KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Novembru 2010 (1)

Kawża C‑434/09

Shirley McCarthy

vs

Secretary of State for the Home Department

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (ir-Renju Unit)]

“Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Ċittadinanza doppja – Artikolu 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Benefiċjarju – Residenza legali – Riunifikazzjoni tal-familja – Diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini nazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Tista’ persuna li jkollha ċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea iżda li tkun għexet dejjem f’wieħed minnhom tinvoka d-dritt tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dan l-Istat sabiex hemmhekk tikseb dritt ta’ residenza għaliha u, fuq kollox, għall-konjuġi tagħha? Din hija essenzjalment id-domanda li għandha tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

2.        S. McCarthy għandha ċ-ċittadinanza Brittanika u ċ-ċittadinanza Irlandiża iżda għexet dejjem fl-Ingilterra (2). Hija stess għandha naturalment id-dritt li tirrisjedi fl-Ingilterra. Madankollu, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-konjuġi tagħha, ta’ ċittadinanza Ġamajkana: skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali tar-Renju Unit dwar l-immigrazzjoni, huwa ma għandux dritt jirrisjedi fir-Renju Unit. Sabiex tkun possibbli r-riunifikazzjoni tal-familja mal-konjuġi tagħha, S. McCarthy qiegħda tipprova, billi tinvoka ċ-ċittadinanza Irlandiża tagħha, tikseb għaliha stess dritt ta’ residenza fl-Ingilterra; b’hekk, indirettament, ikun jista’ jibbenefika l-konjuġi tagħha, li jkun jista’ jinvoka dritt ta’ residenza derivat taħt id-dritt tal-Unjoni.

3.        F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja se jkollha tippreċiża kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 (3). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tidentifika r-rekwiżiti li għandha tissodisfa r-“residenza legali” li tikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti fis-sens tad-direttiva msemmija.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Minbarra l-Artikolu 21 TFUE, il-kuntest ġuridiku ta’ din il-kawża huwa stabbilit permezz tad-Direttiva 2004/38. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit kif ġej fil-Kapitolu I tagħha (“Disposizzjonijiet ġenerali”), u b’mod iktar preċiż fl-Artikolu 3, intitolat “Benefiċjarji”:

“1.       Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

[…]”

5.        Fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2004/38, l-Artikolu 16 jistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-akkwist tad-dritt ta’ residenza permanenti:

“1.       Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. [...]

[…]”

6.        Flimkien mal-Artikolu 16, ta’ min wieħed isemmi l-premessa 17 tad-Direttiva 2004/38:

“It-tgawdija ta’ residenza permanenti miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għażlu li jittrasferixxu ruħhom għal perjodu indeterminat fl-Istat Membru ospitanti għandha ssaħħaħ is-sens ta’ ċittadinanza ta’ l-Unjoni u hi element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni. Għandu għalhekk jiġi stabbilit dritt ta’ residenza permanenti għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom li għixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva u mingħajr ma jkunu suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija.”

7.        Fl-aħħar nett, fost id-dispożizzjonijiet finali tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2004/38, ta’ min wieħed isemmi l-Artikolu 37, intitolat “Disposizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli”, li jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.”

III – Il-fatti u l-proċedura

8.        S. McCarthy għandha ċ-ċittadinanza Brittanika sa mit-twelid tagħha fir-Renju Unit. Hija għexet dejjem fl-Ingilterra, fejn, skont id-dritt nazzjonali, ir-residenza tagħha kienet dejjem legali.

9.        Fl-Ingilterra, S. McCarthy tirċievi benefiċċji soċjali. Hija ma ssostnix li hija jew kienet persuna impjegata jew persuna li taħdem għal rasha, jew inkella li kellha riżorsi għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

10.      Fil-15 ta’ Novembru 2002, S. McCarthy żżewġet lil George McCarthy, ta’ ċittadinanza Ġamajkana. Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, G. McCarthy ma għandux dritt jirrisjedi fir-Renju Unit, lanqas bħala konjuġi ta’ persuna li hija stabbilita hemmhekk b’mod permanenti (4).

11.      Minbarra ċ-ċittadinanza Brittanika tagħha, S. McCarthy għandha ċ-ċittadinanza Irlandiża. Wara ż-żwieġ tagħha, hija applikat għal passaport Irlandiż, ħaġa li hija qatt ma kienet għamlet qabel. L-applikazzjoni tagħha ntlaqgħet minħabba li ommha kienet twieldet fl-Irlanda.

12.      Fit-23 ta’ Lulju 2004, S. McCarthy ressqet, bħala ċittadina tal-Unjoni, applikazzjoni għal permessi ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni quddiem is-Secretary of State for the Home Department (5). G. McCarthy wkoll ressaq applikazjoni f’dan is-sens bħala konjuġi ta’ din iċ-ċittadina tal-Unjoni. Iż-żewġ applikazzjonijiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2004. Bħala motivazzjoni għal din id-deċiżjoni ġie indikat li S. McCarthy ma kinitx persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet legali, jiġifieri, essenzjalment, ma kinitx persuna impjegata, persuna li taħdem għal rasha jew persuna li għandha riżorsi għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha, u li, għaldaqstant, G. McCarthy lanqas ma seta’ jitqies bħala l-konjuġi ta’ persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet legali.

