Kawża C-45/09

Gisela Rosenbladt

vs

Oellerking Gebäudereinigungsges. mbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg)

“Direttiva 2000/78/KE — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol minħabba l-età tal-irtirar”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Talba ġdida dwar domanda li ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja — Ammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))

3.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 6(1))

4.        Politika soċjali — Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 2)

1.        L-Artikolu 267 TFUE dejjem jippermetti lil qorti nazzjonali, jekk hija tqis neċessarju, tirreferi mill-ġdid domandi ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il‑kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il‑ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s‑sentenza tagħha, kif ukoll ir rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi. Dan huwa l‑każ meta l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbbiltà, mad-Direttiva 2000/78, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età għal 65 sena, abbażi tal-fatt li jkollhom dritt għal pensjoni ta’ rtirar. Għaldaqstant, talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-possibbbiltà tan-natura diskriminatorja ta’ tali klawżola hija ammissibbli.

(ara l-punti 31, 32, 34, 35)

2.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha jitqiesu bħala validi l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. L-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv ma hijiex, bħala tali, eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju iżda, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, hija wkoll għandha tfittex għan leġittimu b’mod xieraq u neċessarju.

Fil-fatt, min-naħa, fid-dawl tal-marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan, tali klawżoli huma oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati peress li t-terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar tibbenefika direttament lil ħaddiema żgħażagħ billi tiffavorixxi l-integrazzjoni professjonali tagħhom li saret diffiċli f’kuntest ta’ qagħad persistenti u li d-drittijiet tal-ħaddiema ikbar fl-età jkunu protetti b’mod xieraq. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, demografiċi u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li ttawwal it-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, bil-kontra, li tipprevedi l-irtirar kmieni ta’ dawn tal-aħħar.

Min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu, distint mit-tkeċċija u mir-riżenja, għandu bażi fi ftehim. Huwa mhux biss jagħti lill-impjegati u lil min iħaddem, iżda wkoll lill-imsieħba soċjali, il-fakultà li jagħmlu użu, permezz ta’ ftehim kollettiv u għaldaqstant bi flessibbiltà kunsiderevoli, mill-applikazzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu, b’mod li jistgħu jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni globali tas-suq tax-xogħol ikkonċernat, iżda wkoll il-karatteristiċi speċifiċi għall-impjiegi inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx li huwa irraġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqisu li miżura bħal dik tal-awtorizzazzjoni ta’ klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l impjegat ikun laħaq l-età ta’ dritt għal pensjoni, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi li jaqgħu fil-kuntest tal-politika nazzjonali tax-xogħol u tal-impjieg.

(ara l-punti 41, 43, 44, 49, 51, 53 u d-dispożittiv1)

3.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħall-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, prevista fil-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali.

Fil-fatt, min-naħa, billi tiggarantixxi lill-ħaddiema ċerta stabbiltà fl-impjieg u, fuq perijodu itwal, il-wegħda ta’ pensjoni ta’ rtirar prevedibbli, u billi toffri lil min iħaddem ċerta flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, il‑klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti ta’ xogħol hija r‑rifless ta’ bilanċ bejn l-interessi diversi iżda madankollu leġittimi, sottoskritti f’kuntest kumpless ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, marbuta mill-qrib mal-għażliet politiċi fil-qasam tal-irtirar u tal-impjieg.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat ma tipprojbixxix lil persuna li tkun laħqet l-età li tippermettilha tikseb il-likwidità tad-drittijiet tal-pensjoni tagħha milli tkompli taħdem u li, barra min hekk, ħaddiem li jinsab f’tali sitwazzjoni jkompli jibbenefika mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, it-terminazzjoni ipso iure tal-kuntratt ta’ xogħol ma għandhiex l-effett awtomatiku li ġġiegħel lill-persuni msemmija jirtiraw definittivament mis-suq tax-xogħol. Konsegwentement, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar ex officio. Hija ma tipprekludix ix-xewqa ta’ ħaddiem li, pereżempju għal raġunijiet finanzjarji, jixtieq ikompli jaħdem lil hinn mill-età tal-irtirar u ma ċċaħħadx mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età l-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-rtirar meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jibqgħu attivi u jfittxu impjieg ġdid. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet mixtieqa, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxut lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg.

