KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑360/09

Pfleiderer AG

vs

Bundeskartellamt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Bonn (Ġermanja)]

“Kompetizzjoni – Akkordju – Kawża ċivili għal danni – Talba għall-aċċess għal applikazzjoni għal klemenza u informazzjoni u dokumenti relatati pprovduti volontarjament minn applikant għal klemenza lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Possibbiltà ta’ effetti negattivi fuq il-funzjonament tan-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni (NEK) u l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi”





I –    Introduzzjoni

1.        F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju qed titlob kjarifika dwar jekk, u jekk dan hu l-każ sa liema punt, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tiżvela informazzjoni, li tingħata volontarjament minn membri ta’ akkordju skont il-programm ta’ klemenza tal-awtorità, lil terza persuna leża bl-iskop li din tal-aħħar tħejji kawża ċivili għal danni fir-rigward tad-dannu allegatament ikkawżat mill-akkordju. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab teżamina b’mod partikolari jekk l-iżvelar ta’ informazzjoni bħal din tistax tippreġudika l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) u s-sistema ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2).

2.        Fil-fehma tiegħi, it-talba għal deċiżjoni preliminari teħtieġ b’mod partikolari li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżen u tibbilanċja l-interessi possibbilment diverġenti li, minn naħa, jiżguraw in-neċessità li tiżgura l-effikaċja ta’ programmi ta’ klemenza stabbiliti bil-għan li jikxfu, jippenalizzaw, u fl-aħħar nett li jiskoraġġixxu l-formazzjoni ta’ akkordji skont l-Artikolu 101 TFUE, u min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ kull individwu li jitlob kumpens għad-danni mġarrba minħabba dawn l-akkordji.

3.        Għalhekk il-kawża preżenti teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-interessi mid-dehra diverġenti li jikkostitwixxu l-ħtieġa li tiżgura applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE u l-possibiltà li persuna allegatament leża jkollha aċċess għal informazzjoni (3), biex titressaq bħala prova f’kawża ċivili għal danni kontra membru ta’ akkordju u li għalhekk tista’ tgħin lil din il-persuna biex tikseb id-dritt tagħha għal rimedju effettiv fi proċeduri ċivili għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv f’dawn il-każijiet huwa ggarantit, fil-fehma tiegħi, permezz tal-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (4) interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) (5) dwar id-dritt għal smigħ xieraq u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar dan is-suġġett.

II – Il-proċedimenti prinċipali u d-domanda preliminari

4.        Permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ Jannar tal-2008, li sadanittant saru definittivi, il-Bundeskartellamt tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Uffiċċju Federali tal-Akkordji), li kien qed jaġixxi skont, inter alia, l-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), impona multi li jammontaw għal EUR 62 000 000 kontra t-tliet produtturi prinċipali Ewropej ta’ karta dekorattiva (karta speċjali għat-trattament tal-wiċċ ta’ injam sintetiku) u kontra ħames individwi personalment responsabbli għal ftehim fil-qasam tal-iffissar tal-prezz u tal-għeluq ta’ kapaċitajiet. Dawn id-deċiżjonijiet ibbażaw, inter alia, fuq informazzjoni u dokumenti li l-Bundeskartellamt kien irċieva fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tiegħu.

5.        Pfleiderer AG (iktar ’il quddiem “Pfleiderer”) hija klijent ta’ karta dekorattiva kif ukoll waħda mit-tliet produtturi ewlenin fid-dinja ta’ injam sintetiku, ta’ prodotti b’kisja lesta u art tal-fuljetti. Hija sostniet illi tul it-tliet snin ta’ qabel kienet xtrat oġġetti b’valur ta’ iżjed minn EUR 60 000 000 mingħand il-produtturi ta’ karta dekorattiva li kontrihom qed issir il-kawża. Sabiex tħejji għall-proċeduri ċivili biex tirkupra d-danni, hija talbet, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Frar 2008, lill-Bundeskartellamt sabiex tingħata aċċess sħiħ għall-fajls dwar il-proċeduri tal-impożizzjoni tal-multi dwar l-akkordju fis-settur tal-“karta dekorattiva”.

6.        Wara li Pfleiderer irċeviet verżjoni tat-tliet deċiżjonijiet li imponew multi, li minnhom tneħħiet l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, kif ukoll lista tal-provi miġbura waqt it-tfittxija, din talbet b’mod espliċitu, permezz ta’ applikazzjoni oħra, aċċess għall-applikazzjonijiet għal klemenza, għad-dokumenti pprovduti volontarjament mill-benefiċjarji ta’ immunità u għall-provi li kienu nġabru. B’ittra tal-14 ta’ Ottubru 2008 l-Bundeskartellamt informa lil Pfleiderer li kellu l-ħsieb li jilqa’ t-talbiet tagħha parzjalment biss u li jillimita l-aċċess għall-fajl għal verżjoni li minnu kienu tneħħiet informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali, id-dokumenti interni u d-dokumenti koperti bil-punt 22 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt (6).

7.        Pfleiderer appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Amtsgericht (Qorti Lokali) ta’ Bonn, billi talbet deċiżjoni minn din il-qorti.

8.        Fit-3 ta’ Frar 2009, l-Amtsgericht, għall-ewwel, ħadet deċiżjoni li essenzjalment kienet favur ta’ Pfleiderer. L-Amtsgericht iddikjarat li skont l-Artikolu 406e tas-Strafprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Ġermaniża, iktar ’il quddiem il-“StPO”), (7) li jirregola l-aċċess għal fajls minn vittmi fi proċeduri kriminali u li b’analoġija japplika għal proċeduri fil-qasam tal- akkordji dwar ksur amministrattiv skont il-Artikolu 46(1) u l-aħħar parti tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 46(3) tal-Gesetz über Ordnungswidrigkeiten (il-Liġi Ġermaniża dwar ir-reati amministrattivi, iktar ’il quddiem il-“OwiG”), avukat li jkun qed jaġixxi għan-nom tal-parti leża jista’ jingħata aċċess għall-fajls u għall-provi miżmuma mill-awtoritajiet sa fejn huwa jista’ juri li għandu interess leġittimu f’dan ir-rigward. Skont il-qorti tar-rinviju, Pfleiderer għandha titqies bħala parti leża, minħabba li għandu jiġi preżunt li, b’riżultat tal-kartell, din ħallset prezzijiet eċċessivi għall-oġġetti li xtrat mingħand il-membri tal-kartell. Jeżisti interess leġittimu wkoll meta l-persuna kkonċernata tkun qed titlob aċċess għal dawn il-fajls bl-intenzjoni li tħejji proċeduri ċivili għal danni. Għandu jingħata wkoll aċċess għal partijiet tal-fajl li l-applikanti għall-klemenza jkunu pprovdew volontarjament lill-Bundeskartellamt u li konsegwentement huma dwar informazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-punt 22 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u dokumenti interni [jiġifieri, noti dwar diskussjonijiet tal-Bundeskartellamt jew korrispondenza fil-kuntest tan-Network Ewropew tal-Kompetizzjoni (NEK) għall-iskop tal-allokazzjoni tal-każijiet], id-dritt għal aċċess huwa ristrett. Il-portata sa fejn wieħed jista’ jkollu d-dritt għal aċċess għandha tiġi ddeterminat billi jiġu bbilanċjati l-interessi kontradittorji, u hija ristretta għal dawk il-partijiet tal-fajl li huma meħtieġa għall-iskop li jiġu ssostanzjati t-talbiet għad-danni.

9.        Wara li din id-deċiżjoni ġiet ikkontestata, l-Amtsgericht Bonn irrevokat l-istadju milħuq fil-proċeduri għall-istat tiegħu eżistenti qabel ma ngħatat id-deċiżjoni kkontestata. Filwaqt li ma tixtieqx tirrevedi l-fehma tagħha dwar il-liġi, l-Amtsgericht tqis illi d-deċiżjoni prevista ser tiddikjara b’mod impliċitu li l-verżjoni kurrenti tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt hija inkompatibbli mal-Artikolu 406e tal-iStPO u mal-Artikolu 46(1) tal-OWiG. L-Amtsgericht tirreferi b’mod partikolari għall-punt 22 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt.

10.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni prevista tista’ tmur kontra l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 u kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE [li sar l-Artikolu 4(3) TEU], moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(ġ) KE. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 jobbligaw lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib u jagħmlu tpartit reċiproku ta’ informazzjoni, inkluża informazzjoni kunfidenzjali, biex tintuża bħala prova fi proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE). L-effiċjenza u l-funzjonament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu li, fi proċeduri għall-impożizzjoni ta’ multi skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, terzi leżi jinċaħdu l-aċċess għall-applikazzjonijiet għall-klemenza u għal dokumenti pprovduti volontarjament mill-benefiċjarji ta’ immunità. Jekk il-Bundeskartellamt kien obbligat inaqqas dan il-livell ta’ protezzjoni sabiex jippermetti l-aċċess lill-terzi għall-applikazzjonijiet għal klemenza, b’mod kuntrarju għall-punt 22 tal-programm ta’ klemenza tagħha, dan ikollu żewġ konsegwenzi serji.

