KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C‑462/09

Stichting de Thuiskopie

vs

Mijndert van der Lee

Hananja van der Lee

Opus Supplies Deutschland GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Hoge Raad der Nederlanden)

“Drittijiet tal-awtur – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 5(2)(b) – Artikolu 5(5) – Drittijiet ta’ riproduzzjoni – Kumpens ġust – Bejgħ mill-bogħod”





1.        Din il-kawża tikkonċerna l-analiżi tal-“kumpens ġust’ kif użat fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (2). Filwaqt li d-definizzjoni ta’ min huwa responsabbli għal ħlas ta’ tali kumpens ġiet reċentement ittrattata fis-sentenza Padawan(3), il-preżenti talba għal deċiżjoni preliminari hija differenti minn dik ta’ dik il-kawża minħabba li tinkludi element transkonfinali. Għalhekk, il-mistoqsija l-ġdida f’dan il-każ hija jekk, minħabba l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, id-dritt nazzjonali li jimplementa din id-direttiva għandux jiġi interpretat b’mod li jobbliga kumpannija, involuta f’arranġament ta’ bejgħ mill-bogħod li permezz tiegħu din tbigħ oġġetti minn fuq l-internet lil klijenti fi Stat Membru li fid-dritt nazzjonali tiegħu jipprovdi għall-kumpens ġust, tħallas dak il-kumpens f’wieħed miż-żewġ Stati Membri.

I –    Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-UE (4)

2.        L-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-proprjetà intelletwali għandha tiġi protetta (5).

3.        L-Artikolu 28 KE jipprojbixxi restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll kull miżura oħra li għandha effett ekwivalenti. L-Artikolu 30 KE jistipula l-ġustifikazzjonijiet għal dawn ir-restrizzjonijiet u b’mod espliċitu jipprovdi għall-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

4.        Il-premessi 35, 38 u 39 fil-Preambolu tad-Direttiva 2001/29  jistipulaw li:

“(35) F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall‑użu magħmul mix‑xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l‑forma, l‑arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il‑kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ‑ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il‑ħsara li tista’ ssir lid‑detenturi tad‑drittijiet li tirriżulta mill‑att fil‑kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il‑livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis‑sħiħ il‑grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id‑Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il‑preġudizzju għad‑detentur tad‑drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l‑ebda obbligu għal ħlas.

[…]

(38) L‑Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad‑dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo‑viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. Għalkemm differenzi bejn dawk l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, dawk id-differenzi, b’rigward ta’ riproduzzjoni privata analoga, m’għandhomx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Ikkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar. Għandha għalhekk tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar id-differenzi bejn ikkupjar diġitali u dak analogu privat u għandha ssir distinzjoni f’ċerti aspetti bejniethom.

(39) Meta japplikaw l‑eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l‑Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli. Dawn l‑eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet m’għandhomx jimpedixxu l‑użu ta’ miżuri teknoloġiċi jew l‑infurzar tagħhom kontra li jduru magħhom kontra kull att ta’ ksur.”

5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE jistabbilixxi r-regola ġenerali f’dak li jirrigwarda d-drittijiet ta’ riproduzzjoni. Dan jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a)      għall‑awturi, tax‑xogħolijiet tagħhom;

(b)      għall‑artisti, ta’ l‑iffissar tal‑wirjiet tagħhom;

(c)      għall‑produtturi ta’ fonogrammi, tal‑fonogrammi tagħhom;

(d)      għall‑produtturi ta’ l‑ewwel iffissar ta’ films, rigward l‑oriġinal u l‑kopji tal‑films tagħhom;

(e)      għall‑organizzazzjonijiet tax‑xandir, ta’ l‑iffissar tax‑xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix‑xandirijiet huma trasmessi bil‑fili sew jekk bl‑arja, magħduda bil‑cable jew bis‑satellita.”

6.        L-Artikolu 5 jistabbilixxi l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet. Fil-partijiet rilevanti jistipula li:

“2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

[…]

(b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

[…]

5. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.”

Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 16c tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Auteurswet) jistipula dan li ġej:

“1. Ir-riproduzzjoni ta’ biċċa xogħol letterarja, xjentifika jew artistika fuq oġġett iddisinjat għar-[...]riproduzzjoni ta’ biċċa xogħol [...] ma għandiex titqies bħala ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq dak ix-xogħol jekk ir-riproduzzjoni issir għal skopijiet li la huma direttament u l-anqas indirettament kummerċjali u jekk din isservi esklużivament għal skopijiet ta’ prattika, studju jew użu mill-persuna fiżika li tagħmel ir-riproduzzjoni.

2. Fir-rigward tar-riproduzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandu jkun dovut ħlas ta’ rinumerazzjoni ġusta lill-awtur tax-xogħol jew lis-suċċessur legali tiegħu. Il-fabbrikant jew l-importatur tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikun responsabbli għall-ħlas ta’ din ir-rimunerazzjoni.

