Kawża C-1/09

Centre d’exportation du livre français (CELF)

u

Ministre de la Culture et de la Communication

vs

Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Għajnuna mill-Istat — Artikolu 88(3) KE — Għajnuna illegali ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni — Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Qrati nazzjonali — Talba għall-irkupru tal-għajnuna implementata illegalment — Sospensjoni tal-proċeduri sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill-Kummissjoni — Ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jillimitaw l-obbligu ta’ ħlas lura”

Sommarju tas-sentenza

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Annullament ta’ din id‑deċiżjoni mill-qorti Komunitarja

(Artikolu 88(3) KE))

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Osservanza tar-regoli Komunitarji — Rwol tal‑qrati nazzjonali

(Artikolu 88(3) KE))

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli tal-proċedura tal-Artikolu 88(3) KE — Aspettattivi leġittimi possibbli tal-benefiċjarji — Assenza ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali

(Artikolu 88(3) KE)

1.        Qorti nazzjonali, adita abbażi tal‑Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għarll-ħlas lura ta’ għajnuna mill‑Istat illegali, ma tistax tissospendi l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tagħha dwar din it‑talba sa meta l‑Kummissjoni tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni wara l‑annullament ta’ deċiżjoni pożittiva preċedenti.

L-Artikolu 88(3) KE jagħti lill-qrati nazzjonali l-funzjoni li jipproteġu, sad‑deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, id-drittijiet tal-individwi fid-dawl ta’ ksur possibbli, mill-awtoritajiet Statali, tal-projbizzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

L‑għan tal‑funzjoni tal‑qrati nazzjonali huwa għalhekk li jiddeċiedu dwar il‑miżuri adegwati sabiex tiġi rrimedjata l‑illegalità tal‑implementazzjoni tal‑għajnuna, b’tali mod li l‑benefiċjarju ma jibqax igawdi mid‑disponibbiltà libera ta’ din l‑għajnuna matul il‑perijodu li jkun fadal sakemm tingħata d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni.

Deċiżjoni li tissospendi l‑proċeduri tipproduċi, de facto, l‑istess riżultat bħal deċiżjoni li tiċħad it‑talba għal miżuri ta’ protezzjoni. Fil‑fatt, tali deċiżjoni twassal sabiex deċiżjoni dwar il‑mertu ta’ din it‑talba ma titteħidx qabel id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni. Din tammonta għaż‑żamma tal‑benefiċċju ta’ għajnuna matul il‑perijodu ta’ projbizzjoni ta’ implementazzjoni, u dan ikun inkompatibbli mal‑għan stess tal‑Artikolu 88(3) KE u jċaħħad lil din id‑dispożizzjoni mill‑effettività tagħha.

Għalhekk, jekk il-qorti nazzjonali tissospendi l-proċeduri, hija tkun qiegħda ċċaħħad l-Artikolu 88(3) KE mill-effettività tiegħu, bi ksur tal-prinċipju tal‑effettività tal-proċeduri nazzjonali applikabbli.

L‑annullament mill‑qorti Komunitarja ta’ deċiżjoni pożittiva inizjali tal‑Kummissjoni ma jistax jiġġustifika soluzzjoni differenti li tkun ibbażata fuq il‑kunsiderazzjoni li, f’dan il‑każ, l‑għajnuna tista’ sussegwentement terġa’ tiġi ddikjarata kompatibbli mill‑Kummissjoni. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 88(3) KE huwa b’mod ċar ibbażat fuq il-kunsiderazzjoni li, sal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ġdida, il-kontenut pożittiv tagħha ma jistax jiġi previst.

(ara l-punti 26, 30-34, 40 u d-dispożittiv 1)

2.        Qorti nazzjonali, adita abbażi tal-Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għall-ħlas lura ta’ għajnuna mill-Istat illegali, għandha l-obbligu li tadotta miżuri ta’ protezzjoni biss jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali miżuri, jiġifieri jekk ma jkunx hemm dubju dwar il‑klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, jekk l-implementazzjoni tal‑għajnuna tkun imminenti jew tkun diġà twettqet u jekk ma jkunux ġew ikkonstatati ċirkustanzi eċċezzjonali li jagħmlu l-irkupru inadegwat. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, il-qorti nazzjonali għandha tiċħad it-talba. Meta tiddeċiedi dwar it-talba, hija tista’ jew tordna l-ħlas lura tal-għajnuna flimkien mal-interessi jew tista’, pereżempju, tordna li l-fondi jiġu ttrasferiti f’kont iffriżat, b’tali mod li ma jibqgħux għad‑dispożizzjoni tal-benefiċjarju, bla ħsara għall-ħlas ta’ interessi għall‑perijodu bejn l-implementazzjoni antiċipata tal-għajnuna u t‑trasferiment tagħha f’kont iffriżat. Għall-kuntrarju, l-obbligu ta’ “standstill” stabbilit fl-Artikolu 88(3) KE ma jistax jiġi osservat, f’dan l‑istadju, b’sempliċi kundanna għall-ħlas ta’ interessi fuq is-somom li jibqgħu fil-kontijiet tal-impriża. Fil-fatt, b’ebda mod ma huwa stabbilit li impriża li rċeviet għajnuna mill-Istat b’mod illegali setgħet, fin-nuqqas ta’ tali għajnuna, tikseb faċilità ta’ self għall-istess ammont mingħand stabbiliment finanzjarju bil-kundizzjonijiet normali tas-suq u b’hekk seta’ jkollha dan l-ammont għad-dispożizzjoni tagħha qabel id-deċiżjoni tal‑Kummissjoni.