13.      Fit-13 ta’ Diċembru 2004, S. McCarthy ressqet rikors kontra d-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2004. Fis-7 ta’ Settembru 2006, ir-rikors tagħha ġie rrinvijat quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal (6).

14.      G. McCarthy ma ressaqx rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tas-6 ta’ Diċembru 2004 sa fejn kienet tikkonċernah iżda, fis-16 ta’ Ottubru 2006, ressaq applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala konjuġi ta’ S. McCarthy. Din it-tieni talba ġiet miċħuda wkoll permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2007, deċiżjoni li kontriha G. McCarthy ressaq rikors quddiem l-Asylum and Immigration Tribunal.

15.      L-Asylum and Immigration Tribunal issospenda l-għoti ta’ deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ G. McCarthy sal-għoti ta’ deċiżjoni definittiva fir-rigward tar-rikors ta’ S. McCarthy.

16.      Fis-17 ta’ Ottubru 2006, l-Asylum and Immigration Tribunal, kompost minn imħallef wieħed, ċaħad ir-rikors ta’ S. McCarthy. Madankollu, fit-13 ta’ Frar 2007, il-High Court of Justice (England and Wales) ordnat lit-Tribunal sabiex jeżamina mill-ġdid ir-rikors ta’ S. McCarthy. It-Tribunal għamel dan l-eżami mill-ġdid fis-16 ta’ Awwissu 2007 iżda żamm id-deċiżjoni ta’ ċaħda tiegħu. It-talbiet ta’ S. McCarthy lanqas ma ntlaqgħu fl-appell quddiem il-Court of Appeal of England and Wales (Civil Division) (7); l-appell tagħha ġie miċħud fil-11 ta’ Ġunju 2008.

17.      Wara li S. McCarthy ppreżentat rikors ieħor, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab pendenti quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (li qabel kienet il-House of Lords), il-qorti tar-rinviju (8).

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Novembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2009, il-qorti tar-rinviju għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti (9):

“1)      Persuna li għandha ċittadinanza doppja, Irlandiża u Brittanika, u li ilha ħajjitha kollha residenti fir-Renju Unit, hija ‘benefiċjarj[a]’ fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE?

2)      Tali persuna tkun ‘għex[et] legalment’ fl-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva, f’ċirkustanzi fejn ma setgħetx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38/KE?”

19.      Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, S. McCarthy, id-Danimarka, l-Irlanda, l-Estonja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. S. McCarthy, id-Danimarka u l-Irlanda, kif ukoll il-Kummissjoni, ipparteċipaw fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010.

V –    Evalwazzjoni

20.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jista’ jidher stramb li ċittadina tal-Unjoni tinvoka d-dritt tal-Unjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha sabiex tikseb hemmhekk dritt ta’ residenza. Fil-fatt, ma hemm ebda dubju li din iċ-ċittadina tal-Unjoni għandha diġà dritt ta’ residenza li ma jistax jiġi suġġett għal restrizzjonijiet (10).

21.      Madankollu, meta wieħed iħares lejn il-kawża iktar mill-qrib, jirriżulta li din ma tikkonċernax daqstant id-dritt ta’ residenza fl-Ingilterra ta’ S. McCarthy iżda tikkonċerna pjuttost id-dritt ta’ residenza li jista’ jirriżulta, permezz tagħha, għall-konjuġi tagħha, li għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat terz. Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, din hija kwistjoni ta’ riunifikazzjoni tal-familja li tista’ timmaterjalizza permezz tad-dritt tal-Unjoni sa fejn id-dritt nazzjonali tar-Renju Unit ma jippermettihiex (11). Dan ġie ppreċiżat diversi drabi matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22.      Minkejja dan, huwa dubjuż kemm id-dritt tal-Unjoni jista’ jkun applikabbli ratione materiae f’dan il-każ, u dan sa fejn S. McCarthy qatt ma użat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 21(1) TFUE, mill-Artikolu 45 TFUE, mill-Artikolu 49 TFUE u mill-Artikolu 56 TFUE (12) u li jinsab affermat fl-Artikolu 45(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (13). L-uniku fattur ta’ konnessjoni immaġinabbli mad-dritt tal-Unjoni huwa ċ-“ċittadinanza doppja” ta’ S. McCarthy li, minbarra ċ-ċittadinanza Brittanika għandha wkoll iċ-ċittadinanza Irlandiża.

23.      Filwaqt li S. McCarthy tqis li ċ-ċittadinanza doppja tagħha tikkostitwixxi fattur ta’ konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni, il-gvernijiet kollha li pparteċipaw fil-kawża, kif ukoll il-Kummissjoni, huma tal-fehma opposta.

A –    Il-kunċett ta’ “benefiċjarju” fis-sens tad-Direttiva 2004/38 (l-ewwel domanda preliminari)

24.      Meta tagħmel l-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif għandha tinterpreta l-kunċett ta’ “benefiċjaru” fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38. Essenzjalment, għandu jiġi eżaminat jekk persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea iżda li għexet dejjem f’wieħed minn dawn l-Istati, tistax tinvoka d-Direttiva 2004/38 fir-rigward ta’ dan l-Istat sabiex hemmhekk tikseb dritt ta’ residenza għaliha stess u, indirettament għall-konjuġi tagħha.

