KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-31 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-347/09

Staatsanwaltschaft Linz

vs

Jochen Dickinger,

Franz Ömer

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Linz (l-Awstrija)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju għall-operat tal-lotteriji permezz tal-internet – Possibbiltà għall-kisba ta’ dan il-monopolju rriżervat biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju, li jkollhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali – Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju nazzjonali”





1.        Il-kwistjoni tal-konformità ta’ monopolju, fil-qasam tal-logħob tal-flus jew tax-xorti, mal-libertajiet ta’ moviment stabbiliti mid-dritt Komunitarju, taw lok, mix-xahar ta’ Settembru 2009, għal numru ta’ sentenzi preliminari li ppermettew lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza preċedenti tagħha (2).

2.        Minn dawn is-sentenzi jirriżulta, l-ewwel nett, li dan il-monopolju jista’ jkun konformi ma’ dawn il-libertajiet, jekk l-għanijiet tiegħu jkunu dawk li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku u ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, u jekk huwa organizzat u operat b’mod li effettivament jilħaq dawn l-għanijiet.

3.        Jirriżulta, sussegwentement, li d-detentur ta’ dan il-monopolju mhux bilfors għandu jkun entità pubblika, iżda jista’ jkun ukoll operatur privat (3). F’dan l-aħħar każ, il-konċessjoni tal-monopolju għandha ssir b’osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu tat-trasparenza, ħlief jekk l-għoti tal-imsemmi monopolju lil dan l-operatur privat ma jikkostitwixxix konċessjoni “in house” (4).

4.        Fil-qasam partikolari tal-logħob tal-flus permezz tal-internet, l-għoti tal-monopolji sab ġustifikazzjoni supplimentari, minħabba r-riskji speċifiċi marbuta ma’ dan il-logħob (5).

5.        Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li Stat Membru ma kienx marbut jirrikonoxxi awtorizzazzjoni għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, maħruġa lil fornitur tal-logħob online, minn Stat Membru ieħor li l-fornitur huwa stabbilit fit-territorju tiegħu (6).

6.        Din it-talba preliminari tal-Bezirksgericht Linz (l-Awstrija), li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar tax-xahar ta’ Awissu 2009, jiġifieri qabel ma ngħataw is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, għandha l-għan li tevalwa l-konformità tal-liġi Awstrijaka applikabbli għal-lotteriji elettroniċi, mal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

7.        Skont din il-liġi, il-fornitura ta’ dan il-logħob lil persuni residenti fl-Awstrija, tikkostitwixxi monopolju għall-operat, li huwa rriżervat għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena lil operatur privat li jrid jissodisfa numru ta’ kundizzjonijiet. B’mod partikolari, irid ikun kumpannija b’kapital azzjonarju, bl-uffiċċju tiegħu rreġistrat fl-Awstrija u ma jistax jistabbilixxi fergħat barra mill-Awstrija.

8.        Il-qorti tar-rinviju qed tagħmel numru ta’ domandi preliminari bl-għan li jwassluha sabiex teżamina jekk tali monopolju u l-kundizzjonijiet imposti mil-liġi interna tagħha għall-għoti tal-istess, jikkonformawx mad-dritt Komunitarju.

9.        Ir-risposta għall-biċċa l-kbira ta’ dawn id-domandi tinsab fil-ġurisprudenza, u b’mod partikolari fis-sentenzi mogħtija wara l-wasla tad-deċiżjoni tar-rinviju.

10.      Madankollu, din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tagħmel xi preċiżjonijiet addizzjonali lill-ġurisprudenza tagħha, għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjoni li tistabbilixxi li l-kumpannija detentriċi tal-monopolju, għandu jkollha s-sede tagħha fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

11.      Fis-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, din il-kundizzjoni, inkwantu kienet imposta fuq il-konċessjonarji ta’ stabbilimenti ta’ logħob tradizzjonali, bħall-każinos, ġiet meqjusa bħala sproporzjonata meta mqabbla mal-għanijiet ta’ kontroll u ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku, invokati mill-Gvern Awstrijak.

12.      F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, li din l-istess kundizzjoni, fil-każ speċifiku ħafna ta’ monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, tista’ tkun iġġustifikata.

13.      Infakkar li sistema ta’ monopolju, peress li tirristrinġi mhux ftit, il-libertajiet ta’ moviment, tista’ tkun iġġustifikata biss jekk ikollha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku u ta’ ħarsien tal-konsumaturi.

14.      Infakkar ukoll li l-logħob tal-flus permezz tal-internet iġib miegħu riskji ikbar għall-ordni pubbliku u għall-konsumaturi, mil-logħob tradizzjonali u li jista’ jiġi pprovdut minn post ieħor, mingħajr l-infrastruttura fl-Istat membru ta’ destinazzjoni, minn fejn dan l-Istat ikun jista’ jeżerċita huwa stess il-kontrolli approfonditi. Ser nindika li sa llum il-ġurnata, ma jeżisti l-ebda strument ta’ kooperazzjoni fid-dritt Komunitarju, li jippermetti lil Stat Membru jikseb l-assistenza meħtieġa għal dawn il-kontrolli, mingħand Stat Membru ieħor, li fit-territorju tiegħu jkun stabbilit fornitur tal-logħob bl-internet.

15.      Ser niddeduċu li Stat Membru jista’ għalhekk, leġittimament, jimponi fuq l-operatur li jkollu f’idejh il-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, fit-territorju nazzjonali, li jkollu s-sede tiegħu fit-territorju, sabiex ikun jista’ jikkontrolla b’mod effettiv l-attività ta’ dan l-operatur.

16.      Fl-aħħar nett, ser nindika li Stat Membru ma jistax jimpedixxi lid-detentur tal-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, milli jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju, jekk ma jipprovax li din il-miżura hija ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li hija proporzjonata għal dawn l-għanijiet.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

17.      Id-dritt Komunitarju għadu, sal-ġurnata ta’ llum, ma jipprovdi l-ebda leġiżlazzjoni jew armonizzazzjoni għall-operat tal-logħob tal-flus. Din l-attività ġiet eskluża mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (7).

18.      Peress li l-logħob tal-flus jikkostitwixxi attività ekonomika, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment, b’mod partikolari tal-Artikolu 49 KE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fil-Komunità Ewropea, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri, stabbiliti f’pajjiż tal-Komunità għajr dak tad-destinatarju tal-provvista.

19.      Skont l-Artikoli 55 KE u 48 KE, l-Artikolu 49 KE japplika għas-servizzi offruti minn kumpannija stabbilita skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li għandha s-sede, it-tmexxija ċentrali jew l-uffiċċju prinċipali tagħha fil-Komunità.

B –    Id-dritt Awstrijak

20.      Fl-Awstrija, il-logħob tal-ażżard huwa rregolat mil-liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz) (8).

21.      Skont l-Artikolu 3 tal-GSpG, id-dritt tal-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard huwa, fil-prinċipju, irriżervat lill-Gvern Federali. Il-Ministru Federali tal-Finanzi huwa, madankollu, awtorizzat jagħti konċessjonijiet lil persuni privati sabiex jorganizzaw il-lotteriji u l-lotteriji elettroniċi.

22.      Il-lotteriji elettroniċi huma, skont l-Artikolu 12 a tal-GSpG, iddefiniti f’dan il-kuntest bħala l-“lotteriji li fir-rigward tagħhom il-kuntratt tal-logħob huwa konkluż b’mezzi elettroniċi, id-deċiżjoni dwar ir-rebħ u t-telf tingħata jew titqiegħed għad-dispożizzjoni b’mod ċentrali u l-parteċipant jista’ jsir jaf ir-riżultat immedjatament wara li jkun ipparteċipa fil-logħba”.

23.      Skont l-Artikolu 14 tal-GSpG, il-Ministru Federali tal-Finanzi jista’ jattribwixxi konċessjoni għall-organizzazzjoni tal-lotteriji u tal-lotteriji elettroniċi. L-Artikolu 14(2) tal-GSpG jistabbilixxi li l-konċessjoni tista’ tingħata biss lil kandidat wieħed li:

–        huwa kumpannija b’kapital azzjonarju li għandu s-sede tiegħu fil-pajjiż;

–        ma għandux propjetarji (soċji) li jiddisponu minn influwenza dominanti li ma tippermettix li tkun garantita l-kredibbiltà mill-perspettiva regolatorja;

–        għandu kunsill ta’ sorveljanza u kapital azzjonarju mħallas ta’ mhux anqas minn EUR˚109˚miljun, bir-rekwiżit li l-provenjenza legali tal-fondi tiġi pprovata b’mod adegwat;

–        jaħtar diretturi li, abbażi tal-formazzjoni tagħhom, huma professjonalment kompetenti, li għandhom il-karatteristiċi u l-esperjenza meħtieġa għall-operat korrett tal-attività u li kontrihom ma hemm l-ebda raġuni għall-esklużjoni, abbażi tal-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-professjonijiet artiġjanali, kummerċjali u industrijali;

–        fid-dawl taċ-ċirkustanzi (b’mod partikolari l-esperjenzi, tal-għarfien u l-mezzi tiegħu) wieħed jistenna mingħandu li jrendi l-aqwa dħul għall-Gvern Federali (taxxa ta’ konċessjoni u dħul mill-imħatri); u

–        għalih l-istruttura eventwali tal-grupp, li għalih jappartjeni l-propjetarju jew il-propjetarji li għandhom holding ikkwalifikat fl-impriża, ma tfixkilx il-kontroll effettiv tal-konċessjonarju.

24.      Il-konċessjoni tista’, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(3) tal-GSpG, tiġi akkordata għal perijodu massimu ta’ ħmistax-il sena. Sakemm konċessjoni għal-lotteriji tkun fis-seħħ, l-ewwel frażi tal-Artikolu 14(5) tal-GSpG tistabbilixxi li ma tistax tiġi attribwita konċessjoni oħra.

25.      Skont l-Artikolu 15(1) tal-GSpG, il-konċessjonarju ma jistax jistabbilixxi fergħat barra mit-territorju Awstrijak. Barra minn hekk, il-kisba, mill-konċessjonarju, ta’ holdings ikkwalifikati f’kumpanniji oħra, jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Ministru Federali tal-Finanzi. Skont l-Artikolu 15 a tal-GSpG, din l-awtorizzazzjoni hija wkoll mitluba għall-estensjoni tal-attività kummerċjali tal-konċessjonarju, li ma għandhiex tiġi akkordata sakemm ma jkunx hemm ir-riskju ta’ tnaqqis fid-dħul tal-Gvern Federali mit-taxxa ta’ konċessjoni jew mid-dħul fuq l-imħatri.

26.      Il-konċessjonarju għandu, barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(1) tal-GSpG, jinforma lill-Ministru Federali tal-Finanzi bl-identità tal-persuni parteċipanti fil-kapital azzjonarju tiegħu.

27.      L-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard għall-finijiet ta’ qliegħ, minn persuna li ma jkollhiex f’idejha l-konċessjoni għall-operat, hija suġġetta għal proċedimenti kriminali, stabbiliti fl-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijak (Strafgesetzbuch).

