fil-kawża prinċipali.
14 F’dan ir-rigward, il-Gvern Pollakk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, sostna li l-prattiki tal-operaturi bħal TeliaSonera jaffettwaw, bħala prinċipju, l-iskambji bejn l-Istati Membri u li, għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa. Madankollu, l-imsemmi Gvern żied li, jekk, fil-kawża preżenti, l-iskambji bejn l-Istati Membri ma ġewx affettwati mill-aġir ta’ TeliaSonera, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni peress li, f’dan il-każ, tkun applikabbli biss il-liġi nazzjonali.
15 Issa, għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p. I‑10921, punt 22; tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 51, kif ukoll tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).
16 Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22; Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23, kif ukoll Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).
17 Fil-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ kwalsiasi konstatazzjoni ta’ punti ta’ fatt minn naħa tal-qorti tar-rinviju, bħall-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti miżmuma minn TeliaSonera jew ta’ elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-iskambji bejn l-Istati Membri ġew affettwati minħabba l-aġir tagħha, ma jistax fih innifsu jostakola lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrispondi b’mod utli għad-domandi tal-iStockholms tingsrätt. Fil-fatt, ir-risposta għad-domandi magħmula tista’, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, tkun neċessarja sabiex din il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali. Barra minn hekk, huwa ċar li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-regoli ta’ dritt tal-Unjoni.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
19 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża taħt liema ċirkustanzi d-differenza bejn, minn naħa, il-prezzijiet bl-ingrossa għal servizzi ADSL intermedjarji lill-operaturi u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet bl-imnut għal servizzi ta’ konnessjoni broadband intiżi għall-klijenti finali, li tirriżulta mill-prattika tariffarja applikata minn impriża tat-telekomunikazzjonijiet integrata vertikalment, tista’ tikkostitwixxi, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, abbuż minn pożizzjoni dominanti miżmuma minn din l-impriża. Il-qorti tar-rinviju titlob, b’mod partikolari, li jiġi ppreċiżat f’dan ir-rigward:
– jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ konnessjoni broadband intiżi għall-klijenti finali applikati minn din l-impriża, jew ukoll dawk prattikati mill-operaturi l-oħra;
– x’impatt jista’ jkollu n-nuqqas ta’ kull obbligu leġiżlattiv tal-imsemmija impriża li tipprovdi s-servizzi ADSL intermedjarji;
– jekk huwiex neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, kif jistgħu jiġu ddeterminati dawn l-effetti;
– jekk l-importanza tas-setgħa fis-suq miżmuma mill-impriża li għandha pożizzjoni dominanti hijiex rilevanti;
– jekk l-impriża inkwistjoni għandhiex iżżomm pożizzjoni dominanti biss fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ADSL intermedjarji jew ukoll fuq dak bl-imnut tas-servizzi lill-klijenti finali;
– jekk il-prodott jew is-servizz offrut minn din l-impriża għandux jkun indispensabbli;
– jekk il-fatt li inkwistjoni hemm servizzi pprovduti lil klijent ġdid huwiex rilevanti;
– jekk huwiex neċessarju li l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti għandha l-possibbiltà li tirkupra t-telf imġarrab mill-prattika inkwistjoni, u
– jekk il-fatt li s-swieq ikkonċernati jinvolvu teknoloġija ġdida, li teħtieġ investimenti kbar ħafna, huwiex rilevanti.
20 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Artikolu 3(3) TUE jippreċiża li l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi suq intern, li, skont il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 309), jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.
21 Issa, l-Artikolu 102 TFUE huwa parti minn numru ta’ regoli tal-kompetizzjoni li, bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE, huma neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern.
22 Fil-fatt, tali regoli għandhom preċiżament l-għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta b’detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal-konsumaturi, u b’hekk, jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-ġid ekonomiku fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères, C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punt 42).
23 F’dan il-kuntest, il-pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE tikkonċerna sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti f’miżura sinjifikattiva fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 38, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑280/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 170).
24 Għalhekk, l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod li jkopri mhux biss il-prattiki li jistgħu jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia et, C‑468/06 sa C‑478/06, Ġabra p. I‑7139, punt 68, kif ukoll Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 180), imma wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 102 TFUE ma jipprekludix lil impriża milli takkwista, fuq mertu tagħha stess, il-pożizzjoni dominanti fis-suq, u, barra minn hekk, għalkemm il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali pożizzjoni ma timplikax, fiha nnifisha, l-ebda akkuża fir-rigward tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 57, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C‑395/96 P u C‑396/96 P, Ġabra p. I‑1365, punt 37), xorta jibqa’ il-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti, għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Fir-rigward tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja bħal dik fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi espliċitament il-fatt li impriża dominanti timponi prezzijiet inġusti b’mod dirett jew indirett.