11.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma kinitx tkompli tipprovdi lill-Bundeskartellamt b’informazzjoni bbażata fuq applikazzjonijiet għal klemenza. Il-membri l-oħra tal-NEK wkoll ma kinux jgħaddu informazzjoni bħal din lill-Bundeskartellamt, sakemm l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-oħra tal-Istati Membri għamlu provvedimenti, fil-programmi nazzjonali ta’ klemenza rispettivi tagħhom għall-protezzjoni kontra l-kxif, skont il-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (8). Dan mhux biss ikollu effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kooperazzjoni fin-NEK, iżda jfisser ukoll illi l-allokazzjoni effiċjenti tal-każijiet fin-NEK ma tibqax iktar possibbli. Dan iqiegħed f’dubju l-kapaċità operattiva kollha tan-NEK.

12.      It-tieni nett, ikun hemm riskju li l-impriżi jistgħu jiġu skoraġġuti milli jikkooperaw fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza u li, għalhekk, l-akkordji ma jiġux irrapportati u jibqgħu ma jinkixfux, minħabba li l-applikant għal klemenza jibża’ li d-dokumenti u l-informazzjoni li hu jipprovdi volontarjament jistgħu jintużaw direttament kontrih f’kawża ċivili għal danni. Minħabba dan l-applikant għall-klemenza saħansitra jispiċċa f’pożizzjoni agħar minn ta’ dawk il-membri ta’ akkordji li ma jikkooperawx mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

13.      Fid-dawl ta’ dawn id-dubji, l-Amtsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-akkordji, b’mod partikolari l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 flimkien mal-Artikolu 3(1)(ġ) KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-partijiet leżi b’akkordju ma għandhomx, fil-każ fejn jinvokaw talbiet skont id-dritt ċivili, jingħataw aċċess għall-applikazzjonijiet ta’ [għal] klemenza u għall-informazzjoni u dokumenti li ġew innotifikati volontarjament f’dan il-kuntest minn kandidati [applikanti] għal klemenza lill-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ Stat Membru, skont programm nazzjonali ta’ klemenza fil-kuntest ta’ proċedura ta’ multa maħsuba (wkoll) għall-osservanza tal-Artikolu 81 KE?”

III – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Pfleiderer, Firma Felix Schoeller Holding GmbH & Co. KG u Firma Technocell Dekor GmbH & Co. KG, Arjo Wiggins Deutschland GmbH, mill-gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Olandiż, Ċiprijott, Spanjol u dak Taljan, mill-Kummissjoni u mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA. Saret seduta fl-14 ta’ Settembru 2010. Il-gvernijiet tal-Belġju, ta’ Ċipru u tal-Olanda ma ppreżentawx osservazzjonijiet fis-seduta. Munksjö Paper GmbH ippreżentat l-osservazzjonijiet fis-seduta.

15.      Pfleiderer tqis illi l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa purament tilwima nazzjonali bbażat fuq id-dritt proċedurali Ġermaniż. Hija ssostni li l-Amtsgericht ġustament iddeċidiet li r-rifjut li tagħti aċċess għall-informazzjoni dwar il-klemenza inkwistjoni abbażi tal-punt 22 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt kien inkompatibbli mal-Artikolu 406e tal-iStPO. Pfleiderer tqis li d-domanda mressqa mill-Amtsgericht għandha tingħata risposta fin-negattiv minħabba li r-regoli tal-UE dwar il-kwistjoni ma humiex speċifiċi biżżejjed u l-istrumenti l-oħra interpretattivi possibli, bħalma huwa l-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza, mhux biss ma humiex preċiżi, iżda huma neqsin mill-karattru vinkolanti neċessarju.

16.      Firma Felix Schoeller Holding GmbH & Co. KG u Firma Technocell Dekor GmbH & Co. KG, Arjo Wiggins Deutschland GmbH, il-gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Olandiż, Ċiprijott, Spanjol u dak Taljan essenzjalment iqisu li, bil-għan li jressqu azzjonijiet ċivili, il-partijiet leżi minn akkordju ma għandhomx jingħataw aċċess għal applikazzjonijiet għal klemenza jew għal informazzjoni u għal dokumenti pprovduti volontarjament minn applikanti għal klemenza lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont programm nazzjonali ta’ klemenza, fil-kuntest ta’ proċeduri għall-impożizzjoni ta’ multi skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 101 TFUE.

17.      Il-Kummissjoni essenzjalment tqis illi għandha ssir distinzjoni bejn il-komunikazzjonijiet volontarji mill-applikanti għal klemenza tal-fatt illi jafu li jeżisti akkordju u r-rwol tagħhom f’dan, imħejjija speċifikament biex jiġu ppreżentati skont programm nazzjonali ta’ klemenza (9), magħrufa bħala ‘dikjarazzjonijiet tal-impriżi’, u d-dokumenti l-oħra eżistenti diġà ppreżentati mill-applikant għal klemenza. Hija tqis illi ma għandux jingħata aċċess għal dak li għandu x’jaqsam ma’ dikjarazzjonijiet tal-impriżi lill-partijiet leżi minn kartell, għall-iskop li jippreżentaw kawża ċivili, minħabba li, f’kawża ċivili, dan ipoġġi lill-applikant għal klemenza f’pożizzjoni agħar minn membri oħra ta’ akkordju u b’hekk iddgħajjef l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza. Il-Kummissjoni ssostni li l-aċċess għal dokumenti oħrajn ippreżentati mill-applikant għal klemenza għandu jiġi eżaminat każ b’każ. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq analoġija mal-prassi tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ informazzjoni fil-pussess tagħha lill-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1/2003 (10).

18.      L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tqis illi peress li l-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ klemenza implementati fl-UE jipprovdu għal proċedura orali (11) maħsuba biex tipproteġi d-dikjarazzjonijiet tal-impriżi kontra l-kxif fi proċeduri ċivili għal danni, la l-effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE u lanqas id-dispożizzjonijiet tagħha ma jipprekludu liġi nazzjonali li tipprovdi li Stat Membru jagħti aċċess għal dokumenti ta’ klemenza miżmuma mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħha, lil attur potenzjali ta’ proċedura ċivili għal danni kontra parteċipanti ta’ akkordju sigriet u illegali.

IV – Kunsiderazzjonijiet preliminari

19.      Fil-fehma tiegħi huwa ta’ benefiċċju li jiġu enfasizzati numru ta’ kwistjonijiet rilevanti li għandhom x’jaqsmu mal-kawża prinċipali li joħorġu mid-digriet tar-rinviju. L-ewwel nett, l-aċċess għall-informazzjoni partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux qed jintalab minn membru tal-pubbliku abbażi tar-regoli nazzjonali dwar it-trasparenza. Pjuttost, jidher mid-digriet tar-rinviju li Pfleiderer, fil-prinċipju, tgawdi minn drittijiet speċifiċi ta’ proċedura skont il-liġi Ġermaniża li dwar l-aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-Bundeskartellamt li għandha x’taqsam mal-akkordju minħabba l-fatt li Pfleiderer titqies bħala parti leża li hija preżunta li sofriet ħsara minħabba l-akkordju u li għandha interess leġittimu li tikseb dan l-aċċess biex tħejji l-proċeduri ċivili għal danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess jingħata minn qorti skont il-Artikolu 406e tal-iStPO mhux lil Pfleiderer innifisha iżda lill-avukat tagħha. Għalhekk kull analoġija mar-regoli dwar it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għal dokumenti kif pereżempju stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (12) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan, tidher li ma hijiex xierqa minħabba li din tista’ tillimita b’mod żbaljat dak li jidher li hu dritt ta’ aċċess għal provi iżjed estiż li tibbenefika minnu persuna allegatament leża bħal ma hija Pfleiderer bil-għan li ssir kawża ċivili quddiem il-qrati skont il-Artikolu 406e tal-iStPO.

20.      It-tieni nett, l-investigazzjoni tal-ksur speċifiku tad-dritt tal-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet konkluża billi ġiet adottata deċiżjoni li timponi multa skont, inter alia, l-Artikolu 101 TFUE li ma għadhiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċess għall-informazzjoni kontenzjuża ma jistax idgħajjef l-investigazzjoni ta’ dak il-ksur partikolari jew tinfluwenza l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-każ preżenti għandu jkun distint minn dawk il-każijiet fejn terza persuna leża titlob l-aċċess għal informazzjoni miżmuma mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni minn din l-awtorità skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu tibqa’ l-kwistjoni dwar jekk l-aċċess għall-kategorija ta’ informazzjoni inkwistjoni, jiġifieri informazzjoni u dokumenti pprovduti volontarjament fil-kuntest ta’ programm ta’ klemenza, jistax b’mod ġenerali jdgħajjef il-proċess investigattiv relatat mal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE u konsegwentement l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-Bundeskartellamt u minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra skont is-setgħat u d-doveri li ngħatawlhom skont ir-Regolament Nru 1/2003.

21.      It-tielet nett, id-domanda magħmula mill-Amtsgericht tiffoka fuq l-aċċess għal informazzjoni u dokumenti ppreżentati minn applikant għal klemenza. Mid-digriet tar-rinviju jidher illi l-Amtsgericht sostniet illi fir-rigward ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u dokumenti interni (13) d-dritt għal aċċess huwa limitat. Ma hemm ebda indikazzjoni li l-Amtsgericht tixtieq teżamina l-konklużjoni tagħha dwar dik il-kwistjoni. Għalhekk, f’dawn il-konklużjonijiet jien ser neżamina l-kwistjoni tal-aċċess għal informazzjoni u dokumenti ppreżentati minn applikant għal klemenza abbażi tal-fatt li ma għandhomx informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali jew jikkostitwixxux dokumenti interni.