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28.      J. Dickinger u F. Ömer, ċittadini Awstrijaċi, huma l-fundaturi tal-grupp multinazzjonali tal-logħob online bet-at-home.com. Il-kumpannija parent ta’ dan il-grupp hija bet-at-home.com AG, kumpannija stabbilita skont il-liġijiet tal-Ġermanja, bis-sede tagħha f’Düsseldorf (Il-Ġermanja), li fost is-sussidjarji tagħha, bet-at-home.com AG għandha lil “bet-at-home.com Entertainment GmbH”, kumpannija stabbilita skont il-liġijiet tal-Awstrija. Din għandha s-sede tagħha f’Linz (l-Awstrija) u hija attiva fil-qasam tas-servizzi tat-trattament awtomatiku ta’ data u tat-tekniki tal-infomazzjoni. Barra minn hekk, għandha wkoll għad-dispożizzjoni tagħha, liċenzja valida għall-imħatri sportivi, skont il-liġijiet Awstrijaċi. Barra minn hekk, stabbilixxiet skont il-liġijiet ta’ Malta, il-kumpannija sussidjarja bet-at-home.com Holding Ltd. Din tal-aħħar, stabbilixxiet min-naħa tagħha, tliet sussidjarji, jiġifieri bet-at-home.com Internet Ltd, bet-at-home.com Entertainment Ltd kif ukoll bet-at-home.com Internationale Ltd, kumpanniji li huma stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Malta, li t-tlieta li huma għandhom is-sede tagħhom fit-territorju Malti.

29.      Tnejn minn dawn il-kumpanniji Maltin, jiġifieri “bet-at-home.com Entertainment Ltd” kif ukoll “bet-at-home.com Internationale Ltd” joffru logħob tal-ażżard u mħatri sportivi permezz tal-internet. L-ewwel kumpannija għandha f’dan ir-rigward, liċenzja Maltija (“Class One Remote Gaming License”), valida għal-logħob tal-ażżard online, filwaqt li t-tieni waħda għandha liċenzja Maltija (“Class Two Remote Gaming License”), valida għall-imħatri sportivi online. Il-logħob tal-ażżard u l-imħatri sportivi huma offruti miż-żewġ kumpanniji Maltin minn fuq il-pjattaforma tal-internet “bet-at-home.com”. Is-sit tal-internet huwa aċċessibbli bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Taljana, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Slovena, Torka u Russa, iżda mhux bil-lingwa Maltija. Fuq dan l-indirizz tal-internet hemm offruti, b’mod partikolari, logħob tal-ażżard bħall-poker, il-black-jack, logħob tal-karti, ir-rulett kif ukoll logħob fuq il-magni bi flus virtwali. Huwa possibbli li wieħed jilgħab dan il-logħob kollu, mingħajr limitu fuq il-flus milgħuba.

30.      L-operat tal-pjattaforma tal-internet www.bet-at-home.com huwa sostnut esklussivament minn bet-at-home.com Internet Ltd u bet-at-home.com Entertainment Ltd”. Dawn il-kumpannijji Maltin huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-logħob. Il-parteċipanti għal dan il-logħob, jikkonkludu l-kuntratti korrispondenti esklussivament mal-imsemmija kumpanniji, li huma wkoll il-propjetarji tal-liċenzji tas-software meħtieġ għall-operat tal-pjattaforma tal-logħob.

31.      Sa Diċembru 2007, bet-at-home.com Entertainment Ltd kif ukoll bet-at-home.com Internationale Ltd kienu qed jużaw server li kien installat fl-Awstrija, f’Linz, mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom minn bet-at-home.com Entertainment GmbH, li kienet ukoll tieħu ħsieb il-manutenzjoni tas-sit tal-internet u tas-software meħtieġ għal-logħob. Sa din id-data, l-għajnuna telefonika disponibbli għall-utenti, kienet stabbilita, għall-parteċipanti kollha, f’Linz. Il-ħlas għall-provvista ta’ dawn is-servizzi kollha ta’ manteniment sar mill-kumpanniji Maltin.

32.      Bank Awstrijak, li għandu s-sede tiegħu f’Linz, kien iservi, barra minn hekk, bħala konnessjoni għat-trasferiment tal-flus milgħuba. Il-kont inkwistjoni kien f’isem bet-at-home.com Internationale Ltd, kumpannija Maltija.

33.      Abbażi ta’ dawn il-fatti, inbdiet proċedura kriminali kontra J. Dickinger u F. Ömer, għall-ksur tal-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali Awstrijak, li għandha tiġi deċiża fl-ewwel istanza mill-qorti tar-rinviju.

34.      Fir-risposta tiegħu għall-kjarifiki mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Awstrijak ippreċiża li J. Dickinger u F. Ömer ġew akkużati, fil-kawża prinċipali, minħabba l-aġir fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom fi ħdan bet-at-home.com Entertainment GmbH, kumpannija Awstrijaka. Skont dan il-Gvern, l-att tal-akkuża jipprovdi kif ġej:

“Jochen Dickinger u Franz Ömer huma akkużati talli, bħala persuni responsabbli għal bet-at-home.com Entertainment GmbH, mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-ġurnata ta’ llum, organizzaw logħob tal-ażżard skont l-Artikolu 168(1) tal-Kodiċi Kriminali, billi offrew, permezz tal-internet, logħob li r-rebħ u t-telf minnu jiddependi esklużivament jew prinċipalment mill-ażżard jew li huwa speċifikament ipprojbit […]”

35.      Quddiem il-Bezirksgericht Linz, J. Dickinger u F. Ömer qajjmu l-illegalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal-logħob tal-ażżard, fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 49 KE.

36.      Il-Bezirksgericht Linz għandha dubji serji kemm id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali Awstrijak, moqrija flimkien mar-regoli Awstrijaċi dwar il-logħob tal-ażżard, applikabbli f’din il-kawża, huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Għalhekk iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      a)     L-Artikoli 43 KE [u] 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Artikolu 3 flimkien mal-Artikoli 14 et seq u l-Artikolu 21 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-logħob tal-ażżard [GSpG], li tipprovdi li:

–        liċenzja għal-logħob tax-xorti [konċessjoni għal-lotteriji] (eż. lotteriji, lotteriji elettroniċi, eċċ.) tista’ tingħata biss lil konċessjonarju wieħed għal perijodu massimu ta’ 15-il sena, liema konċessjonarju għandu jkun, inter alia, kumpannija b’kapital azzjonarju li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fl-Awstrija, li ma jkollhiex fergħa barra l-Awstrija, li jkollha kapital azzjonarju jew nominali mħallas ta’ mill-inqas EUR109 000 000 u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ titqies li tirrendi l-ikbar qligħ għall-Gvern Federali;

–        liċenzja għal każinòs tista’ tingħata biss lil mhux iktar minn 12-il konċessjonarju għal perijodu massimu ta’ 15-il sena, liema konċessjonarji għandhom ikunu, inter alia, kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Awstrija, li ma jkollhomx fergħa barra l-Awstrija, li jkollhom kapital azzjonarju mħallas ta' mill-inqas EUR 22 000 000 u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jitqiesu li jirrendu l-ikbar qligħ għall-awtoritajiet reġjonali?

Dawn il-kwistjonijiet iqumu b’mod partikolari f’dan il-kuntest: [...] Casinos Austria AG hija d-detentriċi ta’ 12-il liċenzja għal każinos, li ngħataw fit-18 ta' Diċembru 1991 għal perijodu massimu ta’ 15-il sena u li minn dakinhar ġew imġedda mingħajr ma saret sejħa għal offerti jew notifika pubblika.

b)      Jekk dan ikun il-każ, tali leġiżlazzjoni tista’ tkun iġġustifikata b’raġunijiet marbuta mal-interess ġenerali li jiġu limitati l-attivitajiet marbuta mal-imħatri fil-każ fejn id-detenturi tal-liċenzji li joperaw fi struttura kważi monopolistika jeżerċitaw, min-naħa tagħhom, politika ta’ espansjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ attivitajiet ta’ reklamar intensivi?

c)      Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha, meta tistħarreġ il-proporzjonalità ta’ tali leġiżlazzjoni, li għandha bħala għan il-prevenzjoni ta’ reati kriminali billi tissuġġetta lill-operaturi attivi f’dan is-settur għal spezzjoni u għaldaqstant tillimita l-attivitajiet tal-logħob tal-ażżard għal sistema li fiha jkunu suġġetti għal spezzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-leġiżlazzjoni tkopri wkoll il-fornituri ta’ servizzi transkonfinali li, fi kwalunkwe każ, huma suġġetti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, għal obbligi u għal spezzjonijiet stretti marbuta mal-liċenzja tagħhom?

2)      Il-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 49 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minkejja l-fatt li l-Istati Membri żammew, fil-prinċipju, il-kompetenza li jirregolaw is-sistema legali kriminali tagħhom, dispożizzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali għandha madankollu tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt Komunitarju jekk din tista' tipprekludi jew tfixkel l-eżerċizzju ta' waħda mil-libertajiet fundamentali?

3)      a)     L-Artikolu 49 KE, flimkien mal-Artikolu 10 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ispezzjonijiet li jsiru fl-Istat Membru ta' stabbiliment ta’ fornitur ta’ servizzi, u l-garanziji pprovduti hemmhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Istat li fih jiġu pprovduti dawn is-servizzi, abbażi tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka?

b)      Jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 49 KE għandu, barra minn hekk, jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija ristretta fl-interess ġenerali, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-interess ġenerali kienx diġa ttieħed suffiċjentement inkunsiderazzjoni mid-dispożizzjonjiet, mill-ispezzjonijiet u mill-verifiki li huwa suġġett għalihom il-fornitur ta’ servizzi fl-Istat li fih huwa stabbilit?

c)      Jekk dan ikun il-każ, waqt l-isħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali li timponi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja nazzjonali, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interessi regolamentari invokati mill-Istat li fih jiġu pprovduti s-servizzi sabiex jiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà fundamentali jkunu diġà ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni fl-Istat ta’ stabbiliment permezz ta’ proċeduri stretti ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza?

d)      Jekk dan ikun il-każ, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-proporzjonalità ta’ tali restrizzjoni, il-fatt li, fl-Istat li fih huwa stabbilit il-fornitur tas-servizzi, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jmorru lil hinn minn dawk tal-Istat Membru li fih jiġu pprovduti s-servizzi?

e)      Fil-każ ta’ projbizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, ta’ logħob tal-ażżard, imposta minħabba raġunijiet politiċi relatati mal-protezzjoni ta’ min jilgħab u mal-ġlieda kontra l-kriminalità, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, barra minn hekk, li l-qorti tar-rinviju tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, il-fornituri li joffru logħob tal-ażżard mingħajr ebda awtorizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, dawk li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE, li jkunu kisbu liċenzja hemmhekk u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?

f)      Fl-aħħar nett, waqt l-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja jew awtorizzazzjoni nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li fornitur tal-logħob tal-ażżard li kiseb liċenzja b’mod legali fi Stat Membru ieħor iżda li minħabba ostakoli oġġettivi u indirettament diskriminatorji għad-dħul, ma setax jikseb liċenzja nazzjonali, u l-fatt li l-proċeduri għall-għoti ta’ liċenzja u l-proċeduri ta’ spezzjoni fl-Istat ta’ stabbiliment joffru livell ta’ protezzjoni li huwa minn tal-inqas paragunabbli għal dak żgurat fuq livell nazzjonali?

