KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÒN

ippreżentati fid-9 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑384/09

Prunus SARL

vs

Directeur des services fiscaux

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de Grande Instance de Paris)

“Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq il-proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru – Proprjetà immobbli ta’ persuna ġuridika – Skema ta’ eżenzjoni minn ħlas tat-taxxa li tiddistingwi bejn kumpannija li għandha s-sede effettiva tagħha fi Stat Membru jew fi Stat terz – Applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital għal pajjiżi jew territorji extra-Ewropej – Interpretazzjoni tad-Deċiżjonijiet 91/482/KEE u 2001/822/KEE”





Werrej

I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

B –   Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

II – Il-fatti

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

IV – Fuq l-ewwel domanda preliminari

A –   Osservazzonijiet preliminari

1.     Il-moviment liberu tal-kapital u l-esportazzjoni tiegħu

2.     Il-PTEE u l-istatus ġuridiku tagħhom fid-dritt tal-Unjoni

3.     Sinteżi

B –   L-applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE għall-PTEE

1.     Applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital jew tad-dritt tal-istabbiliment

2.     Inapplikabbiltà tal-Artikolu 63(1) bħala riżultat tad-Deċiżjonijiet 91/482 u 2001/822

3.     Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE minħabba l-klawżola tal-istand-still prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE

C –   Il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE

1.     Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

2.     Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

V –   Fuq it-tieni domanda preliminari

VI – Konklużjoni


1.        It-Tribunal de Grande Instance de Paris iressaq żewġ domandi preliminari li jirrigwardaw il-kompatibbiltà mat-Trattati ta’ Liġi fiskali Franċiża li, għall-iskop ta’ eżenzjoni mill-ħlas ta’ taxxa fuq proprjetà immobbli ta’ persuni ġuridiċi, tintroduċi distinzjoni skont jekk is-suġġett passiv għandux is-sede proprja ta’ tmexxija effettiva f’Stat terz jew fi Stat Membru. Din il-kawża hija wkoll ikkaratterizzata mill-fatt illi l-kumpannija kkonċernata għandha s-sede proprja ta’ tmexxija effettiva fil-Gżejjer Verġni Britanniċi, illi, bħalma huwa magħruf, ma humiex pajjiż terz, iżda territorju extra-Ewropew suġġett għad-dispożizzjonijiet speċjali tal-Artikoli 198 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.        Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk imsejħa sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-“pajjiżi u territorji extra-Ewropej” (iktar ’il quddiem: “PTEE”), b’mod partikolari meta l-Istati Membri jużaw il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali sabiex jiġġustifikaw il-legalità ta’ restrizzjoni ta’ din il-libertà.

3.        Din il-kwistjoni tqum f’kuntest illi huwa diġà magħruf lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress illi reċentement, fil-kawżi ELISA u Établissements Rimbaud (2) hija diġà kellha l-opportunità illi tiddeċiedi fuq din l-istess liġi li qed tiġi diskussa f’din il-kawża, anki jekk fir-rigward ta’ restrizzjonijiet applikabbli għal Stati Membri oħra u għal Stati taż-Żona Ekonomika Ewropea rispettivament. Fl-aħħar nett, din il-kawża ser tagħti opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha, billi tagħti tweġiba għall-problemi partikulari mqajma mill-PTEE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

4.        L-Artikoli 63 sa 65 TFUE jiżguraw il-moviment liberu tal-kapital fit-termini li ġejjin:

“Artikolu 63

1.       Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita.

2.       Fil-kwadru tad-dispożizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq pagamenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandha tkun projbita.

Artikolu 64

1.       Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 ma jippreġudikawx l-applikazzjoni għall-pajjiżi terzi ta’ xi restrizzjonijiet li jkunu jeżistu fil-31 ta' Diċembru 1993 skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi tal-Unjoni dwar il-moviment tal-kapital lejn jew minn pajjiżi terzi li jinvolvi investiment dirett – inkluż ukoll investiment f’beni immobbli – l-istabbiliment, il-provvediment ta’ servizzi finanzjarji jew id-dħul ta’ titoli fi swieq kapitali. Rigward ir-restrizzjonijiet eżistenti skond il-liġi nazzjonali tal-Bulgarija, l- Estonja u l-Ungerija, id-data rilevanti għandha tkun il-31 ta’ Diċembru 1999.

[…]

Artikolu 65

1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt tal-Istati Membri:

      a) li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

      b) li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal finijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

[…]

3.      Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63.

4.      Fin-nuqqas ta’ miżuri f’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 64(3), il-Kummissjoni jew, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mit-talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kunsill, jista’ jadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri fiskali restrittivi adottati minn Stat Membru li jikkonċernaw Stat terz wieħed jew iktar, għandhom ikunu kkunsidrati kompatibbli mat-Trattati ġaladarba dawn ikunu ġustifikati minn wieħed mill-objettivi tal-Unjoni u jkunu kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu fuq talba minn Stat Membru.”

5.        Min-naħa tiegħu, ir-reġim tal-PTLHB [PTEE] huwa rregolat bir-raba’ parti tat-TFUE. B’mod partikolari, għall-iskop ta’ din il-proċedura, huwa neċessarju illi jiġu ssenjalati s-segwenti dispożizzjonijiet:

“Artikolu 198

L-Istati Membri jaqblu li jassoċjaw ma’ l-Unjoni dawk il-pajjiżi u t-territorji mhux Ewropej u li għandhom relazzjonijiet speċjali mad-Danimarka, Franza, l-Olanda u r-Renju Unit. Dawn il-pajjiżi u territorji (hawn iktar ’l isfel imsejħa bħala “il-pajjizi u t-territorji”) huma elenkati fl-Anness II tat-Trattat.

L-għan ta’ din l-assoċjazzjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji, u li tistabbilixxi relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom u l-Unjoni kollha.

Konformement mal-prinċipji enunzjati fil-Preambolu ta’ dan it-Trattat, din l-assoċjazzjoni għandha, prinċipalment, tippermetti t-titjib tal-interessi u tal-prosperità tal-abitanti ta’ dawn il-pajjizi u territorji sabiex twassalhom għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali li għalih jaspiraw.

Artikolu 199

L-għanijiet tal-assoċjazzjoni huma s-segwenti:

1)      Fil-kummerċ tagħhom mal-pajjiżi u t-territorji, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet li jagħtu lil xulxin permezz tat-Trattati.

2)      Kull pajjiż jew territorju għandu japplika għall-kummerċ tiegħu ma’ l-Istati Membri u mal-pajjiżi jew territorji oħra l-istess kondizzjonijiet li japplika ma’ l-istat Ewropew li miegħu għandu relazzjonijiet speċjali.

3)      L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-investimenti meħtieġa għall-iżvilupp progressiv ta’ dawn il-pajjiżi u t-territorji.

4)      Fir-rigward ta’ investimenti iffinanzjati mill-Unjoni, il-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-offerti u provvisti tkun miftuħa, b’mod indaqs, għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, ċittadini tal-Istati Membri jew tal-pajjiżi u t-territorji.

5)      Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi u t-territorji, id-dritt tal-istabbiliment taċ-ċittadini u kumpanniji għandu jiġi regolat skond id-dispożizzjonijiet, u bl-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-Kapitolu li jittratta d-dritt tal-istabbiliment, u fuq bażi mhux diskriminatorja, mingħajr preġudizzju għall-miżuri speċjali meħuda taħt l-Artikolu 203.

[…]

Artikolu 203

Il-Kunsill, b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu, abbażi ta’ l-esperjenza akkwistata taħt l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma’ l-Unjoni u tal-prinċipji stabbiliti fit-Trattati, jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar ir-regoli dettaljati u l-proċedura għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji ma’ l-Unjoni. Meta d-dispożizzjonijiet imsemmija jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura leġislattiva speċjali, dan għandu jiddeċiedi b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni u wara l-konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.”

6.        L-Anness II tat-TFUE, illi jittratta l-PTEE li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-raba’ parti tat-Trattat, isemmi, fost oħrajn, il-Gżejjer Verġni Britanniċi.

7.        Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-PTEE mal-Komunità Ekonomika Ewropea (3), il-Komunità Ekonomika Ewropea ta’ dak iż-żmien adottat dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għar-relazzjonijiet mal-PTEE. Din id-deċiżjoni baqgħet fis-seħħ sal-1 ta’ Diċembru 2001.

8.        Rigward il-moviment tal-kapital, din kienet tipprovdi kif ġej:

Artikolu 180

1.      Għal dak illi jirrigwarda l-moviment tal-kapital marbut ma’ investimenti u pagamenti korrenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-PTEE u l-Istati Membri tal-Komunità ma għandhomx jadottaw, fis-settur tat-tranżazzjonijiet tal-kambju, provvedimenti inkompatibbli mal-obbligi tagħhom naxxenti mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni dwar l-iskambju tal-merkanzija u tas-servizzi, tal-istabbiliment u tal-kooperazzjoni industrijali. B’danakollu dawn l-obbligi ma jimpedixxux l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji ta’ ħarsien minħabba raġunijiet ta’ diffikultajiet ekonomiċi serji, jew problemi serji ta’ bilanċ ta’ pagamenti.

2.      Għal dak illi jirrigwarda t-tranżazzjonijiet ta’ kambju relattivi għal investimenti u għal pagamenti korrenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-PTEE, fuq naħa, u l-Istati Membri, fuq in-naħa l-oħra, ma għandhomx, sa fejn possibbli, jadottaw miżuri diskriminatorji fil-konfront ta’ xulxin, jew jagħtu trattament iktar favorevoli lil Stati terzi, waqt illi jżommu quddiem għajnejhom sa fejn neċessarju l-karattru dejjem jinbidel tas-sistema monetarja internazzjonali, l-eżistenza ta’ ftehim monetarji speċifiċi, u l-problemi marbutin mal-bilanċ tal-pagamenti.

      Jekk dawn il-miżuri jew trattament ma jkunux jistgħu jiġu evitati, huma għandhom jinżammu jew jiddaħħlu fis-seħħ konformement mar-regoli monetarji rikonoxxuti internazzjonalment u l-effetti negattivi tagħhom fuq il-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu minimizzati b’kull mezz.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Fit-2 ta’ Diċembru 2001 daħlet fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, tas-27 ta’ Novembru 2001, dwar l-assoċjazzjoni tal-PTLHB mal-Komunità Ewropea (4). Din id-deċiżjoni, illi tissostitwixxi d-Deċiżjoni 91/482, ukoll fiha dispożizzjoni speċifika dwar il-kapital:

“Artikolu 47

Ħlasijiet korrenti u movimenti ta’ kapital

1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2:

a) L-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-PTLHB [PTEE] m’għandhom jimponu l-ebda restrizzjoni fuq xi ħlasijiet f’munita korrenti konvertibbli liberalment fuq il-kont kurrenti ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet bejn residenti tal-Komunità u tal-PTLHB[PTEE];

b) rigward transazzonijiet fuq il-kont kapitali ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-PTLHB[PTEE] m’għandhom jimponu l-ebda restrizzjoni fuq il-moviment liberu ta’ kapital għal investimenti diretti f’kumpanijiet iffurmati bi qbil mal-liġijiet tal-Istat Membru, pajjiż jew territorju tal-lqugħ u biex jiġi żgurat li l-assi ffurmati minn dan l-investiment u kull qligħ li joħroġ minnu jkun jista’ jiġi realizzat u miġjub lura fil-pajjiż (repatriated).

2. Il-Komunità, l-Istati Membri u l-PTLHB [PTEE] għandhom jiġu ntitolati sabiex jieħdu l-miżuri riferiti mutatis mutandis fl-Artikoli 57, 58, 59, 60 u 301 tat-Trattat bi qbil mal-kondizzjonijiet preskritti li jinsabu fihom. [...] Meta jieħdu dawn il-miżuri, l-awtoritajiet tal-PTLHB[PTEE], l-Istati Membri jew il-Komunità għandhom jgħarrfu lil xulxin mingħajr dewmien u jissottomettu lil xulxin kemm jista’ jkun malajr tabella taż-żmien għall-eliminazzjoni tal-miżuri konċernati.”

B –    Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

10.      Fit-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 990 D tal-Code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi Franċiż, iktar ’il quddiem: il-“CGI”), il-persuni ġuridiċi illi, direttament jew permezz ta’ intermedjarju, huma proprjetarji ta’ immobbli wieħed jew iktar li jinsabu fi Franza jew għandhom drittijiet reali fuq proprjetà immobbli huma obbligati jħallsu taxxa annwali ta’ 3 % tal-valur fis-suq ta’ dawn l-immobbli jew drittijiet. Din it-taxxa hija applikabbli għal kull kategorija ta’ persuni ġuridiċi, inkluż il-kumpanniji, il-fondazzjonijiet, u l-assoċjazzjonijiet.

