Kawża C-28/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 28 KE u 29 KE — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni — Trasport — Direttivi 96/62/KE u 1999/30/KE — Projbizzjoni settorjali tal-moviment ta’ trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija — Kwalità tal-arja — Protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Koerenza”
Sommarju tas-sentenza
Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Projbizzjoni settorjali tal-moviment ta’ trakkijiet ta' aktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija
(Artikoli 28 KE u 29 KE; Direttivi tal-Kunsill 96/62, Artikolu 8(3), u 1999/30)
Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 28 KE u 29 KE Stat Membru li, bil-għan li tiġi ggarantita l-kwalità tal-arja ċirkostanti fiż-żona kkonċernata skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti, moqri flimkien mad-Direttiva 1999/30, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali, jimponi fuq it-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija projbizzjoni tal-moviment fuq medda tat-triq ta’ importanza primarja, li tikkostitwixxi waħda mit-toroq prinċipali ta’ komunikazzjoni fuq l-art bejn ċerti Stati Membri.
Sa fejn hija timponi fuq l-impriżi kkonċernati sabiex ifittxu soluzzjonijiet sostituttivi li jħallu profitt għat-trasport tal-merkanzija msemmija, tali projbizzjoni tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija u għandha titqies li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 28 KE u 29 KE jekk hija ma hijiex oġġettivament iġġustifikata.
Issa, jekk ir-rekwiżiti imperattivi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent, li tinkludi bħala prinċipju, ukoll il-protezzjoni tas-saħħa, jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra‑Komunitarju, sakemm dawn il-miżuri jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan il-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan jintlaħaq, l-imsemmija projbizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata f’dan ir-rigward, peress li ma ntweriex li l-għan imfittex ma setax jintlaħaq b’miżuri oħra inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment.
(ara l-punti 116, 117, 122, 125, 139, 140, 150, 151 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
21 ta’ Diċembru 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 28 KE u 29 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u fuq l-esportazzjoni – Trasport – Direttivi 96/62/KE u 1999/30/KE – Projbizzjoni settorjali tal-moviment ta’ trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija – Kwalità tal-arja – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Koerenza”
Fil-Kawża C‑28/09,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226KE, ippreżentat fil-21 ta’ Jannar 2009,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver, A. Alcover San Pedro u B. Schima, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika Taljana, inizjalment irrappreżentata minn I. Bruni, sussegwentement minn G. Palmieri, bħala aġenti, assistiti minn G. De Bellis, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels, Y. de Vries u M. Noort, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, G. Eberhard u C. Ranacher, bħala aġenti, assistiti minn L. Schmutzhard u J. Thudium,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Levits, A. Ó Caoimh u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi imponiet fuq it-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija projbizzjoni tal-moviment fuq medda tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn (l-Awstrija), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja ċirkostanti hija kkostitwita, b’mod partikolari, mid-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95), u tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/744/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 274, iktar ’il quddiem id-“ Direttiva 1999/30”). Dawn iż-żewġ direttivi huma intiżi, skont il-premessi tagħhom, li jipproteġu l-ambjent kif ukoll is-saħħa tal-persuni.
3 Dawn id-direttivi ġew imħassra mill-11 ta’ Ġunju 2010 bid-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, p. 1), bla ħsara tal-obbligi tal-Istati Membri dwar it-termini ta’ traspożizzjoni jew ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, dawn jibqgħu applikabbli għal din il-kawża.
4 Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 96/62 għandha bħala għan ġenerali li tiddefinixxi l-prinċipji bażiċi ta’ strateġija komuni intiżi li:
– jiddefinixxu u jwaqqfu għanijiet għall-kwalità tal-arja ċirkostanti fil-Komunità maħsuba biex jevitaw, jipprevjenu u jnaqqsu effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għal-ambjent kollu kemm hu;
– jagħmlu stima tal-kwalità tal-arja ċirkostanti fuq il-bażi ta’ metodi u kriterji komuni;
– jiksbu informazzjoni adegwata fuq il-kwalità tal-arja ċirkostanti u jiżguraw li din tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inter alia permezz ta’ limiti ta’ twissija;
– jikkonservaw il-kwalità tal-arja ċirkostanti meta din tkun tajba u jtejbuha f’każijiet oħra.
5 L-Artrikolu 4 tad-Direttiva 96/62 jipprovdi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jiffissa valuri limitu għall-inkwinanti elenkati fl-Annness I ta’ din id-direttiva. F’dan l-anness, intitolat “Lista tal-inkwinanti atmosferiċi li għandhom jitqiesu fl-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti”, hemm b’mod partikolari d-diossidu tan-nitroġenu (NO2).
6 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/62 jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex [jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu]:
[…]
3. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta’ twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta’ żmien ta’ dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.”
7 L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 jipprovdi barra minn hekk:
“Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet [fejn il-livelli ta’ wieħed jew ta’ diversi inkwinanti jaqbeż il-valur limitu miżjud bil-marġni ta’ tolleranza], l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta’ żmien speċifikat.
Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.”
8 Fost l-informazzjoni elenkata fl-imsemmi Anness IV hemm b’mod partikolari dik dwar il-lokalizzazzjoni tal-qbiż tal-valur limitu, is-sorsi prinċipali tal-emissjoni responsabbli għat-tniġġis kif ukoll il-miżuri eżistenti u l-miżuri possibbli.
9 Fid-Direttiva 1999/30, ġew iffissati valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu. Skont il-premessa 4 tagħha, dawn il-valuri huma ħtiġiet minimi u l-Istati Membri jistgħu, skont l-Artikolu 130 T tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 176 KE), iżommu jew jintroduċu miżuri protettivi iktar stretti
10 Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/30, intitolat “Dijossidu tan-nitroġenu u ossidi ta’ nitroġenu”:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u, fejn japplika l-ossidi tan-nitroġenu, fl-arja ambjentali, kif stmata skond l-Artikolu 7, ma jeċċedux il-valuri ta’ limitu stabbiliti f'Sezzjoni I ta' l-Anness II mid-dati speċifikati hemmhekk.
Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness II għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.
2. Il-limitu ta’ alert għall-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ambjentali għandu jkun dak stabbilit f’Sezzjoni II ta’ l-Anness II.”
11 Mill-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30 jirriżulta li, fir-rigward tad-diossidu tan-nitroġenu:
– il-valur limitu għal kull siegħa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa ffissat għal 200 µg/m³, “li ma jistax jinqabeż iktar minn 18-il darba fis-sena” miżjud b’perċentwali ta’ tolleranza li jibqa’ jonqos sal-1 ta’ Jannar 2010;
– il-valur limitu annwali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-benidem huwa ffissat għal 40 µg/m³, li wkoll jiżdied bl-istess perċentwali ta’ tolleranza li jibqa’ jonqos sal-1 ta’ Jannar 2010, jiġifieri għal 48 μg/m3 għas-sena 2006, għal 46 μg/m3 għas-sena 2007, għal 44 μg/ m3 għas-sena 2008 u għal 42 μg/m3 għas-sena 2009.
12 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tistabbilixxi, għall-vetturi bil-mutur ġodda mibjugħa fl-Istati Membri, limiti massimi ta’ emissjonijiet ta’ inkwinanti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-partiċelli u l-ossidi tan-nitroġenu (NOx). Għall-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti u ta’ partiċelli inkwinanti minn magni li jaħdmu bil-kompressjoni għall-użu f’vetturi, u l-emissjonijiet ta’ gassijiet inkwinanti minn magni b’avvjament pożittiv li jaħdmu bil-gass naturali jew bil-gass likwidu tal-petrolium għall-użu fil-vetturi, dawn ir-regoli huma adottati taħt l-ismijiet Euro I, II, eċċ, filwaqt li għall-emissjonijiet tal-vetturi privati u kummerċjali ħfief, tintuża l-formulazzjoni Euro O, 1, 2, eċċ.
Id-dritt nazzjonali
13 Id-Direttivi 96/62 u 1999/30 ġew trasposti fid-dritt Awstrijak, b’mod partikolari permezz ta’ emendi tal-liġi fuq il-protezzjoni tal-arja kontra t-tniġġis (Immissionsschutzgesetz-Luft, BGB1. I, 115/97, iktar ’il quddiem l-“IG-L”).
14 Skont l-Artikolu 3(1) tal-IG-L, il-valuri limitu għall-emissjonijiet previsti fl-Annessi 1 u 2 ta’ din l-istess liġi japplikaw għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fit-territorju kollu. L-Anness 1 jiffissa valur limitu ta’ emissjonijiet annwali ta’ 30 µg/m3 għad-diossidu tan-nitroġenu. Dan l-anness jipprovdi wkoll marġni ta’ tolleranza ta’ 30 µg/m3, li għandu jitnaqqas progressivament. Skont din id-data, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-diossidu ta’ nitroġenu tela’, fl-aħħar nett, għal 40 µg/m3 għas-snin 2006‑2009 u 35 µg/m3 għas-sena 2010.
15 Skont l-Artikolu 10 tal-IG-L, għandhom jiġu adottati miżuri permezz ta’ regolament fi żmien mhux iktar tard minn 24 xahar mit-tmiem tas-sena li fiha jkun ġie kkonstatat qbiż tal-valur limitu. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 16(1) ta’ din l-istess liġi, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati jinkludu projbizzjonijiet ta’ moviment ta’ vetturi bil-mutur.
16 Il-Landeshauptmann von Tirol (L-Ewwel Ministru tat-Tirol) stabbilixxa, fis-17 ta’ Diċembru 2007, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-IG-L, regolament li permezz tiegħu t-trasport ta’ ċerta merkanzija hija pprojbita fl-awtostrada A 12 tal-wied ta’ Inn (projbizzjoni settorjali ta’ moviment) [Verordnung des Landeshauptmannes vom 17. Dezember 2007, mit der auf der A 12 Inntalautobahn der Transport bestimmter Güter verboten wird (Sektorales Fahrverbot-Verordnung) Landesgesetzblatt für Tirol, Nru 92/2007) (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”]. Dan ir-regolament, li jimponi fuq il-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija projbizzjoni tal-moviment fuq medda ta’ din l-awtostrada (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni settorjali ta’ moviment”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.