3. L-obbligu ta’ ħlas tal-fabbrikant jitnissel meta l-oġġetti mmanifatturati minnu jitqiegħdu fis-suq. L-obbligi tal-importatur jitnissel meta sseħħ l-importazzjoni.

[…]”

8.        Skont l-Artikolu 16d tal-Auteurswet, is-Stichting de Thuiskopie (iktar ’il quddiem “Thuiskopie”) huwa responsabbli għall-ġbir tar-rimunerazzjoni ġusta msemmija fl-Artikolu 16c(2) tal-Auteurswet.

II – Il-fatti u d-domandi preliminari

9.        Opus GmbH hija stabbilita fil-Ġermanja, u toffri għall-bejgħ, inter alia, tagħmir li jaħżen id-data vojt minn fuq siti tal-internet bil-lingwa Olandiża u siti tal-internet immirati għall-Pajjiżi l-Baxxi. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tagħha, li wieħed jista’ jarahom fuq is-siti tal-interent tagħha, jgħidu:

“L-ordnijiet isiru mill-klijent direttament ma’ Opus Supplies Deutschland GmbH f’Heinsberg, il-Ġermanja.

[…]

Il-prezzijiet ma jinkludux it-taxxi Levy, Auvibel, Thuiskopie, GEMA jew ħlasijiet oħra. L-oġġetti jintbagħtu skont l-ordni tal-klijent permezz tat-TPG Post jew tad-DHL Express u dejjem f’isem il-klijent. Għal din ir-raġuni, int tista’ titqies bħala l-importatur f’pajjiżek […]”

10.      Mill-aħħar tal-2003 Opus GmbH kienet qiegħda toffri tagħmir li jaħżen id-data vojt bi prezzijiet li, skont il-qorti tar-rinviju, ma jinkludux ir-rimunerazzjoni dovuta għall-ikkupjar privat minħabba li l-prezzijiet huma ġeneralment iktar baxxi mill-ammont iffissat fil-Pajjiżi l-Baxxi għar-rimunerazzjoni dovuta għall-ikkupjar privat fir-rigward tal-kategorija ta’ tagħmir rilevanti.

11.      L-ordnijiet li jidħlu permezz tas-siti tal-internet jiġu kkonfermati minn Opus GmbH bi posta elettronika lill-klijent. L-ordni tiġi pproċessata fil-Ġermanja, u l-oġġetti jintbagħtu bil-posta lejn, inter alia, il-Pajjiżi l-Baxxi, permezz ta’ trasportaturi mqabbda mill-Opus GmbH.

12.      Ix-xiri tat-tagħmir minn fuq is-siti tal-internet isir mingħajr ma l-konsumatur ikollu għalfejn jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ li jidhru fuq is-sit tal-internet ta’ Opus GmbH. Il-ħlas jista’ jsir f’kont tal-bank fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-oġġetti jistgħu jintbagħtu lura f’indirizz fil-Pajjiżi l-Baxxi.

13.      La Opus GmbH u l-anqas il-klijenti fil-Pajjiżi l-Baxxi ma jħallsu xi rimunerazzjoni lill-Thuiskopie fir-rigward ta’ dan it-tagħmir. Opus GmbH lanqas ma tħallas xi rimunerazzjoni simili għall-ikkupjar privat fil-Ġermanja fir-rigward tat-tagħmir li jaħżen id-data vojt mibjugħ lill-klijenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.

14.      Barra Opus GmbH, il-partijiet l-oħra fil-kawża huma Opus Supplies BV, li kienet involuta fil-bejgħ ta’ tagħmir li jaħżen id-data vojt lill-klijenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Mijndert u Hananja van der Lee, li huma indirettament diretturi maniġerjali taż-żewġ kumpanniji.

15.      Fis-26 ta’ Lulju 2005, Thuiskopie ppreżenta rikors għal miżuri provviżorji quddiem ir-Rechtbank ’s-Gravenhage (Qorti Distrettwali, Den Haag) kontra l-Opus. L-imħallef responsabbli ċaħad it-talba b’ordni tas-16 ta’ Settembru 2005. Thuiskopie appella quddiem il-Gerechtshof ’s-Gravenhage (Qorti Reġjonali tal-Appell, The Hague). Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, il-Gerechtshof ikkonfermat l-ordni tal-imħallef għal miżuri provviżorji. Thuiskopie ppreżenta appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden li għamlet rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

16.      Fil-motivazzjoni tagħha għat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Hoge Raad der Nederlanden tispjega li, skont il-kuntratt, il-kunsinna sseħħ malli jkun hemm trasferiment tal-pussess u li skont il-kuntratt dan iseħħ fil-Ġermanja peress li l-klijent huwa responsabbli għat-trasport tal-oġġetti. Peress li l-leġiżlazzjoni Olandiża tipprovdi li huwa l-importatur li huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust, dan ifisser li fil-kawża preżenti dan l-obbligu huwa akkarigu tal-klijent fil-Pajjiżi l-Baxxi u mhux akkarigu ta’ Opus GmbH. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tixtieq issir taf jekk id-Direttiva 2001/29 tirrikjedix li l-kelma “importatur”, użata fil-liġi nazzjonali, tingħata interpretazzjoni li tmur kontra t-tifsira normali ta’ din il-kelma.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Hoge Raad der Nederlanden qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“1.      Id-Direttiva 2001/29/KE, b’mod partikolari fl-Artikolu 5(2)(b) u (5) tagħha, tistabbilixxi punti ta’ referenza sabiex tingħata risposta lid-domanda dwar min huwa, fid-dritt nazzjonali, responsabbli għall-ħlas tal-“kumpens ġust” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b)? Jekk iva, liema huma dawn il-punti?