26 Barra minn hekk, il-lista tal-prattiki abużivi li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex eżawrjenti, fis-sens li l-lista ta’ prattiki abbużivi mogħtija f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-metodi ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 173 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Fil-fatt, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit minn din id-dispożizzjoni huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament minħabba l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà mdgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ prestazzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Sabiex jiġi ddeterminat jekk l‑impriża li għandha pożizzjoni dominanti abbużatx minn din il‑pożizzjoni bl-applikazzjoni tal-prattiki tariffarji tagħha, għandhom jiġu evalwati ċ-ċirkustanzi kollha u għandu jiġi eżaminat jekk din il-prattika għandhiex it-tendenza li telimina jew tnaqqas il-possibbiltà ta’ għażla tax-xerrej fir-rigward tas-sorsi tiegħu ta’ provvista, twaqqaf l-aċċess għas-suq lill-kompetituri, tapplika kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti fil-konfront ta’ sħab kummerċjali jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta (sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-prattika tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tistabbilixxi jekk tikkostitwixxix abbuż mill-pożizzjoni dominanti miżmuma eventwalment minn TeliaSonera.
30 B’mod partikolari, wara li tivverifika jekk l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE ġewx sodisfatti fil-kawża preżenti – fosthom, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ TeliaSonera u l-fatt li l-iskambji bejn l-Istati Membri ġew affettwati permezz tal-aġir tagħha – hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, essenzjalment, jekk il-prattika tariffarja implementata minn TeliaSonera għandhiex natura inġusta sa fejn hija teżerċita effettivament kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali.
31 Fil-fatt, hija l-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet li, fid-dawl tal-effett ta’ esklużjoni li tista’ tikkawża fil-konfront tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża dominanti, tista’ fiha nnifisha, fin-nuqqas ta’ kull ġustifikazzjoni oġġettiva, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 183).
32 Issa, f’dan il-każ, tali kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet teżisti b’mod partikolari jekk id-differenza bejn il-prezzijiet bl-ingrossa tas-servizzi ADSL intermedjarji u dawk bl-imnut għas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali tkun jew negattiva jew inkella insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-imsemmija servizzi ADSL intermedjarji li TeliaSonera għandha ssostni għall-provvista tas-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, b’tali mod li din id-differenza ma tippermettix lil kompetitur li huwa effiċjenti daqs din l-impriża sabiex jidħol f’kompetizzjoni magħha għall-provvista tal-imsemmija servizzi lill-klijenti finali.
33 Fil-fatt, f’każ bħal dan, minkejja li l-kompetituri jkunu effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti, huma jirriskjaw li ma jkunux jistgħu joperaw fis-suq bl-imnut ħlief b’telf jew b’rata ta’ dħul mnaqqsa b’mod artifiċjali.
34 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, billi n-natura inġusta, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, ta’ tali prattika tariffarja hija marbuta mal-eżistenza stess tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet u mhux mad-differenza preċiża tagħha, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-prezzijiet bl-ingrossa għas-servizzi ADSL intermedjarji lill-operaturi jew il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali huma fihom infushom abbużivi minħabba, skont il-każ, in-natura eċċessiva jew predatorja tagħhom (sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 167 u 183).
35 Barra minn hekk, kif issostni TeliaSonera, sabiex id-differenza bejn il-prezzijiet tal-imsemmija servizzi tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tal-impriża dominanti, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-prezzijiet ta’ servizzi pprovduti lill-kompetituri li huma paragunabbli mas-servizzi li tirrikorri għalihom TeliaSonera stess sabiex ikollha aċċess għas-suq bl-imnut, iżda wkoll il-prezzijiet ta’ servizzi paragunabbli pprovduti lill-klijenti finali fis-suq bl-imnut minn TeliaSonera u l-kompetituri tagħha. Bl-istess mod, il-paragun għandu jitwettaq bejn il-prezzijiet prattikati b’mod konkret minn TeliaSonera u l-kompetituri tagħha waqt l-istess perijodu ta’ żmien.
36 Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari, mfakkra fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, li fihom din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa, ma huwiex possibbli li l-qorti tar-rinviju tiġi pprovduta b’elementi preċiżi fir-rigward tal-kawża prinċipali. Bl-istess mod, għandhom jiġu kkunsidrati s-swieq deskritti minn din il-qorti bħala rilevanti, bla ħsara, naturalment, għad-definizzjoni korretta tagħhom, li għandha tingħata minn din il-qorti.
37 Madankollu, fir-rigward tal-kriterji li tagħhom l-imsemmija qorti titlob l-interpretazzjoni sabiex tkun tista’ tevalwa b’mod korrett jekk TeliaSonera effettivament kisritx l-Artikolu 102 TFUE billi abbużat minn pożizzjoni dominanti taħt il-forma ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, hemm lok li jingħataw il-preċiżazzjonijiet li ġejjin.
Fuq il-prezzijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni
38 L-iStockholms tingsrätt tistaqsi, l-ewwel nett, jekk, għal dan il-għan, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-prezzijiet bl-imnut għas-servizzi lill-klijenti finali pprattikati mill-impriża dominanti jew, ukoll dawk applikati mill-kompetituri għal dawn l-istess servizzi.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli tadotta prattiki tariffarji li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, attwali jew potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 177 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40 B’hekk, impriża li timplementa politika ta’ prezzijiet intiża sabiex teskludi mis-suq impriżi li possibbilment huma effiċjenti daqsha, iżda li, minħabba l-kapaċità finanzjarja żgħira tagħhom, ma humiex kapaċi li jirreżistu għall-kompetizzjoni li ssir fil-konfront tagħhom tkun qed tabbuża mill-pożizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 199).