4)      a)     L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-natura temporanja tal-provvista ta’ servizzi teskludi l-possibbiltà għall-fornitur li jkollu fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura (bħal server) mingħajr ma jiġi kkunsidrat li huwa stabbilit f’dak l-Istat Membru?

b)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat, barra minn hekk, fis-sens li dispożizzjoni li tkopri l-fornituri nazzjonali ta’ servizzi ta’ sostenn u li tipprekludihom milli jiffaċilitaw il-provvista ta’ servizzi ta’ fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, timplika wkoll restrizzjoni għal-libertà ta’ tali fornitur li jipprovdi servizzi fil-każ fejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ sostenn huma stabbiliti fl-istess Stat Membru bħal uħud mid-destinatarji tas-servizz?”

III – L-analiżi tiegħi

37.      Preliminarjament, irid jingħad li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jeċċedu parzjalment il-kuntest tal-kawża prinċipali u jinkludu mistoqsijiet li huma, b’mod ċar, inutli għas-soluzzjoni tagħha. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari tat-tieni inċiż tal-paragrafu (a) tal-ewwel domanda, dwar is-sistema ta’ konċessjoni stabbilita mil-liġi Awstrijaka dwar l-operat tal-każinos.

38.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif jikkonfermaw kemm il-provi li jirriżultaw mill-proċess kif ukoll mir-risposta tal-Gvern Awstrijak għall-kjarifiki mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żewġ persuni qed jiġu akkużati quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba li offrew logħob tal-flus permezz tal-internet bi ksur tal-liġi Awstrijaka. Il-kawża prinċipali, bl-ebda mod ma tikkonċerna l-operat tal-każinos fl-Awstrija.

39.      Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma teżaminax għajr id-domandi li jikkonċernaw il-fornitura tal-logħob permezz tal-internet.

40.      L-għadd ta’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jkopru, fil-fehma tiegħi, erba’ mistoqsijiet, li nipproponi li jiġu eżaminati fl-ordni segwenti.

41.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi ta’ Stat Membru li jissanzjonaw, b’mod kriminali, kwalunkwe ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-flus permezz tal-internet, għandhomx ikunu konformi mal-libertajiet ta’ moviment u b’mod partikolari, mal-Artikolu 49 KE, peress li l-liġi kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (it-tieni domanda).

42.      It-tieni nett, trid tistabbilixxi wkoll, jekk l-Artikolu 49 KE huwiex relevanti għal din il-kawża peress li, minn naħa, il-kumpanniji Maltin jużaw mezzi materjali, bħal server, installati fl-Awstrija u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija li tipprovvdi dawn il-mezzi hija stabbilita fit-territorju Awstrijak [paragrafi (a) u (b) tar-raba’ domanda].

43.      It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk il-monopolju għall-operat, stabbilit mil-liġi interna tagħha u l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ dan il-monopolju, jikkonformawx mal-Artikolu 49 KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligi u tal-kontrolli li għalihom huma suġġetti l-kumpanniji Maltin fl-Istat tagħhom [l-ewwel inċiż, tal-paragrafu (a), tal-ewwel domanda u l-paragrafu (ċ), kif ukoll il-paragrafi (a) sa (f) tat-tielet domanda].

44.      Ir-raba’ nett, tistaqsi, jekk il-liġi inkwistjoni tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li d-detentur tal-monopolju jħaddan politika ta’ espansjoni, permezz ta’ pubbliċità intensiva [il-paragrafu (b) tal-ewwel domanda].

A –    Il-qafas tal-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam kriminali

45.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissanzjona, b’mod kriminali, kwalunkwe ksur tal-monopolju għall-operat tal-logħob tal-flus, bħall-monopolju għall-operat tal-lotteriji elettroniċi, stabbilit mil-liġi Awstrijaka, għandhiex tkun konformi, b’mod partikolari, mal-Artikolu 49 KE, peress li l-liġi kriminali taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

46.      Ċertament li meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-qasam kriminali kien kompetenza riżervata tal-Istati Membri. U kważi hekk għadu, minkejja ir-riformi li ġab miegħu it-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, hemm ġurisprudenza stabbilita li kull wieħed minn dawn l-Istati, fit-twettiq tal-kompetenzi riżervati tiegħu, għandu josserva l-obbligi li daħal fihom fil-kuntest tat-Trattat KE, u b’mod partikolari, il-libertajiet ta’ moviment (9).

47.      Dispożzizzjoni ta’ liġi ta’ Stat Membru ma tistax toħroġ mill-kamp tal-applikazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment, u għaldaqstant, ma tibqax suġġetta għar-rekwiżit tal-konformità ma’ dawn il-libertajiet, sempliċement minħabba li taqa’ fl-ambitu tad-dritt kriminali ta’ dak l-Istat (10).

48.      Dan ir-rekwiżit ta’ konformità, f’dak li jikkonċerna dispożizzjonijiet kriminali, li bħal fil-kawża preżenti, huma maħsuba sabiex jiggarantixxu l-osservanza ta’ monopolju għall-operat fil-qasam tal-logħob tal-flus, stabbilit għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, ifisser kif ġej. Jekk dan il-monopolju jitqies li huwa konformi mad-dritt Komunitarju, is-sanzjonijiet kriminali li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw l-osservanza tiegħu, għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu wkoll li huma konformi ma’ dan id-dritt, sakemm ma jiksrux huma stess xi normi oħra, bħalma huma d-drittijiet fundamentali.

49.      Kuntrarjament, jekk jirriżulta li l-imsemmi monopolju jmur kontra xi libertà tal-moviment, id-dispożizzjonijiet kriminali li l-għan tagħhom huwa li jiggarantixxu l-osservanza ta’ monopolju bħal dan, għandhom jibqgħu inapplikabbli. Fil-fatt, hemm ġurisprudenza stabbilita li tgħid li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva li ma ġietx sodisfatta, jekk it-twettiq ta’ din il-formalità huwa rrifjutat jew magħmul impossibbli mill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur tad-dritt Komunitarju (11).

50.      Nipproponi għalhekk li r-risposta għad-domanda eżaminata għandha tkun li liġi ta’ Stat Membru li tissanzjona, b’mod kriminali, kwalunkwe ksur tal-monopolju għall-operat tal-logħob tal-flus, bħall-monopolju għall-operat tal-lotteriji elettroniċi, stabbilit mil-liġi Awstrijaka, għandha tkun konformi mal-libertajiet ta’ moviment, b’mod partikolari mal-Artikolu 49 KE, minkejja li d-dritt kriminali jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

B –    Ir-relevanza tal-Artikolu 49 KE għal din il-kawża

51.      Il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk il-kawża li għandha quddiemha taqax fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Artikolu 49 KE.

52.      B’hekk hija tistaqsi, essenzjalment, permezz tal-paragrafu (a) tar-raba’ domanda tagħha, jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-operat tal-logħob permezz tal-internet, minn operatur stabbilit fi Stat Membru, għajr dak tad-destinazzjoni, għandux jitqies li huwa ta’ natura temporanja u li għalhekk jaqa’ taħt dan l-Artikolu, meta dan l-operatur juża mezzi materjali ta’ komunikazzjoni stabbiliti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, bħal server u apparat telefoniku, ipprovvduti lilu minn terza impriża.

53.      Sussegwentement, hija tistaqsi fil-paragrafu (b) tar-raba’ domanda tagħha, jekk l-Artikolu 49 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li liġi ta’ Stat Membru, li tipprojbixxi lill-fornituri stabbiliti fit-territorju nazzjonali, milli jipprovdu lil kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-mezzi sabiex joffru logħob tal-flus permezz tal-internet lil persuni residenti fit-territorju tiegħu, tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

1.      L-effett tal-użu ta’ mezzi materjali ta’ komunikazzjoni stabbiliti fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni

54.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fornitura ta’ logħob permezz tal-internet lil konsumaturi residenti fi Stat Membru ieħor, minn operatur stabbilit fi Stat Membru, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE (12). Din il-ġurisprudenza tirriżulta minn dik li tistabbilixxi li l-fornitura ta’ provvista, mill-intermedjarju, ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni lil destinarji li jinsabu fi Stat Membru, għajr dak tal-fornitur, mingħajr ma dan tal-aħħar imur f’dak l-Istat Membru l-ieħor, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi (13).

55.      Il-qorti tar-rinviju trid tistabbilixxi jekk il-fatt li l-impriżi Maltin, li jipprovdu logħob permezz tal-internet lil konsumaturi residenti fl-Awstrija, jużaw mezzi materjali bħal server u servizz ta’ għajnuna telefonika, pprovduti lilhom minn kumpannija stabbilita fit-territorju Awstrijak, jimplikax li huma intstallati b’mod stabbli u dejjiemi f’dan it-territorju, tant li ma jibqgħux jaqgħu taħt l-Artikolu 49 KE, iżda taħt id-dispożizzjonijiet tat-trattat applikabbli għal-libertà ta’ stabbiliment.

56.      Il-qorti tar-rinviju ma tindikax l-implikazzjonijiet li din id-domanda għandha. Fil-fehma tiegħi, fil-fatt, mhux li tant għandha. Fil-fatt, kieku wieħed kellu jirrikonoxxi li l-kumpanniji Maltin huma stabbiliti b’mod stabbli fl-Awstrija u li huma stabbiliti hemmhekk fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment, il-konformità tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, meta eżaminata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iktar milli fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, ma tagħtix riżultat differenti (14). F’dawn iż-żewġ każijiet, din il-leġiżlazzjoni se tiġi eżaminata bħala restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment applikabbli u l-evalwazzjoni tal-konformità tagħha mad-dritt Komunitarju abbażi tal-ġustifikazzjonijiet proposti mill-Gvern Awstrijak, se twassal għall-istess konklużjoni.

57.      Jekk, madankollu, għandha tingħata risposta għad-domanda eżaminata, jiena tal-opinjoni li, abbażi tal-informazzjoni pprovvduta mill-qorti tar-rinviju, din għandha tkun fin-negattiv. Irid jingħad li s-sempliċi fatt li fornitur tal-logħob bl-internet, jirrikorri għal mezzi materjali ta’ komunikazzjoni, ipprovvduti minn terza impriża, stabbilita fi Stat Membru ta’ destinazzjoni, ma jidhirlix li fih innifsu huwa ta’ natura li jikkonferma li dan il-fornitur huwa stabbilit b’mod stabbli f’dak l-Istat Membru, b’mod li jista’ jitqabbel ma’ aġenzija.

58.      Fil-fehma tiegħi, din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha teżamina fis-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li Stanley International Betting Ltd, kumpannija stabbilita skont il-liġi tal-Ingilterra, kienet eżerċitat id-dritt tagħha ta’ stabbiliment fl-Italja, peress li din il-kumpannija kienet ikkonkludiet ftehim kummerċjali ma’ xi operaturi jew intermedjarji Taljani, li abbażi tagħhom dawn tal-aħħar kienu jiġbru u jirreġistraw l-imħatri tal-konsumaturi Taljani sabiex jgħadduhom lill-imsemmija kumpannija.

59.      Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li Stanley International Betting Ltd kienet qed twettaq l-attività ta’ ġbir tal-imħatri fl-Italja, permezz tal-intermedjarju ta’ organizzazzjoni tal-aġenziji (15).