V –    Kunsiderazzjonijiet

22.      Permezz tad-domanda tagħha, l-Amtsgericht tistaqsi, essenzjalment, dwar l-impatt minn terza persuna leża (14) għal informazzjoni pprovduta minn applikant għal klemenza lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollu fuq is-sistema ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni stabbilita fl-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003.

23.      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri (15) għandhom is-setgħat biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE (16). Waqt li s-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE ma jikkoinċidux totalment, dawn jikkoinċidu b’mod kunsiderevoli u b’hekk jirriżultaw f’sistema ta’ applikazzjoni deċentralizzata li hija bbażata fuq poteri paralleli. Il-Kummissjoni għandha poteri speċifiċi u dettaljati skont ir-Regolament Nru 1/2003 sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, u fil-fatt il-qrati nazzjonali (17) japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE l-parti l-kbira skont l-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom (18) permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, sakemm huma josservaw il-prinċipji tal-ekwivalenza (19) u tal-effettività (20). Fil-fehma tiegħi, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) TUE u r-Regolament Nru 1/2003 (21), l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fit-territorju tagħhom (22).

24.      Biex tillimitata l-possibbiltà ta’ applikazzjoni diskordanti tal-poteri paralleli u minkejja l-awtonomija proċedurali li jgawdu minnha fil-prinċipju l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati, il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Kooperazzjoni”, jistabbilixxi numru ta’ regoli proċedurali sabiex jiżgura li s-sistema ta’ poteri paralleli topera b’mod koordinat u effettiv. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni effettivament jifformaw netwerk (23) ta’ awtoritajiet pubbliċi li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE f’kooperazzjoni mill-qrib (24). Dak il-kapitolu partikolari ħoloq sistema (25) fost il-membri tan-NEK li tipprovdi, b’mod partikolari, għat-tqassim tax-xogħol u l-allokazzjoni tal-każijiet bejn wieħed jew iżjed mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni, u għall-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Jien inqis illi l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom joperaw b’mod illi jiżgura t-twettiq effettiv tal-obbligi tagħhom ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003.

25.      Filwaqt li la r-Regolament Nru 1/2003 u fil-fatt lanqas il-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni ma jinkludu ebda dispożizzjoni dwar l-għoti ta’ aċċess lil terzi għal informazzjoni pprovduta volontarjament minn applikant għal klemenza (26), il-punt 30 tal-Programm Mudell tan-NEK għal klemenza, jistipula li “id-dikjarazzjonijiet orali magħmula fil-kuntest ta’ dan il-programm għandhom jiġu skambjati bejn [l-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni] skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti [fil-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni] jiġu sodisfatti u sakemm il-kunfidenzjalità żgurata mill-[Awtorità tal-Kompetizzjoni] destinatarja tkun ekwivalenti għal dik mogħtija mill-[Awtorità tal-Kompetizzjoni] li pprovdithom” (27).

26.      Il-Programm Mudell tan-NEK għal klemenza huwa strument li mhux vinkolanti u li jipprova joħloq armonizzazzjoni de facto jew “moderata” tal-programmi ta’ klemenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex jiżgura li applikanti prospettivi ma jiġux skoraġġuti milli japplikaw għall-klemenza minħabba d-diskrepanzi bejn il-programmi ta’ klemenza fin-NEK. Għalhekk il-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza jistabbilixxi t-trattament li applikant jista’ jantiċipa fi kwalunkwe ġurisdizzjoni tan-NEK ladarba jkun sar l-allinjament tal-programmi kollha. Barra dan, il-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza jipprova jtaffi l-piż assoċjat ma’ applikazzjonijiet multipli. Minkejja n-natura mhux leġiżlattiva ta’ dan l-istrument u fil-fatt ta’ strumenti oħra bħal ma huma l-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni u d-Dikjarazzjoni Komuni, l-effetti prattiċi tagħhom, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu injorati. Hija għalhekk sfortuna li dokumenti bħal ma huma l-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza u d-Dikjarazzjoni Komuni ma humiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-iskopijiet ta’ trasparenza u posterità.

27.      Fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 30 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni, jidhirli li l-livelli differenti ta’ żvelar lill-terzi minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ informazzjoni pprovduta mill-applikanti għal klemenza jistgħu għalhekk possibbilment jolqtu d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni stabbiliti bir-Regolament Nru 1/2003.

28.      Jidher mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, illi l-awtorità tal-kompetizzjoni Svediża kkooperat mal-Bundeskartellamt fl-investigazzjoni tal-ksur inkwistjoni. Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni li xi awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali apparti l-Bundeskartellamt kellha l-kompetenza li tapplika l-Artikolu 101 TFUE għal dak li għandu x’jaqsam mal-akkordju inkwistjoni li seta’ jwassal għal proċeduri multipli quddiem diversi awtoritajiet u għall-possibiltà ta’ allokazzjoni mill-ġdid tal-każ skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003 (28). Għalhekk filwaqt li l-proċeduri multipli quddiem awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jkollhom it-tendenza li jinqalgħu f’każijiet fejn il-membri tal-akkordju jkunu qed japplikaw għal klemenza, bħal meta fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ klemenza “one-stop-shop” skont il-liġi tal-UE jew ta’ sistema ta’ programmi ta’ klemenza kompletament armonizzata li taħdem mal-UE kollha (29) jistgħu jsibu li jeħtieġ illi japplikaw għall-awtoritajiet kollha li għandhom il-kompetenza biex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE għal dak li għandu x’jaqsam mal-ksur, ma hemm ebda evidenza li jeżistu ċirkustanzi bħal dawn fil-kawża prinċipali. Ninnota wkoll li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod speċifiku fid-digriet tar-rinviju li Pfleiderer ma hijiex qed titlob l-aċċess għal informazzjoni jew għal dokumenti miżmuma mill-Bundeskartellamt li kienu ġew pprovduti lil din tal-aħħar fil-kuntest tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 (30).

29.      Għalhekk jidher illi l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex rilevanti għall-iskopijiet ta’ dawn il-proċeduri u li l-parti tad-domanda magħmula li tittratta dawn id-dispożizzjonijiet hija, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha (31), ipotetika (32). Fil-fehma tiegħi, fin-nuqqas ta’ fatti konkreti huma x’inhuma fid-digriet tar-rinviju li għandhom x’jaqsmu mal-kwistjoni ta’ kooperazzjoni skont il-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003, ikun spekulattiv għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni fil-proċeduri preżenti.

30.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-fatt li tipprevedi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tagħti aċċess għal informazzjoni u dokumenti pprovduti volontarjament lil din l-awtorità minn applikant għal klemenza lil parti leża li għandha l-ħsieb li tippreżenta kawża għal danni, jistax fil-futur jikkomprometti l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE mill-awtorità msemmija.

31.      Huwa ċar illi kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom rwol importanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal dak li għandhom x’jaqsmu ma’ akkordji illegali. Minħabba n-natura sigrieta ta’ akkordji pprojbiti mill-Artikolu 101 TFUE, il-kxif effettiv ta’ dan il-ksur u l-investigazzjonijiet dwarhom, u għalhekk, il-projbizzjoni u l-piena eventwali ta’ dan il-ksur, li spiss isibu posthom fost il-ksur l-aktar serji tad-dritt tal-kompetizzjoni (33) minħabba l-effetti ħżiena tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni, huma diffiċli kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali (34). F’dak li jien inqis bħala ħaġa ta’ konvenjenza (35), il-Kummissjoni, mill‑1996, permezz tal-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordju (36), stabbiliet programm ta’ klemenza li bih tippremja l-kooperazzjoni pprovduta minn membri ta’ akkordji li jippermettu li jinkixfu u li jippenalizzaw akkordji, taħt forma ta’ immunità minn u tnaqqis ta’ multi. Huwa ċar mill-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza tal-2006 (37) li l-Kummissjoni tqis li “[l]-interessi tal-konsumatur u ċ-ċittadini biex jiżguraw li akkordji sigrieti jinkixfu u jiġu kkastigati [ippenalizzati] huma akbar mill-interess li jiġu mmultati dawk l-impriżi li jħallu lill-Kummissjoni biex tiskopri u tipprojbixxi dawn il-prattiċi [l-attivitajiet]. […] Il-Kummissjoni tqis illi l-kollaborazzjoni ta’ intrapriża fil-kxif tal-eżistenza ta’ akkordju għandha valur intrinsiku.” (38) Jien inqis illi l-benefiċċju ta’ programm bħal dan jestendi lil hinn mill-kxif u l-penalizzazzjoni ta’ ksur indiviwali iżda jwassal għal atmosfera ta’ inċertezza fost membri prospettivi ta’ akkordji li tista’ timpedixxi l-formazzjoni proprja ta’ akkordji.

