KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-23 ta’ Novembru 2010 (1)

Kawża C-327/09

Mensch und Natur AG

vs

Freistaat Bayern

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Regolament (KE) Nru 258/97 – Ikel ġdid u ingredjent tal-ikel ġdid – ‘Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ – Talba għal awtorizzazzjoni – Ċaħda – Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil individwu – Effett fuq persuna li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti tal-Appell Amministrattiva tal-Land ta’ Bayern) (il-Ġermanja) tirrigwarda essenzjalment is-sistema stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid [ġodda] (2), kif ukoll bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/196/KE, tat-22 ta’ Frar 2000, dwar ir-rifjut li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq tas-“Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa” bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mensch und Natur AG (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Mensch und Natur”) u l-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern) fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, fil-Ġermanja, ta’ ċerti prodotti kkummerċjalizzati mill-kumpannija msemmija minħabba li l-kompożizzjoni tal-prodotti inkwistjoni kienet tinkludi l-“iStevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa” (iktar ’il quddiem l-“iStevia”), li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonstatat, permezz tad-Deċiżjoni 2000/196, li ma kinitx indirizzata lill-kumpannija Mensch und Natur, li din kienet tikkonsisti f’ikel ġdid u li ma setgħetx titqiegħed fis-suq Komunitarju peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-regolament.

3.        Fl-osservazzjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat li deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ta’ portata ġenerali u għaldaqstant torbot biss lid-destinatarji. Il-problema li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-effetti legali li r-Regolament Nru 258/97 u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati abbażi tiegħu għandhom fuq l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      It-Trattat KE

4.        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 249 KE, “[f]il-qadi tad-dmirijiet tagħhom u skond kif jipprovdi dan it-Trattat, il-Parlament Ewropew li jaġixxi flimkien mal-Kunsill, il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandu [...] jieħu deċiżjonijiet [...]”. Skont ir-raba’ paragrafu ta’ dan l-istess artikolu “[d]eċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha lil dawk li lejhom tkun indirizzata” (4).

2.      Ir-Regolament Nru 258/97

5.        Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 258/97 jinqraw kif ġej:

“(1)      Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid [ġodda] jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi dawn jistgħu joħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern;

(2)      Billi, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid [ġodda] ikunu soġġetti għal valutazzjoni waħda dwar is-sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità;”

6.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 258/97 jipprovdi li:

“1.      Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ta’ ikel ġdid [ġodda].

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa l-Komunità u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

[…]

e)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti u ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem, għajr l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà;

[…]

3.      Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu”.

7.        L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“1.      L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:

–        ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur,

–        iqarrqu bil-konsumatur,

–        ikunu differenti mill-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li posthom huma maħsuba biex jieħdu safejn u sakemm il-konsum normali tagħhom ikun nutrizzjonalment ta’ żvantaġġ għall-konsumatur”.

8.        Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament tinvolvi, fost l-oħrajn, l-istadji segwenti, kif previsti fl-Artikoli 4, 6 u 7 tar-Regolament Nru 258/97:

“L-Artikolu 4

1.      Il-persuna responsabbli milt-tqegħid fis-suq tal-Komunità (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘l-applikant’) ) għandha tissottometti talba lill-Istat Membru li fih il-prodott ikun sejjer jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba. Fl-istess ħin, din il-persuna għandha tibgħat kopja tat-talba lill-Kummissjoni.

2.      Għandha tiġi mwettqa stima [evalwazzjoni] inizjali kif ipprovdut fl-Artikolu 6.

Wara l-proċedura riferita fl-Artikolu 6(4), l-Istat Membru riferit fil-paragrafu 1 għandu jgħarraf lill-applikant mingħajr dewmien:

–      li jista’ jqiegħed l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fis-suq, fejn l-istima addizzjonali riferita fl-Artikolu 6(3) ma tkunx meħtieġa, u li ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda oġġezzjoni raġunata skond l-Artikolu 6(4),

      jew

–      li, skond l-Artikolu 7, tinħtieġ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

[…]

L-Artikolu 6

1.      It-talba riferita fl-Artikolu 4(1) għandu jkun fiha t-tagħrif meħtieġ, inkluża kopja ta’ l-istudji li kienu ġew imwettqa u kull materjal ieħor li huwa disponibbli sabiex juri illi l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), kif ukoll proposta xierqa għall-preżentazzjoni u t-tikkettjar, skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8, ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel. Minbarra dan, it-talba għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tad-dossier.