60.      F’din il-kawża, mill-provi misjuba fil-proċess ma jirriżultax li l-kumpanniji Maltin ikkonkludew xi ftehim kummerċjali mal-kumpannija Awstrijaka li tipprovdilhom il-mezzi materjali, liema arranġamenti kien ikollhom l-effett li jagħtu mandat lil din tal-aħħar sabiex taġixxi b’mod permanenti għan-nom tagħhom, l-istess bħal aġenzija, u dan skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (16), li ssir referenza għaliha fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Winner Wetten (17) kif ukoll Stoβ et (18).

61.      Barra minn hekk, il-fatt li operatur ekonomiku jirrikorri għal server stabbilit materjalment fi Stat Membru, ma jimplikax li dan l-operatur jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu f’dan l-Istat Membru. F’dan ir-rigward, u minkejja li d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (19) teskludi l-logħob bl-internet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (20), jista’ jkun f’waqtu li wieħed jenfasizza li, skont il-premessa 19 tagħha, il-post ta’ stabbiliment ta’ kumpannija li tipprovvdi s-servizzi permezz tal-intermedjarju tas-sit tal-internet, la huwa l-post fejn tinsab l-installazzjoni teknoloġika li sservi ta’ sostenn għas-sit, u lanqas ma huwa l-post minn fejn huwa aċċessibbli s-sit tagħha, iżda l-post minn fejn twettaq l-attività ekonomika tagħha.

62.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jien tal-fehma li r-risposta għad-domanda eżaminata għandha tkun li, l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fornitur tal-logħob bl-internet juża mezzi materjali ta’ komunikazzjoni bħal server jew apparat telefoniku stabbiliti fi Stat Membru ta’ destinazzjoni u li huma pprovduti lilu minn terza impriża, ma jeskludix, fih nnifisu, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

63.      Madankollu, il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali jinħtieġ, fil-fehma tiegħi, spjegazzjoni ulterjuri għal din ir-risposta. Fil-fatt, naf li dawn iż-żewġ kumpanniji Maltin li joffru logħob tal-flus permezz tal-internet, lil konsumaturi Awstrijaċi, billi jużaw server u servizz ta’ għajnuna telefonika pprovduti mill-kumpannija stabbilita skont il-liġi tal-Awstrija, jiġifieri bet-at-home.com Entertainment GmbH, huma sussidjarji indiretti jew “sussidjarji żgħar” ta’ din il-kumpannija. Huma fil-fatt, is-sussidjarji bet-at-home.com Holding Ltd, kumpannija stabbilita skont il-liġijiet ta Malta, li hi stess hija s-sussidjarja tal-kumpannija Awstrijaka.

64.      Kif bir-raġun jindikaw il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 49 KE ma jkunx applikabbli għal din il-kawża, jekk jirriżulta li dawn is-sussidjarji huma ta’ natura purament artifiċjali, li twaqqfu biss bl-għan li jippermettu lill-kumpannija parent Awstrijaka tagħhom, tevita l-projbizzjoni tal-operat tal-logħob bl-internet fl-Awstrija (21).

65.      Dan ikun il-każ jekk l-imsemmija sussidjarji jsibu ruħhom neqsin minn kull realtà ekonomika. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (22), il-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-trattat relatati mal-libertà ta’ stabbiliment, jimplika it-twettiq effettiv ta’ attività ekonomika, permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti għal perijodu indeterminat. Għaldaqstant, hija tippresupponi, impjant reali tal-kumpannija kkonċernata f’dan l-Istat Membru u li din il-kumpannija twettaq hemmhekk attività ekonomika b’mod effettiv (23).

66.      Dan l-impjant reali għandu jkun jista’ jiġi vverifikat, l-ewwel u qabelkollox, minn provi oġġettivi, bħal-livell tal-eżistenza fiżika tal-kumpannija, f’termini tal-lokal, tal-persunal u tat-tagħmir (24).

67.      Għal din ir-raġuni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta r-risposta preċedenti, billi tistabbilixxi li l-Artikolu 49 KE ma jistax jiġi invokat jekk jirriżulta, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li s-sussidjarji Maltin huma ta’ natura purament artifiċjali, maħsuba li jippermettu lill-kumpannija parent Awstrijaka tagħhom, tevita l-projbizzjoni tal-operat tal-logħob bl-internet fl-Awstrija.

2.      L-effett tal-istabbiliment fl-Awstrija tal-persuni akkużati

68.      Permezz tas-subparagrafu (b) tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk l-Artikolu 49 KE japplikax f’din il-kawża, minkejja li t-test nazzjonali li fuqu huma msejsa l-akkużi, ma japplikax għal persuni li huma responsabbli minn kumpannija li hi stess hija stabbilita fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

69.      Ir-risposta għal din id-domanda ma għandha tqajjem l-ebda diffikultajiet. L-Artikolu 49 KE, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hija, b’xi mod jew ieħor, “doppjament applikabbli”.

70.      Minn naħa, fil-fatt, liġi nazzjonali, bħalma hija l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni, li għandha l-effett li tipprojbixxi kumpannija stabbilita fl-Awstrija, milli tipprovdi lill-fornituri tal-logħob bl-internet, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-mezzi sabiex jipproponu l-logħob tagħhom lill-konsumaturi Awstrijaċi, jillimita d-dritt ta’ din l-kumpannija Awstrijaka milli tipprovdi s-servizzi tagħha stess ta’ sostenn lil dawn il-fornituri. B’hekk tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà tal-kumpannija intermedjarja li tipprovvdi s-servizzi (25).

71.      Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni, li magħha hemm marbuta sanzjoni kriminali, imposta minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu, sabiex iwaqqafhom milli jservu ta’ intermedjarji għal operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, sabiex b’hekk dak l-operatur ikun projbit milli jipprovdi s-servizzi tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ projbizzjoni, ukoll tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 49 KE. Fil-fatt, għandha l-effett li tirristrinġi l-possibbiltà tal-operatur ikkonċernat milli joffri s-servizzi tiegħu fi Stat Membru, għajr dak fejn huwa stabbilit u tirristrinġi l-possibbiltà tal-konsumaturi residenti f’dan l-Istat milli jkollhom aċċess għall-imsemmija servizzi (26).

72.      Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda eżaminata, tkun li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprojbixxi lill-fornituri stabbiliti fit-territorju nazzjonali, milli jipprovdu lil kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-mezzi materjali sabiex joffru logħob permezz tal-internet, lil persuni residenti fit-territorju tiegħu, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-sens ta’ dan l-Artikolu.

C –    Il-ġustifikazzjoni tal-monopolju u l-kundizzjonijiet imposti abbażi tiegħu

73.      Il-konformità tal-akkużi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mad-dritt Komunitarju, tiddependi, kif indikajt, mill-konformità tal-monopolju, li tiegħu l-istess akkużi jridu jiżguraw l-osservanza. Il-qorti tar-rinviju għamlet għadd ta’ domandi maħsuba li jippermettulha tevalwa l-konformità tal-monopolju.

74.      Permezz tas-subparagrafu (a) tal-ewwel domanda tagħha, tixtieq tistabbilixxi jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix il-monopolju għall-operat tal-lotteriji permezz tal-internet u l-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti ta’ dan il-monopolju huwa suġġett fil-leġiżlazzjoni tagħha. Permezz tas-subparagrafu (ċ) tal-ewwel domanda u s-subparagrafi (a) sa (f) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk, u skont il-każ, f’liema miżura, il-fatt li l-fornituri tal-logħob bl-internet, stabbiliti fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti f’dan tal-aħħar, għall-obbligi u l-kontrolli, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni.

75.      Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina dawn id-domandi flimkien. Fil-fatt id-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza u, eventwalment, il-portata tal-obbligu tar-rikonoxximent reċiproku tal-obbligi u tal-kontrolli li għalihom il-kumpanniji Maltin huma suġġetti f’Malta, iqajmu l-kwistjoni tal-validità tal-istabbiliment tal-monopolju inkwistjoni, kif ukoll, sa ċertu punt, dik tal-kundizzjoni li l-kumpannija detentriċi ta’ dan il-monopolju għandu jkollha s-sede tagħha fl-Awstrija.

76.      Dawn id-domandi tal-qorti tar-rinviju jistgħu għalhekk jinġabru f’dan is-sens, li hija qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha l-lotteriji permezz tal-internet huma rriżervati lill-konċessjonarju wieħed, fejn il-konċessjoni tkun għal perijodu li ma jistax jeċċedi il-ħmistax-il sena u bir-rekwiżit li l-kumpannija għandu jkollha kapital azzjonarju jew nominali mħallas ta’ mill-inqas EUR 109 miljun, li għandu jkollha s-sede tagħha f’dak l-Istat Membru u li ma tistax tistabbilixxi fergħa f’pajjiżi oħra.

77.      Ir-risposta għal din id-domanda timplika l-eżami suċċessiv tal-varji restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, jiġifieri l-eżistenza tal-monopolju, il-perijodu tal-monopolju, il-forma legali tal-kumpannija detentriċi ta’ dan il-monopolju u l-ammont tal-kapital tagħha, ir-rekwiżit tal-preżenza tas-sede fit-territorju nazzjonali u, fl-aħħar nett, il-projbizzjoni li tiġi stabbilita fergħa f’pajjiż ieħor.

78.      Qabel ma jsir dan l-eżami, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza u li fil-kuntest tagħhom irid jitwettaq dan l-eżami.

79.      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom id-dritt jistabbilixxu ċerti restrizzjonijiet għall-operat tal-logħob tal-flus fit-territorju tagħhom. Il-logħob tal-flus jikkostitwixxi, fil-fatt, attività ekonomika li tista’ oġġettivament tkun ta’ ħsara kbira kemm għas-soċjetà inġenerali, minħabba l-prattika eċċessiva li tista’ twassal għar-riskju, fuq min jilgħab, li jitfaqqar, kif ukoll għall-ordni pubbliku inġenerali, fid-dawl b’mod partikolari tad-dħul sostanzjali li jiġġenera dan il-logħob.

80.      Il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fil-qasam tal-logħob tal-flus tista’ għalhekk tkun fil-mira ta’ restrizzjonijiet għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, skont l-Artikolu 46(1) KE, jew inkella għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-prevenzjoni kontra l-frodi u l-protezzjoni tal-konsumaturi milli jiġu inċitati jonfqu b’mod eċċessiv fil-logħob (27).

81.      Fin-nuqqas tal-armonizzazzjoni Komunitarja u sakemm ikun hemm, f’dan il-qasam, diverġenzi konsiderevoli ta’ ordni morali, reliġjuż jew kulturali bejn l-Istati Membri, huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jevalwa, skont l-iskala tal-valuri tiegħu, ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tal-interessi kkonċernati (28).

82.      Huwa meħtieġ, madankollu, li r-restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment, imposta għall-ħarsien ta’ dawn l-interessi, tissodisfa test ta’ attitudni u ta’ proporzjonalità. Għalhekk, din ir-restrizzjoni għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan jew l-għanijiet li għalihom hija maħsuba, li jimplika li għandha tkun koerenti u sistematika, kif ukoll proporzjonata (29).