(ara l-punti 36-38)

3.        L‑adozzjoni mill‑Kummissjoni ta’ tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill‑qorti Komunitarja, ma tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal‑obbligu tal‑benefiċjarju li jħallas lura din l‑għajnuna meta din l‑għajnuna tkun ġiet implementata bi ksur tal‑Artikolu 88(3) KE.

Fil‑fatt, is‑suċċessjoni mhux ordinarja ta’ tliet annullamenti tirrifletti, a priori, id‑diffikultà tal‑każ u mhux talli ma toħloqx aspettattivi leġittimi iżda hija pjuttost ta’ natura li trawwem dubji għall‑benefiċjarju fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna inkwistjoni.

Huwa minnu li jista’ jingħad li suċċessjoni ta’ tliet rikorsi li jwasslu għal tliet annullamenti tammonta għal sitwazzjoni rara ħafna. Madankollu, tali ċirkustanzi jagħmlu parti mill‑funzjonament normali tas‑sistema ġudizzjarja, sistema li toffri lill‑individwi li jikkunsidraw li ġarrbu l‑konsegwenzi tal‑illegalità ta’ għajnuna l‑possibbiltà li jippreżentaw rikors għall‑annullament ta’ deċiżjonijiet suċċessivi li fil‑fehma tagħhom ikkawżaw din is‑sitwazzjoni.

(ara l-punti 51, 52, 55 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Marzu 2010 (*)

“Għajnuna mill‑Istat – Artikolu 88(3) KE – Għajnuna illegali ddikjarata kompatibbli mas‑suq komuni – Annullament tad‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni – Qrati nazzjonali – Talba għall‑irkupru tal‑għajnuna implementata illegalment – Sospensjoni tal‑proċeduri sal‑adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida mill‑Kummissjoni – Ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jillimitaw l‑obbligu ta’ ħlas lura”

Fil-Kawża C-1/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2008, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑2 ta’ Jannar 2009, fil‑proċedura

Centre d’exportation du livre français (CELF),

Ministre de la Culture et de la Communication

vs

Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE),

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar‑Raba’ Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Șereş, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑13 ta’ Jannar 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Centre d’exportation du livre français (CELF), minn O. Schmitt u A. Tabouis, avukati,

–        għal Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE), minn N. Coutrelis, avukat,

–        għall‑Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn J.‑P. Keppenne u B. Stromsky, bħala aġenti,

–        għall‑Awtorità ta’ Sorveljanza tal‑EFTA, minn X. Lewis, B. Alterskjær u L. Armati, bħala aġenti,

wara li rat id‑deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l‑Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 88(3) KE.

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Centre d’exportation du livre français (iktar ’il quddiem “CELF”) u l‑ministre de la Culture et de la Communication (Ministru Franċiż tal‑Kultura u tal‑Komunikazzjoni) u, min‑naħa l‑oħra, Société internationale de diffusion et d’édition (iktar ’il quddiem “SIDE”), dwar l‑għajnuna mogħtija mill‑Istat Franċiż lil CELF.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

 Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”)

3        Sal‑2009, CELF, kumpannija pubblika kooperattiva, kienet teżerċita attività ta’ aġenzija fuq l‑esportazzjoni.

4        Il‑funzjoni tagħha kienet li tipproċessa direttament l‑ordnijiet indirizzati barra mill‑pajjiż kif ukoll dawk indirizzati lit‑territorji u lid‑dipartimenti msejħa “outre‑mer” Franċiżi ta’ kotba, ta’ opuskuli u tal‑mezzi ta’ komunikazzjoni kollha u, b’mod iktar ġenerali, li teżegwixxi l‑operazzjonijiet kollha intiżi, b’mod partikolari, li jiżviluppaw il‑promozzjoni tal‑kultura Franċiża mad‑dinja kollha permezz tal‑mezzi msemmija.

5        Mill‑1980 sal‑2002, CELF ibbenefikat minn sussidji marbuta mal‑operat mogħtija mill‑Istat Franċiż bħala kumpens għall‑ispejjeż addizzjonali kkawżati mill‑ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar magħmula mil‑libreriji stabbiliti barra mill‑pajjiż.