25.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38, ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda hija fin-negattiv. Skont din id-dispożizzjoni, huwa benefiċjarju fis-sens ta’ din id-direttiva kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq jew jgħix fi Stat Membru differenti minn dak li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 3(1) jirriżulta li d-Direttiva 2004/38 ma tapplikax għar-relazzjonijiet bejn ċittadin tal-Unjoni u l-Istat Membru li tiegħu jkollu ċ-ċittadinanza u fejn ikun dejjem għex.

26.      Din l-interpretazzjoni tkun ikkonfermata jekk wieħed jeżamina l-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 u jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva.

27.      L-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni fit-territorju tal-Isati Membri. Huwa għalhekk li din id-direttiva ta’ spiss issemmi flimkien il-moviment liberu u r-residenza (14); id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi li “jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni” (15).

28.      Fir-rigward tal-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 3(1), għandu jiġi osservat li diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 jitkellmu dwar id-“dħul” (16) ta’ ċittadin, dwar ir-residenza tiegħu “fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” (17) jew dwar l-“Istat Membru ospitanti” (18). L-Istat Membru ospitanti fis-sens tad-Direttiva 2004/38 huwa “l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza” (19). Kif juru dawn id-dispożizzjonijiet kollha, id-Direttiva 2004/38 tirregola s-sitwazzjoni legali ta’ ċittadin tal-Unjoni fi Stat Membru li ma jkollux iċ-ċittadinanza tiegħu u fejn ikun qiegħed jirrisjedi b’eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, f’ċerti każijiet saħansitra sa mit-twelid tiegħu (20).

29.      Dan b’ebda mod ma jeskludi li d-Direttiva 2004/38 tista’ tapplika wkoll fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ ċittadin tal-Unjoni meta jkun hemm fattur ta’ konnessjoni mad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ċittadin tal-Unjoni li jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u jkun jixtieq imur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jista’ jinvoka hemmhekk id-dritt tal-Unjoni (21). Dan jgħodd ukoll, barra minn hekk, meta ċittadin tal-Unjoni jkun jixtieq jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu u jmur fi Stat Membru ieħor billi jeżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (22).

30.      Ċittadina tal-Unjoni bħal S. McCarthy, li dejjem għexet fi Stat Membru li tiegħu hija għandha ċ-ċittadinanza u li qatt ma użat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, la fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(1) tagħha, la fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv tagħha. Dan jgħodd ukoll għall-membri tal-familja ta’ S. McCarthy (23), sa fejn id-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tagħhom, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ma humiex ibbażati fuq dritt speċifiku tagħhom għall-moviment liberu iżda huma dderivati mid-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadina tal-Unjoni u huma intiżi għall-attwazzjoni ta’ dan id-dritt (24).

31.      Fil-fehma tiegħi, ma jirriżulta xejn iktar mid-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni stabbilit mid-dritt primarju (Artikolu 21(1) TFUE u Artikolu 45(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea). Huwa minnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt derivat għandhom jiġu interpretati u applikati inkonformità mad-dritt primarju (pereżempju mal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati) (25). Madankollu, fil-fehma tiegħi, id-Direttiva 2004/38 hija konformi mar-rekwiżiti tad-dritt primarju. B’mod partikolari, ma naħsibx li ċittadini tal-Unjoni jistgħu jinvokaw dritt ta’ residenza fil-konfront tal-Istat Membru li tiegħu huma jkollhom iċ-ċittadinanza anki fin-nuqqas ta’ kull element transkonfinali (26), bħalma huwa l-każ ta’ S. McCarthy.

32.      Għad irid jiġi vverifikat jekk il-fatt li S. McCarthy għandha ċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri tal-Unjoni, dik Brittanika u dik Irlandiża, jistax b’xi mod jibdel din il-konklużjoni.

33.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li huwa impossibbli li ċittadina tal-Unjoni li tkun tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. McCarthy tiġi mċaħħda mill-ewwel mill-possibbiltà li tinvoka t-tieni ċittadinanza tagħha, f’dan il-każ dik Irlandiża, billi jiġi indikat biss li din iċ-ċittadinanza ma hijiex effettiva. Huwa minnu li, f’dan il-każ, kollox jindika li ċ-ċittadinanza Brittanika ta’ S. McCarthy hija sostanzjalment iktar effettiva peress li din tal-aħħar dejjem għexet fl-Ingilterra u applikat għal passaport Irlandiż biss bl-iskop li tapplika għal permess ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fi ħdan l-Unjoni Ewropea, “Stat Membru ma jistax jillimita l-effetti ta’ l-għoti tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor billi jeżiġi kundizzjoni addizzjonali għar-rikonoxximent ta’ din in-nazzjonalità fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali previsti mit-Trattat” (27). Huwa għalhekk li, skont il-ġurisprudenza, ċittadinanza doppja jista’ verament ikollha importanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ ċittadini tal-Unjoni fil-konfront tal-Istati Membri ta’ oriġini tagħhom (28).

34.      B’hekk, iċ-ċittadinanza doppja ta’ ċittadin tal-Unjoni tista’ teżiġi li ma jkunux osservati d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-determinazzjoni tal-isem ta’ wieħed mill-Istati Membri ta’ oriġini tiegħu (29). Fil-fatt, l-isem huwa element essenzjali tal-identità ta’ persuna. Huwa għalhekk li kull ċittadin tal-Unjoni għandu jkollu l-isem li huwa juża legalment f’wieħed mill-Istati Membri rikonoxxut fl-Istati Membri l-oħra (30). Jekk jinħolqu dubji dwar l-identità taċ-ċittadin tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-isem tiegħu jkun differenti, jew jinkiteb b’mod differenti, minn Stat Membru għall-ieħor, dan jista’ jikkawża inkonvenjenti serji ta’ natura privata jew professjonali għaċ-ċittadin ikkonċernat (31).

