KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawżi C‑509/09 u C‑161/10

eDate Advertising GmbH

vs

X (C-509/09)

u

Olivier Martinez u

Robert Martinez

vs

Société MGN Limited (C-161/10)

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) u mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza), rispettivament]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt’ – Ksur ta’ drittijiet tal-personalità li seta’ twettaq permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet – Artikolu 5(3) – Definizzjoni ta’ ‘post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq’ – Applikabbiltà tal-ġurisprudenza Shevill tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 3(1) u (2) – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ regola ta’ kunflitt fir-rigward tad-drittijiet tal-personalità”





1.        Dawn il-kawżi magħquda, li bdew wara t-talbiet imressqa mill-Bundesgerichtshof u mit-Tribunal de grande instance de Paris, jirrigwardaw, qabelxejn, diversi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2).

2.        B’mod partikolari, il-qrati tar-rinviju qegħdin jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali biex jisimgħu każijiet fuq il-ksur ta’ drittijiet tal-personalità mwettaq permezz ta’ sit tal-internet. Kif inhu magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (dak iż-żmien id-dispożizzjoni kienet tidher fil-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968) għall-każijiet ta’ malafama (3) permezz tal-istampa fis-sentenza Shevill et, li ngħatat fl-1995 (4). Iż-żewġ domandi magħmula fil-kawżi preżenti jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kapaċità ta’ adattament ta’ dik id-deċiżjoni għal realtà suġġetta għal tibdil kbir, fejn l-istampa fuq il-karta ċediet, b’ritmu dejjem jikber u b’mod irriversibbli, għall-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mxandrin permezz tal-internet.

3.        Dan diġà jantiċipa element li mingħajr dubju dejjem kien impliċitu fil-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-ħsara kkawżata għad-drittijiet tal-personalità fl-okkażjoni ta’ attività ta’ komunikazzjoni soċjali, tkun xi tkun il-forma. Il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ dawn id-drittijiet ma tistax effettivament tinjora l-fatt li dawn id-drittijiet għandhom jiġu sostnuti f’kuntest ta’ tensjoni dovuta għal-libertajiet ta’ komunikazzjoni (5) li magħhom għandhom ikunu bbilanċjati. Għandha tiġi evalwata l-kumplessità ta’ din is-sitwazzjoni biex tkun tista’ ssir riflessjoni adegwata fuq is-suġġett prinċipali ta’ dawn il-kawżi magħquda, li ma huwiex ħlief dak li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-każ ta’ kawżi pprovokati bil-ħsara kkawżata għad-drittijiet tal-personalità fuq l-internet.

4.        Fl-aħħar nett, il-Bundesgerichtshof tistaqsi wkoll jekk id-dritt tal-Unjoni, speċifikament l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku fuq l-internet (6), għandux in-natura ta’ regola ta’ kunflitt li tiddetermina l-liġi applikabbli għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta minn atti li jippreġudikaw id-drittijiet tal-personalità mwettqin permezz ta’ paġna fuq l-internet.

I –    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

5.        Ir-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi sensiela ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet sabiex jiġu unifikati l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-qrati kompetenti f’kawżi ċivili u kummerċjali. L-għanijiet tar-regolament huma mħabbrin fil-premessi tiegħu li fosthom, għall-finijiet ta’ din il-kawża, għandhom jiġu enfasizzati dawn li ġejjin:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

6.        Fid-dispożizzjonijiet fuq il-ġurisdizzjoni, ir-regolament jistabbilixxi, fl-Artikolu 2 u bħala regola ġenerali, li hija l-qorti tad-domiċilju tal-konvenut li għandha ġurisdizzjoni:

“Artikolu 2

1.      Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

7.        L-Artikolu 3 tar-Regolament jistabbilixxi l-possibbiltà li ssir eċċezzjoni mir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni [iktar ’il quddiem il-“forum ġenerali”] meta jiġu sodisfatti r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tar-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni [iktar ’il quddiem il-“forum speċjali”] imsemmija fit-Taqsimiet 2 sa 7 tal-Kapitolu II. Fost dawn ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni għandha tissemma dik prevista fl-Artikolu 5(3):

“Artikolu 5

Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

8.        Id-Direttiva 2000/31 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) tenfasizza fl-Artikolu 1(4) li “[d]in id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati”.

9.        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31 jistabbilixxi regola ta’ rikonoxximent reċiproku fit-termini li ġejjin:

“Artikolu 3

Suq Intern

1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit-territorju tiegħu jkun konformi mad-disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru f’dak il-każ li huwa fil-qasam ikkordinat.

2.      L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor.”

II – Il-fatti

A –    Fil-kawża eDate Advertising (C-509/09)

10.      Fl-1993, X, ta’ nazzjonalità Ġermaniża u li kien joqgħod fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kien ġie kkundannat minn qorti Ġermaniża għall-ħabs għal għomru għall-qtil ta’ attur Ġermaniż magħruf. Minn Jannar 2008, X jinsab f’libertà kundizzjonata.

11.      eDate Advertising GmbH (iktar ’il quddiem “eDate”) hija kumpannija Awstrijaka li tamministra portal tal-internet, fejn is-sit tal-internet tagħha jgħid li hija “midja liberali u politikament indipendenti” maħsuba għal “omosesswali, bisesswali u transgender”. Mit-23 ta’ Awwissu 1999, eDate xandret mal-qarrejja tagħha informazzjoni fuq X, b’mod partikolari billi semmietu b’ismu u enfasizzat li huwa bħal ħuh (li kien ġie kkundanat ukoll għall-istess reat) kienu adixxew il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża b’rikors kontra l-kundanna tagħhom.

12.      Fil-5 ta’ Ġunju 2007, X intima lill-konvenuta biex twaqqaf kull xandir ta’ informazzjoni fuq il-persuna tiegħu, talba li baqgħet mingħajr risposta bil-miktub, anki jekk, xi ftit jiem wara, fit-18 ta’ Ġunju, l-informazzjoni inkwistjoni ġiet irtirata minn dan is-sit tal-internet.

13.      X adixxa lill-qrati Ġermaniżi fejn talab li eDate tiġi pprojbita, fit-territorju kollu tal-Ġermanja, milli tippubblika kwalunkwe informazzjoni li tikkonċernah. Il-Landgericht Hamburg, adita fl-ewwel istanza, iddeċidiet favur X, l-istess bħal-Hanseatisches Oberlandesgericht, adita fl-appell.

14.      Fiż-żewġ istanzi, eDate oġġezzjonat għat-talba billi poġġiet fid-dubju l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati ċivili Ġermaniżi. eDate ppreżentat rikors għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ċivili minħabba żball ta’ fatt jew ta’ liġi kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-appell quddiem il-Bundesgerichtshof fejn reġgħet invokat mill-ġdid in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi, kwistjoni li fuqha jiddependu t-tliet domandi preliminari mqajmin mill-ġurisdizzjoni tar-rinviju.

B –    Fil-kawża Martinez u Martinez (C-161/10)

15.      Fit-3 ta’ Frar 2008, il-gazzetta Brittanika Sunday Mirror ippubblikat, fl-edizzjoni online tagħha fuq l-internet, sensiela ta’ ritratti akkumpanjati b’test, bit-titolu “Kylie Minogue reġgħet mill-ġdid ma’ Olivier Martinez”. L-artikolu rrakkonta l-inkontru tal-koppja f’Pariġi, u alluda għall-fatt li huma “kienu sseparaw s-sena ta’ qabel” u indika li “l-passeġġata romantika ta’ 23 siegħa” kienet tikkonferma t-tkomplija ta’ relazzjoni sentimentali. Imbagħad l-artikolu attribwixxa sensiela ta’ dikjarazzjonijiet lil Robert Martineż, missier Olivier Martinez.

16.      Olivier Martinez u Robert Martinez, it-tnejn ta’ nazzjonalità Franċiża, ħarrku lill-kumpannija rregolata mid-dritt Ingliż MGN Limited, proprjetarja tal-gazzetta Sunday Mirror, quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris. It-tnejn ikkunsidraw li l-informazzjoni ppubblikata minn din il-midja kienet tippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u d-dritt tal-immaġni ta’ Olivier Martinez. Il-konvenuta li kienet ġiet imħarrka quddiem il-qorti fit-28 ta’ Awwissu 2008 oġġezzjonat għall-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Franċiża billi kkunsidrat li kienu l-qrati Brittanniċi, u b’mod partikolari l-High Court of Justice, li kellhom ġurisdizzjoni internazzjonalment.

17.      Wara li sema’ lill-partijiet u wara li għamel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (li ġiet miċħuda minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni manifesta (7)), it-Tribunal de grande instance reġa’ indirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi kkonfermata l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof fil-Kawża C‑509/09 waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2009; hija għamlet id-domandi li ġejjin:

“1.      Il-frażi ‘il-post fejn l-effett tal-ħsara […] jista’ jitwettaq’ li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Nru 44/2001’) għandha, fil-każ (eventwali) ta’ ksur ta’ drittijiet tal-personalità minn kontenut f’sit internet, tiġi interpretata fis-sens

li l-persuna kkonċernata tista’ tinvoka mandat ta’ inibizzjoni kontra l-operatur tas-sit internet quddiem il-qrati tal-Istati Membri li fihom jista’ jiġi kkonsultat is-sit internet, indipendentement mill-Istat Membru li fih huwa stabbilit l-operatur,

jew

il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih l-operatur ta’ sit internet ma huwiex stabbilit teħtieġ rabta partikolari (rabta mal-Istat inkwistjoni) bejn il-kontenut ikkontestat jew is-sit internet u l-qorti domestika, li tmur lil hinn mill-possibbiltà teknika ta’ konsultazzjoni?

2.      Jekk tali rabta hija meħtieġa:

Liema huma l-kriterji li jiddeterminaw tali rabta?

Huwa rilevanti li, skont l-intenzjoni tal-operatur, is-sit internet ikkontestat ikun indirizzat speċifikament (ukoll) għall-utenti tal-internet tal-Istat domestiku jew huwa biżżejjed li l-informazzjoni li tista’ tiġi kkonsultata fuq is-sit internet tkun oġġettivament marbuta mal-Istat domestiku fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-kontenut tas-sit internet ikkontestat, kunflitt tal-interessi diverġenti – l-interess tal-applikant fl-osservanza tad-drittijiet tal-personalità tiegħu u l-interess tal-operatur fit-tfassil tas-sit internet tiegħu u fl-għoti ta’ informazzjoni – seta’ effettivament twettaq jew jista’ jitwettaq fl-Istat domestiku?

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta partikolari, in-numru ta’ konsultazzjonijiet tas-sit internet ikkontestat li jsiru mill-Istat domestiku huwa ta’ natura deċiżiva?

3.      Jekk ebda rabta partikolari ma hija neċessarja għall-ammissjoni ta’ ġurisdizzjoni jew jekk huwa biżżejjed, sabiex tiġi stabbilita tali rabta, li l-informazzjoni kkontestata hija oġġettivament marbuta mal-Istat domestiku fis-sens li seta’ twettaq jew jista’ jitwettaq kunflitt ta’ interessi diverġenti fl-Istat domestiku, skont iċ-ċirkustanzi inkwistjoni, minħabba b’mod partikolari l-kontenut tas-sit internet ikkontestat, u li l-eżistenza ta’ rabta partikolari ma timplikax il-konstatazzjoni ta’ numru minimu ta’ konsultazzjonijiet tas-sit internet ikkontestat mill-Istat domestiku:

L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku’) għandu jiġi interpretat fis-sens

li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jingħataw in-natura ta’ regoli ta’ kunflitt ta’ liġi fis-sens li fid-dritt ċivili jeħtieġu wkoll l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt applikabbli fil-pajjiż tal-oriġini, bl-esklużjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi,

jew

dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu korrettiv fuq livell sostantiv li permezz tiegħu r-riżultat dwar il-mertu tal-liġi ddikjarata applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi jinbidel u jiġi aġġustat skont ir-rekwiżiti tal-pajjiż tal-oriġini?