41 Issa, sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-politika ta’ prezzijiet applikata minn impriża dominanti, għandu, bħala prinċipju, isir riferiment għal kriterji ta’ prezzijiet ibbażati fuq l-ispejjeż sostnuti mill-impriża dominanti stess u fuq l-istrateġija tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Lujlu 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni, C‑62/86, Ġabra p. I‑3359, punt 74, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108).
42 B’mod partikolari, fir-rigward ta’ prattika tariffarja li twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, l-użu ta’ tali kriterji ta’ analiżi jippermetti li jiġi vverifikat jekk din l-impriża kinitx suffiċjentement effiċjenti sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-klijenti finali, mingħajr telf, jekk hija ġiet preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 201),
43 Issa, jekk l-imsemmija impriża ma setgħatx tkun f’pożizzjoni sabiex toffri s-servizzi bl-imnut tagħha mingħajr telf, dan ifisser li l-kompetituri li setgħu jiġu esklużi bl-applikazzjoni tal-prattika tariffarja inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu inqas effiċjenti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti u li, għaldaqstant, l-esklużjoni tagħhom tkun dovuta għal kompetizzjoni distorta. Fil-fatt, tali kompetizzjoni ma tkunx ibbażata biss fuq il-meriti rispettivi tal-impriżi kkonċernati.
44 Barra minn hekk, tali approċċ huwa iktar u iktar iġġustifikat billi huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali peress li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż u tal-prezzijiet tal-impriża dominanti tippermettilha tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, skont ir-responsabbiltà partikolari li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, hija għandha taħt l-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, għalkemm impriża dominanti għandha għarfien dwar l-ispejjeż u t-tariffi tagħha nnifisha, bħala prinċipju hija ma tafx x’inhuma dawk tal-kompetituri tagħha (sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 202).
45 Wara din il-preċiżazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża dominanti ma hijiex identifikabbli b’mod preċiż minħabba raġunijiet oġġettivi jew meta s-servizz ipprovdut lill-kompetituri jikkonsisti fl-użu sempliċi ta’ infrastruttura fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni diġà ġew assorbiti, fis-sens li l-aċċess għal tali infrastruttura ma jibqax jirrapreżenta spiża għall-impriża dominanti, li hija ekonomikament simili għall-ispiża li l-kompetituri tagħha jkollhom isostnu sabiex ikollhom aċċess għaliha, jew ukoll meta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni speċifiċi tas-suq jeħtieġu dan minħabba, pereżempju, sitwazzjoni fejn il-livell tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jiddependi speċifikatament fuq is-sitwazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv li tgawdi din l-impriża minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħha.
46 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u spejjeż, li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq.
Fuq in-nuqqas ta’ kull obbligu leġiżlattiv ta’ provvista
47 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, bil-kontra tal-kawża li tat lok għas-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, TeliaSonera, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, ma hija marbuta minn ebda obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi ADSL intermedjarji lill-operaturi.
48 It-tieni nett, l-iStockholms tingsrätt tistaqsi għaldaqstant jekk in-nuqqas ta’ kull obbligu leġiżlattiv li tipprovdi dawn is-servizzi fis-suq bl-ingrossa għandux impatt fir-rigward tan-natura abbużiva tal-prattika tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
49 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 102 TFUE ikopri biss aġir antikompetittiv li ġie adottat mill-impriżi fuq inizjattiva tagħhom stess. Jekk aġir antikompetittiv ikun impost fuq l-impriżi permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din tal-aħħar toħloq kuntest legali li jelimina huwa stess kull possibbiltà ta’ mġiba kompetittiva min-naħa tagħhom, l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex applikabbli. F’sitwazzjoni bħal din, ir-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni ma tkunx ikkawżata, kif jimplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, mill-imġiba awtonoma tal-impriżi (ara, f’dan is sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, C‑359/95 P u C‑379/95 P, Ġabra p. I‑6265, punt 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 KE jista’ japplika jekk jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tħalli lok għall-possibbiltà li jkun hemm prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ aġir awtonomu tal-impriżi (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
51 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, minkejja l-preżenza ta’ tali leġiżlazzjoni, jekk impriża li għandha pożizzjoni dominanti u integrata vertikalment tiddisponi minn marġni ta’ manuvra sabiex temenda anki biss il-prezzijiet bl-imnut, hija tista’, minħabba din ir-raġuni biss, tkun responsabbli għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).
52 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta iktar u iktar li meta impriża tiddisponi minn awtonomija sħiħa fl-għażla tal-aġir tagħha fis-suq, l-Artikolu 102 TFUE japplika fil-konfront tagħha.
53 Fil-fatt, ir-responsabbiltà partikolari ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern tirrigwarda preċiżament l-aġir, attiv jew ta’ ommissjoni, li din l-impriża tiddeċiedi li timplementa fuq inizjattiva tagħha stess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ Settembru 2006, Unilever Bestfoods vs Il-Kummissjoni, C‑552/03 P, Ġabra p. I‑9091, punt 137).