2.      Fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, meta x-xerrej ikun residenti fi Stat Membru differenti mill-bejjiegħ, l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva jeżiġi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tant wiesgħa li l-“kumpens ġust” fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) ikun dovut, minn tal-inqas f’wieħed mill-Istati Membri involuti fil-bejgħ mill-bogħod, minn operatur kummerċjali?”

III – Analiżi

A –    L-ewwel domanda

18.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2001/29 tistipulax min għandu jkun responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust f’każijiet fejn tkun applikabbli eżenzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

19.      Huwa veru li d-Direttiva 2001/29 ma tgħidx b’mod espliċitu min għandu jħallas il-kumpens ġust. Din sempliċement ssemmi r-riżultat li għandu jinkiseb permezz ta’ dan il-ħlas, jiġifieri, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva, huwa għandu jiżgura l-ksib ta’ kumpens ġust, ħlief meta d-dannu kkaġunat lid-detentur tad-drittijiet ikun minimu.

20.      Għalhekk, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, meta huma jkunu qegħdin jistabbilixxu min għandu jħallas dan il-kumpens.

21.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar min huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust għandha tiġi indirizzata b’mod uniformi fl-UE kollha sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur sabiex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta (6).

22.      Dan għandu jsir b’attenzjoni għall-għan tad-direttiva u għad-dispożizzjoni inkwistjoni. L-għan tad-dispożizzjoni dwar il-kumpens ġust fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 huwa li l-awturi jiġu kkumpensati b’mod adegwat għall-użu tax-xogħlijiet protetti tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, u għad-dannu li jsofru b’riżultat ta’ dan (7).

23.      Reċenti ħafna, fis-sentenza Padawan il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni dwar min għandu jinżamm responsabbli għall-ħlas tal-kumpens. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod ġenerali li, il-persuna li tkun ikkaġunat id-dannu lid-detentur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni hija l-persuna li rriproduċiet ix-xogħol protett mingħajr ma tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel, u għalhekk il-persuna li għandha tagħmel tajjeb għad-dannu (8). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ukoll li, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi li hemm biex jiġu identifikati l-utenti privati, huwa permissibbli li l-Istati Membri jipprovdu li anki l-persuni li għandhom l-attrezzatura, it-tagħmir u l-mezzi ta’ riproduzzjoni diġitali u li jagħmluhom disponibbli għall-utenti privati, jistgħu jkunu responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust (9).

24.      Għalhekk, minn dik is-sentenza jidher ċar li l-kumpens ġust jista’ bħala prinċipju jkun dovut kemm mill-individwu privat kif ukoll mill-kumpannija li tkun qed tbigħ il-prodott inkwistjoni li tikkaġuna jew x’aktarx li tikkaġuna d-dannu lid-detentur tad-drittijiet.

25.      Stat Membru ma jistax jippermetti l-ikkupjar privat u jimponi l-obbligu ta’ kumpens fuq l-individwi privati jekk ma jistabbilixxix sistemi li jiżguraw b’mod effettiv li l-kumpens jitħallas. Inkella, l-effettività tal-Artikoli 2 u 5(2) tad-Direttiva 2001/29 ma tkunx tista’ tinkiseb. Barra minn dan, id-detenturi tad-drittijiet ikunu qed jiġu mċaħħda mill-protezzjoni offruta lilhom mill-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

26.      Fl-opinjoni tiegħi l-effettività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax tinkiseb fil-prattika sakemm l-Istat Membru ma joħloqx sistema li biha d-detenturi tad-drittijiet jiġu kkumpensati permezz ta’ arranġament kollettiv. Fid-dawl tal-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Padawan li tgħid li bħala prinċipju huwa l-individwu li għandu jagħmel tajjeb għad-dannu, jidher loġiku li mill-aspett ekonomiku l-kumpens għandu jiġi mingħandhom. Għalhekk, is-sistema ta’ kumpens stabbilita minn Stat Membru li tippermetti l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, għandha tiżgura li l-kumpens jinġabar mingħand l-utenti finali, li fil-prattika jfisser li l-kumpens għandu jiġi inkluż fil-prezz li jħallsu dawn l-individwi meta jixtru dan it-tip ta’ tagħmir.

27.      Din il-konklużjoni ma hijiex affetwata mill-argumenti tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija.