Fil-każ li l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku jkun ta’ natura ta’ regola ta’ kunflitt ta’ liġi:

Id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq sempliċement jeħtieġu l-applikazzjoni esklużiva tad-dritt materjali fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini jew ukoll l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt ta’ liġi applikabbli f’tali pajjiż, bil-konsegwenza li referenza fid-dritt tal-pajjiż tal-oriġini għad-dritt tal-pajjiż ta’ destinazzjoni tibqa’ possibbli?”

19.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunal de grande instance de Paris waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ April 2010; din kienet ifformulata fit-termini li ġejjin:

“L-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru sabiex tiddeċiedi dwar rikors li jirrigwarda ksur tad-drittijiet relatati mal-personalità li jista’ jitwettaq minħabba li informazzjoni u/jew ritratti jitqiegħdu online fuq sit tal-internet ippubblikat fi Stat Membru ieħor minn kumpannija rreġistrata f’dan it-tieni Stat – jew inkella fi Stat Membru ieħor, li fi kwalunwke każ huwa differenti mill-ewwel wieħed –:

–      jew abbażi tal-kundizzjoni li dan is-sit internet ikun jista’ jiġi kkonsultat minn ġewwa dan l-ewwel Stat,

–      jew unikament meta bejn il-fatt li jikkawża ħsara u t-territorju ta’ dan l-ewwel Stat teżisti rabta suffiċjenti, sostanzjali jew sinjifikattiva u, f’dan it-tieni każ, jekk din ir-rabta tistax tirriżulta:

–      min-numru ta’ konnessjonijiet għall-paġna inkwistjoni minn ġewwa dan l-ewwel Stat Membru, f’valur assolut jew relattiv għall-konnessjonijiet kollha għall-imsemmija paġna,

–      mir-residenza, jew anki min-nazzjonalità, tal-persuna li tilmenta minn ksur tad-drittijiet tagħha relatati mal-personalità jew, b’mod iktar ġenerali, tal-persuni kkonċernati,

–      mil-lingwa li fiha tkun imxandra l-informazzjoni inkwistjoni jew minn kull element ieħor li jista’ juri r-rieda tal-editur tas-sit li jindirizza speċifikament lill-pubbliku ta’ dan l-ewwel Stat,

–      mill-post fejn iseħħu l-fatti msemmija u/jew fejn ittieħdu r-ritratti li eventwalment tqiegħdu online,

–      minn kriterji oħrajn?”

20.      Fil-kawża eDate Advertising (C‑509/09), ir-rappreżentanti ta’ eDate Advertising u ta’ X, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Lussemburgu, tal-Awstrija u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

21.      Fil-kawża Martinez u Martinez (C‑161/10), il-kumpannija MGN Limited, il-Gvernijiet tad-Danimarka, ta’ Franza u tal-Awstrija kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

22.      Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ottubru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi C‑509/09 u C‑161/10, skont l-Artikolu 43 tar-regoli tal-proċedura.

23.      Fit-22 ta’ Novembru 2010, X talab il-benefiċċju tal-għajnuna legali lill-Qorti tal-Ġustizzja u dan ġie miċħud b’digriet tal-10 ta’ Diċembru 2010.

24.      Is-seduta saret fl-14 ta’ Diċembru 2010, fil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ MGN Limited u ta’ eDate Advertising, tal-aġenti tal-Gvernijiet tad-Danimarka u tal-Greċja, kif ukoll tal-Kummissjoni.

IV – Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari tal-kawża eDate (C-509/09)

25.      Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra li d-domandi magħmula fil-kawża eDate Advertising għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn l-informazzjoni kkontestata kienet ġiet irtirata minn eDate Advertising wara talba mir-rikorrent. Għalhekk, skont il-Gvern Taljan, l-azzjoni għall-inibizzjoni li eżerċita X hija mingħajr rabta mal-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni mqajmin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kuntest li fih il-qorti tar-rinviju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fejn ikun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni mitluba tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew fejn il-problema tkun ta’ natura ipotetika (8).

27.      Meta jiġi kkunsidrat il-kuntest fattwali u proċedurali tal-kawża eDate Advertising, inqis li d-domanda hija ammissibbli. Fil-fatt, il-fatt li l-informazzjoni kienet ġiet irtirata ma jċaħħadx lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li, fil-futur, jeżerċita azzjoni ta’ inibizzjoni, jew azzjoni għad-danni, kemm jekk f’din il-proċedura jew matul proċedura ulterjuri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jiddetermina qorti li għandha ġurisdizzjoni, kemm jekk il-kwistjoni tirrigwarda l-kumpens għal ħsara li diġà saret kemm jekk tirrigwarda azzjoni intiża biex timpedixxi li ssir ħsara, kemm jekk azzjoni għad-danni jew ta’ inibizzjoni (9). Fil-kawża prinċipali, inkwistjoni hemm it-tieni varjanti, fejn l-għan huwa li tiġi evitata ħsara fil-futur u, speċifikament fil-każ ta’ X, li tiġi evitata d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni li kienet diġà ilha tiġi mxandra. Huwa għalhekk li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju u għaldaqstant hija ammissibbli fid-dawl tal-kriterji msemmijin fil-ġurispridenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V –    Fuq ir-raġunijiet tal-għaqda: il-livell ta’ sovrapożizzjoni tad-domandi u l-metodu ta’ kif għandha tingħatalhom risposta

28.      Kif intqal diġà fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad iż-żewġ kawżi inkwistjoni minħabba l-konnessjoni tas-suġġett tagħhom. Fil-fatt, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żewġ kawżi jirrigwardaw jekk is-sentenza Shevill iċċitata iktar ’il fuq għandhiex tiġi applikata jew le, fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, f’kuntest fejn l-informazzjoni li allegatament tikser dritt tal-personalità xxandret permezz tal-internet.

29.      Issa ma jistax jiġi miċħud li diversi differenzi mhux għal kollox irrilevanti jiddistingwu ż-żewġ kawżi. Minn naħa, fil-kawża eDate Advertising, ir-rikorrent eżerċita azzjoni ta’ inibizzjoni, filwaqt li l-kawża Martinez u Martinez hija bbażata fuq l-eżerċizzju ta’ azzjoni għad-danni. Min-naħa l-oħra, il-kawża eDate Advertising hija bbażata fuq informazzjoni allegatament kalunnjuża filwaqt li l-kawża Martinez u Martinez tirrigwarda informazzjoni li allegatament tippreġudika d-dritt għall-ħajja privata. Fil-kawza eDate Advertising, il-konvenuta hija l-impriża proprjetarja ta’ portal ta’ informazzjoni fuq l-internet, filwaqt li fil-kawża Martinez u Martinez, il-konvenut huwa l-editur ta’ midja fis-sens l-iktar strett tat-terminu, is-Sunday Mirror, disponibbli kemm taħt forma stampata kif ukoll elettronika.

30.      Minkejja dawn id-differenzi, iż-żewġ kawżi huma marbutin bi preokkupazzjoni komuni, kemm jekk espressa jew inkella sottointiża: il-portata tal-ġurisprudenza Shevill. Kif intqal fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll il-ġurisprudenza li tinterpretah huma rilevanti f’każijiet bħal dawk tal-proċeduri tal-lum. U sa fejn ir-regola tas-sentenza Shevill tirrigwarda direttament il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi u Franċiżi, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata b’mod komuni. Għaldaqstant, ser nittratta d-domanda tal-ġurisdizzjoni b’mod konġunt, u biss sussegwentement ser nanalizza t-tielet domanda preliminari, li saret unikament mill-Bundesgerichtshof fil-kawża eDate Advertising u tikkonċerna l-kwistjoni tal-liġi applikabbli.

VI – Fuq l-ewwel u t-tieni domandi preliminari tal-kawża eDate Advertising (C-509/09) u d-domanda preliminari unika fil-kawża Martinez u Martinez (C-161/10)

31.      Id-dehra u l-iżvilupp tal-internet, u b’mod partikolari tal-“World Wide Web” matul l-aħħar għaxar snin tas-seklu l-ieħor wasslu għal trasformazzjoni profonda tal-modi u t-tekniki tat-tixrid u ta’ kif tiġi rċevuta l-informazzjoni. Minħabba dan il-fenomenu, huwa attwalment meħtieġ approċċ ġdid tal-kunċett u tal-portata ta’ diversi kategoriji ġuridiċi meta dawn huma previsti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet soċjali u kummerċjali li jseħħu fuq l-internet. Din il-kawża tqajjem l-istess dubji fir-rigward tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, peress li r-risposti li ngħataw sa issa mill-ġurisprudenza tagħna ma jistgħux jiġu adattati għall-karattru universali u liberu tal-informazzjoni mxandra fuq l-internet mingħajr ma jingħataw ċerti sfumaturi, anki kbar.

32.      Issa ser infakkar fil-qosor il-kontenut tal-ġurisprudenza Shevill, kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha, biex imbagħad nanalizza n-natura partikolari tal-ħsara għad-drittijiet tal-personalità kkawżata fuq l-internet, b’attenzjoni partikolari għad-differenzi bejn il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni mxandra fuq mezzi fiżiċi u dik żvelata permezz ta’ midja bl-internet. Fl-aħħar nett ser nuri kif is-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Shevill tista’ tiġi adattata għaċ-ċirkustanzi preżenti billi nipproponi kriterju ta’ rabta addizzjonali bbażat fuq l-individwazzjoni taċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” bejn il-beni u l-valuri inkwistjoni.

A –    Il-ġurisprudenza Shevill: analiżi u evalwazzjoni

33.      Fis-sentenza Mines de potasse d’Alsace (10), mogħtija fl-1976, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, fil-każ fejn il-post fejn seħħ il-fatt li jista’ jwassal għal responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali u l-post fejn dan il-fatt wassal għal ħsara ma humiex identiċi, l-espressjoni “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li issa jidher fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tinftiehem fis-sens li din tindika kemm il-post fejn ġrat il-ħsara u l-post tal-fatt kawżali.

34.      L-importanza tas-sentenza Mines de potasse d’Alsace ma tistax tiġi injorata. Biex jiġi evitat li f’każijiet bħal dawn il-forum speċjali fil-qasam tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali ma jispiċċax biex jikkoinċidi mal-forum ġenerali tad-domiċilju tal-konvenut, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 5(3) iċċitat iktar ’il fuq fis-sens li dan jaċċetta żewġ fora possibbli, fuq għażla tar-rikorrent: il-forum tal-post ta’ fejn seħħ il-fatt kawżali, u l-forum tal-post fejn tkun seħħet effettivament il-ħsara.