17 Dan ir-regolament huwa intiż, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ inkwinanti marbuta ma’ attivitajiet tal-bniedem u biex b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-arja sabiex tiġi żgurata protezzjoni fit-tul tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-fawna u tal-flora.
18 L-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat jiddelimita “żona sanitarja” (“Sanierungsgebiet”). Din tinkludi medda ta’ 90 kilometru tal-awtostrada A 12, li tinsab bejn il-komun ta’ Zirl (madwar 12-il kilometru l-Punent mill-belt ta’ Innsbruck) u l-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Awstrija (madwar 78 kilometru l-Lvant mill-belt ta’ Innsbruck), kif ukoll ta’ medda ta’ 100 metru ta’ kull naħa ta’ din it-triq prinċipali.
19 Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament:
“Huwa pprojbit il-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-kilometru stradali 6.350 fiż-żona tal-komun ta’ Langkampfen sal-kilometru stradali 90.00 fiż-żona tal-komun ta’ Zirl b’dawn il-vetturi:
vetturi tqal jew semikarrijiet li l-massa massima awtorizzata tagħhom tkun ta’ iktar minn 7.5 tunnellata u vetturi tqal b’karru, li l-mases massimi awtorizzati tagħhom miżjuda flimkien jaqbżu 7.5 tunnellata, li jittrasportaw din il-merkanzija:
a) sa mit-2 ta’ Mejju 2008 (“L-Ewwel fażi”):
1. l-iskart kollu msemmi fl-elenku Ewropew tal-iskart li jinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE [, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostistwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 75/442/KE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78)], kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/573/KE [, tat-23 ta’ Lulju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 165)],
2. ġebel, terrapien, ħama.
b) mill-1 ta’ Jannar 2009 (“It-Tieni fażi”):
1. injam fi zkuk u sufra;
2. minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid,
3. vetturi bil-mutur u karrijiet,
4. azzar, ħlief għal azzar għall-konkrit rafforzat għall-provvista ta’ siti tal-kostruzzjoni,
5. irħam u travertin,
6. madum taċ-ċeramika.”
20 L-Artikolu 4 tad-regolament ikkontestat jevita l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment lil ċerti vetturi bil-mutur, jiġifieri b’mod partikolari dawk li jitgħabbew jew jinħattu fiż-“żona ċentrali” u dawk li jitgħabbew jew jinħattu fiż-“żona estiża”, l-użu tal-vetturi bil-mutur li jkunu sejrin jgħabbu fuq il-ferrovija fit-terminal ferrovjarju f’Hall fid-direzzjoni tat-traffiku lejn il-Lvant, kif ukoll lejn it-terminal ferrovjarju ta’ Wörgl fid-direzzjoni tat-traffiku lejn il-Punent, kif ukoll l-użu tal-vetturi bil-mutur li jkunu għadhom kif għabbew fuq il-ferrovija fit-terminal ferrovjarju ta’ Hall fid-direzzjoni tal-Punent jew mit-terminal ferrovjarju ta’ Wörgl fid-direzzjoni tal-Lvant.
21 Id-distretti amministrattivi ta’ Imst, ta’ Innsbruck-Land, ta’ Innsbruck-Stadt, ta’ Kufstein u ta’ Schważ huma inklużi fiż-“żona prinċipali”. Iż-“żona estiża” tkopri, fl-Awstrija, id-distretti amministrattivi ta’ Kitzbühel, ta’ Landeck, ta’ Lienz, ta’ Reutte u ta’ Zell am See, fil-Ġermanja, dawk ta’ Bad Tölz, ta’ Garmisch-Partenkirchen, ta’ Miesbach, ta’ Rosenheim (inkluża l-belt) kif ukoll ta’ Traunstein u, fl-aħħar nett, fl-Italja, il-komunitajiet ta’ distretti ta’ Eisacktal, ta’ Pustertal u ta’ Wipptal.
22 Dan l-artikolu jirreferi wkoll għad-derogi previsti mill-IG-L. Għalhekk, huma esklużi mill-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ċerti kategorijiet ta’ vetturi bil-mutur, fejn fosthom insibu l-vetturi għall-manutenzjoni tas-sistema tat-toroq, tat-tindif urban kif ukoll il-vetturi agrikoli u forestali. Dan jipprovdi li deroga partikolari tista’, minbarra dan, tintalab għal vetturi oħra ta’ interess pubbliku jew għal interess privat importanti.
23 Wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Ġunju 2008, saru diversi emendi għar-regolament ikkontestat.
24 L-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’moviment iddewmet parzjalment. Għas-settur li kien jisab fil-Lvant tal-belt ta’ Innsbruck, ġie previst li, mill-1 ta’ Jannar 2009, din il-miżura ma tapplikax, minbarra t-trasport tal-merkanżija diġà msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-iskart, il-ġebel, terrapien jew ħama, ħlief għat-trasport ta’ zkuk u minerali tal-ħadid kif ukoll għall-vetturi bil-mutur u karrijiet. F’dak li jikkonċerna t-trasport tal-madum taċ-ċeramika kif ukoll l-azzar, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ġiet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Lulju 2009 (it-tielet fażi) u, f’dak li jikkonċerna t-trasport ta’ minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, kif ukoll tal-irħam u tat-travertin, fl-1 ta’ Lulju 2010 (ir-raba’ fażi).
25 Fir-rigward tas-settur li jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Innsbruck (Innsbruck-Zirl), l-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tressqet għall-1 ta’ Jannar 2001 għall-merkanzija kollha msemmija fir-regolament ikkontestat.
26 Fl-aħħar nett, ġew elenkati diversi eċċezzjonijiet f’digriet. Dawn kienu jikkonċernaw b’mod partikolari l-konvolji ta’ għajnuna ta’ organizzazzjonijiet irrikonoxxuti, kif ukoll it-trasport militari.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
27 L-awtostrada A 12, ta’ tul ta’ madwar 145 kilometru, tqgħaqqad il-komun ta’ Kufstein, li jinsab fil-Lvant tal-belt ta’ Innsbruck, mal-komun ta’ Landek, li jinsab fil-Punent ta’ din l-istess belt. Qbiż tal-valur limitu għad-diossidu tan-nitroġenu, bħal dak li ġie ffissat fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, kien ġie kkonstatat fuq din l-awtostrada sa mis-sena 2002. L-iktar konċentrazzjonijiet qawwija ta’ dan it-tniġġis atmosferiku kienu tkejlu fil-punt ta’ kontroll ta’ Vomp/Raststätte. Matul din l-istess sena, il-konċentrazzjoni medja annwali rreġistrata għal dan it-tniġġis kienet ta’ 61 μg/m3 , filwaqt li, skont il-punt I, il-valur limitu annwali, miżjud bil-marġni ta’ tolleranza, kien ġie ffissat għal 56 μg/m3. Għas-snin 2003 sa 2008, ġie kkonstatat qbiż ogħla. Bħala eżempju, matul is-sena 2008, il-konċentrazzjoni ta’ diossidu tan-nitroġenu rreġistrata fil-punt ta’ kontroll inkwistjoni kienet ta’ 66 µg/m3, li kienet tirrappreżenta qbiż ta’ 50 % tal-valur limitu stabbilit għas-sena inkwistjoni, miżjud bil-marġni ta’ tolleranza, jiġifieri, fl-aħħar nett, 48 μg/m3. Il-qbiż kien iktar sinjifikattiv fir-rigward tal-valuri limitu stabbiliti għad-diossidu tan-nitroġenu mill-IG-L, bil-marġnijiet ta’ tolleranza previsti minnha inklużi.
28 Sabiex jiżguraw l-osservanza tal-valuri limitu għad-diossidu tan-nitroġenu, l-awtoritajiet Awstrijaċi stabbilixxew diversi miżuri intiżi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet speċifiċi tal-vetturi bil-mutur u l-volum tat-traffiku.
29 Fl-1 ta’ Ottubru 2002, dawn l-awtoritajiet imponew projbizzjoni temporanja tal-moviment matul il-lejl għal vetturi tqal, applikabbli fuq medda tal-awtostrada A 12. Sussegwentement, din il-miżura ġiet estiża, imbagħad issostitwita, mill-1 ta’ Ġunju 2003, minn projbizzjoni permanenti ta’ moviment matul il-lejl li tolqot it-trasport ta’ merkanzija minn vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, liema projbizzjoni kienet tapplika matul is-sena kollha.
30 Fis-27 ta’ Mejju 2003, l-Ewwel Ministru tat-Tirol adotta regolament li kien jipprojbixxi, mill-1 ta’ Awwissu 2003 u għal żmien indeterminat, il-moviment fuq medda ta’ din l-istess awtostrada, bejn il-komuni ta’ Kundl u ta’ Ampass, għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw il-merkanzija elenkata f’dan ir-regolament. Dan kien jikkonsisti f’mod partikolari fit-trasport ta’ skart, ċereali, injam fi zkuk u sufra, minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, ġebel, terrapien, ħama, vetturi bil-mutur u karrijiet kif ukoll azzar tal-kostruzzjoni. Madankollu, it-trasport ta’ merkanzija minn jew lejn it-territorju tal-belt ta’ Innsbruck, tad-distretti ta’ Kufstein, ta’ Schwaz jew ta’ Innsbruck-Land ma kinux jaqgħu taħt din il-projbizzjoni. Barra minn hekk, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ma kinitx tapplika għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, bħal pereżempju l-vetturi għall-manutenzjoni tas-sistema tat-toroq, tat-tindif urban kif ukoll il-vetturi agrikoli u forestali. Fl-aħħar nett, setgħet tintalab f’ċerti każijiet deroga partikolari għal vetturi bil-mutur oħra meta kien jeżisti interess pubbliku jew interess privat importanti. Din il-miżura kellha tapplika mal-ewwel sa mill-1 ta’ Awwissu 2003.