28.      Il-Kummissjoni targumenta li d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata b’tali mod li ma tkunx inkompatibbli mad-dritt primarju (10), jiġifieri mal-Artikoli 28 KE u 30 KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Hija ssostni li hemm modi diversi kif jiġi żgurat li jitħallas kumpens ġust, u li jidher li d-Direttiva 2001/29 tiffavorixxi forom ta’ kumpens ġust li ma għandhom ebda konnessjoni mal-oġġetti nnifishom, u li għalhekk ma jaffettwawx il-kummerċ transkonfinali (11). Għalhekk, il-kwistjoni dwar min huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens ġust ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jipprova jilħaq il-kumpens ġust fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29.

29.      L-ewwel aspett f’dan ir-rigward jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2001/29 humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

30.      Fil-fehma tiegħi ma jista’ jkun hemm ebda dubju, sa fejn l-Artikolu 30 KE jawtorizza restrizzjonijiet nazzjonali ġġustifikati bil‑għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li l-leġiżlatur tal-UE huwa intitolat jarmonizza l-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet bil-għan li jiżgura l-infurzar effettiv tagħhom.

31.      It-tieni aspett jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk skema ta’ kumpens li tapplika għall-mezzi ta’ riproduzzjoni importati minn Stati Membri oħra hijiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-merkanzija fid-dawl tal-fatt li allegatament jeżistu soluzzjonijiet li huma anqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kumpens ġust (12).

32.      Għalkemm huwa minnu li leġiżlazzjoni sekondarja għandha tiġi interpretata b’mod konformi mat-Trattat, madankollu dan ma jfissirx li l-Istati Membri ma jitħallewx jibbenefikaw mill-marġni ta’ flessibilità ta’ traspożizzjoni mogħtija lilhom mil-leġiżlatur tal-UE sakemm, billi tagħti din il-flessibbiltà, id-Direttiva nnifisha ma tkunx inkompatibbli mat-Trattat.

33.      Konklużjoni mod ieħor tkun, fil-fehma tiegħi, tikkontradixxi n-natura proprja ta’ direttiva. Normalment ikun hemm iżjed minn alternattiva waħda ta’ kif direttiva tista’ tiġi implementata fid-dritt nazzjonali. F’każijiet bħal dawn argumenti li jgħidu li dawn l-alternattivi ma humiex ekwivalenti fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fit-Trattat, ikunu jmorru kontra l-għażla espliċita tal-leġiżlatur tal-UE li jippermetti iktar minn metodu wieħed ta’ traspożizzjoni. Dan ikun jikkonfuta wkoll il-prinċipji kostituzzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju tal-kompetenzi leġiżlattivi tal-leġiżlatura tal-UE u t-tqassim tal-kompetenzi bejn il-leġiżlatura tal-Unjoni u l-Istati Membri.

34.      Fl-opinjoni tiegħi la t-Trattat KE u lanqas id-Direttiva 2001/29 ma jipprojbixxu skemi ta’ kumpens ibbażati fuq il-prinċipju li l-bejjiegħa tal-mezzi ta’ riproduzzjoni jħallsu l-kumpens lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur. Din id-direttiva ma tistipulax li l-importazzjoni tal-mezzi ta’ riproduzzjoni minn Stati Membri oħra għandha tkun eżentata mill-kumpens ġust, u niddubita jekk il-leġiżlatura tal-UE setgħetx tipprovdi dan mingħajr ma tikser il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-awtur li jorbtu wkoll lill-Unjoni. Għalhekk dan ma jistax ikun sproporzjonat. Xorta waħda għandu jiġi enfasizzat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna biss l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “importaur” fil-każ tal-bejgħ mill-bogħod, u mhux il-prinċipju li l-kumpens għandu jitħallas anki fuq mezzi ta’ riproduzzjoni importati.

35.      It-tielet nett wieħed għandu jenfasizza li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jagħti lid-detenturi tad-drittijiet il-jedd li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r-riproduzzjoni. Eċċezzjoni għal dan il-jedd tista’ tiġi pprovduta biss bil-patt li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.

36.      Għalhekk, il-jedd tad-detenturi tad-drittijiet li jingħataw dan il-kumpens, previst mid-dritt tal-UE, ma jistax jiġi miċħud biss għax seta’ kien hemm alternattivi aħjar biex jiġi implementat dan il-jedd, minn dik adottata mill-Istat Membru inkwistjoni. Barra minn dan, id-Direttiva 2001/29 ma tagħti ebda indikazzjoni li ċerta parti mill-mezzi ta’ riproduzzjoni mibjugħa fl-Istat Membru tista’ tiġi eżentata mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal kumpens ġust biss minħabba l-fatt li din ġiet imqiegħda fis-suq permezz ta’ metodu kummerċjali li ma jiżgurax il-ħlas tal-kumpens.