35.      L-approċċ tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, ibbażata fuq is-seħħ ta’ ħsara materjali, ġie estiż, fis-sentenza Shevill, għall-ipoteżi ta’ ħsara immaterjali. F’din il-kawża, kif inhu magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-applikabbiltà tal-approċċ li għadu kif issemma għall-każijiet ta’ ksur ta’ drittijiet tal-personalità (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’din l-okkażjoni li, fil-każ ta’ “malafama internazzjonali” permezz tal-istampa (kif kien preċiżament il-każ fil-kawża Shevill), “il-ħsara li ssir minn pubblikazzjoni malafamanti kontra l-unur, ir-reputazzjoni u l-fama ta’ persuna fiżika jew morali toħroġ fil-postijiet fejn tiġi mxandra l-pubblikazzjoni, meta l-vittma tkun magħrufa hemmhekk” (12). Madankollu, f’dan il-każ, id-detentur tad-dritt tal-personalità li ssirlu l-ħsara jista’, f’dan il-forum, jitlob biss kumpens għall-ħsara li jkun sofra f’dan l-Istat.

36.      Meta aċċettat bħala post ta’ rabta l-post fejn il-vittma hija magħrufa, il-Qorti tal-Ġustizzja, li segwiet is-suġġeriment tal-avukati ġenerali Darmon u Léger (13), ikkunsidrat li l-qrati tal-Istati fejn il-pubblikazzjoni malafamanti xxandret u fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità jafferma li kien sofra preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-ħsara kkawżata għar-reputazzjoni tal-vittma fl-Istat ikkonċernat (14). Biex jiġu evitati l-inkonvenjenti li din il-ġurisdizzjoni tista’ toħloq, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li r-rikorrent dejjem għandu, madankollu, l-possibbiltà li jressaq it-talba tiegħu jew quddiem il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, jew inkella quddiem dik tal-post ta’ fejn huwa stabbilit l-editur tal-pubblikazzjoni malafamanti (15).

37.      Għalhekk, is-sentenza Shevill aċċettat, abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament 44/2001 u għal każijiet ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità permezz tal-midja, li r-rikorrent jista’ jagħżel bejn żewġ fora: wieħed fl-Istat tad-domiċilju tal-konvenut jew ta’ fejn huwa stabbilit l-editur, fejn id-detentur tad-dritt jista’ jitlob kumpens għall-ħsara kollha li jkun sofra; u l-ieħor fl-Istat fejn l-individwu kkonċernat huwa magħruf, fejn ikun possibbli li jintalab kumpens biss għal ħsara kkawżata f’dan l-Istat, limitazzjoni li ġiet ikkwalifikata minn ċerta dottrina bħala l-“prinċipju Mosajk” (16).

38.      Is-sentenza Shevill toħloq bilanċ raġonevoli li ġeneralment intlaqa’ tajjeb mid-duttrina (17). Minn naħa, is-soluzzjoni taħseb għan-neċessità li l-azzjonijiet li jirrigwardaw it-totalità tal-ħsara allegata jiġu ċċentralizzati fi Stat wieħed, dak tal-editur jew tal-konvenut, u, min-naħa l-oħra, tippermetti lid-detentur tad-dritt tal-personalità li jiftaħ kawża, anki limitata, fil-post fejn tkun seħħet il-ħsara lil beni immaterjali, bħall-immaġni tiegħu. Ittrattata b’dan il-mod, is-soluzzjoni tas-sentenza Shevill tevita li tittrasforma l-forum speċjali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’ekwivalent tal-forum ġenerali li jieħu l-preċedenza fuq il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, u tippermetti wkoll li jiġi evitat il-forum actoris, kriterju li r-regolament warrab b’mod ċar peress li bbaża ruħu, l-istess bħat-test li ppreċedieh, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell, fuq ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali actor sequitur forum rei (18).

39.      Kif jista’ jiġi kkonstatat, il-ġurisprudenza Shevill tkopri l-preġudizzji għad-drittijiet tal-personalità fejn teżisti tensjoni bejn il-libertà ta’ informazzjoni u d-dritt għall-ħajja privata jew għall-immaġni. Il-portata tagħha hija wiesgħa u ma hijiex limitata biss għall-gazzetti stampati, għaliex il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jista’ jinkludi wkoll mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni bħall-informazzjoni mxandra bit-televiżjoni u bir-radju. Hija tkopri wkoll medda wiesgħa ta’ ksur ta’ drittijiet tal-personalità, kemm jekk huma kalunnji jew inġurji fis-sens li jiġi ġeneralment attribwit lil dawn il-preġudizzji fis-sistemi ġuridiċi kontinentali, jew tal-“malafama”, karatterisitika tas-sistemi ta’ common law (19).

40.      L-element li jindividwa l-preżenti żewġ kawżi magħquda meta mqabbla ma dak li ġie deċiż fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq huwa biss il-mezz tal-informazzjoni. Il-ħsara kkawżata mill-preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità mill-pubblikazzjonijiet stampati, mit-televiżjoni jew mir-radju tradizzjonalment iseħħu f’kuntest purament nazzjonali. Ir-riperkussjonijiet internazzjonali ta’ dawn il-kawżi fuq l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali kienu iżolati, fil-biċċa l-kbira minħabba l-limiti territorjali li jikkaratterizzaw il-midja. Meta l-attività tagħha tkun limitata f’territorju wieħed, it-tendenza naturali tal-midja tkun li tipproponi informazzjoni li tinteressa d-destinatarji potenzjali ta’ dan l-ispazju ġeografiku. Għaldaqstant, il-preġudizzji għad-drittijiet tal-personalità jseħħu permezz ta’ midja u kontra persuna li, fil-maġġoranza tal-każijiet, ikunu jinsabu fl-istess territorju.

41.      Għaldaqstant, u sabiex inkun nista’ nagħti l-opinjoni tiegħi fuq il-possibbiltà li s-sentenza Shevill tiġi adattata, ser nieqaf ftit, għalkemm fil-qosor, biex nara x’tibdil introduċa l-internet fit-tekniki u l-mezzi ta’ komunikazzjoni.

B –    L-internet, l-istampa u x-xandir tal-informazzjoni

42.      Mingħajr ma wieħed joqgħod imur lura għal żminijiet fejn il-kelma, u sa ċertu punt, il-kitba, kienu jikkostitwixxu l-mezz par excellence tal-komunikazzjoni soċjali, il-libertajiet ta’ opinjoni u ta’ komunikazzjoni, kif nafuhom aħna, oriġinaw b’mod partikolari fil-mument meta x-xandir tagħhom sar possibbli grazzi għall-istampa. Fl-istess ħin, il-komunikazzjoni bil-miktub u, b’mod ġenerali, grafika (20) minn dak iż-żmien bdew isiru fuq il-karta. Huma dawn l-innovazzjonijet tekniċi li ppermettew li jiġu invokati u wara pproklamati l-imsemmija libertajiet, liema mudell japplika mingħajr diffikultà għall-mezzi ta’ xandir tal-ħoss u tax-xbihat permezz tal-frekwenzi radjuteleviżivi.

43.      L-invenzjoni u t-twaqqif tal-internet, kif ukoll tal-World Wide Web (21), qatgħu ħesrem din it-tendenza għall-frammentazzjoni territorjali tal-mezzi ta’ informazzjoni. Jew aħjar, dawn qalbuha sakemm ittrasformaw ix-xandir tal-informazzjoni f’fenomenu dinji u mhux iktar nazzjonali (22). Bl-użu ta’ mezzi tekniċi immaterjali li jippermettu l-ħażna massiva ta’ informazzjoni u x-xandir immedjat tagħha fi kwalunkwe parti tad-dinja, l-internet jikkostitwixxi pjattaforma mingħajr preċedent fit-teknika tal-komunikazzjoni soċjali. Għalhekk l-internet iġib miegħu, minn naħa, trasformazzjoni tal-kunċett spażjali/territorjali li aħna għandna tal-komunikazzjoni, bil-globalizzazzjoni tar-relazzjonijiet soċjali u t-tnaqqis fl-importanza tad-dimensjoni reġjunali jew nazzjonali, sal-punt li jinħoloq spażju immaterjali u elużiv, is-“cyberspace”, mingħajr fruntieri u lanqas limiti. Min-naħa l-oħra, l-internet ittrasforma l-kunċett temporali ta’ dawn ir-relazzjonijiet, kemm bin-natura immedjata tal-aċċess għall-kontenuti tiegħu kif ukoll bil-kapaċità tagħhom li jibqgħu fuq l-internet. Ladarba kontenut jiċċirkula fuq l-internet, il-preżenza tiegħu tkun, bħala prinċipju, indefinita.

44.      Għaldaqstant, minn dak li ngħad iktar ’il fuq, midja ta’ informazzjoni li tiddeċiedi li xxandar il-kontenuti tagħha fuq l-internet tadotta metodu ta’ “xandir” radikalment differenti minn dak meħtieġ minn mezzi tradizzjonali. B’differenza mill-istampa, paġna tal-internet ma għandhiex bżonn deċiżjoni minn qabel tal-impriża fuq in-numru ta’ kopji li jridu jitqassmu, u wisq inqas li jridu jiġu stampati, għaliex ix-xandir huwa dinji u istantanju: kif inhu magħruf, huwa possibbli li wieħed jikkonsultaha minn kwalunkwe post fid-dinja li jkollu aċċess għall-internet. Anki l-aċċess għall-midja huwa differenti, kif ukoll it-teknika ta’ reklamar għall-prodott. Kif intqal, l-internet jippermetti aċċess permanenti u universali u xandir immedjat għand l-individwi. Anki l-midja bi ħlas eżistenti fuq l-internet tiddistingwi ruħha minn mezzi oħrajn minħabba l-fatt li x-xiri ġeneralment ikopri territorju dinji.

45.      L-internet huwa kkaratterizzat ukoll, b’differenza mill-midja tradizzjonali, minn nuqqas sinjifikattiv ta’ poter politiku. In-natura dinjija tiegħu tagħmilha diffiċli li jkun hemm intervent mill-poteri pubbliċi fl-attivitajiet li jiżvolġu fuq l-internet li jwassal għal deregolamentazzjoni kkritikata minn bosta nies (23). Mad-deregolamentazzjoni materjali tiżdied il-frammentazzjoni tal-kunflitti, viżibilju ta’ ordinamenti ġuridiċi nazzjonali mxerrdin, bir-regoli ta’ dritt internazzjonali privat rispettivi tagħhom, li jistgħu jidħlu f’xulxin u jagħmluha diffiċli li ssir approssimazzjoni tar-regoli applikabbli f’kawża partikolari.

46.      Il-karatteristiċi li għadhom kif ġew imsemmijin għandhom mingħajr dubju impatt fil-kuntest tad-dritt. Ix-xandir dinji u immedjat ta’ kontenuti informattivi fuq l-internet, kif ingħad, jesponi lil editur għal moltipliċità ta’ sistemi ġuridiċi lokali, reġjunali, nazzjonali u internazzjonali. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ qafas ta’ regolamentazzjoni dinjija tal-attivitajiet ta’ informazzjoni fuq l-internet kif ukoll id-diversità tar-regoli ta’ dritt internazzjonali privat stabbiliti mill-Istati jesponu l-midja għal qafas ġuridiku frammentat, li jista’ wkoll ikun kontradittorju, għaliex dak li jista’ jkun ipprojbit fi Stat jista’ jkun saħansitra awtorizzat f’ieħor (24). Għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żgurata ċertezza legali lill-midja, u jiġu pprevenuti sitwazzjonijiet li jiskoraġġixxu l-eżerċizzju leġittimu tal-libertà ta’ informazzjoni (iċ-“chilling effect” jew l-effett disważiv), issir għan li għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (25).