31 Peress li l-projbizzjoni stipulata minn dan ir-regolament kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, il-Kummissjoni ppreżentat rikors, fl-24 ta’ Lulju 2003 għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE kontra r-Repubblika tal-Awstrija.
32 Wara li ordnat, bħala miżura kawtelatorja, lil dan l-Istat Membru li jissospendi l-eżekuzzjoni ta’ din il-projbizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑320/03, Ġabra p. I‑9871), li din kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE, peress illi r-regolament inkwistjoni għandu jitqies li jikostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzonijiet kwantitattivi li, minħabba n-natura sproporzjonata tagħha, ma setgħatx tiġi validament iġġustifikata bil-protezzjoni tal-kwalità tal-arja.
33 Wara din is-sentenza, l-awtoritajiet Awstrijaċi ppreparaw miżuri ġodda intiżi li jtejbu l-kwalità tal-arja fuq l-awtorstrada A 12. Mis-sena 2006, ġew implementati progressivament numru ta’ miżuri, fosthom il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors.
34 B’hekk, mill-1 ta’ Novembru 2006 sat-30 ta’ April 2007, ġie impost limitu ta’ veloċità ta’ 100 km/h fl-awtostrada A 12 bejn, minn naħa, il-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, il-komun ta’ Zirl. Matul ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2007, din il-miżura temporanja ġiet issostitwita b’limitu ta’ veloċità li kien ivarja skont il-livell ġenerali ta’ emissjonijiet effettivament imkejla u l-fatturi meteoroloġiċi (iktar ’il quddiem il-“limitu ta’ veloċità varjabbli”).
35 Minbarra dan, ġiet stabbilita projbizzjoni tal-moviment għas-semikarrijiet u l-vetturi tqal bil-karru, ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, mhux konformi mar-regola Euro II, bejn il-komuni ta’ Zirl u ta’ Kufstein, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. Mill-1 ta’ Novembru 2008, din il-miżura tapplika wkoll għal dawn it-tipi ta’ vetturi bil-muturi meta huma ma josservawx ir-regola Euro III. Mill-1 ta’ Novembru 2009, tapplika projbizzjoni ġenerali ta’ moviment għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li ma jkollhomx emissjonijiet konformi mar-regola Euro II, fl-intier tagħhom.
36 Fl-aħħar nett, mill-1 ta’ Jannar 2008, il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-projbizzjoni tal-moviment matul il-lejl ġie estiż għall-vetturi tqal fuq medda tal-awtrostrada A 12. Kienet ġiet temporanjament prevista deroga għall-vetturi tqal li jaqgħtu taħt il-klassijiet Euro IV u Euro V, iżda din tħassret b’effett mill-31 ta’ Ottubru 2009.
37 Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment kif ukoll il-miżuri l-oħra elenkati fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza jagħmlu parti minn pjan, imfassal mill-awtoritajiet Awstrijaċi, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, sabiex fil-Land tat-Tirol tiġi żgurata l-osservanza tal-valur limitu għad-diossidu tan-nitroġenu, iffissat fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30.
Il-proċedura prekontenzjuża
38 Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ippjanata ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni mir-Repubblika tal-Awstrija fil-11 ta’ Jannar 2007, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel prevista mid-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-21 ta’ Marzu 1962, li tistabbilixxi proċedura għall-eżami u l-konsultazzjoni minn qabel fir-rigard ta’ ċerti liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar it-trasport proposti fl-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 3), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 73/402/KEE, tat-22 ta’ Novembru 1973 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 68).
39 Fl-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni tat opinjoni bħala tweġiba, li biha kkonkludiet li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, jekk kellha tiġi adottata, kienet tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija mhux konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 28 KE u 29 KE.
40 Peress li r-regolament ikkontestat ġie madankollu adottat fis-17 ta’ Diċembru 2007, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni, fil-31 ta’ Jannar 2008, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija li biha kkonfermat il-pożizzjoni preċedenti tagħha u stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata minn meta jirċievi din l-ittra.
41 Fit-tweġiba tagħha tal-15 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija kkontestat l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni. Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, intiża sabiex ittejjeb il-kwalità tal-arja fuq l-awtostrada A 12, kellha bħala għan li tressaq il-merkanzija li għandha “affinità mal-ferrovija” lejn dan it-tip ta’ trasport. Għalhekk, din il-projbizzjoni ma kinitx tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, u f’kull każ kienet ġġustifikata mill-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent. Minbarra dan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġeografika tal-Awstrija. Iż-żieda mħaffa tat-trasport bit-triq fl-Unjoni kien wassal għal pressjoni dejjem ikbar fuq l-ambjent fil-kuriduri Alpini u fl-inħawi immedjati ta’ madwarhom.
42 Peress li l-Kummissjoni ma kinitx konvinta minn din it-tweġiba, fit-8 ta’ Mejju 2008 hija indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li biha stednietu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha f’terminu ta’ xahar minn meta jirċievi din l-opinjoni.
43 Ir-Repubblika tal-Awstrija wieġbet għal din l-opinjoni motivata b’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008, fejn żammet il-pożizzjoni preċedenti tagħha. F’ittra addizzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2008, hija informat lill-Kummissjoni li, għas-settur li jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Innsbruck, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment kienet ser tidħol fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2011.
44 Billi ma kinitx sodisfatta b’dawn l-ispjegazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
45 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 2009, ir-Repubblika Taljana kif ukoll ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.
46 B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Awwissu 2009, ir-Renju tad-Danimarka ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Awstrija. Peress li r-Renju tad-Danimarka informa lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’ittra tat-2 ta’ Marzu 2010, li huwa kien ser jirtira l-intervent tiegħu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’digriet tas-7 ta’ Mejju 2010, ordna li l-intervent tiegħu fil-kawża jitħassar.
Fuq l-ammissibbiltà
L-argumenti tal-partijiet
47 Ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra t-talba għal intervent tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dan tal-aħħar jidher li qed jippreżenta motiv ġdid billi jsostni li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta mill-fatt li hija ma taffettwax it-traffiku tal-vetturi tqal kollha, iżda biss it-traffiku ta’ vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati.
48 Ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem ukoll eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra t-talba għal intervent tar-Repubblika Taljana. Ir-Repubblika Taljana tippreżenta motiv ġdid billi ssemmi, bħala miżura alternattiva għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, miżura li ma kinitx ġiet maħsuba mill-Kummissjoni, jiġifieri l-possibbiltà li tiġi introdotta projbizzjoni tal-moviment li tirrigwarda l-vetturi tal-passiġġeri u kummerċjali ta’ inqas minn 7.5 tunnellati, skont il-klassi Euro li jappartjenu għaliha.
49 Din l-aħħar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet ikkontestata mill-Gvern Taljan waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
50 Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma kontra t-talbiet għal intervent, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dawn it-talbiet għal intervent jistgħu jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprekludix li intervenjent jippreżenta argumenti ġodda jew differenti minn dawk tal-parti li huwa jsostni, sakemm huwa għandu l-intenzjoni li jsostni t-talbiet ta’ din il-parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L‑Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1; tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑150/94, Ġabra p. I‑7235, punt 36, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑334/08, Ġabra , I‑6869 53 sa 55).
51 Għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tikkonċerna l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-natura diskriminatorja tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. Dik li tirriżulta mir-Repubblika Taljana hija bbażata fuq in-natura allegatament sproporzjonata ta’ din il-projbizzjoni u b’mod iktar partikolari għall-ilment li r-Repubblika tal-Awstrija ma eżaminatx b’attenzjoni l-possibbiltà li tapplika miżuri inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija.
52 Jekk huwa veru li dawn l-allegazzjonijiet jinkludu argumenti differenti minn dawk tal-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li huma jirrigwardaw ilmenti invokati minnha u intiżi sabiex isostnu t-talbiet tagħha. Dawn huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għas-suċċess tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi fil-kawża jipprovdu kjarifika addizzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑185/00, Ġabra p. I‑14189, punt 92).
53 Isegwi li dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għandhom jiġi miċħuda.
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
54 Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li hija bl-ebda mod ma tapprezzax il-problemi marbuta mat-traffiku transalpin. Hija tirrikonoxxi wkoll li, mis-sena 2002, qbiż tal-valur limitu għad-diossidu tan-nitroġenu, iffissat fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, ġie kkonstatat fl-awtostrada A 12, u li d-Direttiva 96/62 kienet tipprovdi, f’tali ċirkustanzi, obbligu ta’ azzjoni għar-Repubblika tal-Awstrija. Jekk il-parti l-kbira tal-miżuri proposti, intiżi sabiex itejbu l-kwalità tal-arja fiż-żona kkonċernata, kienu ġew approvati, xorta jibqa’ l-fatt li r-regolament ikkontestat ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
55 Skont il-Kummissjoni, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, sa fejn hija tostakola l-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod partikolari, it-tranżitu liberu tagħhom.
56 F’dan ir-rigward, il-fatt li r-regolament ikkontestat jagħmel parti minn numru ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet Awstrijaċi huwa mingħajr rilevanza fuq l-eżistenza jew le ta’ restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà, peress li kull miżura nazzjonali għandha tiġi evalwata b’mod individwali sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħha ma’ dawn l-artikoli.
57 F’dan il-każ, din hija miżura iktar radikali minn dik fl-oriġini tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, huma kkonċernati mill-implementazzjoni ta’ din il-projbizzjoni mhux biss il-moviment fuq it-“triq prinċipali Tramuntana-Nofsinhar” (il-konnessjoni Italja – Brenner – Innsbruck – Langkampfen – Ġermanja) u dik fuq it-“triq prinċipali Tramuntana – Punent” (il-konnessjoni Vorarlberg – Ewropa tal-Lvant), iżda wkoll il-moviment fuq it-“triq prinċipali Nofsinhar – Punent” (il-konnessjoni Italja – Innsbruck – Vorarlberg/reġjun tal-għadira ta’ Konstanz). Skont l-istimi, waqt l-implementazzjoni tal-ewwel fażi tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, jiġifieri mit-2 ta’ Mejju 2008, kellhom jiġu affettwati 35 000 vjaġġ li jitwettaq mill-vetturi tqal fis-sena. Mill-implementazzjoni tat-tieni fażi, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2009, il-miżura inkwistjoni kellha tolqot 200 000 vjaġġ fis-sena, li jirrappreżenta 7.3 % tal-vjaġġi kollha li jsiru mill-vetturi tqal fuq l-awtostrada A 12. L-effetti ta’ din il-miżura jinfirxu għal madwar 300 kilometru tan-netwerk Awstrijak ta’ toroq veloċi.