83.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati minn Stat Membru, is-sempliċi fatt li dak l-Istat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor, ma jista’ jkollu l-ebda implikazzjoni, u dan minħabba n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-qasam ikkonċernat u l-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Istati Membri imsemmija iktar ’il fuq. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat iridu jilħqu u l-livell ta’ protezzjoni li jridu jiżguraw (30).

84.      F’ din il-kawża, mill-provi misjuba fil-proċess jirriżulta, li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni kienet ġiet adottata sabiex tissielet kontra l-kriminalità u sabiex tipproteġi lill-konsumaturi. Skont il-Gvern Awstrijak, għandha l-għan li tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-frodi kif ukoll li tissielet kontra l-kriminalità. Għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi s-sigurtà suffiċjenti għall-ħlas tar-rebħ u li tħares lil persuni li jilagħbu kontra l-infiq żejjed marbut mal-logħob.

85.      Skont il-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li jrid jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet misjuba fil-leġiżlazzjoni Awstrijaka u li tirreferi għalihom l-qorti tar-rinviju, jistgħux jitqiesu li huma ġġustifikati. Ser neżaminahom suċċessivament.

1.      L-għoti ta’ monopolju għall-operat tal-lotteriji permezz tal-internet

86.      Kif indikajt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li monopolju għall-operat tal-logħob tal-flus, jista’ jkun konformi mad-dritt Komunitarju jekk dan il-monopolju jkollu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku u ta’ ħarsien tal-konsumaturi.

87.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru għandhom id-dritt iqisu li l-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil xi organizzazzjoni pubblika, li l-amministrazzjoni tagħha hija suġġetta għas-sorveljanza diretta tal-Istat, jew ta’ operatur privat u li fuq l-attivitajiet tagħha, il-poteri pubbliċi jistgħu jeżerċitaw biss kontroll ristrett, jista’ jippermetti li jiġu żgurati garanziji aħjar ta’ effikaċja fl-implementazzjoni tal-politika tagħhom għall-ħarsien tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tal-konsumaturi, milli kieku dawn l-attivitajiet jitwettqu minn operaturi privati li huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin, b’dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni u sottomessi għal sistema ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet (31).

88.      L-għoti ta’ monopolju bħal dan jista’ jippermetti, b’mod partikolari, li tiġi żgurata prevenzjoni aħjar, kontra l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u r-riskju tad-dipendenza, meta mqabbel ma’ sistema li tiftaħ dan is-suq għal numru ta’ fornituri (32).

89.      Fi kliem ieħor, l-għoti ta’ monopolju jippermetti li jiġu evitati l-effetti dannużi li ġġib magħha l-kompetizzjoni bejn għadd ta’ operaturi u li tista’ tinċitahom sabiex ikunu innovattivi wieħed iktar mill-ieħor, sabiex irendu l-offerta tagħhom iktar attraenti u b’hekk ikun hemm żieda fl-infiq tal-konsumaturi marbut mal-logħob (33).

90.      Din il-ġurisprudenza tapplika, a fortiori, fil-qasam tal-logħob permezz tal-internet, minħabba r-riskji supplimetari li jġib miegħu dan il-logħob għall-ordni pubbliku u għall-konsumaturi (34). Dawn ir-riskji ġew deskritti fis-sentenza Carmen Media Group, iċċitata iktar ’il fuq, kif ġej:

“102      […] [M]inħabba n-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, il-logħob tal-ażżard aċċessibbli bl-internet jimplika riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar meta mqabbla mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob fir-rigward ta’ eventwali frodi mwettqa mill-operaturi fil-konfront tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

103      Għandu jiġi nnotat li l-karatteristiċi speċifiċi għall-offerta ta’ logħob tal-ażżard fuq l-internet jistgħu, bl-istess mod, ikunu sors ta’ riskji ta’ natura differenti u ta’ portata ikbar rigward il-protezzjoni tal-konsumaturi, u b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u ta’ persuni li għandhom tendenza partikolari għal-logħob jew jistgħu jiżviluppaw tali tendenza, f’relazzjoni mas-swieq tradizzjonali ta’ tali logħob. Barra min-nuqqas ta’ kuntatt dirett bejn il-konsumatur u l-operatur, imsemmi qabel, il-faċilità għalkollox partikolari u l-permanenza tal-aċċess għal-logħob propost fuq l-internet kif ukoll il-volum u l-frekwenza potenzjalment għoljin ta’ tali offerta ta’ natura internazzjonali, f’ambjent li huwa barra minn dan ikkaratterizzat minn iżolament tal-lagħab, anonimat u assenza ta’ kontroll soċjali, jikkostitwixxu daqstant fatturi ta’ natura li jiffavorixxu żvilupp tal-vizzju għal-logħob u tal-infiq eċċessiv relatat ma’ dan tal-aħħar kif ukoll, għaldaqstant, iżidu l-konsegwenzi soċjali u morali negattivi relatati, kif ġew esposti minn ġurisprudenza kostanti.”

91.      Stat Membru għalhekk għandu d-dritt li jirriżerva lil operatur privat uniku, id-dritt li jopera l-logħob tal-flus permezz tal-internet fit-territorju tiegħu.

92.      Ladarba wasalt għal din il-konklużjoni, id-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza u l-portata eventwali tal-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, li jieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi u l-kontrolli li għalihom ikunu suġġetti l-fornituri tal-logħob permezz tal-internet fl-Istat Membri fejn ikunu stabbiliti, ma humiex relevanti.

93.      Kif huwa indikat b’mod ċar ħafna fis-sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq, meta monopolju pubbliku jkun ġie stabbilit fi Stat Membru fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u meta jkun jidher li l-imsemmija miżura tkun tissodisfa d-diversi kundizzjonijiet li jippermettu li dan ikun iġġustifikat fir-rigward tal-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali aċċettati mill-ġurisprudenza, kull obbligu ta’ rikonoxximent tal-awtorizzazzjonijiet maħruġa lil operaturi privati stabbiliti fi Stati Membri oħra għandu, anki b’mod ipotetiku, jiġi eskluż, minħabba s-sempliċi fatt tal-eżistenza ta’ tali monopolju. Huwa biss fil-każ fejn il-monopolji inkwistjoni jitqiesu li huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju li l-kwistjoni relatata mal-eżistenza eventwali ta’ tali obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet, maħruġa fi Stati Membri oħra, tista’ tirriżulta li tkun rilevanti (35).

94.      Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fil-qasam tal-logħob permezz tal-internet. Fil-fatt, kif indikajt fl-introduzzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid-dawl tad-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom Stat Membru fl-evalwazzjoni tiegħu tal-kwalitajiet u tal-integrità tal-fornituri tal-logħob bl-internet, stabbiliti fit-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra għandhom id-dritt li jqisu li l-kontrolli u l-obbligi li għalihom huma suġġetti l-fornituri fl-Istat Membru fejn huma stabbiliti, ma jikkostitwixxux garanziji suffiċjenti ta’ protezzjoni għall-konsumaturi tagħhom kontra r-riskji tal-frodi u tal-kriminalità (36).

95.      Il-Gvern Malti, li ħlief għal żvista min-naħa tiegħi, ma intervjeniex fil-kawżi preċedenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-logħob tal-flus, ikkontesta, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, il-fondatezza ta’ din il-ġurisprudenza. Huwa invoka l-kwalità tal-kontrolli previsti mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

96.      Ma naħsibx li l-argument tal-Gvern Malti jiġġustifika li terġa’ tinfetaħ diskussjoni dwar l-imsemmija ġurisprudenza. Fil-fatt, mill-mument li l-ġurisprudenza stabbilita tirrikonoxxi li l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kontra l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob, jiġġustifika l-għoti tal-monopolju, id-diskussjoni li qed jerġa’ jipprova jiftaħ il-Gvern Malti ma tidhirx relevanti.

97.      Madankollu, peress li l-monopolju jikkostitwixxi miżura restrittiva ħafna, il-ġurisprudenza teżiġi li jkollu l-għan li jiżgura livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. Għaldaqstant għandu jkun akkumpanjat minn qafas ta’ regoli, li jkun idoneju sabiex jiggarantixxi li d-detentur tal-imsemmi monopolju jkun effettivament kapaċi jilħaq, b’mod koerenti u sistematiku, l-għanijiet stabbiliti, b’mod partikolari dak tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament għal infiq żejjed marbut mal-logħob, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ kontroll ristrett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi (37).

98.      Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika dawn il-kundizzjonijiet (38).

99.      Il-Gvern Awstrijak isostni, f’dan ir-rigward, li, skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, id-detentur tal-monopolju huwa marbut li jistabbilixxi livelli għoljin ta’ protezzjoni għall-konsumaturi, pereżempju li jiġi stabbilit massimu ta’ EUR˚800 fil-ġimgħa, kif ukoll limiti taż-żmien u ta’ mħatri personali. Mill-proċess jirriżulta wkoll, li dan id-detentur iwettaq l-attivitajiet tiegħu taħt is-sorveljanza tal-Ministru tal-Finanzi Awstrijak, permezz tal-intermedjarju tal-kummissarji tal-Istat u ta’ membru tal-kunsill ta’ sorveljanza, li għandhom id-dritt tas-sorveljanza approfondita fuq l-amminsitrazzjoni tal-impriża, mingħajr madankollu ma jistgħu jeżerċitaw influwenza diretta fuqha.

100. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, meta wieħed iqis il-konċepiment tagħha mal-mod ta’ kif qed tiġi implementata, tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq.

101. F’dan ir-rigward, minħabba r-riferiment li tagħmel il-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha, għal-leġiżlazzjoni prevista fid-dritt intern tagħha, relatata mal-istabbilimenti tal-logħob bħalma huma il-każinos, jista’ jkun utli li wieħed jagħmel il-preċiżazzjonijiet illi ġejjin.

102. Fil-fehma tiegħi, il-konformità tal-monopolju inkwistjoni mad-dritt Komunitarju ma tistax tirriżulta mill-fatt li l-operat tal-każinos, taħt id-dritt Awstrijak, ma jikkostitwixxix monopolju, iżda sistema ta’ konċessjonijiet inqas restrittivi, għar-raġuni li huwa miftuħ għal tnax-il operatur. Fil-fatt, hemm differenzi sostanzjali bejn il-logħob offrut permezz tal-internet u dak offrut fil-kuntest tal-każinos, b’mod partikolari fil-kundizzjonijiet li fihom il-persuni li jilgħabu, jista’ jkollhom aċċess għall-istess logħob, liema kundizzjonijiet huma ta’ natura tali li jiġġustifikaw li tal-ewwel ikunu suġġetti għal qafas ħafna aktar strett (39).

103. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li nqis li l-fatt, invokat waqt is-seduta, li l-limitu ta’ EUR 800 fil-ġimgħa japplika biss għal-lotteriji permezz tal-internet, b’mod li ma hemm xejn li jwaqqaf persuna li tkun qed tilgħab u li tkun laħqet dan il-limitu, milli tipparteċipa fil-logħob l-ieħor tradizzjonali fl-Awstrija, ma huwiex ta’ natura tali li jqajjem dubji dwar il-koerenza tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka relatata mal-logħob bl-internet.

2.      Il-perijodu tal-monopolju

104. Il-perijodu tal-monopolju fih innifsu jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet tal-moviment, li hija differenti minn dik li tirriżulta mill-għoti ta’ drittijiet esklużivi, għaliex dan il-perijodu jiddetermina ż-żmien li matulu s-suq inkwistjoni jibqa’ magħluq għal operaturi oħra.