47.      Bl-istess mod, il-kontroll eżerċitat mill-midja fuq ix-xandir u l-aċċess tagħha għall-mezz stess, isir dgħajjef u kultant ma jkunx jista’ jsir. Meta informazzjoni tinfirex fuq l-internet, l-individwi jittrasformaw ruħhom minnufih, volontarjament jew le, f’xandara ta’ informazzjoni, kemm jekk dan jiġri permezz tan-netwerks soċjali, tal-emejl, ta’ links, ta’ blogs jew kull mezz ieħor ipprovdut mill-internet (26). Anki r-restrizzjoni ta’ aċċess għal kontenuti permezz ta’ aċċess bil-ħlas, kultant limitat territorjalment, tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji biex jiġi pprojbit ix-xandir massiv tal-informazzjoni. Għaldaqstant, il-kontroll u d-daqs tal-impatt tal-informazzjoni, jew l-evalwazzjoni kwantitattiva tiegħu, li għall-midja tradizzjonali jistrieħ fuq teknika affidabbli ħafna, isir kompitu impossibbli biex jitwettaq meta l-informazzjoni tiċċirkula fuq l-internet (27).

48.      Min-naħa l-oħra, il-vittmi eventwali ta’ pubblikazzjonijiet li jippreġudikaw id-drittijiet tal-personalità qegħdin f’pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari meta l-mezz jiġi pprovdut mill-internet. Il-portata universali tal-informazzjoni tikkontribwixxi biex il-preġudizzju jkun potenzjalment iktar qawwi minn dak imġarrab, pereżempju, permezz ta’ midja tradizzjonali (28). Il-gravità tal-ksur tikkuntrasta mal-moltipliċità ta’ sistemi applikabbli, peress li t-tixrid territorjali jiġġustifika l-koeżistenza ta’ diversi sistemi nazzjonali, u għalhekk daqstant ieħor sistemi ġudizzjarji nazzjonali kompetenti biex jieħdu konjizzjoni tal-kawża. Id-detentur tad-dritt tal-personalità kkonċernat għalhekk jista’ jkun vittma ta’ preġudizzju potenzjalment iktar gravi, filwaqt li fl-istess ħin jara t-tnaqqis tal-protezzjoni ġuridika tiegħu, minħabba l-frammentazzjoni u l-inċertezza legali li jbati.

C –    Fuq l-opportunità li l-ġurisprudenza Shevill tiġi adattata jew ikkonfermata

49.      Ippermettuli nfakkar li, fis-sentenza Shevill, il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta li rrikonċiljat l-interess tal-midja mas-salvagwardja tas-sitwazzjoni ġuridika tad-detentur ta’ dritt tal-personalità. L-argument sostnut f’din is-sentenza jippermetti li jiġi individwat b’mod ċar u preċiż il-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ qorti kompetenti waħda jew iżjed. Din il-ġurisprudenza hija ta’ interess evidenti fil-każ ta’ ħsara kkawżata għad-drittijiet tal-personalità fejn il-midja konvenuta għandha sistema ta’ xandir bejn wieħed u ieħor skont it-territorju. Sa fejn il-metodu ta’ xandir tal-informazzjoni jirrifletti strateġija tal-impriża li tevalwa l-interess li jkun hemm jekk tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru jew ieħor f’termini ekonomiċi u ta’ informazzjoni, soluzzjoni bħal dik prevista mill-ġurisprudenza Shevill, li torbot mat-territorju anki l-firxa tal-ħsara, effettivament tikkostitwixxi risposta raġonevoli.

50.      Madankollu, is-sentenza inkwistjoni tmur lura għas-snin li jiġu immedjatament qabel l-espansjoni tal-internet. Iċ-ċirkustanzi tal-kawżi preżenti huma evidentement differenti minn dak li ġara f’każ bħal dak ta’ Fiona Shevill u dan jagħmel diffiċli l-applikazzjoni prattika tas-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fl-1995. Pereżempju, ir-rabta mal-forum tal-post fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità huwa magħruf tippermetti biss li tingħata deċiżjoni fuq il-ħsara li effettivament saret f’dan l-Istat. L-applikazzjoni prattika ta’ din ir-regola kienet vijabbli fis-snin li matulhom ġiet adottata s-sentenza Shevill, meta wieħed jikkunsidra, pereżempju, in-numru ta’ każijiet imxerrdin f’kull Stat Membru, informazzjoni li setgħet tiġi faċilment ivverifikata peress li kienet tagħmel parti mill-politika kummerċjali tal-midja u suġġetta għal deċiżjonijiet volontarji tal-impriża. Madankollu, hemm nuqqas ta’ parametri affidabbli biex jitkejjel il-livell ta’ xandir ta’ midja bħala tali (jew tal-kontenuti tiegħu) fuq l-internet, kif ġie rikonoxxut mill-parteċipanti għas-seduta fil-kawżi preżenti. Għalkemm huwa ċertament minnu li n-numru u l-oriġini ta’ “żjarat” ta’ paġna tal-internet jistgħu jindikaw li jeżisti impatt fuq territorju speċifiku, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li fi kwalunkwe każ dawn huma sorsi li ma joffrux garanziji biżżejjed biex jiġi ddeterminat b’mod konklużiv u definittiv li kienet ġiet ikkawżata ħsara bi ksur tad-dritt (29).

51.      Bl-istess mod, il-ġurisprudenza Shevill hija bbażata fuq il-garanzija ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li hija għan stabbilit espressament fl-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament Nru 44/2001 (30). Imma l-applikazzjoni ta’ din id-duttrina fil-kuntest tal-midja fuq l-internet tista’, f’ċerti każijiet, tkun inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Pereżempju, biżżejjed wieħed jaħseb fil-każ ta’ persuna bħal Olivier Martinez li jidher li jgawdi popolarità (huwa “magħruf”) f’iżjed minn Stat Membru wieħed. Huwa diffiċli li frammentazzjoni eċċessiva tal-ġurisdizzjoni kif ukoll, eventwalment, tal-liġijiet applikabbli tiġi rrikonċiljata ma’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (31). Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li l-informazzjoni li tikkonċerna dan il-personaġġ pubbliku hija aċċessibbli direttament fl-Istati Membri kollha jesponi lill-editur ta’ midja għal sitwazzjoni diffiċli li tiġi ġestita, peress li kull Stat Membru jista’ jikkostitwixxi forum kompetenti fil-każ ta’ eventwali kawża. Lanqas ma jista’ jingħad li riżultat bħal dak ikabbar il-prevedibbiltà tad-determinazzjoni tar-regoli, kemm fil-konfront tal-attur kif ukoll tal-konvenut (32).

52.      Fuq livell iktar ġenerali, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, mill-1995, sena meta ġiet adottata s-sentenza inkwistjoni, kien hemm tibdil importanti fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni. Id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kkonferma l-importanza kemm tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata kif ukoll għal-libertà tal-informazzjoni. L-Artikoli 7 u 11 tal-Karta jaffermaw il-protezzjoni speċjali li l-informazzjoni jistħoqqilha f’soċjetà demokratika, filwaqt li jenfasizzaw ukoll l-importanza tal-isfera privata, li tinkludi wkoll l-immaġni ta’ persuna. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi fuq dawn iż-żewġ drittijiet qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta (33), l-istess bħalma l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet, min-naħa tagħha, ippreċiżat il-kontenut tagħhom (34). Madankollu, id-dħul fis-seħħ tal-Karta għandu valur partikolari, għal dak li jinteressa lilna, għaliex jirrifletti b’mod ċar il-ħtieġa li l-oqsma ta’ intervent kollha tal-Unjoni, inklużi dawk dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili, ikunu marbutin mad-definizzjoni tad-drittijiet li tistabbilixxi (35). Dan huwa għaliex l-espożizzjoni żejda li huma suġġetti għaliha l-midja fil-konfront ta’ qafas proċedurali sproporzjonat, kif ukoll il-gravità tal-ksur eventwali tad-drittijiet tal-personalità u l-inċertezza legali marbuta mal-protezzjoni tagħhom, jeżiġu li tiġi kkunsidrata t-tensjoni inerenti fil-ġurisprudenza Shevill f’termini li jippermettu li jiġi evitat dan ir-riżultat.

53.      Barra minn hekk, kull approċċ li jippresupponi modifika tad-duttrina Shevill għandu neċessarjament iqis l-imperattiv ta’ newtralità teknoloġika. Fi kliem ieħor, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-problemi ta’ interpretazzjoni kkawżati bid-dehra tal-internet lanqas ma għandhom jiffokaw iżżejjed fuq dan il-mezz, bir-riskju li jiġu sorpassati bl-iżviluppi teknoloġiċi, jew inkella li jkun hemm differenzi fit-trattament skont kriterju li jista’ jirriżulta arbitrarju, bħall-użu ta’ teknoloġija partikolari (36). Għalkemm l-internet ċertament iqiegħed il-kunflitt bejn il-libertà tal-informazzjoni u d-dritt għall-immaġni f’termini partikolari ħafna, is-soluzzjoni li tipproponi l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, sa fejn ikun possibbli, tapplika għall-midja kollha, ikun xi jkun il-mezz li fuqha din tiġi espressa (37). Din il-konklużjoni hija msaħħa iżjed jekk wieħed josserva li attwalment ma hemmx midja li ma għandhomx edizzjoni elettronika mxandra fuq l-internet, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-istampa ta’ kuljum ta’ ċerta importanza. Il-kontenuti ta’ informazzjoni huma funġibbli u jgħaddu minn mezz għal ieħor. Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-forum kompetenti għandha ssir permezz ta’ kriterji li jieħdu inkunsiderazzjoni preġudizzji mwettqa simultanjament, pereżempju, b’midja stampata u b’paġna fuq l-internet (38).

54.      Nikkunsidra li f’dan l-istadju huwa possibbli li tingħata risposta li tadatta s-sentenza Shevill u fl-istess ħin tkun teknoloġikament newtrali. Naħseb li r-risposta ma tinsabx f’approċċ radikalment ġdid tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Għall-kuntrarju, nikkunsidra li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-1995 tibqa’ valida llum fil-każijiet ta’ “malafama internazzjonali” fejn il-mezz ta’ informazzjoni huwa wieħed stampat. Biżżejjed jiżdied kriterju ta’ rabta supplimentari ma’ dawk diġà stabbiliti, mingħajr il-bżonn, fuq kollox, li wieħed jillimita speċifikament il-każ partikolari għall-ħsara kkawżata permezz tal-internet.

D –    Iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” bħala kriterju supplimentari ta’ rabta mal-forum

55.      Is-sentenza Shevill, nerġa’ ngħid, tistabbilixxi żewġ fora possibbli, bl-għażla tkun tad-detentur tad-dritt tal-personalità, billi tippermettilu jagħżel bejn il-forum tal-editur jew tal-konvenut u dak tal-post jew postijiet fejn huwa stess huwa magħruf. Kif indikajt diġà, dan l-approċċ huwa xieraq f’numru konsiderevoli ta’ każijiet, li diġà ġew esposti. Isegwi li l-kriterji ta’ rabta stabbiliti minn din id-duttrina ma humiex żbaljati fihom innifishom, imma huwa effettivament possibbli, u anki meħtieġ, li jiġu kkompletati bi kriterju supplimentari. B’mod konkret, nikkunsidra li għandu jiġi fformalizzat u miżjud kriterju supplimentari ta’ rabta, li jgħid li l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, huwa wkoll dak ta’ fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” bejn il-beni u l-interessi inkwistjoni.