(ara l-punti 68, 74-77 u d-dispożittiv 2)

4.        L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jinkludi klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti ta’ xogħol ta’ ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali, sakemm dan ma jċaħħadx lill-ħaddiema li jaqgħu taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-protezzjoni li tingħatalhom bid-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 ma tirregolax, bħala tali, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv anki jekk l-Istati Membri huma marbuta jiżguraw, permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa, li l‑ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sħiħa li tingħatalhom bis-saħħa tad-Direttiva 2000/78 kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

(ara l-punti 79, 80 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ xogħol minħabba l-età tal-irtirar”

Fil-Kawża C‑45/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2009, fil-proċedura

Gisela Rosenbladt

vs

Oellerking Gebäudereinigungsges. mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Presidenti ta’ Awla), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, P. Lindh (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Rosenbladt, minn K. Bertelsmann, avukat,

–        għal Oellerking Gebäudereinigungsges. mbH, minn P. Sonne, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ April 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Rosenbladt u Oellerking Gebäudereinigungsges. mbH (iktar ’il quddiem “Oellerking”) dwar il‑kundizzjonijiet tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita”

4        Skont l-Artikolu 1, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “[...] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati [xierqa] u neċessarji, jew

ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id‑Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati [xierqa] fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“1.      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t‑taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l‑integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

7        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-konformità”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

a)       kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

b)       kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-Liġi ġenerali dwar trattament ugwali

8        Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fis-sistema legali Ġermaniża permezz tal-Liġi ġenerali dwar trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”). Fl-Artikolu 1, intitolat “L-għan tal-liġi”, din il-liġi tipprovdi:

“Din il-liġi għandha l-għan li timpedixxi jew li telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġni etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id‑diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.”

9        L-Artikolu 2 tal-AGG, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“(1)  Id-diskriminazzjoni li tirriżulta minn wieħed mir-raġunijiet iċċitati fl-Artikolu 1 hija pprojbita, bis-saħħa ta’ din il-liġi, fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

[…]

2.       Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inkluż ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fi ftehim kollettiv u f’kuntratti ta’ xogħol individwali, u l-miżuri meħuda waqt l‑eżekuzzjoni u t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol kif ukoll fil-każ ta’ żvilupp professjonali.

[…]

(4)       Huma biss id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ġenerali u speċifika kontra t-tkeċċija li japplikaw fir-rigward tat-tkeċċijiet.

[…]”

10      Skont l-Artikolu 7 tal-AGG, intitolat “Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni”:

“(1)  L-impjegati ma jistgħux jiġu ddiskriminati abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet iċċitati fl-Artikolu 1; dan japplika wkoll meta l-persuna responsabbli mid-diskriminazzjoni sempliċement tippreżumi l-eżistenza ta’ waħda mir-raġunijiet iċċitati fl-Artikolu 1 tad-diskriminazzjoni.

[…]”

11      L-Artikolu 10 tal-AGG, intitolat “Awtorizzazzjoni għal trattament differenti abbażi tal-età”, jipprovdi:

“1.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, trattament differenti abbażi tal-età huwa awtorizzat ukoll meta jkun iġġustifikat oġġettivament u raġonevolment b’għan leġittimu. Il-mezzi li jintużaw sabiex jintlaħaq dan il‑għan jistgħu jinkludu, b’mod partikolari:

[…]

5.       ftehim li jipprovdi għal terminazzjoni mingħajr tkeċċija jew riżenja tar-relazzjoni ta’ xogħol f’data li fiha l-impjegat ikun jista’ jitlob pensjoni ta’ rtirar, u dan bla ħsara għall-Artikolu 41 tal-Ktieb VI tas-Sozialgesetzbuch […]”

12      Matul il-perijodu bejn it-18 ta’ Awwissu u l-11 ta’ Diċembru 2006, l-Artikolu 10 tal-AGG kien jinkludi, fost it-trattament differenti bbażat fuq l-età li seta’ jiġi awtorizzat, dan li ġej:

“7.       ftehim individwali jew kollettiv dwar projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ impjegati li jkollhom ċerta età u anzjanità fis-servizz, sakemm dan ma jnaqqasx b’mod manifest u serju l-protezzjoni ta’ impjegati oħra kontra tkeċċija fil-kuntest tal-għażla soċjali skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra t‑tkeċċija - (Kündigungsschutzgesetz)”.

 Il-Kodiċi tas-sigurtà soċjali

13      Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ bejn l-1 ta’ Jannar 1992 u l-31 ta’ Lulju 1994, l‑Artikolu 41(4) tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, dwar is-sistema legali tas-sigurtà soċjali (Sozialgesetzbuch sechstes Buch, iktar ’il quddiem is‑“SGB VI”) kien jipprovdi kif ġej:

“Id-dritt tal-assigurat għal pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala raġuni li tista’ taffettwa t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol minn min iħaddem bis-saħħa tal-liġi dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija. Fil-każ ta’ tkeċċija minħabba restrizzjonijiet serji fuq l-impriża, id-dritt tal-impjegat għal pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-għażla bbażata fuq kriterji soċjali, qabel ma jkun għalaq 65 sena. Ftehim li permezz tiegħu relazzjoni ta’ xogħol għandha tittermina fid-data li fiha l-impjegat ikollu dritt għal pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu jista’ jitqies validu biss fil-każ fejn il-ftehim ikun ġie konkluż jew ikkonfermat mill-impjegat matul l-aħħar tliet snin qabel did-data.”

14      Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, il-ġurisprudenza nazzjonali qieset bħala nulli u mingħajr effett il-klawżoli tal-ftehim kollettiv li jipprevedu t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol tal-impjegat li jkun għalaq 65 sena [sentenza tal-Bundesarbeitsgericht tal-1 ta’ Diċembru 1993 (7 AZR 428/93, BAGE 75, 166)].