35.      Madankollu, dak li jista’ jkun validu f’ċerti oqsma, bħad-dispożizzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-isem, ma jistax neċessarjament jiġi applikat għad-dritt ta’ residenza inkwistjoni f’din il-kawża u għall-possibbiltà ta’ riunifikazzjoni tal-familja marbuta ma’ dan id-dritt. Fil-fatt, f’dan il-qasam, huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, fid-dawl taċ-ċittadinanza doppja tiegħu, tkun differenti b’mod rilevanti legalment minn dik ta’ ċittadini oħra tal-Unjoni li jkollhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti biss.

36.      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tad-dispożizzjoni li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li fih tkun taqa’ d-dispożizzjoni inkwistjoni (32).

37.      Id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, għalihom stess u għall-membri tal-familja tagħhom, huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri (33). F’dan id-dawl, miċ-ċittadinanza doppja ta’ ċittadina tal-Unjoni bħal S. McCarthy ma tirriżulta ebda karatteristika partikolari. Mill-perspettiva tad-dritt ta’ residenza, hija tinsab fl-istess sitwazzjoni bħaċ-ċittadini Brittaniċi l-oħra kollha li dejjem għexu fl-Ingilterra u li qatt ma telqu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom: hija ma tużax id-dritt ta’ moviment liberu tagħha (34).

38.      Id-dritt ta’ moviment liberu ta’ ċittadina tal-Unjoni bħal S. McCarthy mhuwiex ostakolat (35) u din tal-aħħar ma hijiex il-vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ ċittadini Brittaniċi oħra li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Il-fatt li, minbarra ċ-ċittadinanza Brittanika, hija għandha wkoll iċ-ċittadinanza Irlandiża ma jeħtieġx li jiġu applikati, fil-konfront tagħha u tal-membri tal-familja tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ dħul u residenza.

39.      Huwa minnu li, b’dan il-mod, tista’ tinħoloq sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jkun jista’, permezz tad-dritt tal-Unjoni, jinvoka, għall-membri tal-familja tiegħu li jkunu ġejjin minn Stati terzi, dispożizzjonijiet iktar favorevoli dwar id-dritt ta’ dħul u residenza minn ċittadin tal-Istat Membru ospitanti li dejjem għex fit-territorju tiegħu (36). B’mod ġenerali, din il-problema hija deskritta bl-espressjoni diskriminazzjoni taċ-ċittadini nazzjonali jew hija magħrufa bħala diskriminazzjoni bil-kontra.

40.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, din il-problema ma tikkonċernax id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-fatt li, fir-rigward tad-dħul u tar-residenza tal-membri tal-familja tagħhom li jkunu ġejjin minn Stati terzi, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti, skont jekk kinux qabel użaw jew le id-dritt ta’ moviment liberu tagħhom, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (37).

41.      Huma minnu li xi drabi l-letteratura legali tikkunsidra li miċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandha tinstilet projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini nazzjonali (38). Reċentement, l-Avukat Ġenerali Sharpston ukoll espremiet opinjoni f’dan is-sens (39). Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat diversi drabi, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma għandhiex l-għan li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet interni li ma jkollhom ebda konnessjoni mal-imsemmi dritt (40).

42.      Huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li, f’mument partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra mill-ġdid il-ġurisprudenza tagħha u tasal sabiex, fil-futur, tislet projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini nazzjonali miċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż sabiex “ikun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri li jippermetti lil dawk fost l-imsemmija ċittadini tal-Istati Membri li jinsabu fl-istess sitwazzjoni li jiksbu, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti b’mod espliċitu f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku”  (41).

43.      Madankollu, il-kawża ineżami fil-fehma tiegħu ma tipprovdix opportunità adegwata sabiex il-problema tad-diskriminazzjoni taċ-ċittadini nazzjonali tiġi suġġetta għal eżami fil-fond. Fil-fatt, ċittadina tal-Unjoni “statika” bħalma hija S. McCarthy b’ebda mod ma hija l-vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Unjoni “mobbli” (42). Fil-fatt, anki jekk ninsew il-fatt li S. McCarthy ma użatx id-dritt ta’ moviment liberu tagħha u anki jekk nikkunsidraw li hija tista’, bħala prinċipju, tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/34, hija xorta waħda ma tissodisfax il-kundizzjonijiet l-oħra applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex jakkwistaw drittijiet ta’ residenza għal perijodu twil.