56.      Il-preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità pemezz tal-midja fuq l-internet jipprovoka tensjoni li diġà ġiet spjegata fil-punti 42 sa 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Id-diffikultà addizzjonali qiegħda fin-natura transnazzjonali, saħansitra dinjija, ta’ din it-tensjoni, li ġġiegħel lil wieħed jipprova jiddetermina l-qrati kompetenti li jippermettu l-ibbilanċjar tad-drittijiet u l-interessi inkwistjoni, kemm dawk tal-midja kif ukoll dawk tal-individwi kkonċernati. Huwa għalhekk li, bħala prinċipju, kriterju ta’ rabta possibbli jista’ jkun ibbażat fuq l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni, u dan jippermetti rabta awtomatika mal-Istati Membri kollha peress li, fil-prattika, l-informazzjoni allegatament ta’ ħsara hija aċċessibbli fihom kollha. Madankollu, u kif enfasizzaw il-parteċipanti kollha f’din il-proċedura, din l-għażla, mill-ewwel tagħti lok għall-fenomenu tal-forum shopping li huwa insostenibbli għal kwalunkwe midja preżenti fuq l-internet (39). Bl-istess mod, il-gravità tal-ksur li jista’ jsofri d-detentur tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, li jsib li l-informazzjoni li tippreġudika r-reputazzjoni tiegħu hija disponibbli f’kull parti tad-dinja, tikkuntrasta ma’ soluzzjoni li toħloq frammentazzjoni tad-dritt tiegħu fl-Istati Membri kollha fejn huwa magħruf (40).

57.      Fil-fehma tiegħi, soluzzjoni li tikkompleta b’mod adegwat il-kriterji ta’ rabta tas-sentenza Shevill hija dik li, minbarra l-ipoteżijiet stabbiliti inizjalment, tippermetti li l-forum kompetenti jiġi llokalizzat fil-post fejn qorti tkun tinsab fl-aħjar sitwazzjoni biex tanalizza l-kunflitt bejn l-interessi inkwistjoni u għalhekk tkun taf bit-totalità tal-ħsara mġarrba. Għalhekk, din hija sitwazzjoni intermedja bejn it-tnejn li jeżistu diġà, għaliex tippermetti lid-detentur tad-dritt tal-personalità li jressaq azzjoni fil-forum fejn ikun jinsab iċ-ċentru tal-interessi tiegħu, hija prevedibbli għall-midja u tippermetti li tingħata deċiżjoni globali fuq il-ħsara mġarrba (41). Nikkunsidra li l-kriterju tal-post fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” jikkunsidra b’mod korrett dawn l-għanijiet differenti.

58.      Biex issir formulazzjoni bl-iktar mod konċiż possibbli, il-post taċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” huwa dak fejn qorti tista’ tiddeċiedi fl-iktar kundizzjonijiet favorevoli fuq kunflitt bejn il-libertà ta’ informazzjoni u d-dritt għall-immaġni. Dan huwa l-każ fl-Istat Membru li fih jiġu “osservati” jew jidhru b’qawwa ikbar il-potenzjal ta’ preġudizzju għad-dritt tar-reputazzjoni jew tal-ħajja privata kif ukoll il-valur tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ opinjoni mogħtija, skont il-każ. Huwa f’dan l-Istat li d-detentur tad-dritt tal-personalità għandu jsofri, jekk ikun il-każ, l-ikbar preġudizzju jew l-iktar preġudizzju intens. Bl-istess mod, u dan huwa mingħajr dubju importanti mil-lat taċ-ċertezza legali, huwa fit-territorju fejn il-midja setgħet tipprevedi li dan il-ksur jista’ eventwalment jiġi prodott u, konsegwentement, li jeżisti r-riskju li hija tkun persegwita quddiem il-ġustizzja. Għalhekk, iċ-ċentru ta’ gravità huwa l-post fejn il-qorti tkun f’pożizzjoni l-iktar favorevoli biex tifhem l-aspetti kollha tal-kunflitt bejn l-interessi involuti.

59.      Biex jiġi ddeterminat il-post fejn jidher iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” hemm bżonn, għalhekk, li jiġu identifikati żewġ elementi. L-ewwel wieħed jikkonċerna d-detentur tad-dritt tal-personalità allegatament miksur u jeħtieġ li l-post taċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” ikun jinsab fejn dan għandu ċ-“ċentru tal-interessi tiegħu”. Dan il-kriterju huwa, sa ċertu punt, simili għal dak li tistabbilixxi s-sentenza Shevill meta teħtieġ li l-“vittma tkun magħrufa”. Madankollu, biex jiġi ddeterminat il-post fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt”, mhux biżżejjed li l-vittma tkun sempliċiment magħrufa. Għall-kuntrarju, għandu jiġi identifikat il-post (u għaldaqstant l-Istat Membru) fejn l-individwu affettwat fit-tgawdija tad-drittijiet tal-personalità tiegħu essenzjalment iqatta’ ħajtu, dejjem jekk dan jeżisti.

60.      It-tieni element jikkonċerna n-natura tal-informazzjoni. Sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt”, l-informazzjoni kkontestata għandha tkun espressa b’mod tali li tippermetti li jiġi previst raġonevolment li dik l-informazzjoni hija oġġettivament rilevanti f’ċertu territorju. Dan ifisser li l-informazzjoni li tat lok għall-kawża għandha tkun espressa fi kliem li, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi relatati magħha, iqajjem l-interess f’ċertu territorju u, għaldaqstant, iħajjar ħafna lill-qarrejja ta’ dak it-territorju li jikkonsultawha (42).

61.      Il-partikolarità tat-tensjoni karatteristika li tista’ teżisti bejn iż-żewġ drittijiet – u dan jista’ jingħad, fil-fehma tiegħi, mingħajr riskju eċċessiv – hija li ċ-ċentru ta’ gravità tal-preġudizzju potenzjali għad-drittijiet tal-personalità għandu tendenza li jikkoinċidi maċ-ċentru tal-gravità jew ta’ interess tal-informazzjoni jew tal-opinjoni inkwistjoni. Jiġifieri, peress li l-informazzjoni jew l-opinjoni tista’ tqajjem interess partikolari f’ċertu post, huwa wkoll f’dan l-istess post li l-preġudizzju eventwali tad-drittijiet tal-personalità jista’ jipproduċi l-iktar livell għoli ta’ ħsara.

62.      Wara li ntqal dan, huwa importanti li t-tieni wieħed miż-żewġ elementi ma jiġix konfuż ma’ kriterju ta’ intenzjonalità min-naħa tal-midja. L-informazzjoni ma hijiex oġġettivament rilevanti minħabba l-fatt li hija volontarjament immirata mill-editur lejn Stat Membru. Kriterju li jkun bbażat fuq l-intenzjonalità jkun imur kontra l-kliem tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, kif jista’ jiġi kkonfermat meta dan jitqabbel mal-Artikolu 15(1)(c) ta’ dan ir-regolament, li jistabbilixxi forum speċjali għall-kuntratti konklużi minn konsumaturi fil-każ fejn dak li jagħti s-servizz “jindirizza tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati” (43). Ma hemm xejn minn dan fl-imsemmi Artikolu 5(3) u, għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali abbażi ta’ kriterji ta’ intenzjonalità (44). Barra minn hekk, kriterju bbażat fuq ir-rieda suġġettiva tal-fornitur ta’ informazzjoni jġib miegħu problemi serji ta’ prova, kif jirriżulta fil-prattika meta jiġi applikat (45).

63.      Meta nipproponi li l-informazzjoni għandha tkun oġġettivament rilevanti, qed nirriferi għall-każ fejn midja tista’ tipprevedi raġonevolment li l-informazzjoni li xxandar fl-edizzjoni elettronika tagħha turi “interess li jimmerita pubblikazzjoni” f’territorju preċiż, li tħajjar lill-qarrejja ta’ dak it-territorju jikkonsultawha. Dan il-kriterju ta’ rilevanza oġġettiva jista’ jiġi applikat bl-użu ta’ diversi indizji, fejn nista’ nantiċipa diġà li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwawhom.

64.      Qabelxejn, u kif jirriżulta minn dak li għadni kif għedt, l-ewwel element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-kontenut tal-informazzjoni kkontestata. Informazzjoni partikolari jista’ jkollha ċertu interess f’territorju u tkun mingħajr interess f’ieħor. Informazzjoni fuq ċittadin Awstrijak li joqgħod l-Awstrija, fir-rigward ta’ atti allegatament delittwali mwettqin fl-Awstrija juru evidentement “interess li jimmerita pubblikazzjoni” f’dan il-pajjiż, anki jekk l-informazzjoni tixxandar permezz ta’ ġurnal elettroniku li l-editur tiegħu joqgħod fir-Renju Unit. Meta midja tpoġġi fuq l-internet kontenuti li, min-natura tagħhom, ikollhom impatt indiskutibbli f’termini ta’ informazzjoni fi Stat ieħor, l-editur jista’ raġonevolment jipprevedi li jekk ikun xandar informazzjoni li tippreġudika dritt tal-personalità, huwa ser jiġi eventwalment persegwit f’dan il-pajjiż. Għalhekk, iktar ma l-interess ta’ aħbar partikolari ma jkun importanti f’termini ta’ informazzjoni f’pajjiż, iktar il-preġudizzju tad-drittijiet li jitwettaq hemmhekk ikollu, bħala prinċipju, tendenza li jaqa’ taħt il-qrati ta’ dan il-pajjiż.

65.      Barra minn hekk, il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni indizji oħrajn li jikkontribwixxu biex jistabbilixxu t-territorju fejn l-informazzjoni hija oġġettivament rilevanti. Għandu jiġi nnotat li jistgħu jkunu indizji li juru volontà soġġettiva min-naħa tal-editur li jindirizza l-informazzjoni lejn Stat determinat. Madankollu, għal dak li jinteressana, dawn jikkostitwixxu biss indizji li jidderieġu r-riċerka ta’ rabta ma’ territorju, u mhux intenzjoni fi ħdan min ħareġ l-informazzjoni. Għalhekk, f’din il-lista ta’ elementi li għandhom eventwalment jiġu evalwati, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-informazzjoni tista’ tixxandar fuq paġna tal-internet li jkollha isem ta’ dominju tal-ewwel livell differenti minn dak tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-editur, u dan jindika l-eżistenza ta’ territorju determinat fejn l-informazzjoni x’aktarx tiġi segwita b’mod partikolari (46). Bl-istess mod, il-lingwa tal-paġna tal-internet tikkontribwixxi biex tiġi delimitata l-medda ta’ influwenza tal-informazzjoni ppubblikata. Ir-reklamar kontenut fil-paġna, jekk ikun il-każ, jista’ jindika wkoll il-qafas territorjali fejn l-informazzjoni x’aktarx tiġi kkonsultata (47). It-taqsima tal-paġna fejn tixxandar l-informazzjoni hija rilevanti wkoll biex ikollha impatt f’territorju determinat. Nieħdu bħala eżempju gazzetta online li jkollha taqsimiet ta’ informazzjoni skont l-Istat. Il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni taħt it-titolu “Ġermanja” tikkostitwixxi indikazzjoni biex jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li tidher hemmhekk għandha sinjifikat partikolari f’dan il-pajjiż. Il-kliem prinċipali pprovdut lill-magni ta’ riċerka biex tiġi identifikata l-paġna tal-midja jista’ wkoll jagħti indikazzjonijiet tal-post fejn l-informazzjoni hija oġġettivament rilevanti. Fl-aħħar nett, u mingħajr ma l-lista tkun eżawrjenti, ir-reġistri ta’ aċċess ta’ paġna, minkejja l-affidabbiltà dgħajfa tagħhom, jistgħu jikkostitwixxu sors purament indikattiv biex jiġi kkonfermat jekk informazzjoni partikolari kellhiex jew le impatt fuq territorju partikolari (48).