B –    It-tieni domanda

37.      It-tieni domanda tirrigwarda l-applikazzjoni tat-test fi tliet stadji previst fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, u l-obbligu li jinvolvi dan it-test għall-qorti tar-rinviju meta tkun qed tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha. Din essenzjalment tistaqsi jekk dan it-test jimplikax li, f’arranġament ta’ bejgħ mill-bogħod, il-bejjiegħ, stabbilit fi Stat Membru ieħor, għandux iħallas kumpens ġust f’mill-inqas wieħed mill-Istati Membri involuti fil-bejgħ mill-bogħod.

38.      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tassumi li l-bejjiegħ jista’ jkun meħtieġ li jħallas kumpens ġust f’sitwazzjoni bħal din. Fil-fatt, fis-sentenza Padawan, li ġiet deċiża wara li saret il-preżenti talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kumpannija tista’ tkun responsabbli, skont id-Direttiva 2001/29, għall-ħlas ta’ kumpens ġust (13). Madankollu, il-kawża preżenti hija differenti minħabba li l-fattur transkonfinali jqajjem kwistjonijiet dwar it-territorjalità tal-kumpens ġust dovut skont id-Direttiva 2001/29.

39.      Skont il-qorti tar-rinviju, il-kliem użat fil-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi jispeċifika li xerrej privat huwa suġġett, inkwantu importatur tat-tagħmir fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-obbligu li jħallas il-kumpens ġust. Jirriżulta li fil-prattika dan ma jistax jinġabar. Il-qorti tar-rinviju għalhekk ma hijiex ċerta dwar jekk ir-riżultat huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2001/29 jew jekk id-Direttiva teħtieġx li l-kelma “importatur” tiġi intrepretata b’mod iżjed wiesa’ mit-tifsira tagħha ssuġġerita fid-dritt nazzjonali, billi jittieħed ukoll kont tal-użu finali tat-tagħmir, użu li huwa evidenti wkoll għall-bejjiegħa kummerċjali.

40.      Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’tali mod li kemm jista’ jkun jintlaħqu l-għanijiet tad-direttiva (14). Madankollu, hija ma hijiex obbligata li tinterpreta d-dritt nazzjonali contra legem (15).

1.      L-applikazzjoni tat-test fi tliet stadji għall-kawża preżenti

41.      It-test fi tliet stadji huwa, b’mod ġenerali, immirat lejn il-leġiżlaturi nazzjonali li għandhom jikkonformaw ruħhom miegħu meta jkunu qed jabbozzaw, fid-dritt nazzjonali, l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 (16).

42.      Madankollu, meta jkunu qed jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-qrati nazzjonali għandhom jagħmlu dan fid-dawl ta’ dan it-test, fil-każ li d-dritt nazzjonali jkun ambigwu jew iħalli l-possibbiltà għal riżultati differenti. Għalhekk, għalkemm dan it-test fi tliet stadji huwa primarjament norma indirizzata lil-leġiżlatura, dan għandu xorta waħda jiġi applikat mill-qrati nazzjonali wkoll sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni prattika tal-eċċezzjoni għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 stabbilita mill-leġiżlazzjoni nazzjonali tibqa’ fil-limiti permessi mill-Artikolu 5 tad-Direttiva.

2.      Id-Direttiva 2001/29 teħtieġ li bejjiegħ f’arranġament ta’ bejgħ mill-bogħod iħallas il-kumpens ġust f’tal-anqas wieħed mill-Istati Membri?

43.      L-ewwel nett għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 2001/29 ma tippermettix li jkun hemm eċċezzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ arranġament ta’ bejgħ mill-bogħod.

44.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 huwa partikolari minħabba li jipprovdi għal sistema li parti minnha biss hija armonizzata. Taħt din is-sistema, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jekk jintroduċux eċċezzjoni għar-regola ġenerali billi jippermettu l-ikkupjar privat ta’ xogħlijiet protetti u materjal ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

45.      Ladarba jagħmlu hekk, dawn ikunu, naturalment, obbligati li jiżguraw li jitħallas il-kumpens ġust, sakemm id-dannu ma jkunx minimu, f’liema każ ma jistax ikun hemm l-obbligu tal-ħlas (17). Madankollu, fid-dawl tan-natura parzjalment armonizzata tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, hemm dubju dwar jekk u taħt liema ċirkustanzi kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tkun responsabbli biex tħallas dan il-kumpens.

46.      Fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2001/29 bl-ebda mod ma teżiġi li kumpens ġust jitħallas fir-rigward tal-arranġamenti kollha tal-bejgħ mill-bogħod li jinvolvu diversi Stati Membri, b’mod partikolari minħabba li dawn l-arranġamenti jistgħu jkunu mmirati lejn klijenti fi Stati Membri li ma jippermettux l-ikkupjar privat.