44.      S. McCarthy ma taħdimx u ma għandhiex riżorsi suffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha u għal dawk tal-familja tagħha; hija ma hijiex “finanzjarjament indipendenti” u tirċievi benefiċċji soċjali fir-Renju Unit (43). Għaldaqstant, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet materjali imposti mid-dritt tal-Unjoni fuq il-persuni li jixtiequ jgħixu għal iktar minn tliet xhur fl-Istat Membru ospitanti (44). Barra minn hekk, ma hemm xejn li jindika li fil-passat S. McCarthy ħadmet għal ħames snin mingħajr waqfien fir-Renju Unit jew kellha riżorsi suffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-għajxien tagħha u għal dawk tal-familja tagħha, fatturi li jikkostitwixxu l-kundizzjoni fundamentali meħtieġa għall-kisba ta’ dritt ta’ residenza permanenti (45). Għaldaqstant, lanqas bħala ċittadina tal-Unjoni “mobbli”, S. McCarthy ma tistax tikseb dritt ta’ residenza bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

45.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nibqa’ tal-fehma li l-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju teħtieġ risposta fin-negattiv. Ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda hija li ċittadina tal-Unjoni, li għandha ċ-ċittadinanza ta’ żewġ Stati Membri iżda li dejjem għexet f’wieħed biss minn dawn l-Istati, ma tistax tinvoka dritt ta’ residenza f’dan l-Istat fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38.

46.      Madankollu, jekk, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tixtieq tevolvi l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (46), nikkunsidra li jkun opportun li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali. Fil-fatt, sa dan l-istadju, kien biss b’mod kompletament marġinali li l-parteċipanti fil-proċedura f’din il-kawża kellhom l-opportunità jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar din il-problema. Fil-fehma tiegħi, ikun tajjeb li jingħataw il-possibbiltà janalizzaw din il-problema b’mod iktar fil-fond. Huwa probabbli ħafna wkoll li Stati Membri oħra jkunu interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

B –    Il-kunċett ta’ “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 (it-tieni domadna preliminari)

47.      Meta tagħmel it-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 (47). Essenzjalment, il-kwistjoni hija jekk dan il-kunċett ikoprix ukoll ir-residenza ta’ ċittadina tal-Unjoni li għexet dejjem fl-Istat Membru ospitanti biss u li d-dritt ta’ residenza tagħha kien jirriżulta biss mill-fatt li hija kellha preċiżament iċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat.

48.      Din id-domanda hija loġikament sekondarja għall-ewwel waħda. Jekk, kif qiegħda nissuġġerixxi, l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv (48), dan ikun ifisser li ċ-ċittadina tal-Unjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u ma jkunx għad hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. Għalhekk se nagħti risposta għal din it-tieni domanda b’mod sussidjarju biss.

49.      Il-kunċett ta’ residenza legali, residenza li għaliha l-Artikolu 16(1) jissuġġetta l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti, ma huwiex iddefinit b’mod iktar preċiż fid-Direttiva 2004/38.

50.      Fil-fehma tiegħi, fis-senteza Lassal, mogħtija reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma solviet b’mod definittiv din il-problema iżda sempliċement ippreċiżat li perijodi ta’ residenza mwettqa “skont l-istrumenti tal-liġi tal-Unjoni Ewropea preċedenti [...], għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni” (49). Dan b’ebda mod ma jeskludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll perijodi ta’ residenza mwettqa minn ċittadini barranin taħt id-dritt nazzjonali biss.

51.      Huwa minnu li l-preambolu tad-Direttiva 2004/38 jindika li l-espressjoni residenza legali tindika qabel kollox residenza eżerċitata “skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva”, jiġifieri residenza li għaliha l-persuna kkonċernata kellha dritt skont id-dritt tal-Unjoni (50). Madankollu, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tad-Direttiva 2004/38, id-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (51).

52.      Meta stabbilixxa d-dritt ta’ residenza permanenti previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jsaħħaħ il-“promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, li hi waħda mill-għanijiet fondamentali ta’ l-Unjoni” (52) u li joħloq “mezz awtentiku ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ l-Istat Membru ospitanti” (53). Ikun ukoll konformi ma’ dan l-għan li ċ-ċirku tal-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza permanenti jitwessa’ għaċ-ċittadini tal-Unjoni li d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jirriżulta biss mid-dritt nazzjonali dwar iċ-ċittadini barranin (54); fil-fatt, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ integrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, ma huwiex rilevanti ħafna minn fejn ikun ġej id-dritt ta’ residenza tiegħu.

53.      L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2004/38 juri li jista’ jkun hemm każijiet fejn id-dritt ta’ residenza jirriżulta biss mid-dritt nazzjonali dwar iċ-ċittadini barranin sa fejn huwa indikat b’mod espliċitu li din id-direttiva hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet legali u amministrattivi iktar favorevoli tal-Istati Membri. Anki fil-ġurisprudenza huwa rrikonoxxut li jeżistu każijiet fejn ir-residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti tista’ tkun ibbażata biss fuq id-dritt nazzjonali dwar iċ-ċittadini barranin u mhux fuq id-dritt tal-Unjoni (55). Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkunsidrat li tali residenza ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni, anzi, għall-kuntrarju, hija rabtet ma’ tali residenza konsegwenzi mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni (56).

54.      Madankollu, b’residenza legali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, wieħed jista’ jifhem biss residenza bbażata fuq dispożizzjonijiet tad-dritt dwar ċittadini barranin u mhux, għall-kuntrarju, residenza li n-natura legali tagħha tirriżulta mis-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, kif diġà indikajt (57), id-Direttiva 2004/38 hija intiża li timplementa u tiffaċilita d-dritt ta’ moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, din id-direttiva ma hijiex intiża li tippromwovi l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti ta’ ċittadini ta’ dan l-Istat li qatt ma użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

55.      Jeżistu differenzi kwalitattivi fundamentali bejn dritt ta’ residenza li jirriżulta mid-dritt dwar iċ-ċittadini barranin u dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-fatt li l-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, filwaqt li, skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri b’ebda mod ma jistgħu jillimitaw id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini nazzjonali tagħhom (58), huma jistgħu jissuġġettaw ir-residenza ta’ ċittadini barranin fit-territorju tagħhom għal ċerti kundizzjonijiet. Dan jikkonċerna wkoll ir-residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni li jkunu ġejjin minn Stati Membri oħra għalkemm, naturalment, ikun meħtieġ li jiġu osservati l-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (59).