32.      Għalhekk il-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza jistabbilixxi, b’mod trasparenti, regoli u proċeduri li jħallu li l-applikanti għal klemenza jbassru t-trattament li jkunu ser jingħataw mill-Kummissjoni. Fil-fehma tiegħi, din it-trasparenza u l-prevedibbiltà, huma meħtieġa biex il-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni jiffunzjona b’mod effettiv minħabba li l-inċertezza għal dak li huma t-trattament tal-Kummissjoni tista’ tiskoraġġixxi applikanti prospettivi. Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi l-kooperazzjoni li tipprovdi impriża lill-Kummissjoni tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-jekk din fil-fatt tippermetti lill-Kummissjoni twettaq ir-rwol tagħha li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur u li twaqqfu (39). Impriża li tikkoopera mal-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza tikseb aspettattiva leġittima li l-multa tagħha titnaqqas b’ċertu perċentwali (40). Barra dan, skont il- Komunikazzjoni dwar il-Klemenza tagħha, fil-prinċipju, il-Kummissjoni ma tagħtix aċċess għad-dikjarazzjoni korporattiva tal-applikant għal klemenza (41). Barra minn hekk, il-Kummissjoni taċċetta li dawn id-dikjarazzjonijiet korporattivi (42) jistgħu jsiru oralment (43). Madankollu, il-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza ma jipprovdix għar-rifjut għal aċċess lil terzi għal dokumenti diġà eżistenti (44) pprovduti minn applikant għal klemenza skont din il-komunikazzjoni.

33.      Skont il-liġi tal-UE ma hemm ebda obbligu espliċitu li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni joperaw programm ta’ klemenza fir-rigward ta’ akkordji li jiksru l-Artikolu 101 TFUE, u l-liġi tal-UE ma tirregolax il-kwistjoni tal-aċċess għall-fajl ta’ klemenza ta’ dawn l-awtoritajiet. Madankollu, minkejja li fil-liġi tal-UE ma hemmx obbligu espliċitu li l-awtoritajiet tal-Istati Membri joperaw programm ta’ klemenza dwar akkordji illegali, u l-fatt li għalhekk l-Istati Membri jgawdu minn awtonomija proċedurali f’dan ir-rigward, mill-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher illi l-maġġoranza l-kbira tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-27 Stat Membru, inkluż il-Bundeskartellamt, bħalissa joperaw xi forma ta’ programm ta’ klemenza. Id-digriet tar-rinviju jiddikjara li l-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt huwa bbażat fuq il-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza. Minħabba li l-Bundeskartellamt għażel b’mod attiv li jopera programm ta’ klemenza, fil-fehma tiegħi jkun jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni qieset illi dan il-programm kien meħtieġ biex tiżgura l-applikabbiltà effettiva minnu, b’mod partikolari, tal-Artikolu TFUE 10 (45). Fil-fatt fid-digriet tar-rinviju, l-Amtsgericht indikat li “[i]l-programm ta’ klemenza tal-Bundeskartellamt, li ġie introdott fl-2000, juri li dan jista’ jkun strument effettiv ħafna fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-akkordji. Bejn l-2001 u l-2008, saru total ta’ 210-il applikazzjoni għal klemenza, relatati ma’ 69 sett seperat ta’ proċeduri” (46).

34.      Jien inqis illi meta Stat Membru, permezz tal-awtorità/jiet tiegħu, jopera programm ta’ klemenza biex jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE, minkejja l-awtonomija li jgawdi Stat Membru meta jkun qed jinforza din id-dispożizzjoni, għandu jiżgura li l-programm jiġi implementata u jopera b’mod effettiv.

35.      Għal dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet bejn programmi ta’ klemenza u kawżi ċivili għal danni, il-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza, filwaqt li għandu jindika bil-quddiem il-mod li bih il-Kummissjoni għandha teżerċita d-diskrezzjoni tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ multi fuq membri tal-akkordji li jkunu qed jikkooperaw, għandu jgħid b’mod espliċitu li l-kooperazzjoni skont din il-komunikazzjoni ma tipprovdix lill-membri ta’ akkordju b’xi immunità mill-konsegwenzi tad-dritt ċivili li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE (47). Barra dan, il-punt 24 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskarellamt jistipula li “[d]in il-komunikazzjoni ma għandha ebda effett fuq l-implementazzjoni privata tad-dritt tal-kompetizzjoni” (48).

36.      Fil-fatt, id-dritt ta’ persuni leżi li jagħmlu kawża ċivili għal danni minħabba ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ġie enfasizzat b’mod ċar mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija għalhekk ġurisprudenza stabbilita li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet (49) għall-individwi kkonċernati li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (50). Filwaqt li r-regoli dwar il-proċeduri għad-danni minħabba l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE ma ġewx armonizzati fil-livell tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effett prattiku tal-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) TFUE kienu jiġu mhedda li kieku l-individwu ma kellux il-possibiltà li jagħmel kawża ċivili għal danni għal telf ikkaġunat lilu minn kuntratt jew imġieba li għandha t-tendenza li tirristrinġi jew li tikkawża distorsjoni l-kompetizzjoni (51). Minn dan isegwi li kwalunkwe individwu jista’ jitlob il-kumpens għad-dannu mġarrab meta jkun hemm relazzjoni każwali bejn dan id-dannu u ftehim jew attività pprojbit/a skont l-Artikolu 101 TFUE (52). Fis-sentenza Courage u Crehan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll l-effett dissważiv tal-proċeduri għal danni. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-eżistenza ta’ dan id-dritt ta’ azzjoni ssaħħaħ it-tħaddim tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u tiskoraġġixxi dawn il-ftehim jew attivitajiet, li l-parti l-kbira jsiru bil-moħbi, li għandhom it-tendenza li jirrestrinġu jew jikkawżaw distorsjoni lill-kompetizzjoni. Minn din il-perspettiva, il-proċeduri għal danni quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu kontribut sinjifikattiv għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-UE (53).

37.      Fil-fehma tiegħi, l-iżvelar, minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni pprovduta volontarjament minn membri ta’ akkordju skont il-programm ta’ klemenza tal-awtorità lil terza persuna leża, fil-prinċipju, jista’ jgħin lil din tal-aħħar fit-tħejjija għal proċedura għal danni abbażi tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE quddiem il-qrati nazzjonali dwar dannu allegat ikkawżat mill-akkordju (54). Azzjoni li mhux biss tista’ twassal biex jiġi ddeterminat id-dritt għal kumpens ta’ persuna leża, iżda anki biex jiġi applikat l-Artikolu 101 TFUE (55). Jien għalhekk inqis illi minkejja l-fatt illi awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tkunx parti fi proċeduri għal danni, sakemm ma hemmx raġunijiet leġittimi iżjed importanti ta’ neċessità pubblika jew privata, ma għandiex (56) tiċħad lil parti allegatament leża milli jkollha aċċess għal dokumenti fil-pussess tagħha li jistgħu jiġu ppreżentati bħala prova sabiex jgħin lil din tal-aħħar tagħmel kawża ċivili kontra membru ta’ akkordju minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba li dan jista’ fir-realtà jfixkel u jnaqqas id-dritt fundamentali ta’ din il-persuna għal rimedju effettiv ggarantit mill-Artikolu  101 TFUE u mill-Artikolu 47 (57), moqrija flimkien mal-Artikolu 51 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jeżamina jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tistax tirrifjuta li tiżvela informazzjoni u dokumenti ppreżentati minn applikant għal klemenza, u jekk tista’ tagħmel dan, f’liema ċirkustanzi.

38.      Fil-fehma tiegħi, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-iżvelar minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti kollha li ngħatawlha minn applikant għal klemenza jista’ jikkomprometti serjament l-attrazzjoni, u għalhekk l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza ta’ din l-awtorità minħabba li l-applikanti prospettivi għal klemenza jistgħu jipperċepixxu li fi proċeduri ċivili għal danni se jsibu ruħhom f’qagħda inqas favorevoli, mill-membri l-oħra tal-akkordju li ma japplikawx għal klemenza, minħabba dikjarazzjonijiet u provi inkriminanti (58) li jeħtieġu jippreżentaw lill-awtorità. Għalhekk filwaqt li applikant prospettiv għal klemenza jista’ jibbenefika minn immunità minn jew minn tnaqqis fil-multi, jista’ jiġi pperċepit illi dan il-benefiċċju qed jingħelbu minn żieda fir-riskju ta’ responsabbiltà għad-danni meta jingħata l-aċċess għal fajl ta’ klemenza, b’mod partikolari f’każijiet fejn il-membri tal-akkordju huma responsabbli flimkien u in solidum skont ir-regoli nazzjonali tal-proċedura ċivili. Membru ta’ akkordju jista’ għalhekk jastjeni kompletament milli japplika għal klemenza jew inkella jikkoopera inqas mal-awtorità tal-kompetizzjoni fil-proċedura ta’ klemenza (59).

39.      Għalhekk jidher li hemm tensjoni bejn, minn naħa, l-implementazzjoni effettiva ta’ programm ta’ klemenza minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, u għalhekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, u minn-naħa l-oħra, l-għoti lil terza persuna għall-aċċess għal informazzjoni pprovduta minn applikant għal klemenza (60) bil-għan li din tgħinha biex tagħmel kawża għal danni skont l-Artikolu 101 TFUE.