47.      L-ewwel nett, konklużjoni bħal din thedded li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Pereżempju, jeżistu problemi prattiċi fejn tidħol l-identifikazzjoni tal-kumpanniji kollha li jbigħu tagħmir li jaħżen id-data vojt lill-klijenti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Mingħajr il-possibbiltà li jiġu identifikati l-kumpanniji kollha tal-Istati Membri li jbigħu l-mezzi ta’ riproduzzjoni fi Stat Membru fejn il-kumpens ġust huwa dovut, din id-distinzjoni jkollha ssir fuq bażi arbitrarja u għalhekk tkun tmur kontra l-għan innifsu tad-Direttiva 2001/29, li huwa li jiġi żgurat li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta (18).

48.      Barra minn dan, fil-fehma tiegħi ma huwiex neċessarju li l-kumpanniji kollha involuti fil-bejgħ mill-bogħod ikunu meħtieġa jħallsu l-kumpens ġust dovut fl-Istat Membru fejn jinsabu l-konsumaturi, minħabba li d-dannu f’dawn il-każijiet jista’ jkun minimu. Fatturi bħalma huma d-differenzi fil-lingwi, l-użu ta’ ismijiet tad-dominji differenti li l-konsumaturi ma jkunx familjari magħhom u spejjeż tat-trasportazzjoni ogħla, ifissru li l-konsumaturi fi Stat Membru wieħed, f’numru limitat ta’ każijiet, ser jixtru mingħand kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Fil-każijiet fejn kumpannija ma hijiex qed timmira lejn il-konsumaturi fi Stat Membru partikolari u fejn id-dannu jkun minimu, jinqalgħu wkoll problemi prattiċi fis-sens li jkunu jridu jinġabru somom żgħar mingħand kumpannija li tkun biegħet biss xi oġġett jew tnejn lil klijent f’dak l-Istat Membru.

49.      Barra minn dan, il-bejgħ ta’ oġġetti minn fuq l-internet iqajjem ħafna kwistjonijiet f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ kumpanniji li l-prodotti tagħhom ikunu disponibbli elettronikament. Minħabba li permezz tal-internet l-oġġetti jsiru instantanjament disponibbli f’kull parti tal-UE, tinqala’ l-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi l-kumpannija għandha tkun responsabbli. Fil-fehma tiegħi huwa neċessarju li jkun hemm xi restrizzjonijiet, inkella kumpannija tispiċċa tkun responsabbli fil-ġurisdizzjonijiet kollha tad-dinja. Ir-Regolament tal-Kunsill 44/2001 (19) huwa espliċitament intiż li jirregola sitwazzjoni bħal din billi jistipula li għandu jkun hemm ġurisdizzjoni biss fil-każijiet fejn kumpannija tkun qed timmira lejn territorju partikolari.

50.      Għalkemm dan ir-regolament huwa intiż li jirregola kamp ta’ dritt differenti minn dak irregolat mid-Direttiva 2001/29, ikun xieraq li wieħed jikkunsidra l-interpretazzjoni tiegħu minħabba li n-natura tal-problema hija simili, jiġifieri, taħt liema ċirkustanzi kumpannija fi Stat Membru ieħor tista’ tkun responsabbli jew, fil-kawża preżenti, taħt liema ċirkustanzi tista’ tkun suġġetta għal taxxa, fir-rigward ta’ oġġetti li tbigħ minn fuq l-internet lil konsumatur fi Stat Membru ieħor.

51.      Il-kwistjonijiet relatati mal-bejgħ mill-bogħod, flimkien mal-armonizzazzjoni parzjali prevista fid-Direttiva 2001/29, ifissru li huwa biss f’sitwazzjonijiet fejn kumpannija fi Stat Membru ieħor qed timmira lejn il-klijenti tal-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju li din għandha tkun responsabbli biex tħallas kumpens ġust.

52.      Barra minn dan, huwa x’aktarx f’din is-sitwazzjoni li d-dannu jkun l-ikbar, u li għalhekk ikun jeħtieġ l-impożizzjoni ta’ kumpens ġust. Fil-kawża preżenti, pereżempju, Thuiskopie sostna, mingħajr ma ġie kkontestat dwar dan il-punt, li l-bejgħ ta’ Opus GmbH jammonta għal bejn wieħed u ieħor terz tat-tagħmir li jaħżen id-data vojt kollu li jinbiegħ fil-Pajjiżi l-Baxxi.

53.      F’dak li jirrigwarda l-kriterji li permezz tagħhom għandu jiġi ddeterminat jekk Stat Membru huwiex qiegħed jimmira lejn suq ta’ Stat Membru partikolari, jista’ jsir riferiment għall-interpretazzjoni reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-tifsira ta’ attivitajiet “immirati lejn” l-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-konsumatur, fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, filwaqt li ma għandux jintesa li d-Direttiva 2001/29 ma tużax dan it-terminu.