56.      Jekk ċittadina tal-Unjoni li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. McCarthy, li qatt ma użat id-dritt ta’ moviment liberu tagħha, titħalla tinvoka d-Direttiva 2004/38, dan iwassal għal prassi ta’ “cherry-picking” (60): iċ-ċittadina tal-Unjoni tkun tista’ tapprofitta mill-vantaġġi mogħtija minn din id-direttiva fil-qasam ta’ riunifikazzjoni tal-familja mingħajr ma tikkonforma ruħha mal-għanijiet tagħha, jiġifieri li timplementa u tiffaċilita l-moviment liberu, u mingħajr ma tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, pereżempju għall-kundizzjoni ta’ indipendenza finanzjarja prevista fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva msemmija. Bħalma enfasizzaw ġustament diversi gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura, dan ma jikkorrispondix mas-sens u mal-iskop tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu u tar-residenza.

57.      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju hija:

In-natura legali tar-residenza, li għaliha l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jissuġġetta l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti, tista’ tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti dwar iċ-ċittadini barranin.

Madankollu, jekk ċittadin tal-Unjoni jkollu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti u jkun residenti hemmhekk fuq il-bażi ta’ din iċ-ċittadinanza mingħajr ma jkun uża d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, f’dan il-każ ma jkunx jista’ jingħad li hemm “residenza legali” fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38.

C –    Osservazzjonijiet finali

58.      Skont is-soluzzjoni li qiegħda nipproponi, ċittadina tal-Unjoni li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S. McCarthy ma tistax tibbaża ruħha fuq id-dritt tal-Unjoni sabiex tikseb, għaliha stess u għall-membri tal-familja tagħha, dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn hija dejjem għexet u li tiegħu għandha ċ-ċittadinanza.

59.      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ssuġġeriet fis-sentenza Metock (61), l-Istati Membri kollha huma parti fil-KEDB (62). Minkejja li l-KEDB ma tiggarantix lil ċittadin barrani dritt ta’ dħul u ta’ residenza bħala tali f’pajjiż partikolari, meta persuna ssofri r-rifjut tad-dħul jew tar-residenza fil-pajjiż fejn tgħix tal-membri tal-familja immedjata tagħha, dan jista’ jikkostitwixxi preġudizzju għad-dritt li titħares il-ħajja tal-familja ggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB (63).

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kompletament eskluż li r-Renju Unit, bħala parti fil-KEDB, jista’ jkun marbut, bħala tali parti, jagħti dritt ta’ residenza lil G. McCarthy bħala l-konjuġi ta’ ċittadina Brittanika li tgħix fl-Ingilterra. Madankollu, din ma hijiex kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni iżda kwistjoni tal-obbligu li għandu r-Renju Unit taħt il-KEDB, kwistjoni li l-evalwazzjoni tagħha taqa’ esklużivament fil-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali u, jekk ikun il-każ, tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

VI – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari:

Ċittadina tal-Unjoni li għandha n-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri u li għexet dejjem f’wieħed biss minnhom ma tistax tinvoka dritt ta’ residenza f’dan l-Istat fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Meta nuża l-espressjonijiet “ċittadinanza Brittanika” u residenza “fl-Ingilterra”, qiegħda nuża, kemm hawnhekk u kemm iktar ’il quddiem, il-formulazzjoni użata fid-digriet tar-rinviju.


3 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


4 –      Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mir-rappreżentant ad litem ta’ S. McCarthy matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-sitwazzjoni tirriżulta mill-fatt li G. McCarthy kien inizjalment daħal fir-Renju Unit bħala “visitor”.


5 –      Ministru tal-Intern tar-Renju Unit.


6 – Qorti tal-ażil u tal-immigrazzjoni.


7 – Qorti tal-appell għall-Ingilterra u Wales (Taqsima tad-Dritt Ċivili).


8 – Ir-rikors tqies ammissibbli fit-13 ta’ Novembru 2008 minn dik li kienet għadha l-House of Lords. Madankollu, minħabba l-Liġi dwar ir-riforma Kostituzzjonali tal-2005 (Constitutional Reform Act 2005), f’Ottubru 2008, il-kompetenzi tal-House of Lords bħala istanza ġudizzjarja għaddew lis-Supreme Court of the United Kingdom, li kienet għadha kemm inħolqot.