54 F’dan ir-rigward, TeliaSonera ssostni li, sabiex tipproteġi preċiżament l-inizjattiva ekonomika ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti, dawn għandhom jibqgħu ħielsa li jiffissaw il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħhom, ħlief jekk dawn il-kundizzjonijiet huma tant żvantaġġjużi għall-kontraenti li jistgħu jiġu kkunsidrati, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti għal dan l-għan fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, Ġabra p. I‑7791), bħala li jimplikaw rifjut ta’ provvista.
55 Tali interpretazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat ta’ din is-sentenza. B’mod partikolari, ma jistax jiġi dedott mill-punti 48 u 49 tagħha li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut assolut ta’ provvista għandhom neċessarjament japplikaw ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ aġir li jikkonsisti fl-issuġġettar tal-provvista ta’ servizzi jew tal-bejgħ ta’ prodotti għal kundizzjonijiet żvantaġġjużi jew li x-xerrej ma jkunx interessat fihom.
56 Fil-fatt, tali aġir jista’, fih innifsu, jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li hija differenti mir-rifjut ta’ provvista.
57 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-imsemmija punti tas-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, intalbet biss, essenzjalment, sabiex tinterpreta l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE, li huwa stess sar l-Artikolu 102 TFUE), fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom rifjut ta’ provvista jista’ jkun abbużiv, hija ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni jekk il-fatt li impriża tirrifjuta li tagħti aċċess għas-sistema tagħha ta’ kunsinna fid-djar lill-editur ta’ gazzetta kompetitriċi meta dan ma jafdalhiex, fl-istess ħin, it-twettiq ta’ servizzi oħra, bħall-bejgħ fil-ħwienet jew l-istampar, jikkostitwixxix xi forma oħra ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti bħall-applikazzjoni ta’ bejgħ marbut.
58 Barra minn hekk, l-interpretazzjoni kuntrarja tas-sentenza Bronner, iċċitata iktar ’il fuq, kif issuġġeriet TeliaSonera, twassal, kif issostni l-Kummissjoni, għall-ħtieġa, sabiex kull aġir ta’ impriża dominanti rigward il-kundizzjonijiet kummerċjali tagħha jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala abbużivi, li jkunu dejjem sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rifjut ta’ provvista, li jnaqqas inġustament l-effett utli tal-Artikolu 102 TFUE.
59 Minn dan jirriżulta li n-nuqqas ta’ kull obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi ADSL intermedjarji fis-suq bl-ingrossa ma għandu l-ebda rilevanza għal dak li jirrigwarda n-natura abbużiva tal-prattika tariffarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Fuq il-ħtieġa tal-eżistenza ta’ effetti restrittivi u fuq in-natura indispensabbli tal-prodott offert mill-impriża dominanti
60 It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk in-natura abbużiva tal-prattika tariffarja inkwistjoni tiddependi fuq l-eżistenza ta’ effetti restrittivi konkreti fuq il-kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, kif jistgħu jiġu ddeterminati dawn l-effetti. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk il-prodott offert minn TeliaSonera fis-suq bl-ingrossa għandux jkun indispensabbli għall-aċċess għas-suq bl-imnut.
61 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunċett ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza biss ta’ prattika tariffarja ta’ impriża dominanti li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, tikkostitwixxi prattika abbużiva fis-sens tal-Artikolu 102 KE mingħajr ma tkun meħtieġa l-prova ta’ effett antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 250 u 251).
62 Barra minn hekk, il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-effett antikompetittiv għandu jirrigwarda l-ostakoli eventwali li tali prattika tariffarja tista’ tikkawża fuq l-iżvilupp tal-offerta fis-suq bl-imnut tas-servizzi lill-klijenti finali u, għaldaqstant, fuq il-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq (sentenza Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 252).
63 Għaldaqstant, il-prattika inkwistjoni, adottata minn impriża dominanti, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, peress li, billi tipproduċi effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha permezz tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tagħhom, tista’ tagħmilha iktar diffiċli, jew saħansitra impossibli, li jkun hemm aċċess għas-suq minn dawn il-kompetituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 253).
64 Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali prattika, l-effett antikompetittiv tagħha f’dan is-suq għandu jeżisti, iżda ma għandux neċessarjament ikun konkret, peress li huwa suffiċjenti li jkun hemm dimostrazzjoni ta’ effett antikompetittiv potenzjali ta’ natura li jeskludi lill-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti.
65 Fil-fatt, meta impriża dominanti timplementa effettivament prattika tariffarja li, billi twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha li huma mill-inqas effiċjenti daqsha, hija intiża sabiex teskludi lil dawn il-kompetituri mis-suq ikkonċernat, iċ-ċirkustanza li r-riżultat mixtieq, jiġifieri l-esklużjoni ta’ dawn il-kompetituri ma jinkisibx definittivament ma jistax jeskludi l-kwalifika bħala abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.
66 Madankollu, fin-nuqqas tal-iċken effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-kompetituri, prattika tariffarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkwalifikata bħala prattika ta’ esklużjoni meta d-dħul ta’ dawn il-kompetituri fis-suq ikkonċernat ma jsirx iktar diffiċli minħabba din il-prattika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 254).