105. Fis-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-fatt li l-perijodu seta’ jestendi sa ħmistax-il sena, għal konċessjonijiet tal-operat tal-istabbilimenti tal-logħob, fih innifsu jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (40). Din l-analiżi tapplika, a fortiori, meta dan il-perijodu ta’ massimu ta’ ħmistax-il sena, huwa stabbilit għall-għoti ta’ monopolju attribwit lil operatur privat.

106. F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, madankollu, li l-għoti ta’ konċessjonijiet għall-imsemmi perijodu, seta’ jiġi ġġustifikat fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ħtieġa tal-konċessjonarju li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, perijodu li jkun twil biżżejjed sabiex jassorbi l-investimenti rikjesti mit-twaqqif tal-istabbiliment tal-logħob (41).

107. Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta fil-kuntest tal-għoti ta’ monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, anki jekk l-investimenti meħtieġa sabiex titwettaq din l-attività jidhirli, a priori, li huma inferjuri għal dawk meħtieġa għall-operat tal-każinos.

108. Barra minn hekk, il-konċessjoni ta’ monopolju għall-operat għal perijodu li jkun qasir wisq tista’ tinċita lill-operatur detentur ta’ dan id-dritt esklużiv, sabiex jimmassimizza l-profitti tiegħu. Minn din il-perspettiva, l-għoti ta’ monopolju għall-operat, għall-perijodu li huwa twil biżżejjed, jista’ jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob.

3.      Il-forma legali u l-ammont tal-kapital azzjonarju

109. Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni tistabbilixxi li d-detentur tal-monopolju għall-operat tal-lotteriji permezz tal-internet għandu, minn naħa, ikun kumpannija b’kapital azzjonarju u min-naħa l-oħra, għandu jkollu kapital azzjonarju jew imħallas ta’ għallinqas EUR˚109˚miljun.

110. L-ewwel rekwiżit jipprojbixxi lil persuni fiżiċi jew impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, milli jwettqu l-attività inkwistjoni fl-Awstrija, taħt xi forma ta’ kumpannija oħra. It-tieni għandu l-effett li jrendi iktar diffiċli l-istabbiliment ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju, li tkun f’pożizzjoni li taspira għall-kisba tal-monopolju inkwistjoni. Għaldaqstant, kull wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (42). Madankollu, jistgħu jiġu ġġustifikati abbażi tar-raġunijiet li huma fil-mira tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, jekk ikunu proporzjonati għal dawn tal-aħħar.

111. Il-Gvern Awstrijak jesponi, f’dan ir-rigward, li l-kundizzjoni relatata mal-forma ġuridika twieġeb għax-xewqa li tiġi imposta fuq id-detentur tal-monopolju, il-ħtieġa ta’ struttura ta’ impriża trasparenti, sabiex tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-frodi. Jenfasizza li d-dritt Komunitarju jistabbilixxi l-istess rekwiżit tal-forma ġuridika għal dak li għandu x’jaqsam mal-kamp tal-assigurazzjoni (43). F’dak li jikkonċerna l-kapital azzjonarju, huwa jsostni li huwa proporzjonat, meta wieħed iqis l-ammont ta’ qligħ li d-detentur tal-monopolju jista’ jdaħħal fil-kuntest tal-logħob differenti li huwa awtorizzat li jipproponi fuq l-internet, li jistgħu jinkludu jackpots ta’ diversi miljuni.

112. Fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet u tal-ġurisprudenza, iż-żewġ kundizzjonijiet eżaminati, b’riżerva għall-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali, jistgħu jidhru li huma ġġustifikati u proporzjonati.

113. F’dak li jikkonċerna l-forma ġuridika, irid jingħad, minn naħa, li kuntrarjament għal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Gambelli et kif ukoll Placanica et, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka tiftaħ il-possibbiltà sabiex il-monopolju inkwistjoni jitwettaq mill-kumpanniji kollha b’kapital azzjonarju, mingħajr distinzjoni (44).

114. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-kontrolli li jistgħu jiġu imposti minn Stat Membru fuq operatur ekonomiku li jrid jopera l-logħob tal-flus fit-territorju tiegħu, jistgħu jiġġustifikaw li dan l-operatur ikun marbut li jkollu forma ġuridika partikolari. Din tippreċiża li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tirriżerva l-operat tal-każinos għal kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata, tista’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-obbligi li għalihom din il-forma ta’ kumpannija hija suġġetta, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-kontijiet, mal-kontrolli li tista’ tkun suġġetta għalihom u r-relazzjonijiet ma’ terzi (45).

115. Din l-analiżi għandha tkun tista’ tiġi trasposta għall-kundizzjoni li l-kumpannija trid tkun tat-tip b’kapital azzjonarju, fid-dawl tal-obbligi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja timponi fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju, għal dak li għandu x’jaqsam maż-żamma tal-kontijiet tagħhom u l-kontrolli li huma suġġetti għalihom (46).

116. Għalhekk nista’ nikkonkludi li l-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka, li abbażi tagħhom id-detentur tal-monopolju għandu jkun tat-tip b’kapital azzjonarju u li għandu jkollu kapital azzjonarju ta’ għallinqas EUR 109 miljun, jistgħu jkunu konformi mad-dritt Komunitarju, b’riżerva għall-verifika tal-proporzjonalità tagħhom mill-qorti nazzjonali.

4.      Is-sitwazzjoni tas-sede

117. Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni tistabbilixxi li d-detentur tal-monopolju għall-operat tal-lotteriji permezz tal-internet, għandu jkollu s-sede tiegħu fit-territorju nazzjonali.

118. Din il-kundizzjoni tikkostitwixxi, mingħajr l-ebda dubju, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Fis-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet analizzata bħala miżura diskriminatorja, peress li tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn il-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali u dawk li l-uffiċċju tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor. Kundizzjoni bħal din tipprojbixxi wkoll lil dawn tal-aħħar milli joperaw logħob permezz tal-internet fl-Awstrija permezz tal-intermedjarju ta’ stabbiliment sekondarju, bħal aġenzija jew fergħa.

119. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka relatata mal-istabbilimenti tal-logħob, li l-kundizzjoni li l-konċessjonarji għandu jkollhom is-sede tagħhom fl-Awstrija, kellha wkoll l-effett li tipprojbixxi kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor milli twettaq l-attività tagħha fl-Awstrija permezz ta’ intermedjarju u ta’ sussidjarja. Waqt is-seduta, il-Gvern Awstrijak espona li, għal dak li għandu x’jaqsam mal-monopolju tal-lotteriji permezz tal-internet, dan seta’ jingħata lil sussidjarja ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

120. Wieħed irid jeżamina jekk il-kundizzjoni eżaminata tistax tiġi ġġustifikata. Kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza, tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 46 KE, jiġifieri l-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika jew tas-saħħa pubblika, minħabba n-natura diskriminatorja tagħha (47).

121. Il-Gvern Awstrijak isostni li l-preżenza tas-sede fit-territorju nazzjonali hija meħtieġa sabiex tippermetti l-kontroll effettiv tal-logħob online. Huwa jesponi li din il-preżenza tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jissorveljaw effettivament id-deċiżjonijiet u l-amministrazzjoni tad-detentur tal-monopolju. B’hekk, dawn l-awtoritajiet ikunu f’qagħda li jkollhom konoxxenza tad-deċiżjonijiet ta’ dan id-detentur, qabel ma jiġu implementati u li jopponuhom jekk jiksru l-għanijiet tal-politka nazzjonali fil-qasam tal-logħob. Isostni li ma jkollux l-istess possibbiltajiet fir-rigward ta’ operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

122. Bħall-Kummissjoni, naħseb li l-argument tal-Gvern Awstrijak jista’ jiġi segwit.

123. Ċertament, fis-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni opposta, għal dak li għandu x’jaqsam mal-istess kundizzjoni ta’ stabbiliment, imposta mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka fuq id-detenturi ta’ konċessjoni għall-operat ta’ stabbiliment tal-logħob.

124. Hija qieset li kien hemm mezzi anqas restrittivi li setgħu jippermettu l-kontroll tal-attivitajiet u tal-kontijiet tal-konċessjonarji fil-ġlieda kontra l-kriminalità, partikolarment, bħall-possibbiltà li jiġi impost ir-rekwiżit taż-żamma ta’ kontijiet separati għal kull stabbiliment tal-logħob, ivverifikati minn akkawtant estern, il-komunikazzjoni sistematika tad-deċiżjonijiet tal-entitajiet li jmexxu kif ukoll il-possibbiltà li tinġabar informazzjoni dwar id-diriġenti tagħhom (48).

125. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li jistgħu jsiru kontrolli fuq kull impriża stabbilita fi Stat Membru u li jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet fuqhom, irrispettivament mill-post tar-residenza tal-amministraturi tagħhom. Fl-aħħar nett indikat li fid-dawl tal-attività kkonċernata, jiġifieri l-operat tal-istabbilimenti tal-logħob fit-territorju Awstrijak, setgħu jsiru l-verifiki fil-postijiet ta’ dawn l-istabbilimenti (49).

126. Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament u l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-istess, ma jistgħux jiġu trasposti għall-kuntest ta’ monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet. Il-pożizzjoni tiegħi hija fondata fuq il-konsiderazzjonijiet li ġejjin, relatati mal-ħarsien tal-ordni pubbliku, skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-ġurisprudenza, peress li ma’ dawn hemm marbuta theddida reali u suffiċjentement gravi, kontra interess fundamentali tas-soċjetà (50).

127. Huwa stabbilit li l-logħob tal-flus permezz tal-internet jippreżenta riskji ogħla minn dawk li jġibu magħhom l-istabbilimenti tal-logħob tradizzjonali bħall-każinos. Infakkru li l-ikbar periklu ta’ dan il-logħob, jirriżulta min-nuqqas ta’ kuntatti diretti bejn il-persuna li tkun qed tilgħab u l-operatur, li huwa suxxettibbli li jagħti lok għal frodi, kemm min-naħa tal-konsumatur, għal dak li għandu x’jaqsam mal-età jew l-identità tiegħu kif ukoll min-naħa tal-operatur jew il-persunal tiegħu għal dak li għandu x’jaqsam mal-osservanza tal-kundizzjonijiet fl-andament tal-logħob.

128. Dan il-periklu jirriżulta wkoll mill-faċilità kbira li biha kwalunkwe persuna jista’ jkollha aċċess għal-logħob permezz tal-kompjuter jew tal-mobajl, mill-permanenza tal-aċċess għall-istess, mill-volum tal-logħob li potenzjalment jista’ jkun sinjifikanti u mill-fatt li l-ambjent tal-persuna li tilgħab, meta din issir ivvizjata, huwa ġeneralment ikkaratterizzat minn iżolament, anonimat u n-nuqqas ta’ kontroll soċjali.

129. Għalhekk huwa rrikonoxxut li dan il-logħob jista’ jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ dipendenza fuq il-logħob u ta’ nfiq eċċessiv, partikolarment fost iż-żgħażagħ u fost persuni li għandhom inklinazzjoni għal-logħob.