15      Sussegwentement, il-leġiżatur intervjena sabiex jevita li l-limiti tal-età previsti mill-ftehim kollettiv ma jiġux ikkunsidrati bħala invalidi bis-saħħa ta’ din il‑ġurisprudenza. Huwa għalhekk li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 1994 u l‑31 ta’ Lulju 2007, it-tielet sentenza tal-Artikolu 41(4) tas-SGB VI kien jipprovdi kif ġej:

“Ftehim li jipprovdi għat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol mingħajr tkeċċija jew riżenja f’data li fiha l-impjegat jistà jitlob pensjoni ta’ rtirar qabel jagħlaq 65 sena, għandu jitqies, fil-konfront tal-impjegat, li ġie konkluż f’għeluq is-65 sena, ħlief jekk il-ftehim ikun ġie konkluż fl-aħħar tliet snin qabel it-tali data jew ikun ġie kkonfermat mill-ħaddiem.”

16      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, l-Artikolu 41 tas-SGB VI jipprovdi kif ġej:

“Pensjoni ta’ rtirar u protezzjoni kontra t-tkeċċija

Id-dritt tal-assigurat għal pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu ma tistax tiġi kkunsidrata bħala raġuni li tista’ taffettwa t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol minn min iħaddem bis-saħħa tal-liġi dwar il-protezzjoni kontra t-tkeċċija. Ftehim li jipprovdi għat-terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol ta’ impjegat mingħajr tkeċċija jew riżenja f’data li fiha l-impjegat jista’ jitlob pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu qabel ma jkun laħaq l-età normali tal-irtirar għandu jitqies, fil-konfront tal-impjegat, li ġie konkluż f’għeluq l-età normali tal-irtirar, ħlief jekk il-ftehim ikun ġie konkluż jew ikun ġie ikkonfermat fl-aħħar tliet snin qabel it-tali data mill-ħaddiem.”

 Il-Liġi fuq il-ftehim kollettiv

17      Matul il-perijodu bejn it-28 ta’ Novembru 2003 u s-7 ta’ Novembru 2006, l‑Artikolu 5 tal-liġi dwar il-ftehim kollettiv (Tarifvertragsgesetz, BGBl. 1969 I, p. 1323), intitolat “Saħħa vinkolanti ġenerali”, kien jipprovdi kif ġej:

“(1) Il-Ministru tal-Ekonomija u tax-Xogħol jista’, fuq talba ta’ parti tal-ftehim kollettiv u b’kunsens ma’ kumitat kompost minn tliet rappreżentanti ta’ min iħaddem nazzjonali u minn tliet rappreżentanti ta’ trade unions, jiddikjara li l-ftehim kollettiv japplika b’mod ġenerali, jekk

1.       il-persuni li jħaddmu marbuta bl-imsemmi ftehim jimpjegaw mhux inqas minn 50 % tal-impjegati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv u jekk

2.       id-dikjarazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali tidher li hija meħtieġa fl-interess ġenerali.

Il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu ma japplikawx jekk id‑dikjarazzjoni ta’ applikabbiltà ġenerali tkun neċessarja sabiex tirrimedja stat ta’ neċessità soċjali.

[…]”

 Il-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali

18      B’effett mis-sena 1987, l-Artikolu 19(8) tal-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali (Allgemeingültiger Rahmentarifvertrag für die gewerblichen Beschäftigten in der Gebäudereinigung, iktar ’il quddiem ir-“RTV”) jipprovdi:

“Sakemm ma jkunx ġie ddeterminat mod ieħor fil-kuntratt individwali, [...] ir‑relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata fl-iskadenza tax-xahar li fih l-impjegat/l-impjegata jkollu/jkollha dritt jitlob/titlob il-pensjoni ta’ rtirar, [...] sa mhux iktar tard minn tmiem ix-xahar li fih l-impjegat/l-impjegata jagħlaq/tagħlaq 65 sena”.

19      Permezz ta’ avviż ippubblikat fit-3 ta’ April 2004, il-Ministru tal-Ekonomija u tax-Xogħol iddikjara dan il-ftehim ta’ applikazzjoni ġenerali b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      Matul 39 sena, l-attività ta’ xogħol ta’ G. Rosenbladt kienet tikkonsisti f’xogħol ta’ tindif ta’ kwartieri f’Hamburg-Blankenese (il-Ġermanja).

21      Mill-1 ta’ Novembru 1994, G. Rosenbladt kienet impjegata minn Oellerking, impriża tat-tindif, b’kuntratt ta’ xogħol part-time (sagħtejn kuljum, għaxar sigħat fil-ġimgħa) b’paga grossa fix-xahar ta’ EUR 307.48.

22      Dan il-kuntratt jipprovdi, skont l-Artikolu 19(8) tar-RTV, li għandu jintemm fi tmiem ix-xahar li fih l-impjegata tilħaq l-età tal-irtirar, jiġifieri l-iktar tard fi tmiem ix-xahar li fih hija tagħlaq 65 sena.