6        Wara lment imressaq matul l‑1992 minn SIDE, kompetitriċi ta’ CELF, il‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej aċċettat, permezz tad‑Deċiżjoni NN 127/92 tat‑18 ta’ Mejju 1993, li komunikazzjoni dwarha ġiet ippubblikata fil‑Ġurnal Uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej fil‑25 ta’ Ġunju 1993 (ĠU C 174, p. 6), il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna inkwistjoni mas‑suq komuni. Sussegwentement, hija kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tqajjem oġġezzjonijiet.

7        Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 1995, SIDE vs Il‑Kummissjoni (T‑49/93, Ġabra p. II‑2501), il‑Qorti Ġenerali annullat din id‑deċiżjoni sa fejn kienet tikkonċerna s‑sussidju mogħti esklużivament lil CELF bħala kumpens għall‑ispejjeż addizzjonali kkważati mill‑ipproċessar ta’ ordnijiet żgħar ta’ kotba bil‑lingwa Franċiża magħmula minn libreriji stabbiliti barra mill‑pajjiż. Dik il‑qorti kkunsidrat li l‑Kummissjoni kien imissha fetħet il‑proċedura kontradittorja prevista fl‑Artikolu 93(2) tat‑Trattat KE (li sar l‑Artikolu 88(2) KE).

8        Permezz tad‑Deċiżjoni 1999/133/KE, tal‑10 ta’ Ġunju 1998, dwar l‑għajnuna mill‑Istat favur Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (ĠU L 44, p. 37), il‑Kummissjoni kkonstatat l‑illegalità tal‑għajnuna iżda reġgħet aċċettat il‑kompatibbiltà tagħha mas‑suq komuni.

9        Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Frar 2002, SIDE vs Il‑Kummissjoni (T‑155/98, Ġabra p. II‑1179), il‑Qorti Ġenerali annullat din id‑deċiżjoni sa fejn kienet tiddikjara l‑għajnuna inkwistjoni kompatibbli mas‑suq komuni, u dan minħabba li l‑Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir‑rigward tad‑definizzjoni tas‑suq rilevanti.

10      Permezz tad‑Deċiżjoni 2005/262/KE, tal‑20 ta’ April 2004, dwar l‑għajnuna implementata minn Franza favur Coopérative d’exportation du livre français (CELF) (ĠU L 85, p. 27), il‑Kummissjoni aċċettat, għat‑tielet darba, l‑kompatibbiltà tal‑għajnuna.

11      Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ April 2008, SIDE vs Il‑Kummissjoni (T‑348/04, Ġabra p. II‑625), il‑Qorti Ġenerali annullat din id‑deċiżjoni pożittiva minħabba li l‑Kummissjoni kienet wettqet, minn naħa, żball ta’ liġi meta applikat l‑Artikolu 87(3)(d) KE għall‑perijodu ta’ qabel l‑1 ta’ Novembru 1993 minflok ma applikat ir‑regoli sostantivi li kienu fis‑seħħ fil‑perijodu inkwistjoni, u, min‑naħa l‑oħra, żball manifest ta’ evalwazzjoni fl‑eżami tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna kontenzjuża.

12      Fit‑8 ta’ April 2009, il‑Kummissjoni adottat deċiżjoni li testendi l‑proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija matul l‑1996, b’tali mod li indikat id‑dubji tagħja dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna inkwistjoni fid‑dawl tas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ April 2008, SIDE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u b’tali mod li ppermettiet lir‑Repubblika Franċiża, lill‑benefiċjarju tal‑għajnuna u lill‑partijiet interessati l‑oħra li jissottomettu l‑kummenti tagħhom mill‑ġdid qabel ma tittieħed deċiżjoni finali.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2009, it‑tribunal de commerce de Paris (Qorti kummerċjali ta’ Pariġi), fid‑dawl tas‑sitwazzjoni finanzjarja ta’ CELF, fetaħ proċedura ta’ salvagwardja fil‑konfront ta’ din il‑kumpannija b’perijodu ta’ osservazzjoni ta’ sitt xhur.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Settembru 2009, dik il‑qorti, peress li kkonstatat li ma kinitx ser tinstab soluzzjoni permezz ta’ kompromess u li kien hemm passiv li kien jeskludi l‑possibbiltà ta’ pjan ta’ tkomplija, iddikjarat il‑likwidazzjoni ġudizzjarja ta’ CELF u ħatret likwidatur.

15      Skont l‑informazzjoni mgħoddija lill‑Qorti tal‑Ġustizzja matul il‑proċedura orali, CELF waqfet mill‑attività tagħha wara d‑deċiżjoni msemmija.