40.      Jien inqis li r-Regolament Nru 1/2003 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilew ebda ġerarkija de jure jew ordni ta’ prijorità (61) bejn l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni mill-awtoritajiet pubbliċi u l-proċeduri ċivili għal danni. Filwaqt li ma ġiet stabbilita ebda ġerarkija de jure, fil-fehma tiegħi, fil-preżent, ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikoli 101 u 102 TFUE huwa ħafna iżjed importanti mill-proċeduri ċivili għal danni. Fil-fatt tant huwa mnaqqas ir-rwol kurrenti tal-proċeduri ċivili għal danni f’dan ir-rigward li nsibha bi tqila biex nuża żżejjed l-frażi “implementazzjoni tar-regoli fil-kamp privat” (“private enforcement”) (62).

41.      Barra dan, inqis li t-tensjoni inkwistjoni hija iżjed apparenti milli reali minħabba li flimkien mal-interess pubbliku fi programmi effettivi ta’ klemenza għall-kxif u l-penalizzazzjoni ta’ akkordji sigrieti, dawn il-programmi huma wkoll ta’ benefiċċju għall-persuni privati li tkun saritilhom il-ħsara b’dawn l-akkordji (63). L-ewwel nett, fin-nuqqas ta’ programmi effettivi ta’ klemenza jista’ jkun li bosta akkordji qatt ma jinkixfu u li l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni in ġenerali u fuq persuni privati partikolari jistgħu għalhekk jippersistu mingħajr ma jiġu kkontrollati. It-tieni nett, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ akkordji bħal dawn minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni abbażi ta’ applikazzjoni għal klemenza jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jeħtieġu, inter alia, li l-ksur jitwaqqaf u li jimponu multi skont il-liġi nazzjonali (64). Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu sussegwentement jgħinu lil terzi leżi minn akkordji biex ikunu jistgħu jagħmlu kawżi ċivili għal danni. F’dan ir-rigward, filwaqt li ma hemm ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 1/2003 dwar l-importanza li għandha tingħata lid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (65) f’sentenzi tal-qrati nazzjonali analogi għall-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament,(66) inqis illi dawn id-deċiżjonijiet għandhom għall-anqas jiġu trattati bħala prova korroborattiva mill-qrati nazzjonali (67). Madankollu, anki f’dawn il-qrati li quddiemhom parti ċivili ma tista’ bl-ebda mod iserraħ fuq deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tkun saret definittiva bħala prova quddiem il-qrati nazzjonali u jkollha tipprova fit-totalità tiegħu, inter alia, il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, nikkunsidra li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi punt tat-tluq tajjeb sabiex fuqu tiġi ppreparata kawża b’mod partikolari għaliex id-deċiżjoni msemmija normalment tispjega fid-dettall kif jaħdem l-akkordju inkwistjoni u n-natura tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

42.      Jien għalhekk inqis illi sabiex jipproteġu kemm l-interessi pubbliċi kif ukoll dawk privati li jikkostitwixxu l-kxif u l-penalizzazzjoni tal-akkordji, għandha tiġi ppreżervata kemm jista’ jkun l-attrazzjoni tal-programm ta’ klemenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni mingħajr ma jirrestrinġi bla bżonn id-dritt għall-aċċess ta’ informazzjoni li għandhom partijiet ċivili u fl-aħħar mill-aħħar id-dritt għal rimedju effettiv.

43.      Għal dak li huwa l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju ma indikatx fid-dettall, fid-digriet tar-rinviju, in-natura tal-informazzjoni u d-dokumenti ppreżentati mill-applikanti għal klemenza. Madankollu, minħabba l-fatt li l-qorti tar-rinviju sostniet illi l-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt huwa bbażat fuq il-Programm Mudell tal-NEK għal Klemenza, jien nipproponi li neżamina fil-kuntest preżenti l-aċċessibbiltà għal dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom jew dikjarazzjonijiet korporattivi (68) li jkunu saru volontarjament minn applikanti għal klemenza u għal dokumenti diġà eżistenti ppreżentati minnhom.

44.      Fil-fehma tiegħi, l-iżvelar tal-kontenut ta’ dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom (69) li jkunu saru volontarjament minn applikanti għal klemenza,(70) lil partijiet ċivili fil-proċedura għal klemenza u għall-iskop ta’ din il-proċedura, u li fihom l-applikanti effettivament jammettu u jiddeskrivu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur tal-Artikolu 101 TFUE lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, jista’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-attrazzjoni u għalhekk l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (71). Dan imbagħad jista’ idgħajjef l-applikazzjoni effettiva minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u fl-aħħar mill-aħħar il-possibiltà li l-partijiet privati jiksbu rimedju effettiv. Għalhekk inqis, illi filwaqt li ċ-ċaħda għal dan l-aċċess tista’ toħloq ostakoli jew sa ċertu punt tfixkel id-dritt fundamentali ta’ parti allegatament leża għal rimedju effettiv, l-indħil f’dan id-dritt huwa ġġustifikat minħabba l-għan leġittimu li jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni oħra u fil-fatt l-interessi privati għal dak li huwa l-kxif u l-penalizzazzjoni ta’ akkordji.

45.      Barra dan, jidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju (72) l-applikanti għal klemenza għandhom ikollhom aspettattiva leġittima li abbażi tad-diskrezzjoni tal-Bundeskartellamt f’din il-kwistjoni, ma jiġux żvelati dikjarazzjonijiet volontarji li jinkriminaw lil min għamilhom. Jiena nqis illi filwaqt li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv għandu jiġi rrispettat sa l-iżjed punt possibbli, l-applikant għal klemenza jgawdi minn aspettattiva leġittima ta’ importanza ikbar li dawn id-dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom ma jiġux żvelati.

46.      Jien għalhekk inqis illi ma għandux, fil-prinċipju (73) jingħata aċċess għal dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom li jkunu saru volontarjament minn applikant għal klemenza.

47.      Madankollu, barra dawn id-dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom, il-partijiet allegatament leżi, bħal Pfleiderer, għandhom ikollhom aċċess għad-dokumenti l-oħra kollha diġà eżistenti ppreżentati minn applikant għal klemenza waqt programm ta’ klemenza (74) li jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex dawn il-persuni jistabbilixxu, għall-iskopijiet ta’ kawża privata għal danni, l-eżistenza ta’ att illegali li jikser l-Artikolu 101 TFUE (75), il-ħsara li saret lil dawk il-partijiet u l-konnessjoni każwali bejn id-dannu u l-ksur (76). Id-dokumenti inkwistjoni ma humiex fil-fatt prodott tal-proċedura ta’ klemenza minħabba li, għal kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet korporattivi li jinkriminaw lil min għamilhom imsemmija iżjed ’il fuq, dawn jeżistu indipendentement minn din il-proċedura u jistgħu, tal-anqas fit-teorija, jinstabu band’oħra. Jien ma nista’ nara ebda raġuni konvinċenti għaliex l-aċċess għal dawn id-dokumenti, li huma speċifikament maħsuba u xierqa biex jassistu fi proċedura għal danni, għandu jiġi miċħud. Il-fatt li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dawn id-dokumenti f’ċirkustanzi bħal dawn tal-kawża prinċipali jmur kontra d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv.

VI – Konklużjoni

48.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-Amtsgericht Bonn (Ġermanja) kif ġej:

Meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timplementa programm ta’ klemenza sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE, il-partijiet leżi minn kartell, bil-għan li jibdew kawżi ċivili għal danni, ma għandhomx jingħataw l-aċċess għal dikjarazzjonijiet li jinkriminaw lil min għamilhom li jkunu ġew ipprovduti volontarjament minn applikanti għal klemenza u li fihom l-applikanti effettivament jammettu u jiddeskrivu lill-awtorità l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, minħabba li dan jista’ jnaqqas b’mod sostanzjali l-attrazzjoni u għalhekk l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza tal-awtorità u konsegwentement idgħajjef l-applikazzjoni effettiva mill-awtorità tal-Artikolu 101 TFUE. Jekk huwa veru li ċ-ċaħda għal dan l-aċċess tista’ toħloq l-ostakoli għal jew sa ċertu punt tfixkel id-dritt fundamentali ta’ parti allegatament leża għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-indħil f’dak id-dritt huwa ġġustifikat mill-għan leġittimu li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-interessi privati f’dak li għandu x’jaqsam il-kxif u l-penalizzazzjoni tal-akkordji.

Imur kontra d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47, moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Qorti Ewropea jekk l-aċċess għal dokumenti oħra diġà eżistenti ppreżentati minn applikant għal klemenza fi proċedura ta’ klemenza u li jgħinu lill-partijiet allegatament leżi minn akkordju sabiex jistabbilixxu, għall-iskopijiet ta’ kawża privata għad-danni, l-eżistenza ta’ att illegali li jikser l-Artikolu 101 TFUE, il-ħsara li saret lil dawk il-partijiet u l-konnessjoni każwali bejn id-dannu u l-ksur, jiġi miċħud mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.


3 – Miżmuma minn korp ta’ Stat Membru li jipprovdi servizz pubbliku, f’din l-istanza, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni maħtura skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003.


4 – Skont l-Artikolu 6(1) TUE,“[l]-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.


5 – Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Skont l-Artikolu 6(3) TUE, “[i]d-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.” Ara wkoll l-Artikolu 52(3) tal-Karta li jistipula illi “[s]afejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.