11.      L-Artikolu 990 E tal-CGI jipprovdi għal eżenzjoni minn din it-taxxa, ifformulata kif ġej:

“It-taxxa prevista fl-Artikolu 990 D ma tapplikax:

1.      għall-persuni ġuridiċi illi l-assi immobiljari tagħhom li jinsabu fi Franza, fis-sens tal-Artikolu 990 D, jirrapreżentaw inqas minn 50 % tal-assi Franċiżi. Għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ma humiex inklużi fl-assi immobbli, dawk l-assi illi l-persuni msemmija fl-Artikolu 990 D, jew l-intermedjarji, jallokaw għall-attività professjonali tagħhom sakemm din ma tkunx relatata ma’ proprjetà immobbli;


2.      għall-persuni ġuridiċi li, peress li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż jew territorju li jkun ikkonkluda ma’ Franza konvenzjoni dwar assistenza amministrattiva bil-għan li jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, jiddikjaraw kull sena, sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju, fil-post stabbilit mid‑digriet previst fl-Artikolu 990 F, il-pożizzjoni, id-deskrizzjoni u l-valur tal-proprjetà immobbli fil-pussess tagħhom fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz tal-azzjonisti tagħhom fl-istess data u n-numru ta’ azzjonijiet jew ta’ ishma miżmuma minn kull wieħed minnhom;


3.      għall-persuni ġuridiċi illi għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza u lil dawk il-persuni ġuridiċi l-oħra illi, bis-saħħa ta’ trattat, ma għandhomx ikunu suġġetti għal ħlas ta’ taxxa ikbar, meta jinnotifikaw kull sena, jew jassumu u josservawobbligu illi jinnotifikaw lill-amministrazzjoni fiskali, fuq talba tagħha, il-pożizzjoni u d-deskrizzjoni tal-immobbli illi huma jkollhom fl-1 ta’ Jannar, l-identità u l-indirizz tal-azzjonisti, imsieħba jew membri oħra, in-numru tal-azzjonijiet, ishma jew drittijiet oħra illi jkollu kull wieħed minnhom u l-prova tad-domiċilju fiskali tagħhom. Dan l-obbligu għandu jiġi assunt fid-data ta’ meta dik il-persuna ġuridika takkwista l-proprjetà jew id-dritt immobbli jew tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 990 D jew, mhux iktar tard mill-15 ta’ Mejju 1993 għall-proprjetà, drittijiet jew azzjonijiet illi kienu diġà pposseduti fl-1 ta’ Jannar 1993 [...]”.


II – Il-fatti

12.      S.a.r.l. Prunus (iktar ’il quddiem “Prunus”) hija kumpannija kummerċjali bis-sede tagħha f’Pariġi (Franza). Il-kapital tagħha jappartjeni esklużivament lil S.A. Polonium (iktar ’il quddiem “Polonium”), kumpannija holding bis-sede tagħha fil-Lussemburgu. Min-naħa tagħha, Polonium hija kkontrollata esklużivament fi kwoti ndaqs minn Lovett Overseas SA (iktar ’il quddiem “Lovett”) u minn Grebell Investments S.A. (iktar ’il quddiem “Grebell”), u dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom is-sede tagħhom fil-Gżejjer Verġni Britanniċi.

13.      Bejn l-1998 u l-2002, Prunus kienet proprjetarja ta’ tliet immobbli li jinsabu f’Pariġi, u hija nnotifikat lill-amministrazzjoni fiskali Franċiża dwarhom. Fis-sens tal-Artikolu 990 E tal-CGI, Prunus kienet eżenti mill-ħlas tat-taxxa ta’ 3 % fuq l-immobbli illi kienu proprjetà ta’ persuni ġuridiċi. Madankollu, peress illi l-kumpanniji Lovett u Grebell ma kienu jinkwadraw f’ebda waħda mill-ipoteżi ta’ eżenzjoni previsti fl-Artikolu 990 E tal-CGI, huma kienu t-tnejn suġġetti, bħala detenturi indiretti tal-azzjonijiet fi Prunus, għat-taxxa msemmija, kull waħda minnhom fi kwota ta’ 50 %. Fis-7 ta’ Mejju 2003, għalhekk, l-amministrazzjoni fiskali talbet liż-żewġ kumpanniji sabiex iħallsu t-taxxa dovuta għas-snin 2001 u 2002.

14.      L-awtoritajiet Franċiżi talbu lil Prunus, bħala debitriċi in solidum, tħallas it-taxxa dovuta minn Lovett u Grebell. Prunus ppreżentat ilment kontra din id-deċiżjoni, iżda dan ġie miċħud fit-12 ta’ Diċembru 2006. Hija għalhekk ippreżentat rikors kontra din iċ-ċaħda quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris, illi min-naħa tiegħu adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’dan ir-rinviju preliminari.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-domandi preliminari

15.      Fid-29 ta’ Settembru 2009 ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li biha t-Tribunal de grande instance de Paris qajjem iż-żewġ domandi illi ġejjin:

“1) L-Artikoli 56 et seq tat-Trattat KE jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik prevista mill-Artikoli 990 D et seq tal-Code général des impôts, li tagħti lill-persuni ġuridiċi li għandhom iċ-ċentru tat-tmexxija effettiv tagħhom fi Franza jew, mill-1 ta’ Jannar 2008, fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, id-dritt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa kkontestata u li tissuġġetta dan id-dritt, f’dak li jikkonċerna l-persuni ġuridiċi li għandhom iċ-ċentru tat-tmexxija effettiv tagħhom fit-territorju ta’ Stat terz, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni dwar assistenza amministrattiva, iffirmata bejn Franza u dan l-Istat bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni fiskali, jew għall-fatt li, skont trattat li fih klawżola ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, dawn il-persuni ġuridiċi ma għandhomx ikunu ntaxxati iktar minn persuni ġuridiċi li għandhom iċ-ċentru tat-tmexxija effettiv tagħhom fi Franza?

2) L-Artikoli 56 et seq tat-Trattat KE jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik prevista mill-Artikolu 990 F tal-Code général des impôts li tippermetti lid-dipartiment fiskali sabiex iżomm responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa taħt l-Artikoli 990 D et seq tal-Code général des impôts kull persuna ġuridika mqiegħda bejn id-debitur jew id-debituri tat-taxxa u l-proprjetà immobbli jew id-drittijiet fuq proprjetà immobbli?”

16.      Ir-rappreżentant ta’ Prunus u ta’ Polonium, u r-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

17.      Waqt is-seduta tat-23 ta’ Settembru 2009, ittrattaw ir-rappreżentant ta’ Prunus u ta’ Polonium, kif ukoll l-aġenti tar-Repubblika Franċiża, tar-Renju tal-Isvezja, tar-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Kummissjoni.

IV – Fuq l-ewwel domanda preliminari

18.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel l-ewwel domanda tagħha billi tirreferi għall-fatt illi l-kumpannija suġġetta għat-taxxa inkwistjoni għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha fi Stat terz. B’danakollu, il-kontestazzjoni prinċipali mqajma bil-każ inkwistjoni tirrigwarda l-fatt illi s-sede ma hijiex fi Stat barrani imma f’PTEE. Din il-partikularità magħquda mal-istatus speċifiku illi minnu jgawdu dawn il-pajjiżi u territorji, titlob analiżi differenti minn dik illi kienet tkun neċessarja fil-kuntest ta’ Stat terz veru u proprju. Għalhekk il-kwistjoni mqajma f’dan il-każ tistrieħ pjuttost fuq il-konformità mal-liġi tal-Unjoni ta’ taxxa illi tintroduċi trattament differenti għal persuni ġuridiċi illi għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom f’PTEE.

A –    Osservazzonijiet preliminari

19.      Darba ċċarat dan il-punt, ir-risposta għall-ewwel domanda mqajma mit-Tribunal de grande instance de Paris tirrikjedi diversi preċiżazzjonijiet preliminari għal dak illi jirrigwarda, fuq naħa, il-każ partikulari tal-moviment liberu tal-kapital, u, fuq in-naħa l-oħra, in-natura tal-PTEE u t-tip ta’ assoċjazzjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

1.      Il-moviment liberu tal-kapital u l-esportazzjoni tiegħu

20.      B’differenza mil-libertajiet l-oħra, il-moviment liberu tal-kapital jippreżenta fuq naħa kamp ta’ applikazzjoni intern għall-Unjoni, intiż sabiex iħares il-moviment tal-kapital finanzjarju bejn l-Istati Membri, kif ukoll, fuq in-naħa l-oħra, kamp ta’ applikazzjoni estern, bil-għan illi jżomm il-moviment tal-kapital għaddej bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

21.      L-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet esterni fuq il-kapital hija bbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet: li tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ kapital permezz ta’ Stati Membri illi għandhom skemi ta’ aċċess iktar liberali, il-bżonn illi tissaħħaħ il-munita unika, jew l-inċentivi sabiex jinfetħu ċentri finanzjarji mondjali fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (5). Madankollu, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa neċessarju wkoll illi jiġu introdotti skemi intiżi sabiex jiġġieldu fenomeni negattivi li jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni. Għalhekk, fejn it-Trattati jestendu l-moviment liberu tal-kapital għal pajjiżi terzi, jipprevedu fl-istess waqt eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet partikulari li huma sostanzjalment differenti minn dawk applikabbli għal-liberatijiet l-oħra (6).

22.      Il-fatt illi l-kamp tal-applikazzjoni ta’ din il-libertà u l-għanijiet illi li hija trid tilħaq huma daqstant differenti mil-libertajiet l-oħra ta’ moviment, jispjega għalfejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ ma’ xi diffikultà sabiex tapplika d-duttrina tradizzjonali tagħha meta ffaċċjata bl-Artikoli 63 et seq tat-TFUE (7). Fl-eżami tal-kawża inkwistjoni huwa neċessarju illi jiġi adottat approċċ komuni, iżda b’elementi ta’ adattament għall-moviment liberu tal-kapital.

2.      Il-PTEE u l-istatus ġuridiku tagħhom fid-dritt tal-Unjoni

23.      It-tieni element illi jeħtieg illi jiġi rrilevat preliminarjament jirrigwarda s-sitwazzjoni ġuridika tal-PTEE, peress illi l-“Stat terz” illi jissemma fl-ewwel domanda, u illi fih għandha s-sede tagħha l-kumpannija debitriċi tat-taxxa inkwistjoni, ma huwa xejn ħlief PTEE, jiġifieri l-Gżejjer Verġni Britanniċi. Qabel ma ngħaddu sabiex ninterpretaw l-Artikolu 63 TFUE, huwa f’loku illi niftakru fil-qosor is-sitwazzjoni u l-istatus ġuridiku partikulari ta’ dawn it-territorji fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

24.      Diġà fl-1956, fuq inizjattiva tar-Repubblika Franċiża, waqt il-Konferenza ta’ Venezia illi saret fid-29 u t-30 ta’ Mejju ta’ dik is-sena, u fid-dawl tas-sussegwenti abbozzar tat-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea, kien maħsub il-ħolqien ta’ status partikulari għat-territorji tal-Istati firmatarji illi magħhom kienu jeżistu rabtiet storiċi, soċjali u politiċi partikulari. Din il-proposta kienet finalment aċċettata u mħaddna fit-Trattat KEE (8). Ġie introdott kapitolu speċifikament iddedikat lill-PTEE, ġiet redatta lista tat-territorji illi jidħlu f’din il-kategorija (9) u ġiet iffirmata u rratifikata l-Konvenzjoni ta’ implementazzjoni, illi kellha sservi bħala strument sabiex tirregola b’mod konkret ir-relazzjonijiet bejn dawn it-territorji u l-KEE (10).

25.      Minn dakinhar, il-bażi tal-istatus ġuridiku tal-PTEE previst mit-Trattati baqgħet sostanzjalment mhix mibdula matul is-snin, għalkemm kienu ġew introdotti xi emendi limitatament għan-numru tat-territorji involuti u għall-qafas speċifiku tal-iżvilupp, fl-okkażjoni ta’ meta l-konvenzjonijiet ta’ implementazzjoni ġew issostitwiti b’deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 203 TFUE (11). Għalhekk in-natura tar-relazzjoni illi torbot lil dawn it-territorji ma’ Stat Membru, u konsegwentement mal-Unjoni kollha kemm hi, hija karatteristika illi, fil-prinċipju, baqgħet sostanzjalment ma nbidlitx sal-ġurnata tal-lum (12).

26.      Fil-qosor ħafna, il-PTEE ma humiex Stati indipendenti illi jgawdu personalità internazzjonali ġuridika, iżda “territorji” magħqudin ma’ Stat Membru b’rabtiet storiċi, soċjali u politiċi partikulari. Għalhekk, għalkemm qed niddiskutu dwar komunitajiet politiċi formalment integrati f’dak l-Istat illi miegħu għandhom relazzjonijiet partikulari, it-Trattati jagħtuhom status speċifiku, preċiżament ibbażat fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni. Infatti, l-Artikolu 355 TFUE, barra li jagħmel riferiment għall-Artikolu 52 TUE (illi jelenka l-Istati Membri firmatarji bl-iskop illi jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattat), jiddikjara illi b’żieda ma’ dak l-artikolu japplikaw diversi dispożizzjonijiet oħra, fosthom dik illi tissemma fil-paragrafu 2 tiegħu, illi tipprovdi illi l-PTEE jiffurmaw l-oġġett ta’ “l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa”.

27.      F’dawn it-termini, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 52 TUE u 355 TFUE kkunsidrati flimkien, jagħtu lok għal mistoqsijiet pjuttost milli jagħtuna tweġibiet, peress illi huwa ċar li t-Trattat baqa’ ma tax risposta għal diversi mistoqsijiet ta’ prinċipju kemm għal dak illi jirrigwarda l-liġi applikabbli, kif ukoll dwar ir-relazzjonijiet ta’ bejn l-PTEE u l-Unjoni.