9 – Id-deċiżjoni li jsiru dawn id-domandi kienet laħqet ittieħdet mill-House of Lords. Madankollu, kien ir-Registrar of the Supreme Court of the United Kingdom (ir-Reġistratur tal-Qorti Suprema tar-Renju Unit) li bagħathom. Barra minn hekk, il-fatt li fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari hemm indikat “Draft Reference” (Abbozz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari) ma jipprekludix l-ammissibbiltà tagħha. Fil-fatt, mill-ittra mibgħuta magħha f’Novembru 2009, jirriżulta li s-Supreme Court uffiċjalment ressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


10 – Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 22), prinċipju tad-dritt internazzjonali “jipprekludi lil Stat milli jirrifjuta liċ-ċittadini nazzjonali tiegħu d-dritt li jkollhom aċċess għat-territorju tiegħu u li jirrisjedu hemmhekk”; ara, barra minn hekk, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju  1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265, punt 22) u tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 31), kif ukoll l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 4 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, li seta’ jiġi ffirmat fi Strasbourg sa mis-16 ta’ Settembru  963 u li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 1968 (STCE Nru 46).


11 – Din kienet ukoll ir-raġuni għaliex ġew sospiżi l-proċeduri fir-rigward tar-rikors ta’ G. McCarthy dwar id-dritt ta’ residenza tiegħu (ara l-punt 15, iktar ’il fuq, ta’ dawn il-konklużjonijiet).


12 – Li qabel kienu l-Artikolu 18(1) KE, l-Artikolu 39 KE, l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 49 KE.


13 – Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kienet inizjalment ipproklamata b’mod solenni fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), u mbagħad għal darba oħra fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasbourg (ĠU C 303, p. 1).


14 – Artikolu 1(a), Artikolu 3(2) u Artikolu 5(4), kif ukoll il-premessi 3 u 22 tad-Direttiva 2004/38.


15 – Premessa 3 tad-Direttiva 2004/38; bl-istess mod, it-titolu tad-Direttiva 2004/38 u l-premessa 5 tagħha jitkellmu dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li “jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Ara wkoll is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 59); tat-23 ta’ Frar 2010, Ibrahim (C-310/08, Ġabra p. I-01065, punt 49); tat-23 ta’ Frar 2010, Teixeira (C-480/08, Ġabra p. I-01107, punt 60), kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal (C-162/09, Ġabra p. I-09217, punt 30).


16 – Ara pereżempju l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 5, l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 27(3), l-Artikolu 29(2) u (3), u l-Artikolu 31(4), kif ukoll il-premessi 6 u 22 tad-Direttiva 2004/38.


17 – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38; bl-istess mod, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva titkellem dwar “dritt fondamentali u personali ta’ residenza fi Stat Membru ieħor”.


18 – Artikolu 2, Artikolu 3(2), Artikolu5(3), Artikolu 7, Artikolu 8, Artikoli 14 sa 18, Artikolu 22, Artikolu 24, Artikolu 28, Artikolu 29, Artikolu 31 u Artikolu 33, kif ukoll premessi 5, 6, 9, 10, 15, 16, 17, 18, 19, 21, 23 u 24 tad-Direttiva 2004/38.


19 – Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2004/38.


20 – Ara l-Artikolu 3(1) u l-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38; f’dan is-sens ukoll ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 19) u Teixeira (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 45).


21 – Sentenzi Singh (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 19 sa 23) u Eind (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 32 sa 36); fl-istess sens, ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279, b’mod partikolari l-punt 46).


22 – Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Jipa (C-33/07, Ġabra p. I-5157, b’mod partikolari l-punti 17 u 18).


23 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1982, Morson u Jhanjan (35/82 u 36/82, Ġabra p. 3723, punti 11 sa 18).


24 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Eind (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 23).


25 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28); u tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C-402/07 u C-432/07, Ġabra p. I-10923, punt 48).


26 – L-Avukat Ġenerali Sharpston tressaq opinjoni kuntrarja fil-konklużjonijiet tagħha tat-30 ta’ Settembru 2010 fil-kawża Ruiz Zambrano (C-34/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, b’mod partikolari fil-punti 91 sa 97 u fl-ewwel sentenza tal-punt 121).


27 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C-369/90, Ġabra p. I-4239, punt 10); Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 39), kif ukoll Zhu u Chen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 39).


28 – Sentenza Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, b’mod partikolari l-punti 32 sa 37). Is-sentenza Micheletti (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27) tirreferi espliċitament ukoll għall-importanza taċ-ċittadinanza doppja fid-dritt tal-Unjoni fir-rigward, madankollu, ta’ Stat Membru li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex iċ-ċittadinanza tiegħu.


29 – Sentenza Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, b’mod partikolari l-punti 36, 37 u 45).


30 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C-353/06, Ġabra p. I‑7639, b’mod partikolari l-punti 23 u 31).


31 – Sentenzi Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 36) u Grunkin-Paul (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 23 sa 28 u 32); ara, bl-istess mod, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, Konstantinidis (C-168/91, Ġabra p. I-1191, punt 16).


32 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26).


33 – Sentenza Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 82); ara wkoll iktar ’il fuq (punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


34 – Dan huwa l-punt li jiddistingwi din il-kawża mill-kawża Zhu u Chen (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20), fejn iċ-ċittadina tal-Unjoni kkonċernata, Catherine Zhu, ma kellhiex iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti iżda kellha biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat ieħor, u dan minkejja li kienet għexet fl-Istat Membru ospitanti sa mit-twelid tagħha b’mod li kienet qiegħda teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tagħha taħt l-Artikolu 21(1) TFUE [li qabel kien l-Artikolu 18(1) KE]. Bl-istess mod, din il-kawża hija differenti mill-kawża Eind (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10) fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat kellu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti (il-Pajjiżi l-Baxxi) u kien sejjer lura f’dan l-Istat wara li kien eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu.