6 – Il-punt 22 tal-Komunikazzjoni Nru 9/2006 tal-Bundeskartellamt tas-7 ta’ Marzu 2006 dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell – Programm ta’ Klemenza – jistipula li “[f]il-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li ngħatatlu, il-Bundeskartellamt għandu fil-prinċipju jiċħad l-applikazzjonijiet għal aċċess għall-fajl jew għal informazzjoni minn terzi, sa fejn dawn jirrigwardaw l-applikazzjoni għal immunità minn multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom u l-provi pprovduti f’dan ir-rigward”. Il-komunikazjzoni hija disponibbli fuq http://www.bundeskartellamt.de/wEnglisch/download/pdf/06_Bonusregelung_e.pdf.


7 – L-Artikolu 406e tal-iStPO, intitolat “Konsultazzjoni tal-Fajls”, jistipula:


      “(1) Avukat jista’ jikkonsulta, f’isem il-vittma, l-fajls li huma ppreżentati lill-qorti jew li għandhom jitressqulha fil-każ ta’ eżerċizzju tal-azzjoni pubblika kif ukoll il-provi maqbuda, sa fejn huwa jsostni interess leġittimu [...].


      (2) L-aċċess għall-fajls għandu jinċaħad jekk ikun hemm interessi, jew tal-akkużat jew ta’ persuni oħra, ta’ importanza akbar li jistħoqqilhom jitħarsu, li jikkostitwixxu ostakolu għal dan. Dan jista’ jinċaħad jekk ikun jidher li minħabba fiha l-iskop tal-investigazzjoni jitqiegħed f’riskju jew jekk il-proċeduri jiddewmu b’mod konsiderevoli […].”


8 – Adottat fid-29 ta’ Settembru 2006; disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/ECN/model_leniency_en.pdf.


9 – Ara b’analoġija, il-punt 31 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell tal-2006 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Klemenza”) ĠU 2006 C 298, p. 17.


10 – Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU 2004 C 101, p. 54). Il-punt 26 jistipula li “il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tagħti informazzjoni lill-qrati nazzjonali minħabba raġunijiet ta’ importanza akbar li għandhom x’jaqsmu mal-bżonn li jiġu żgurati l-interessi tal-Komunità jew li tiġi evitata xi interferenza fil-ħidma u fl-indipendenza tagħha, b’mod partikolari jekk din tqiegħed f’riskju t-twettiq tax-xogħol fdat lilha […]. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex tgħaddi lill-qrati nazzjonali informazzjoni mogħtija volontarjament minn applikant għall-klemenza mingħajr il-kunsens tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


11 – Ara pereżempju l-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9). Ara wkoll il-punt 28 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


12 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331. Qed nosserva li dubji dwar l-applikabbiltà b’analoġija ta’ dan ir-regolament f’dan il-kuntest kienu tqajmu mill-Firma Schoeller Holding GmbH & Co. KG u Firma Technocell Dekor GmbH & Co, KG, il-gvern Ġermaniż u dak Spanjol u l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


13 – Ara l-punt 8 iktar ’il fuq.


14 – Sabiex tagħmel kawża għal danni.


15 – Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li jimponi obbligazzjonijiet fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u l-qrati nazzjonali biex japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.


16 – Ara b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1/2003.


17 –      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qrati nazzjonali għandhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.


18 – Ara, madankollu, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 li jistipula d-deċiżjonijiet li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta jkunu qed japplikaw l-Artikolu 101 u 102 TFUE.


19 – Il-prinċipju tal-ekwivalenza jeħtieġ li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni, kemm jekk il-ksur allegat huwa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jew tad-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali (ara b’analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, Ġabra I‑7835, punt 41; tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C‑78/98, Ġabra I‑3201, punt 55; u tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin, C‑63/08, Ġabra I‑10467, punt 45). Jien ninnota li fil-fajl quddiem il-Qorti ma hemm ebda indikazzjoni li tinqala’ xi differenza, skont jekk ikunx applikabbli d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jew l-Artikolu 101 TFUE, għal dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tal-aċċess lil terza persuna għall-informazzjoni pprovduta lill‑Bundeskartellamt minn applikant għal klemenza.


20 – Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 195, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 12; tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 95); tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bonn Fleisch (C‑1/06, Ġabra p. I‑5609, punt 41); u tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C‑53/04, Ġabra p. I‑7213, punt 52). Skont ġurisprudenza stabbilita, regola proċedurali stabbilita mis-sistema ġuridika nazzjonali ta’ Stat Membru ma għandhiex fil-prattika tirrendi impossibbli jew diffiċli żżejjed l-eżerċitar tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-UE (prinċipju tal-effettività) (ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, Ġabra p. I‑3189, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6.


22 – Għalhekk, mal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom isegwu b’mod attiv l-applikazzjoni effikaċi tal‑Artikolu 101 u 102 TFUE f’dak li għandu x’jaqsam mal-impriżi sabiex jiżguraw illi dawn iwettqu l-obbligi tagħhom skont dawn id-dispożiizjonijiet. Barra dan, fis-sentenza CIF, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li “għalkemm l-Artikoli [101 u 102 TFUE] fihom innifishom, jikkonċernaw biss it-tmexxija tal-impriżi u mhux il-liġijiet jew ir-regolamenti li joħorġu minn Stati Membri, dawk l-artikoli, meta jinqraw flimkien mal-Artikolu [4(3) TFUE], li jistipula dwar id-dmir ta’ kooperazzjoni, xorta waħda jeżiġu li l-Istati Membri ma jintroduċux jew iżommu fis-seħħ miżuri, anki jekk ta’ natura leġislattiva jew regolatorja, li jistgħu jirrendu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi” (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – In-NEK.


24 – Ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003.


25 – Ara pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fin-Network tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (ĠU 2004 C 101, p. 43) (‘Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni’) u d-Dikjarazzjoni Komuni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar it-Tħaddim tan-Network ta’ Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (Dikjarazzjoni Komuni), li tinsab f’http://ec.europa.eu/competition/NEK/joint_statement_en.pdf. Il-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni tagħti iżjed dettalji, b’mod partikolari, dwar il-modalitajiet prattiċi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003. Skont il-punt 72 u l-anness tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jeħtieġu jirrikonoxxu u josservaw il-prinċipji stabbiliti fihom inkluż il-prinċipji li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ applikanti li talbu l-benefiċċju ta’ programm ta’ klemenza.


26 –      Il-punti 26 sa 28 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25) jittrattaw l-iskambju u l-użu mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003, filwaqt li l-punti 37 sa 42 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni jittrattaw b’mod partikolari dwar l-għoti ta’ informazzjoni li tirriżulta minn programm ta’ klemenza b’mod partikolari t-trasmissjoni ta’ informazzjoni li tirriżulta minn applikazzjoni għal klemenza bejn il-membri tan-NEK (il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni) u l-użu ta’ dik l-informazzjoni minn dawn il-membri. Ara wkoll il-punti 3 sa 5 tan-Noti ta’ Spjega tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


27 –      Il-punt 28 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza jipprovdi għall-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet orali għal klemenza, filwaqt li l-punt 29 jistipula li ma għandu jingħata ebda aċċess għal karti li fihom id-dikjarazzjonijiet orali tal-applikant qabel ma l-Awtorità tal-Kompetizzjoni toħroġ id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tagħha lill-partijiet. Ara wkoll il-punti 48 u 49 tan-Noti ta’ Spjega tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


28 – Ara wkoll b’mod partikolari l-punti 16 sa 19 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25). Il-punt 16 jistipula “[s]abiex jiġu skoperti l-proċeduri multipli u jiġi żgurat illi l-każijiet jiġu ttrattati minn awtorità tal-kompetizzjoni f’pożizzjoni xierqa, il-membri tan-network għandhom jiġu infurmati fi stadju kmieni dwar il-każijiet pendenti quddiem id-diversi awtoritajiet tal-kompetizzjoni”. Il-punt 17 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni jistipula li r-Regolament Nru 1/2003 “joħloq mekkaniżmu għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jinfurmaw lill-xulxin sabiex tiġi żgurata ri-allokazzjoni effiċjenti u mingħajr dewmien tal-każjiet. L-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill jistipula l-obbligu tal-ANK li jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jkunu qed jaġixxu skont [l-Artikolu 101 jew 102 TFUE] qabel, jew mingħajr dewmien wara, li nbdiet l-ewwel miżura investigattiva formali. Dan jistipula wkoll illi l-informazzjoni tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ANK oħra. Il-bażi loġika tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill hu li n-network tkun tista’ tiskopri proċeduri multipli u tindirizza l-possibiltà ta’ kwistjonijiet ta’ ri-allokazzjoni ta’ każijiet hekk kif awtorità tibda tinvestiga każ”.


29 – Ara l-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25).


30 – L-Artikolu 12 tar-Regolament 1/2003 jistipula li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li jiskambjaw u li jużaw l-informazzjoni bil-għan illi japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE.


31 –      Pfleiderer tqis li l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex rilevanti fil-każ preżenti. Fl-osservazzjonijiet tagħha l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA innotat il-karattru purament domestiku tal-kawża quddiem l-Amtsgericht meta rriferiet għall-Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni.