28.      Fil-fatt, meta jirreferi għall-Artikolu 52 TUE u, b’żieda miegħu, għall-arranġament speċjali ta’ assoċjazzjoni, l-Artikolu 355 TFUE ma jispeċifikax jekk it-Trattati jaħsbux għal arranġament ġenerali illi jagħti preċedenza lill-arranġament speċjali maħsub għall-PTEE, jew jekk dan l-arranġament speċjali huwiex l-uniku wieħed applikabbli għalihom. Fi kliem ieħor, għandna nirrikonoxxu illi t-Trattat ma jagħmilhiex ċara jekk l-PTEE humiex suġġetti għal arranġament illi jifforma sistema awtonoma interna fid-dritt tal-Unjoni, jew jekk l-arranġament applikabbli għalihom jippreżentax sempliċement lex specialis illi tissostitwixxi r-regoli ġenerali tat-Trattat.

29.      Fl-istess ħin, lanqas ma jista’ jingħad illi l-Artikolu 355 TFUE jinkwadra lill-PTEE f’kategorija speċifika għal dak illi jirrigwarda l-kwalità tagħhom ta’ suġġetti tad-dritt. Anki jekk ma hemmx dubju illi l-PTEE ma humiex Stati illi jgawdu personalità ġuridika vera u proprja, l-arranġament speċjali applikabbli għalihom jixbah assoċjazzjoni bħal dik illi hija diġà prevista għal pajjiżi terzi oħra li magħhom l-Unjoni għandha relazzjonijiet speċjali (13). Dan l-arranġament, imsaħħah b’regoli partikulari intiżi sabiex jintroduċu suq wieħed bejn l-Unjoni u t-territorji, jiġġustifika l-fatt illi, għal għanijiet determinati, il-PTEE għandhom sostanzjalment, u mhux formalment, l-istatus ta’ Stat terz. Din l-ipoteżi nsibuha, pereżempju, fl-Artikolu 64(1) TFUE, fejn dan jirreferi għal “Stat terz”. U skont il-Kummissjoni l-PTEE għandhom jidħlu f’din il-kategorija.

30.      It-tweġiba għal din il-vertenza tista’ tingħata biss wara interpretazzjoni sistematika tat-Trattati. Fil-kawża inkwistjoni, huma d-dispożizzjonijiet tal-Parti Erbgħa li jistgħu jipprovdulna soluzzjoni, b’mod partikulari jekk jiġu interpretati fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra li nsibu f’dan l-istess Trattat.

31.      Qabel xejn, l-Artikolu 198 jikkunsidra lill-PTEE bħala suġġetti misti, nofs triq bejn Stat terz u territorju illi jifforma parti mill-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tiddikjara illi l-PTEE “huma assoċjati” “ma’ l-Unjoni” u fl-istess waqt tiddefinixxihom bħala “mhux Ewropej”. Dan l-aħħar riferiment għandu, mingħajr dubju, tifsira iktar ġeografika milli ġuridika u politika, imma juri b’mod ċar il-karattru sui generis tar-relazzjonijiet bejn l-PTEE u l-Unjoni.

32.      Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-assoċjazzjoni jinkludu l-istabbiliment ta’ “relazzjonijiet ekonomiċi viċini bejnhom (PTEE) u l-Unjoni kollha” liema għanijiet kellhom jintlaħqu “konformement mal-prinċipji enunzjati fil-Preambolu ta’ (TFUE)”. Ibbażat fuq din il-premessa, l-Artikolu 199 TFUE jiddikjara illi “l-Istati Membri għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet li jagħtu lil xulxin permezz tat-Trattati”. L-Artikolu 200 TFUE mbagħad jintroduċi miżuri speċifiċi fil-qasam tal-moviment liberu ta’ merkanzija, u l-Artikolu 203 TFUE jawtorizza lill-Kunsill illi jadotta l-miżuri ta’ implementazzjoni.

33.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa diffiċli li jiġi rrikonoxxut illi l-arranġament ġuridiku applikabbli għall-PTEE jikkostitwixxi sistema awtonoma, biex ngħidu hekk mhux suġgetta għal ebda effett mit-Trattati. B’mod partikulari, it-teżi tal-awtonomija assoluta, proposta mir-Repubblika Franċiza fil-kors ta’ din il-kawża, tkun tfisser illi l-PTEE għandhom ikunu suġgetti għal sistema leġiżlattiva separata tal-Unjoni, f’liema każ ikunu rilevanti biss l-Artikoli 198 sa 204 TFUE, flimkien mad-deċiżjonijiet adottati sabiex jagħtu effett lil dan il-corpus. Minn din il-perspettiva, il-liġi tal-Unjoni tal-PTEE tkun tikkostitwixxi sistema “kompartimentalizzata” f’dik tal-Unjoni illi, bis-saħha tal-awtonomija tagħha, tkun tidher “protetta” mill-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat li ma humiex dawk illi jissemmew fl-Artikoli 198 sa 204 TFUE.

34.      Din l-interprezzjoni hija, madankollu, kontradetta mis-sens litterali tal-Artikolu 355 TFUE. Fil-fatt din id-dispożizzjoni tiddikjara, qabel xejn, illi “barra mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tat-Trattat (TUE)”, għall-PTEE għandhom japplikaw “l-arranġamenti speċjali għal assoċjazzjoni stabbiliti fil-Parti Erbgħa”. Il-frażi “barra mid-” tindika illi d-dritt tal-Unjoni għandu japplika għall-Istati Membri kollha, u illi, għal dak illi jirrigwarda l-PTEE, għandu jiżdied l-arranġament speċjali. Huwa veru illi qegħdin niddiskutu dwar arranġament illi għandu jitqies u illi jopera bħala lex specialis, illi jissostitwixxi ruħu għar-regoli ġenerali tat-Trattat, imma dan xorta waħda ma jittrasformahx f’sistema awtonoma u ħielsa minn kull influwenza tal-liġi prinċipali.

35.      Issa, mhux l-argument grammatiku biss, imma anki l-konsegwenzi prattiċi ta’ interpretazzjoni bħal dik hawn fuq esposta, jimmilitaw kontra l-awtonomija sħiħa tal-PTEE mid-dritt tal-Unjoni. Sistema legali awtonoma applikabbli għall-PTEE, separata mill-kumplament tad-dritt tal-Unjoni tkun tfisser illi, fejn il-liġi hija siekta, huma jiġu relegati fi speċi ta’ limbu ġuridiku, bil-perikolu qabel xejn illi pajjiżi terzi jistgħu jgawdu minn trattament iktar favorevoli minn dak mogħti lill-PTEE infushom minkejja r-relazzjonijiet viċini tagħhom mal-Unjoni. Dan l-aħħar element iwassalna sabiex noqogħdu ferm attenti fejn id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat jirreferu għal pajjiżi terzi. Huma proprjament dawn il-każi fejn il-PTEE, illi formalment ma jidħlu la fil-kategorija ta’ Stati Membri u lanqas f’dik ta’ pajjiżi terzi, jirriskjaw li jkunu vittmi ta’ interpretazzjonijiet, jekk xejn, riskjużi.

36.      Preċiżament sabiex tevita dan ir-riżultat, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ ferm prammatiku għall-analiżi tan-natura tal-PTEE u għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala pajjiżi jew territorji terzi assoċjati ma’ (iżda mhux imsieħba fl-) Unjoni.

37.      Hekk, fil-kawża Kaefer u Procacci, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Polineżja Franċiża sabiex iressqulha domandi preliminari fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Parti Erbgħa tat-Trattat ma tipprovdi illi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni hemm kontenuti huma applikabbli għall-qrati tal-PTEE; minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha biex tiddikjara illi l-qorti tar-rinviju kienet “ġurisdizzjoni Franċiża”, u għalhekk iddikjarat illi d-domanda kienet ammissibbli (14). Fil-kawża Eman u Sevinger, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet illi ċittadin ta’ Stat Membru residenti f’PTEE jista’ jinvoka d-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-Unjoni illi jissemmew fl-Artikoli 18 et seq TFUE, u hekk estendiet id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għar-residenti ta’ PTEE, bħallikieku dawk il-persuni kienu residenti fi Stat Membru (15). Iktar reċentement, fil-kawża N, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi kumpannija li jkollha s-sede tagħha fl-Antilli Olandiżi, illi kienet teżerċita kontroll effettiv fuq kumpannija oħra fir-Renju Unit, kienet tikkwalifika għad-dritt tal-istabbiliment, peress illi l-Antilli Olandiżi għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti minn Stat Membru (16).

38.      F’kawżi oħra, għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet illi l-PTEE għandhom jiġu ttrattati l-istess bħala pajjiżi terzi. Fis-sentenza Van der Kooy, l-importazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ta’ merkanzija illi kienet tiċċirkola liberament fl-Antilli Olandiżi ġiet ikkunsidrata bħala importazzjoni fil-Komunità ta’ merkanzija ġejja minn Stat terz (17). Fil-kawża DADI u Douane‑Agenten, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat mill-ġdid l-importazzjoni ta’ merkanzija ġejja mill-Antilli Olandiżi, din id-darba fid-dawl tad-Direttiva 92/46/KEE (18), u kkonkludiet għal darb’oħra illi l-prodotti ġejjin mill-PTEE kienu l-istess bħal dawk ġejjin minn Stat terz (19). Dan joħroġ ċar anki mill-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar - internazzjonali, fejn hija ddikjarat, f’żewġ okkażjonijiet, illi l-PTEE huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk, “jinsabu, fil-konfront tal-Komunità, fl-istess sitwazzjoni ta’ pajjiżi terzi” (20).

39.      Dawn iż-żewġ orjentamenti ġudizzjarji jistgħu jidhru kontradittorji, iżda fil-fatt ma humiex hekk. Fil-każijiet fejn ġie applikat l-ewwel orjentament, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sitwazzjonijiet fejn it-Trattat ma kienx jitkellem ċar dwar il-grad sa fejn huwa kellu jiġi applikat, pereżempju rigward ir-rinviji preliminari, id-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza Ewropea jew id-dritt tal-istabbiliment. Għall-kuntrarju, it-tieni orjentament x’aktarx jiġi żviluppat proprju fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, fejn kemm il-Parti Erbgħa tat-Trattat kif ukoll id-deċiżjonijiet adottati sal-lum mill-Kunsill jiffurmaw arranġament sħiħ, illi jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tindirizza il-kwistjoni f’termini differenti. Dan kollu jikkonferma illi l-klassifikazzjoni ta’ PTEE bħala Stat Membru jew Stat terz hija kwistjoni illi ma tippermettix risposta kategorika iżda għandha tigi eżaminata, każ b’każ, fid-dawl tal-qasam legali rilevanti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet illi għandhom jintlaħqu mill-arranġament speċjali ta’ assoċjazzjoni previst fil-Parti Erbgħa tat-TFUE.

3.      Sinteżi

40.      Abbażi tal-argumenti esposti hawn fuq, nemmen illi l-arranġament speċjali tal-PTEE jissostitwixxi s-sistema ġenerali tal-Unjoni u huwa ffurmat minn regoli ta’ dritt primarju (Artikoli 198 sa 204 TFUE) u sekondarju li japplikaw għalihom. F’każ ta’ lakuni, it-Trattati huma applikabbli sakemm dan ma jikkompromettix l-għanijiet tal-assoċjazzjoni, u dan jitlob eżami tal-effett dirett tad-dispożizzjoni involuta fid-dawl tal-Artikoli 198 sa 204 TFUE. Barra minn hekk, kif għadni kif spjegajt, jeħtieġ illi tingħata attenzjoni partikulari għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat illi japplikaw għal pajjiżi terzi, sabiex ma jinftehmux ħażin l-għanijiet tal-Parti Erbgħa tat-Trattat. U din hija preċiżament il-problema illi titqajjem bil-moviment liberu tal-kapital, u illi issa ser ngħaddi sabiex nanalizza mill-perspettiva tal-applikabbiltà ta’ din il-libertà għall-PTEE.

B –    L-applikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE għall-PTEE

41.      Hawnhekk, huwa f’loku neżaminaw it-teżi proposta mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża, illi jsostnu, anki jekk abbażi ta’ argumentazzjoni differenti, illi l-Artikolu 63 TFUE ma japplikax għall-kawża inkwistjoni. Ir-Renju Unit, min-naħa tiegħu, isostni illi l-libertà inkwistjoni fil-kawża ma hijiex dik tal-moviment liberu tal-kapital, iżda l-libertà tal-istabbiliment.

42.      Ser nibda biex neżamina l-pożizzjoni tar-Renju Unit, illi, għall-motivi illi ser nesponi iktar ’il quddiem, jidhirli illi hija infondata. Imbagħad, fid-dawl tal-argumenti li ssemmew fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nirribatti wkoll it-teżi proposta mill-Kummissjoni u mir-Repubblika Franċiża.

1.      Applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital jew tad-dritt tal-istabbiliment

43.      Ir-Renju Unit sostna illi fil-kawża inkwistjoni hemm lok illi tiġi applikata l-libertà tal-istabbiliment ipprovduta fl-Artikolu 49 TFUE, u mhux il-moviment liberu tal-kapital illi dwaru jittratta l-Artikolu 63 TFUE.