130. Dawn il-karatteristiċi partikolari jiġġustifikaw, għalhekk, li Stat Membru jiżviluppa mezzi sabiex jiżgura l-kontroll effettiv tal-kundizzjonijiet li fihom, l-operatur ekonomiku li huwa awtorizzat jopera dan il-logħob fit-territorju tiegħu, iwettaq realment l-attivitajiet tiegħu. Kif espona il-Gvern Awstrijak, Stat Membru għandu d-dritt li jkun f’pożizzjoni li jivverifika li l-leġiżlazzjoni tiegħu tiġi osservata u, jekk ikun il-każ, li jopponi deċiżjoni tal-operatur li tkun kontra l-obbligi ta’ dan tal-aħħar, qabel ma din id-deċiżjoni tiġi implementata u tkun ipprovokat konsegwenzi soċjali perikolużi.

131. Fi kliem ieħor, Stat Membru għandu d-dritt jieħu pożizzjoni li ma jinħtiġlux jillimita l-għemil tad-detentur tal-monopolju permezz ta’ regoli li jkunu ristretti żżejjed. Hija wkoll fondata x-xewqa li jiġi eżerċitat kontroll approfondit tal-osservanza ta’ dawn ir-regoli u li wieħed jikkonċedi lilu nnifsu, mezzi ta’ azzjoni li jippermettulu jopponi, b’mod preventiv, kwalunkwe ksur tal-istess.

132. Madankollu, il-partikolarità tal-logħob permezz tal-internet, hija wkoll marbuta mal-fatt li jista’ jiġi pprovdut kollu kemm hu minn post ieħor. Il-fornitura tiegħu, kuntrarjament għal dak tal-logħob tal-flus tradizzjonali, bħall-każinos, ma tirrikjedi, mill-perspettiva materjali, l-ebda infrastruttura fit-territorju tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, li l-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru jistgħu jikkontrollaw huma stess.

133. Fil-każ tal-logħob bl-internet, ipprovvdut minn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni ma humiex għalhekk f’pożizzjoni li jipproċedu huma stess għall-kontrolli u għall-verifiki li jistgħu jidhrulhom meħtieġa li jwettqu fil-lokali fejn il-fornituri tas-servizzi jwettqu l-attivitajiet tagħhom. Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (51), li tapplika għall-każinos li jipprovdu logħob permezz tal-internet, tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà tat-twettiq ta’ kontrolli fuq il-post. Fil-fehma tiegħi, huwa fondat li Stat Membru jqis li l-protezzjoni tal-konsumaturi tiegħu, kontra r-riskji tal-frodi u l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob, tiġġustifika dan it-tip ta’ kontrolli.

134. Kif enfasizzaw numru ta’ Stati Membri waqt is-seduta, sal-ġurnata ta’ llum, ma jeżisti l-ebda strument Komunitarju li abbażi tiegħu l-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-fornitur tal-logħob bl-internet, ikun marbut jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, kull assistenza teknika, li jista’ jkollhom bżonn sabiex iwettqu l-kontrolli tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tagħhom (52).

135. Barra minn hekk, ma huwiex raġonevoli, fil-fehma tiegħi, li wieħed jaħseb li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa stabbilit tali operatur tal-logħob, huma f’pożizzjoni li jivverifikaw, b’mod preċiż u approfondit, li dan il-fornitur josserva b’mod strett u dejjiemi l-obbligi li għalihom huwa suġġett f’kull Stat Membru, li fih huwa awtorizzat jopera l-logħob tal-flus. Dan anqas u anqas, meta dawn l-obbligi, fin-nuqqas tal-armonizzazzjoni, huma differenti f’kull Stat Membru u huma f’kull ħin suxxettibbli li jevolvu f’kull wieħed minnhom.

136. Din l-analiżi tapplika, a fortiori, meta l-attività ta’ tali fornitur hija mmirata lejn diversi Stati, kif jidher li huwa l-każ ta’ bet-at-home.com Entertainment Ltd kif ukoll ta’ bet-at-home.com Internationale Ltd, bis-sit tagħhom tal-internet aċċessibbli bil-lingwa Spanjola, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Taljana, Ungeriża, Olandiża, Pollakka, Slovena, Turka u Russa.

137. Barra minn hekk, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li normalment huwa intiż sabiex japplika fin-nuqqas tal-armonizzazzjoni, sabiex jippermetti l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment, ma huwiex oppost fil-qasam partikolari tal-logħob permezz tal-internet. Kif rajna, fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minħabba d-diffikultajiet prattiċi li jġib miegħu t-twettiq tal-kontroll effettiv u approfondit tal-attività ta’ fornitur tal-logħob bl-internet, il-kontrolli mwettqa fl-Istat fejn huwa stabbilit, jistgħu jitqiesu li huma insuffiċjenti mill-Istati Membri l-oħra (53).

138. Waqt is-seduta, qamet il-kwistjoni dwar jekk ikunx biżżejjed li jiġi impost l-obbligu, fuq il-fornitur tal-logħob permezz tal-internet, li jinstalla fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, is-server li jippermetti l-fornitura tal-logħob fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. Il-Gvern Belġjan wieġeb billi qal li dan ir-rekwiżit jista’ jkun insuffiċjenti meta l-użu tas-server jibda fi Stat Membru u d-deċiżjonijiet kollha relatati ma’ dan l-użu jkunu meħuda fl-imsemmi Stat.

139. Fid-dawl tal-varji elementi ta’ evalwazzjoni li ġew żviluppati fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma jidhirx għalhekk, fil-fehma tiegħi, li l-kundizzjoni eżaminata hija sproporzjonata. Jidhirli li huwa fondat li Stat Membru jqis li jkun f’pożizzjoni aħjar sabiex jeżerċita kontroll strett u effettiv fuq fornitur tal-logħob permezz tal-internet, li jippermettilu, jekk ikun il-każ, jopponi l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tkun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu, jekk dan il-fornitur ikollu s-sede tiegħu fit-territorju tiegħu.

140. Hemm l-aħħar argument li fil-fehma tiegħi jixraqlu li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità ta’ din il-kundizzjoni.

141. Rajna kif il-konformità ta’ monopolju mad-dritt Komunitarju hija suġġetta għall-kundizzjoni li dan il-monopolju għandu jkollu l-għan li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u għandu jkun akkumpanjat minn qafas ta’ regoli li jiggarantixxi it-twettieq ta’ dan l-għan, kif ukoll il-kontroll approfondit tal-Istat Membru kkonċernat. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw, loġikament, fir-rigward tal-ekonomija tal-libertajiet ta’ moviment, peress li l-monopolju tal-operat jikkostitwixxi miżura restrittiva ħafna għal dawn il-libertajiet.

142. Jidhirli għalhekk li huwa koerenti ma’ dan ir-rekwiżit, li Stat Membru jkun permess, fil-qasam speċifiku tal-logħob permezz tal-internet li jimponi fuq id-detentur ta’ dan il-monopolju r-rekwiżit li jkollu s-sede tiegħu fit-territorju tiegħu, peress li din il-miżura tippermettilu jeżerċita kontroll ħafna iktar effettiv fuq l-osservanza, minn dan l-operatur, tal-politika tiegħu ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-frodi u l-vizzju tal-logħob, milli kieku dan tal-aħħar kien iwettaq l-attività tiegħu minn Stat Membru ieħor.

143. Waqt is-seduta, iż-żewġ konvenuti stess, J. Dickinger u F. Ömer lanqas ma naqsu milli jinvokaw il-fatt li l-kumpanniji li jipprovdu l-logħob inkwistjoni kienu stabbiliti fit-territorju Malti u komposti minn persuni li huma kollha residenti f’Malta, bħala prova, fost affarijiet oħra, tar-realtà u tal-effettività tal-kontroll serju li teżerċita. Konsegwentement, wieħed ma jarax għalfejn l-istess kundizzjonijiet, stabbiliti għall-istess finijiet, għandhom ikunu kkritikati, sempliċiment għaliex huma imposti mir-Repubblika Awstrijaka.

144. Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li l-Artikolu 49 KE ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jimponi fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju, li jkun taha l-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, ir-rekwiżit li jkollha s-sede tagħha f’dan tal-aħħar.

5.      Il-projbizzjoni li tiġi stabbilita fergħa fi Stat Membru ieħor

145. Il-projbizzjoni li tiġi stabbilita fergħa barra mill-pajjiż, inkwantu tipprojbixxi dan l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi n-negazzjoni espliċita ta’ wieħed mid-drittijiet ikkonferiti b’mod espliċitu lil kumpannija li għandha s-sede tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru, mill-Artikoli 43 KE u 48 KE. Din il-projbizzjoni għalhekk hija suxxettibbli li trendi l-eżerċizzju tal-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet fl-Awstrija, anqas attraenti u b’hekk tiskuraġġixxi kumpannija stabbilta fi Stat Membru ieħor milli titfa’ l-kandidatura tagħha għall-għoti ta’ dan il-monopolju.

146. Il-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub, indika biss li l-projbizzjoni eżaminata ma tagħmilx għajr titrasponi l-idea li huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jirregola l-operat tal-logħob tal-flus fit-territorju tiegħu.

147. Fil-fehma tiegħi din l-ispjegazzjoni ma tistax tiġi sostnuta bħala raġuni valida ta’ restrizzjoni.

148. Ċertament, id-dritt tal-operat tal-logħob tal-flus fi Stat Membru, jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali ta’ dak l-Istat. Madankollu huwa l-kompitu ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwaru u, jekk ikun il-każ, li jieħu l-miżuri maħsuba sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-liġi tiegħu. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jiftaħ is-suq tiegħu tal-logħob tal-flus lill-operaturi privati, kull kumpannija li hija legalment stabbilita fi Stat Membru għandu jkollha d-dritt li tidħol fis-suq u tissottomenti ruħha, jekk ikun il-każ, għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita mill-imsemmi Stat.

149. Għalhekk, il-Gvern Awstrijak ma jistax jipprojbixxi, b’mod validu, lil operatur ekonomiku, li lilu jkun ta l-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, milli jwettaq l-istess attività permezz tal-intermedjarju tal-fergħa, fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jispjega għalfejn din il-projbizzjoni hija meħtieġa għat-twettiq ta’ għan leġittimu, bħall-protezzjoni tal-ordni pubbliku u tal-konsumaturi, fil-mira tal-leġiżlazzjoni tiegħu.

150. Huwa wkoll meħtieġ li din il-projbizzjoni tilħaq l-għanijiet tagħha b’mod koerenti u sistematiku. F’din il-kawża, huwa possibbli li wieħed jistaqsi dwar il-koerenza ta’ din il-miżura jekk din tipprojbixxi biss l-istabbiliment ta’ fergħa, iżda mhux ukoll dak ta’ sussidjarja. Fl-aħħar nett, il-projbizzjoni li tiġi stabbilita fergħa barra mill-pajjiż, għandha tkun proporzjonata għall-għanijiet li trid tilħaq.

151. Peress li fil-kawża preżenti, id-diskussjonijiet ikkonċentraw ruħhom fuq il-validità ta’ monopolju għall-operat fil-qasam tal-logħob permezz tal-internet u fuq il-kundizzjoni relatata mal-preżenza tas-sede fit-territorju nazzjonali, ma neskludux li l-Gvern Awstrijak jipproduċi, quddiem il-qorti nazzjonali, il-provi sabiex jiġġustifika l-kundizzjoni eżaminata.