67 F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-prattika tariffarja ta’ TeliaSonera tistax tostakola l-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali.
68 Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża.
69 B’mod partikolari, għandhom jiġu analizzati l-ewwel nett ir-relazzjonijiet funzjonali bejn il-prodotti bl-ingrossa u l-prodotti bl-imnut. Għaldaqstant, huwa fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet li n-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa tista’ tkun rilevanti.
70 Fil-fatt, meta l-aċċess għall-provvista tal-prodott bl-ingrossa huwa indispensabbli għall-bejgħ tal-prodott bl-imnut, il-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża li tiddomina s-suq bl-ingrossa, billi jistgħu biss joperaw fis-suq bl-imnut b’telf jew, f’kull każ, taħt kundizzjonijiet ta’ dħul imnaqqas, huma suġġetti għal żvantaġġ kompetittiv fis-suq ta’ natura li jostakola jew jirrestrinġi l-aċċess tagħhom għalih jew l-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom f’dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 234).
71 F’tali każ, l-effett antikompetittiv, mill-inqas potenzjali, ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet huwa probabbli.
72 Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kkonċernata fis-suq tal-prodotti bl-ingrossa, għandu jiġi ppreċiżat li ma jistax jiġi eskluż li, minħabba l-fatt biss li l-prodott bl-ingrossa ma huwiex indispensabbli għall-provvista tal-prodotti bl-imnut, prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet ma tkunx tista’ tipproduċi l-ebda effett antikompetittiv, anki potenzjali. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura wkoll li, anki fin-nuqqas tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, il-prattika xorta tista’ toħloq effetti antikompetittivi fis-swieq ikkonċernati.
73 It-tieni nett, hemm lok li jiġi vverifikat il-livell tal-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża dominanti. Fil-fatt, jekk il-marġni huwa negattiv, jiġifieri, fil-kawża preżenti, jekk il-prezz bl-ingrossa għas-servizzi ADSL intermedjarji huwa ogħla mill-prezz bl-imnut għas-servizzi lill-klijenti finali, l-effett ta’ esklużjoni mill-inqas potenzjali huwa probabbli, fid-dawl tal-fatt li, f’tali sitwazzjoni, il-kompetituri tal-impriża dominanti, anki jekk huma mill-inqas effiċjenti daqsha, jew anki iktar effiċjenti, ikollhom ibiegħu b’telf.
74 Min-naħa l-oħra, jekk tali marġni jibqa’ pożittiv, ikollu jintwera li l-applikazzjoni ta’ din il-prattika tariffarja setgħet, minħabba, pereżempju, tnaqqis fil-profitti, tirrendi mill-inqas iktar diffiċli għall-operaturi kkonċernati l-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom fis-suq ikkonċernat.
75 Wara din il-preċiżazzjoni, għandu jiġi mfakkar li jibqa’ possibbli għal impriża li turi li l-prattika tariffarja tagħha, minkejja li pproduċiet effett ta’ esklużjoni, tibqa’ ekonomikament iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, Ġabra p. I‑2331, punt 69, u France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111).
76 L-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni ekonomika ta’ prattika tarrifarja implementata minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti li tista’ tipproduċi effett ta’ esklużjoni ssir abbażi tal-fatti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73). F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit jekk l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn tali prattika, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, tistax tiġi kkumpensata, jew anki maqbuża, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur. Jekk l-effett ta’ esklużjoni ta’ din il-prattika huwa bla relazzjoni mal-vantaġġi għas-suq u għall-konsumaturi jew jekk imur lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn il-vantaġġi, din il-prattika għandha tiġi kkunsidrata bħala abbużiva (sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86).
77 Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, huwa neċessarju li jintwera li, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, din il-prattika tipproduċi effett antikompetittiv mill-inqas potenzjali fis-suq bl-imnut, mingħajr ma dan ikun b’xi mod iġġustifikat ekonomikament.
Fuq l-importanza tas-setgħa fis-suq
78 Ir-raba’ nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-livell ta’ dominazzjoni f’suq min-naħa tal-impriża kkonċernata huwiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-prattika tariffarja inkwistjoni tikkostitwixxix abbuż.
79 Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-pożizzjoni dominanti prevista fl-Artikolu 102 TFUE tirrigwarda sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika miżmuma minn impriża li tagħtiha s-setgħa li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni billi tagħtiha l-possibbiltà ta’ aġir indipendenti f’miżura sinjifikattiva fil-konfront tal-kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar nett, tal-konsumaturi tagħha.
80 Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni, hekk kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma tipprovdi għal ebda varjazzjoni fil-forma jew fil-grad tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti. Meta impriża għandha saħħa ekonomika bħal dik meħtieġa mill-Artikolu 102 TFUE sabiex jiġi stabbilit li għandha pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, l-aġir tagħha għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni.