44.      Naturalment, għandna nirrikonoxxu illi l-konfin bejn dawn iż-żewġ libertajiet ma huwiex wieħed ċar u definit u xi kultant hemm anki sovrapożizzjoni bejniethom. Madankollu huwa ċar illi fil-kawża inkwistjoni ma tapplikax il-libertà tal-istabbiliment, almenu fid-dawl tal-provi illi hemm fil-proċess. Kif ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rigwardanti d-dritt tal-istabbiliment, huwa neċessarju, bħala regola ġenerali, li tkun żgurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti u, fil-każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l-ġestjoni ta’ dawn il-beni tkun attiva (21). Ma jistax jiġi nnegat illi l-kumpannija Prunus hija suġġetta għall-kontroll kemm ta’ Polonium kif ukoll ta’ Lovett u Grebell u tifforma persuna ġuridika illi, skont ma jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, għandha s-sede permanenti tagħha fit-territorju Franċiż. Madankollu, l-informazzjoni kollha illi hija disponibbli tindika illi l-proprjetà tal-immobbli illi flimkien jiffurmaw il-massa illi abbażi tagħha qed tintalab it-taxxa inkwistjoni jikkostitwixxu investiment dirett fi proprjetà immobbli. Għalhekk, dawn l-immobbli jiffurmaw oġġett ta’ investiment ekonomiku illi fihom, skont l-informazzjoni pprovduta, ma ssir ebda attività materjali marbuta mal-operazzjonijiet tal-kumpanniji illi jikkontrollawha. Għalhekk hawn qegħdin niffaċċjaw investiment dirett illi fih il-kontroll fuq Prunus isir teknika strumentali għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital, jiġifieri investiment.

45.      Fl-aħhar mill-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fis-sentenza ELISA, illi fiha ġie eżaminat l-istess argument rigward l-Artikolu 990 E tal-CGI u ġiet eskluża, fid-dawl tal-provi fattwali disponibbli, l-applikazzjoni tal-libertà tal-istabbiliment (22).

46.      Fil-kawża inkwistjoni, l-esklużjoni tal-libertà tal-istabbiliment hija kkonfermata wkoll bil-fatt illi l-kumpanniji illi jikkontrollaw lil Prunus għandhom is-sede tagħhom f’PTEE. Għalhekk ikun meħtieġ illi jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 49 TFUE jew id-deċiżjonijiet tal-1991 u tal-2001 jestendux il-libertà tal-istabbiliment għal kumpanniji illi għandhom is-sede tagħhom fil-Gżejjer Verġni Britanniċi u illi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom kumpanniji kkontrollati minnhom fi Stat Membru (23). Issa, ġaladarba ġie kkonstatat illi l-libertà tal-istabbiliment ma tkunx tapplika lanqas f’każ illi jirrigwarda Stati Membri, mhux neċessarju illi dan l-aspett l-ieħor tal-problema jiġi approfondit.

47.      Għalhekk u abbażi tal-provi prodotti f’din il-kawża, ma naqbilx mat-teżi espressa mir-Renju Unit u nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi l-kwistjonijiet illi qamu quddiemha esklużivament fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital.

2.      Inapplikabbiltà tal-Artikolu 63(1) bħala riżultat tad-Deċiżjonijiet 91/482 u 2001/822

48.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni illi l-fatt illi kemm il-Parti Erbgħa tat-TFUE kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar l-assoċjazzjoni tal-PTEE ma jsemmu xejn rigward il-moviment liberu tal-kapital ifisser illi, fil-konfront ta’ dawn it-territorji, l-Unjoni ma ħasbitx għal miżuri sabiex dan il-qasam jiġi lliberalizzat. Ir-Repubblika Franċiża ssostni li din iċ-ċirkustanza xorta waħda hija ta’ ostakolu sabiex il-PTEE jiġu assimilati ma’ Stat terz minħabba l-karattru awtonomu ta’ dawn it-territorji.

49.      Preliminarjament għandu jiġi rrikonoxxut illi r-Repubblika Franċiża tenfażizza korrettement ir-rilevanza għall-iskop ta’ din il-kawża kemm tal-Artikolu 180 tad-Deċiżjoni 91/482 kif ukoll tal-Artikolu 47 tad-Deċiżjoni 2001/822. Huma eżattament dawn id-dispożizzjonijiet illi, bħala regola ġenerali, jistgħu jirregolaw każ bħal dak inkwistjoni, ġaladarba huma jinkwadraw preċiżament il-modi li bihom jista’ jkun hemm moviment liberu tal-kapital bejn il-PTEE u l-Unjoni. Għalhekk mar-revoka ta’ waħda u d-dħul fis-seħh tal-oħra, id-Deċiżjoni 91/482 kienet tifforma s-sistema applikabbli li tirregola l-likwidazzjoni tat-taxxa għas-sena fiskali 2001, filwaqt illi d-Deċiżjoni 2001/822 hija dik applikabbli sabiex issir il-likwidazzjoni tas-sena fiskali sussegwenti (24).

50.      Kif tajjeb tosserva r-Repubblika Franċiża, id-deċiżjonijiet dwar l-assoċjazzjoni tal-PTEE, għal dak illi jirrigwarda l-kapital, jikkonċentraw fuq il-moviment ta’ kapital ġej minn Stati Membri u ddestinat għall-PTEE. Fi kliem ieħor din hija libertà iktar unilaterali milli bilaterali, immotivata minn politika intiża sabiex tinċentiva l-investimenti Ewropej fil-PTEE. Dan l-approċċ kien jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 168(e) tad-Deċiżjoni 91/482, skont liema kien meħtieġ illi jiġu mgħejjuna “l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tal-moviment tal-kapital fis-settur privat mill-KEE lejn il-PTEE” (25). Id-Deċiżjoni 2001/822 biddlet il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni billi eliminat il-karattru unilaterali tar-regola, iżda fl-Artikolu 47(1)(b), ipprevediet miżuri speċjali sabiex iħarsu l-investiment ta’ kapital li ġej mill-Unjoni ddestinat lejn il-PTEE. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital “għal investimenti diretti f’kumpanijiet iffurmati bi qbil mal-liġijiet tal-Istat Membru, pajjiż jew territorju tal-lqugħ” (26).

51.      Madankollu, il-fatt illi d-deċiżjonijiet jikkonċentraw fuq il-moviment tal-kapital lejn il-PTEE ma jfissirx neċessarjament illi l-Parti Erbgħa tat-TFUE jew id-deċiżjonijiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni esklużivament unilaterali, miċ-ċentru lejn il-periferija. Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjonijiet juru l-intenzjoni sabiex l-arranġament tal-kapital tal-PTEE jopera b’iktar saħħa lejn dawn tal-aħħar, iżda dan ma jwassalx sabiex jiġi eliminat il-kunċett ta’ libertà fiż-żewġ direzzjonijiet. Fi kliem ieħor, l-arranġament speċjali tal-PTEE iwassal għal miżuri konkreti sabiex jiżguraw il-moviment ta’ kapital lejn il-PTEE b’iktar garanziji, iżda dan assolutament ma jfissirx illi l-moviment f’direzzjoni opposta huwa estranju għal dan l-arranġament.

52.      Sejjer neżamina pass pass f’liema miżura jopera dan il-karattru bi-direzzjonali.

53.      L-ewwel aspett illi għandu jiġi kkunsidrat huwa t-tifsir litterali tad-deċiżjonijiet tal-1991 u tal-2001. Għal dak illi jirrigwarda d-Deċiżjoni 91/482, il-fatt illi l-moviment tal-kapital kien limitat strettament għal tranżazzjonijiet ta’ kambju jippermettilna nsostnu li każ bħal dak inkwistjoni ma jinkwadrax ruħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-problema hija ftit iktar ikkumplikata taħt id-Deċiżjoni 2001/822, li l-Artikolu 47 tagħha ma jillimitax is-suġġett tiegħu għal attività speċifika, iżda jirreferi espressament għal “investimenti diretti” fl-ambitu ta’ “transazzonijiet fuq il-kont kapitali ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet”. Issa, kif diġà rrilevajt fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni tirreferi għal investimenti diretti magħmula f’kumpanniji kkostitwiti fil-PTEE, u b’hekk tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal moviment tal-kapital ġej minn Stati Membri lejn it-territorji. Għalhekk għandna nikkonkludu illi l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma tirrigwarda sitwazzjoni bħal dik li hija oġġett ta’ din il-kawża, peress illi d-dispożizzjonijiet tagħhom jirreferu għal attività jew għal moviment tal-kapital illi ma jixbhux dawk tal-kawża inkwistjoni.

54.      Issa, il-fatt illi dawk id-deċiżjonijiet ma jsemmu xejn fuq każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża ma jfissirx neċessarjament illi d-dritt tal-Unjoni ma kienx iktar applikabbli. Kif diġà spjegajt fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-liġi applikabbli għall-PTEE ma hijiex sistema awtonoma li mhix suġgetta għal influwenza mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattati. Għall-kuntrarju, ladarba li jiġi aċċertat illi d-dispożizzjonijiet speċifiċi ma japplikawx għal każ partikulari, jeħtieġ illi jiġi vverifikat, fid-dawl tal-għanijiet illi jridu jintlaħqu bil-Parti Erbgħa tat-TFUE, jekk nistgħux napplikaw xi dispożizzjoni tat-Trattat rilevanti għal Stat terz. Fil-kawża inkwistjoni, għandna neżaminaw jekk l-Artikolu 63 TFUE huwiex dispożizzjoni applikabbli, fid-dawl tal-Artikoli 198 et seq TFUE, għal miżura nazzjonali illi tillimita l-moviment liberu ta’ kapital ġej minn PTEE lejn l-Unjoni.

55.      Kif diġà spjegajt, l-Artikolu 63 TFUE jissanzjona l-moviment liberu tal-kapital u jippreċiża illi l-effetti ta’ dik id-dispożizzjoni japplikaw mhux biss għall-Istati Membri, iżda wkoll għal pajjiżi terzi. Għalhekk, il-moviment liberu tal-kapital iservi ta’ ostakolu – eċċezzjonalment, jekk ipparagunat mal-libertajiet l-oħra – anki għall-miżuri nazzjonali illi jirrendu diffiċli l-ħruġ u d-dħul tal-kapital illi sejjer lejn, jew ġej minn, pajjiżi terzi. Abbażi ta’ din il-premessa partikulari, jiena nsostni illi l-Artikolu 63 TFUE, interpretat fid-dawl tal-Artikoli 198 et seq  TFUE, japplika għall-PTEE.

56.      Fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital bħala arranġament miftuħ ’il barra twassal inevitabbilment għal kunċett universali tiegħu. Il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-kapital ma tistax issir b’mod frammentarju, iżda b’applikazzjoni ġenerali sabiex jintlaħqu l-għanijiet magħrufa biżżejjed u illi jiena rreferejt għalihom iktar ’il fuq (27). L-argument illi din il-libertà ma tapplikax għal PTEE jikkontradixxi l-idea nnifisha li sservi ta’ bażi għall-formulazzjoni tal-Artikolu 63 TFUE, billi jintroduċi eċċezzjoni ċara li fi kwalunkwe każ kellha tiġi prevista espressament (28).

57.      Min-naħa l-oħra, l-għanijiet illi jiġġustifikaw l-arranġament speċjali tal-PTEE, jiġifieri l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, jiġu stultifikati jekk l-Unjoni jkollha tapprova d-dħul ta’ kapital ġej minn Stati Membri lejn l-PTEE u fl-istess waqt timponi limiti ħorox fuq il-kapital li ġej mill-PTEE. L-inċentivar tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, flimkien mal-ħolqien ta’ “rabtiet ekonomiċi mill-qrib” bejn il-PTEE u l-Unjoni Ewropea, jidher li ma humiex kompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital illi minnu jkunu esklużi l-PTEE iżda mhux il-pajjiżi terzi. Ir-relazzjonijiet illi jorbtu l-PTEE mal-Unjoni jservu preċiżament sabiex jiġġustifikaw arranġament ta’ assoċjazzjoni mmirat sabiex jikkonsolida r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn dawn it-territorji. Dawn l-arranġamenti jistgħu jinkludu, f’xi każijiet, l-introduzzjoni ta’ miżuri restrittivi, li kultant huma newtralizzati minn dispożizzjonijiet oħra (29). Madankollu, tali eżerċizzju ta’ evalwazzjoni huwa l-għan li għalih hija mmirata b’mod partikulari d-Deċiżjoni 2001/822, u l-atti kollha li ġew qabilha. Fil-każ illi din ma ssemmi xejn, għandu jitqies illi libertà ġenerali minquxa fit-Trattat li tkopri, b’mod speċifiku ħafna, il-pajjiżi terzi għandha tkopri wkoll il-PTEE.

58.      Fil-qosor, ma jidhirlix illi l-argument propost mir-Repubblika Franċiża jista’ jiġi milqugħ. Għalhekk, u fid-dawl ta’ dak espost hawn fuq, insostni illi, fin-nuqqas ta’ arranġament speċifiku fid-deċiżjonijiet dwar l-assoċjazzjoni, l-Artikolu 63 TFUE għandu japplika għall-PTEE.