58 Il-Kummissjoni ssostni li, biex jiġi żgurat it-trasport tal-merkanzija msemmija mir-regolament ikkontestat, ikollu jintuża jew it-traffiku ferrovjarju, jew jittieħdu itinerarji fuq toroq itwal, li joħolqu spejjeż addizzjonali għall-operaturi kkonċernati. Għalhekk, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ikollha riperkussjonijiet ekonomiċi sinjifikattivi, mhux biss għall-industrija tat-trasport, iżda wkoll għall-produtturi tal-merkanzija msemmija f’dan ir-regolament, li jiġu mġegħla jsostnu spejjeż ta’ trasport ogħla, ħaġa li taffettwa l-kompettività tagħhom.
59 Skont il-Kummissjoni, ir-regolament inkwistjoni huwa diskriminatorju. Peress li t-traffiku lokali u reġjonali ġie eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, din tal-aħħar tmiss de facto prevalentement it-tranżitu internazzjonali tal-merkanzija. Minbarra dan, jista’ jkun hemm biża li impriżi ta’ trasport jistgħu jibbenefikaw minn din is-sistema derogatorja billi jibbażaw ruħhom parzjalment fuq dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni sabiex jipproponu trasport fuq toroq għal distanzi twal, meta dan ma jkunx jista’ jiġi propost minn impriżi stabbiliti barra minn dan ir-reġjun.
60 Barra minn hekk, sa fejn il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ma tirrigwardax direttament l-emissjonijiet prodotti mill-vetturi tat-trasport iżda l-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata minnhom, hija jista’ jkollha effett diskriminatorju fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirrileva, b’mod partikolari, li l-kummerċ tal-injam u ta’ prodotti tal-injam kif ukoll il-kummerċ tal-irħam u ta’ travertin jista’ jiġi affettwat.
61 Fir-rigward tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni eventwali għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, il-Kummissjoni rrikonoxixet li din il-projbizzjoni tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent. Hija madankollu tikkontesta l-konformità ta’ din il-miżura mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
62 Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment hija vvizzjata minn kontradizzjonijiet interni, b’mod li l-adegwatezza tagħha fir-rigward tal-għan segwit ma hijiex stabbilita.
63 Skont il-Kummissjoni, l-għan prinċipali tar-regolament ikkontestat ma huwiex it-tnaqqis tal-emissjonijiet prodotti mill-vetturi bil-mutur, iżda dak tat-traffiku fit-triq. Issa, tali tnaqqis ikollu biss effett indirett fuq il-kwalità tal-arja.
64 Peress li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tirrigwarda l-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata u mhux direttament l-emissjonijiet prodotti mill-vetturi tat-trasport, hija għandha bħala kosegwenza li tawtorizza l-moviment ta’ vetturi tqal iktar inkwinanti meta huma jittrasportaw merkanzija li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, filwaqt li l-moviment tal-vetturi tqal inqas inkwinanti huwa pprojbit meta huma jittrasportaw pereżempju madum taċ-ċeramika.
65 Minbarra dan, l-għażla li l-merkanzija li għandha “affinità mal-ferrovija” titressaq lejn dan it-trasport tal-aħħar ma tieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-possibbiltà ta’ użu tal-metodu ta’ trasport ferrovjarju tiddependi ta’ spiss minn parametri loġistiċi differenti tal-missjoni ta’ trasport, bħall-volum li għandu jiġi ttrasportat. Barra minn hek, dan il-kriterju huwa vag wisq u ma jistax jiġi eskluż li l-merkanzija li għandha tiġi affettwata minn tali projbizzjoni tintagħżel b’mod arbitrarju jew diskriminatorju u li din l-għażla tkun sussegwentement estiża għal kategoriji ta’ prodotti oħrajn.
66 Skont il-Kummissjoni, l-alternattivi maħsuba għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ma ġewx kollha eżaminati u, skont il-każ, adottati mill-awtoritajiet Awstrijaċi. Fost id-diversi miżuri ta’ natura li jirrestrinġu, fil-fehma tagħha, b’mod iktar limitat, il-moviment liberu tal-merkanzija hemm is-sostituzzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli b’limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h.
67 L-istudju tal-Institut für Energie- und Umweltforschung Heidelberg, tat-30 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem l-“istudju IFEU”), juri li limitazzjoni ta’ veloċità permanenti għal 100 km/h tisa’ twassal għal tnaqqis, sas-sena 2010, ta’ madwar 7.5 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-effetti ta’ tali limitu meta pparagunat ma’ dawk tal-limitu ta’ veloċità varjabbli, skont il-kalkoli ppreżentati mill-awtoritajiet Awstrijaċi, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar miżura tippermetti li jitnaqqsu annwalment minn madwar 3.6 % sa 3.8 % l-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata. Ir-Repubblika tal-Awstrija ammettiet, fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, li l-effetti tal-limitu ta’ veloċità varjabbli jikkorrispondu għal 67 % tal-effetti ta’ limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h. Minn dan jirriżulta li s-sostituzzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli permezz ta’ tali miżura tippermetti li jinkiseb tnaqqis addizzjonali ta’ 1.8 % ta’ dawn l-emissjonijiet, li jkun ikbar mill-effetti tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, jiġifieri tnaqqis annwali ta’ 1.5 % ta’ dan it-tniġġis atmosferiku.
68 Fir-rigward tal-analiżi ta’ Ökoscience dwar l-effetti tal-kwalità tal-arja tal-applikazzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli bejn ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2007 u dak ta’ Ottubru tas-sena 2008 (iktar ’il quddiem l-“istudju Ökoscience”), invokata mir-Repubblika tal-Awstrija sabiex turi li tali sostituzzjoni tippermetti li jinkiseb biss tnaqqis annwali addizzjonali ta’ 1.1 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu, din ġiet ippubblikata matul ix-xahar ta’ Marzu tas-sena 2009 u tinkludi informazzjoni li setgħet tinkiseb biss wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri t-8 ta’ Ġunju 2008.
69 Minbarra dan, seta’ jiġi pprospettat li l-projbizzjoni tal-moviment li tolqot il-vetturi tqal li jaqgħu taħt ċerti klassijiet Euro tiġi estiża għal dawk li jaqgħu taħt klassijiet oħra iktar avanzati. Ir-Repubblika tal-Awstrija kienet opponiet din il-proposta fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata billi sostniet li l-vetturi tqal li jikkorrispondu għar-regola Euro IV jipproduċu ta’ spiss iktar diossidu tan-nitroġenu minn dawk li jikkorrispondu għar-regola Euro III. Anki jekk din l-allegazzjoni tirriżulta vera, xorta jibqa’ l-fatt li projbizzjoni tal-moviment li tirrigwarda l-vetturi tqal li jaqgħu taħt il-klassi Euro III tħeġġeġ lil diversi impriżi li b’mod antiċipat jgħaddu għall-klassi Euro V.
70 Il-Kummissjoni tagħmel ukoll riferiment għall-possibbiltà li jiġu introdotti miżuri ta’ kontroll taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, bħas-sistema ta’ kontroll tal-volum tat-traffiku, li jiġu stabbiliti sistemi ta’ nollijiet skont il-kwantità ta’ tniġġis prodott mill-vetturi u li tiġi adattata t-taxxa fuq iż-żjut minerali jew it-taxxa fuq il-konsum, u dan sabiex jitħeġġeġ ix-xiri ta’ vetturi mgħammra b’mutur li jaħdem bil-petrol.
71 Il-Kummissjoni ssostni li, qabel ma jiġi deċiż li tiġi implementata l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, l-awtoritajiet Awstrijaċi ma kinux żguraw l-eżistenza ta’ kapaċità ferrovjarja suffiċjenti u adegwata li tippermettu t-trasferiment tat-trasport bit-triq tal-merkanzija kkonċernata lejn it-trasport ferrovjarju. L-eżistenza ta’ tali kapaċità ma hija bl-ebda mod ipprovata la għas-settur li jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Innsbruck u lanqas għas-settur li jinsab fil-Lvant ta’ din il-belt, f’dak li jikkonċerna l-implementazzjoni tat-tieni fażi ta’ din il-projbizzjoni.
72 Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jsir użu mill-awtostrada ferrovjarja (“Rollende Landstrasse”), jiġifieri l-metodu ta’ trasport li permezz tiegħu l-vetturi tqal jitqiegħu fuq il-ferrovija għal parti biss tal-itinerarju, din l-alternattiva tieżisti biss għas-settur li jinsab fil-Lvant tal-belt ta’ Innsbruck. Għal dan is-settur, kien possibbli li tiġi żgurata biss parti mit-trasport tal-merkanzija affettwata mill-implementazzjoni, fl-1 ta’ Jannar 2009, tat-tieni fażi tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, hekk kif kienet ġiet prevista inizjalment. Fil-fatt, jekk il-kapaċità tal-awtostrada ferrovjarja kienet suffiċjenti fl-1 ta’ Jannar 2009, dan kien sempliċement dovut għall-modifiki mwettqa mir-Repubblika tal-Awstrija wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.
73 Għal dak li jirrigwarda t-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat bħala alternattiva, dan ma huwa ta’ ebda interess mill-perspettiva ekonomika u loġistika ħlief fuq distanzi twal.