23      Skont din il-klawżola, fl-14 ta’ Mejju 2008, Oellerking innotifikat lil G. Rosenbladt bit-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, b’effett mill-31 ta’ Mejju 2008, minħabba l-fatt li hija kienet laħqet l-età tal-irtirar.

24      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2008, G. Rosenbladt innotifikat lil min iħaddimha li hija kellha l-intenzjoni li tkompli taħdem. Minkejja din il‑kontestazzjoni, il-kuntratt ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata ma baqax japplika b’effett mill-31 ta’ Mejju 2008. Madankollu, Oellerking ipproponiet lil G. Rosenbladt relazzjoni ġdida ta’ xogħol mill-1 ta’ Gunju 2008 u dan għal matul il-proċeduri tal-kawża prinċipali.

25      Fit-28 ta’ Mejju 2008, G. Rosenbladt ippreżentat rikors kontra l-persuna li tħaddimha quddiem l-Arbeitsgericht Hamburg. Hija ssostni li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha hija illegali, peress li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Hija tgħid li limitu tal-età bħal dak previst fl-Artikolu 19(8) tar-RTV ma huwiex iġġustifikat kemm fid-dawl tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll tal-Artikolu 6 tagħha.

26      Mill-1 ta’ Ġunju 2008, G. Rosenbladt tirċievi pensjoni taħt is-sistema legali tal-assigurazzjoni tax-xjuħija fl-ammont ta’ EUR 253.19 fix-xahar, jiġifieri EUR 228.26 netti.

27      Il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-konformità tal-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol previsti fl-Artikolu 19(8) tar-RTV mal-prinċipju tat-trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol imħaddan mid-dritt primarju tal-Unjoni u mid-Direttiva 2000/78.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Arbeitsgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Wara d-dħul fis-seħħ tal-[AGG], dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, li jagħmlu distinzjoni bbażata fuq l-età mingħajr ma l-imsemmija liġi tawtorizza dan b’mod espliċitu (kif kienet tagħmel qabel fil-[punt] 7 tal-Artikolu 10 tagħha), huma kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva [2000/78]?

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali, li tawtorizza lill-Istat, lill-imsieħba soċjali [partijiet fi ftehim kollettiv] u lill-partijiet f’kuntratt individwali ta’ xogħol li jipprovdu għat-terminazzjoni awtomatika tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l‑persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) tikser il‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?

3)      Ftehim kollettiv, li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena), jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?

4)      Stat li jiddikjara li għandu applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm ir-relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) u li jżomm din l‑applikazzjoni ġenerali, jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta huwa jagħmel dan indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

29      L-Irlanda ssostni li d-domandi magħmula huma essenzjalment identiċi għal dawk li rrispondiet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra p. I‑1569). Barra minn hekk, it-tieni sar-raba’ domanda jikkonċernaw iktar l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju milli l‑interpretazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti għandha tirrinunzja l-ġurisdizzjoni tagħha.

30      Kemm il-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l‑ammissibbiltà tal-ewwel domanda. Huma essenzjalment isostnu li l-qorti tar-rinviju rreferiet għal dispożizzjoni tal-AGG li ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, u għalhekk iċċaħħad din id-domanda mir-rilevanza tagħha.

31      Dawn l-argumenti ma humiex fondati. Indipendentement mill-fatt li d-domandi li taw lok għar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Age Concern England, iċċitati iktar ’il fuq, ma humiex identiċi għal dawk magħmula fil-kawża preżenti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 267 TFUE dejjem jippermetti lil qorti nazzjonali, jekk hija tqis neċessarju, tirreferi mill-ġdid domandi ta’ interpretazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59, 76). Barra minn hekk, mit-termini tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2000/78, sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali.

32      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C‑414/07, Ġabra p. I‑10921, punt 22).

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali f’kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-każ ineżami, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li laħqu l-età ta’ 65 sena, abbażi tal-fatt li jkollhom dritt għal pensjoni ta’ rtirar, prevista fl-Artikolu 19(8) tar-RTV, hijiex diskriminatorja. Il-qorti tar-rinviju tqajjem il‑kwistjoni, b’mod partikolari, dwar il-kompatibbbiltà ta’ tali regola mad-Direttiva 2000/78. Id-domandi magħmula huma suffiċjentement preċiżi sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għalihom b’mod utli.

35      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(5) tal-AGG, inkwantu tipprovdi li klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatiċi tal-kuntratti ta’ xogħol, ibbażati fuq il-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, jistgħu ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

37      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(5) tal-AGG jistabbilixxi trattament differenti direttament bbażat fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 51).