3.      Fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 63 TFUE minħabba l-klawżola tal-istand-still prevista fl-Artikolu 64(1) TFUE

59.      Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjoni Franċiża inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) TFUE, għaliex hija regola li, fl-ewwel lok, kienet fis-seħh fil-31 ta’ Diċembru 1993, u fit-tieni lok, kienet tirrigwarda moviment ta’ kapital provenjenti minn Stat terz, u, fit-tielet lok, tippresupponi investiment dirett f’immobbli. Ladarba jissussistu dawn ir-rekwiżiti, l-Artikolu 64(1) TFUE joħloq speċi ta’ effett stand-still, li bis-saħħa tiegħu l-moviment liberu tal-kapital ma jipproduċix effett fil-konfront ta’ miżuri nazzjonali illi jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet.

60.      Il-Kummissjoni tosserva korrettament li t-taxxa prevista mill-CGI, li hija dik applikabbli fil-kawża inkwistjoni, hija miżura illi kienet “fis-seħħ” fil-31 ta’ Diċembru 1993. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni illi tippronunzja ruħha fuq din iċ-ċirkustanza (30) u naqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni illi t-taxxa inkwistjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi kkunsidrata bħala “fis-seħħ” fl-imsemmija data. L-istess japplika għan-natura ta’ “investiment dirett” rikjesta mill-Artikolu 64(1) TFUE, ġaladarba għandna quddiemna regola li tirrigwarda taxxa li tolqot l-investimenti immobbli bl-użu ta’ kapital provenjenti minn pajjiżi terzi (31). Il-fatt li l-kapital ikun għadda minn diversi trapassi minn katina ta’ kumpanniji, ma jneżżax ir-regola inkwistjoni mill-funzjoni tagħha illi tillimita l-investiment dirett fuq beni immobbli.

61.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis illi l-Gżejjer Verġni Britanniċi, bħala PTEE, huma “Stat terz” fis-sens tal-Artikolu 64(1) TFUE. Sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-Opinjonijiet 1/78 u 1/94, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi l-PTEE, minħabba li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat, għandhom jitqiesu bħala pajjiżi terzi fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (32). Barra minn hekk, u kif diġà rrilevat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, anki minn deċiżjonijiet oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja toħroġ ix-xejra illi tpoġġi l-PTEE fl-istess keffa ma’ pajjiżi terzi, mentri f’każijiet oħra hija xxaqleb lejn deċiżjoni differenti.

62.      Il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni rigward din it-tielet kundizzjoni hija waħda diffiċli li tiġi aċċettata, peress illi tfisser simplifikazzjoni eċċessiva tal-istatus tal-PTEE, illi, kif diġà espost iktar ’il fuq, jippreżenta partikularitajiet illi ma jammettux soluzzjonijiet kategoriċi. Meta t-Trattat jirreferi għal pajjiżi terzi f’dispożizzjonijiet differenti minn dawk kontenuti fil-Parti Erbgħa, jeħtieġ, kif diġà rrilevat, nevalwaw każ każ jekk id-dispożizzjoni hijiex jew le applikabbli għall-PTEE. Fil-fatt, il-ġurisprudenza jidher illi ilha minn żmien issegwi dan l-orjentament, ġaladarba, barra s-sentenzi li għalihom tirreferi l-Kummissjoni dwar l-ekwiparazzjoni tal-PTEE ma’ pajjiżi terzi, insibu wkoll sentenzi illi jiċħdu din l-ekwiparazzjoni (33).

63.      Fl-opinjoni tiegħi, fil-każ tal-Artikolu 64(1) TFUE, ir-riferiment għal “pajjiżi terzi” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi illi hemm wara dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar hija intiża sabiex tagħti lill-Istati u lill-Unjoni l-poter li jiddeċiedu unilateralment jekk iżommux fis-seħħ dispożizzjonijiet illi jikkontradixxu l-Artikolu 63 TFUE, basta dawn kienu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1993. Hija, fi kliem ieħor, klawżola fakultattiva ta’ stand-still favur l-Istati Membri u l-Unjoni, illi ssib r-raġuni tal-eżistenza tagħha fil-mument storiku illi fih twieldet il-politika monetarja Ewropea u li fih il-moviment liberu tal-kapital ġie approvat mit-Trattati bħala libertà oħra (34). F’dak iż-żmien kien possibbli illi wieħed jipprevedi l-konsegwenzi pożittivi li setgħet twassal għalihom il-liberalizzazzjoni tal-kapital, imma seta’ wkoll jiġi nnotat ir-riskju ta’ effett negattiv, tant illi jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri eżistenti, u hekk jevita l-possibbiltà ta’ skwilibri fil-moviment tal-kapital.

64.      Bħal kull dispożizzjoni illi tidderoga minn libertà ġenerali, l-Artikolu 64(1) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv (35). Fil-fatt, il-karattru limitattiv ta’ din id-dispożizzjoni jimmanifesta ruħu mil-fatt illi hija ma tirrigwardax il-forom kollha ta’ moviment tal-kapital, imma hija speċifikament limitata għal movimenti illi jfissru investimenti diretti, l-istabbiliment, il-prestazzjoni ta’ servizzi finanzjarji jew l-ammissjoni ta’ valuri mobbli fis-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, l-eċċezzjoni tiswa biss u esklużivament għad-dħul ta’ kapital provenjenti minn pajjiżi terzi, bħala reazzjoni għall-pekuljarità, proprja u esklużiva tal-moviment liberu tal-kapital, illi tikkaratterizza d-dimensjoni esterna ta’ din il-libertà.

65.      Jekk, min-naħa l-oħra, inżommu quddiem għajnejna l-għanijiet illi jrid jilħaq it-Trattat bil-ħolqien ta’ arranġament speċjali għall-PTEE, nindunaw illi l-għan ewlieni ta’ dan l-arranġament jikkonsisti fit-tisħiħ tar-rabtiet politiċi, soċjali, u ekonomiċi bejn it-territorji u l-Unjoni. Għalkemm il-PTEE ma jikkostitwixxux formalment territorju “tal-” Unjoni, diġà ġie nnutat kif dawn marbutin “mal-” Unjoni b’mod tali illi javviċinahom iktar lejn l-istatus ta’ Stat Membru milli ta’ Stat terz. U mbagħad, ġaladarba ma humiex lanqas pajjiżi terzi, għaliex ma humiex Stati sovrani li jgawdu personalità ġuridika internazzjonali, ir-rabta tagħhom mal-Unjoni għandha dejjem tiftiehem f’termini ta’ integrazzjoni. Hija integrazzjoni, biex ngħidu hekk, differenti u gradwali meta mqabbla mal-Istati Membri, iżda xorta waħda dejjem integrazzjoni.

66.      Bl-istess mod, kif diġà rrilevajt fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-moviment liberu tal-kapital previst fl-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi applikat għall-PTEE, ġaladarba jekk ma jsirx dan, naslu għar‑riżultat paradossali illi libertà mogħtija lil pajjiżi terzi tiġi miċħuda lil territorji illi magħhom l-Unjoni Ewropea għandha rabtiet speċjali. Abbażi ta’ din il-premessa, deroga għal libertà illi tirrigwarda biss pajjiżi terzi għandha tkun l-oġgett ta’ interpretazzjoni ferm kawta meta din tiġi biex tkun applikata għal territorji bħalma huma l-PTEE. Il-fatt illi huma ma jikkostitwixxux Stati fil-veru sens tal-kelma u huma suġġetti għal arranġament protett b’mod espress fit-Trattat jiġġustifika, fl-opinjoni tiegħi, illi l-eċċezzjoni illi tissemma fl-Artikolu 64(1) TFUE ma tkunx tapplika għalihom.

67.      Fl-aħħar nett din il-konklużjoni hija l-iktar waħda koerenti mas-sistema tat-Trattat, ġaladarba hija effettivament tpoġġi lill-PTEE fis-sitwazzjoni ġuridika prevista għalihom fil-Parti Erbgha tat-TFUE: territorji suġġetti għal arranġament illi jawtorizza d-deroga mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat imma li għalihom dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw f’każ li t-Trattat ma jsemmi xejn, u dan b’mod partikolari fejn dawk id-dispożizzjonijiet huma mmirati lejn pajjiżi terzi. Fid-dawl ta’ dak espost hawn fuq, għandna nikkonkludu illi l-Artikolu 64(1) TFUE ma jippermettix illi l-PTEE u pajjiżi terzi jitqiesu bl-istess mod, għaliex għall-kuntrarju din hija dispożizzjoni limitata għal problema ċiklika partikulari illi, jekk tiġi estiża għall-PTEE, tkun tikkuntrasta mal-għanijiet illi jrid jilħaq it-Trattat permezz tar-rikonoxximent favur dawn it-territorji ta’ rabiet politiċi, ekonomiċi, u soċjali speċjali mal-Unjoni.

68.      Konsegwentement, u b’risposta għall-argumenti proposti mill-Kummissjoni, insostni illi l-Artikolu 64(1) TFUE ma japplikax għal miżura bħalma hija dik illi tissemma fl-Artikolu 990 E tal-CGI, fil-konfront ta’ persuna ġuridika illi għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha fil-Gżejjer Verġni Britanniċi.

C –    Il-ksur tal-Artikolu 63 TFUE

69.      Ladarba jiġu riżolti dawn il-kwistjonijiet preliminari, fadal neżaminaw, fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital previst mill-Artikolu 63 TFUE, jekk il-miżura Franċiża inkwistjoni hijiex konformi ma’ din il-libertà. F’każ ta’ risposta negattiva, ikun f’loku illi nivverifikaw jekk tissussistix xi waħda mill-ġustifikazzjonijiet illi jissemmew fl-Artikolu 65 TFUE.

1.      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

70.      Fis-sentenza ELISA (36) il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tistabbilixxi jekk l-Artikolu 990 E tal-CGI jikkuntrastax mal-Artikolu 63(1) TFUE, anki jekk dan kien fil-kuntest ta’ kwistjoni fejn persuna ġuridika suġġetta għall-ħlas tat-taxxa kellha s-sede effettiva tagħha fil-Lussemburgu. F’dik il-kawża, għalhekk, il-legittimità tat-taxxa Franċiża ġiet eżaminata f’każ illi kien jirrigwarda moviment tal-kapital fil-Komunità. Bħal f’din il-kawża, ir-Repubblika Franċiża kienet qed issostni illi l-kundizzjoni illi tirrigwarda l-konklużjoni ta’ konvenzjoni ta’ assistenza amministrattiva bl-għan illi tiġġieled l-evażjoni u l-evitar fiskali, jew ta’ Trattat illi jiggarantixxi l-ugwaljanza bejn kontribwenti, kienet proporzjonata u ma kinitx tfisser restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx l-argument tar-Repubblika Franċiża u kkonkludiet illi kundizzjoni bħal dik inkwistjoni, peress illi kienet titlob deċiżjoni bilaterali tal-Istati Membri interessati, kienet fil-fatt ekwivalenti għal arranġament permanenti ta’ nuqqas ta’ eżenzjoni mit-taxxa għal persuni ġuridiċi illi jkollhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Stat Membru illi mhux Franza. Għalhekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola inkwistjoni kienet “tikkostitwixxi għall-persuni ġuridiċi in kwistjoni restrizzjoni għall-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital li hija, bħala prinċipju, projbita mill-Artikolu 73 B tat-Trattat” (37).

72.      Minkejja l-mod ċar illi bih is-sentenza ELISA rriżolviet il-problema tar-restrizzjoni, għadu jrid jiġi stabbilit jekk din is-soluzzjoni tistax tiġi estiża għal każ fejn il-persuna ġuridika għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva mhux fi Stat Membru, iżda f’Stat terz jew f’territorju illi mhux parti mill-Unjoni. Is-soluzzjoni għal din il-problema hija indikata, almenu parzjalment, fis-sentenza A (38).

73.      Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddikjara jekk il-kunċett ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital illi għalih jirreferi l-Artikolu 63(1) TFUE għandux ikollu l-istess tifsira fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u f’dawk bejn Stati Membri biss. Kuntrarjament għal dak sostnut minn diversi gvernijiet li pparteċipaw f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet illi l-kunċett ta’ restrizzjoni huwa, bħala regola ġenerali, l-istess, għalkemm irrilevat illi jeħtieġ illi nżommu quddiem għajnejna l-fatt illi t-Trattat ippreveda derogi speċifiċi għall-moviment ta’ kapital ġej minn pajjiżi terzi, jew dirett lejhom (39), kif ukoll il-kuntest leġiżlattiv applikabbli, li huwa neċessarjament differenti minn dak eżistenti fl-Istati Membri bħala riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika Ewropea (40). Meta kkonfermat l-orjentament diġà indikat fis-sentenza Test Claimants (41), il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk laqgħet interpretazzjoni illi kienet tippermetti l-applikazzjoni, anki jekk b’xi distinzjonijiet, il-ġurisprudenza tagħha rigward kapital f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw Stati Membri (42).