54.      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Pammer and Hotel Alpelhof, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji li jistgħu jservu ta’ evidenza li l-attività ta’ negozjant kienet immirata lejn Stat Membru partikolari. Skont dik il-kawża għandu jiġi ddeterminat jekk, qabel il-konklużjoni ta’ xi ftehim mal-konsumatur, minn dawk is-siti tal-internet u mill-attività inġenerali tan-negozjant ikunx jidher li n-negozjant kienx qed jipprevedi li jagħmel negozju mal-konsumaturi stabbiliti f’wieħed jew iżjed mill-Istati Membri, inkluż l-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit dak il-konsumatur. Il-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati, u li huma partikolarment rilevanti għall-kawża preżenti, jinkludu (i) l-użu ta’ lingwa jew ta’ munita differenti minn dawk ġeneralment użati fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit in-negozjant, (ii) il-possibbiltà li l-ordni ssir u tiġi kkonfermata f’din il-lingwa differenti, (iii) l-indikazzjoni ta’ numri tat-telefon bi prefiss internazzjonali, (iv) il-ħlas ta’ servizz ta’ referenza fuq l-internet sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-sit tal-internet tan-negozjant jew tal-aġent tiegħu minn konsumaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, (v) l-użu ta’ isem tad-dominju tal-ogħla livell differenti minn dak użat fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit in-negozjant, u (vi) l-indikazzjoni ta’ klijentela internazzjonali magħmula minn klijenti stabbiliti f’diversi Stati Membri (20).

55.      Fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi nnotat ukoll li kumpannija ma għandhiex tkun obbligata tħallas kumpens ġust jekk tkun diġà għamlet dan fi Stat Membru ieħor. Għalhekk jekk l-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-kumpannija jeżiġi li jitħallas kumpens ġust u l-kumpannija tħallas dan il-kumpens, konsegwentement l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet skont id-Direttiva 2001/29 ikunu qed jiġu protetti b’mod suffiċjenti. Dan japplika wkoll jekk il-bejjiegħ ikun ħallas il-kumpens fuq bażi volontarja f’pajjiżu, u b’hekk ikun qed iħalliha f’idejn is-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan l-Istat biex tqassam dan il-kumpens lis-soċjetajiet korrispondenti tal-pajjiżi mmirati. Provvediment mod ieħor ikun jammonta għal ħlas doppju ta’ kumpens, li ma huwiex meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dik id-direttiva.

56.      Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li kumpannija ma tistax tidħol fi ftehim li jmur kontra l-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE.

57.      Fil-kawża preżenti l-Opus GmbH u l-klijenti tagħhom qed jinqdew bil-libertà kuntrattwali tagħhom biex jistipulaw li l-ftehim qed jiġi eżegwit barra l-Pajjiżi l-Baxxi bl-effett li “l-importatur” li huwa responsabbli għall-ħlas tal-kumpens skont l-Auteurenwet ma huwiex ix-xerrej iżda l-bejjiegħ. Jidher li din is-soluzzjoni hija bbażata fuq sitwazzjoni pjuttost mhux tas-soltu fejn il-bejjiegħ jagħmel l-arranġamenti għat-trasportazzjoni tal-oġġetti lill-konsumatur bħala aġent ta’ dan tal-aħħar u mhux f’ismu.

58.      Fl-opinjoni tiegħi, il-bejjiegħa tat-tagħmir u l-klijenti tagħhom ma jistgħux jikkonkludu ftehim li jeskludi d-dritt għall-kumpens ġust ipprovdut fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. L-għan ta’ dan it-tip ta’ ftehim ikun li jiġu evitati l-effetti tad-dritt tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, id-dritt nazzjonali li jimplementa d-Direttiva 2001/29 applikat flimkien mad-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-kuntratti ma jistax jiġi interpretat b’mod li jwassal għal dan ir-riżultat.

3.      It-test fi tliet stadji jeħtieġ li l-bejjiegħ involut f’arranġament ta’ bejgħ mill-bogħod iħallas kumpens ġust f’mill-inqas wieħed mill-Istati Membri?

59.      Id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat b’tali mod li jiżgura li t-test fi tliet stadji jiġi osservat, jiġifieri li l-eċċezzjoni tibqa’ limitata, ma tkunx inkompatibbli mal-operat normali tax-xogħol jew ma’ xi materjal ieħor, u ma tippreġudikax l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet b’mod eċċessiv.

60.      Fil-kawża preżenti l-ewwel żewġ kriterji jwasslu għall-konklużjoni li fl-arranġamenti kollha ta’ bejgħ mill-bogħod il-kumpens ġust għandu jkun dovut f’mill-inqas Stat Membru wieħed. F’dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, l-għoti ta’ kumpens ġust ma jaffettwax il-limiti tal-eċċezzjoni, iżda sempliċement jirreferi għar-rimedju li jirriżulta mill-eċċezzjoni. F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, jekk il-kumpens ġust ma jkunx dovut, dan ċertament ser ikun inkompatibbli mal-użu normali tax-xogħol minħabba li d-detentur tad-drittijiet ma jkollux il-jedd li jawtorizza r-riproduzzjonijiet u l-użu tax-xogħol tiegħu, iżda fl-istess waqt l-anqas ma jkollu d-dritt għall-kumpens.