38      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni meta din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u li l-mezzi sabiex jintlaħqu dawn l‑għanijiet ikunu xierqa u neċessarji. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) jelenka diversi eżempji tat-trattament differenti li għandu karatteristiċi bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

39      L-Artikolu 10 tal-AGG essenzjalment jirriproduċi dawn il-prinċipji. Il-punt 5 ta’ din id-dispożizzjoni jinkludi, fost l-eżempji tat-trattament differenti bbażat fuq l‑età li jista’ jiġi ġġustifikat, il-ftehim li jipprovdu għat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, mingħajr tkeċċija jew riżenja, f’data li fiha l-ħaddiem jista’ jitlob pensjoni ta’ rtirar minħabba l-età tiegħu. Għaldaqstant, din il-miżura ma tistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar obbligatorju, iżda tawtorizza lil min iħaddem u lill-impjegati jiftiehmu, permezz ta’ ftehim individwali jew kollettiv, dwar il-metodu tal-estinzjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol ibbażata fuq l-età għall-pensjoni ta’ rtirar indipendentement mis-sitwazzjonijiet ta’ riżenja jew ta’ tkeċċija.

40      L-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2000/78 ma jinkludix il-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol fost dawk inklużi fil-lista tat-trattament differenti bbażat fuq l-età li jista’ jiġi ġġustifikat u, għaldaqstant, li ma għandux jitqies bħala diskriminatorju. Madankollu, dan il-fatt mhuwiex fih innifsu determinanti. Fil-fatt, din il-lista għandha biss valur indikattiv. Għalhekk, l-Istati Membri, meta jimplementaw din id-diretttiva, ma humiex meħtieġa jistabbilixxu lista speċifika tad-differenzi fit-trattament li jista’ jiġi ġġustifikat b’għan leġittimu (sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). Jekk jiddeċiedu li jagħmlu hekk, fil-kuntest tal-marġni ta’ evalwazzjoni tagħhom, huma jistgħu jinkludu f’din il-lista l-eżempji ta’ trattament differenti u ta’ għanijiet minbarra dawk espressament inklużi fl-imsemmija direttiva, sakemm dawn l-għanijiet ikunu leġittimi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din tal-aħħar u li dan it-trattament differenti jkun xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l‑imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan (ara sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 63, u Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

42      Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur, waqt l-adozzjoni tal-Artikolu 10(5) tal-AGG kellu l-intenzjoni li ma jippreġudikax, f’isem il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sitwazzjoni eżistenti, ikkaratterizzata minn użu ġenerali tal-klawżoli awtomatiċi tal-kuntratti ta’ xogħol meta l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar. Hija ssostni wkoll li dawn il‑klawżoli intużaw ta’ sikwit għal għexieren ta’ snin, indipendentement mill-kundizzjonijiet soċjali, demografiċi u mis-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol.

43      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż enfasizza, b’mod partikolari, li l-legalità tal-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar, rikonoxxuta wkoll f’diversi Stati Membri, tirrifletti l-konsensus politiku u soċjali li hemm fil-Ġermanja sa minn snin ilu. Dan il-konsensus huwa qabelxejn ibbażat fuq l-idea ta’ tqassim tax-xogħol bejn il-ġenerazzjonijiet. It-terminazzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol tal-imsemmija impjegati tibbenefika direttament lil ħaddiema żgħażagħ billi tiffavorixxi l-integrazzjoni professjonali tagħhom li saret diffiċli f’kuntest ta’ qgħad persisteni. Barra minn hekk, id-drittijiet tal-ħaddiema ikbar fl-età jkunu protetti b’mod xieraq. Fil-fatt, il-parti l-kbira minnhom jixtiequ jieqfu jaħdmu hekk kif jilħqu l-età tal-irtirar, peress li l-pensjoni li jirċievu tissostitwixxi d-dħul tas-salarju li jkunu tilfu. It-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol għandha wkoll il-vantaġġ li ma tobbligax lil min iħaddem ikeċċi l-impjegati peress li ma jkunux għadhom kapaċi jwettqu xogħolhom, li tista’ tkun umiljanti għal persuni ta’ età avvanzata.

44      Għandu jiġi rrilevat li t-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-età u tal-kontribuzzjoni sabiex jibbenefikaw mil-likwidità tad-drittijiet għal pensjoni tagħhom, tagħmel parti, sa minn żmien ilu, mid-dritt tax-xogħol ta’ diversi Stati Membri u għandha użu estensiv fir-relazzjoni tax-xogħol. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, demografiċi u/jew tal-baġit u jiddependi mill-għażla li ttawwal it-tul tal-ħajja attiva tal-ħaddiema jew, bil-kontra, li tipprevedi l-irtirar kmieni ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

45      Għaldaqstant, għanijiet ta’ natura bħal dawk indikati mill-Gvern Ġermaniż għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment”, “fil-kuntest tad-dritt nazzjonali”, kif previst fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, trattament differenti abbażi tal-età, kif stabbilit fl-Artikolu 10(5) tal-AGG.

46      Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk tali miżura hijiex xierqa u neċessarja, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

47      L-awtorizzazzjoni tal-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar ma tistax, fil-prinċipju, titqies li tippreġudika eċċessivament l-interessi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati.