74.      Għalkemm il-kawżi A u Test Claimants kienu jirrigwardaw miżuri fiskali illi kienu jolqtu d-dividendi ta’ kumpanniji illi kellhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, iktar tard dan l-istess approċċ ġie kkonfermat proprju b’riferiment għall-Artikolu 990 E tal-CGI, li qiegħed jiġi kkontestat mill-ġdid f’din il-proċedura. Fil-kawża Établissements Rimbaud (43) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tistabbilixxi jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxix restrizzjoni fil-każ ta’ persuna ġuridika illi għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva f’Stat terz, f’dak il-każ Stat li jifforma parti miż-Żona Ekonomika Ewropea. Ma hemmx dubju li, f’dak il-każ, il-kuntest leġiżlattiv inkwistjoni kien formalment differenti, ġaladarba ma kienx applikabbli l-Artikolu 63(1) TFUE, iżda l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirriproduċi t-termini tal-imsemmi Artikolu 63(1) TFUE, b’tali mod illi l-ġurisprudenza diġà diskussa dwar l-interpretazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu hija applikabbli, bil-għan illi tiġi ggarantita applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE kemm jista’ jkun uniformi mal-Artikolu 40 tal-imsemmi ftehim (44). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet illi dispożizzjoni leġiżlattiva bħal dik Franċiża, eżaminata fil-kuntest ta’ ŻEE, tikkontribwixxi sabiex tirrendi inqas attrajenti l-investiment f’immobbli fi Franza għal kumpanniji mhux residenti hemmhekk, bħalma huma dawk illi għandhom is-sede tagħhom fil-Liechtenstein (45).

75.      Kif diġà indikat iktar ’il fuq, l-assoċjazzjoni bejn il-PTEE u pajjiżi terzi tistrieħ fuq l-istatus partikulari ta’ dawk tal-ewwel bħala territorji marbutin mal-Unjoni Ewropea b’rabtiet mill-qrib. Dan ifisser illi, għalkemm il-ġurisprudenza A jew Test Claimants ma tapplikax awtomatikament għal kuntest bħal dak tal-każ inkwistjoni, ma jistax lanqas jingħad b’mod kategoriku illi għandna quddiemna każ simili għall-kawżi ELISA jew Établissements Rimbaud. Għall-kuntrarju, il-fatt illi s-sede ta’ tmexxija effettiva tal-persuna ġuridika suġġetta għall-ħlas tax-taxxa Franċiża tinsab fil-Gżejjer Verġni Britanniċi jindika illi għandna nżommu quddiem għajnejna l-partikularità ta’ dan it-territorju għall-fini tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 63(1) TFUE. Il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq għandhom jirrendu t-tweġiba għal din il-mistoqisja waħda iktar faċli.

76.      Fil-fatt, jiena diġa rrilevajt fil-punti 31 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet illi l-Artikolu 63(1) TFUE japplika għall-PTEE. Jekk nitilqu minn din il-premessa, għandu jiġi nnutat, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi A u Test Claimants, illi l-moviment ta’ kapital lejn il-Gżejjer Verġni Britanniċi jew ’il barra minnhom jiżvolġi ruħu f’kuntest ġuridiku differenti minn moviment ta’ kapital fl-Unjoni (46). Madankollu, għalkemm din id-differenza fil-kuntest ġuridiku jista’ jkollha importanza deċiżiva fil-mument illi niġu biex nevalwaw il-ġustifikazzjonijiet li jinġiebu ’l quddiem biex isostnu miżura bħal dik inkwistjoni, xejn ma jżomm lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonstata, direttament, l-eżistenza ta’ restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

77.      F’dan is-sens, is-sentenzi ELISA u Établissments Rimbaud joffru xi kriterji utili, peress li t-tnejn li huma jirrigwardaw din l-istess regola li qed tiġi diskussa fil-każ inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ dawk il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat mingħajr ebda ekwivoku illi arranġament bħal dak previst mill-Artikolu 990 E tal-CGI, illi jissarraf, effettivament f’arranġament permanenti ta’ impożizzjoni tat-taxxa inkwistjoni fuq persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva barra mit-territorju Franċiż, tirrappreżenta restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital (47). Ma narax il‑għaliex, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ladarba tiġi kkonfermata l-applikabbiltà tal-Artikolu 63(1) TFUE, u minħabba l-fatt illi l-post ta’ tmexxija effettiva tinstab f’PTEE, ir-risposta għandha tkun differenti.

78.      Isegwi illi d-dispożizzjoni tal-Artikolu 990 E tal-CGI, illi tissottoponi l-eżenzjoni mill-ħlas għall-fatt illi l-persuni ġuridiċi li ma għandhomx is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza jkunu suġġetti, għall-kuntrarju ta’ persuni oħra suġgetti għal din it-taxxa, għal kundizzjoni addizzjonali, jiġifieri għall-iffirmar ta’ konvenzjoni bejn ir-Repubblika Franċiża u, fil-każ inkwistjoni, PTEE, tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita, bħala regola ġenerali, mill-Artkolu 63(1) TFUE.

2.      Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

79.      F’dan il-punt, jeħtieġ illi qabel xejn nirrileva illi l-Artikolu 65(1) u (2) TFUE jirrappreżenta aspett differenti tal-ġustifikazzjonijiet previsti mil-liġi primarja dwar il-libertà tal-moviment. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tikkontempla tliet eċċezzjonijiet ġenerali, segwiti b’limitazzjoni għalihom, imma bir-riżultat finali illi tagħti diskrezzjoni ikbar lill-Istati Membri. Fil-fatt, il-paragrafu (1)(a) jipprevedi ġustifikazzjoni għall-miżuri fiskali illi tiddistingwi bejn sitwazzjonijiet illi oġġettivament ma tistax tqabbilhom ma’ xulxin, u l-paragrafu (1)(b) jipprevedi ġustifikazzjoni ġenerali bbażata, inter alia, fuq motivi ta’ ordni pubbliku, filwaqt li l-paragrafu (2) jirrigwarda l-każ speċifiku ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment.

80.      Sejjer nibda biex neżamina l-ewwel waħda minn dawn il-ġustifikazzjonijiet, jiġifieri dik prevista mill-Artikolu 65(1)(a) TFUE. Kif huwa magħruf, din il-ġustifikazzjoni, illi tirrigwarda esklużivament miżuri nazzjonali ta’ “liġi tat-taxxa” illi jintroduċu trattament differenzjat, kienet ġiet studjata mill-Qorti tal-Ġustizzja diġà qabel ma daħal fis-seħħ l-Artikolu 65 TFUE. B’dan il-mod, kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tiddikjara fis-sentenza Verkooijen (48), qabel ma daħal fis-seħħ l-Artikolu 65 TFUE (f’dak iż-żmien l-Artikolu 73 D KE), il-ġurisprudenza kienet irrikonoxxiet, b’mod partikulari wara s-sentenza Schumacker (49), illi dispożizzjonijiet fiskali illi kienu jattwaw xi distinzjonijiet, b’mod partikulari bbażati fuq ir-residenza tal-kontributuri, setgħu jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni bil-kundizzjoni illi dawn jiġu applikati għal sitwazzjonijiet illi ma jistgħux jiġu oġġettivament meqjusa paragunabbli. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm attwalment tapplika l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, dan tagħmlu billi żżomm quddiem għajnejha l-ġurisprudenza preċedenti tagħha stess, u billi tapplika test doppju.

81.      Fl-ewwel fażi, jiġi eżaminat jekk ir-regola jew id-deċiżjoni nazzjonali tirrigwardax sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu meqjusa bħal xulxin. Jekk jirriżulta fin-negattiv, il-miżura għandha tiġi ddikjarata leġittima (50). F’każ kuntrarju, jeħtieġ illi ngħaddu għat-tieni eżami: ladarba jiġi kkonstatat illi s-sitwazzjonijiet huma simili, il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk tissussistix raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali illi tiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-leġittimità tal-miżura (51). F’din it-tieni fażi, jista’ jsir riferiment għal raġunijiet bħal, pereżempju, dawk illi jirrigwardaw il-koerenza tas-sistema tat-taxxa (52) jew tal-effikaċja tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (53).

82.      Jirriżulta mill-atti illi t-taxxa Franċiża inkwistjoni tipprevedi sistema uniformi ta’ ntaxxar, illi hija bbażata fuq il-proprjetà immobbli tal-persuni ġuridiċi. Hekk, meħuda inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni ġenerali li għaliha huwa sottopost l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa, il-persuni ġuridiċi illi jkollhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza u dawk illi għandhom dik is-sede ta’ tmexxija effettiva barra dak il-pajjiż isibu ruħhom fl-istess qagħda għal dak illi jirrigwarda t-taxxa fuq il-proprjetà immobbli (54). Peress illi d-differenza fit-trattament tikkonsisti f’eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa, għandna quddiemna sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik illi fiha ġiet introdotta diskriminazzjoni, u għalhekk barra mill-portata tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE.

83.      Jifdal issa illi nistabbilixxu jekk id-differenza fit-trattament hijiex tweġiba għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’mod partikulari, kif affermaw l-Istati Membri illi pparteċipaw fil-proċedura, dik rigwardanti l-effettività tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

84.      Fis-sentenza ELISA, wara li fakkret illi l-ġurisprudenza tammetti din il-ġustifikazzjoni biss jekk l-oġġett tagħha jkunu kostruzzjonijiet purament artifiċjali, li għandhom l-iskop illi jevadu l-liġi fiskali (55), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet żewġ elementi illi jwasslu għall-konklużjoni illi l-Artikolu 990 E tal-CGI, applikat għal moviment ta’ kapital bejn Stati Membri, ma kienx jinkwadra f’din il-ġustifikazzjoni. L-ewwel nett, irrilevat il-fatt illi d-Direttiva 77/799/KEE (56), rigwardanti assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fis-settur tat-taxxi, diretti jew indiretti, tipprevedi arranġament ġenerali ta’ kollaborazzjoni u skambju ta’ informazzjoni illi jgħin il-ġlieda tal-amministrazzjonijiet kontra l-evażjoni illi tmur lil hinn mill-fruntieri tagħhom (57). Wara li ssottolinjat illi l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija Direttiva 77/799 jipprevedi eżenzjoni mill-obbligu ta’ kollaborazzjoni illi kienet tirriżulta applikabbli għall-fatti f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad irribadiet ġurisprudenza diġà kkonsolidata, skont liema xejn ma jimpedixxi lill-awtoritajiet fiskali interessati, anki wara li jkunu kkonstataw l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, milli jitolbu mingħand il-kontributur il-provi illi jidhrilhom neċessarji sabiex tiġi likwidata korrettement l-imposta u t-taxxa involuta u, jekk jagħti l-każ, jirrifjutaw l-eżenzjoni jekk dawn il-provi ma jiġux fornuti (58).

85.      Fuq din il-bażi, is-sentenza ELISA ddikjarat illi l-Artikolu 990 E tal-CGI kien inkompatibbli u ċaħdet l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (59). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kienet irrikonoxxiet illi kien diffiċli għall-awtoritajiet fiskali Franċiżi sabiex jakkwistaw l-elementi kollha rilevanti għall-iskop tal-likwidazzjoni u eventwalment tal-verifika, il-problema tal-arranġament Franċiż kienet tinsab fl-awtomatiżmu tiegħu, illi ma kienx jippermetti lill-kumpanniji interessati illi jipprovdu l-provi adattatti sabiex juru l-identità tal-azzjonisti tagħhom u kif ukoll informazzjoni oħra illi l-awtoritajiet fiskali Franċiżi jħossu illi hija neċessarja. Għalhekk, eżenzjoni ta’ din in-natura, illi taħt ebda ċirkustanza ma kienet tippermetti lill-kontributur jikkollabora mal-awtorità u b’hekk kienet toħloq speċi ta’ preżunzjoni ta’ evażjoni illi kienet impossibbli illi tiġi kkuntestata, kienet tirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sproporzjonata u għalhekk f’kontradizzjoni mat-Trattati (60).

86.      Fil-każ inkwistjoni teżisti differenza għal dak illi jirrigwarda l-qasam legali, ġaladarba s-sede ta’ tmexxija effettiva tal-persuna ġuridika suġgetta għat-taxxa tinsab f’PTEE, jiġifieri l-Gżejjer Verġni Britanniċi, li għalihom tapplika l-liġi sekondarja tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm xi dispożizzjoni kuntrarja. Kif diġà rrilevat, sakemm id-dispożizzjonijiet jiffurmaw parti mil-liġi primarja, l-applikabbiltà tal-liġi tal-Unjoni għall-PTEE għandha tiġi evalwata każ b’każ. Għall-kuntrarju, l-effetti tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi sekondarja japplikaw għal wieħed jew iktar mill-PTEE biss jekk l-applikabbiltà għal dawk it-territorji tkun espressament prevista.

87.      Din l-ipoteżi ma teżistix fil-każ tad-Direttiva 77/799 rigward il-Gżejjer Verġni Britanniċi. Kif ikkonstatat mill-Kummissjoni u mid-diversi Stati Membri illi ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċedura odjerna, din id-direttiva ma hijiex applikabbli għal kuntest bħal dak inkwistjoni, fejn Stat Membru, ir-Repubblika Franċiża, titlob il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam fiskali ta’ PTEE, fil-każ inkwistjoni l-Gżejjer Verġni Britanniċi. Jiena wkoll kelli opportunità illi nsaqsi lir-rappreżentant tar-Renju Unit jekk jeżistux, jew kinux jeżistu fil-perijodu rilevanti, ftehim jew konvenzjoni ta’ għajnuna bejn ir-Renju Unit u l-Gżejjer Verġni Britanniċi fil-qasam fiskali. It-tweġiba kienet fin-negattiv. Konsegwentement, għandna quddiemna PTEE suġġett għal qasam legali partikolari, illi ma jaħsibx għal mezzi ta’ kooperazzjoni amministrattiva fiskali, lanqas mal-Istat Membru illi miegħu dak it-territorju għandu rabtiet speċjali.

