KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-27 ta’ Jannar 2011 (1)
Kawża C‑511/09 P
Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co. Ltd
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati li ma għandhomx ekonomija tas-suq – Valur normali kkalkolat – Valur normali stabbilit fuq bażi ex works – Paragun ġust – Aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni”
1. Dan l-appell jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-kalkolu tad-dazji antidumping fil-każ fejn il-prodott inkwistjoni jkun importat minn Stat li ma għandux ekonomija tas-suq.
2. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (2) jippermetti lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex jimponu sanzjonijiet pekunjarji kontra impriża li fl-importazzjonijiet tagħha teżerċita dumping, jiġifieri, b’mod sistematiku tbigħ bi prezz orħos minn dak li bih il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fis-suq intern ta’ din l-impriża.
3. Skont ir-Regolament bażiku, tali prattika ma tistax tiġi ssanzjonata ħlief jekk ma jkunux issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin, jiġifieri, fl-ewwel lok, li l-prodott inkwistjoni jinbiegħ fil-Komunità bi prezz orħos mill-valur “normali” tiegħu u, fit-tieni lok, din il-prattika tkun ta’ ħsara għall-Komunità.
4. Għaldaqstant, biex tiġi vverifikata l-ewwel kundizzjoni jeħtieġ li jsir paragun bejn il-prezz li bih il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fil-Komunità, jiġifieri l-prezz tal-esportazzjoni, u l-valur normali tiegħu. Għal dan il-paragun jeħtieġ li jkun ġie stabbilit, minn qabel, kull wieħed minn dawn iż-żewġ valuri. Ir-Regolament bażiku jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jintużaw għal dawn il-kalkoli.
5. Għal dak li jikkonċerna l-valur normali, dan jikkorrispondi, fil-prinċipju, mal-prezz li bih il-prodott inkwistjoni jinbiegħ fl-Istat esportatur. Madankollu, meta dan il-prezz ma jistax ikun magħruf jew jiġi stabbilit, minħabba li l-impriża ma tbigħx il-prodott inkwistjoni fl-Istat tagħha stess jew inkella din l-istess impriża ma għandhiex ekonomija tas-suq, ir-Regolament bażiku jipprevedi kriterji oħrajn li fosthom hemm, fl-aħħar lok, il-prezz li jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, ikkalkolat billi jinkludi marġni ta’ qligħ raġonevoli.
6. Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku jeżiġi li jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, jiġifieri fl-istess livell ta’ kummerċ.
7. Il-kontestazzjoni ċentrali f’din il-kawża tirrigwarda l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.
8. Il-Kunsill, fir-Regolament tiegħu (KE) Nru 1136/2006 (3), Regolament definittiv li jimponi d-dazji antidumping dovuti minn Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co., Ltd (iktar ’il quddiem l-“appellanti”), qies li, minħabba nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti oħra, il-valur normali tal-prodott inkwistjoni għandu jiġi stabbilit abbażi tal-informazzjoni disponibbli fl-ilment u li tirriżulta mill-industrija Komunitarja. Għaldaqstant, huwa ffissa l-valur normali abbażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali tal-produtturi Komunitarji, billi jinkludi qligħ raġonevoli.
9. Madankollu, minn dan il-kalkolu huwa naqqas il-parti li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ bejgħ dirett minħabba li l-appellanti tbigħ il-prodotti kollha tagħha, kemm fl-Istat ta’ stabbiliment tagħha kif ukoll dawk tal-esportazzjoni, permezz ta’ “kumpanniji relatati”, jiġifieri kumpanniji li fihom hija jew li huma l-azzjonisti prinċipali tagħha.
10. Il-prezz tal-esportazzjoni, min-naħa tiegħu, ġie stabbilit abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott fis-suq Komunitarju mill-kumpanniji relatati. Madankollu, sabiex isir il-paragun bejn dan il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali fl-istess livell tal-kummerċ, jiġifieri fil-fażi fejn il-prodott joħroġ mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti, il-Kunsill applika aġġustament għall-imsemmi prezz billi naqqas il-perċentwali li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ bejgħ u għall-profitti tal-kumpanniji relatati.
11. Fis-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill (4), il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) ċaħdet ir-rikors li l-appellanti kienet ippreżentat kontra r-Regolament definittiv. Hija ddikjarat, b’mod partikolari, li l-aġġustament applikat mill-Kunsill fuq il-prezz tal-esportazzjoni kien konformi mar-Regolament bażiku.
12. Din l-evalwazzjoni hija kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta qieset li l-valur normali kien jikkorrispondi għall-valur li bih il-prodotti joħorġu mill-katina tal-produzzjoni tagħha. Fil-fehma tal-appellanti, dan il-valur normali, skont ir-Regolament bażiku, għandu neċessarjament jikkorrispondi għall-prezz li bih il-prodott inkwistjoni jkun tpoġġa għall-bejgħ fis-suq intern tagħha jekk din kellha ekonomija tas-suq.
13. Minn dan isegwi, fil-fehma tal-appellanti, li l-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kellhom jiġu pparagunati fl-istadju li fih il-prodott jinbiegħ għall-ewwel darba lil operatur indipendenti, jiġifieri l-istadju meta jinbiegħ minn din l-aħħar impriża relatata.
14. Minn dan, l-appellanti tiddeduċi li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni intiż biex inaqqas l-ispiża tal-kummerċjalizzazzjoni fis-suq Komunitarju kien konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jipprevedi l-obbligu li jsir paragun ġust.
15. F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nesponi l-motivi li għalihom, fil-fehma tiegħi, l-appell tal-appellanti għandu jiġi miċħud bħala infondat.
16. Ser nuri kif l-appell tal-appellanti ma huwiex intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fejn din ikkonstatat li l-valur normali kien ġie kkalkolat skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Fl-appell tagħha, l-appellanti tillimita ruħha biex issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li dan il-valur normali kien jikkorrispondi għall-istadju li fih il-prodott ikkonċernat joħroġ mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti, b’mod li l-aġġustament applikat mill-Kunsill lill-prezz tal-esportazzjoni kien konformi mar-rekwiżit li jeżiġi li jsir paragun ġust.
17. Jidhirli li peress li l-legalità tal-kalkolu tal-valur normali ma hijiex ikkontestat u peress li huwa paċifiku li dan il-valur normali ġie stabbilit b’mod li jikkorrispondi għall-valur tal-prodott fl-istadju li fih huwa joħroġ mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti, l-appellanti ma tistax takkuża lill-Kunsill bil-fatt li għamel aġġustament lill-prezz tal-esportazzjoni, li kien intiż li jwasslu għall-istess stadju, jiġifieri għall-istadju ta’ qabel ma jintervjenu l-kumpanniji relatati li huma responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmi prodott.
18. Din hija r-raġuni li għaliha ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-aġġustament inkwistjoni kien konformi mar-Regolament bażiku.
I – Il-kuntest ġuridiku u fattwali
A – Ir-Regolament bażiku
19. L-Artikolu 2(1) sa (7) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi l-valur normali ta’ prodott ikkunsidrat bħala li huwa s-suġġett ta’ dumping. Skont dawn id-dispożizzjonijiet:
“1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.
[…]
3. Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta' bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. […]
[…]
7. a) Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq […], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-Komunità, jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas fil-Komunità għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.
[…]
(b) Fl-investigazzjonijiet ta’ kontra d-dumping dwar importazzjonijiet [m]ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jħaddanx l-ekonomija tas-suq li hu membru tal-WTO [l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ] fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali jkun stabbilit skond kif provdut fil-paragrafi 1 sa 6, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ talbiet li jkunu sostanzjati b’mod xieraq minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u skond il-kriterji u proċeduri stabbiliti fis-sotto-paragrafu (ċ), li l-kondizzjonijiet ta’ l-ekonomija tas-suq jipprevalu għal dan il-produttur jew produtturi għar-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fis-sotto-paragrafu (a) għandhom japplikaw.
[…]”.
20. L-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi:
“Il-prezz fuq l-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li għandu jitħallas għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż ta’ l-esportazzjoni lill-Komunità”.
21. L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jipprovdi:
“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f'kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Fejn il-kondizzjonijiet speċifikati huma milħuqa, il-fatturi li għalihom jista jsir aġġustament huma mniżżla kif ġej;
[…]
i) Kummissjonijiet
Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fejn jidħol il-bejgħ taħt kunsiderazzjoni. Il-kelma kummissjonijiet għandha tinftiehem li tinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew prodott simili jekk il-funzjonijiet ta’ dak in-negozjant huma simili għal dawk ta’ aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta’ kummissjoni.
[…]”
B – Il-fatti u r-Regolament definittiv
22. Il-fatti u l-kontenut tar-Regolament definittiv jinsabu ppreżentati bil-mod kif ġej fil-punti 8 sa 24 tas-sentenza appellata.
23. L-appellanti hija kumpannija rregolata bid-dritt Ċiniż li l-uffiċċju reġistrat tagħha jinsab f’Dongguan (iċ-Ċina). Hija timmanifattura mekkaniżmi b’lever arch (5) użati għall-arkivjar ta’ karti f’binders jew fajls.
24. L-appellanti tbigħ il-produzzjoni kollha tagħha lil World Wide Stationery Ltd (6) permezz tal-intervent ta’ Leco Stationery Manufacturing Co. Ltd (7), li hija l-azzjonista prinċipali tagħha; WWS u LECO t-tnejn li huma jinsabu stabbiliti f’Ħong Kong (iċ-Ċina). WWS terġa’ tbigħ imbagħad il-produzzjoni tal-appellanti lil klijenti fis-suq Ċiniż u wkoll barra miċ-Ċina, u dan billi tesporta din il-produzzjoni lejn il-Komunità u pajjiżi terzi oħra.
25. Fil-11 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand tliet produtturi Komunitarji li flimkien jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ MLA ġewwa l-Komunità. L-ilment kien sostnut minn IML Industria Meccanica Lombarda Srl.
26. Fit-28 ta’ April 2005, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8) notifikazzjoni tal-bidu ta’ proċedura ta’ investigazzjoni għal antidumping, li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ MLA provenjenti miċ-Ċina, u dan skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.
27. Waqt din il-proċedura ta’ investigazzjoni, l-appellanti ppreżentat rikors sabiex tingħata l-istat ta’ kumpannija li topera skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, u dan skont l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament bażiku, u, sussidjarjament, talba għal trattament individwali skont l-Artikolu 9(5) tal-istess regolament. Il-Kummissjoni ċaħdet l-ewwel talba tagħha, iżda aċċettat it-tieni waħda.
28. Fil-kuntest tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma għamlitx żjara ta’ verifika f’Dongguan u lanqas f’Ħong Kong.
29. Fis-26 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 134/2006, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (9). Dan ir-regolament impona dazju antidumping provviżorju ta’ 33.3 % għall-importazzjonijiet ta’ MLA immanifatturati mill-appellanti, b’effett mit-28 ta’ Jannar 2006, u ta’ 48.1 % fuq l-importazzjonijiet kollha l-oħra ta’ MLA li joriġinaw miċ-Ċina.
30. Il-valur normali tal-MLA, għall-produtturi-esportaturi li, l-istess bħall-appellanti, ma jgawdux mill-istat ta’ kumpanniji li joperaw skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, abbażi ta’ informazzjoni vverifikata li ngħatat minn produttur stabbilit fi Stat simili. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet provviżorjament li l-Iran kien jikkostitwixxi l-għażla l-iktar xierqa.
31. Il-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA, għal dak li jikkonċerna l-bejgħ magħmul b’esportazzjoni lejn il-Komunità minn esportaturi li jgawdu minn trattament individwali u li jseħħ permezz tal-intervent ta’ kumpanniji relatati stabbiliti barra mill-Komunità, ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid lil klijenti indipendenti fil-Komunità, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, il-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA tal-appellanti ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet applikati minn WWS lill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità, bi tnaqqis ta’ 12.6 % li jikkorrispondi għal ċerti spejjeż sostnuti bejn il-fabbrika u l-fruntiera tal-Komunità, jiġifieri t-trasport, l-assigurazzjoni, il-manutenzjoni, eċċ.