48      Fil-fatt, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex ibbażata biss fuq età partikolari, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-persuni kkonċernati jibbenefikaw, fit-tmiem tal-karriera professjonali tagħhom, minn kumpens finanzjarju fil-forma ta’ pensjoni ta’ rtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73).

49      Barra minn hekk, il-mekkaniżmu tat-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol ipprovdut permezz ta’ miżura bħal dik inkluża fl-Artikolu 10(5) tal-AGG ma tawtorizzax lil min iħaddem itemm unilateralment ir-relazzjoni ta’ xogħol meta l-ħaddiema jkunu laħqu l-età li tippermettihom jillikwidaw il-pensjoni ta’ rtirar tagħhom. Dan il-mekkaniżmu, distint mit-tkeċċija u mir-riżenja, għandu bażi fi ftehim. Huwa mhux biss jagħti lill-impjegati u lil min iħaddem, iżda wkoll lill-imsieħba soċjali, il-fakultà li jagħmlu użu, permezz ta’ ftehim kollettiv u għaldaqstant bi flessibbiltà kunsiderevoli, mill-applikazzjoni ta’ dan il‑mekkaniżmu, b’mod li jistgħu jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni mhux biss is-sitwazzjoni globali tas-suq tax-xogħol ikkonċernat, iżda wkoll il-karatteristiċi speċifiċi għall-impjiegi inkwistjoni (sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

50      Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi, barra minn hekk, limitu addizzjonali intiż li jiżgura l-kunsens tal-impjegati meta l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol jistgħu jiġu applikati qabel l-età regolari tal-irtirar. Fil-fatt, l-Artikolu 10(5) tal-AGG jawtorizza l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tal-impjegati li laħqu l-età tal-pensjoni ta’ rtirar, “u dan mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni essenzjalment teżiġi li min iħaddem jikseb jew jikkonferma l-kunsens tal-ħaddiema fir-rigward ta’ kull klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tad-dritt għal pensjoni meta din tkun inqas mill-età tal-irtirar regolari.

51      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jidhirx li huwa irraġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqisu li miżura bħal dik tal-awtorizzazzjoni ta’ klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l‑impjegat ikun laħaq l-età ta’ dritt għal pensjoni, prevista fl-Artikolu 10(5) tal-AGG, tista’ tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi li jaqgħu fil-kuntest tal-politika nazzjonali tax-xogħol u tal-impjieg bħal dawk invokati mill-Gvern Ġermaniż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).

52      Madankollu, tali konklużjoni ma tfissirx li tali klawżoli, inklużi fi ftehim kollettiv, huma eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju effettiv fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 u tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Tali stħarriġ jiġi eżerċitat skont il-karatteristiċi tal-klawżola li hija suġġett tal-eżami. Fil-fatt, għandha tiġi żgurata, għal kull ftehim li jipprovdi l-mekkaniżmu ta’ terminazzjoni awtomatika tar-relazzjoni ta’ xogħol, l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(b) tal-imsemmija direttiva jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “ikunu jew ikunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett id-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fil-kuntratti jew fi ftehim kollettiv”.

53      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li l‑Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(5) tal-AGG, li bis-saħħa tagħha jitqiesu bħala validi l-klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. L-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv ma hijiex, bħala tali, eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju iżda, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, hija wkoll għandha tfittex għan leġittimu b’mod xieraq u neċessarju.

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

54      Permezz tal-ewwel u tat-tielet domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludix il-klawżola ta’ terminazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol prevista fl-Artikolu 19(8) tar-RTV, fil-każ fejn l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, stabbilita għal 65 sena.

55      Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-punt dwar jekk, minn naħa, din il‑miżura tissodisfax għan leġittimu, u min-naħa l-oħra, jekk hijiex xierqa u neċessarja fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

56      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Bundesarbeitsgericht, f’sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2008 (7 AZR 116/07) iddeċidiet li din id-dispożizzjoni tar-RTV hija kompatibbli mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Madankollu, hija tiddubita kemm din is-soluzzjoni tista’ tapplika għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkwantu din seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-AGG.

57      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-għanijiet imfittxija ma humiex speċifikati fil-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

58      Għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-għan imfittex, huwa importanti li elementi oħra, ibbażati fuq kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li għandha din tal-aħħar għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha kif ukoll għan-natura xierqa u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Palacios de la Villa, punt 57 u Age Concern England, punt 45).

59      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont il-korp li jirrappreżenta l‑interessi ta’ min iħaddem waqt in-negozjati tar-RTV, l-Artikolu 19(8) ta’ dan il‑ftehim kollettiv huwa intiż li jagħti prijorità lill-ippjanar xieraq u prevedibbli tal-ġestjoni tal-persunal u tar-reklutaġġ fuq l-interess tal-impjegati li jħaddnu s‑sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

60      Din il-qorti rreferiet ukoll għas-sentenza tal-Bundesarbeitsgericht tat-18 ta’ Ġunju 2008, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha huwa ppreċiżat li l-Artikolu 19(8) tar-RTV għandu bħala għan li jiffaċilita r-reklutaġġ taż-żgħażagħ, l-ippjanar tar-reklutaġġ u li jippermetti l-ġestjoni tajba tal-persunal tal-impriżi, b’mod ibbilanċjat skont l-età.