88.      F’dan ir-rigward, għal dak illi għandu x’jaqsam mal-istatus speċifiku tal-Gżejjer Verġni Britanniċi, xi indikazzjonijiet nistgħu niġbduhom mill-ġurisprudenza illi tirreferi għad-dimensjoni esterna tal-moviment liberu tal-kapital. Jidhirli f’loku illi mill-ġdid nirreferu għas-sentenza A, illi fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ssottolinjat, f’każ illi kien jirrigwarda Stat terz, l-importanza tal-armonizzazzjoni Ewropea f’materja ta’ kontabbiltà tal-kumpanniji (61). B’hekk, il-fatt illi l-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom f’xi Stat tal-Unjoni jkunu suġġetti għal arranġament ta’ kontabbiltà komuni joffri lill-kontributur, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-possibbiltà li tipprovdi informazzjoni kredibbli u li tista’ tiġi vverifikata għal dak li jirrigwarda l-istruttura jew l-attivitajiet ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor”  (62). Għall-kuntrarju, dawn il-garanziji ma jiġux offruti lill-kontributuri “f’dak li jirrigwarda kumpannija stabbilita f’Stat terz li mhuwiex obbligat japplika dawn il-miżuri Komunitarji”  (63). Peress illi dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni dwar il-kontabbiltà jista’ jeżisti anki f’każ rigwardanti l-Gżejjer Verġni Britanniċi, insostni illi d-deċiżjoni fil-kawża ELISA, illi fiha kienet qed tiġi kkuntestata ċ-ċaħda da parti tal-awtoritajiet Franċiżi tal-opportunità li l-kontributur jipproduċi l-informazzjoni fiskali, għandha tiġi mmodifikata f’każ simili għal dak inkwistjoni.

89.      Minn dan kollu jirriżulta illi Stat Membru, bħalma hija r-Repubblika Franċiża, ma jistax jinvoka d-Direttiva 77/799 u, f’każ bħal dak odjern, ladarba jammetti l-produzzjoni ta’ provi mill-kontributur, ma jiġix neċessarjament affrontat minn informazzjoni dwar il-kontabbiltà armonizzata, meta l-persuna ġuridika suġġetta għall-ħlas tat-taxxa għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha fil-Gżejjer Verġni Britanniċi. Jekk dan huwa l-kuntest legali tal-kontroversja bejn Prunus u l-awtoritajiet fiskali Franċiżi, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja illi r-Repubblika Franċiża tista’ legalment tirreferi għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali.

90.      Barra minn hekk, din tidher illi hija s-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement, meta rriżolviet d-dubji li tqajmu bl-Artikolu 990 E tal-CGI, diġà ċċitat diversi drabi, f’kontestazzjoni li fiha l-element barrani kien jinsab f’Liechtenstein. Fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Établissements Rimbaud, il-Qorti tal-Ġustizzja qagħdet attenta illi tiddistingwi bejn din l-ipoteżi u dik tas-sentenza ELISA, u issottolinjat diversi drabi d-differenza fil-kuntest legali bejn waħda u oħra (64). Ad abundantiam, fis-sentenza Établissements Rimbaud il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi d-direttivi fil-qasam ta’ kontabbiltà tal-kumpanniji kienu applikabbli f’Liechtenstein bis-saħħa tal-Anness XXII tal-Ftehim ŻEE (65), u anki f’dan il-każ irriteniet illi seta’ jsir riferiment għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali bbażata fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Minn din is-sentenza, jidher illi nistgħu nikkonkludu illi l-element deċiżiv tal-eżami fil-mertu, iktar mill-armonizzazzjoni tal-kontabbiltà, kien l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 77/799 għall-qasam ŻEE (66).

91.      Fil-kawża inkwistjoni jissussistu ż-żewġ ċirkustanzi: mhix applikabbli d-Direttiva 77/799 u ma jirriżultax illi teżisti l-armonizzazzjoni fil-qasam tal-kontabbiltà tal-kumpanniji. L-awtoritajiet Franċiżi mhux biss ma jistgħux jirrikorru għal mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni previsti fl-imsemmija direttiva, iżda, jekk il-kontributur ikun jista’ jipproduċi provi dokumentarji, ser ikun diffiċli għalihom illi jivverifikaw l-awtentiċità u l-ammissibbiltà tagħhom. Fl-assenza ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni bħal dawk illi jeżistu bejn l-Istati Membri, huwa raġonevoli illi r-Repubblika Franċiża tingħata l-possibbiltà tissottoponi l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ assistenza amministrativa fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali jew ta’ trattat illi jiggarantixxi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-kontributuri.

92.      Għalhekk, u b’risposta għall-ewwel domanda mqajma mit-Tribunal de grande instance de Paris, insostni illi l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jipprekludix regola bħal dik prevista mill-Artikoli 990 D et seq tal-CGI, illi takkorda lill-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza jew, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, fi Stat Membru tal-Unjoni, il-fakultà illi jibbenefikaw mill-eżenzjoni tat-taxxa inkwistjoni u illi tissottoponi din il-fakultà, għal dak illi jirrigwarda persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva fit-territorju ta’ Stat terz, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ assistenza amministrattiva ffirmata bejn Franza u dak l-Istat fid-dawl tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali jew għall-fatt li, bl-applikazzjoni ta’ trattat illi fih klawżola ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, dawk il-persuni ġuridiċi ma jistgħux ikunu sottoposti għal ħlas ta’ taxxa ikbar minn dik illi għaliha jkunu suġġetti persuni ġuridiċi illi għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza.

93.      Ġaladarba ġie kkonstatat illi tissussisti l-ġustifikazzjoni maħsuba fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE, u ġaladarba l-argumenti esposti sa issa huma suffiċjenti sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, insostni illi mhux neċessarju jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet l-oħra previsti fid-dispożizzjoni fuq imsemmija.

V –    Fuq it-tieni domanda preliminari

94.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tiegħu, it-Tribunal de grande instance de Paris talab risposta mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu tal-kompatibbiltà mal-Artikoli 63 et seq TFUE ta’ regola, bħal dik illi tissemma fl-Artikolu 990 F tal-code général des impôts, illi tippermetti lill-awtoritajiet fiskali illi jirrendu responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa prevista fl-Artikoli 990 D et seq tal-code général des impôts, kwalunkwe persuna ġuridika illi tkun interposta bejn, fuq naħa, id-debitur jew debituri tat-taxxa, u fuq in-naħa l-oħra, l-immobbli jew drittijiet immobbli.

95.      Ir-risposta għal din id-domanda titnissel mis-soluzzjoni illi ġiet proposta għall-ewwel domanda preliminari. Fil-fatt, jekk Stat Membru jista’ jintroduċi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital bħal dak inkwistjoni, u dan iseħħ konformement mat-Trattati, xejn ma jista’ jimpedixxi illi s-sistema ġuridika ta’ dak l-Istat tipprevedi responsabbiltà solidali għall-fini ta’ ġbir ta’ dik it-taxxa. Arranġament ta’ din in-natura, dejjem jekk jirriżulta proporzjonat u mhux diskriminatorju u jsegwi għan leġittimu ta’ interess ġenerali, ma jikkuntrastax, bħala regola ġenerali, mal-imsemmi Artikolu 63(1) TFUE.

96.      Fil-fatt, arranġament ta’ responsabbiltà solidali fil-qasam ta’ taxxi indiretti, li jkollu l-iskop illi jiżgura l-ġbir tat-taxxa, u għalhekk, li jgħin fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, ġie ammess mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu. Kif huwa magħruf, l-Artikolu 22(7) tad-Direttiva 77/388/KEE (67) jimponi fuq l-Istati Membri illi “jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li dawk il-persuni li, [...] huma kkunsidrati responsabbli biex iħallsu t-taxxa minflok persuna taxxabbli stabbilita f’pajjiż ieħor u huma in solidum responsabbli għall-ħlas, għandhom jissodisfaw l-obbligazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dikjarazzjoni u l-ħlas”. Għalhekk il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, sa fejn dan jikkostitwixxi strument illi jippermetti lill-Istati Membri li jiġbru t-taxxa, ma jfissirx neċessarjament restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

97.      Din il-konklużjoni tapplika b’iktar saħħa fil-każijiet fejn l-arranġament ta’ responsabbiltà jiġi applikat b’metodu mhux diskriminatorju għal sitwazzjonijiet li fihom ma tkun teżisti ebda relazzjoni mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk jekk is-sistema ġuridika Franċiża tipprevedi għall-każijiet purament interni regola ta’ responsabbiltà in solidum fil-qasam tat-taxxa, ma hemmx raġunijiet suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata, f’każ bħal dak inkwistjoni, l-eżistenza ta’ restrizzjoni. Il-verifika ta’ din iċ-ċirkustanza għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

98.      Wieħed jasal għall-istess konklużjoni fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Miżura illi tintroduċi prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum f’materja ta’ taxxa, bħala strument li jiġġieled l-evażjoni fiskali, hija suffiċjenti u neċessarja sabiex tilħaq dan l-għan. Jekk ir-regola Franċiża tissalvagwardja l-identità personali tal-kumpanniji involuti fil-kalkolu tat-taxxa, b’mod illi r-responsabbiltà tista’ tinfirex fuq il-grupp fl-intier tiegħu, ma jeżistux l-elementi neċessarji sabiex din il-miżura tiġi kkunsidrata bħala waħda sproporzjonata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki hawn hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta jekk is-sistema ġuridika Franċiża tiggarantixxix, fil-qasam fiskali, illi t-taxxa tintalab, in solidum, biss mingħand il-persuni ġuridiċi li jistgħu jkunu marbuta ma’ grupp.

99.      Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tirrispondi għat-tieni domanda billi tiddikjara li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jipprekludix regola bħal dik prevista fl-Artikolu 990 F tal-code général des impôts, illi tippermetti lill-awtoritajiet fiskali illi jżommu responsabbli in solidum għall-pagament tat-taxxa prevista fl-Artikoli 990 D et seq tal-code général des impôts kull persuna ġuridika illi tkun interposta bejn id-debitur jew debituri tat-taxxa u l-immobbli jew drittijiet immobbli, sakemm dik ir-regola tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja.

VI – Konklużjoni

100. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tirrispondi fit-termini li ġejjin lit-Tribunal de grande instance de Paris:

“1.      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jipprekludix regola bħal dik prevista fl-Artikoli 990 D et seq tal-CGI, illi tippermetti lil persuni ġuridiċi illi għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza, jew, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2008, fi Stat Membru tal-Unjoni, il-fakultà li jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-ħlas tat-taxxa inkwistjoni u illi tissottoponi din il-fakultà, għal dak illi jirrigwarda persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva fit-territorju ta’ Stat terz, għall-eżistenza ta’ konvenzjoni ta’ assistenza amministrattiva ffirmata bejn Franza u dak l-Istat fid-dawl tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali, jew għall-fatt li, bl-applikazzjoni ta’ trattat illi fih klawżola ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, dawk il-persuni ġuridiċi ma jistgħux ikunu sottoposti għal ħlas ta’ taxxa iktar minn dik illi għaliha jkunu suġġetti l-persuni ġuridiċi li għandhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom fi Franza.

2.      L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jipprekludix regola bħal dik prevista fl-Artikolu 990 F tal-code général des impôts, illi tippermetti lill-awtoritajiet fiskali li jżommu responsabbli in solidum għall-ħlas tat-taxxa prevista fl-Artikoli 990 D et seq tal-code général des impôts kull persuna ġuridika illi tkun interposta bejn id-debitur jew debituri tat-taxxa u l-immobbli jew drittijiet immobbli, sakemm dik ir-regola tkun proporzjonata u mhux diskriminatorja”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007 (C‑451/05, Ġabra P I‑8251) u tat-28 ta’ Ottubru 2010 (C‑72/09, Ġabra p. I-10659).


3 – ĠU L 263, p. 1.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319.


5 – Ara L.M. Hinojosa Martínez, La regulación de los movimientos de capital desde una perspectiva europea, ed. McGraw Hill, Madrid, 1997, p. 11 et seq. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha indikat r-raġunijiet wara din il-liberalizzazzjoni fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punt 31).


6 – Ara l-Artikoli 64 sa 66 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) TFUE.


7 – Għal kritika ara B. Terra, u P. Wattel, European Tax Law, ir-raba’ edizzjoni, Kluwer, L’Aia, p. 52.


8 – Artikoli 131 sa 136 tat-Trattat KEE, fil-verżjoni oriġinali tiegħu. Minkejja dan huwa interessanti ninnotaw illi la fit-Trattat KEFA u lanqas fit-Trattat EURATOM ma hemm maħsuba sistema bħal din.


9 – Ara Anness IV tat-Trattat KEE fil-verżjoni oriġinali tiegħu.


10 – Konvenzjoni ta’ implementazzjoni tal-25 ta’ Marzu 1957, iffirmata mis-sitt Stati Membri fundaturi tal-Komunità.


11 – Sa issa l-Kunsill adotta diversi deċiżjonijiet ta’ din in-natura, l-aħħar waħda tkun id-Deċiżjoni 2001/822/KE, illi għadha fis-seħħ sal-lum u ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.