35 – Kif tenfasizza ġustament l-Irlanda, ma hemm xejn li jżomm lil S. McCarthy milli tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru ieħor billi teżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tagħha, pereżempju fl-Irlanda, fejn il-konjuġi tagħha jkun jista’ jissieħeb magħha bħala membru tal-familja tagħha.


36 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 76 sa 78).


37 – Sentenza Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 77 sa 78); fl-istess sens, ara l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattati, pereżempju s-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 33).


38 – K.-D. Borchardt, “Der sozialrechtliche Gehalt der Unionsbürgerschaft”, Neue Juristische Wochenschrift 2000, p. 2057 (2059); D. Edward, “Unionsbürgerschaft – Mythos, Hoffnung oder Realität?”, fi “Grundrechte in Europa” – Münsterische Juristische Vorträge, Münster 2002, p. 35 (41); D. Edward, “European Citizenship – Myth, Hope or Reality?”, fi “Problèmes d’interprétation” – à la mémoire de Constantinos N. Kakouris, Ateni/Brussell 2004, p. 123 (131-133); E. Spaventa, “Seeing the Wood despite the Trees? On the Scope of Union Citizenship an dits Constitutional Effects”, Common Market Law Review 45 (2008), p. 13 (b’mod partikolari 30-39).


39 – Konklużjonijiet fil-kawża Ruiz Zambrano (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, b’mod partikolari punti 139 sa 150).


40 – Sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Uecker u Jacquet (C-64/96 u C‑65/96, Ġabra p. I‑3171, punt 23); Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 26); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, Ġabra p.I‑6421, punt 20); Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 39), u tat-22 ta’ Mejju 2008, Nerkowska (C‑499/06, Ġabra p. I‑3993, punt 25).


41 – Sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 69); fl-istess sens, ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055, b’mod partikolari l-punti 57, 58 u 61). Fir-rigward tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni bħala “status fundamentali”, ara wkoll is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82); Garcia Avello (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 22), u tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).


42 – F’dan is-sens, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 146), li tikkunsidra li s-sitwazzjonijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni “statiċi” u “mobbli” għandhom ikunu paragunabbli.


43 – Ara iktar ’il fuq (punt 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


44 – Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38.


45 – Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38; f’dan ir-rigward ara l-osservazzjonijiet tiegħi dwar it-tieni domanda preliminari (punti 47 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


46 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ruiz Zambrano (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26).


47 – Il-kawżi pendenti Dias (C-375/09), Ziokowski (C-424/10) u Szeja (C-425/10) iqajmu diversi domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38 u b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “residenza legali”. Madankollu, ma jidhirx li dawn il-kawżi jikkonċernaw il-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti.


48 – Ara iktar ’il fuq (b’mod partikolari l-punti 25 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


49 – Sentenza Lassal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 40).


50 – Premessa 17 tad-Direttiva 2004/38.


51 – Sentenza Metock (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 84 u 93) u Lassal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 31).


52 – Premessa 17 tad-Direttiva 2004/38.


53 – Premessa 18 tad-Direttiva 2004/38.


54 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi tal-20 ta’ Ottubru 2009 fil-kawża Teixeira (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 119); l-Avukat Ġenerali Trstenjak apparentement għandha opinjoni differenti (konklużjonijiet tal-11 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Lassal, sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 88, l-aħħar sentenza).


55 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573, b’mod partikolari l-punti 36 u 37); ara fl-istess sens is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala (C-85/96, Ġabra p. I-2691, b’mod partikolari l-punti 14 u 15, kif ukoll 60 u 61), madankollu, f’dan il-każ tal-aħħar, jidher li hija involuta pjuttost tolleranza de facto tar-residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni.


56 – Sentenzi Martínez Sala (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punti 64 u 65) u Trojani (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 39).


57 – Ara l-osservazzjonijiet tiegħi dwar l-ewwel domanda preliminari (b’mod partikolari l-punti 27 u 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


58 – Ara iktar ’il fuq (punt 20 u nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


59 – Ara b’mod partikolari l-Artikolu 7, l-Artikolu 8 u l-Artikoli 27 sa 33 tad-Direttiba 2004/38.


60 – L-Irlanda użat espressjonijiet bl-istess sens matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: “à la carte approach” u “the best of both worlds”.


61 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 79.


62 – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (STCE Nru 5).


63 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta’ Frar 1991, Moustaquim vs Il-Belġju (Serje A, Nru 193, p. 18, punt 36); tat-2 ta’ Awwissu 2001, Boultif vs L-Iżvizzera (Recueil des arrêts et décisions 2001-IX, punt 39), u tat-22 ta’ April 2004, Radonavic vs L-Awstrija (Rikors Nru 42703/98, punt 30). Min-naħa tagħha, f’dak li jikkonċerna lill-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-dritt ta’ għajxien mal-membri tal-familja immedjata kien jimponi obbligi fuq l-Istati Membri; dawn jistgħu jkunu obbligi fejn l-Istat jastjeni milli jaġixxi, pereżempju meta Stat Membru ma jkollux id-dritt ikeċċi persuna, jew obbligi fejn l-Istat ikun obbligat jaġixxi, pereżempju meta jkun obbligat iħalli persuna tidħol u tgħix fit-territorju tiegħu (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “riunifikazzjoni tal-familja”, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 52).