32 – Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali bil-punti ta’ interpretazzjoni tal-liġi tal-UE li huma jkollhom bżonn biex jiddeċiedu t-tilwim quddiemhom. L-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jipprevali fil-proċedura tad-deċiżjoni preliminari jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hi li tassisti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti pariri konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi. Ara s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Schneider (C‑380/01, Ġabra p. I‑1389, punti 20 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – U li meta jinkixfu u pprovati jistgħu, f’ċerti Stati Membri, iwasslu għall-impożizzjoni mhux biss ta’ multi kbar iżda ta’ sentenzi ta’ ħabs għall-individwi.


34 – Ara b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi minħabba li l-projbizzjoni għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet u ftehim antikompetittivi u l-pieni li jistgħu jeħlu dawk li jiksru l-liġi huma magħrufa sew, hija ħaġa normali li l-attivitajiet li dawk il-prattiki u l-ftehim jinvolvu jsiru b’mod klandestin, ta’ spiss f’pajjiż mhux membru, li l-laqgħat isiru bil-moħbi, u li kemm jista’ jkun ftit li xejn tinżamm id-dokumentazzjoni relatata. Anki jekk il-Kummissjoni tiskopri evidenza li tiżvela b’mod espliċitu kuntatt illegali bejn il-kummerċjanti, bħalma huma l-minuti ta’ laqgħa, normalment din tkun biss frammentarja u skarsa, u għalhekk ikun spiss neċessarju li wieħed jirrikostitwixxi ċerti dettalji billi jagħmel deduzzjoni. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ attività jew ftehim antikompetittiv trid tiġi inferita minn numru ta’ koinċidenzi u sinjali li, meħuda flimkien, jistgħu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.


35 – Nuża din il-kelma mhux bl-intenzjoni li nimplika xi għemil ħażin tal-Kummissjoni. Pjuttost din tindika li l-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni li tqis li fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’ benefiċċju għall-kompetizzjoni.


36 – Ta’ min jinnota li r-Regolament Nru 1/2003 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli  81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) ma jipprovdux għall-implementazzjoni ta’ programm ta’ klemenza mill-Kummissjoni.


37 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.


38 – Ara l-punti 3 u 4 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


39 – Ara għal dan il-għan is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C‑297/98 P, Ġabra p.  I‑10101, punt 36) u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 399).


40 – Ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 188; ara wkoll il-punt 38 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza, li jipprovdi li “[l]-Kummissjoni hija konxja li din il-Komunikazzjoni ser toħloq aspettattivi leġittimi li fuqhom jistgħu jibbażaw l-impriżi meta jkunu qed jiżvelaw l-eżistenza ta’ kartell lill-Kummissjoni”.


41 – Ara l-punti 6, 7 u 33 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9). Ara wkoll il-punt 29 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8). Skont il-punt 6 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza, dawn il-preżentazzjonijiet volontarji li huma magħrufa bħala dikjarazzjonijiet korporattivi “urew li huma utli biex l-investigazzjoni u t-tmiem ta’ ksur ta’ akkordji jkunu effettivi, u ma għandhomx jiġu skoraġġuti minn deċiżjonijiet li jordnaw li jiġu esebiti xhieda u dokumenti fi proċeduri ċivili. Applikanti prospettivi għal klemenza jistgħu jiġu ddissważi milli jikkooperaw mal-Kummissjoni skont din il-komunikazjoni jekk dan jasal biex jagħmel ħsara lill-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ċivili, meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jikkooperawx. Dan l-effett mhux mixtieq ikun jagħmel ħsara sinjifikattiva lill-interess li għandu l-pubbliku li jiżgura applikazjoni effettiva tal-Artikolu [101 TFUE] mill-awtoritajiet pubbliċi f’każijiet ta’ kartell u b’hekk l-applikazzjoni privata effettiva sussegwenti jew parallela”. Ara wkoll il-punt 47 tan-Noti ta’ Spjega tal-Programm Mudell tal-NEK għal Klemenza li jistipula li “il-membri tal-NEK huma proponenti qawwijin ta’ proċeduri ċivili għal danni effettivi kontra l-parteċipanti f’kartell. Madankollu, huma jqisu li mhux xieraq illi, fir-rigward ta’ kawżi ċivili għal danni, biex jikxfu l-akkordji l-impriżi li jikkooperaw magħhom għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni agħar minn membri ta’ akkordji li ma jkunux iridu jikkooperaw. L-iżvelar, fi proċeduri ċivili għal danni, ta’ dikjarazzjonijiet li saru speċifikament lill-[awtorità tal-kompetizzjoni “AK”] fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza tagħha tirriskja li toħloq proprju dan ir-riżultat u, minħabba li tiddiswadi l-kooperazzjoni fil-programm ta’ klemenza tal-AK, tista’ ddgħajjef l-effikaċja tal-ġlieda tal-AK kontra l-akkordji. Riżultat bħal dan jista’ jkollu wkoll impatt negattiv fuq il-ġlieda kontra l-akkordji f’ġurisdizzjonijiet oħra. Ir-riskju li applikant jista’ jiġi suġġett għal deċiżjoni li tordna li jiġu esebiti xhieda u dokumenti jiddependi sa ċertu punt fuq it-territorji milqut u n-natura tal-akkordju li jkun ħa sehem fih […]”.


42 – Skont il-punt 9(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9), dikjarazzjoni korporattiva għandha tinkludi, sa fejn dan ikun magħruf lill-applikant meta jkun qed jippreżentaha: – deskrizzjoni dettaljata tal-arranġament tal-akkordju allegat, inkluż pereżempju l-għanijiet, l-attivitajiet u t-tħaddim tiegħu; il-prodott jew is-servizz ikkonċernat, il-firxa ġeografika tiegħu, id-dewmien u l-volumi tas-suq stmati li ser jiġu affettwati mill-akkordju allegat; id-dati speċifiċi, fejn jinsabu, il-kontenut u l-parteċipanti tal-akkordji allegati, u l-ispjegazzjonijiet rilevanti kollha in konnessjoni mal-provi pprovduti biex isostnu l-applikazzjoni. – l-isem u l-indirizz tal-entità ġuridika li tkun qed tippreżenta l-applikazzjoni għall-immunità kif ukoll l-ismijiet u l-indirizzi tal-impriżi l-oħra kollha li qed jipparteċipaw/ipparteċipaw fl-akkordju allegat; – l-ismijiet, il-pożizzjonijiet, fejn jinsabu l-uffiċċji u, fejn jeħtieġ, l-indirizzi tad-djar tal-individwi kollha, li sa fejn jaf l-applikant, huma jew kienu involuti fl-akkordju allegat, inklużi dawk l-individwi li kienu involuti f’isem l-applikant; - informazzjoni li dwarha awtoritajiet oħra tal-kompetizzjoni, ġewwa jew barra l-UE, ġew ikkuntattjati jew huma maħsuba li se jiġu kkuntattjati f’dak li għandu x’jaqsam mal-akkordju allegat.


43 – Ara l-punt 32 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9). Ara wkoll il-punt 28 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


44 – Il-frażi “dokumenti diġà eżistenti” ma hijiex iddefinita speċifikament fil-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza, madankollu jien inqis illi din tikkonsisti fi “provi oħra relatati mal-akkordju allegat li jkunu fil-pussess tal-applikant jew disponibbli lilu fiż-żmien li ssir il-preżentazzjoni tad-dokumenti, inkluż b’mod partikolari xi provi kontemporanji għall-ksur.” Ara l-punt 9(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


45 – Id-digriet tar-rinviju jgħid illi f’dan ir-rigward l-Oberlandesgericht (Düsseldorf), f’sentenza, ikkunsidrat bħala leġittimu l-argument li fuqu l-Bundeskartellamt ibbaża l-programm ta’ klemenza tiegħu, jiġifieri li l-interess għall-ġlieda kontra l-akkordji l-iżjed serji huwa ikbar mill-penalizzazzjoni ta’ membri individwali ta’ kartell. L-Oberlandesgericht (Düsseldorf) ikkonstatat illi l-Programm ta’ Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6) ma joħloqx tħassib legali u l-programm jaqa’ fil-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-awtorità msemmija meta timponi l-multi skont l-Artikolu 81(7) tal-OWiG.


46 – Id-digriet tar-rinviju ma jispeċifikax jekk dawn l-akkordji jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.


47 – Ara l-punt 39 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


48 – Fid-digriet tar-rinviju, l-Amtsgericht tiddikjara li “applikazzjoni għal klemenza ma teżonerax lill-awtur tagħha mir-responsabbiltà legali fir-rigward ta’ terzi leżi mill-kartell [...] skont id-dritt Ġermaniż”.


49 – L-Artikoli 101 u 102 TFUE jimponu wkoll obbligazzjonijiet fuq individwi li għandhom jiġu osservati mill-qrati nazzjonali.


50 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1974, BRT u SABAM (“BRT ”) (127/73, Ġabra p. 51, punt 16); tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni (C‑282/95 P, Ġabra p. I‑1503, punt 39); tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 23); u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 39).


51 – Ara Courage u Crehan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 26.


52 – Ara s-sentenza Manfredi et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 61. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet illi fin-nuqqas ta’ regoli tal-UE li jirregolaw il-kwistjoni, u skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali nazzjonali, hija s-sistema ġuridika nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tinnomina dawk il-qrati u tribunali li għandu jkollhom il-kompetenza u li jistabbilixxu r-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet għall-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jiksbu direttament mil-liġi tal-UE, sakemm dawk ir-regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet interni (prinċipju tal-ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mil-liġi tal-UE (prinċipju tal-effettività) (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C‑261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 27, u Courage u Crehan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 29).