 Il‑proċedura quddiem il‑qorti tar‑rinviju u d‑domandi preliminari

16      CELF u l‑ministre de la Culture et de la Communication ppreżentaw appelli quddiem il‑Conseil d’État kontra s‑sentenza tal‑cour administrative d’appel de Paris (Qorti amministrattiva tal‑appell ta’ Pariġi) tal‑5 ta’ Ottubru 2004 li ordnat lill‑Istat, fuq talba ta’ SIDE, sabiex jirkupra l‑għajnuna mogħtija lil CELF fir‑rigward tal‑ipproċessar tal‑ordnijiet żgħar ta’ kotba minn libreriji barranin f’terminu ta’ tliet xhur min‑notifika tas‑sentenza, b’multa ta’ EUR 1 000 għal kull jum ta’ dewmien.

17      Fil‑kuntest ta’ dawn l‑appelli, l‑appellanti sostnew, b’mod partikolari, li l‑cour administrative d’appel de Paris kien imissha ddeċidiet li, f’dan il‑każ, il‑fatt li l‑Kummissjoni kienet irrikonoxxiet il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni kien jipprekludi l‑obbligu ta’ ħlas lura ta’ din l‑għajnuna li jirriżulta, bħala prinċipju, mill‑illegalità marbuta ma’ implementazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna mill‑Istat Membru bi ksur tal‑Artikolu 88(3) KE.

18      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2006, il‑Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      L‑Artikolu 88 [KE] jippermetti lil Stat li jkun ta għajnuna illegalment lil impriża, u li l‑qrati ta’ dak l‑Istat ikunu sabu li hija illegali minħabba li l‑Kummissjoni [...] ma kinitx ġiet innotifikata biha minn qabel […] hekk kif mitlub taħt l‑Artikolu 88(3) KE, li ma jirkuprax din l‑għajnuna mill‑operatur ekonomiku li jkun irċeviha għar‑raġuni li l‑Kummissjoni, wara li tkun irciviet ilment minn terz, tkun iddikjarat din l‑għajnuna bħala kompatibbli mar‑regoli tas‑suq komuni, u b’hekk effettivament eżerċitat id‑dritt esklużiv tagħha li tistabbilixxi jekk hijiex kompatibbli jew le?

2)      Fit‑tieni lok, jekk dan l‑obbligu ta’ restituzzjoni tal‑għajnuna jiġi kkonfermat, hemm lok li għall‑finijiet tal‑kalkolu tas‑somom li għandhom jitħallsu lura jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑perijodi li matulhom l‑għajnuna inkwistjoni ġiet iddikjarata mill‑Kummissjoni [...] bħala kompatibbli mar‑regoli tas‑suq komuni, qabel ma dawn id‑deċiżjonijiet ġew annullati mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza [...]?”

19      B’risposta għal dawn id‑domandi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C‑199/06, Ġabra p. I‑469, iktar ’il quddiem is‑“sentenza CELF I”), iddeċidiet:

“1)       L‑aħħar sentenza ta’ l‑Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis‑sens li l‑qorti nazzjonali m’għandhiex l‑obbligu li tordna l‑irkupru ta’ għajnuna implementata bi ksur ta’ din id‑dispożizzjoni, meta l‑Kummissjoni adottat deċiżjoni finali li tikkonstata l‑kompatibbiltà ta’ l‑imsemmija għajnuna mas‑suq komuni fis‑sens ta’ l‑Artiklu 87 KE. B’applikazzjoni tad‑dritt Komunitarju, hija għandha l‑obbligu li tordna lill‑benefiċjarju ta’ l‑għajnuna sabiex iħallas l‑interessi għall‑perijodu ta’ illegalità. Fil‑kuntest tad‑dritt nazzjonali hija tista’, jekk ikun il‑każ, tordna, barra minn hekk, l‑irkupru ta’ l‑għajnuna illegali, bla ħsara għad‑dritt ta’ l‑Istat Membru li jerġa’ jimplementa l‑għajnuna, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa’ talbiet għal kumpens minħabba n‑natura illegali ta’ l‑għajnuna.

2)      F’sitwazzjoni proċedurali bħal dik in kwistjoni fil‑kawża prinċipali, l‑obbligu li jirriżulta mill‑aħħar sentenza ta’ l‑Artikolu 88(3) KE, ta’ rimedju għall‑effetti ta’ illegalità ta’ għajnuna jestendi wkoll, għall‑finijiet tal‑kalkolu tas‑somom li għandhom jitħallsu mill‑benefiċjarju, u bl‑eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għall‑perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn deċiżjoni tal‑Kummissjoni [...] li tikkonstata l‑kompatibbiltà ta’ din l‑għajnuna mas‑suq komuni u l‑annullament ta’ l‑imsemmija deċiżjoni mill‑qorti Komunitarja.”

20      Fuq il‑bażi ta’ dawn ir‑risposti, il‑Conseil d’État, permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2008, ordna lill‑ministre de la Culture et de la Communication sabiex jirkupra, mingħand CELF, interessi fuq l‑għajnuna illegali għall‑perijodi:

–        bejn l‑1980, is‑sena meta bdiet tingħata l‑għajnuna, u d‑data tad‑deċiżjoni tar‑rinviju;

–        bejn id‑data tad‑deċiżjoni tar‑rinviju u d‑data li fiha jew tiġi kkonstatata b’mod definittiv il‑kompatibbiltà ta’ din l‑għajnuna mas‑suq komuni jew li fiha ssir, b’mod definittiv, il-ħlas lura ta’ din l‑għajnuna.

21      Fir‑rigward tal‑kwistjoni tar‑rimbors tal‑ammont prinċipali tal‑għajnuna mogħtija, il‑Conseil d’État ikkunsidra li s‑soluzzjoni tal‑kwistjoni kienet tiddependi minn interpretazzjoni tad‑dritt Komunitarju minħabba l‑annullament il‑ġdid deċiż, sussegwentament għas‑sentenza CELF I, permezz tas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ April 2008, SIDE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

22      Il‑Conseil d’État għalhekk iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin lill‑Qorti tal‑Ġustizzja:

“1)      Tista’ l‑qorti nazzjonali tissospendi l‑proċeduri dwar il‑kwistjoni tal‑obbligu ta’ rifużjoni [ħlas lura] ta’ għajnuna mill‑Istat sakemm il‑Kummissjoni [...] tiddeċiedi permezz ta’ deċiżjoni finali fuq il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mar‑regoli tas‑suq komuni, meta l‑ewwel deċiżjoni tal‑Kummissjoni li kienet iddikjarat din l‑għajnuna kompatibbli ġiet annullata mill‑qorti Komunitarja?

2)      Meta l‑Kummissjoni ddikjarat għal tliet darbiet li l‑għajnuna kienet kompatibbli mas‑suq komuni qabel ma dawn id‑deċiżjonijiet ġew annullati mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza [...], sitwazzjoni bħal din tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ twassal lill‑qorti nazzjonali sabiex tillimita l‑obbligu ta’ rkupru tal‑għajnuna?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel domanda

23      Permezz tal‑ewwel domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk qorti nazzjonali, adita abbażi tal‑Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għall-ħlas lura ta’ għajnuna mill‑Istat illegali, tistax tissospendi l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tagħha dwar din it‑talba sa meta l‑Kummissjoni tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni wara l‑annullament ta’ deċiżjoni pożittiva preċedenti.

24      Fil-punti 61 u 63 tas‑sentenza CELF I, il‑Qorti tal‑Ġustizzja enfasizzat li:

–        skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 231 KE, meta rikors għal annullament ikun fondat, il‑qorti Komunitarja għandha tiddikjara null l‑att ikkontestat, b’tali mod li d‑deċiżjoni ta’ annullament tikkanċella retroattivament l‑att ikkontestat fir‑rigward tal‑individwi kollha;

–        fid‑data tal‑annullament mill‑qorti Komunitarja ta’ deċiżjoni pożittiva, l‑għajnuna inkwistjoni għandha titqies daqslikieku ma ġietx iddikjarata kompatibbli mid‑deċiżjoni annullata.

25      Minn dan jirriżulta li sitwazzjoni bħal dik fil‑kawża prinċipali hija analoga għal sitwazzjoni li fiha l‑qorti nazzjonali tkun adita abbażi tal‑Artikolu 88(3) KE filwaqt li ebda deċiżjoni ma tkun għadha ġiet adottata mill‑Kummissjoni dwar il‑kompatibbiltà ta’ għajnuna li tkun qiegħda tiġi eżaminata.

26      Issa, għandu jiġi osservat li l‑Artikolu 88(3) KE jagħti lill‑qrati nazzjonali l‑funzjoni li jipproteġu, sad‑deċiżjoni finali tal‑Kummissjoni, id‑drittijiet tal‑individwi fid‑dawl ta’ ksur possibbli, mill‑awtoritajiet Statali, tal‑projbizzjoni stabbilita minn din id‑dispożizzjoni (sentenza CELF I, punt 38).

27      F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà essenzjalment iddeċidiet, fis‑sentenza tal‑11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punti 44 u 50 sa 53), li:

–        il‑ftuħ mill‑Kummissjoni ta’ proċedura ta’ eżami ma jistax jeħles lill‑qrati nazzjonali mill‑obbligu tagħhom li jipproteġu d‑drittijiet tal‑individwi fil‑każ ta’ ksur tal‑obbligu ta’ notifika minn qabel;

–        meta jkun probabbli li l‑qorti nazzjonali se jkollha bżonn ċertu żmien qabel ma tagħti deċiżjoni finali, pereżempju meta titlob kjarifiki mingħand il‑Kummissjoni għall‑finijiet tal‑interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ għajnuna mill‑Istat li hija tista’ tkun mitluba tagħti jew meta tagħmel domanda preliminari lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, hija din l‑istess qorti nazzjonali li għandha tevalwa l‑ħtieġa li tordna miżuri provviżorji sabiex tipproteġi l‑interessi tal‑partijiet.