32. Fil-punt 17 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tesponi sussegwentement:
“Skont ir-Regolament provviżorju, il-valur normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni kienu pparagunati fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika [ex works] u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ittieħed kont, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, ta’ differenzi fil-fatturi li kienu allegati u pprovati li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet. Għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, peress li l-bejgħ tal-esportazzjoni sar permezz tal-intervent ta’ kumpannija relatata stabbilita f’pajjiż li ma huwiex il-pajjiż ikkonċernat jew barra mill-Komunità. Dan l-aġġustament kien jikkonsisti fi tnaqqis, mill-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA, ta’ 18.6 % bħala spejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra ta’ WWS, 1.8 % ta’ LECO u 5 % bħala marġni ta’ qligħ raġonevoli ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji.”
33. Fl-24 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill adotta r-Regolament definittiv, fejn il-livell ta’ dumping definittiv applikabbli għall-appellanti ġie ffissat għal 27.1 % u dak applikabbli għall-produtturi l-oħrajn, għal 47.4 %.
34. Għal dak li jikkonċerna l-kalkolu tal-valur normali tal-MLA, il-Kunsill stabbilixxa, fir-Regolament definittiv, li wara analiżi ġdida tal-informazzjoni kollha miksuba minn produttur fl-Iran, kellu jiġi konkluż li din l-informazzjoni ma kinitx kompluta u/jew kienet kontradittorja u għaldaqstant ma setgħetx tintuża biex jiġi kkalkolat il-valur normali tal-MLA fl-istadju definittiv. Għaldaqstant intużat bażi raġonevoli oħra biex jiġi kkalkolat il-valur normali, u dan skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, fir-Regolament definittiv intqal li, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni min-naħa ta’ Stati terzi oħra fejn jiġu prodotti l-MLA, ġie kkonstatat li l-informazzjoni disponibbli fl-ilment u li tirriżulta mill-industrija Komunitarja kienet tirrappreżenta l-iktar bażi raġonevoli biex jiġi stabbilit il-valur normali tal-MLA fl-istadju definittiv. Barra minn hekk, mir-Regolament definittiv jirriżulta li l-aġġustamenti saru biex jirriflettu l-informazzjoni speċifika vverifikata miksuba matul l-investigazzjoni, għal dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-prezzijiet tal-materja prima u tal-ispejjeż tat-trasport.
35. Il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont il-metodu indikat fir-Regolament provviżorju.
36. Il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid għaldaqstant fil-punt 24 tas-sentenza appellata:
“Skont ir-Regolament definittiv, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kien ipparagunat fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika [ex works] u fl-istess livell ta’ kummerċ. Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, inżamm l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ WWS li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, u dan b’kuntrast mal-ewwel allegazzjoni tal-istess rikorrenti esposta fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Marzu 2006. L-istituzzjonijiet Komunitarji kkonfermaw il-pożizzjoni tagħhom inkwantu r-relazzjoni bejn ir-rikorrenti, min-naħa, u LECO u WWS, min-naħa l-oħra, kienet tixbah lil dik ta’ operatur li jaħdem abbażi ta’ kummissjoni. Madankollu, l-analiżi tat-tieni allegazzjoni tar-rikorrenti li tinsab fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Marzu 2006, dwar il-kalkolu doppju ta’ ċerti spejjeż fuq il-bejgħ ta’ LECO u ta’ WWS, ikkonfermat li kien sar żball fil-kitba waqt il-kalkolu ta’ dawn l-istess spejjeż. Dan wassal biex it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ bejgħ, tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ spejjeż ġenerali oħra ta’ WWS niżel minn 18.6 % għal 3.2 %. Fl-aħħar nett, l-aġġustament magħmul mill-istituzzjonijiet Komunitarji kien jikkonsisti fi tnaqqis ta’ 3.2 % mill-prezz tal-esportazzjoni u dan jirrifletti, b’mod partikolari, l-ispejjeż ta’ bejgħ dirett, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali ta’ WWS, 1.8 % ta’ LECO u 5 % bħala l-marġni ta’ qligħ taż-żewġ kumpanniji,”
C – Il-motivi rilevanti tas-sentenza appellata
37. Permezz ta’ rikors li wasal fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ottubru 2006, l-appellanti ressqet quddiem din il-qorti talba għall-annullament tar-Regolament definittiv, sa fejn dan ir-regolament japplika fil-konfront tagħha u sabiex il-Kunsill jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.
38. Hija tinvoka żewġ motivi insostenn ta’ dan ir-rikors. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija sostniet, fl-ewwel parti, li r-Regolament definittiv kien ivvizzjat bi ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, u dan peress li l-istituzzjonijiet ipparagunaw il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA f’livelli differenti ta’ kummerċ.
39. L-argumenti mressqa mill-appellanti u l-motivi tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardawhom jinsabu fil-punti 34 sa 53 tas-sentenza appellata, li jaqraw kif ġej:
“Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku
– L-argumenti tal-partijiet
34 Ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li bl-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA li hija timmanifattura, minħabba l-ispejjeż ta’ bejgħ dirett, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra, kif ukoll il-qligħ ta’ LECO u ta’ WWS, l-istituzzjonijiet ipparagunaw il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni f’livelli differenti tal-kummerċ, b’mod li kisru l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.
35 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-Regolament definittiv, il-valur normali tal-MLA ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni disponibbli fl-ilment u li tirriżulta mill-industrija Komunitarja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li dan l-eżerċizzju kellu jsir abbażi tal-prinċipji tar-Regolament bażiku u b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmi regolament. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-valur normali tal-prodotti jrid jikkorrispondi mal-prezzijiet tal-merkanzija mibjugħa fis-suq nazzjonali, u dan jikkostitwixxi, effettivament, ammont ogħla mill-ispejjeż ta’ manifattura miżjuda bl-ispejjeż ta’ bejgħ, bl-ispejjeż amministrattivi u bl-ispejjeż ġenerali l-oħra.
36 Insostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti tinvoka s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1998, Brother Industries vs Il‑Kunsill (250/85, Ġabra p. 5683, punti 15 sa 18), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-determinazzjoni tal-valur normali hija intiża li tistabbilixxi l-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott li bih jinbiegħ kieku dak l-istess prodott jinbiegħ fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew tal-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinnota li l-prezz ta’ bejgħ tal-MLA li hija timmanifattura fis-suq Ċiniż jikkostitwixxi l-prezz tal-prodott meta dan joħroġ mingħand WWS, peress li, kif hija stess indikat fid-diversi taqsimiet tal-kwestjonarju li ntbagħatilha mill-Kummissjoni waqt il-bidu tal-proċedura tal-investigazzjoni, WWS tbiegħ il-prodotti kollha tagħha, kemm dawk destinati għaċ-Ċina kif ukoll dawk għall-esportazzjoni.
37 Skont ir-rikorrenti, minn dan isegwi għaldaqstant li l-aġġustament magħmul mill-istituzzjonijiet lill-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ WWS, skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, jiġifieri t-tnaqqis ta’ marġni ta’ 5 % bħala spejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra u 5 % bħala l-qligħ ta’ LECO u ta’ WWS, wassal biex dawn il-prezzijiet jilħqu livell ekwivalenti għal dak ta’ meta l-prodott ikun fi tmiem il-katina ta’ produzzjoni fiċ-Ċina, jiġifieri qabel ma jkunu ġġarrbu l-ispejjeż ta’ bejgħ.
38 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra sostnuti minn WWS kellhom jiġu attribwiti mill-istituzzjonijiet mhux biss fuq l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħha, imma wkoll fuq l-attivitajiet ta’ bejgħ tagħha fiċ-Ċina sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Ir-rikorrenti żżid li hija ma għandhiex spejjeż ta’ bejgħ fiċ-Ċina, peress li hija tikkuntenta ruħha li tipproduċi skont id-domanda ta’ WWS.
39 Il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti l-oħra jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
40 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale, C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40, u tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill, T‑221/05, li għadha ma ġietx ippubblikata, punt 38).
41 Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet huwa ristrett għall-verifikazzjoni tal-osservazzjoni tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shangai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill, T-35/01, Ġabra p. II-3663, punti 48 u 49, u l-ġurisprudenza ċċitata u tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il‑Kunsill, T‑300/03, Ġabra p. II‑3911, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-istħarriġ ġudizzjarju limitat jestendi, b’mod partikolari, għall-għażla bejn id-diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott (ara s-sentenza Ikea Wholesale, iċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Novembru 2002, Kundan u Tata vs Il-Kunsill, T‑88/98, Ġabra p. II‑4897, punt 94). Dan ifisser, fi kliem ieħor, li r-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, b’mod li, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk l-aġġustament ma jkunx sarx korrettament, dan jimplika li huwa jkun żamm, jew saħansitra ħoloq nuqqas ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il-Kunsill, T‑249/06, Ġabra p. II‑383, punti 194 u 195).
43 Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina l-kwistjoni dwar jekk il-livell ta’ paragun magħżul mill-istituzzjonijiet ġiex osservat fil-kalkolu tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni u tivverifika, sussegwentement, jekk l-aġġustament magħmul kellux l-effett li jerġa jistabbilixxi s-simetrija fil-paragun ta’ dawn iż-żewġ fatturi jew jekk, għall-kuntrarju, wassalx għal paragun fir-rigward ta’ livelli differenti tal-kummerċ.
44 F’dan il-każ, mill-premessa 22 tar-Regolament definittiv jirriżulta li l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA li joriġinaw miċ-Ċina sar mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-istess livell ta’ kummerċ, jiġifieri fuq bażi ex works. B’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-MLA mmanifatturati mir-rikorrenti, ġie ppreċiżat f’ittra tat-3 ta’ Lulju 2006 li kemm il-valur normali kif ukoll il-prezz tal-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti ġew stabbiliti qabel l-involviment ta’ xi operatur intermedjarju fil-proċess tal-bejgħ, jiġifieri, qabel l-involviment ta’ LECO u ta’ WWS fil-kummerċjalizzazzjoni tal-MLA tar-rikorrenti.
45 Sussegwentement, g'ħal dak li jirrigwarda, min-naħa waħda, il-prezz tal-esportazzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-kalkolu tagħha sar skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, ir-rikorrenti taqbel mal-istituzzjonijiet li l-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA tagħha jikkorrispondi għall-prezzijiet applikati minn WWS għal klijenti indipendenti fis-suq Komunitarju, kif stabbilit fil-premessa 21 tar-Regolament definittiv u, b’riferiment għal din l-aħħar dispożizzjoni, fil-premessi 41 u 42 tar-Regolament provviżorju.
46 Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-valur normali, ir-rikorrenti ssostni, min-naħa l-oħra, li dan il-valur kellu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament bażiku u jikkorrispondi, għaldaqstant, għall-prezz tal-MLA tagħha kif applikat minn WWS fis-suq nazzjonali Ċiniż.
47 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-kliem tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jirriżulta li d-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti li joriġinaw miċ-Ċina skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2(1) sa (6) tal-istess regolament, hija limitata għal dawk il-każijiet individwali speċifiċi, fejn il-produtturi kkonċernati, kull wieħed għal dak li jikkonċerna lilu, ressqu talba debitament sostanzjata skont il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku biex juru li huma joperaw skont il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Changzhou Hailong Electronics & Light Fixtures u Zhejiang Yankon vs Il‑Kunsill, T‑255/01, Ġabra p. II‑4741, punt 40).
48 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 14 tar-Regolament definittiv, it-talba mressqa mir-rikorrenti skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, ġiet miċħuda. Għaldaqstant, il-valur normali tal-MLA tar-rikorrenti ma setax jiġi stabbilit bħala li jikkorrispondi għall-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti fis-suq nazzjonali tar-rikorrenti, jiġifieri l-prezzijiet applikati minn WWS fis-suq Ċiniż, u dan peress li kien ġie stabbilit li dawn ma kinux is-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali.
49 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-riferiment magħmul f’dan ir-rigward mir-rikorrenti għall-punti 15 sa 18 tas-sentenza Brother Industries vs Il‑Kunsill, iċċitata f’punt 36 iktar ’il fuq, ma huwiex rilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, f’din is-sentenza, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-istituzzjonijiet kienu ġustament ikkalkolaw il-valur normali tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Ġappun abbażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid applikati mid-distributur fis-suq nazzjonali, din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li l-Ġappun kien pajjiż li għandu ekonomija ta’ suq.
50 Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-premessa 17 tar-Regolament definittiv, il-valur normali tal-MLA mmanifatturati mir-rikorrenti ġie kkalkolat fuq bażi raġonevoli skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Skont il-ġurisprudenza, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa preċiżament dak li tevita li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet u spejjeż li jkunu japplikaw fil-pajjiżi li ma għandhomx ekonomija ta’ suq inkwantu dawn il-kriterji ma humiex ir-riżultati normali tal-forzi li jkunu jaħdmu fis-suq (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, C‑305/86 u C‑160/87, Ġabra p. I‑2945, punt 26, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 10). B’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-MLA tar-rikorrenti, mill-ittra tat-3 ta’ Lulju 2006 jirriżulta li l-valur normali ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ manifattura, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra ta’ produtturi simili fil-Komunità, kif ukoll fuq stima tal-qligħ raġonevoli. Madankollu, ebda spejjeż tal-bejgħ dirett ma setgħu jiżdiedu fil-kalkolu peress li, kif ammettiet ir-rikorrenti f’diversi okkażjonijiet b’mod partikolari fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mibgħut lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni kif ukoll fl-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2006, LECO u WWS kienu responsabbli mill-kompitu li jinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti.
51 Għaldaqstant, mill-mod kif sar il-kalkolu tal-valur normali tal-MLA tar-rikorrenti, u b’mod partikolari, mill-fatt li f’dan il-kalkolu ma ġewx miżjuda l-ispejjeż ta’ bejgħ, kien ser jinħoloq żbilanċ fil-paragun ta’ bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA tar-rikorrenti kieku ma sarx aġġustament mill-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, billi mill-prezz tal-esportazzjoni titnaqqas l-ispiża ta’ bejgħ li tirriżulta mill-kummerċjalizzazzjoni tal-MLA tar-rikorrenti fis-suq Komunitarju.
52 Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-istituzzjonijiet ma wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamlu aġġustament skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tal-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA mmanifatturati mir-rikorrenti.
53. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, hemm lok li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tar-rikorrenti tiġi miċħuda.”
40. FI tmiem is-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti u kkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk tal-Kunsill, kif ukoll dawk tal-kumpanniji IML Industria Meccanica Lombarda Srl, Interkov spol. s r.o., MI.ME.CA. Srl u NIKO – kovinarsko podjetje, d.d., Železniki, partijiet intervenjenti.
II – L-appell
A – It-talbiet
41. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza appellata sa fejn l-istess sentenza tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha u tikkundannaha tbati l-ispejjeż tal-Kunsill u tal-partijiet intervenjenti.
42. Hija titlob ukoll l-annullament tar-Regolament definittiv fejn dan jistabbilixxi dazju fuq il-MLA li hija tipproduċi f’ammont ikbar mid-dazju kkalkolat mingħajr l-aġġustament ikkontestat tal-prezz tal-esportazzjoni.
43. Il-Kunsill qiegħed jitlob li l-appell jiġi miċħud u, sussidjarjament, li jiġi miċħud ir-rikors. Huwa jitlob ukoll li l-appellanti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.
B – L-argumenti tal-partijiet
1. L-appellanti
44. Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju wieħed li huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku kif ukoll fuq ksur tal-kunċett ta’ “valur normali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
45. L-appellanti ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tatx l-effett legali korrett lill-kunċett ta’ “valur normali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
46. Hija ssostni li, f’din is-sentenza, ġie aċċettat kemm-il darba li l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra sostnuti minn LECO u WWS f’Ħong Kong kienu spejjeż li nteqfu minħabba l-bejgħ li sar għall-esportazzjoni u fiċ-Ċina, u li l-fatt li hija ma kellhiex spejjeż ta’ bejgħ fiċ-Ċina ma ġiex ikkontestat.
47. L-appellanti tenfasizza li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-valur normali ġie kkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ manifattura, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra ta’ produtturi simili fil-Komunità, kif ukoll fuq stima tal-qligħ raġonevoli.
48. Hija tesponi li l-Qorti Ġenerali, fl-istess punt tas-sentenza appellata, tirrileva wkoll li “ebda spejjeż ta’ bejgħ dirett ma setgħu jiżdiedu fil-kalkolu peress li, kif ammettiet ir-rikorrenti f’diversi okkażjonijiet b’mod partikolari fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mibgħut lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni kif ukoll fl-ittra tal-5 ta’ Ġunju 2006, LECO u WWS kienu responsabbli mill-kompitu li jinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti”.
49. Hija ssostni li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni, u dan għal żewġ raġunijiet.
50. Min-naħa waħda, il-fatt li LECO u WWS kienu responsabbli mill-kompitu li jinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-appellanti ma għandux x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-valur normali, u dan peress li dan il-valur huwa valur normali simili, u għaldaqstant, ma huwiex ibbażat fuq l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti.
51. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni li LECO u WWS kienu responsabbli mill-kompitu li jinvolvi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-appellanti, huwa rilevanti biex jiġi stabbilit l-istadju fil-katina ta’ distribuzzjoni tal-appellanti li fih il-valur normali stabbilit abbażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku kien verament valur normali simili.
52. Il-Qorti Ġenerali, fl-analiżi ta’ din il-kwistjoni fil-punti 46 sa 48 tas-sentenza appellata, fehmet ħażin l-argumenti mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza.
53. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, l-appellanti dejjem irrikonoxxiet li l-valur normali kellu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Madankollu, biex jiġi stabbilit l-istadju fil-katina ta’ distribuzzjoni tal-appellanti li għalih jikkorrispondi l-valur normali simili, huwa rilevanti li jiġi eżaminat l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament bażiku.
54. Barra minn hekk, b’kuntrast mal-punt 49 tas-sentenza appellata, is-sentenza Brother Industries vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, hija fil-fatt rilevanti u dan peress li turi li l-valur normali stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku jrid ikun simili għall-valur normali stabbilit taħt il-kundizzjonijiet ta’ ekonomija ta’ suq, jiġifieri jrid jikkorrispondi għall-valur li bih jiġi pprovdut il-prodott lill-ewwel persuna mhux relatata. Għaldaqstant, huwa jrid jinkludi l-ispejjeż kollha ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra tal-kumpanniji relatati kollha li jipparteċipaw fid-distribuzzjoni tal-prodott.
55. Minn dan isegwi li, jekk il-produttur fl-Istat li ma għandux ekonomija ta’ suq għandu kumpanniji relatati li jbigħu l-prodott fis-suq intern, il-valur normali simili stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, irid ikun simili għall-valur normali tal-entità ekonomika tal-produttur, jiġifieri bħall-valur normali li jkollu l-prodott meta jiġi pprovdut, għall-ewwel darba, lil persuna mhux relatata fis-suq intern. Fil-każ tal-appellanti, dan l-istadju jikkorrispondi għall-istadju tal-“ħruġ mingħand WWS”.
56. F’dan il-każ, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet konstatazzjoni li tikkontradixxi l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, sa fejn tippreżumi li l-valur normali simili jikkorrispondi għal dak fejn l-oġġetti joħorġu mill-katina ta’ produzzjoni fiċ-Ċina.
57. Minn dan, l-appellanti tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku meta indikat, fi tmiem il-punt 51 u fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li l-istituzzjonijiet ma kinux wettqu żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għamlu aġġustament, skont l-imsemmija dispożizzjoni, tal-prezz tal-esportazzjoni tal-MLA billi naqqsu minn dan il-prezz l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra sostnuti minn LECO u WWS huma u jagħmlu l-bejgħ għall-esportazzjoni.
2. Il-Kunsill
58. Il-Kunsill ifakkar li l-valur normali ġie kkalkolat fuq bażi ex works, abbażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra sal-mument li fih il-prodotti ħarġu mill-fabbrika, kif ukoll ta’ qligħ raġonevoli.
59. Huwa jgħid li, għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra, irriżulta mill-informazzjoni vverifikata li ħarġet mill-industrija Komunitarja, li l-ammont totali tagħhom kien iqarreb is-16 %, li minnhom 5 % kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ bejgħ.
60. Huwa jispjega li, peress li l-appellanti ma sostnietx dawn l-ispejjeż, l-istituzzjonijiet inkludew fil-valur normali li ġie kkalkolat biss ammont li jqarreb il-11 %, u dan essenzjalment bħala spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali.
61. Il-Kunsill isostni li dan il-valur normali msemmi ġie sew ikkalkolat fuq bażi ex works meta hija involuta kumpannija li ma sostniet ebda spejjeż ta’ bejgħ dirett għall-bejgħ tagħha fis-suq intern.
62. Sussegwentement, huwa jgħid li l-istituzzjonijiet stabbilixxew il-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-prezzijiet fatturati minn WWS lill-ewwel klijent indipendenti. Huwa jippreċiża li l-istituzzjonijiet, madankollu, għamlu aġġustament fuq il-prezz tal-esportazzjoni applikat mill-appellanti, u dan skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, peress li l-appellanti ma kinitx tbigħ il-prodotti tagħha direttament lil klijenti indipendenti, iżda kienet tagħmel il-bejgħ kollu tal-esportazzjoni tagħha permezz tal-intervent taż-żewġ kumpanniji relatati tagħha, LECO u WWS, stabbiliti f’Ħong Kong. L-istituzzjonijiet ikkonkludew li r-relazzjoni bejn l-appellanti, minn naħa waħda, u l-kumpanniji relatati tagħha LECO u WWS, min-naħa l-oħra, kienet tixbah lil dik ta’ operatur li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni.
63. Il-Kunsill jindika li, fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kkontestat l-aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, iżda ma ċaħditx il-fatt li r-relazzjoni tagħha ma’ LECO u WWS kienet tixbah lil dik ta’ operatur li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Hija allegat sempliċement li l-aġġustament ma kienx iġġustifikat peress li LECO u WWS kienu jintervjenu kemm fil-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha u kif ukoll fil-bejgħ fis-suq intern Ċiniż.
64. Il-Kunsill ifakkar li fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa spjega li l-argument tal-appellanti kien żbaljat għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, l-istituzzjonijiet kienu stabbilixxew il-valur normali mhux abbażi tal-prezzijiet tal-bejgħ applikati fiċ-Ċina mill-appellanti, iżda skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Fit-tieni lok, il-valur normali li ġie kkalkolat għall-appellanti skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku ma kien jinkludi ebda spejjeż ta’ bejgħ dirett. Għaldaqstant, kien hemm diskrepanza bejn il-valur normali, min-naħa l-waħda, u l-prezz tal-esportazzjoni kkalkolat abbażi tal-prezzijiet fatturati minn WWS lill-ewwel klijent indipendenti, min-naħa l-oħra. Il-valur normali kien jinkludi biss l-ispejjeż stabbiliti fuq bażi ex works mill-appellanti, iżda ma kien jinkludi ebda spejjeż ta’ bejgħ dirett. Il-prezz tal-esportazzjoni kien jinkludi wkoll il-marġni ta’ qligħ ta’ LECO u WWS li kienu jwettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ operatur li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Il-Kunsill sostna li r-raġuni li għaliha l-aġġustament ikkontestat sar skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku hija biex tiġi kkumpensata tali diskrepanza.
65. Il-Kunsill jindika li l-argument tiegħu intuża mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Huwa jsostni li l-allegazzjoni ta’ dritt imqajma mill-appellanti li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti l-effett legali korrett lill-kunċett ta’ “valur normali” kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, huwa infondat.
66. Id-dikjarazzjoni tal-appellanti li tipprovdi li, f’din il-kawża, il-valur normali jikkorrispondi għall-istadju fejn il-prodott “joħroġ mingħand WWS” ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt ikkontestat li l-valur normali li ġie kkalkolat f’din il-kawża ma jinkludi ebda spejjeż tal-bejgħ. Barra minn hekk, din tikkostitwixxi kontestazzjoni inammissibbli tal-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali.