81 Naturalment, dan ma jfissirx li s-setgħa ta’ impriża ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tal-aġir fis-suq ta’ tali impriża fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess ibbażat l-analiżi tagħha fuq il-fatt li impriża għandha pożizzjoni ta’ dominanza qawwija jew kważi monopolistika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C‑333/94 P, Ġabra p. I‑5951, punt 31, kif ukoll Compagnie maritime belge transports et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119). Madankollu, il-grad tas-setgħa fis-suq għandu, bħala prinċipju, konsegwenzi fuq il-portata tal-effetti tal-aġir tal-impriża inkwistjoni pjuttost milli fuq l-eżistenza tal-abbuż bħala tali.
82 Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet minn naħa ta’ impriża tista’ tikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti meta din l-impriża għandha tali pożizzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti f’dan ir-rigward, bħala prinċipju, il-grad ta’ dominanza fis-suq ikkonċernat.
Fuq il-firxa tal-pożizzjoni dominanti
83 Il-ħames nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-impriża inkwistjoni żżomm pożizzjoni dominanti biss fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ADSL intermedjarji huwiex suffiċjenti sabiex il-prattika inkwistjoni tiġi kkunsidrata bħala abbużiva, jew jekk huwiex neċessarju, għal dan il-għan, li din l-impriża żżomm tali pożizzjoni wkoll fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali.
84 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 102 TFUE ma fih l-ebda spjegazzjoni espliċita għal dak li jikkonċerna r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-lokalizzazzjoni tal-abbuż fis-suq tal-prodotti. B’hekk, il-portata attwali tar-responsabbiltà speċjali imposta fuq impriża dominanti għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, li juru sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mdgħajfa (sentenza Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).
85 Minn dan jirriżulta li ċertu aġir fis-swieq minbarra s-swieq ddominati u li jkollu xi effetti fuq dawn tal-aħħar jew inkella fis-swieq stess li ma humiex iddominati jista’ jiġi kkwalifikat bħala abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
86 Fil-fatt, għalkemm l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta bejn il-pożizzjoni dominanti u l-aġir allegatament abbużiv, li ma huwiex normalment preżenti meta aġir f’suq distint mis-suq iddominat jipproduċi effetti f’dan l-istess suq, xorta jibqa’ il-fatt li, fir-rigward ta’ swieq distinti, iżda konnessi, xi ċirkustanzi partikolari jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għal aġir ikkonstatat fis-suq konness, mhux iddominat, u li jipproduċi effetti fuq dan l-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, Ġabra p. 3261, punt 26, u Tetra Pak vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27)
87 Tali ċirkustanzi jistgħu jeżistu meta l-aġir ta’ impriża integrata vertikalment f’pożizzjoni dominanti f’suq preċedenti (upstream) jikkonsisti fl-isforzi tagħha sabiex teskludi l-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqsha fis-suq suċċessiv (downstream), b’mod partikolari permezz ta’ kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tagħhom. Fil-fatt, tali aġir jista’, minħabba b’mod partikolari r-rabtiet stretti bejn is-swieq ikkonċernati, jkollu bħala effett li jdgħajjef il-kompetizzjoni fis-suq suċċessiv.
88 Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni ekonomika oġġettiva, tali aġir ma jistax jiġi spjegat b’mod ieħor ħlief bl-intenzjoni tal-impriża dominanti li tostakola l-kompetizzjoni tas-suq suċċessiv u li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha, jew ukoll li tikseb pożizzjoni dominanti fih permezz ta’ mezzi differenti mill-meriti tagħha stess.
89 Konsegwentement, in-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja implementata minn impriża integrata vertikalment f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ADSL intermedjarji u li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri ta’ din l-impriża fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma tiddependix fuq l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża f’dan is-suq tal-aħħar.
Fuq ir-rilevanza tal-fatt li l-kunsinna inkwistjoni hija lil klijent ġdid
90 Is-sitt nett, l-iStockholms tingsrätt tistaqsi jekk il-fatt li l-prattika tariffarja inkwistjoni hija applikata lil klijent ġdid jew inkella lil klijent eżistenti tal-impriża dominanti huwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura abbużiva.
91 F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi mfakkar li n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża dominanti tistrieħ, essenzjalment, fuq il-fatt li, hekk kif ġie osservat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, tali prattika tista’ tostakola l-kompetizzjoni normali f’suq relatat mas-suq iddominat minnha sa fejn tista’ jkollha bħala effett li teskludi lill-kompetituri ta’ din l-impriża minn dan is-suq tal-aħħar.
92 F’dan ir-rigward, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-fatt li l-operaturi kkonċernati huma l-klijenti eżistenti jew ġodda tal-impriża dominanti ma huwiex rilevanti.
93 Barra minn hekk, l-fatt li l-klijenti il-ġodda inkwistjoni għadhom ma humiex attivi fis-suq ikkonċernat lanqas ma huwa rilevanti.
94 Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li n-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-possibbiltà li din il-prattika abbużiva twassal għall-esklużjoni mis-suq rilevanti tal-operaturi li huma effiċjenti daqs l-impriża dominanti, li kienu diġà attivi fih, iżda wkoll fid-dawl tal-ostakoli eventwali li hija tista’ toħloq fil-konfront tal-operaturi potenzjali li huma effiċjenti daqsha u li għadhom ma humiex preżenti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 178).