61.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, sakemm ma jkunux qed jiġu mmirati l-konsumaturi tal-Istat Membru inkwistjoni, ma jkun hemm ebda preġudizzju eċċessiv fil-konfront tal-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet minħabba li, kif ikkunsidrat iżjed ’il fuq, id-dannu soffert minnhom huwa minimu.

62.      Għal dawk ir-raġunijiet, it-test fi tliet stadji ma jeħtieġx, fil-fehma tiegħi, li l-kumpens ġust jitħallas mill-kumpanniji kollha involuti fil-bejgħ mill-bogħod transkonfinali ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni bejn l-Istati Membri, iżda sempliċement minn dawk il-kumpanniji li jkunu qed jimmiraw għall-konsumaturi tal-Istat Membru inkwistjoni.

IV – Konklużjoni

63.      Biex nikkonkludi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta waħda għaż-żewġ domandi preliminari skont kif ġej:

“L-Artikoli 5(2)(b) u 5(5) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, ma jimponux fuq l-Istati Membri soluzzjoni unika dwar kif il-ħlas tal-kumpens ġust lid-detenturi tad-drittijiet għandu jiġi żgurat fil-każ li l-Istat Membru jkun għażel li jippermetti l-ikkupjar privat ta’ xogħlijiet koperti bid-drittijiet tal-awtur u ta’ materjal ieħor protett. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jeskludux interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali li ma tiżgurax il-ħlas effettiv ta’ dan il-kumpens ġust minn bejjiegħ mill-bogħod ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet jew ta’ materjal ieħor protett immirat lejn klijenti f’dak l-Istat Membru, sakemm il-bejjiegħ ma jkunx diġà ħallas kumpens simili fl-Istat Membru fejn issir it-tranżazzjoni.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni.


3 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I‑10055)


4 –      Minħabba li d-domanda preliminari fil-kawża preżenti saret qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2008 C115, p. 47), ser jibqgħu jintużaw ir-referenzi għall-artikoli tat-Trattat li Jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 325, p. 33).


5 – ĠU 2000 C 364, p. 1.


6 – Sentenza Padawan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 32, 33 u 35.


7 – Sentenza Padawan, ibid, punt 39 u 40.


8 – Sentenza Padawan, ibid, punt 44 u 45.


9 – Sentenza Padawan, ibid, punt 46.


10 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑135/93, Ġabra p. I­1651), punt 37.


11 – Il-premessi 1, 3 u 6 tal-Preambolu tad-Direttiva 2001/29, li jistipulaw li (i) l-armonizzazzjoni tal-liġijiet dwar id-dritt tal-awtur tikkontribwixxi għall-ksib ta’ suq intern, (ii) li din id‑direttiva tgħin biex timplementa l-erba’ libertajiet u biex tiżgura l-konformità mal-prinċipji fundamentali tad-dritt, u (iii) li l‑armonizzazzjoni tiżgura li ma jkun hemm ebda tfarrik tas-suq intern ikkaġunat mid-differenzi sinifikanti f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni bejn l-Istati Membri.


12 – Bħala mezz alternattiv inqas restrittiv għall-moviment liberu tal-merkanzija, Opus GmbH irreferiet għall-possibbiltà li jiġi stabbilit fond ta’ kumpens favur id-detenturi tad-drittijiet. Inkwantu dan il-fond ikun iffinanzjat mill-fabbrikanti jew min-negozjanti lokali biss, ikun jidher li jkun problematiku mill-perspettiva tan-nondiskriminazzjoni. Li kieku kellu jiġi ffinanzjat mill-persuni taxxabbli, jidher li jkun hemm kwistjoni ta’ dritt tal-għajnuna mill-Istat minħabba li b’dan tkun qed tiġi stabbilita skema ta’ għajnuna diskriminatorja favur l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed ibigħu mezzi ta’ riproduzzjoni li ma jkollhomx għalfejn jinkludu fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti l-kumpens għad-dannu kkaġunat mill-fatt li x-xerrejja jistgħu jużawhom għall-ikkuppjar privat ta’ xogħlijiet protetti u ta’ materjal ieħor.


13 –      Sentenza Padawan, ibid, punti 46 sa 49.


14 – Sentenzi, tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et. (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057), punt 108; u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I‑365), punt 48.


15 – Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2010, Sorge (C‑98/09, Ġabra p. I‑5837), punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.


16 – M. Walter, European Copyright Law: A commentary, OUP, 2010, 11.5.79.


17 – L-aħħar sentenza fil-premessa 35 fil-Preambolu tad-Direttiva 2001/29. Ara wkoll is-sentenza Padawan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 39 u 46.


18 –      Sentenza Padawan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 35. Ara wkoll is-sentenza, tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken (C‑479/04, Ġabra p. I‑8089), punti 26, 31 sa 34.


19 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).


20 – Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Pammer and Hotel Alpelhof (C‑585/08 u C‑144/09, Ġabra p. I‑0000), punti 75 sa 76, 80 sa 81, u 84.