28      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja għalhekk enfasizzat l‑obbligu tal‑qorti nazzjonali li ma ddewwiemx l‑eżami tat‑talbiet għal miżuri ta’ protezzjoni.

29      L‑aħħar sentenza tal‑Artikolu 88(3) KE hija bbażata fuq l‑għan kawtelatorju li jiġi ggarantit li għajnuna inkompatibbli qatt ma tiġi implementata. Għalhekk, il‑prevenzjoni organizzata b’dan il‑mod hija intiża b’tali mod li l‑għajnuna kompatibbli biss tiġi implementata. Sabiex jintlaħaq dan l‑għan, l‑implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi ddifferita sakemm id‑dubju dwar il‑kompatibbiltà tiegħu jitneħħa permezz ta’ deċiżjoni finali min‑naħa tal‑Kummissjoni (sentenza CELF I, punti 47 u 48).

30      L‑għan tal‑funzjoni tal‑qrati nazzjonali huwa għalhekk li jiddeċiedu dwar il‑miżuri adegwati sabiex tiġi rrimedjata l‑illegalità tal‑implementazzjoni tal‑għajnuna, b’tali mod li l‑benefiċjarju ma jibqax igawdi mid‑disponibbiltà libera ta’ din l‑għajnuna matul il‑perijodu li jkun fadal sakemm tingħata d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni.

31      Deċiżjoni li tissospendi l‑proċeduri tipproduċi, de facto, l‑istess riżultat bħal deċiżjoni li tiċħad it‑talba għal miżuri ta’ protezzjoni. Fil‑fatt, tali deċiżjoni twassal sabiex deċiżjoni dwar il‑mertu ta’ din it‑talba ma titteħidx qabel id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni. Din tammonta għaż‑żamma tal‑benefiċċju ta’ għajnuna matul il‑perijodu ta’ projbizzjoni ta’ implementazzjoni, u dan ikun inkompatibbli mal‑għan stess tal‑Artikolu 88(3) KE u jċaħħad lil din id‑dispożizzjoni mill‑effettività tagħha.

32      Għalhekk, jekk il‑qorti nazzjonali tissospendi l‑proċeduri, hija tkun qed iċċaħħad l‑Artikolu 88(3) KE mill‑effettività tiegħu, bi ksur tal‑prinċipju tal‑effettività tal‑proċeduri nazzjonali applikabbli.

33      L‑annullament mill‑qorti Komunitarja ta’ deċiżjoni pożittiva inizjali tal‑Kummissjoni ma jistax jiġġustifika soluzzjoni differenti li tkun ibbażata fuq il‑kunsiderazzjoni li, f’dan il‑każ, l‑għajnuna tista’ sussegwentement terġa’ tiġi ddikjarata kompatibbli mill‑Kummissjoni.

34      Fil‑fatt, l‑għan tal‑Artikolu 88(3) KE huwa b’mod ċar ibbażat fuq il‑kunsiderazzjoni li, sal‑adozzjoni mill‑Kummissjoni ta’ deċiżjoni ġdida, il‑kontenut pożittiv tagħha ma jistax jiġi previst.

35      L‑obbligu li tingħata deċiżjoni mingħajr dewmien dwar it‑talba għal miżuri ta’ protezzjoni ma jobbligax lill‑qorti adita sabiex effettivament todotta tali miżuri.

36      Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ protezzjoni jeżisti biss jekk ikunu ssodisfatti l‑kundizzjonijiet li jiġġustifikaw tali miżuri, jiġifieri jekk ma jkunx hemm dubju dwar il‑klassifikazzjoni bħala għajnuna mill‑Istat, jekk l‑implementazzjoni tal‑għajnuna tkun imminenti jew tkun diġà twettqet u jekk ma jkunux ġew ikkonstatati ċirkustanzi eċċezzjonali li jagħmlu l-irkupru inadegwat. Jekk dawn il‑kundizzjonijiet ma jkunux issodisfatti, il‑qorti nazzjonali għandha tiċħad it‑talba.