66.      Il-kriterji li għadhom kif ġew esposti jippermettu li qorti tiddetermina jekk l-informazzjoni kkontestata hijiex oġġettivament rilevanti fi spazju territorjali determinat. Jekk fil-fatt l-informazzjoni għandha dimensjoni oġġettivament rilevanti fi Stat Membru u jekk dan l-Istat huwa preċiżament dak fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ interessi” tad-detentur tad-dritt tal-personalità, nikkunsidra li l-qrati tal-imsemmi Stat għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni kollha kkawżati bl-att illegali. L-Istat Membru fejn jikkonverġu dawn iż-żewġ elementi huwa evidentement il-post fejn qorti tkun fl-aħjar pożizzjoni li tiġġudika l-fatti u tieħu konjizzjoni tal-każ kollu. L-imsemmija qorti tkun fil-fatt il-forum tal-post fejn ikun jinsab iċ-“ċentru tal-gravità tal-kunflitt”.

67.      Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għandha tiġi interpretata, fil-każ ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ informazzjoni mxandra f’diversi Stati Membri permezz tal-internet, fis-sens li d-detentur tad-dritt tal-personalità jista’ jagħmel azzjoni għad-danni:

–      quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn huwa stabbilit l-editur tal-pubblikazzjoni li tkun ippreġudikat id-drittijiet tal-personalità, li għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu kumpens għad-danni kollha li jirriżultaw mill-preġudizzju kkawżat lil dawn id-drittijiet, jew

–      quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru fejn il-pubblikazzjoni xxandret u fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità jsostni li sofra preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, li għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni biss tad-danni kkawżati fl-Istat tal-qorti adita, jew inkella

–      quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt” bejn il-beni u l-interessi inkwistjoni, li għandhom ġurisdizzjoni li jagħtu kumpens għad-danni kollha li jirriżultaw mill-preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità. Il-frażi “Stat Membru fejn jinsab iċ-‘ċentru ta’ gravità tal-kunflitt’” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-informazzjoni kkontestata hija oġġettivament u partikolarment rilevanti u fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità għandu wkoll iċ-“ċentru tal-interessi tiegħu”.

VII – Fuq it-tielet domanda preliminari tal-kawża eDate Advertising (C‑509/09)

68.      Bit-tielet domanda tagħha l-Bundesgerichtshof tistaqsi dwar il-portata tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 dwar il-kummerċ elettroniku fuq l-internet, meta jiġi applikat għal każ bħal dan preżenti. Fil-qosor, hija tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi li l-Istati Membri “ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil-qasam ikkordinat, jillimitaw il-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni minn Stat Membru ieħor”, tinkludix fiha nnifisha regola li tiddetermina l-liġi applikabbli jew, f’każ kuntrarju, jekk sempliċiment tikkoreġix il-kontenut tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża.

69.      Ir-risposta għal din l-aħħar domanda teħtieġ ċerti osservazzjonijiet preliminari ta’ natura ġenerali.

70.      Il-Bundesgerichtshof tagħmel din it-tielet domanda u tifformulaha f’dawn it-termini għaliex għandha dubji fuq x’liġi tapplika f’kawża bħal din inkwistjoni. Essenzjalment, id-domanda tista’ tinftiehem hekk: id-Direttiva 2000/31 armonizzat id-dritt internazzjonali privat nazzjonali, billi imponiet regola ta’ kunflitt li tirriferi lill-qorti kompetenti lejn id-dritt sostantiv tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-editur? Fil-każ li r-risposta tkun negattiva u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tali armonizzazzjoni ma teżistix, il-Bundesgerichtshof tiddirieġi d-domanda tagħha lejn il-portata u l-effett (il-“korrettiv fuq livell sostantiv”) li għandha d-Direttiva 2000/31 fuq id-dritt internazzjonali privat Ġermaniż, li għalhekk ikun id-dritt li japplika f’każ bħal dak tal-kawża eDate Advertising.

71.      Jekk din l-evalwazzjoni tiegħi hija korretta, inqis li qabel kollox għandi nfakkar liema hija l-funzjoni u l-istruttura tad-dispożizzjoni tad-Direttiva 2000/31 li hija s-suġġett speċifiku tad-domanda. Taħt it-titolu “suq intern”, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi obbligu li jirrifletti l-kontenut konvenzjonali tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Id-dispożizzjoni tesprimi fi strument ta’ dritt sekondarju garanzija diġà prevista mid-dritt primarju fl-Artikolu 56 TFUE, filwaqt li tadattaha għall-partikolaritajiet meħtieġa mill-armonizzazzjoni regolamentari tal-kummerċ elettroniku. L-ewwel paragrafu tad-dispożizzjoni jikkonferma l-applikabbiltà tar-regoli tal-Istat Membru fejn jingħata s-servizz, filwaqt li t-tieni paragrafu jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet legali diġà sodisfatti minn min jipprovdi s-servizz fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Dan il-paragrafu jerġa’ jintroduċi b’mod ċar għal kollox obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku li jikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (49). It-twettiq tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa mbagħad ikkompletat bil-paragrafu erbgħa tal-imsemmi artikolu li jippreċiża l-ġustifikazzjonijiet li l-Istati jistgħu jinvokaw biex jidderogaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur inkwistjoni.

72.      Invista ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidher li huwa possibbli li wieħed jara, fil-formulazzjoni tad-domanda li tinteressana, ċertu distanza meta mqabbla ma’ dak li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, jiddisponi jew, tal-inqas, jidher li qed jiddisponi. Fl-aħħar mill-aħħar u kif rajna, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li bihom l-Istati Membri għandhom jirregolaw settur ekonomiku li jagħmel parti mis-suq intern, billi tirrifletti fil-kliem tagħha l-kontenut tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li tinkludi, kif inhu magħruf, obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku. Imma l-imsemmi artikolu ma jintroduċix regola li tiddetermina l-liġi applikabbli u li tordna lill-Istat Membru fejn jingħata s-servizz li japplika d-dritt nazzjonali tal-Istat fejn min jagħti s-servizz huwa ddomiċiljat. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 jippreċiża biss il-kontenut tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll il-kundizzjonijiet li fihom t-teknika tar-rikonoxximent reċiproku għandha tiġi applikata.

73.      Nikkunsidra li l-osservazzjoni preċedenti hija msaħħa iktar bl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/31, fejn l-Artikolu 1(4) jipprovdi li “din id-Direttiva ma tistabbilixxix regoli addizzjonali ta’ liġi privata internazzjonali u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati”. Dan ifisser li t-test ma jipprovdix direttament regoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli jew il-ġurisdizzjoni internazzjonali f’dan il-qasam, u lanqas ma jarmonizza dawn ir-regoli (50). Fil-fatt din hija regolamentazzjoni newtrali fir-rigward tad-dritt internazzjonali privat, li la timmodifika u lanqas ma ġġedded il-kriterji ta’ determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli jew tar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji anterjuri ta’ Stati Membri oħrajn (51).

74.      L-obbligu ta’ newtralità tad-Direttiva 2000/31 fir-rigward ta’ kunflitti għandu jgħodd ukoll għall-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 3, għaliex dan jissemma b’mod sistematiku fl-Artikolu 1 tagħha. Barra minn hekk, xejn ma jindika li l-Artikolu 3 jikkostitwixxi deroga għall-Artikolu 1.

75.      Indizju ieħor konvinċenti fuq il-fatt li d-Direttiva 2000/31 ma tipprovdix risposta ta’ dritt internazzjonali privat jinsab fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, speċifikament fir-regoli interni li jittrasponu dan it-test. Mill-proċess jirriżulta li l-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 b’mod eteroġenju. Filwaqt li wħud minnhom introduċew regoli li jiddeterminaw il-liġi applikabbli (52), Stati Membri oħrajn għażlu traspożizzjoni f’termini espliċiti ta’ rikonoxximent reċiproku (53). F’dan it-tieni każ, wieħed jista’ saħansitra josserva li ċerti ordinamenti ġuridiċi ttrasponew l-Artikolu 3 iċċitat iktar ’il fuq billi rriproduċew litteralment il-kliem tiegħu (54).

76.      Barra minn hekk, interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/31 li minnha toħroġ regola li tiddetermina l-liġi applikabbli ma tkunx konformi mal-istat attwali tad-dritt sekondarju fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materja ċivili. Huwa fatt magħruf li r-Regolament (KE) Nru 864/2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-“obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni” (55). Ix-xogħol preparatorju għar-regolament juri d-differenzi sinjifikattivi li jeżistu bejn l-Istati Membri fuq dan il-punt dwar il-kriterju li għandu jiġi użat, u dan wassal għall-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament u għat-tfixxija attwali ta’ soluzzjoni fi proposta leġiżlattiva ġdida tal-Kummissjoni (56). Fil-fehma tiegħi, ma huwiex probabbli wisq li r-Regolament 864/2007 kellu jagħmel esklużjoni bħal dik li għadni kif semmejt jekk id-Direttiva 2000/31 kienet diġà stabbiliet regola li armonizzat ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli f’dan il-qasam.

77.      Għaldaqstant, u invista tal-argumenti li għadhom kif saru, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi fl-ewwel lok li l-Artikolu 3 ma joħloqx armonizzazzjoni li timponi regola ta’ kunflitt fuq l-Istati Membri.

78.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tispiċċa t-tielet domanda tagħha billi tistaqsi, sussidjarjament, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/31 jikkostitwixxix “korrettiv fuq livell sostantiv li permezz tiegħu r-riżultat dwar il-mertu tal-liġi ddikjarata applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ liġi, jinbidel u jiġi aġġustat skont ir-rekwiżiti tal-pajjiż tal-oriġini”.

79.      Kif diġà ġie enfasizzat preċedentement, din id-domanda taħbi interpretazzjoni li tgħid li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 huwa ekwivalenti għal regola tad-dritt internazzjonali privat. Ladarba jiġi eskluż il-fatt li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq hija regola ta’ kunflitt, huwa ċar li r-regola ma tarmonizzax is-sistema ta’ determinazzjoni tal-liġi applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti. Madankollu, dan lanqas ma jfisser li l-Artikolu 3 fih innifsu jintervjeni bħala regola li tikkoreġi dispożizzjoni nazzjonali dwar il-liġi applikabbli. Kif intqal fil-punti 71 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tillimita ruħha li tipprovdi sistema ta’ armonizzazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest tal-kummerċ elettroniku. Qorti li tapplika t-teknika tar-rikonoxximent reċiproku f’kawża li għandha aspett internazzjonali ma tapplikax il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ oriġini ta’ min jipprovdi s-servizz imma għandha tillimita ruħha li tikkunsidra li l-applikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw is-servizz f’dak l-Istat hija valida, dejjem sakemm ma jeżistux raġunijiet li jiġġustifikaw li dan ma jsirx (57). Dan ma jipprekludix, bħala ġustifikazzjoni, li l-Istat tal-forum ikun ippreveda miżuri addizzjonali għall-protezzjoni ta’ ċerti beni li jimmeritahom ħarsien speċjali (ara l-Artikolu 3(4)). Madankollu, fl-ebda każ ma tiġi applikata l-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini, u lanqas l-Istat tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma jkun obbligat, skont id-direttiva, li jistabbilixxi b’mod partikolari regola korrettiva ta’ dritt internazzjonali privat sabiex jadotta miżuri li joffru protezzjoni ikbar.