67. Il-Kunsill iżid jgħid li l-ewwel motiv imressaq mill-appellanti fil-proċedura mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali ma jikkontestax il-mod li bih l-istituzzjonijiet ikkalkolaw il-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, l-appellanti ma sostnietx li l-istituzzjonijiet kisru din id-dispożizzjoni meta ma nkludewx l-ispejjeż ta’ bejgħ fil-valur normali li ġie kkalkolat.
68. Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għandha tiġi miċħuda wkoll peress li hija bbażata esklużivament fuq id-dikjarazzjoni li l-valur normali jikkorrispondi għall-istadju fejn il-prodott “jorħoġ mingħand WWS”, dikjarazzjoni li hija manifestament żbaljata.
C – Kunsiderazzjonijiet
69. L-istess bħall-Kunsill, jiena tal-fehma li dan l-appell għandu jiġi miċħud għal raġunijiet li jirrigwardaw, min-naħa waħda, is-suġġett ta’ dan l-appell u, min-naħa l-oħra, l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa biex isir paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.
70. Għal dak li jikkonċerna l-ewwel punt, jiġifieri s-suġġett ta’ dan l-appell, jidhirli li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-istess appell huwa ta’ natura pjuttost limitata.
71. Fil-fatt, bl-aggravju waħdieni tagħha, l-appellanti ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt meta sostniet li l-valur normali ġie stabbilit fil-livell fejn il-prodotti joħorġu mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti, b’mod li kien iġġustifikat li jsir aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni sabiex jiġi pparagunat b’mod ġust dan il-prezz u dan il-valur, jiġifieri fl-istess livell ta’ kummerċ.
72. Bil-fatt li llimitat ruħha għal dan l-aggravju biss, l-appellanti, qabel xejn, ma hijiex qiegħda tipprova turi li l-konstatazzjoni fattwali magħmula fil-punt 44 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-valur normali, f’din il-kawża, ġie stabbilit qabel l-involviment ta’ operatur intermedjarju fil-proċess ta’ bejgħ, jiġifieri qabel l-intervent ta’ LECO u ta’ WWS, kienet żbaljata. Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, f’ebda mument fl-appell tagħha, ma sostniet li din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti.
73. Barra minn hekk, hija lanqas ma tikkontesta, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali fejn ikkonkludiet li l-valur normali li ġie kkalkolat għall-MLA, fir-Regolament definittiv, ġie stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
74. Il-Kunsill, fir-risposta tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, għamel il-preċiżazzjonijiet segwenti fuq il-modi tal-kalkolu ta’ dan il-valur normali. Huwa espona fil-punti 9 sa 10 tal-imsemmija nota li:
“9. […] Il-valur normali ġie kkalkolat fuq bażi ex works u kien jinkludi l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra sostnuti sal-mument fejn il-prodotti jkunu ħarġu mill-fabbrika kif ukoll marġni ta’ qligħ ta’ ammont raġonevoli. L-istituzzjonijiet iffissaw l-ammonti bil-mod kif ġej:
– Spejjeż ta’ manifattura: l-istituzzjonijiet stabbilixxew l-ispejjeż tal-materja prima (prinċipalment pjanċi tal-ħadid, bobini tal-ħadid, elettroplejtjar u elettriċità) li jirrappreżentaw madwar żewġ terzi mill-ispiża totali tal-produzzjoni, abbażi tal-prezz Ċiniż u l-bqija tal-elementi ġew stabbiliti abbażi tal-informazzjoni li jirriżultaw mill-ilment u mill-informazzjoni disponibbli li ħarġet mill-produtturi f’pajjiżi simili potenzjali oħra.
– Spejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra: l-istituzzjonijiet iffissaw dawn l-ispejjeż abbażi tal-informazzjoni vverifikata tal-industrija Komunitarja li kienu jindikaw ammont totali għall-ispejjeż ta’ bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra ta’ madwar 16 %. Madankollu, l-istituzzjonijiet naqqsu minn dan l-ammont totali, ammont ta’ 5 % għall-ispejjeż ta’ bejgħ peress li l-investigazzjoni uriet li r-rikorrenti ma kellhiex spejjeż ta’ dan it-tip. L-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra kienu, għaldaqstant, jiżdiedu b’kollox, għal madwar 11 %, li jikkorrispondi prinċipalment għall-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ġenerali l-oħra.
– Qligħ: fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet żiedu qligħ raġonevoli ta’ 5 %.
10. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet kkalkolaw fil-fatt valur normali fuq bażi ex works għal kumpannija li ma għandha ebda spejjeż tal-bejgħ dirett fis-suq intern.”
75. F’dan l-appell, kif nifhmu jien u kif ġie interpretat ukoll mill-Kunsill, l-appellanti ma tikkontestax l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 50 tas-sentenza appellata, fejn jingħad li l-valur normali, filwaqt li ma jinkludi ebda spejjeż ta’ bejgħ dirett, ġie stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
76. Fi kliem ieħor, fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti ma tikkontestax l-ammont ta’ dan il-valur normali u, b’mod partikolari, il-fatt li dan tnaqqas b’5 %, perċentwal li jirrappreżenta l-ispejjeż ta’ bejgħ dirett.
77. Jidhirli li din l-analiżi tinsab ikkonfermata bil-fatt li, fil-konklużjonijiet tar-rikors li bih hija ppreżentat dan l-appell, l-appellanti qiegħda titlob espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, jekk hija tiddikjara l-aggravju tagħha bħala fondat u tannulla s-sentenza appellata, tannulla r-Regolament definittiv biss “sa fejn jimponi dazju antidumping fuq MLA mmanifatturati mill-appellanti li huwa ikbar mid-dazju li jkun dovut li kieku ma sarx aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni”.
78. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, l-appellanti ma hijiex tipprova tikseb l-annullament tat-tnaqqis fil-prezz tal-esportazzjoni li jirriżulta mill-aġġustament ikkontestat, u lanqas li jiġi stabbilit mill-ġdid il-marġni ta’ dumping abbażi ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.
79. Fi ftit kliem, l-aggravju waħdieni tal-appellanti, bit-titolu “Nuqqas ta’ għoti tal-effett legali korrett lill-kunċett ta’ ‘valur normali’ kif iddefinit fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku”, ma huwiex intiż li jikkontesta l-fatt li l-valur normali, li ġie stabbilit abbażi tal-prezz li għandu jitħallas għall-prodott inkwistjoni fis-suq Komunitarju, tnaqqas bl-ispejjeż ta’ bejgħ dirett.
80. Fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju għandu jinftiehem fis-sens li l-Qorti Ġenerali, minkejja t-tnaqqis li għamel il-Kunsill fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż, kellha taċċetta li l-valur normali, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u s-sentenza Brother Industries vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kien jikkorrispondi neċessarjament għall-prezz li bih il-MLA tpoġġew għall-bejgħ fis-suq Ċiniż kieku tali bejgħ kien sar f’ekonomija tas-suq, u li tali prezz jinkludi neċessarjament l-ispejjeż ta’ bejgħ tal-kumpanniji li huma responsabbli mill-bejgħ tal-prodott bħalma huma LECO u WWS, u dan peress li dawn l-impriżi jifformaw parti mill-istess entità ekonomika mal-impriża ta’ produzzjoni.
81. Fil-fehma tiegħi, dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.
82. Ċertament, fis-sentenza Brother Industries vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qsim tal-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ fi ħdan grupp ifformat minn kumpanniji legalment distinti iżda li huma relatati mill-qrib ma jneħħi xejn mill-fatt li huma jifformaw entità ekonomika waħda, b’mod li l-valur normali tal-prodott għandu jiġi stabbilit abbażi mhux tal-prezz tal-bejgħ tal-kumpannija produttriċi lill-kumpannija li tiddistribwixxi, iżda abbażi tal-prezz tal-bejgħ ta’ din tal-aħħar lil operatur ekonomiku indipendenti.
83. Għaldaqstant setgħet tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u fid-dawl ta’ dik is-sentenza, il-Kunsill kellux dritt inaqqas il-valur normali kkalkolat għall-MLA, bil-parti li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ bejgħ dirett minħabba li l-appellanti ma kinitx tbati l-ispejjeż ta’ bejgħ tal-prodotti tagħha fis-suq intern tagħha.
84. Madankollu, kif intqal diġà, din il-kwistjoni ma tqajmitx fil-kuntest ta’ dan l-appell. Kif intqal diġà, l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li l-valur normali tal-MLA ġie kkalkolat skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.
85. Għandu jiġi enfasizzat li l-argument tal-appellanti jikkonsisti biss fl-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u tas-sentenza Brother Industries vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, kellha taċċetta li l-valur normali kien jikkorrispondi għall-istadju li fih il-prodotti huma kkummerċjalizzati minn WWS.
86. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’ peress li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex komplut, jekk mhux kontradittorju. L-appellanti ma tistax tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku mingħajr ma tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ din l-istess Qorti fejn ikkonstatat li l-valur normali, inkwantu jeskludi l-ispejjeż ta’ bejgħ dirett, ġie stabbilit skont dik id-dispożizzjoni.
87. B’kuntrast ma’ dak li fuqu tibbaża l-argumenti tagħha l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora l-fatt li l-valur normali tal-MLA kien ġie kkalkolat mill-Kunsill fuq l-istadju fejn dawn il-prodotti joħorġu mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti. Mill-mument fejn, sussegwentement, ġie kkunsidrat li tali evalwazzjoni kienet konformi mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, kellhom jirriżultaw il-konsegwenzi kollha minn dan meta jiġi vverifikat jekk ġiex osservat ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku biex isir paragun ġust.
88. Għaldaqstant, nasal għat-tieni punt tal-argument tiegħi li jirrigwarda l-portata tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.
89. Din id-dispożizzjoni timponi, fil-fatt, l-obbligu fuq l-istituzzjonijiet li jagħmlu paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Din tipprovdi espressament li dan il-paragun, sabiex josserva dik il-kundizzjoni, irid isir fir-rigward tal-istess livell ta’ kummerċ.
90. Peress li l-valur normali ġie stabbilit fl-istadju li fih il-MLA joħorġu mill-katina tal-produzzjoni tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni, peress li kkonsista fit-tnaqqis tal-ispejjeż u tal-qligh tal-kumpanniji li huma responsabbli mill-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, kien konformi mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (10). Fil-fatt, sabiex jiġi pparagunat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell ta’ kummerċ, jiġifieri fl-istadju li fih il-MLA joħorġu mill-katina ta’ produzzjoni tal-appellanti, kien fil-fatt meħtieġ li lill-prezz tal-esportazzjoni jsirlu l-aġġustament intiż biex inaqqas dik il-parti mill-prezz li tikkorrispondi għall-intervent tal-kumpanniji relatati li huma responsabbli mill-bejgħ tagħha fis-suq Komunitarju.
91. Din hija r-raġuni għaliex jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad dan l-appell bħala infondat.
92. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-pożizzjoni tiegħi, l-appellanti, li allura tkun telliefa f’din il-kawża, ikollha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kunsill, u dan skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja..
93. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli ta’ Proċedura.
III – Konklużjoni
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi bil-mod kif ġej:
- tiċħad bħala infondat l-appell ippreżentat minn Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co. Ltd kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-23 ta’ Settembru 2009, Dongguan Nanzha Leco Stationery vs Il-Kunsill (T‑296/06).
- tikkundanna lil Dongguan Nanzha Leco Stationery Mfg. Co. Ltd sabiex tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
- tordna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha.
1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 – Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 10, p. 45 sa 64), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004, tat-8 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 10, p. 150 sa 158, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).
3 – Regolament tal-24 ta’ Lulju 2006 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ mekkaniżmi b’lever arch li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 352M tal-31 ta’ Diċembru 2008, p. 451 sa 462, iktar ’il quddiem ir-“Regolament definittiv”).
4 – T‑296/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”.
5 – Iktar ’il quddiem il-“MLA”.
6 – Iktar ’il quddiem “WWS”.
7 – Iktar ’il quddiem “LECO”.
8 – ĠU C 103, p. 18.
9 – ĠU L 23, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”.
10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 1992, Sharp Corporation vs Il-Kunsill (C‑179/87, Ġabra p. I‑1635, punti 16 sa 19).