61      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-għanijiet ta’ din in-natura jistgħux jiġu kkunsidrati bħala leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

62      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ impjegati li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar jistgħu jiġu ġġustifikati fil-kuntest ta’ politika nazzjonali intiża li tippromwovi l‑aċċess għall-impjieg permezz ta’ distribuzzjoni aħjar tiegħu bejn il‑ġenerazzjonijiet, u l-għanijiet segwiti f’dan is-sens għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati li jiġġustifikaw objettivament u raġonevolment, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, kif jipprovdi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, trattament differenti bbażat fuq l-età kif stabbilit mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punti 53, 65 u 66). Isegwi li l-għanijiet bħal dawk imsemmija mill-qorti tar-rinviju huma “leġittimi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

63      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet humiex “xierqa u neċessarji”.

64      Fir-rigward, l-ewwel nett, tan-natura xierqa tal-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol prevista mir-RTV, il-qorti tar-rinviju tqis li klawżoli ta’ dan it-tip, minħabba l-ineffiċjenza tagħhom, ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

65      Fir-rigward tal-għan relatat mal-promossjoni tal-impjieg, din il-qorti tindika li l‑klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegat li jkun laħaq l-età ta’ 65 sena, ilhom jintużaw ta’ sikwit sa minn żmien ilu, mingħajr madankollu ma affettwaw il-livell ta’ impjieg fil-Ġermanja. Barra minn hekk, hija tosserva li l-Artikolu 19(8) tar-RTV ma jipprojbixxix lil min iħaddem jimpjega persuni li għandhom iktar minn 65 sena, mhux iktar milli jeżiġi li l-persuna li tħaddem tissostitwixxi l-impjegat li jkun għalaq 65 sena b’impjegat iktar żgħażugħ.

66      Fir-rigward tal-għan intiż li jiżgura struttura armonjuża tal-piramida tal-età fis-settur tal-attività tat-tindif, il-qorti tar-rinviju tiddubita mir-rilevanza tagħha fi-dawl tal-fatt li ma hemmx riskju partikolari ta’ persunal ta’ età avvanzata impjegat f’dan is-settur.

67      Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l‑klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija r-riżultat ta’ ftehim innegozjat bejn ir-rappreżentanti tal-impjegati u dawk ta’ min iħaddem li eżerċitaw għalhekk id-dritt tagħhom ta’ negozjar kollettiv rikonoxxut bħala dritt fundamentali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑271/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 37). Il-fatt li l-imsieħba soċjali jitħallew jiddefinixxu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom toffri flessibbiltà kunsiderevoli, peress li kull wieħed mill-partijiet jista’, skont il-każ, jittermina l‑kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

68      Billi tiggarantixxi lill-ħaddiema ċerta stabbiltà fl-impjieg u, fuq perijodu itwal, il‑wegħda ta’ pensjoni ta’ rtirar prevedibbli, u billi toffri lil min iħaddem ċerta flessibbiltà fil-ġestjoni tal-persunal tagħhom, il-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika ta’ kuntratti ta’ xogħol hija għaldaqstant ir-rifless ta’ bilanċ bejn l‑interessi diversi iżda madankollu leġittimi, sottoskritti f’kuntest kumpless ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol, marbuta mill-qrib mal-għażliet politiċi fil-qasam tal-irtirar u tal-impjieg.

69      Għaldaqstant, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxut lill-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni ta’ miżuri li jistgħu jilħquh, ma jidhirx li huwa irraġonevoli li l-imsieħba soċjali jqisu li miżura bħal dik inkluża fl-Artikolu 19(8) tar-RTV tista’ tkun xierqa sabiex tilħaq l-għanijiet imsemmija preċedentement.

70      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-neċessità ta’ klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol bħal dik prevista fl-Artikolu 19(8) tar-RTV.

71      Minn naħa, it-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol tikkawża dannu finanzjarju kunsiderevoli lill-ħaddiema tas-settur tat-tindif industrijali inġenerali u lil G. Rosenbladt b’mod partikolari. Peress li dan is-settur huwa kkaratterizzat minn impjiegi part-time li mhumiex remuneranti ħafna, il-pensjonijiet tas-sistema legali tal-assigurazzjoni tax-xjuħija ma tippermettix lill-ħaddiema jissodisfaw il‑bżonnijiet bażiċi tagħhom.

72      Min-naħa l-oħra, jeżistu miżuri inqas vinkolanti mit-terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol. Għalhekk, fir-rigward tal-interessi ta’ min iħaddem li jippjanaw il-politika ta’ ġestjoni tal-persunal tagħhom, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa biżżejjed li dawn tal-aħħar jistaqsu l-impjegati tagħhom jekk għandhomx l-intenzjoni li jissoktaw jaħdmu lil hinn mill-età tal-pensjoni ta’ rtirar.