95 Konsegwentement, il-fatt li l-prattika tariffarja inkwistjoni tista’ teskludi mis-suq ikkonċernat lill-klijenti eżistenti tal-impriża dominanti jew ukoll il-klijenti l-ġodda tagħha, ma hijiex, bħala prinċipju, rilevanti sabiex tiġi evalwata n-natura abbużiva taghha.
Fuq il-possibbiltà tal-irkupru tat-telf
96 Is-seba’ nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex il-prattika tariffarja inkwistjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala abbużiva, huwiex neċessarju li l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti jkollha l-possibbiltà li tirkupra t-telf li rriżulta minn din il-prattika.
97 Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, kif ġie ppreċiżat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li hija l-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, li tista’, fiha nnifisha, tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.
98 Issa, il-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tirriżulta mid-differenza bejn il-prezzijiet għas-servizzi bl-ingrossa u dawk għas-servizzi bl-imnut u mhux mill-livell ta’ dawn il-prezzijiet bħala tali. B’mod partikolari, din il-kompressjoni tista’ tirriżulta mhux biss minn prezz li jkun baxx b’mod anormali fis-suq bl-imnut iżda wkoll minn prezz li jkun għoli b’mod anormali fis-suq bl-ingrossa.
99 Konsegwentement, impriża li tuża prattika tariffarja li twassal għal kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha, ma tiġix neċessarjament suġġetta għal telf.
100 F’kull każ, anki jekk jitqies li, sabiex twettaq kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet tal-kompetituri tagħha, l-impriża dominanti tbati telf, hija ma tistax tiġi obbligata tressaq provi tal-possibbiltà li tirkupra tali telf eventwali sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż.
101 Fil-fatt, il-possibbiltà li l-kompetituri jiġu esklużi mis-suq ma tiddependix la fuq il-fatt li l-impriża dominanti tbati telf, u lanqas fuq il-possibbiltà li din l-impriża tkun kapaċi tirkupra dan it-telf, iżda tiddependi biss fuq id-differenza bejn il-prezzijiet applikati fis-swieq ikkonċernati mill-impriża dominanti, li jistgħu eventwalment jikkawżaw telf mhux biss lill-impriża dominanti nnifisha, iżda wkoll lill-kompetituri tagħha.
102 Fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-impriża f’pożizzjoni dominanti tapplika madankollu prezz fis-suq bl-imnut daqshekk baxx li l-bejgħ jikkawżalha telf, lilhinn mill-fatt li tali aġir jista’ jikkostitwixxi forma awtonoma ta’ abbuż li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet predatorji, il-Qorti tal-Ġustizzja f’kull każ diġà eskludiet li, anki f’tali każ, il-prova tal-possibbiltà ta’ rkupru tat-telf sostnut minħabba l-applikazzjoni, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ prezzijiet inferjuri għal ċertu livell ta’ spejjeż tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ tali politika ta’ prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110).
103 Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-prattika tariffarja inkwistjoni hijiex abbużiva, il-kwistjoni dwar jekk l-impriża dominanti għandhiex il-possibbiltà li tirkupra t-telf eventwalment subiti minħabba l-applikazzjoni ta’ tali prattika ma hijiex rilevanti.
Fuq ir-rilevanza tal-fatt li s-swieq ikkonċernati jinvolvu l-preżenza ta’ teknoloġija ġdida
104 It-tmien u l-aħħar nett, l-iStockholms tingsrätt tistaqsi jekk, għal dawn l-istess finijiet, huwiex rilevanti l-fatt li s-swieq inkwistjoni qed jikbru b’rata qawwija u jinvolvu teknoloġija ġdida, li teħtieġ investimenti kbar ħafna.
105 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li l-Artikolu 102 TFUE ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-grad ta’ żvilupp tas-swieq ikkonċernati bl-abbuż mill-pożizzjoni dominanti ta’ impriża.
106 Sussegwentement, f’suq li qed jikber b’rata qawwija, il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta miż-żamma ta’ pożizzjoni dominanti f’suq sekondarju relatat jista’ jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni mormali fl-ewwel suq, fid-dawl tal-fatt li, f’dan l-ewwel suq, l-operaturi, hekk kif issostni TeliaSonera stess, jistgħu jaslu sabiex joperaw, għal ċertu żmien, b’telf jew ukoll billi jaċċettaw rati ta’ profitti mnaqqsa.
107 Issa, huwa preċiżament f’tali ċirkustanzi li t-tnaqqis sussegwenti fil-profitti tal-attività ta’ operatur li jirriżulta mill-kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet imposta mill-prattika tariffarja inkwistjoni jista’ jostakola l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat.
108 Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tar-regoli tal-kompetizzjoni, imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tagħhom ma tistax tiddependi fuq il-fatt li s-suq inkwistjoni kien diġà laħaq ċertu livell ta’ maturità. Fil-fatt, b’mod partikolari f’suq li qed jikber b’rata qawwija, l-Artikolu 102 TFUE jeħtieġ azzjoni l-iktar kmieni possibbli, sabiex tiġi evitata l-formazzjoni u l-konsolidazzjoni f’dan is-suq ta’ struttura kompetittiva distorta permezz tal-istrateġija abbużiva ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fl-imsemmi suq jew f’suq relatat marbut magħha b’mod strett, jiġifieri tintervjeni qabel ma jseħħu l-effetti antikompetittivi ta’ din l-istrateġija.
109 Għaldaqstant, dan japplika iktar u iktar fil-każ fejn suq, bħal dak tal-provvista ta’ servizzi għall-aċċess għal internet broadband, li huwa marbut b’mod strett ma’ suq ieħor, bħal dak tal-aċċess għal-linja lokali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet. Fil-fatt, dan is-suq tal-aħħar mhux biss ma huwiex ġdid jew emerġenti, iżda talli l-istruttura kompetittiva tiegħu hija iktar dipendenti fuq l-istruttrura monopolistika l-antika. B’hekk, il-possibbiltà għall-impriżi li jisfruttaw il-pożizzjoni dominanti tagħhom f’dan is-suq tal-aħħar b’mod li jippreġudikaw l-iżvilupp tal-kompetizzjoni f’suq relatat li qed jikber b’rata qawwija teħtieġ li ma tingħata l-ebda deroga mill-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.
110 Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm impriża f’pożizzjoni dominanti f’suq ma tistax tinvoka l-investimenti li hija wettqet sabiex tippenetra f’suq relatat billi tipprova teskludi lill-kompetituri, attwali jew potenzjali, li huma effiċjenti daqsha, xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni tas-suq iddominat u, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ stabbiliment u ta’ investiment tal-impriża li fih għandha pożizzjoni dominanti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-ispejjeż ta’ din l-impriża, li, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punti 28 u 46 ta’ din is-sentenza, għandha titwettaq sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix kompressjoni tal-marġni tal-prezzijiet.
111 Konsegwentment, il-fatt li s-swieq ikkonċernati qed jikbru b’rata qawwija u jinvolvu teknoloġija ġdida li teħtieġ investimenti kbar, ma huwiex, bħala prinċipju, rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-prattika tariffarja inkwistjoni tikkostitwixxix abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.
112 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE il-fatt li impriża integrata vertikalment, f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi ADSL intermedjarji, tapplika prattika tariffarja li hija tali li d-differenza bejn il-prezzijiet applikati f’dan is-suq u dawk applikati fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi li din l-impriża jkollha tbati sabiex ikollha aċċess għal dan is-suq tal-aħħar.
113 Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ tali prattika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. B’mod partikolari,
– hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u dawn l-ispejjeż li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq, u
– huwa neċessarju li jintwera li, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, din il-prattika tipproduċi effett antikompetittiv mill-inqas potenzjali fis-suq bl-imnut, mingħajr ma dan ikun b’xi mod iġġustifikat ekonomikament.
114 Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ma humiex, bħala prinċipju, rilevanti:
– in-nuqqas, għall-impriża kkonċernata, ta’ kull obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi ADSL intermedjarji fis-suq bl-ingrossa li fih għandha pożizzjoni dominanti;
– il-grad ta’ dominanza li din l-impriża żżomm f’dan is-suq;
– il-fatt li l-imsemmija impriża ma għandhiex ukoll pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali;
– il-fatt li l-klijenti li għalihom tapplika tali prattika tariffarja huma klijenti ġodda jew eżistenti tal-impriża kkonċernata;
– l-impossibbiltà għall-impriża dominanti li tirkupra t-telf eventwali li l-implementazzjoni ta’ tali prattika tariffarja setgħet ikkawżat, u lanqas
– il-grad ta’ maturità tas-swieq ikkonċernati u l-fatt li dawn jinvolvu teknoloġija ġdida li teħtieġ investimenti kbar ħafna.
Fuq l-ispejjeż
115 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE il-fatt li impriża integrata vertikalment, f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat intermedjarji, tapplika prattika tariffarja li hija tali li d-differenza bejn il-prezzijiet applikati f’dan is-suq u dawk applikati fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi li din l-impriża jkollha tbati sabiex ikollha aċċess għal dan is-suq tal-aħħar.
Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ tali prattika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. B’mod partikolari,
– hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u dawn l-ispejjeż li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq, u
– huwa neċessarju li jintwera li, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, din il-prattika tipproduċi effett antikompetittiv mill-inqas potenzjali fis-suq bl-imnut, mingħajr ma dan ikun b’xi mod iġġustifikat ekonomikament.
Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ma humiex, bħala prinċipju, rilevanti:
– in-nuqqas, għall-impriża kkonċernata ta’ kull obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi permezz ta’ linja diġitali assimetrika tal-abbonat intermedjarji fis-suq bl-ingrossa li fih għandha pożizzjoni dominanti,
– il-grad ta’ dominanza li din l-impriża żżomm f’dan is-suq;
– il-fatt li l-imsemmija impriża ma għandhiex wkoll pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali;
– il-fatt li l-klijenti li għalihom tapplika tali prattika tariffarja huma klijenti ġodda jew eżistenti tal-impriża kkonċernata;
– l-impossibbiltà għall-impriża dominanti li tirkupra t-telf eventwali li l-implementazzjoni ta’ tali prattika tariffarja setgħet ikkawżat, u lanqas
– il-grad ta’ maturità tas-swieq ikkonċernati u l-fatt li dawn jinvolvu teknoloġija ġdida li teħtieġ investimenti kbar ħafna.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.