80.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, lanqas ma huwa possibbli li jiġi affermat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandu l-għan li jipprovdi korrettiv sostantiv armonizzat mad-dritt sostantiv applikabbli. L-Artikolu 3 ma jipprekludix lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtihom kemm l-imsemmija direttiva, kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE, milli jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni tal-interessi li jimmeritaw garanzija speċjali, bħala eċċezzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Ġermaniż għandu l-poter li jistabbilixxi tali eċċezzjonijiet, permezz ta’ miżuri sostanzjali jew saħansitra, jekk ikun il-każ, b’dispożizzjonijiet li jikkoreġu l-liġi applikabbli. Imma dan ma jfissirx li d-Direttiva 2000/31 tipprovdi bil-quddiem soluzzjoni għall-problema ta’ kunflitt ta’ liġijiet.

81.      Fl-aħħar nett, nikkunsidra li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet u lanqas “korrettiv fuq livell sostantiv”. L-imsemmija dispożizzjoni tikkonkretizza l-armonizzazzjoni leġiżlattiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi applikata għall-kummerċ elettroniku, filwaqt li fl-istess ħin tawtorizza lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtihom din id-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni ta’ interessi denji ta’ garanzija speċjali, bħala eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

VIII – Konklużjoni

82.      Invista tal-argumenti esposti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej id-domandi magħmulin mill-Bundesgerichtshof u mit-Tribunal de grande instance de Paris:

“1)      L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandha tiġi interpretata, fil-każ ta’ preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ informazzjoni mxandra f’diversi Stati Membri permezz tal-internet, fis-sens li d-detentur tad-dritt tal-personalità jista’ jagħmel azzjoni għad-danni:

–        quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn huwa stabbilit l-editur tal-pubblikazzjoni li tkun ippreġudikat id-drittijiet tal-personalità, li għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu kumpens għad-danni kollha li jirriżultaw mill-preġudizzju kkawżat lil dawn id-drittijiet, jew

–        quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru fejn il-pubblikazzjoni xxandret u fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità jsostni li sofra preġudizzju għar-reputazzjoni tiegħu, li għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni biss tad-danni kkawżati fl-Istat tal-qorti adita, jew inkella

–        quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-‘ċentru ta’ gravità tal-kunflitt’ bejn il-beni u l-interessi inkwistjoni, li għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu kumpens għad-danni kollha li jirriżultaw mill-preġudizzju għad-drittijiet tal-personalità. Il-frażi ‛Stat Membru fejn jinsab iċ-“ċentru ta’ gravità tal-kunflitt’” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-informazzjoni kkontestata hija oġġettivament u partikolarment rilevanti u fejn id-detentur tad-dritt tal-personalità għandu wkoll iċ-‘ċentru tal-interessi tiegħu’.

2)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix regola ta’ kunflitt ta’ liġijiet u lanqas ‘korrettiv fuq livell sostantiv’. L-imsemmija dispożizzjoni tikkonkretizza l-armonizzazzjoni leġiżlattiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi applikata għall-kummerċ elettroniku, filwaqt li fl-istess ħin tawtorizza lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tagħtihom din id-direttiva, kif ukoll l-Artikolu 56 TFUE, li jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni ta’ interessi denji ta’ garanzija speċjali, bħala eċċezzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


3 – Ngħid minn issa li t-terminu “malafama”, li l-Qorti tal-Ġustizzja użat fis-sentenza Shevill, jintuża f’din il-proċedura f’sens ġeneriku, bħala sinonimu mal-espressjoni “ksur ta’ drittijiet tal-personalità”. F’dawn il-konklużjonijiet, qed nagħżel l-użu ta’ din l-aħħar espressjoni, ħlief fil-każijiet tal-użu tat-terminu “malafama” b’referenza għas-sentenza Shevill, bħala terminu użat oriġinarjament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza stess.


4 – Sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995 (C-68/93, Ġabra p. I-415).


5 – Artikoli 7 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


6 – Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


7 – Digriet tal-20 ta’ Novembru 2009, Martinez u Martinez (C‑279/09, Ġabra p. I‑11099).


8 – Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045), punt 21; tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099), punt 39, u tat-23 ta’ April 2009, Rüffler (C‑544/07, Ġabra p. I‑3389), punt 37.


9 – Sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, Ġabra p. I‑8111), punti 46 u 48, u tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, Ġabra p. I‑1417), punti 26 u 27.


10 – Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, imsejħa “Mines de potasse d’Alsace” (21/76, Ġabra p. 1735).


11 – Sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23.


12 – Sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; il-korsiv huwa tiegħi.


13 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon, ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 1994, u tal-Avukat Ġenerali Léger, ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 1995. Il-fatt kemxejn eċċezzjonali li kien hemm żewġ avukati ġenerali li għamlu konklużjonijiet fl-istess kawża huwa dovut għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terġa’ tiftaħ il-proċedura orali wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon, li l-kariga tiegħu bħala membru tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet skadiet ftit tal-jiem qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid.


14 – Sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.


15 – Sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.


16 – Ara U. Magnus, u P. Mankowski, Brussels I Regulation, Séller. European Law Publishers, 2007, Munich, p. 192 u 193.


17 – Ara, b’mod partikolari, il-kummentarji ta’ A. Crespo, “Precisión del forum locus delicti commissi en los supuestos de daños contra la persona causados a través de prensa”, La Ley – Comunidades Europeas, 1995, Nru 96, p. 1 et seq; A. Gardella, “Diffamazione a mezzo stampa e Convenzione di Bruxelles del 27 settembre 1968”, Rivista di diritto internazionale privato e processuale, 1997, p. 657 et seq; G. Hogan, “The Brussels Convention, Forum Non Conveniens and the Connecting Factors Problem”, European Law Review, 1995, p. 471 et seq; P. Huber, “Persönlichkeitsschutz gegenüber Massenmedien im Rahmen des Europäischen Zivilprozessrechts”, Zeitschrift für europäisches Recht, 1996, p. 300 et seq; L. Idot, “L’application de la Convention de Bruxelles en matière de diffamation. Des précisions importantes sur l’interprétation de l’article 5.3”, Europe, 1995, Ġunju, p. 1 u 2.


18 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Shevill, iċċitati iktar ’il fuq, punti 39 u 40.


19 – Ara J. Sánchez Santiago u J. J. Izquierdo Peris, “Difamar en Europa: las implicaciones del asunto Shevill”, Revista de Instituciones Europeas, 1996, Nru 1, p. 168.


20 – Ara W. M. Ivins Jr., Prints and Visual Communication, The M.I.T. Press, Cambridge-Londra, 1969.


21 – Fuq il-kunċett u d-definizzjoni ġuridika tal-“internet” u l-“World Wide Web”, ara, b’mod partikolari, I. J. Lloyd, Information Technology Law, ir-Raba’ Edizzjoni, 2004.


22 – Ara, b’mod partikolari, M. Castells, La Era de la Informacion. Economia, Sociedad y Cultura. La Sociedad Red, Siglo XXI, 2002.


23 – Ara, b’mod partikolari, A. Gigante, “Blackhole in Cyberspace: the Legal Void in the Internet”, Journal of Computer & Information Technology, Vol. XV, 1997; M. Gould, “Rules in the Virtual Society”, International Review of Computers & Technology, Vol. 10, 1996; J. R. Reidenberg, “Governing Networks and Rule-Making in Cyberspace”, Emory Law Review, Vol. 45, 1996, u T. H. Strömer, Online-Recht: Juristische Probleme der Internet-Praxis erkennen und vermeiden, ir-Raba’ Edizzjoni, Dpunkt, Heidelberg, 2006.


24 – Ara, b’mod partikolari, T. Hoeren, “Internet und Recht – Neue Paradigmen des Informationsrechts”, Neue Juristische Wochenschrift, Vol. 51, 1998, p. 2852 sa 2854; M. E. Katsch, Law in a Digital World, Oxford University Press, Oxford – New York, 1995, p. 240 et seq; N. Levine, “Establishing Legal Accountability for Anonymous Communications in Cyberspace”, Columbia Law Review, Vol. 96, 1996, p. 1540 sa 1564; R. Susskind, Transforming the Law: Essays on Technology, Justice and the Legal Marketplace, Oxford University Press, Oxford – New York, 2000, p. 143 et seq.


25 – Ara b’mod partikolari L. Determann, Kommunikationsfreiheit im Internet. Freiheitsrechte und gesetzliche Beschränkungen, Nomos, Baden-Baden, 1999, p. 304 et seq.


26 – Kif enfasizzat il-Bundesgerichtshof fid-digriet tar-rinviju tagħha fil-kawża C‑509/09, l-internet ma jxandarx l-informazzjoni, sempliċiment jagħmilha aċċessibbli. Huma l-utenti tal-internet li jittrasformaw ruħhom, volontarjament jew le, f’distributuri.


27 – R. Pichler, f’T. Hoeren, u U. Sieber, (edituri), Handbuch Multimedia-Recht. Rechtsfragen des elektronischen Geschäftsverkehrs, Beck, Munich, 2009, Kapitolu 25, paragrafu 224.


28 – Ara d-diversi varjanti ta’ din it-tensjoni f’M. L. Fernández Esteban, Nuevas tecnologías, Internet y derechos fundamentales, McGraw Hill, Madrid, 1999; D. Banisar, u S. Davies, “Global Trends in Privacy Protection: An International Survey of Privacy, Data Protection, and Surveillance Law and Developments”, Journal of Computer and Information Law, Vol. XVIII, 1999; A. Fleischmann, “Personal Data Security: Divergent Standards in the European Union and the United States”, Fordham International Law Journal, Vol. 19, 1995; I. Geis, “Internet und Datenschutzrecht”, Neue Juristische Wochenschrift, Vol. 50, 1997, u E. Morón Lerma, Internet y Derecho penal: hacking y otras conductas ilícitas en la Red, Aranzadi, Navarra, 1999.


29 –       Ara D. Jerker, u B. Svantesson, Private International Law and the Internet, Kluwer Law International, 2007, p. 324 et seq, u I. Roth, Die internationale Zuständigkeit deutscher Gerichte bei Persönlichkeitsrechtsverletzungen im Internet, Peter Lang, 2006, p. 283.


30 –       Sentenza Shevill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31.


31 – L-Avukat Ġenerali Darmon stess kien indika din l-oġġezzjoni fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Shevill, fil-punt 72.


32 – I. Roth, Die internationale Zuständigkeit…, op. cit., p. 310 et seq.


33 – Fuq l-Artikolu 11 tal-Karta u l-applikazzjoni tad-dritt għal-libertà ta’ informazzjoni ta’ qabel il-Karta, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Sacchi (155/73, Ġabra p. 409); tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. 2925); tat-13 ta’ Diċembru 1989, Oyowe u Traore vs Il-Kummssjoni (C‑100/88, Ġabra p. 4285); tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, Ġabra p. I‑8419); tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda (C‑288/89, Ġabra p. I‑4007); tat-3 ta’ Frar 1993, Veronica Omroep Organisatie (C‑148/91, Ġabra p. I‑487), u tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611). Rigward l-Artikolu 7 tal-Karta u tal-ġurisprudenza ta’ qabilha, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ April 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑62/90, Ġabra p. I‑2575), punt 23, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, X vs Il-Kummissjoni (C‑404/92 P, Ġabra p. I‑4737), punt 17.