73      Sabiex jiġi determinat jekk il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet mixtieqa u jekk tippreġudikax b’mod eċċessiv l-interessi tal-ħaddiema li jkunu laħqu l-età ta’ 65 sena, sena li minnha jistgħu jiksbu l-likwidità tad-drittjiet tal-pensjoni tagħhom, din il-miżura għandha titqiegħed fil-kuntest leġiżlattiv li tinsab fih u jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-dannu li hija tista’ tikkawża lil persuni kkonċernati kif ukoll il-benefiċċji li tikseb minnha s-soċjetà inġenerali u l-individwi li jagħmlu parti minnha.

74      Mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt tax-xogħol Ġermaniż ma jipprojbixxix lil persuna li tkun laħqet l-età li tippermettilha tikseb il-likwidità tad-drittjiet tal-pensjoni tagħha milli tkompli taħdem. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet jirriżulta li ħaddiem li jinsab f’tali sitwazzjoni jkompli jibbenefika mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont l-AGG. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-AGG tipprojbixxi li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ G. Rosenbladt, li wara t-terminazzjoni tal‑kuntratt ta’ xogħol tagħha, abbażi tal-fatt li tkun laħqet l-età tal-irtirar, tkun imċaħħda minn impjieg, kemm jekk mill-persuna li kienet ħaddmitha preċedentement kif ukoll minn terz, għal raġuni marbuta mal-età tagħha.

75      Meta titqiegħed mill-ġdid f’dan il-kuntest, it-terminazzjoni ipso iure ta’ kuntratt ta’ xogħol li jirriżulta minn miżura bħal dik ipprovduta fl-Artikolu 19(8) tar-RTV ma għandhiex l-effett awtomatiku li jġiegħel lill-persuni msemmija jirtiraw definittivament mis-suq tax-xogħol. Konsegwentement, l-imsemmija miżura ma tistabbilixxix sistema imperattiva ta’ rtirar ex officio (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Age Concern England, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Hija ma tipprekludix ix-xewqa ta’ ħaddiem li, per eżempju għal raġunijiet finanzjarji, jixtieq ikompli jaħdem lil hinn mill-età tal-irtirar. Hija ma ċċaħħadx mill-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età l-impjegati li jkunu laħqu l-età tal-rtirar meta dawn tal-aħħar ikunu jixtiequ jibqgħu attivi u jfittxu impjieg ġdid.

76      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li miżura bħal dik ipprovduta fl-Artikolu 19(8) tar-RTV ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet mixtieqa, b’kunsiderazzjoni għall-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rikonoxxut lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg.

77      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħall-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, ipprovduta fl-Artikolu 19(8) tar-RTV.

 Fuq ir-raba’ domanda

78      Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kif stabbilita fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78, tipprekludix Stat Membru milli jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jinkludi klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol, bħal dik inkluża fl-Artikolu 19(8) tar-RTV, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali u demografika kif ukoll is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol.

79      Id-Direttiva 2000/78 ma tirregolax, bħala tali, il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jiżguraw, permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni sħiħa li hija mogħtija lilhom bis-saħħa tad-Direttiva 2000/78 kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. L-Artikolu 16(b) ta’ din id-direttiva jimponi lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex “ikunu jew ikunu jistgħu jiġu ddikjarati nulli u bla effett id-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fil-kuntratti jew fi ftehim kollettiv”. Sakemm ftehim kollettiv ma jmurx kontra l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78, l-Istat Membru kkonċernat huwa liberu li jrendih obbligatorju lil persuni li ma humiex marbuta bil-ftehim (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C-67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 66).

80      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan ma jċaħħadx lill-ħaddiema, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il‑ftehim, mill-protezzjoni li hija mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet kontra d‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

 Fuq l-ispejjeż

81      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 10(5) tal-Liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), li bis-saħħa tagħha jitqiesu bħala validi l‑klawżoli ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ xogħol minħabba l-fatt li l-impjegat ikun laħaq l-età tal-irtirar, sa fejn, minn naħa, l-imsemmija dispożizzjoni hija oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu tal-politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol, u min-naħa l-oħra, il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma xierqa u neċessarji. L-implementazzjoni ta’ din l-awtorizzazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv ma hijiex, bħala tali, eżenti minn kull stħarriġ ġudizzjarju iżda, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, hija wkoll għandha tfittex għan leġittimu b’mod xieraq u neċessarju.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpetat fis-sens li ma jipprekludix miżura bħall-klawżola ta’ terminazzjoni awtomatika tal-kuntratti ta’ impjegati li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, ipprovduta fl-Artikolu 19(8) tal-ftehim kollettiv ta’ applikazzjoni ġenerali għall-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tindif industrijali (Allgemeingültiger Rahmentarifvertrag für die gewerblichen Beschäftigten in der Gebäudereinigung).

3)      L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm dan ma jċaħħadx lill-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-protezzjoni li hija mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.