12 – Dwar l-istorja, l-iżvilupp, u l-istatus attwali tal-PTEE, ara L. Tesoka, u J. Ziller, (edituri), Union Européenne et outre-mers. Unis dans leur diversité, Presses Universitaires d’Aix‑Marseille, Marseilles, 2008.


13 – F’dan il-kuntest, it-terminu “assoċjazzjoni” għandu jiġi interpretat f’sens differenti minn dak attribwit għal Ftehim internazzjonali illi għandhom l-istess isem konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi. Fil-każ tal-PTEE din hija assoċjazzjoni konċessa, unilateralment, illi bil-mogħdija taż‑ żmien, ikkristalizzat ruħha iktar bħala sħubija, kif josserva D. Dormoy, “Association des Pays et Territoires d’outre-mer (PTOM) à la Communauté Européenne”, JurisClasseur Europe Traité, 2007, p. 25.


14 – Sentenza tat-12 ta’ Dicembru 1990, Kaefer u Procacci (C‑100/89 u C‑101/89, Ġabra p. I‑4647, punti 8 sa 10), iktar tard ikkonfermata b’sentenza tat-12 ta’ Frar 1992, Leplat (C‑260/90, Ġabra p. I‑643), mogħtija wara domanda preliminari magħmula minn Kummissarju tal-Ġustizzja ta’ Papeete.


15 – Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C‑300/04, Ġabra p. I‑8055).


16 – Sentenza tas-7 ta’ Ssettembr 2006, N (C‑470/04, Ġabra p. I‑7409, punti 11 u 28). Kif indikat fis-sentenza, N kien mar joqgħod mill-Pajjiżi l-Baxxi fir-Renju Unit. Fil-mument illi huwa ħalla l-Pajjiżi l-Baxxi, huwa kien azzjonist uniku fi tliet kumpanniji skont il-liġi Olandiża (besloten vennootschappen), li kellhom is-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom, fl-istess mument, f’Curaçao (Antilli Olandiżi). Huwa probabbli illi d-deċiżjoni illi waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tiddependi mill-fatt illi l-liġi applikabbli għal dawn it-tliet kumpanniji kienet dik ta’ Stat Membru, iżda, fi kwalunkwe każ, mingħajr dubju, it-trattament illi ngħata lil N kien l-istess li kien jirċevi kwalunkwe azzjonist f’kumpannija illi kellha s-sede tagħha fi Stat Membru.


17 – Sentenza tat-28 ta’ Jannar 1999, Van der Kooy (C‑181/97, Ġabra p. I‑483, punti 34 sa 39).


18 – Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE, tas-16 ta’ Ġunju 1992, illi tistabilixxi r-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ħalib mhux ipprocessat, ħalib trattat bis-sħana, u prodotti bbażati fuq il-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 103).


19 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, DADI u Douane-Agenten (C‑106/97, Ġabra p. I‑5983, punti 35 sa 37).


20 – Opinjonijiet tal-4 ta’ Ottubru 1979, (1/78, Ġabra p. 2871, punti 61u 62), u tal-15 ta’ Novembru 1994, (1/94, Ġabra p. I‑5267, punt 17).


21 – Ara, b’mod ġenerali, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punt 21), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 25), kif ukoll, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C‑386/04, Ġabra p. I‑8203, punt 18), li fiha l-eżami żvolġa ruħu fuq is-segwenti premessa: “[...] sabiex id-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ stabbiliment jistgħu japplikaw, huwa bħala regola ġenerali neċessarju li tkun assigurata preżenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti u, fil-każ ta’ xiri u ta’ pussess ta’ beni immobbli, li l-ġestjoni ta’ dawn il-beni tkun attiva. Issa, mid-deskrizzjoni tal-fatti mogħtija mill-qorti ta’ rinviju jirriżulta li l-fondazzjoni m’għandhiex proprjetà fil-Ġermanja sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha u li s-servizzi meħtieġa għall-kiri tal-beni immobbli huma pprovduti minn aġent Ġermaniż.. [...] Għaldaqstant hemm lok jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ l-istabbiliment mhumiex applikabbli f'ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali” (punti 19 u 20).


22 – Sentenza ELISA, iċċitata iktar ’il fuq (punti 63 sa 65).


23 – F’dan ir-rigward, imma fil-kuntest ta’ kwistjoni illi tirrigwarda pajjiżi terzi, u mhux PTEE, ara s-sentenzi A, iċċitata iktar ’il fuq (punt 29) u N, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 (punt 20), bl-isfumaturi li rriżultaw fiha.


24 – Artikolu 63 tad-Deċiżjoni 2001/822, bis-saħħa ta’ liema din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2001, filwaqt illi d-Deċiżjoni 91/482 ma baqgħetx fis-seħħ il-jum ta’ qabel.


25 – Il-korsiv huwa tiegħi.


26 – Din id-dispożizzjoni tqajjem xi dubji minħabba t-traduzzjonijiet differenti illi sarulha. Fil-verżjoni Franċiża, din id-dispożizzjoni tipprovdi illi “les États membres et les autorités des PTEE n’imposent aucune restriction aux libres mouvements des capitaux concernant les investissements directs réalisés dans des sociétés constituées conformément au droit de l’État membre du pays ou territoire d’accueil” (il-korsiv huwa tiegħi). Il-verżjoni Spanjola, għall-kuntrarju, l-istess bħal verżjonijiet b’lingwi oħra, (pereżempju l-Ingliża u l-Ġermaniża), jirreferu għal “sociedades constituidas de conformidad con la legislación del Estado miembro, país o territorio de acogida”, u jagħtu x’wieħed jifhem illi l-kumpanniji involuti huma dawk illi jaqgħu jew taħt il-liġi ta’ Stat Membru, jew taħt il-liġi ta’ (PTEE). Minn qari tal-verżjoni Franċiża jirriżulta l-kuntrarju, peress illi d-dispożizzjoni tagħmel riferiment ċar għal kumpannija illi hija rregolata mil-liġi ta’ Stat Membru u li għandha s-sede tagħha f’PTEE illi miegħu dak l-Istat għandu rabtiet partikolari, u dan jikkonferma l-korrettezza tal-interpretazzjoni mogħtija mill-gvern Franċiż lil dik id-dispożizzjoni, fis-sens illi hija libertà f’direzzjoni unika, iddestinata lejn il-PTEE. Din id-differenza tidher anki f’verżjonijiet f’lingwi oħra, u dan jobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja illi tieħu pożizzjoni naħa jew oħra, anki jekk, konformement mal-iżvilupp tas-sentenzi dwar PTEE, kollox jindika illi l-verżjoni korretta hija dik Franċiża.


27 – Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Hekk interpretatu, pereżempju, il-Qorti ta’ Kassazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2001 (nru 35 333, BNB 2001/323), suċċessivament ikkonfermata bis-sentenza tat-12 ta’ Awwissu 2005 (nru 39 935, BNB x). Ara f’dan is-sens, D.S. Smits, “The position of the EU Member States’ associated and dependent territories under the freedom of establishment, the free movement of capital and secondary EU law in the field of company taxation”, Intertax, nru 12, 2010.


29 – Ara pereżempju, għal dak illi jirrigwarda l-moviment liberu tal-merkanzija, l-Artikolu 200(3) TFUE, illi jawtorizza lill-PTEE sabiex “jiġbru dazji tad-dwana sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-iżvilupp u l-ħtiġijiet ta’ l-industrijalizzazzjoni tagħhom, jew dawk l-imposti, ta’ karattru fiskali, maħsuba sabiex isostnu l-finanzi tagħhom”.


30 – Fis-sentenza A, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat illi “l-kunċett ta’ restrizzjoni eżistenti fil-31 ta’ Diċembru 1993 jippresupponi li l-kuntest ġuridiku li fih taqa’ ir-restrizzjoni in kwistjoni kien jifforma parti mis-sistema legali ta’ l-Istat Membru kkonċernat minn dik id-data għal żmien mhux interrott. Fil-fatt, kieku kien mod ieħor, Stat Membru kien ikun jista’, fi kwalunkwe mument, jintroduċi mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital lejn jew minn Stat terz li kienu jeżistu fis-sistema legali nazzjonali fil-31 ta’ Diċembru 1993, iżda li ma nżammewx” (punt 48). Ara wkoll is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, Ġabra p. I‑11753, punt 192) u tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C‑157/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).


31 – Id-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Specjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10), tiddeskrivi l-investimenti diretti immobbli bħala “xiri ta’ bini u art u l-kostruzzjoni ta’ bini minn persuni privati għall-qligħ jew għall-użu personali. Din il-kategorija tinkludi wkoll drittijiet ta’ użufrutt, sollievi u drittijiet tal-bini”. Din id-definizzjoni għandha valur indikattiv sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira tal-espressjoni “investiment dirett immobbli” fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C‑222/97, Ġabra p. I‑1661, punt 21); tal-11 ta’ Jannar  2001, Stefan (C‑464/98, Ġabra p. I‑173, punt 5); tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata iktar ’il fuq, punt 22), u ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 33  u 34).


32 – Opinjoni 1/78 (iċċitata iktar ’il fuq, punt 62) u Opinjoni 1/94 (iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).


33 – Ara l‑punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza hemm iċċitata.


34 – Dwar din id-dispożizzjoni, ara S. Hindelang, The Free Movement of Capital and Foreign Direct Investment, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 275 et seq.


35 – F’dan is-sens, ara S. Hindelang, iċċitat iktar ’il fuq, p. 280 sa 291.


36 – Sentenza ELISA, iċċitata iktar ’il fuq.


37 – Sentenza ELISA, iċċitata iktar ’il fuq (punt 78).


38 – Iċċitata iktar ’il fuq.


39 – Ara l-Artikoli 64(1), 66, u l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 75 TFUE.


40 – Sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 sa 38).


41 – Sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation (iċċitata iktar ’il fuq, punt 171).


42 – L-Avukat Ġenerali Bot, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża A ċċitata iktar ’il fuq , esprima dan il-kunċett b’mod ċar fit-termini li ġejjin: “It-Trattat ma jippreċiżax il-motivi li għalihom il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-moviment liberu ġie estiż għall-pajjiżi terzi. Huwa komunement aċċettat li wieħed għandu jikkunsidra din l-estensjoni fid-dawl tal-iżvilupp tal-politika monetarja tal-Komunità. Madankollu, jekk l-Istati Membri kienu xtaqu li din id-differenza fl-għan tiġi riflessa fil-portata ta’ din il-liberalizzazzjoni għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi, loġikament, huma kellhom jistabbilixxu l-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital fil-Komunità u fuq livell li mhuwiex Komunitarju f’termini differenti, kif kien il-każ qabel. Il-fatt li, minkejja l-imsemmija differenza fl-għan, huma ddeċidew li jikkristallizzaw dan il-moviment liberu f’termini identiċi u fl-istess artikolu tat-Trattat, fil-fehma tiegħi, ma jistax juri ħlief l-intenzjoni li jattribwixxu l-istess portata liż-żewġ każijiet” (punt 77).


43 – Iċċitata iktar ’il fuq.


44 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, Ġabra p. I‑9743, punt 29); tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C‑286/02, Ġabra p. I‑3465, punt 34); tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding (C‑471/04, Ġabra p. I‑2107, punt 48); tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑521/07, Ġabra p. I-04873, punt 15); tat-23 t’Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C‑157/07, Ġabra p. I‑8061, punt 24); tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑540/07, Ġabra p. I-10983, punt  65).


45 – Sentenza Établissements Rimbaud, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 29.


46 – Sentenzi A (iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37) u Test Claimants (iċċitata iktar ’il fuq, punti 170 u 171).


47 – Sentenzi ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 75 u 78) u Établissements Rimbaud (iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 29).


48 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000 (C‑35/98, Ġabra p. I‑4071, punt 43).


49 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995 (C‑279/93, Ġabra p I‑225).


50 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert (C‑512/03, Ġabra p. I‑7685, punt 39) u tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, Ġabra p. I‑3747, punt 65).


51 – Ara s-sentenzi Verkooijen (iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 sa 61) u tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 52).


52 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Weidert u Paulus (C‑242/03, Ġabra p. I‑7379, punt 17).


53 – Sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


54 – Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 87 sa 91) illi jirreferu espressament għas-sentenza Manninen, (iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).


55 – Sentenza ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punt  91), illi tirreferi wkoll għas-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑478/98, Ġabra p. I‑7587, punt 45); tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 27) u tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 50).


56 –      Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63).


57 – Sentenza ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 92 sa 94).


58 – Sentenza ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 95 u 96), illi tagħmel riferiment għas-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑150/04, Ġabra p. I‑1163, punt 54). Madankollu, dan l-approċċ beda jiġi żviluppat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann (C‑204/90, Ġabra p. I‑249, punt 20).


59 – Sentenza ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 100 u 101).


60 – Sentenza ELISA (iċċitata iktar ’il fuq, punti 97 sa 99).


61 – Sentenza A (iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Fl-istess sens esprima ruħu l-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża (punti 141 sa 143).


62 – Ibid.


63 – Ibid.


64 – Sentenza Établissements Rimbaud (iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).


65 – Sentenza Établissements Rimbaud (iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).


66 – Ara wkoll, rigward il-moviment liberu ta’ kapital bejn ir-Repubblika Taljana u n-Norveġja, l-Islanda u Liechtenstein, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑540/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 66 sa 73).


67 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).