37      Meta tiddeċiedi dwar it‑talba, il‑qorti nazzjonali tista’ jew tordna l-ħlas lura tal‑għajnuna flimkien mal‑interess jew tista’, pereżempju, kif ipproponiet il‑Kummissjoni fil‑punt 62 tal-Avviż 2009/C 85/01 tagħha, dwar l‑infurzar tal‑liġi dwar l‑għajnuna mill‑Istat mill‑qrati nazzjonali (ĠU 2009, C 85, p. 1), tordna li l‑fondi jiġu ttrasferiti f’kont iffriżat, b’tali mod li ma jibqgħux għad‑dispożizzjoni tal‑benefiċjarju, bla ħsara għall‑ħlas ta’ interessi għall‑perijodu bejn l‑implementazzjoni antiċipata tal‑għajnuna u t‑trasferiment tagħha f’kont iffriżat.

38      Għall‑kuntrarju, l‑obbligu ta’ “standstill” stabbilit fl‑Artikolu 88(3) KE ma jistax jiġi osservat, f’dan l‑istadju, b’sempliċi kundanna għall‑ħlas ta’ interessi fuq is‑somom li jibqgħu fil‑kontijiet tal‑impriża. Fil‑fatt, b’ebda mod ma huwa stabbilit li impriża li rċeviet għajnuna mill‑Istat b’mod illegali setgħet, fin‑nuqqas ta’ tali għajnuna, tikseb faċilità ta’ self għall‑istess ammont mingħand stabbiliment finanzjarju bil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq u b’hekk seta’ jkollha dan l‑ammont għad‑dispożizzjoni tagħha qabel id‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni.

39      Fl‑aħħar mill‑aħħar, l‑obbligu prinċipali tal‑qorti nazzjonali huwa li tiddeċiedi, b’mod pożittiv jew negattiv.

40      Għaldaqstant, ir‑risposta għall‑ewwel domanda għandha tkun li qorti nazzjonali, adita abbażi tal‑Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għall-ħlas lura ta’ għajnuna mill‑Istat illegali, ma tistax tissospendi l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tagħha dwar din it‑talba sa meta l‑Kummissjoni tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni wara l‑annullament ta’ deċiżjoni pożittiva preċedenti.

 Fuq it‑tieni domanda

41      Permezz tat‑tieni domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l‑adozzjoni mill‑Kummissjoni ta’ tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill‑qorti Komunitarja, tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal‑obbligu tal‑benefiċjarju li jħallas lura din l‑għajnuna meta din l‑għajnuna tkun ġiet implementata bi ksur tal‑Artikolu 88(3) KE.

42      Għandu jitfakkar li, fis‑sentenza CELF I, il‑Qorti tal‑Ġustizzja rriżervat il‑possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi eċċezzjonali fl‑eżami tal‑portata tal‑obbligu li tiġi rrimedjata l‑illegalità ta’ għajnuna, inkluż meta dan l‑obbligu jkun limitat għall‑ħlas ta’ interessi.

43      Fil‑punt 65 ta’ dik is‑sentenza, il‑Qorti tal‑Ġustizzja aċċettat il‑possibbiltà, għall‑benefiċjarju ta’ għajnuna implementata b’mod illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jkunu bażi leġittima għall‑aspettattiva tiegħu li din l‑għajnuna kienet legali, u li jikkontesta, għaldaqstant, il‑ħlas lura tagħha.

44      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet f’dan is‑sens fid‑dawl ta’ sitwazzjoni fil‑kawża prinċipali fejn kienu diġà ġew adottati tliet deċiżjonijiet pożittivi tal‑Kummissjoni, li tnejn minnhom kienu ġew annullati.

45      Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja immedjatament enfasizzat, essenzjalment, li l‑benefiċjarju tal‑għajnuna ma jistax jibni aspettattivi leġittimi minn deċiżjoni pożittiva tal‑Kummissjoni, minn naħa, meta din id‑deċiżjoni tkun ġiet ikkontestata fit‑termini għall‑preżentata ta’ rikors u tkun sussegwentement ġiet annullata mill‑qorti Komunitarja u lanqas, min‑naħa l‑oħra, sakemm ma jiskadi t-terminu għall-preżentata ta’ rikors jew, fil-każ li jiġi ppreżentat rikors, sakemm il‑qorti Komunitarja ma tkunx tat deċiżjoni finali f’dan ir‑rigward (sentenza CELF I, punti 66 sa 68).

46      Fl‑aħħar nett, hija speċifikat li r‑risposta għad‑domanda magħmula kienet qiegħda tingħata fir‑rigward ta’ sitwazzjoni proċedurali bħal dik fil‑kawża prinċipali (sentenza CELF I, punt 69).

47      Għalhekk, il‑formulazzjoni ta’ din il‑motivazzjoni kienet ta’ natura li tissuġġerixxi li tliet deċiżjonijiet pożittivi segwiti minn rikorsi għal annullament ippreżentati fit‑termini previsti, fejn l‑ewwel żewġ rikorsi kienu ntlaqgħu u t‑tielet wieħed kien għadu pendenti, ma kinux jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali.