152. Għal din ir-raġuni nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tħalli f’idejn din tal-aħħar, l-evalwazzjoni tal-validità ta’ din il-kundizzjoni u tirrispondi li l-Artikolu 43 KE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha l-impriża detentriċi tal-monopolju tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, hija pprojbita milli tistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor, sakemm din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod validu abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u ma hijiex proporzjonata għal dan il-għan.

D –    Il-komportament tad-detentur tal-monopolju

153. Permezz tas-subpargrafu (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, jistax ikun iġġustifikat meta d-detentur ta’ dan il-monopoju iħaddan politika espansjonista bl-użu ta’ pubbliċità intensiva.

154. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet domanda komparabbli, b’mod partikolari fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International kif ukoll Stoß et.

155. Minn dawn is-sentenzi jirriżulta li l-fatt li d-detentur tal-monopolju għall-operat, iħaddan politika espansjonista, bl-użu tal-pubbliċità għal-logħob tiegħu, mhux bilfors li huwa inkompatibbli mal-eżistenza ta’ tali monopolju u l-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament eċċessiv għal-logħob.

156. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li Stat Membru huwa ġġustifikat li jawtorizza lid-detentur tal-monoplju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, għat-twettiq ta’ politika ta’ espansjoni u li jagħmel ċerta pubbliċità fir-rigward tiegħu, kemm-il darba jiġi pprovat li l-logħob illegali bl-internet jippreżenta dimensjoni sostanzjali, tant li din l-espansjoni u pubbliċità huma meħtieġa sabiex jiggwidaw lil persuni li jilagħbu fiċ-ċirkwit legali (54).

157. Stat Membru li jsib ruħu kkonfrontat minn għadd ta’ siti tal-internet mhux awtorizzati li joffru l-logħob tal-flus, jista’ għalhekk b’mod leġittimu jippermetti lid-detentur tal-monopolju għall-operat tal-logħob bl-internet fit-territorju tiegħu, jagħmel pubbliċità wiesgħa u suffiċjentement attraenti sabiex tiggwida lill-konsumaturi lejn il-logħob awtorizzat.

158. Meta Stat Membru jkollu l-għan kemm li jipproteġi lill-konsumaturi kontra l-inċitament eċċessiv għal-logħob kif ukoll dak li jissielet kontra l-frodi u l-logħob klandestin, il-punt li jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni hux qed tilħaq dawn l-għanijiet b’mod koerenti u sistematiku, għandu għalhekk jiġi evalwat fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet differenti, meħuda flimkien (55).

159. Politika ta’ espansjoni kkontrollata, sostnuta minn pubbliċità ta’ ċertu kalibru u maħsuba li tattira lil persuni li jilagħbu lejn iċ-ċirkwit legali, ma għandhiex għalhekk titqies, fil-prinċipju, bħala inkompatibbli mal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament eċċessiv għal-logħob, għalkemm jistgħu jidhru li huma f’kontradizzjoni (56). Huwa importanti li l-azzjoni tad-detentur tal-monopolju, kif sorveljata mill-Istat Membru kkonċernat, tipprova ssib ekwilibriju ġust sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha.

160. Għalhekk, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li teżamina jekk il-politika ta’ espansjoni li jħaddan id-detentur tal-monopolju u l-pubbliċità tiegħu, fil-firxa u n-natura tagħha, jibqgħux fil-limiti meħtieġa sabiex jiggwidaw lill-persuni li jilagħbu lejn iċ-ċirkwit legali u jibqgħux kompatibbli mal-għan tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament eċċessiv għal-logħob (57).

161. Għalhekk nipproponi li r-risposta għad-domanda eżaminata għandha tkun li monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet, jista’ jkun iġġustifikat anki meta d-detentur ta’ dan il-monopolju jħaddan politika espansjonista permezz ta’ pubbliċità intensiva, jekk din l-espansjoni u din il-pubbliċità huma meħtieġa sabiex jiggwidaw lil persuni li jilagħbu, lejn il-logħob bl-internet awtorizzat u l-firxa u n-natura tagħhom jistgħu jiġu kkonċiljati mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob.

IV – Konklużjoni

162. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bezirksgericht Linz tkun kif ġej:

“1)      Liġi ta’ Stat Membru li tissanzjona, b’mod kriminali, kwalunkwe ksur tal-monopolju għall-operat tal-logħob tal-flus, bħall-monopolju għall-operat tal-lotteriji elettroniċi, stabbilit mil-liġi Awstrijaka, għandha tkun konformi mal-libertajiet ta’ moviment, b’mod partikolari mal-Artikolu 49 KE, minkejja li d-dritt kriminali jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li fornitur tal-logħob bl-internet juża mezzi materjali ta’ komunikazzjoni bħal server jew apparat telefoniku stabbiliti fi Stat Membru ta’ destinazzjoni u li huma pprovduti lilu minn terza impriża, ma jeskludix, fih innifsu, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.

L-Artikolu 49 KE ma jistax, madankollu, jiġi invokat jekk jirriżulta, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li s-sussidjarji Maltin huma ta’ natura purament artifiċjali, maħsuba li jippermettu lill-kumpannija parent Awstrijaka tagħhom, tevita l-projbizzjoni tal-operat tal-logħob bl-internet fl-Awstrija.

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li tipprojbixxi lill-fornituri stabbiliti fit-territorju nazzjonali, milli jipprovdu lil kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, il-mezzi materjali sabiex joffru logħob permezz tal-internet, lil persuni residenti fit-territorju tiegħu, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi fis-sens ta’ dan l-artikolu.

3)      L-Artikolu 49 KE ma jipprojbixxix lil Stat Membru milli jimponi fuq il-kumpannija b’kapital azzjonarju, li jkun taha l-monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, ir-rekwiżit li jkollha s-sede tagħha f’dan tal-aħħar.

L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha l-impriża detentriċi tal-monopolju tal-logħob permezz tal-internet fit-territorju tiegħu, hija pprojbita milli tistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor, sakemm din il-kundizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod validu abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u hija proporzjonata għal dan il-għan.

4)      Monopolju għall-operat tal-logħob permezz tal-internet jista’ jkun iġġustifikat anki meta d-detentur ta’ dan il-monopolju jħaddan politika espansjonista permezz ta’ pubbliċità intensiva, jekk din l-espansjoni u din il-pubbliċità huma meħtieġa sabiex jiggwidaw lil persuni li jilagħbu, lejn il-logħob bl-internet awtorizzat u l-firxa u n-natura tagħhom jistgħu jkunu kkonċiljati mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-inċitament għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C‑42/07, Ġabra p. I‑7633); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange (C‑203/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (C‑258/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra); tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), Stoß et (C‑316/07, C‑358/07 sa C‑360/07, C‑409/07 u C‑410/07, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra); Carmen Media Group (C‑46/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2010, Engelmann (C‑64/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


3 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sporting Exchange (punt 48), kif ukoll Stoß et (punt 81).


4 – Sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59).


5 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (punti 69 sa 72) kif ukoll Carmen Media Group (punti 102 u 103).


6 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (punt 69); Sporting Exchange (punt 33), kif ukoll Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (punt 54).


7 – ĠU L 376, p. 36.


8 – BGBl. 620/1989, liġi kif emendata fil-BGBl. I, 145/2006, iktar ’il quddiem il-“GSpG”.


9 – Ara, pereżempju, fil-qasam tat-taxxa diretta, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C‑101/05, Ġabra p. I‑11531, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema tagħhom tas-sigurtà soċjali, is-sentenza tat-28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931, punti 15, 16 u 21), kif ukoll fil-qasam tas-saħħa, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 92).


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra p. 195, punt 19).


11 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 69).


12 – Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031, punt 54), kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punt 22).


14 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 59). Ara wkoll, is-sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq.


15 – Punt 46 tal-imsemmija sentenza.


16 – 205/84, Ġabra p. 3755, punt 21.


17 – Punt 46.


18 – Punt 59.


19 – ĠU L 178, p. 1.


20 – L-aħħar inċiż tas-subparagrafu (d) tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku.


21 – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, Ġabra p. I‑2843, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – C‑196/04, Ġabra p. I‑7995.


23 – Punt 54.


24 – Punt 67.


25 – Sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289, punt 24), kif ukoll Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57).


27 – Sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56).


28 – Ibidem (punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ibidem (punti 60 u 61).


30 – Ibidem (punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 – Sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 81 u 82).


32 – Ibidem (punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33 – Sentenza Sporting Exchange, iċċitata iktar ’il fuq (punt 58).


34 – Is-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 sa 70).


35 – Sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 109 u 110).


36 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (punt 69); Sporting Exchange (punt 33), kif ukoll Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (punt 54).


37 – Sentenza Stoß et , preċitata (punt 83).


38 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti (punt 37); Gambelli et (punt 66), kif ukoll Stoß et (punt 78).


39 – Ara s-sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 95 u 96).


40 – Punt 46.


41 – Punt 48.


42 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Engelmann, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


43 – Il-Gvern Awstrijak jikkwota l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Novembru 2002, li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), l-Artikolu 8(1)(a) tal-ewwel Direttiva 73/239/KEE tal-Kunsill, tal-24 ta’ Lulju 1973, dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, p. 3), kif ukoll l-Artikolu 5, tad-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2005, dwar ir-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 92/49/KEE kif ukoll id-Direttivi 98/78/KE u 2002/83/KE (ĠU L 323, p. 1) moqri inkonnessjoni mal-Anness I tad-Direttiva 2005/68.


44 – Il-liġi Taljana inkwistjoni f’dawn is-sentenzi teskludi l-kumpanniji b’kapital azzjonarju li huma kkwotati fis-swieq irregolati. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-esklużjoni, li kienet fondata fuq it-trasparenza tal-impriżi, kienet sproporzjonata għaliex kienu jeżistu mezzi oħra sabiex jikkontrollaw il-kontijiet u l-attivitajiet tagħhom (is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).


45 – Is-sentenza Engelmann, preċitata (punt 30).


46 – Ara l-ewwel direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-kordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU L 65, p. 8), u r-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU L 222, p. 11), u l-atti tagħha relatati mal-emendi.


47 – Punt 34.


48 – Punti 37 u 38.


49 – Punti 38 u 39.


50 – Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


51 – ĠU L 309, p. 15.


52 – Il-miżuri li l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu skont id-Direttiva 2005/60, fir-rigward tal-każinos stabbiliti fit-territorju tagħhom, għandhom l-għan uniku li jissieltu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Ma għandhomx l-għan li jħarsu kontra kull tip ta’ frodi li tista’ tiġi kommessa kontra l-konsumaturi fit-twettiq ta’ din it-tip ta’ attività. Lanqas ma huma immirati biex jiżguraw il-protezzjoni tal-persuni li jilgħabu. Lanqas ma għandhom l-għan li jippermettu li Stat Membru jimponi fuq Stat Membru ieħor, il-kontroll tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tal-logħob.


53 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (punt 69); Sporting Exchange (punt 33), kif ukoll Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (punt 54).


54 – Sentenza Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International, iċċitata iktar ’il fuq (punt 30).


55 – Ibidem (punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


56 – Sentenza Stoß et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).


57 – Sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (punt 37), kif ukoll Stoß et (punt 103).