74 Fir-rigward tal-possibbiltà li jsir użu minn itinerarji sostituttivi, jidher li r-rotot alternattivi lokali huma kemm ipprojbiti għat-traffiku ta’ tranżitu, kif ukoll mhux adatti għall-vetturi tqal. Għalhekk, it-trasport fi tranżitu ta’ vetturi tqal barranin affettwati jkollu jiġi ddevjat jew lejn l-Isvizzera, jew lejn ir-rotta ta’ Tauern fl-Awstrija, li jimplika titwil kunsiderevoli tar-rotta. Minbarra dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-formalitajiet doganali Svizzeri.
75 Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet sostituttivi realistiċi li jippermettu li jiġi żgurat it-trasport tal-merkanzija msemmija mir-regolament ikkontestat, it-termini previsti għall-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment huma insuffiċjenti sabiex jippermettu raġonevolment lill-operaturi kkonċernati minn din il-miżura jadattaw ruħhom għaċ-ċirkustanzi l-ġodda.
76 Fir-rigward tas-settur li jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Innsbruck (Zirl‑Innsbruck), in-neċessità tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ma hijiex stabbilita fin-nuqqas ta’ evalwazzjonijiet suffiċjenti li jindikaw sa fejn dan is-settur huwa milqut. Minbarra dan, analiżi ta’ impatt konkret, li tista’ turi n-natura xierqa u neċessarja ta’ tali miżura, hija nieqsa.
77 F’kull każ, il-fatt li r-regolament ikkontestat kien ġie emendat diversi drabi wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata juri li r-Repubblika tal-Awstrija ma analizzatx korrettament in-natura proporzjonata tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment.
78 Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni, fin-nota ta’ intervent tiegħu, li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta. Dan jaffettwa b’mod iktar sinjifikattiv it-traffiku ta’ tranżitu li jsir minn impriżi barranin milli dak żgurat mill-impriżi Awstrijaċi minħabba l-fatt, minn naħa, li ma jirrigwardax it-traffiku ta’ vetturi tqal kollha, iżda unikament it-traffiku ta’ vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, peress li dawn l-aħħar vetturi kienu dawk li permezz tagħhom it-traffiku ta’ tranżitu jseħħ bħala regola ġenerali u, min-naħa l-oħra, li jikkonċerna triq prinċipali partikolari għal dan it-tip ta’ traffiku.
79 Ir-Repubblika Taljana, fir-rigward tagħha, tipproponi, bħala miżura alternattiva għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ta’ moviment li tirrigwarda l-vetturi privati u kummerċjali ta’ inqas minn 7.5 tunnellati, skont il-klassi Euro li għaliha jappartjenu. Fir-rigward tal-alternattiva, proposta mill-Kummissjoni, li tgħid li l-projbizzjonijiet ta’ moviment imposti fuq it-trakkijiet u l-vetturi tqal iktar qodma jiġu estiżi għal dawk li jaqgħu taħt klassijiet Euro oħra iktar avanzati, u b’mod iktar partikolari dawk li jaqgħu taħt il-klassi Euro III, din jista’ jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi sinjifikattivi għall-ekonomija ta’ dan l-Istat Membru minħabba l-kompożizzjoni tal-flotta ta’ trakkijiet.
80 Minbarra dan, l-Istati intervenjenti jenfasizzaw problemi li jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. L-alternattivi offruti mit-trasport ferrovjarju u mill-itinerarji sostituttivi ma jippermettux li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-operaturi kkonċernati. Ir-Repubblika Taljana tinsisti b’mod partikolari fuq l-ispiża amministrattiva u finanzjarja addizzjonali li joħloq trasport ta’ merkanzija mill-Isvizzera.
81 Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE.
82 Fir-rigward tal-kuntest fattwali, dan l-Istat Membru jsostni li, minkejja miżuri intiżi li jtejbu l-kwalità tal-arja ċirkostanti fil-Land tat-Tirol, il-konċentrazzjoni f’diossidu tan-nitroġenu fuq l-awtostrada A 12 taqbeż nettament il-valuri limitu annwali ffissati fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, miżjuda bil-marġni ta’ tolleranza. Is-sitwazzjoni taggrava ruħha minħabba l-evoluzzjoni degressiva ta’ dan il-marġni. Madwar 60 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu fuq din l-awtostrada huma imputabbli għall-vetturi tqal. Għalhekk, it-trasport fit-triq ta’ merkanzija jikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ emissjonijiet ta’ dan it-tniġġis atmosferiku fiż-żona kkonċernata.
83 Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li d-Direttiva 96/62, moqrija flimkien mad-Direttiva 1999/30, timponi, fil-każ ta’ qbiż tal-valur limitu annwali ta’ diossidu tan-nitroġenu, obbligu li tittieħed azzjoni għall-Istat Membru kkonċernat. Minbarra dan, l-awtoritajiet Awstrijaċi għandhom l-obbligu li jiżguraw ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja taċ-ċittadini, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, inkluż id-dritt ta’ protezzjoni kontra t-theddid għas-saħħa u għall-kwalità tal-ħajja. F’dan il-każ, kien instab ekwilibriju ġust bejn l-interessi preżenti skont il-ġurisprudenza stabbilita bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659).
84 Dan l-Istat Membru jsostni li l-konformità tar-regolament ikkontestat mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux b’mod iżolat, iżda fid-dawl tal-miżuri kollha li jagħmel parti minnhom. Fil-fatt, sabiex jasal għal tnaqqis daqshekk sinjifikattiv u effettiv daqsemm huwa possibbli tal-emissjonijiet ikkawżati mit-traffiku tat-triq, kien neċessarju pjan kollettiv li jiġbor diversi miżuri. Dawn tal-aħħar jirrigwardaw mhux biss l-emissjonijiet speċifiċi tal-vetturi bil-mutur, iżda wkoll il-volum tat-traffiku tat-triq. L-implementazzjoni ta’ dan il-pjan tippermetti li jitnaqqas b’mod sinjifikattiv it-tniġġis dovut għad-diossidu tan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata, u li tintlaħaq, matul is-sena 2010, konċentrazzjoni annwali medja ta’ madwar 55 µg/m3 ta’ dan it-tniġġis atmosferiku f’din iż-żona. Madankollu, minkejja l-adozzjoni ta’ pjan bħal dan, il-konċentrazzjoni fl-arja ta’ dan it-tniġġis atmosferiku taqbeż sew il-valur limitu ta’ 40 µg/m3 , iffissat fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30 għas-sena inkwistjoni.
85 Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, fl-iżvilupp finali tagħha, jiġifieri wara d-deċiżjoni li ma jiġix inkluż it-trasport ta’ ċereali fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kienet tikkonċerna madwar 194 000 vjaġġ ta’ vetturi tqal fis-sena, li kien jirrappreżenta 6.6 % tal-vjaġġi kollha li saru mill-vetturi tqal fuq l-awtostrada A 12. Din ma hijiex ta’ natura li tostakola l-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, iżda tostakola biss l-użu ta’ metodu ta’ trasport f’kuridur ta’ tranżitu transalpin. Il-vjaġġi inkwistjoni jistgħu jseħħu, parzjalment, billi t-trasport bit-triq tal-merkanzija msemmija fir-regolament ikkontestat jiġi ttrasferit lejn il-ferrovija u, parzjalment, billi jittieħdu itinerarji sostituttivi.
86 Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, din il-projbizzjoni ma wasslitx għal konsegwenzi ekonomiċi sinjifikattivi. Ir-riperkussjonijiet tagħha huma wisq aleatorji u wisq indiretti sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jostakolaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-prattika, ebda ostakolu għall-kummerċ tal-merkanzija ma kien ġie kkonstatat sa mill-implementazzjoni tal-ewwel fażi ta’ din il-projbizzjoni, jiġifieri t-2 ta’ Mejju 2008.
87 Għal dak li jikkonċerna n-natura allegatament diskriminatorja tar-regolament ikkontestat, l-għażla tal-merkanzija msemmija minn dan ir-regolamment saret skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.
88 Fir-rigward tad-deroga applikabbli għat-traffiku fit-triq reġjonali u lokali, din hija spjegata mill-fatt li t-trasferiment ta’ dan it-tip ta’ traffiku lejn it-trasport ferrovjarju, bħala ipoteżi ġewwa l-istess żona, iwassal għal vjaġġi addizzjonali lejn terminus ferrovjarju, li jkollu effett kuntrarju għall-għan imfittex mir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, iż-“żona estiża” ddefinita minn dan ir-regolament tinkludi distretti amministrattivi li jinsabu barra mit-territorju Awstrijak, li jsaħħaħ in-natura mhux diskriminatorja tas-sistema inkwistjoni.
89 Fir-rigward tal-biża li impriżi ta’ trasport jibbenefikaw mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ deroga li jistgħu jipproponu servizzi ta’ trasport bit-triq għal distanzi twal, l-awtoritajiet Awstrijaċi ħadu miżuri li jippermettu l-ġlieda kontra d- devjazzjonijiet jew abbużi eventwali.
90 Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tippreċiża li, għal ċertu trasport, derogi għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment jistgħu jingħataw, każ b’każ, bil-preżentazzjoni ta’ talba f’dan is-sens. Dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji jippermettu li jiġi organizzat trasport bit-triq ta’ merkanzija fejn jiġi stabbilit li huma ma jistgħux jiġu ttrasferiti lejn il-ferrovija, minħabba ċirkustanzi partikolari. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jiġu applikati bi flessibbiltà mill-awtoritajiet kompetenti.
91 Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jsostni li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment hija ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa, kif ukoll tal-ambjent u hija proporzjonata mal-għanijiet segwiti.
92 Il-Kummissjoni b’mod żbaljat takkuża lir-Repubblika tal-Awstrija li ddeċidiet li timmira għat-trasport bit-triq ta’ merkanzija. Tali miżura hija konformi mal-għanijiet irrikonoxxuti fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “Inżommu lill-Ewropa miexja – Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna – Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport tal-2001 tal-Kummissjoni Ewropea” [COM (2006) 314 finali tat-22 ta’ Ġunju 2006].
93 Minbarra dan, ir-riċerki xjentifiċi juru b’mod ċar il-fondatezza tal-approċċ adottat minn dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq studji li jagħmlu ipoteżijiet żbaljati, li wassal għal sovraestimazzjoni, minnha, tal-effett tal-miżuri dwar il-vetturi indiviwali.
94 Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Awstrijaċi li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment għas-settur li jinsab fil-Punent tal-belt ta’ Innsbruck, din il-miżura hija neċessarja minħabba l-livell ta’ tniġġis tal-arja ċirkostanti fiż-żona kkonċernata. Barra minn hekk, dan is-settur jirrappreżenta biss proporzjon żgħir tat-traffiku ta’ vetturi tqal fil-kuridur tal-Brenner, jiġifieri madwar 1.8 %, u għalhekk l-effetti ta’ din l-estensjoni fit-traffiku transkonfinali ta’ tali vetturi huma żgħar.
95 Qabel ma adottat il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu eżaminaw bir-reqqa l-possibbiltà li jadottaw miżuri alternattivi inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija. Il-miżuri studjati kienu ġew introdotti u applikati sa fejn huma kienu adatti u effettivi. Għalhekk, dawn l-awtoritajiet kienu ddeċidew li jistabbilixxu limitu ta’ veloċità varjabbli skont it-tniġġis u projbizzjoni tal-moviment għal ċerti vetturi tqal li ma humiex konformi mar-regola Euro II jew Euro III. Minbarra dan, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-projbizzjoni tal-moviment matul il-lejl kien ġie estiż u d-deroga prevista għall-vetturi tqal li jaqgħu taħt il-klassijiet Euro IV u Euro V kienet tneħħiet.
96 Fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi stabbilita miżura li tillimita b’mod permanenti l-veloċità għal 100 km/h, il-Kummissjoni b’mod żbaljat issostni li tali miżura tista’ tħalli tnaqqis ta’ madwar 7.5 % tal-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata u li din il-limitazzjoni tnaqqas iktar il-konċentrazzjoni annwali ta’ dan it-tniġġis atmosferiku f’din iż-żona milli l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-istudju ta’ IFEU, invokat mill-Kummissjoni sabiex turi l-fondatezza ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, huwa bbażat fuq data u ipoteżijiet mhux verifikabbli.
97 Sabiex jiġi evalwat l-effett sostituttiv tal-limitu ta’ veloċità varjabbli minn limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h, irid jittieħed bħala bażi l-istudju Ökoscience, li fih data li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli bejn ix-xahar ta’ Novembru tas-sena 2007 u dak ta’ Ottubru tas-sena 2008. Skont din id-data, l-effett ta’ tali sostituzzjoni jippermetti li jinkiseb tnaqqis annwali addizzjonali ta’ 1.1 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu f’kundizzjonijiet ottimali, li jirrappreżenta riżultat nettament inqas minn dak tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment li għaliha qed jiġi propost tnaqqis ta’ 1.5 % ta’ dawn l-emissjonijiet.
98 F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-livell ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżulta minn limitu ta’ veloċità permanenti għal 100 km/h jiddependi essenzjalment mill-effett ta’ din il-miżura fuq il-veloċità effettivament ipprattikata mill-utenti tar-rotta, li tiddependi hija stess mill-aċċettazzjoni tal-miżura minn dawn l-utenti. Il-veloċità medja ta’ moviment ma hijiex ekwivalenti għall-veloċità massima awtorizzata. Fiż-żmien fejn limitazzjoni ta’ veloċità għal 130 km/h kienet applikata f’Vomp, il-veloċità medja tal-vetturi individwali kienet ta’ madwar 116 km/h, filwaqt li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni li jimplika l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ veloċità permanenti għal 100 km/, din il-veloċità ma kinitx tnaqqset ħlief għal 103 km/h. It-tnaqqis effettiv tal-veloċità medja għalhekk ma kienx ta’ 30 km/h iżda biss ta’ 13 km/h.
99 Fir-rigward tal-possibbiltà li l-projbizzjonijiet ta’ moviment imposti fuq it-trakkijiet u l-vetturi tqal iktar qodma jiġu estiżi għal dawk li jaqgħu taħt klassijiet Euro oħra, tali estensjoni twassal għal riżultati kontradittorji. L-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu huma ogħla għall-vetturi tqal li jaqgħu taħt il-klassi Euro IV minn dawk tal-vetturi li jikkorrispondu għall-klassi Euro III. Minbarra dan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li minnha l-vetturi tal-klassi Euro milquta mill-projbizzjoni tal-moviment ma jikkorrispondux iktar mar-regola kif ukoll tal-punt jekk l-obbligu ta’ sostituzzjoni għall-vetturi inkwistjoni b’vetturi ġodda jistax jiġi impost. Fil-mument fejn il-miżuri kollha intiżi li jtejbu l-kwalità tal-arja ċirkostanti fil-Land tat-Tirol kienu ġew proposti, tliet kwarti tal-flotta ta’ trakkijiet kienet dejjem ġiet ikkostitwita minn vetturi li jikkorrispondu għar-regola Euro III.
100 L-awtoritajiet Awstrijaċi kienu studjaw l-effetti fuq it-tniġġis tal-arja tal-miżuri ta’ kontroll tat-traffiku, tal-miżuri dwar in-nollijiet u miżuri oħra ta’ sewqan. Dawn kienu parzjalment ġew skartati minħabba l-inkonvenjenzi tagħhom, u parzjalment qed jiġu applikati.
101 Minbarra dan, il-Kummissjoni tippreżenta, bħala miżuri alternattivi għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, miżuri li jipproduċu biss effetti għal żmien twil, bħall-miżuri ekonomiċi intiżi li jnaqqsu l-parti mill-vetturi privati li jaħdmu b’mutur diesel. F’kull każ, tali miżuri kienu diġà ġew adottati.
102 Fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi żgurat it-trasport tal-merkanzija msemmija mir-regolament ikkontestat, ir-Repubblika tal-Awstrija tapplika distinzjoni bejn it-trasport ta’ merkanzija li l-vjaġġ tagħha fuq l-awtostrada A 12 huwa l-iqsar (“itinerarju ottimali”), dawk li għandhom vjaġġ alternattiv tal-inqas ekwivalenti (“itinerarju alternattiv”) u dawk li għandhom vjaġġ alternattiv ta’ kwalità aħjar (“itinerarju ta’ devjazzjoni”). Fost it-trasport ikkonċernat mill-projbizzjoni settorjali, 45 % minnu għandu jiġi kklassifikat fil-kategorija tat-trasport li jibbenefika minn tranżitu ottimali, 25 % fil-kategorija tat-trasport li jista’ jirrikorri għal itinerarju alternattiv u 30 % f’dak li jikkorrispondi għal itinerarju ta’ devjazzjoni.
103 Meta t-trasport ta’ merkanzija jseħħ fil-kuntest ta’ traffiku ta’ tranżitu, dan, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, għandu jsir permezz tal-użu ta’ metodu ta’ trasport ferrovjarju jekk dan jikkorrispondi għal “tranżitu ottimali” jew għal “tranżitu alternattiv”. F’dan il-kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità kollha li tirriżultaw mill-forom kollha ta’ trasport ferrovjarju disponibbli.
104 Il-kapaċità disponibbli tal-awtostrada ferrovjarja, tat-trasport konvenzjonali permezz ta’ karrijiet ferrovjarji waħdehom u tat-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat huma iktar minn suffiċjenti sabiex ikopru l-merkanzija kollha msemmija mir-regolament ikkontestat. Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, l-użu ta’ awtostrada ferrovjarja, din ma teħtieġx ristrutturazzjoni loġistika.
105 Minkejja l-eżistenza u d-disponibbiltà ta’ kapaċità ferrovjarja suffiċjeni u xierqa, l-awtoritajiet Awstrijaċi kienu rraportaw id-dħul fis-seħħ tat-tieni fażi tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment billi introduċew it-tielet fażi, mill-1 ta’ Lulju 2009, imbagħad ir-raba’ fażi, mill-1 ta’ Lulju 2010. Dawn it-termini addizzjonali kienu ppermettew għal parti dejjem ikbar tal-impriżi milquta minn din il-projbizzjoni li jwettqu t-trasport ikkonċernat billi jmorru lura għall-awtostrada ferrovjarja, li kien jevitalhom li jirrikorru għal adattamenti loġistiċi.
106 Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummisjsoni, l-itinerarji sostituttivi tar-Reschenpass ma humiex irriżervati għat-trasport reġjonali u lokali. It-trasport fi tranżitu ta’ vetturi tqal barranin li għalihom dan l-itinerarju jikkorrispondi għal “tranżitu ottimali” jista’ jagħmel użu minnu. Sabiex jiġu mmodifikati l-vjaġġi tat-trasport ta’ merkanzija li jaqgħu taħt kategoriji “itinerarju alternattiv” u “intinerarju ta’ devjazzjoni”, diversi itinerarji sostituttivi huma disponibbli. Fir-rigward tal-itinerarji tat-triq li jgħaddu mill-Isvizzera, il-ftehim konkluż fil-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU 2002 L 114, p. 91) jiggarantixxi li t-trasport ta’ Stat Membru lejn Stat Membru ieħor jista’jgħaddi minn dan il-pajjiż mingħajr limitazzjoni.
107 Fl-aħħar nett, it-termini previsti għall-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment kienu ppermettew lill-operaturi kkonċernati li jadattaw ruħhom għal ċirkustanzi ġodda. Il-livelli tal-miżuri differenti jsaħħu l-proporzjonalità tal-pjan ġenerali. Il-Kummissjoni ma setgħetx turi l-eżistenza ta’ problemi imputabbli għall-implementazzjoni allegatament mgħaġġla wisq ta’ din il-projbizzjoni.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija
108 L-ewwel nett, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li r-regolament ikkontestat ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 28 KE et seq fid-dawl ta’ obbligu li tittieħed azzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, moqri flimkien mad-Direttiva 1999/30.