53 – Ara s-sentenza Courage u Crehan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 27. Ara wkoll il-punt 1.2 tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar kawżi għal danni għall-ksur tar-regoli Komunitarji dwar l-akkordji u l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti, COM(2008) 165  (iktar ’il quddiem il-“White Paper”).


54 –       Fil-punt 2.2 tal-White Paper (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53), il-Kummissjoni nnotat illi “[ħ]afna mill-provi ċentrali meħtieġa biex jipprovaw każ għad-danni fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni spiss jinħbew u, peress li jinżammu mill-konvenut jew terzi, ġeneralment ma jkunux magħrufa mir-rikorrent f’dettall biżżejjed.”


55 – Ara Courage u Crehan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punti 26 u 27.


56 – Inkella, meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni billi joħolqu l-ostakoli għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma għandhom li tista’ tiġi ppreżentata bħala prova jistgħu jfixklu l-kawżi għal danni.


57 –      “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.


      Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi [...]”.


58 – Sabiex jibbenefika mill-miżuri ta’ klemenza. Ma hemm għalhekk ebda kwistjoni ta’ ġegħil peress li l-applikanti għal klemenza jagħżlu minn jeddhom li jipprovdu d-dikjarazzjonijiet korporattivi u l-provi diġà eżistenti bħala tpattija talli jibbenefikaw mill-klemenza iżjed milli jkunu mġiegħla jagħmlu dan bil-liġi. Ara, a contrario, dwar id-dritt ta’ wieħed li ma jinkriminax ruħu u d-dritt għal smigħ xieraq, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta’ Diċembru 1996, Saunders vs Ir-Renju Unit (Ġabra ta’ sentenza u deċiżjonijiet 1996‑VI, p. 2044, paragrafi 69, 71 u 76).


59 – L-“effett dissważiv” li jista’ jkollu l-iżvelar ta’ informazzjoni minn awtorità tal-kompetizzjoni ppreżentat minn applikant għal klemenza fuq partijiet prospettivi f’kawżi ċivili f‘livell ta’ kooperazzjoni ta’ dan l-applikant, ma jistax jiġi injorat minkejja l-fatt illi l-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza jeħtieġ li applikant għal klemenza, inter alia, jikkoopera b’mod ġenwin, sħiħ, fuq bażi kontinwa u b’ħeffa mill-mument illi fih tkun ippreżentata l-applikazzjoni tiegħu fil-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni. Ara l-punt 12(a) tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9). X’aktarx li l-programmi nazzjonali jimponu rekwiżiti simili. Ara l-punt 13 tal-Programm Mudell tan-NEK għal Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


60 – Lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.


61 – Skont il-premessa 7 tar-Regolament Nru 1/2003, “[il-]Qrati nazzjonali għandhom parti essenżjali x’jilgħabu fl-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompettitività tal-Komunità. Meta qed tiġi deċiża kwistjoni bejn żewġt individwi, dawn għandhom jipproteġu d-drittijiet suġġettivi taħt il-liġi tal-Komunità, per eżempju l-għotija tad-danni lil vittma ta’ xi ksur. Ir-rwol tal-qrait [qrati] nazzjonali hawnhekk għandu jikkomplimenta dak ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri. Dawn għalhekk għandhom jitħallew fis-sħiħ li japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE] b’mod komplet]”. L-użu tal-kelma “jikkomplimenta” mhux neċessarjament jindika, fil-fehma tiegħi, xi ordni ta’ prijorità. Fi kwalunkwe każ, il-premessi ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti. Ara s-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Tyson Parketthandel (C‑134/08, Ġabra p. I‑2875, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62 – Fil-White Paper tagħha tal-2008, il-Kummissjoni nnotat illi “[m]inkejja l-obbligu li jkun stabbilit qafas legali effettiv li jkun jista’ jittraduċi l-eżerċizzju tad-dritt għal kumpens għad-danni f’possibbiltà realistika, u minkejja li dan l-aħħar kien hemm xi sinjali ta’ titjib f’ċerti Stati Membri, sa issa, fil-prattika, huwa rari li l-vittmi ta’ ksur ta’ regoli tal-kompetizzoni [tal-Unjoni Ewropea] jiksbu kumpens għall-ħsara li tkun saritilhom.” Ara l-punt 1.1 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53).


63 – Ara l-punt 6 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9) li jipprovdi li “applikanti prospettivi għal klemenza jistgħu jiġu dissważi milli jikkooperaw mal-Kummissjoni skont din il-komunikazzjoni jekk dan jasal biex idgħajjef il-pożizzjoni tagħhom fi proċeduri ċivili, meta mqabbla ma’ kumpanniji li ma jikkooperawx. Dan l-effett mhux mixtieq ikun jagħmel ħsara sinjifikattiva lill-interess li għandu l-pubbliku li jiżgura l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu [101 TFUE] mill-awtoritajiet pubbliċi f’każijiet ta’ kartell u b’hekk l-applikazzjoni privata effettiva sussegwenti jew parallela” (l-enfażi miżjud) (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġa 41 iktar ’il fuq).


64 – Ara l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003.


65 – Ara l-punt 2.3 tal-White Paper (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53).


66 – L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jistipula illi “[m]eta il-qrati nazzjonali jideċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi taħt l-Artikolu jew l-Artikolu [101 jew  102 TFUE] li huma diġa suġġetti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jieħdux id-deċiżjonijiet li jmorru kontra id-deċiżjoni adottata mil-Kummissjoni [...]”. Fil-White Paper, il-Kummissjoni ssuġġeriet illi l-qrati nazzjonali li jridu jiddeċiedu f’kawżi ta’ danni minħabba l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 101 jew 102 TFUE, li tkun diġà ħadet deċiżjoni finali dwarhom awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-NEK u sabet li kien hemm ksur ta’ dawk l-artikoli, jew li qorti għall-istħarriġ ġudizzjarju tkun diġà ddeċidiet sentenza finali dwarhom li ssostni d-deċiżjoni tal-awtorità jew li tkun sabet ksur hi stess, ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra dawn id-deċiżjonijiet jew sentenżi.


67 – Il-qorti tar-rinviju indikat li skont il-liġi Ġermaniża, il-fatti kkonstatati f’deċiżjonijiet li jimponu multi li saru finali, jorbtu f’kawżi ċivili u għalhekk il-ksur ma għandux għalfejn jiġi pprovat.


68 – Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ċar jekk l-applikanti għal klemenza għamlux dikjarazzjonijiet orali. Minħabba li nqis illi dikjarazzjonijiet bħal dawn ma għandhomx jiġu żvelati, huwa irrilevanti jekk dawn sarux oralment jew bil-miktub.


69 – Magħrufa wkoll bħala dikjarazzjonijiet korporattivi.


70 – Li effettivament jammontaw għal konfessjoni jew għal rikonoxximent ta’ ħtija.


71 – Minħabba li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni jirrelataw b’mod partikolari għall-parteċipazzjoni individwali tal-applikant fl-akkordju li jkun involut fi ksur, li l-applikant jista’ jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dawk il-membri li ma jikkooperawx f’kawża ta’ danni. Fil-punt 2.9 tal-White Paper, intitolat “Interazzjoni bejn programmi ta’ klemenza u azzjonijiet għad-danni”, il-Kummissjoni kkunsidrat illi huwa importanti, kemm għall-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-kamp privat, li jiżgura li l-programmi għall-klemenza jkunu attraenti. Il-Kummissjoni għalhekk tqis illi sabiex tevita li tqiegħed l-applikant għal klemenza f’pożizzjoni inqas favorevoli minn dawk ħatja flimkien ta’ ksur, għandha tiżgura protezzjoni xierqa kontra l-iżvelar ta’ dikjarazzjonijiet korporattivi ppreżentati minn applikant għall-klemenza. Din il-protezzjoni tapplika meta jkun ġie ordnat żvelar minn qorti, kemm jekk dan isir qabel jew wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-awtorità kompetenti (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53).


72 – B’mod partikolari skont il-punt 22 tal-Programm ta’ Klemenza tal-Bundeskartellamt (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).


73 – Jista’ jkun hemm bżonn illi jinħolqu l-eċċezzjonijiet għal regola bħal din f’ċirkustanzi speċifiċi, pereżempju fejn l-applikant għal klemenza nnifsu jkun żvela lil terzi l-kontenut tad-dikjarazzjoni korporattiva tiegħu. Ara pereżempju l-punt 33 tal-Komunikazzjoni dwar il-Klemenza (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


74 – Għajr sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra bħal xi dokumenti interni.


75 – F’dawn il-ġurisdizzjonijiet, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn il-partijiet privati jistgħu, f’kawżi għad-danni, joqogħdu fuq id-deċiżjoni finali ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew ta’ qorti għall-istħarriġ ġudizzjarju sabiex jistabbilixxu l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, inqis illi l-aċċess għall-provi jew dokumenti żvelati fil-proċedura ta’ klemenza mill-applikant għal klemenza ma għandux jingħata f’dan il-kuntest minħabba li dawn ma humiex neċessarji biex jingħata effett għad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq.


76 – Fil-fehma tiegħi, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tara li tingħata assigurazzjonijiet sodi li l-informazzjoni se tintuża biss għall-iskopijiet tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni.