KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fl-20 ta’ Jannar 2011 (1)
Kawża C‑383/09
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Franċiża
“Direttiva 92/43/KEE – Protezzjoni tal-ispeċi – Cricetus cricetus (ħamster komuni) – Miżuri inadegwati ta’ protezzjoni – Deterjorament tal-habitats”
I – Introduzzjoni
1. Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċi elenkati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva habitats”) bdew japplikaw mill-1994 (2). Madankollu, ħafna minn dawn l-ispeċijiet ma humiex f’sitwazzjoni favorevoli (3).
2. Għandha tiġi kkonstatata wkoll id-degradazzjoni sinjifikattiva tal-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats tal-ħamster komuni (Cricetus cricetus) fi Franza, fir-reġjun ta’ Strasbourg (4). Minħabba din l-evoluzzjoni, is-segretarjat tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali (5) rċieva lment minn organizzazzjoni mhux governattiva li fil-preżent qiegħed jiġi investigat (6).
3. Il-Kummissjoni ħadet ukoll l-okkażjoni ta’ dan ir-regress biex tikkritika t‑traspożizzjoni tad-Direttiva habitats min-naħa ta’ Franza fir-rigward tal-ħamster komuni. Hija ssostni li l-miżuri meħuda minn Franza huma inadegwati biex jiżguraw li tinżamm il-popolazzjoni tiegħu fil-futur. Id-diffikultà ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li d-dispożizzjoni rilevanti, jiġifieri, l-Artikolu 12 tad-Direttiva habitats ma fihx obbligu ġenerali biex jiġi żgurat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċijiet protetti, iżda fih biss ċerti projbizzjonijiet.
4. Ċertament għandu jiġi verifikat, skont il-bżonnijiet speċjali tal-protezzjoni tal-ħamster, x’inhuma r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi protetta din l-ispeċi; madankollu, bħala regola, iqumu kwistjonijiet simili anki f’dak li jikkonċerna ħafna speċijiet oħra li għalihom id-Direttiva habitats tipprevedi sistema ta’ protezzjoni stretta: pereżempju, ċerti friefet il-lejl jew il-qattus selvaġġ (Felis silvestris).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Il-Konvenzjoni ta’ Berne
5. L-Unjoni Ewropea hija kontraenti fil-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ħajja ferjali Ewropea u tal-abitati naturali li ġiet ippreżentata għall-firem fid-19 ta’ Settembru 1979 f’Berne (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) (7).
6. L-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni jobbliga lill-partijiet kontraenti sabiex jipproteġu l-habitat:
“(1) Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-konservazzjoni ta’ l-abitati tal-ispeċje tal-flora u l-fawna ferjali, speċjalemnt dawk speċifikati fl-Appendiċi I u II u tal-konservazzjoni ta’ l-abitati naturali ipperikolati.
(2) Il-Partijiet Kontraenti fl-istrateġija ta’ l-ippjanar u l-iżvilupp tagħhom għandhom iqisu il-ħtiġiet tal-konservazzjoni taż-żoni protetti permezz tal-paragrafu preċedenti, hekk li jevitaw jew inaqqsu sa kemm ikun possibbli xi deterjorazzjoni ta’ dawk iż-żoni.
(3) Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jagħtu attenzjoni speċjali għall-protezzjoni taż-żoni li huma ta’ importanza għall-ispeċje migratorji speċifikati fl-Appendiċi II u III u li jinsabu b’relazzjoni xierqa mar-rottot migratorji, bħal ma huma l-forniment ta’ l-ilma, il-postijiet tas-serħan, l‑ikel, it-tgħammir jew żoni fejn joforħu.
(4) Il-Partijiet Kontraenti jintrabtu li jikkordinaw kif xieraq l-isforzi tagħhom għall-protezzjoni ta’ l-abitati naturali referuti f’dan l-Artikolu meta dawk ikunu jinsabu f’żoni tal-fruntieri”.
7. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni fih dispożizzjonijiet dwar il‑protezzjoni tal-ispeċijiet:
“Kull Parti Kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġislattivi u amministrattivi xierqa u meħtieġa sabiex tassigura l-protezzjoni speċjali tal-ispeċje tal-fawna ferjali kif speċifikati fl-Appendiċi II. Dan li ġej għandu partikolarment ikun ipprojbit għal dawn l-ispeċje:
a) l-għamliet tal-qabda u ż-żamma deliberata u l-qtil deliberat;
b) il-ħsara deliberata għal, jew il-qerda tas-siti tat-tgħammir jew tas-serħan;
ċ) id-disturb deliberat tal-fawna ferjali partikolarment waqt il-perjodu tat-tnissil, it-tkabbir u tar-raqda tax-xitwa, sal-limitu li tali disturb ikollu sinifikat b’relazzjoni ma’ l-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni;
d) il-qerda deliberata jew it-teħid ta’ bajd mis-selvaġġ jew iż-żamma ta’ dawk il-bajd anki jekk vojta;
e) il-pussess ta’, u l-kummerċ intern f’dawn l-annimali, ħajjin jew mejtin, inklużi l-annimali ibbalzmati u xi parti rikonoxxibbli faċilment jew id‑derivattivi tagħhom, meta dan ikun jikkontribwixxi għall-effettività tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu”.
8. L-Appendiċi II tal-Konvenzjoni jsemmi b’mod partikolari l-ħamsters komuni.
9. Fis-27 ta’ Novembru 2008, il-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni adotta r-rakkomandazzjoni Nru 136 fejn ingħad li l-partijiet kontraenti għall‑Konvenzjoni, li f’pajjiżhom għandhom popolazzjonijiet żgħar jew li qed jonqsu tal-ħamster komuni, huma mitluba joħolqu u jimplementaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew (8).
B – Id-Direttiva habitats
10. Flimkien mad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-għasafar (9), id-Direttiva habitats hija intiża li tittrasponi l-Konvenzjoni ta’ Berna (10). Fost id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Direttiva habitats, hija d-definizzjoni dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi li hija rilevanti b’mod partikolari:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
[...]
i) l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l‑abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.
L-istat ta’ konservazzjoni jitqies ‘favorevoli’ meta:
– l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l‑habitat naturali tagħha, u
– il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli, u
– hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul;
[...]”.
11. L-Artikolu 2 tad-Direttiva habitats fih l-għanijiet essenzjali tad-Direttiva habitats:
“1. L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l‑biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.
2. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.
3. Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali”.
12. Id-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva habitats f’dak li jikkonċerna l‑protezzjoni tal-ħamster komuni hija l-Artikolu 12(1). Dan l-artikolu huwa fformulat b’dan il-mod:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:
a) l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;
b) tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;
ċ) qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;
d) deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ”.
13. L-Anness IV(a) tad-Direttiva habitats isemmi b’mod partikolari l-ħamster komuni.
C – Id-dritt Franċiż
14. Franza ttrasponiet l-Artikolu 12 tad-Direttiva habitats, b’mod partikolari permezz tad-Digriet tat-23 ta’ April 2007 li jistabbilixxi l-lista ta’ mammiferi terrestri protetti fit-territorju kollu u l-modi ta’ protezzjoni tagħhom (11) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tat-23 ta’ April 2007”). L-Artikolu 2(2) tal-imsemmi digriet jirregola l-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ:
“Huwa pprojbit li, fil-partijiet tat-territorju metropolitan fejn l-ispeċi tkun preżenti kif ukoll fiż-żoni ta’ ċaqliq naturali tal-grupp ta’ popolazzjoni eżistenti, jiġu meqruda, mibdula jew iddegradati s-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ tal-annimali. Dawn il-projbizzjonijiet japplikaw għall-elementi fiżiċi jew bijoloġiċi li huma meqjusa meħtieġa għat-tgħammir jew għall-mistrieħ tal-ispeċi inkwistjoni, sakemm dawn effettivament jintużaw jew jistgħu jintużaw matul iċ-ċikli suċċessivi ta’ tgħammir jew ta’ mistrieħ ta’ din l-ispeċi u sakemm il-qerda, il-bdil jew id-degradazzjoni tippreġudika t-twettiq ta’ dawn iċ-ċikli bijoloġiċi”.
III – Il-fatti, il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet
15. Filwaqt li bbażat ruħha fuq ilment dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ħamsters komuni f’Alsace, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-Gvern Franċiż fl-2007. Irriżulta li n-numru ta’ bejtiet ta’ ħamster komuni identifikati fiż-żoni ċentrali niżel minn 1167 fl-2001 għal ċifra li tvarja bejn 161 u 174 fl-2007. Għaldaqstant il-Kummissjoni beżgħat li din l-ispeċi setgħat tisparixxi fi żmien qasir u konsegwentement talbet lil Franza tippreżenta l‑osservazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 258 TFUE.
16. Bi tweġiba għal din it-talba, Franza informat lill-Kummissjoni bil-miżuri li ttieħdu għall-protezzjoni tal-ħamster komuni.
17. Madankollu, fis-6 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni indirizzat lil Franza opinjoni motivata skont kif previst fl-Artikolu 258 TFUE minħabba ksur tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats li fiha hija imponiet terminu finali ta’ xahrejn biex Franza ttemm il-ksur allegat.
18. Il-Gvern Franċiż wieġeb fis-7 ta’ Awwissu 2008 u sussegwentement bagħat lill-Kummissjoni xi informazzjoni oħra. Peress li l-Kummissjoni ma kinitx konvinta b’dik l-informazzjoni, hija ppreżentat dan ir-rikors fil-25 ta’ Settembru 2009.
19. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tikkonstata li billi ma stabbilietx programm ta’ miżuri li jiżgura ħarsien strett tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE [...] dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;
– tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.
20. Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors tal-Kummissjoni;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
21. Fil-kawża l-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll orali waqt is-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2010.
IV – Fid-dritt
22. Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-istat ta’ konservazzjoni tal-ħamster komuni f’Alsace ma hijiex favorevoli. Huma jikkonstataw li tal-inqas mill-2000, kien hemm tnaqqis qawwi fin-numru ta’ bejtiet identifikati u li ż-żoni li fihom jinsab il‑ħamster komuni tnaqqsu kunsiderevolment. Huma jsostnu li t-tnaqqis tal-ħamster huwa imputabbli essenzjalment għal żewġ fatturi: il-prattiċi agrikoli u l‑iżviluppi urbani. Il-miżuri meħuda minn Franza jolqtu ż-żewġ fatturi iżda skont il-Kummissjoni, ma humiex suffiċjenti fid-dawl tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats.
23. Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva habitats, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċijiet ta’ annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, jiġifieri, b’mod partikolari, tal-ħamster komuni. Din is-sistema għandha tipprojbixxi inter alia d-deterjorament jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ u dan skont l-Artikolu 12(1)(d).
24. Wieħed jista’ jifhem li biex jiġi traspost l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats, huwa biżżejjed li jiġi adottat regolament li jkun fih il-projbizzjonijiet. Madankollu, il-każ ineżami ma jirrigwardax dan. Min-naħa l-oħra, il‑Kummissjoni teżiġi li Franza tfassal programm li jipprovdi għall-miżuri favur il-ħamster. F’dan ir-rigward hija tista’ tibbaża l-approċċ tagħha fuq il‑ġurisprudenza.
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-fatt li t-traspożizzjoni tal-imsemmi Artikolu 12(1) jimponi fuq l-Istati Membri mhux biss li jadottaw qafas leġiżlattiv komplut, imma wkoll li jimplementaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Is-sistema ta’ protezzjoni stretta timplika l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva (12).
26. Il-kwistjoni dwar x’rekwiżiti speċifiċi għandu jkun hemm fir-rigward tal-urbanizzazzjoni jew tal-agrikoltura għadha ma ġietx iċċarata. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu integrati fil-kuntest stabbilit mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats. Konsegwentement, għandu jkun hemm miżuri li huma meħtieġa biex tiġi implementata l-projbizzjoni tad-deterjorament jew qerda tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ. Il-kwistjoni tqum b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri li jikkonċernaw l-agrikoltura u dan peress li f’dak il-każ ma hijiex kwistjoni li jiġu pprojbiti ċerti prattiki b’mod illustrattiv iżda li jiġu inkoraġġuti ċerti modi ta’ kif jinħadem il-wiċċ agrikolu.
27. Konsegwentement, ser nanalizza fl-ewwel lok il-miżuri mitluba mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats biex jiġ protett il-ħamster komuni (ara t‑taqsima A) u sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri meħuda minn Franza jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti mill-artikolu msemmi (ara t-taqsima B).
28. F’dan ir-rigward ser nibbaża ruħi wkoll fuq id-dokument ta’ gwida dwar il‑protezzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva habitats li d-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni ħejja bi qbil mal-Istati Membri (13). Dan id-dokument, li Franza tinvoka fuq punt minnhom, ma huwiex vinkolanti iżda fih elementi utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti (14).
A – L-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva habitats
29. Il-miżuri meħtieġa taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats għandhom jiġu dedotti mill-elementi diversi ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, l-għan tal-protezzjoni, is-siti tat-tgħammir jew il-postijiet tal-mistrieħ (f’dan ir-rigward ara l-parti 1), il‑fatt li s-sistema ta’ protezzjoni stretta teżiġi ċerta projbizzjonijiet (f’dan ir‑rigward ara l-parti 2), u li għandu jiġi prekluż id-deterjorament jew il-qerda tas-siti protetti (f’dan ir-rigward ara l-parti 3).
1. Is-siti ta’ tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ
30. Dak li hu determinanti għall-portata tal-protezzjoni, b’mod partikolari, ġeografika huwa qabelxejn is-sinjifikat taż-żewġ kunċetti “siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ”.
31. Għal dak li jirrigwarda l-ħamster, il-kunċett ta’ tgħammir jinvolvi t‑tgħammir u t-twelid taż-żgħar (15), iżda għandu jiġi inkluż ukoll il-perijodu ta’ dipendenza (16) peress li ż-żgħar ma jistgħux jikkontribwixxu biex tinżamm l-ispeċi ħlief jekk huma jgħixu għal żmien twil biżżejjed biex jgħammru huma stess. Il‑postijiet ta’ mistrieħ huma definiti hemmhekk bħala ż-żoni essenzjali għas-sussistenza ta’ annimal jew ta’ grupp ta’ annimali meta huwa ma jkunx attiv. Il‑postijiet ta’ mistrieħ jinkludu l-istrutturi maħluqa mill-annimali biex iservuhom bħala postijiet għall-mistrieħ (17).
32. Kieku kien hemm l-intenzjoni li jiġi protett biss il-lok preċiż fejn il‑ħamsters komuni jgħammru jew jistrieħu, wieħed kien ikun jista’ jillimita din il‑protezzjoni għall-bejtiet tagħhom. Madankollu, ma għandhiex tingħata tifsira daqshekk restrittiva tal-protezzjoni tas-siti ta’ tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ jekk wieħed jieħu inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva habitats meta jiġu interpretati dawn il-kunċetti (18).
33. Skont l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva habitats, id-dispożizzjonijiet għat-traspożizzjoni tad-Direttiva huma intiżi li jiżguraw li jinżammu jew jiġu ripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitats naturali u l-ispeċijiet tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità. Skont l‑Artikolu 1(i) tad-Direttiva habitats, l-ispeċi tkun fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli meta d-data fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tindika li din l-ispeċi qed tieħu ħsieb tagħha nnifisha fit-tul bħala komponent vijabbli tal-habitats naturali tagħha, li għalihom hija tappartjeni u li l-firxa naturali tal-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas ma għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli.
34. Il-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ għandha tiżgura li dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu biex jinżamm jew jiġi ripristinat l‑istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi inkwistjoni. Il-Kummissjoni tqis dan bħala li jiżgura l-permanenza tal-funzjonalità ekoloġika tagħha (19). Dawn is-siti u dawn il-postijiet għandhom ikomplu jipprovdu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex l‑ispeċi inkwistjoni tkun tista’ tistrieħ jew tgħammar hemmhekk b’suċċess (20). L‑Artikolu 2(2) tad-digriet tat-23 ta’ April 2007 li ttraspona b’suċċess l‑Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats fi Franza, identifika l-portata tal-protezzjoni kompletament bl-istess mod.
35. Dan l-approċċ iwassal biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-varjetà ta’ bżonnijiet ekoloġiċi u tal-istrateġiji tal-ispeċi protetti u l-fatt li l-miżuri ta’ protezzjoni għandhom jirriflettu d-diversità tal-kundizzjonijiet eżistenti (21).
36. Konsegwentement, għall-ispeċijiet li għandhom firxa limitata, id-dokument tal-Kummissjoni ġustament jipproponi interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ siti tat-tgħammir u/jew postijiet ta’ mistrieħ. B’kuntrast mal-ispeċijiet li għandhom firxa wiesgħa, l-ispeċijiet bħalma huma l-ħamster komuni li l-firxa tagħhom hija limitata, jistgħu jużaw pereżempju, is-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ b’mod temporanju biss u dan peress li ma jkollhomx habitat viċin tagħhom li jippermettilhom li jsibu l-ikel. Kieku jibqgħu hemmhekk għal żmien itwal, jispiċċaw imutu bil-ġuħ. L-ambjent meħtieġ biex il-ħamster komuni jibqa’ ħaj u jgħammar fil-viċinanzi qrib il-bejta tiegħu għandu fi kwalunkwe każ jiġi inkluż fil-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ.
37. Il-kontenut meħtieġ tal-miżuri ta’ protezzjoni jiddependi, barra minn hekk, ċertament fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi li għandha tkun protetta. Jekk l‑imsemmija speċi tkun fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, jista’ jkun biżżejjed, jekk ikun il-każ, li japplikaw il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva habitats b’mod astratt u li l-ispeċi tiġi sorveljata. Madankollu, jekk l‑ispeċi inkwistjoni tkun fi stat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli, l-Istati Membri għandhom obbligi ta’ portata usa’ peress li s-sistema ta’ protezzjoni hija intiża li tikkontribwixxi biex jiġi ripristinat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli. Il-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ ta’ speċi fi stat ta’ konservazzjoni ħażina ħafna – bħalma huwa l-każ tal-ħamster komuni f’Alsace, teħtieġ li dan il-kunċett jiġi definit b’mod wiesa’ ħafna biex jiġi evitat li l-ispeċi ma jiġix estint u li anki l-funzjoni ta’ dawn is-siti u postijiet ma tintilifx. Sa fejn hu possibbli, il-miżuri ta’ protezzjoni għandhom jindirizzaw b’mod speċifiku ċ‑ċirkustanzi li jkunu qegħdin iwasslu biex jiħżien l-istat ta’ konservazzjoni.
38. Il-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster komuni mifhuma bil-mod li jinkludi wkoll l-ambjent tas-siti tat-tgħammir u l‑postijiet ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċijiet tikkorrispondi għall-obbligi li l-Unjoni għandha fid-dritt internazzjonali, li għandhom jiġu trasposti permezz tad-“Direttiva habitats”. Skont l-Artikolu 4 u l-Anness II tal-Konvenzjoni ta’ Berna, kull parti kontraenti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi u regolatorji xierqa u meħtieġa sabiex ikunu protetti l-habitats tal-ispeċijiet tal-flora u l-fawna ferjali, b’mod partikolari l-ħamster komuni msemmi fl-Anness II tal-Konvenzjoni.
39. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju għandhom jiġu interpretati, jekk possibbli, b’mod konformi mal-ftehim internazzjonali konkużi mill-Unjoni (22). Dan japplika b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats li japplikaw għall-ħamster komuni. L-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom jimplementaw, sa fejn hu possibbli, l-obbligu tal-protezzjoni tal-habitats tal‑ħamster skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, minkejja li għal dak li jikkonċerna l-ispeċi msemmija qabel, l-Unjoni Ewropea ma ttrasponietx espressament din il-parti tal-Konvenzjoni ta’ Berna f’dak li jikkonċerna s-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ (23).
40. Konsegwentement, f’dak li jikkonċerna s-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster f’Alsace, il-protezzjoni imposta mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva, testendi għall-bejtiet tal-ħamsters komuni u l-habitat tagħhom.
2. Il-kunċett ta’ projbizzjoni
41. Il-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa huma limitati minħabba li s-sistema ta’ protezzjoni stretta prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttva habitats għandha tinkludi ċerti projbizzjonijiet. Konsegwentement, il-miżuri meħtieġa ma għandhomx ikollhom bħala għan l-iżviluppi naturali.
42. Min-naħa l-oħra, l-aġir tal-bnedmin għandu jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet ukoll biċ-ċar li l-miżuri li jittieħdu skont l‑Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats ma humiex limitati għall-projbizzjonijiet fis-sens strett tal-kelma iżda jinkludu wkoll miżuri għall-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni (24) jew għas-sorveljanza tal-ispeċi (25).
43. Fil-fehma tal-Gvern Franċiż, il-Kummissjoni teżiġi, madankollu, miżuri li jmorru lil hinn mill-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats u mill-implementazzjoni tagħhom jew mis-sorveljanza ta’ dik l‑implementazzjoni. Il-Gvern Franċiż jirreferi, f’dan ir-rigward, għad-dokument ta’ gwida ċċitat diġà fejn jingħad li l-artikolu inkwistjoni ma jikkontemplax miżuri proattivi għall-ġestjoni tal-habitat, bħal pereżempju, ir-ripristinar jew it-titjib tal-habitats ta’ ċerti speċijiet (26).
44. Din il-pożizzjoni hija bbażata essenzjalment fuq il-fatt li dawn il-miżuri huma prinċipalment assoċjati mal-protezzjoni tas-siti kif prevista fl-Artikoli 4 sa 6 tad-Direttiva habitats (27). Dan l-approċċ ma jipprekludix, madankollu, a priori l‑possibbiltà li fil-protezzjoni tal-ispeċijiet kif prevista fl-Artikolu 12(1) jiġu inklużi wkoll miżuri proattivi. Tali approċċ japplika b’mod partikolari għall-ispeċi bħalma hu l-ħamster komuni li għalih ma humiex previsti żoni protetti.
45. Iktar importanti hija l-idea li l-projbizzjonijiet huma ta’ natura difensiva u huma intiżi, konsegwentement, biex qabelxejn jimpedixxu d-deterjorament tal-istat eżistenti. Il-projbizzjonijiet jistgħu madankollu jikkontribwixxu wkoll biex jiġu ripristinati jew imtejba l-habitats billi jiffavorixxu l-iżviluppi naturali pożittivi.
46. Barra minn hekk, il-projbizzjonijiet fil-kuntest tal-protezzjoni tal-ispeċijiet jistgħu naturalment jaffettwaw ukoll il-ġestjoni tal-habitats. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħamster komuni, wieħed jista’ jimmaġina, pereżempju fl-agrikoltura, projbizzjoni kontra l-ħrit fil-fond peress li dan il-mod ta’ ħrit jista’ jirrovina l-bejtiet tiegħu (28).
47. Fl-aħħar nett, il-projbizzjonijiet jistgħu jkunu fformulati b’mod daqshekk komplut li, fil-prattika, ikunu daqs obbligi, jiġifieri, meta huma ma jibqgħux jippermettu b’mod konkret ħlief l-aġir mixtieq. Ikun kontra l-għan li jinżamm jew jiġi rripristinat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli li wieħed jeskludi din il-forma ta’ regolazzjoni tal-aġir mill-kunċett ta’ projbizzjoni – u konsegwentement, mis-sistema ta’ protezzjoni stretta – jekk il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ispeċijiet ikkonċernati jkunu jeżiġu b’mod konkret dawn il-miżuri.
3. Il-miżuri meħtieġa kontra d-deterjorament jew il-qerda
48. Konsegwentement, huwa importanti li jkun magħruf liema aġir tal-bniedem għandu jkun prekluż bil-projbizzjoni kontra d-deterjorament jew il-qerda tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ.
49. Il-kriterju applikat f’dan ir-rigward għandu jkun ukoll il-permanenza tal-funzjonalità ekoloġika tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ (29). Il‑komportamenti li għandhom impatt negattiv fuq din il-funzjonalità jew li jeliminawha għandhom jitqiesu, konsegwentement, bħala deterjorament jew qerda.
50. Min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ma humiex meħtieġa għal uċuħ fejn ma hemmx bejtiet tal-ħamsters. Tali miżuri huma ċertament meħtieġa biex dawn il‑habitats jerġgħu jiġu akkwistati mill-ħamster komuni fil-futur u konsegwentement, probabbilment ukoll għar-ripristinar tal-istat favorevoli ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi f’Alsace. Madankollu, il-miżuri li huma meħtieġa taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats jirreferu biss għall-popolazzjonijiet eżistenti fis-siti tat-tgħammir jew fil-postijiet ta’ mistrieħ. Il-Kummissjoni ma qalitx u lanqas ma jidher li huwa probabbli li biex jinkiseb l-istat favorevoli ta’ dawn il-popolazzjonijiet effettivi, kien meħtieġ ċertu mod ta’ ġestjoni tal-uċuħ li jmur lil hinn mill-habitat viċin tal-bejtiet tagħhom.
51. B’kuntrast mal-argument ippreżentat fir-replika, il-Kummissjoni xorta waħda ma tistax, fil-każ ineżami, tibbaża l-obbligu li tiġi ripristinata l‑popolazzjoni tal-ħamsters komuni eżistenti qabel fuq il-fatt li Franza, fil-passat, jista’ jkun li ma pproteġietx il-ħamster komuni biżżejjed. Ċertament, is-sistema ta’ protezzjoni stretta kellha tiġi introdotta b’effett mill-1994 u ma għandux jiġi eskluż li l-iżbalji tal-passat jistgħu jiġġustifikaw l-obbligu fuq l-Istati Membri biex jirrimedjaw (30). Madankollu, la matul il-proċedura prekontenzjuża u lanqas fil-kuntest tar-rikors, il-Kummissjoni ma talbet kumpens; hija rreferiet għal dan fil-kuntest tar-replika biss. Dan iwassal għal estensjoni illegali tas-suġġett tal-kawża (31).
52. Bħala konklużjoni, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li Franza kellha raġun issostni li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats ma jinvolvi ebda obbligu li jintlaħaq ċertu riżultat. L-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet jiddependi fuq wisq fatturi naturali biex Stat Membru jkun f’pożizzjoni li jiggarantixxi ċifri żguri li jirrigwardaw il-popolazzjoni.
53. Madankollu ma huwiex biżżejjed li l-awtoritajiet kompetenti “ikollhom serjament bħala għan” li jimpedixxu d-deterjorament jew il-qerda tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ kif tipproponi Franza filwaqt li tibbaża fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda t-tieni sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Għasafar selvaġġi” (32). Skont l-artikolu ċċitat iktar ’il fuq, barra miż-żoni speċjali ta’ protezzjoni tal-għasafar, is-sempliċi “sforz” huwa biżżejjed mentri l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva habitats jeżiġi sistema ta’ protezzjoni stretta. Bħala regola, din is-sistema għandha tkun tali li tostakola b’mod effikaċi kull deterjorament jew qerda tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ li tista’ tkun ta’ preġudizzju għaż-żamma jew ir-ripristinar ta’ stat favorevoli.
54. Ċertament, iċ-ċaqliq fiċ-ċifri tal-popolazzjoni tal-ħamsters komuni ma huwiex tali li jservi ta’ prova diretta tal-ksur tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats iżda jista’, madankollu, jiġi invokat bħala ħjiel tal-effikaċità tal-miżuri adottati.
55. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat fl-aħħar nett li l‑Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats jeżiġi miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva, tali li jimpedixxu b’mod effikaċi l-aġir tal-bniedem li jista’ jiddeterjora jew jelimina kompletament il-funzjonalità ekoloġika tal-bejtiet tal-ħamsters komuni kif ukoll tal-habitat ta’ madwarhom magħmul mis-siti tat-tgħammir jew mill-postijiet ta’ mistrieħ.
B – Il-miżuri meħuda minn Franza
56. Il-miżuri meħuda minn Franza għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ dan il‑kriterju. Ser nittratta l-ewwel l-agrikoltura u mbagħad, l-urbanizzazzjoni.
1. L-agrikoltura
57. Franza ħadet miżuri fiż-żoni ta’ azzjoni magħrufa ta’ prijorità (Żoni ta’ azzjoni ta’ prijorità, iktar ’il quddiem “ŻAP”) u f’żona iktar wiesgħa, magħrufa ta’ “ripristinar”.
58. Fi ħdan iż-ŻAP, Franza timmira li tiżgura, permezz ta’ miżuri kuntrattwali, li l-uċuħ jiġu kkultivati b’20 % biċ-ċereali u 2 % bl-alfalfa. Iż-ŻAP huma magħmulin minn tliet żoni kull waħda b’tal-inqas 600 ettaru, jiġifieri total ta’ 3,285 ettaru, li fihom il-mira hi li tinkiseb, f’kull każ, popolazzjoni ta’ 1,500 annimal.
59. Barra minn hekk, f’żona ta’ firxa daqshekk kbira, jiġifieri 77,000 ettaru, li hija ż-żona ta’ ripristinar, li tinkludi 49 % mill-uċuħ li tradizzjonalment jintużaw mill-ħamster komuni u li huma addattati għall-għajxien tiegħu fil-futur, hija nkoraġġuta l-koltivazzjoni tal-alfalfa u ċ-ċereali fix-xitwa. B’dan il-mod, il-mira hi li fiż-żoni fejn hemm il-ħamsters jiġu kkultivati 20 % ċereali u 2 % alfalfa.
60. Il-Kummissjoni tikkritika l-importanza u l-kwalità tal-miżuri.
61. Dawn ma għandhomx, madankollu, jitqiesu fid-dawl tal-kriterju stabbilit fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats ħlief jekk huma meħtieġa biex jimpedixxu b’mod effikaċi l-aġir tal-bniedem li jista’ jiddeterjora jew jelimina kompletament il-funzjonalità ekoloġika tal-bejtiet tal-ħamster komuni u tal-habitat ta’ madwarhom magħmul mis-siti tat-tgħammir jew mill-postijiet ta’ mistrieħ.
62. It-tnaqqis kbir fil-preżenza tal-ħamsters f’Alsace juri li din l-ispeċi ma tistax tkompli tgħix mingħajr miżuri ta’ protezzjoni addizzjonali. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-prattiki tal-agrikoltura, b’mod partikolari, il-koltivazzjoni tal-qamħirrum huma fatturi importanti. Madankollu huwa paċifiku wkoll li l-ħamster komuni ma jistax jibqa’ jgħix mingħajr użu agrikolu tal-habitat tiegħu li jkun favorevoli għalih.
63. Konsegwentement, għandu jingħad li ż-żamma tal-funzjonalità tal-bejtiet tal-ħamster komuni ma tistax tkun iggarantita ħlief jekk l-uċuħ agrikoli tal-madwar jintużaw b’mod li jkun favorevoli għalih. F’termini ta’ projbizzjonijiet, huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġi pprojbit li f’dawn l-uċuħ isir użu li jippreġudika l‑ħamster.
64. Ċertament li Franza ma introduċietx projbizzjonijiet f’dan is-sens iżda ppruvat tikseb użu korrispondenti tal-uċuħ inkwistjoni permezz ta’ miżuri ta’ għajnuna. Madankollu, dawn il-miżuri ma humiex ħlief mod ieħor biex tinfluwenza l-aġir kif previst fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats. Huwa biss jekk dan il-mod ma kienx effikaċi biżżejjed li Franza tkun kisret id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq.
65. Il-Kummissjoni tikkritika qabelxejn id-daqs tal-uċuħ ikkoltivati, fis-sens li indikajt diġà, meta mqabbel maż-żona li tradizzjonalment kienet użata mill-ħamster komuni. Dan il-motiv huwa tal-inqas parzjalment fondat.
66. Fid-data rilevanti – fl-2008 – 60 % biss tal-uċuħ ippopolati bil-ħamsters komuni kienu s-suġġett ta’ miżuri agroambjentali fiż-ŻAP u fiż-żoni ta’ ripristinar (33). Konsegwentement, l-40 % li jifdal miż-żona ppopolata bil-ħamsters ma kinitx suġġetta għall-miżuri li, skont Franza, huma meħtieġa biex jiggarantixxu l-użu kontinwu tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ.
67. Ċertament huwa previst li ż-żoni nieqsa jiġu inklużi wkoll fis-snin li ġejjin fil-pjan inkwistjoni u dan, qabel l-2011, iżda din il-konstatazzjoni hija irrilevanti għal dan ir-rikors. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (34).
68. Il-Kummissjoni ġustament tikkritika wkoll il-fatt li l-miżuri agrikoli huma limitati għaż-ŻAP u għall-postijiet ta’ mistrieħ. Żgur li ż-żona ta’ ripristinar tikkorrispondi għaż-żona li fiha kien preżenti l-ħamster komuni fl-2000, madankollu, dan ma jeskludix li l-ħamsters komuni jħaffru wkoll bejtiet f’postijiet oħra li jeħtieġu protezzjoni kontra interventi agrikoli li jkunu ta’ preġudizzju għalih. Dawn il-postijiet jistgħu wkoll ikunu jinsabu fiż-żona tradizzjonalment użata mill-ħamster komuni li fiha, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn Franza, tal-inqas bejta waħda kienet instabet fl-2008 (35).
69. B’kuntrast mal-opinjoni tal-Kummissjoni, dan ma jfissirx li Franza għandha timplementa miżuri agrikoli b’mod ġenerali fiż-żona kollha tal-firxa tradizzjonali tal-ħamster komuni. Jekk wieħed jassumi li nistgħu nistrieħu fuq osservazzjoni xierqa taċ-ċaqliq fil-popolazzjonijiet, ikun biżżejjed, min-naħa l‑oħra, li l-miżuri agroambjentali jiġu applikati għall-bejtiet magħrufa. Fejn ma hemmx bejtiet tal-ħamsters, l-Artikolu 12(1)(d) tad-direttiva lanqas biss jeżiġi li jittieħdu xi miżuri.
70. Konsegwentement, Franza kisret l-obbligi imposti fuqha skont l‑Artikolu 12(1)(d) tad-direttiva minħabba l-fatt li l-miżuri agroambjentali ma jinkludux ħlief 60 % mill-uċuħ ippopolati b’din l-ispeċi u minħabba li dawn ma ġewx applikati għal żoni fejn hemm il-ħamster iżda li ma humiex iż-ŻAP u ż-żoni ta’ ripristinar.
71. Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat jekk il-miżuri meħuda minn Franza humiex effikaċi biżżejjed bħala tali.
72. Minħabba l-istat ħażin ta’ konservazzjoni tal-ħamster komuni, l-awtoritajiet Franċiżi jikkunsidraw li l-popolazzjonijiet eżistenti huma żgħar wisq biex jirnexxilhom jibqgħu jgħixu fit-tul. Biex ikunu vijabbli, irid ikun hemm popolazzjoni ta’ mill-inqas 1,500 annimal f’żona ta’ kolonja waħda. It-tliet ŻAP għandhom ikunu amministrati b’mod li kull waħda minnhom ikollha popolazzjoni ta’ dan id-daqs.
73. Madankollu, bejn l-2007 u l-2010, il-miżuri meħuda minn Franza fiż-ŻAP ma laħqux l-għan tagħhom.
74. Matul l-ewwel sentejn imsemmija, f’dawn iż-żoni kien hemm 230 u 231 bejta, fl-2009 ma kienx hemm iktar minn 161, fl-2010 in-numru tagħhom reġa’ tela’ madankollu għal 298. Kull bejta tikkorrispondi għal annimal wieħed. Jekk din it-tendenza tibqa’, wieħed jista’ jittama li l-popolazzjoni tal-ħamsters terġa’ tilħaq ċifra li tippermetti li dan jibqa’ jgħix. F’dak il-każ, il-miżuri meħuda minn Franza jistgħu jkunu suffiċjenti.
75. Eżami iktar akkurat ta’ dawn iċ-ċifri juri madankollu li ċ-ċaqliq pożittiv huwa kkonċentrat fuq ftit mill-uċuħ li għandhom kundizzjonijiet partikolarment favorevoli għall-ħamster komuni. Hemm il-Komun ta’ Geispolsheim, b’mod partikolari, iż-żona ta’ protezzjoni ta’ fejn jinġabar l-ilma tax-xorb (36) u tal-iskola agrikola ta’ Obernai (37). F’dawn iż-żewġ postijiet, l-aħħar ċifri kienu total ta’ 267 bejta li kienu jinsabu biċ-ċar tal-inqas parzjalment anki barra miż-ŻAP. Il‑popolazzjonijiet f’żoni oħra jibqgħu madankollu fl-istess livell jew ikomplu neżlin.
76. Barra miż-ŻAP, iċ-ċaqliq fil-popolazzjoni tal-ħamsters jidher fiż-żoni magħrufin bħala ż-żoni ċentrali. Din il-popolazzjoni niżlet minn 1,167 bejta fl-2001 għal 174 fl-2007. Fis-snin sussegwenti, dawn iċ-ċifri reġgħu żdiedu ftit biex l-ewwel laħqu ċ-ċifra ta’ 209 bejta u mbagħad 261. Dan iċ-ċaqliq huwa madankollu influwenzat ukoll, b’mod sostanzjali, mill-uċuħ eċċezzjonali li jinsabu f’Geispolsheim u Obernai.
77. Minn dan għandu jiġi dedott li l-istrateġija Franċiża għal dawn iż-żoni, jiġifieri, biex jintużaw 20 % minnhom għaċ-ċereali u 2 % għall-alfalfa ma hijiex biżżejjed biex jinkiseb stat favorevoli tal-popolazzjoni tal-ħamsters f’Alsace. Min-naħa l-oħra, jinħtieġu iktar miżuri kif, apparentement, jintużaw f’Geispolsheim u f’Obernai.
78. Id-dokument li fih il-Gvern Franċiż jesponi l-bażi għall-istrateġija tiegħu jtendi favur dan ir-riżultat. Din l-istrateġija hija bbażata fuq esperimenti li juru li fil-każijiet fejn l-uċuħ jinżergħu b’20 sa 30 % ċereali u 2 sa 4 % alfalfa, in-numru ta’ bejtiet tal-ħamster żdied (38). L-għan ta’ 20 % ta’ ċereali u 2 % alfalfa qiegħed, madankollu, mal-limitu l-baxx ta’ dawn il-valuri. Barra minn hekk, f’dawn l‑esperimenti, kienu biss tliet żoni miżrugħa skont dawn il-proporzjonijiet li ġew imqabbla ma’ disa’ żoni oħra li fihom kważi ma kien hemm xejn alfalfa u ħafna inqas ċereali.
79. Miżuri oħra bħalma huma li jitħallew, pereżempju, strixxi ta’ ħaxix fit-tarf tal-għelieqi jew strixxi ta’ ċereali ma kinux manifestament ikkontemplati (39).
80. Waqt is-seduta, il-Gvern Franċiż enfasizza ġustament li l-ħamster ma kellux jinżamm f’żoni ta’ protezzjoni artifiċjali żgħar imma f’żoni li jintużaw effettivament għall-agrikoltura. Madanollu, l-istat ħażin ta’ konservazzjoni jista’ jeżiġi b’mod provviżorju protezzjoni ikbar tal-ispeċi sakemm jerġa’ jkun hemm popolazzjoni densa biżżejjed.
81. Madankollu, Franza hija tal-fehma li l-għan li terġa’ tiġi ripristinata b’mod sostenibbli l-popolazzjoni vijabbli fit-tul ma jirriżultax mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats iżda tmur lil hinn minn dan l-għan.
82. Il-funzjonalità ekoloġika tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster mixtieqa mid-Direttiva habitats (40) tippreżumi, madankollu, li l‑popolazzjonijiet tal-ħamsters komuni jkunu vijabbli fit-tul. Konsegwentement, il-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni għandha tkun intiża li żżomm jew tirripristina l‑popolazzjonijiet vijabbli.
83. Jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ xi speċi tkun mhux favorevoli għax tkun suġġetta għal ċerti theddid biss, jista’ jkun biżżejjed li l-popolazzjoni ta’ dik l‑ispeċi tkun protetta fir-rigward ta’ dawn il-fatturi. Jekk – madankollu – bħal fil-każ ineżami – il-popolazzjonijiet huma daqshekk żgħar li jistgħu jisparixxu minħabba ċ-ċaqliq naturali fil-popolazzjoni, is-sistema ta’ protezzjoni effikaċi għandha timmira li jkun hemm żieda suffiċjenti fiċ-ċifri tal-popolazzjoni.
84. Konsegwentement, il-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ għandha tkun tali li tiggarantixxi li l-ispeċi fiż-żona inkwistjoni tibqa’ tgħix fit-tul. Dan ifisser, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-popolazzjonijiet żgħar wisq fin-numru, li l-habitat tal-bejtiet għandu jiġi protett b’mod li l‑popolazzjonijiet tal-ħamsters ikunu jistgħu jistrieħu hemmhekk b’mod suffiċjenti.
85. B’kuntrast għall-fehma ta’ Franza, tali konstatazzjoni lanqas ma tista’ tkun affettwata minħabba l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva habitats. Skont dak l-artikolu, il‑miżuri meħuda skont id-direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali. Konsegwentement, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ħolqien tal-miżuri ta’ protezzjoni. L‑għan li jkun hemm stat ta’ konservazzjoni favorevoli ma huwiex, madankollu, affettwat bl-Artikolu 2(3). Konsegwentement, il-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet protetti b’mod strett għandhom ikunu suffiċjenti minkejja dan it-teħid inkunsiderazzjoni u dan biex jiġi garantit jew ripristinat l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk.
86. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-ħamster komuni huwa affettwat ukoll bin-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva dwar in-nitrati (41). Hija tinvoka f’dan ir-rigward id-dokument tal-awtoritajiet Franċiżi dwar il-protezzjoni tal-ħamster komuni (42). Dan id-dokument jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ prattiki agrikoli tajba u b’mod partikolari, l-osservanza tad-Direttiva dwar in‑nitrati. Skont l-awtur tad-dokument, huwa importanti fuq kollox li jiġi żgurat li fix-xitwa, iż-żoni sensittivi jkunu koperti bil-ħaxix.
87. Huwa paċifiku madankollu li din il-kawża ma tirrigwardax ksur tad-Direttiva dwar in-nitrati. Barra minn hekk, la mill-argumenti li tressaq il‑Kummissjoni, u lanqas mid-dokument li hija ppreżentat, ma tirriżulta r-raġuni li għaliha huwa meħtieġ li tiġi osservata d-Direttiva dwar in-nitrati jew il-kopertura bil-ħaxix fix-xitwa u dan biex ikunu protetti s-siti tat-tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ. Il-Kummissjoni ma hijiex konvinċenti fuq dan il-punt.
88. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li Franza naqset ukoll milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats, u dan minħabba l‑fatt li l-miżuri agroambjentali adottati favur il-ħamster komuni ma humiex suffiċjenti biex jiżviluppaw popolazzjonijiet vijabbli għal tul ta’ żmien.
C – Il-miżuri fil-qasam tal-urbanizzazzjoni
89. Il-bejtiet tal-ħamster komuni u l-ambjent tagħhom għandhom ikunu protetti wkoll permezz ta’ miżuri ta’ ppjanar urban. L-evalwazzjoni tal-fatturi ta’ ppjanar urban hija inqas kumplessa minn dik tal-miżuri agroambjentali u dan peress li l‑ħamster komuni ma jiddependix fuq xi miżuri preċiżi ta’ ppjanar urban biex jibqa’ jgħix. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi ggarantit li l-uċuħ inkwistjoni ma jintmessux mill-ippjanar urban (43). Franza ssemmi f’dan ir-rigward, diversi miżuri:
– id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-ħamster komuni,
– fiż-ŻAP, jiġifieri, f’żona totali ta’ 3,285 ettaru, il-ħamrija ma għandhiex tinħadem ħlief għall-agrikoltura (44),
– fiż-żona ta’ ripristinar ta’ 77,000 ettaru, jiġifieri 49 % mill-art favorevoli li tradizzjonalment kienet tintuża mill-ħamster komuni, kull proġett ta’ ikbar minn ettaru għandu juri li ma jaffettwax lill-ħamster komuni (45),
– fiż-żona tradizzjonali tal-ħamster li tinkludi 139,000 ettaru, jiġifieri 89 % mill-art tradizzjonalment użata mill-ħamsters, il-miżuri l-ġodda ta’ ppjanar fit-301 Komun għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħamster komuni (46),
– l-osservazzjoni taċ-ċaqliq fil-popolazzjoni tal-ħamsters komuni u
– azzjonijiet ta’ informazzjoni pubblika.
90. Il-Kummissjoni ma tikkritikax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali adottati minn Franza għall-protezzjoni tal-ħamster. Filwaqt li tibża’ li jsiru eċċezzjonijiet mingħajr ma jkunu akkumpanjati b’miżuri kompensattivi suffiċjenti, hija ma tikkontestax id-dispożizzjoni applikabbli, jiġifieri l‑Artikolu 411-2 tal-Kodiċi tal-Ambjent. Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Franċiża tipprevedi l-projbizzjonijiet meħtieġa biex jiġi prekluż id-deterjorament jew il-qerda tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster permezz ta’ miżuri ta’ ppjanar urban.
91. Dawn il-projbizzjonijiet ma jistgħux madankollu jkunu effikaċi ħlief jekk waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet fuq il-miżuri dwar l-ippjanar urban, l-awtoritajiet jiġu informati bil-fatt li jkunu involuti siti ta’ tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ tal-ħamster komuni. Din l-informazzjoni tiġi ggarantita permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi f’dak li jikkonċerna l-ippjanar urban implementati mill-Komuni u l‑awtorizzazzjoni ta’ ċerti proġetti.
92. Skont l-informazzjoni mhux kontestata tal-awtoritajiet Franċiżi, 301 Komun li jinkludu 89 % mill-art favorevoli tradizzjonalment użata mill-ħamsters, huma obbligati li jipprovdu studju tal-ħamster meta jiġu biex iġeddu d-dokument tagħhom dwar l-ippjanar urban. F’dan id-dokument ta’ ppjanar, il-Komuni għandhom jiffavorixxu l-użu maħsub tal-uċuħ u jikkonservaw dawk li huma favorevoli għall-ispeċi.
93. Din il-proċedura tista’, b’mod partikolari, twassal biex tipprojbixxi kompletament l-ippjanar urban fuq ċerti uċuħ minħabba li jkun irid jiġi protett il‑ħamster komuni. Miżuri ta’ dan it-tip ittieħdu prinċipalment fiż-ŻAP, li huma żoni limitati ħafna, iżda ttieħdu wkoll f’żoni barra minn dawn.
94. Fiż-żona ta’ ripristinar li tinkludi l-parti kbira tal-art tradizzjonalment użata mill-ħamsters, kull proġett ikbar minn ettaru huwa suġġett għal obbligi speċifiċi ta’ verifika. Dan ifisser li għal dak il-proġett, ma huwiex biżżejjed li l-miżuri dwar l-ippjanar urban jinvolvu l-fatt li tiġi indikata l-preżenza tal-ħamsters komuni, iżda wieħed ikun irid jivverifika qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni jekk il-miżura taffettwax il-habitat tagħhom.
95. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dik ma hijiex sistema ta’ protezzjoni stretta, b’mod partikolari peress li l-uċuħ li ġew preklużi mill-urbanizzazzjoni flimkien maż-ŻAP huma limitati wisq. Il-Kummissjoni tinjora madankollu l-fatt li l-obbligi ta’ verifika msemmija iktar ’il fuq jistgħu, bħala regola, flimkien mad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli, jimpedixxu li l-bejtiet tal-ħamsters jiddeterjoraw jew jinqerdu. Fil-fatt, jekk l-istudji jitmexxew b’attenzjoni u b’mod oġġettiv, il-preżenza jew il-preżenza potenzjali ta’ bejtiet tal-ħamsters għandha tkun magħrufa u, konsegwentement, ikunu magħrufa l-postijiet fejn tkun meħtieġa prudenza partikolari.
96. Kif indikajt diġà (47), l-uċuħ li potenzjalment biss jistgħu jintużaw mill-ħamster komuni ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ protezzjoni speċjali kif prevista fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats. Konsegwentement, lanqas ma għandu jkun hemm projbizzjonijiet fuq bini fuq dawk l-uċuħ.
97. Il-Kummissjoni tikkritika wkoll il-fatt li ma hu previst ebda eżami għall-proġetti żgħar.
98. Din l-oġġezzjoni hija partikolarment importanti f’dak li jikkonċerna l-uċuħ li kienu s-suġġett ta’ ppjanar fil-passat fejn il-kwistjoni tal-impatt tagħhom fuq il‑ħamsters ma ġietx studjata. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, f’xi wiċċ partikolari, kienu jeżistu ħamsters komuni fiż-żmien ta’ bejn l-ippjanar u l‑implementazzjoni tal-istess u li, konsegwentement, seta’ kien hemm il-bejtiet. Mill-bqija, barra miż-żona ta’ ripristinar, anki l-proġetti ta’ ċertu kobor ma jeħtiġux xi eżami partikolari.
99. L-azzjonijiet ta’ informazzjoni lill-pubbliku meħuda mill-awtoritajiet kompetenti u l-osservazzjoni taċ-ċaqliq fil-popolazzjoni tal-ħamsters jistgħu madankollu jikkontribwixxu biex jiġu skoperti l-bejtiet f’dawn l-uċuħ kmieni biżżejjed biex jiġi evitat id-deterjorament u l-qerda tagħhom. Fil-fatt, dawn l‑azzjonijiet jiġbdu l-attenzjoni fuq ir-riskju ta’ deterjorament tal-habitats tal-ħamsters u l-osservazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu skoperti l-bejtiet f’ħin tajjeb. Malli dawn ikunu magħrufa, il-miżuri ta’ protezzjoni legali li l-Kummissjoni ma kkritikatx għandhom jipprekludu li dawk il-bejtiet u l-habitat ta’ madwarhom jiddeterjoraw minħabba xogħol ta’ bini fiż-żona inkwistjoni.
100. Bħala regola, din is-sistema ta’ protezzjoni kontra d-degradazzjoni marbuta mal-urbanizzazzjoni tidher li hija suffiċjenti. Madankollu, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, fis-6 ta’ Awwissu 2008, is-sistema msemmija kienet għadha mhux kompluta. Fis-7 ta’ Awwissu 2008, il-Gvern Franċiż indika li kien għad hemm ŻAP li kienet għadha ma ġietx validata u kien għad ma hemmx deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proġetti fiż-żona ta’ ripristinar kif ukoll dwar l-ippjanar tal-Komuni fiż-żona tradizzjonali tal-ħamster komuni (48).
101. Mingħajr dawn il-miżuri, ma kienx iggarantit li d-dispożizzjonijiet legali li jipproteġu lill-ħamster komuni jkunu sistematikament implementati. Madankollu, tali implementazzjoni sistematika hija meħtieġa minħabba l-istat ħażin ta’ konservazzjoni tal-ispeċi.
102. Għaldaqstant, Franza naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l‑Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva habitats minħabba l-fatt li l-miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva, għall-protezzjoni tal-ħamster komuni kontra d‑deterjorament tal-habitat tiegħu kkaġunat minn proġetti ta’ urbanizzazzjoni kienu għadhom mhux kompluti fid-data rilevanti.
V – Fuq l-ispejjeż
103. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il‑parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni rebħet il-kawża fis-sustanza tagħha, Franza għandha tbati l-ispejjeż.
VI – Konklużjoni
104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:
1) Ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal‑fawna u l-flora selvaġġa, minħabba
– li l-miżuri agroambjentali meħuda favur il-ħamster komuni (Cricetus cricetus) jinkludu biss 60 % mill-uċuħ ippopolati b’din l-ispeċi u ma ġewx applikati għaż-żoni li fihom hemm il-ħamsters li jinsabu barra ż-żoni ta’ azzjoni prijoritarja u ż-żona ta’ ripristinar
– li l-miżuri agroambjentali meħuda favur il-ħamster komuni ma humiex suffiċjenti biex iwasslu għal popolazzjonijiet vijabbli għal tul ta’ żmien u;
– li l-miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva għall-protezzjoni tal-ħamster komuni kontra d-deterjorament tal-habitat tiegħu kkaġunata minn proġetti ta’ urbanizzazzjoni kienu għadhom mhux kompluti fid-data rilevanti.
2. Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102; il-verżjoni rilevanti tad-Direttiva habitats emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 352M tal-31.12.2008, p. 883 sa 923).
3 – Ara r-rapport kompost tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva habitats, COM (2009) 358 finali u l-paġna tal-internet korrispondenti, http://biodiversity.eionet.europa.eu/article17.
4 – Madankollu, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi lanqas fil-Ġermanja ma hija favorevoli, ara d-dokument 14/6976 tal-Landtages ta’ Baden-Württemberg, p. 3 et seq.
5 – Iffirmata fid-19 ta’ Settembru 1979 f’Berna, STE Nru 104, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 14, p. 282.
6 – Ara, fl-aħħar lok, id-dokument ta’ ħidma għat-tletin sessjoni tal-Kumitat Permanenti, mis-6 sad-9 ta’ Diċembru 2010, Summary of case files and complaints, T-PVS (2010) 02 revE, tal-15 ta’ Ottubru 2010, p. 6.
7 – Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 1981, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il‑konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 14, p. 280 sa 281). Il-Konvenzjoni tinsab f’paġna 3.
8 – Abbozz tal-Pjan għal Azzjoni Ewropea għall-konservazzjoni tal-Ħamster Komuni (Cricetus cricetus, L. 1758) tal-15 ta’ Settembru 2008, Dokument T-PVS/Inf (2008) 9.
9 – Direttiva tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 01, p. 98) ikkonsolidata permezz tad-Direttiva 2009/147/KE, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 20, p. 70).
10 – Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ annimali slavaġ u ambjenti naturali Ewropej (1997–1998) [Artikolu 9(2)] ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea) [SEC(2001) 515, finali]. Ara wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, magħquda fi ħdan il-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1987 dwar it‑tfittxija u t-twettiq ta’ politika u ta’ programm ta’ azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-qasam tal-ambjent (1987-1992) ĠU C 328, punt 5.1.6. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑75/01, Ġabra, p. I‑1585, punt 57) ma tipprekludix li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-konvenzjoni peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat sempliċiment f’din is-sentenza li t-traspożizzjoni tal-konvenzjoni msemmija ma hijiex biżżejjed għat-traspożizzjoni tad-Direttiva habitats inkwantu ma tasalx sa fejn tasal id‑direttiva.
11 – JORF Nru 108, tal-10 ta’ Mejju 2007, p. 8367, test Nru 152.
12 – Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C-183/05, Ġabra p. I-137, punti 29 et seq). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑518/04, Vipère de Milos, Ġabra 2006, p. I-42, punt 16).
13 – Ara d-dokument ta’ gwida dwar il-protezzjoni stretta tal-ispeċijiet ta’ annimali ta’ interess għall-Komunità skont id-Direttiva habitats 92/43/KEE, aċċessibbli bl-Ingliż, Ġermaniż u Franċiż fis-sit http://circa.europa.eu/Public/irc/env/species_protection/home.
14 – Ara r-riferiment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dokument iċċitat iktar ’il fuq fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑342/05, Kaċċa għal-lupu, Ġabra, p. I‑4713, punt 30).
15 – Ara d-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 43, punt 57).
16 – Ara d-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 43, punt 58).
17 – Ara d-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 43, punt 59).
18 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger, tal-25 ta’ Ottubru 2001, ippreżentati fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑103/00, Caretta caretta, Ġabra p. I‑1147, punt 43), u tal-21 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑183/05, Ġabra p. I‑137, punt 25).
19 – Id-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 47, punt 62).
20 – Id-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 42, punt 53).
21 – Id-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 42, punt 55).
22 – Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C-103/00, Ġabra p. I-1147, punt 52), tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20), tal-1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C-286/02, Ġabra p. I-3465, punt 33), tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 35) u tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C-161/08, Ġabra p. I-4075, punt 38).
23 – Għal speċijiet oħra, hija l-protezzjoni tas-siti kif prevista fl-Artikolu 4 sa 6 tad-Direttiva habitats li tapplika u din tinkludi espressament il-habitats l-oħra.
24 – Sentenza tat-30 ta’ Jannar 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑103/00, Caretta caretta, Ġabra p. I‑1147, punti 32 et seq).
25 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 32).
26 – Id-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 21, punt 61, p. 27, punt 10, p.29, punt 19, p. 41, punt 49).
27 – Ara pereżempju d-dokument ta’ gwida (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 22).
28 – Kupfernagel, Populationsdynamik und Habitatnutzung des Feldhamsters (Cricetus cricetus) in Südost-Niedersachsen, Teżi 2007, p. 82.
29 – Ara l-punti 33 et seq iktar ’il fuq.
30 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punti 82 et seq), fuq in-nuqqasijiet li jirrigwardaw l-eventwali żona Ewropea għall-protezzjoni tal-għasafar. Il-ġurisprudenza fuq l-għoti mir-riżorsi tal-Unjoni stess, ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑239/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 56 et seq u Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑284/05, ġabra p. I‑11705, punti 55 et seq) japplika wkoll f’dan is-sens.
31 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, Ġabra p. I‑12093, punti 15 et seq kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 179).
33 – Ara n-nota tal-awtoritajiet Franċiżi tas-7 ta’ April 2009, Anness 7 tar-rikors, paġna 98.
34 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-504/06, Ġabra p. I-00118, pubblikazzjoni sommarja, punt 24), tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza (C-241/08, Ġabra p. I‑1697, punt 59), u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C-458/08, Ġabra p, I‑0000, punt 81)
35 – Skont in-nota tas-7 ta’ Awwissu 2008, 643 bejta tal-ħamsters instabu f’dik is-sena, minn fuq iż‑żona kollha tradizzjoni li minnhom 642 biss kienu fiż-żona ta’ ripristinar, ara l-anness 6 tar-rikors, p. 91 et seq.
36 – Din iż-żona tissemma fil-“Plan de conservation 2007 – 2011 pour le Hamster commun (Cricetus cricetus) en Alsace, Bilan de comptages 2009”, p. 121 et seq tar-rikors bħala eżempju tal-evoluzzjoni pożittiva f’każ ta’ ġestjoni adattata għal tul ta’ żmien.
37 – Ara l-Plan de conservation 2007 – 2011 pour le Hamster commun (Cricetus cricetus) en Alsace, Bilan de comptages 2009, p. 117 tar-rikors kif ukoll in-nota tal-awtoritajiet Franċiżi li jikkonċernaw iċ-ċifri tal-2010. Din l-istituzzjoni għandha manifestament rwol importanti fil-kuntest tad-diversi elementi tal-pjan ta’ azzjoni favur il-ħamster, ara l-pjan ta’ azzjoni għall-ħamster f’Alsace, Vol 1, 2007 – 2011, p. 8, 21, 47 u 53 (miżuri A2-5 u A2-8).
38 – Ara l-anness 4 tar-risposta.
39 – Ara l-lista ta’ miżuri potenzjali fl-abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar il-konservazzjoni tal-ħamster, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 24.
40 – Ara l-punti 33 et seq iktar ’il fuq.
41 – Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 68).
42 – Balland, Définition et gestion du milieu particulier du grand hamster d’Alsace, tal-14 ta’ Frar 2008, IGE/08/001, p. 5 et seq.
43 – Il-Kummissjoni ma tikkritikax is-sempliċi iżolament tal-habitats u tal-popolazzjonijiet permezz ta’ miżuri ta’ urbanizzazzjoni, b’mod partikolari, ta’ proġetti ta’ infrastruttura. Konsegwentement, f’dan il-każ, ma għandux jiġi deċiż jekk din il-forma ta’ alterazzjoni tal-habitat tmurx kontra l-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir u tal-postijiet ta’ mistrieħ.
44 – Punt 62 tar-risposta.
45 – Punti 63 u 152 tar-risposta.
46 – Punt 68 tar-risposta.
47 – Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.
48 – Anness 6 tar-rikors, p. 91.