34 – Fuq il-libertà tal-informazzjoni jew, skont it-terminoloġija użata fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-“libertà li jkollu opinjonijiet u li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat”, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Handyside vs Ir-Renju Unit, tas-7 ta’ Diċembru 1976; Leander vs L-Isvezja, tas-26 ta’ Marzu 1987; Bladet Tromsø u Stensaas vs In-Norveġja, tad-29 ta’ Mejju 1999; Feldek vs Is-Slovakkja, tas-27 ta’ Frar 2001, u McVicar vs Ir-Renju Unit, tas-7 ta’ Mejju 2002. Fir-rigward tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, li jirrigwarda l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, dwar il-ħajja privata u tal-familja, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi X u Y vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, tas-26 ta’ Marzu 1985; Niemetz vs Il-Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992; Stjerna vs Il-Finlandja, tal-25 ta’ Novembru 1994; Vertiere vs L-Isvizzera, tat-28 ta’ Ġunju 2001, u Von Hannover vs Il-Ġermanja, tal-24 ta’ Ġunju 2004.


35 – Fuq l-effett ta’ informazzjoni tal-Karta fl-oqsma kollha ta’ intervent leġiżlattiv tal-Unjoni, ara K. Lenaerts, u J. Gutiérrez-Fons, “The Constitutional Allocation of Powers and General Principles of EU Law”, Common Market Law Review, Vol. 47, 2010. Fuq il-livell tad-dritt privat internazzjonali, ara M. Requejo Isidro, Violaciones Graves de Derechos Humanos y Responsabilidad Civil, Thomson-Aranzadi, 2009.


36 – Ara E. S. Knutsen, “Techno-Neutrality of Freedom of Expression in New Media Beyond the Internet”, UCLA Entertainment Law Review, Nru 8, 2001, p. 95; B.-J. Koops, “Should ICT Regulation be Technology-Neutral”, f’B.-J. Koops, M. Lips, C. Prins, u M. Schellekens, Starting Points for ICT Regulation: deconstructing prevalent policy one-liners, TMC Asser Press, Den Haag, 2006, p. 77 sa 79; A. Escudero-Pascual, u I. Hosein, “The Hazards of Technology-Neutral Policy: Questioning Lawful Access to Traffic Data”, Communications of the Association for Computing Machinery, Nru 47, 2004, p. 77.


37 – Il-Kummissjoni Ewropea ddefendiet diversi drabi l-kunċett tal-prinċipju ta’ “newtralità teknoloġika” bħala li jimponi obbligu ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-mezzi użati. Kif hija spjegat fil-komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, fir-rigward tal-prinċipji u tal-linji gwida tal-politika awdjoviżiva tal-Komunità fl-era diġitali [KUMM(1999)657 finali, tal-14 ta’ Diċembru 1999, p. 11], “il-konverġenza teknoloġika tfisser li servizzi li qabel kienu jgħaddu minn numru limitat ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni jistgħu issa jiffunzjonaw fuq diversi netwerks li jikkompetu ma’ xulxin. Għalhekk jeħtieġ li r-regolamentazzjoni tkun newtrali mill-aspett teknoloġiku: servizzi identiċi għandhom bħala prinċipju jiġu rregolamentati bl-istess mod, ikun xi jkun l-mezz ta’ trażmissjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara wkoll, fl-istess sens, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-eżami mill-ġdid tal-qafas regolamentari UE għan-netwerks ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [COM(2006)334, tad-29 ta’ Ġunju 2006, p. 8]. Ara, fl-istess sens, id-dikjarazzjoni ministerjali tal-konferenza ministerjali fuq in-netwerks dinjija ta’ informazzjoni, li nżammet f’Bonn mis-6 sat-8 ta’ Lulju 1997.


38 – Ara, f’dan is-sens, M. Virgós Soriano, u F. J. Garcimartín Alférez, Derecho Procesal Civil Internacional. Litigación Internacional, it-Tieni Edizzjoni, Civitas, Madrid, 2007, p. 194.


39 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Bundesgerichtshof fil-Kawża Vl ZR 23/09, tat-2 ta’ Marzu 2010, punt 17, kif ukoll I. Roth, Die internationale Zuständigkeit…, op. cit., p. 310 et seq; F. Dessemontet, “Internet, la propriété intellectuelle et le droit international privé”, f’K. Boele-Woelki u C. Kessedjan, (edituri), Internet: Which Court Decides? Which Law Applies? Quel tribunal décide? Quel droit s’applique?, Kluwer, Den Haag, 1998, p. 63, u P. De Miguel Asensio, Derecho Privado de Internet, it-Tieni Edizzjoni, 2001, p. 295 u 296. Fil-kuntest tal-kuntratti internazzjonali tal-konsum u tat-trasport, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll il-kriterju tal-aċċessibbiltà sempliċi fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof (C‑585/08 u C‑144/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Gabra), punt 94.


40 – In-nuqqas ta’ protezzjoni tal-vittma, li jirriżulta mill-prinċipju msejjaħ Mosajk, kien diġà ppreokkupa d-duttrina qabel is-sentenza Shevill (ara, pereżempju, ix-xogħlijiet ta’ H. Gaudemet-Tallon, Revue critique de droit international privé, 1983, p. 674; J. Heinrichs, Die Bestimmung der gerichtlichen Zuständigkeit nach dem Begehungsort im nationalen und internationalen Zivilprozessrecht, Diss., Fribourg, 1984, p. 188 sa 201, u E. Schwiegel-Klein, Persönlichkeitsrecht­verletzungen durch Massenmedien im internationalen Privatrecht. Zur Anwendung der lex loci delicti commissi auf Pressedelikte unter besonderer Berücksichtigung der amerikanischen Rechtsprechung, Münster, 1983, p. 68 sa 82). Wara s-sentenza Shevill, in-nuqqas ta’ protezzjoni tad-detentur tad-dritt tal-personalità baqa’ jiġi kkritikat. Ara, b’mod partikolari, J. C. Fernández Rozas, u S. Sánchez Lorenzo, Derecho Internacional Privado, it-Tielet Edizzjoni, Civitas, Madrid, p. 501.


41 – R. Pichler, f’T. Hoeren, u U. Sieber, (edituri), Handbuch Multimedia-Recht, op. cit., Kapitolu 25, paragrafi 211 et seq, b’mod partikolari l-paragrafu 268; J. Lutcke, Persönlichkeitsrechtsverletzungen im Internet. Eine rechtsvergleichende Untersuchung zum deutschen und amerikanischen Recht, Herbert Utz, Munich, 2000, p. 135.


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Bundesgerichtshof tat-2 ta’ Marzu 2010, iċċitati iktar ’il fuq, punt 20; tal-High Court of Justice (England & Wales) tat-22 ta’ Mejju 2003, fil-kawża Harrods vs Dow Jones, punti 32 et seq; tal-Court of Session (Scotland) tal-1 ta’ Lulju 2002 fil-kawża Bonner Media Limited, punt 19, u tal-High Court of Australia tal-10 ta’ Diċembru 2002 fil-kawża Dow Jones & Company Inc., punt 154.


43 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq id-dimensjoni speċifika ta’ dan il-forum speċjali applikat għal kuntratti ta’ trasport u ta’ konsum konklużi permezz tal-internet fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]ost l-indikazzjonijiet li bihom jista’ jiġi ddeterminat jekk attività tkunx ‘immexxija għal [indirizzata lejn]’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-konsumatur għandu d-domiċilju tiegħu, hemm l-espressjonijiet manifesti tar-rieda li jagħmel kummerċ mal-konsumaturi f’dan l-Istat Membru” (il-korsiv huwa tiegħi). F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’dawn il-kawżi huma partikolarment istruttivi billi jikkunsidraw, l-istess bħall-Qorti tal-Ġustizzja, li l-fatt li kontenut fuq l-internet jiġi “indirizzat” lejn territorju ma jirriduċix ruħu la għas-sempliċi aċċessibbiltà u lanqas għall-interess oġġettiv fuq territorju (ara l-punti 78 et seq).


44 – Ara s-sentenza tal-Bundesgerichtshof tat-2 ta’ Marzu 2010, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18.


45 – Ara l-każ tal-Istati Uniti, fejn ir-regola tas-“single publication”, stabbilita fil-Uniform Single Publication Act u fir-Restatement (Second) of Torts § 577A (1977), tqajjem problemi kbar fir-rigward tal-internet. Ara, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Court of Appeals for the Fourth Circuit, Stanley Young vs New Haven Advocate (Nru 01-2340, tat-13 ta’ Diċembru 2002), li teħtieġ intenzjoni ċara min-naħa tal-midja li tindirizza informazzjoni lejn Stat biex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati. Ara, fuq dan is-suġġett, P. J. Borchers, “Internet Libel: The Consequences of a Non-Rule Approach to Personal Jurisdiction”, Northwestern University Law Review, 98, 2004, kif ukoll in-numru speċjali “Cyberspace Regulation and the Discourse of State Sovereignty”, Harvard Law Review, 1999, p. 1697 et seq.


46 – Ara s-sentenza Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, fejn, għal dak li jirrigwarda l-forum speċjali previst fl-Artikolu 15(1)(c), intuża l-kriterju tal-livell tal-isem tad-dominju (punt 83).


47 – Ara mill-ġdid Pammer u Hotel Alpenhof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84.


48 – R. Pichler, f’T. Hoeren u U. Sieber, (edituri), Handbuch Multimedia-Recht…, op. cit., Kapitolu 25, paragrafu 224, u I. Roth, Die internationale Zuständigkeit…, op. cit., p. 283.


49 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon” (120/78, Ġabra p. 649); tal-10 ta’ Novembru 1982, Rau Lebensmittelwerke (261/81, Ġabra p. 3961), u tal-14 ta’ Lulju 1988, 3 Glocken et (407/85, Ġabra p. 4233) u Zoni (90/86, Ġabra p. 4285). Fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u partikolarment tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305); tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (205/84, Ġabra p. 3755), u tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, Ġabra p. I-4221).


50 – F’dan ir-rigward, ara D. Martiny, f’Münchener Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, Vol. 10, TMG § 3 Herkunftslandprinzip, il-Ħames Edizzjoni, Beck, Munich, 2010, paragrafu 36.


51 – Il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/31 tirripeti l-istess idea, filwaqt li żżid li “[d]in id-Direttiva la ma timmira li tistabbilixxi regoli addizzjonali dwar il-liġi privata internazzjonali li tirrigwarda konflitti ta’ liġi u lanqas ma titratta l-ġurisdizzjoni tal-Qrati; disposizzjonijiet tal-liġi applikabbli mħejjija skond ir-regoli ta’ liġi privata internazzjonali m’għandhomx jirrestrinġu l-libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni kif stabbilit f’din id-Direttiva”.


52 – Dan huwa l-każ tal-Awstrija, ta’ Franza, tal-Lussemburgu, tar-Repubblika Ċeka, tal-Polonja, tal-Portugall u tas-Slovakkja.


53 – Il-Ġermanja, il-Belġju, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja, ir-Rumanija u r-Renju Unit.


54 – Dan huwa partikolarment il-każ tal-Ġermanja.


55 – Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 199, p. 40).


56 – J. J. Alvarez (dir.), Difamación y Protección de los Derechos de la Personalidad: Ley Aplicable en Europa, Aranzadi, 2009.


57 – Ara S. Sánchez Lorenzo, Derecho Privado Europeo, Comares, Grenada, 2002, p. 137 u 138, u H. J. Sonnenberger, “Europarecht und Internationales Privatrecht”, Zeitschriftfür Rechtsvergleichung, Internationales Privatrecht und Europarecht, 1996, p. 3 et seq.