109 F’dan il-każ, dan l-Istat Membru u l-Kummissjoni jaqblu li għandu jitqies li, għas-snin 2002 sa 2009, il-valur limitu annwali tal-konċentrazzjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu fl-arja ċirkostanti, iffissat fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, kien inqabeż fil-punt ta’ kontroll ta’ Vomp/Raststätte. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija kellha tiżgura, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, it-tfassil jew l-implementazzjoni ta’ pjan jew programm li jippermetti li jiġi osservat il-valur limitu. Issa, ma huwiex ikkontestat li, mill-aspett formali, ir-regolament ikkontestat jagħmel parti minn tali pjan.
110 Skont din l-istess dispożizzjoni, tali pjan għandu jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV tad-Direttiva 96/62, bħall-informazzjoni li tikkonċerna l-post tal-qbiż, is-sorsi prinċipali ta’ emissjonijiet responsabbli mit-tniġġis u l-miżuri eżistenti u pprospettati. Din id-direttiva madankollu ma fihiex indikazzjonijiet preċiżi rigward il-portata u l-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri.
111 F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu miżuri xierqa u koerenti intiżi sabiex jiġi osservat il-valur limitu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-mument u tal-interessi konfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81, u tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek, C‑237/07, Ġabra p. I‑6221, punti 45 u 46). Jekk huma jgawdu minn setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitawha b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, inkluż il-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-merkanzija.
112 Għalhekk, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-Artikoli 28 KE sa 30 KE.
113 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-moviment liberu tal-merkanzija jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tat-Trattat. Din il-libertà għandha bħala konsegwenza l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ libertà ta’ tranżitu tal-merkanzija ġewwa l-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1983, SIOT, 266/81, Ġabra p. 731, punt 16; tal-4 ta’ Ottubru 1991, Richard u “Les Accessoires Scientifiques”, C‑367/89, Ġabra p. I‑4621, punt 14, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 65).
114 F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat jipprojbixxi lill-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija li, skont l-awtoritajiet Awstrijaċi, għandhom “affinità mal-ferrovija” li jiċċaqilqu fuq medda tal-awtostrada A 12. Dan għalhekk jipprekludi l-użu, f’dan il-kuridur ta’ tranżitu transalpin, ta’ metodu ta’ trasport għal dawn il-prodotti.
115 Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li jeżistu itinerarji sostituttivi jew metodi oħra ta’ trasport ta’ natura li jippermettu t-trasport tal-merkanzija inkwistjoni.
116 Madankollu, l-eżistenza ta’ tali soluzzjonijiet sostituttivi ma hijiex ta’ natura li ma taċċettax l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). Fil-fatt, il-medda tal-awtostrada A 12 tikkostitwixxi waħda mit-toroq prinċipali ta’ komunikazzjoni fuq l-art bejn in-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana tal-Italja. Meta ġġiegħel lill-impriżi kkonċernati jfittxu soluzzjonijiet sostituttivi li jħallu profitt għat-trasport tal-merkanzija msemmija fir-regolament ikkontestat, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tista’ taffettwa sostanzjalment it-tranżitu tal-merkanzija bejn l-Ewropa ta’ Fuq u t-Tramuntana tal-Italja (ara, f’dan is-sens, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 68).
117 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment għandha titqies li tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, li bħala prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 28 KE u 29 KE, sakemm din il-miżura tkun tista’ tiġi ġġustifikata.
– Fuq il-ġustifikazzjoni possibbli tar-restrizzjoni
118 Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, kif ukoll min-neċessita li jiġi żgurat id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, stabbilit fil-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
119 Skond ġurisprudenza stabbilita, miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra‑Komunitarju jistgħu jiġu ġġustifikati minn waħda mir-raġunjiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE, bħall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, jew minn wieħed mir-rekwiżiti imperattivi intiżi, fost oħrajn, għall-protezzjoni tal-ambjent, sakemm il-miżuri inkwistjoni jkunu proporzjonati mal-għan imfittex (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649; tal-20 ta’ Settembru 1988, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, 302/86, Ġabra p. 4607, punt 9; tal-5 ta’ Frar 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑270/02, Ġabra p. I‑1559, punt 21; tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑463/01, Ġabra p. I‑11705, punt 75, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).
120 Għandu jitfakkar li l-protezzjoni tas-saħħa u dik tal-ambjent jikkostitwixxu għanijiet essenzjali tal-Unjoni. F’dan is-sens, l-Artikolu 2 KE jiddisponi li l-Komunità għandha b’mod partikolari bħala kompitu li tippromwovi “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib fil-kwalità tal-ambjent” u l-Artikolu 3(1)(p) KE jipprovdi li l-azzjoni tal-Komunità tinkludi kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ “livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, ADBHU, 240/83, Ġabra p. 531, punt 13; tad-19 ta’ Mejju 1992, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑195/90, Ġabra p. I‑3141, punt 29, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10515, punt 91).
121 Minbarra dan, skont l-Artikoli 6 KE u 152(1) KE, ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika għandhom jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-politika u tal-azzjonjiet tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑440/05, Ġabra p. I‑9097, punt 60). In-natura trasversali u fundamentali ta’ dawn l-għaniijiet barra minn hekk hija affermata mill-ġdid rispettivament fl-Artikoli 37 u 35 tal-Karta.
122 Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa, mill-Artikolu 174(1) KE jirriżulta li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem taqa’ taħt l-għanijiet tal-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra I‑7027, punt 32, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços, C‑77/09, Ġabra I‑13533, punt 71). Dawn l-għanijiet huma intimament marbuta wieħed mal-ieħor, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja li għandha bħala skop li jiġu limitati l-perikoli għas-saħħa marbuta mad-degradazzjoni tal-ambjent. L-għan tal-protezzjoni tas-saħħa bħala prinċipju huwa diġà inkluż fl-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑524/07, punt 56).
123 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar il-protezzjoni tas-saħħa separatament minn dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).
124 F’dan il-każ, il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ġiet adottata bil-għan li tiġi ggarantita l-kwalità tal-arja ċirkostanti fiż-żona kkonċernata skont l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, moqri flimkien mad-Direttiva 1999/30.
125 Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rekwiżiti imperattivi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw il-kummerċ intra‑Komunitarju, sakemm dawn il-miżuri jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan il-għan u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Aher-Waggon, C‑389/96, Ġabra p. I‑4773, punti 19 u 20; tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).
126 Issa, miżura restrittiva ma tistax titqies li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex ħlief jekk tissodisfa verament l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55; tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, punt 42, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, Ġabra I‑13019, punt 70).
127 L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura adegwata tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tqis li l-għażla mwettqa mill-awtoritajiet Awstrijaċi li jadottaw miżura li tirrigwarda t-trasport fit-triq ta’ merkanzija hija inadegwata. Ir-Repubblika tal-Awstrija tixtieq tnaqqas mhux l-emissjonijiet tal-vetturi bil-mutur, iżda l-volum tat-traffiku fit-triq. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-regolament ikkontestat ma jweġibx fil-verità għax-xewqa li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod koerenti u sistematiku.
128 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, sabiex titjieb il-kwalità tal-arja fiż-żona kkonċernata, l-awtoritajiet Awstrijaċi adottaw miżuri differenti sabiex inaqqsu emissjonijiet tal-vetturi bil-mutur, jiġifieri limitazzjoni tal-veloċità għal 100 km/h fuq medda tal-awtostrada A 12, issostitwita sussegwentement minn limitu ta’ veloċità varjabbli, kif ukoll il-projbizzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet fuq din l-istess awtostrada, minn naħa, tal-moviment matul il-lejl tal-vetturi tqal u, min-naħa l-oħra, tal-moviment tal-vetturi tqal li jaqgħu taħt ċerti klassijiet Euro. Billi tqis li dawn il-miżuri huma insuffiċjenti, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat ukoll miżura intiża li tnaqqas in-numru totali tat-trasport permezz tal-vetturi tqal, jiġifieri l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. Permezz tal-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-konċentrazzjoni annwali medja ta’ diossidu tan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata kellha tkun, matul is-sena 2010, ta’ madwar 55 µg/m3.
129 Huwa paċifiku li l-implementazzjoni tal-miżuri intiżi li jillimitaw il-moviment fit-triq, bħall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, twassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ tniġġis atmosferiku u tikkontribwixxi għalhekk għat-titjib fil-kwalità tal-arja. F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li din l-aħħar miżura tippermetti li jitnaqqsu b’madwar 1.5 % l-emissjonijiet ta’ dan it-tniġġis atmosferiku fis-sena fiż-żona kkonċernata.
130 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li n-neċessità li jitnaqqas it-trasport fit-triq ta’ merkanzija, skont il-każ, billi l-operaturi jitressqu lejn metodi oħra ta’ trasport, li jirrispettaw iktar l-ambjent, bħat-trasport ferrovjarju, ġiet irrikonoxxuta fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta għas-sottomissjonjiet orali. Għandha wkoll tissemma d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE, tas-7 ta’ Diċembru 1992, dwar l-iffissar ta’ regoli komuni għal ċertu trasport ikkombinat ta’ merkanzija bejn Stati Membri (ĠU L 368, p. 38), li tagħha t-tielet premessa tipprovdi li “l-problemi dejjem jikbru relatati mal-konġestjoni fit-toroq, mal-ambjent u mas-sigurtà fit-triq jeżiġu, fl-interess pubbliku, żvilupp iktar b’saħħtu tat-trasport ikkombinat bħala alternattiva għat-trasport fit-triq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
131 Fir-rigward tal-kriterju ta’ “affinità mal-ferrovija” ikkunsidrat mill-awtoritajiet Awstrijaċi sabiex jagħżlu l-merkanżija li għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, huwa paċifiku li ċerta merkanzija hija partikolarment adatta għat-trasport ferrovjarju.
132 Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-kriterju adottat joħloq il-biża li l-merkanzija milquta mill-projbizzjoni settorjali ta’ moviment hija magħżula b’mod arbitrarju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ma żviluppatx argumenti sabiex issostni li dan kien il-każ f’dak li jikkonċerna l-merkanzija elenkata fl-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat. Il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti deċiżjoni, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, billi tieħu inkunsiderazzjoni biss l-elementi fattwali tal-kawża, bl-esklużjoni ta’ kull suppożizzjoni, għandha tiċħad dan l-argument (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑494/01, Ġabra p. I‑3331, punt 41, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlanda, C‑335/07, Ġabra p. I‑9459, punt 46).