48      Il‑formulazzjoni tat‑tieni domanda magħmula fil‑kawża ineżami tagħti x’jifhem li l‑qorti tar‑rinviju qiegħda tikkontempla, għall‑kuntrarju, il‑possibbiltà li tliet deċiżjonijiet pożittivi suċċessivi jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali.

49      Issa, fid‑data tal‑għoti tas‑sentenza CELF I, it‑tliet deċiżjonijiet pożittivi tal‑Kummissjoni kienu diġà ġew adottati.

50      Kien hemm biss avveniment wieħed ġdid biss li mmaterjalizza qabel it‑tieni sentenza dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l‑annullament tat‑tielet deċiżjoni pożittiva permezz tas‑sentenza tal‑Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ April 2008, SIDE vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

51      Fih innifsu, tali avveniment ma huwiex ta’ natura li joħloq aspettattivi leġittimi u li jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali. Fil‑fatt, is‑suċċessjoni mhux ordinarja ta’ tliet annullamenti tirrifletti, a priori, id‑diffikultà tal‑każ u mhux talli ma toħloqx aspettattivi leġittimi iżda hija pjuttost ta’ natura li trawwem dubji għall‑benefiċjarju fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tal‑għajnuna inkwistjoni.

52      Huwa minnu li jista’ jingħad li suċċessjoni ta’ tliet rikorsi li jwasslu għal tliet annullamenti tammonta għal sitwazzjoni rara ħafna. Madankollu, tali ċirkustanzi jagħmlu parti mill‑funzjonament normali tas‑sistema ġudizzjarja, sistema li toffri lill‑individwi li jikkunsidraw li ġarrbu l‑konsegwenzi tal‑illegalità ta’ għajnuna l‑possibbiltà li jippreżentaw rikors għall‑annullament ta’ deċiżjonijiet suċċessivi li fil‑fehma tagħhom ikkawżaw din is‑sitwazzjoni.

53      F’sitwazzjoni bħal dik fil‑kawża prinċipali, l‑eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali lanqas ma tista’ tiġi kkonstatata fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali peress li l‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà essenzjalment iddeċidiet li, sakemm il‑Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni li tapprova l‑għajnuna u sakemm it‑termini għall‑preżentata ta’ rikors kontra tali deċiżjoni jkunu għadhom ma skadewx, il‑benefiċjarju ma jkollu ebda ċertezza fir‑rigward tal‑legalità tal‑għajnuna, b’tali mod li la jista’ jiġi invokat il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u lanqas dak ta’ ċertezza legali (ara s‑sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑91/01, Ġabra p. I‑4355, punti 66 u 67).

54      Fl‑aħħar nett, f’sitwazzjoni bħal dik fil‑kawża prinċipali, l‑eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali lanqas ma tista’ tiġi kkonstatata fid‑dawl tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil‑fatt, il‑kanċellament ta’ għajnuna illegali permezz ta’ rkupru hija l‑konsegwenza loġika tal‑konstatazzjoni tal‑illegalità tagħha, b’tali mod li l‑irkupru ta’ din l‑għajnuna, bil‑għan li tiġi stabbilita mill‑ġdid is‑sitwazzjoni preċedenti, ma jistax jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbla mal‑għanijiet tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat KE dwar l‑għajnuna mill‑Istat (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tad‑29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑298/00 P, Ġabra p. I‑4087, punt 75 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

55      Għaldaqstant, ir‑risposta għat‑tieni domanda għandha tkun li l‑adozzjoni mill‑Kummissjoni ta’ tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill‑qorti Komunitarja, ma tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal‑obbligu tal‑benefiċjarju li jħallas lura din l‑għajnuna meta din l‑għajnuna tkun ġiet implementata bi ksur tal‑Artikolu 88(3) KE.

 Fuq l‑ispejjeż

56      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Qorti nazzjonali, adita abbażi tal‑Artikolu 88(3) KE b’talba intiża għall-ħlas lura ta’ għajnuna mill‑Istat illegali, ma tistax tissospendi l‑adozzjoni tad‑deċiżjoni tagħha dwar din it‑talba sa meta l‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà tal‑għajnuna mas‑suq komuni wara l‑annullament ta’ deċiżjoni pożittiva preċedenti.

2)      L‑adozzjoni mill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej ta’ tliet deċiżjonijiet suċċessivi li jiddikjaraw għajnuna kompatibbli mas‑suq komuni, deċiżjonijiet li sussegwentement ġew annullati mill‑qorti Komunitarja, ma tistax, fiha nfisha, tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni tal‑obbligu tal‑benefiċjarju li jħallas lura din l‑għajnuna meta din l‑għajnuna tkun ġiet implementata bi ksur tal‑Artikolu 88(3) KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.