133 Għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-regolament ikkontestat jweġibx għal xewqa li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod koerenti u sistematiku, huwa veru li dan għandu bħala konsegwenza li jawtorizza l-moviment ta’ vetturi tqal iktar inkwinanti meta dawn jittrasportaw merkanzija li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, filwaqt li l-moviment tal-vetturi tqal inqas inkwinanti huwa pprojbit meta jittrasportaw, b’mod partikolari, madum taċ-ċeramika. Ma jistax madankollu jiġi kkunsidrat inkoerenti li Stat Membru li ddeċieda li jittrasferixxi, konformement mal-għan irrikonoxxut fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, it-trasport ta’ merkanzija lejn l-użu tal-ferrovija, jadotta miżura li tiffokalizza fuq prodotti li jistgħu jiġu ttrasportati permezz ta’ metodi differenti ta’ trasport ferrovjarju.
134 Fir-rigward tal-esklużjoni tat-traffiku lokali u reġjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, għandu jiġi rrilevat li waħda mill-karatteristiċi tal-miżuri nazzjonali ddestinati sabiex imexxu l-flussi ta’ trasport jew li jinfluwenzaw il-metodi ta’ trasport hija li huma jinkludu, bħala regola ġenerali, derogi favur trasport mill-punt ta’ tluq jew ta’ destinazzjoni li jinsab ġewwa ż-żona kkonċernata. Fil-fatt jidher, hekk kif issostni ġustament ir-Repubblika tal-Awstrija, li l-użu ta’ trasport ferrovjarju għal dan it-tip ta’ traffiku jista’ jwassal għal titwil tal-vjaġġi, peress li jiżdiedu mal-vjaġġi inizjali dawk b’destinazzjoni tat-terminus ferrovjarju, li jkollu effett li jmur kontra l-għan imfittex mill-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. Minbarra dan, ma huwiex ikkontestat li t-trasport ferrovjarju jikkostitwixxi alternattiva li tagħti profitt għat-trasport bit-triq biss għall-vjaġġi ta’ ċerta distanza.
135 Barra minn hekk, sa fejn id-deroga tirrigwarda vetturi tqal li jitgħabbew u jinħattu fiż-“żona estiża”, għandu jitfakkar li din iż-żona tinkludi wkoll distretti amministrattivi li jinsabu barra mit-territorju Awstrijak.
136 Minbarra dan, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija ħadet miżuri sabiex tiġġieled id-devjazzjonijiet jew l-abbużi eventwali fl-applikazzjoni ta’ din id-deroga.
137 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eskużjoni tat-traffiku lokali u reġjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ma tistax tikkontesta n-natura koerenti u sistematika tar-regolament ikkontestat.
138 Fid-dwal ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent.
139 Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni ssostni li miżuri bħall-estensjoni tal-projbizzjoni tal-moviment jolqtu l-vetturi t-tqal li jaqgħu taħt ċerti klassijiet Euro bħal dawk li jaqgħu taħt klassijiet oħra, jew ukoll, is-sostituzzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli minn limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h, filwaqt li dawn jistgħu jaffettwaw il-moviment liberu tal-merkanzija, ippermettew li jintlaħaq l-għan imfittex billi jirrestrinġu, xi ftit inqas, l-eżerċizzju ta’ din il-libertà.
140 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fil-punt 87 tas-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, qabel l-adozzjoni ta’ miżura daqshekk radikali bħal ma hija l-projbizzjoni tal-moviment fuq medda ta’ awtostrada li tikkostitwixxi mezz ta’ komunikazzjoni vitali bejn ċerti Stati Membri, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Awstrijaċi li jeżaminaw bir-reqqa l-possibbiltajiet li jduru għal miżuri inqas restrittivi għal-libertà ta’ moviment u li ma jiskartawhomx ħlief jekk in-natura inadegwata tagħhom, fid-dawl tal-għan infittex, tiġi stabbilita b’mod ċar.
141 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-soluzzjoni li tgħid li tiġi estiża l-projbizzjoni tal-moviment li tolqot il-vetturi tqal li jaqgħu taħt ċerti klassijiet Euro għal dawk li jaqgħu taħt klassijiet oħra, għandu jitfakkar li l-limitu għall-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu huwa ffissat għal 5 g/kWh għall-vetturi tqal li jaqgħu taħt il-klassi Euro III u li l-klassi Euro IV introduċiet tnaqqis għal 3.5 g/kWh.
142 Ir-Repubblika tal-Awstrija hija madankollu tal-opinjoni li l-vetturi tqal li jikkorrispondu għall-klassi Euro IV ta’ spiss jipproduċu iktar diossidu tan-nitroġenu minn dawk li jikkorrispondu għar-regola Euro III. Għal din ir-raġuni, hija tqis li, qabel ma tiġi estiża l-projbizzjoni tal-moviment li tolqot il-vetturi tqal għal dawk li jaqgħu taħt il-klassi Euro III, għandu jiġi studjat b’mod iktar approfondit l-impatt fuq l-ambjent tal-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu.
143 Issa, fid-dawl tal-fatt li l-klassijiet Euro differenti suċċessivi jinkludu inkontestabbilment tnaqqis kull darba sostanzjali tal-emissjonijiet tad-diossidu tan-nitroġenu, ma huwiex stabbilit li l-estensjoni tal-projbizzjoni tal-moviment li tolqot il-vetturi tqal li jaqgħu taħt ċertu klassijiet Euro għal dawk li jaqgħu taħt klassijiet oħra ma setgħetx tikkontribwixxi għall-għan imfittex b’mod daqshekk effettiv bħall-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment.
144 Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni, li tikkonsisti li jiġi ssostitwit il-limitu ta’ veloċità varjabbli b’limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, filwaqt li tibbaża ruħha fuq data li tinsab fl-istudju Ökoscience, li tali sostituzzjoni twassal biss għal tnaqqis annwali addizzjonali ta’ 1.1 % tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu fiż-żona kkonċernata, filwaqt li għall-projbizzjoni settorjali ta’ moviment huwa propost tnaqqis ta’ 1.5 % ta’ dawn l-emissjonijiet.
145 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-data li tinsab fl-istudju Ökoscience tikkonċerna b’mod partikolari l-veloċitajiet effettivament ipprattikati mill-utenti tar-rotta f’din iż-żona bejn ix-xahar ta’ Novembru 2007 u dak ta’ Ottubru tas-sena 2008. Għalhekk, parti sostanzjali tagħhom tirrigwarda s-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija hekk kif kienet ippreżentata fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit-8 ta’ Ġunju 2008. Din id-data tista’ tiġi effettivament ikkunsidrata sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ dan ir-rikors.
146 Skont dan l-istudju, fiż-żmien meta limitu ta’ veloċità ta’ 130 km/h kien applikat f’Vomp, il-veloċità medja ta’ vetturi privati kienet ta’ madwar 116 km/h, filwaqt li matul il-perijodu taħt investigazzjoni, li jinkludi l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h, il-veloċità medja ta’ dawn il-vetturi kienet ta’ 103 km/h. Għalhekk, l-iffissar ta’ din l-aħħar miżura kienet wasslet biss għal tnaqqis ta’ 13 km/h fir-rigward tal-perijodi ta’ limitu ta’ veloċità ta’ 130 km/h.
147 Jekk huwa veru li l-effett ta’ limitu ta’ veloċità fuq il-veloċità effettivament ipprattikata mill-utenti tat-triq jista’ jiġi influwenzat mill-mod kif dawn jaċċettaw il-miżura, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiżgura l-osservanza effettiva ta’ tali miżura bl-adozzjoni ta’ miżuri vinkolanti varji, jekk ikun il-każ, permezz ta’ sanzjonijiet. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tistax tibbaża ruħha fuq il-veloċità medja mkejla fiż-żona kkonċernata, jiġifieri 103 km/h sabiex tevalwa l-effetti tal-implementazzjoni ta’ limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h.
148 Għalhekk, jidher li s-sostizzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli b’limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h tippreżenta potenzjal ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ diossidu tan-nitroġenu li ma kienx ittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali potenzjal hija kkorroborata mill-istudju IFEU.
149 Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-merkanzija ta’ sostituzzjoni tal-limitu ta’ veloċità varjabbli b’limitu ta’ veloċità permanenti ta’ 100 km/h huma inqas minn dawk tal-implementazzjoni tal-projbizzjoni settorjali ta’ moviment. Fil-fatt, tali sostituzzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-moviment tal-vetturi tqal li għalihom il-veloċità massima awtorizzata f’kull każ hija limitata.
150 Fdawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-kriterji ppreżentati fil-punt 140 ta’ din is-sentenza, li n-natura inadegwata taż-żewġ miżuri priniċpali alternattivi mressqa mill-Kummissjoni bħal miżuri inqas restrittivi tal-moviment liberu tal-merkanzija, ma ġietx stabbilita. Mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-miżuri l-oħra proposti mill-Kummissjoni, hemm lok għalhekk li dan ir-rikors jiġi milqugħ.
151 Fir-dawl tal-iżviluppi kollha li jippreċedu, għandu jiġi kkonstatat li, billi imponiet fuq it-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, li jittrasportaw ċerta merkanzija, probizzjoni ta’ moviment fuq medda tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn (l-Awstrija), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28KE u 29KE.
Fuq l-ispejjeż
152 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet parti essenzjali fir-rigward tal-motivi tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.
153 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Repubblika Taljana u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, intervenjenti f’din il-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi imponiet fuq it-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija, projbizzjoni tal-moviment fuq medda tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn (l-Awstrija), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28KE u 29KE.
2) Ir-Repubblika tal-Awstrija hija kkundannata għall-ispejjeż.
3) Ir-Repubblika Taljana u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.