2.      Malli jirċievi t-talba, l-Istat Membru riferit fl-Artikolu 4(1) għandu jiżgura illi titwettaq l-istima inizjali. [...]

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri mingħajr dewmien kopja tas-sommarju pprovdut mill-applikant u l-isem tal-korp kompetenti responsabbli mit-twettiq ta’ l-istima inizjali.

3.      Ir-rapport ta’ l-istima inizjali għandu [...] jiddeċiedi jekk l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jirrikjedux stima addizzjonali skond l-Artikolu 7 jew le.

4.      F’perjodu taż-żmien ta’ 60 jum mid-data taċ-ċirkolazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni, Stat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom jew jippreżentaw oġġezzjoni raġunata għall-marketing ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel konċernat. [...]

L-Artikolu 7

1.      Fejn tinħtieġ stima addizzjonali skond l-Artikolu 6(3) jew titqajjem oġġezzjoni skond l-Artikolu 6(4), għandha tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

2.      Id-deċiżjoni għandha tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni u għandha tistabbilixxi, fejn xieraq:

–      il-kondizzjonijiet dwar l-użu ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjent ta’ l-ikel,

–      l-isem mogħti lill-ikel jew lill-ingredjent ta’ l-ikel u l-ispeċifikazzjoni tagħhom.

–      il-ħtiġiet speċifiċi tat-tikkettjar kif riferit fl-Artikolu 8.

3.      Il-Kummissjoni għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

9.        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 258/97 jipprovdi li:

“1.      Fejn il-proċedura definita f’dan l-Artikolu għandha tiġi implimentata, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’.

2.      Kwistjonijiet għandhom jiġu riferiti lill-Kumitat mill-President jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

3.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li jista’ jistabilixxi l-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ illi jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

4.      a)     Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

[…]”

3.      Id-Deċiżjoni 2000/196

10.      It-tielet kunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/196 taqra kif ġej:

“wara li rat it-talba mressqa mill-Professur J. Geuns tal-Laboratorju tal-Fiżjoloġija tal-Pjanti, KUL, lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti fil-5 ta’ Novembru 1997, għat-tqegħid fis-suq tal-‘iStevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid,”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2000/196 jaqraw kif ġej:

“(1) L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti jikkonkludi li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-prodott ma għandux jingħata l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq.

(2) Bi tweġiba għall-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni, l-applikant bagħat dokumenti oħra lill-Kummissjoni li sussegwentement informat lill-Istati Membri u lill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel bihom.

(3) Saret evalwazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament. Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel, fis-17 ta’ Ġunju 1999, ta’ opinjoni li tikkonferma essenzjalment l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni.

(4)      Stevia rebaudania Bertoni, pjanti u weraq imnixxfa, hija ikel ġdid fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 258/97 u peress li ma ntweriex li l-prodott jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, dan ma għandux jitqiegħed fis-suq Komunitarju.

(5)      Il-miżuri previsti f’din id-deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2000/196 jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

L-‘iStevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ ma tistax titqiegħed fis-suq Komunitarju bħala ikel jew ingredjent tal-ikel.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Professur J. Geuns tal-Laboratorju tal-Fiżjoloġija tal-Pjanti, KUL, Kardinal Mercierlaan 92, 3001 Heverlee, il-Belġju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.      It-titolu tad-Deċiżjoni 2000/196 huwa segwit bil-kliem: “It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B –    Id-dritt nazzjonali

14.      Skont l-Artikolu 2(1)(1) tal-liġi tal-Land ta’ Bayern dwar is-sorveljanza tal-ikel (Bayerisches Lebensmittelüberwachungsgesetz) tal-11 ta’ Novembru 1997 (5), l-awtoritajiet jistgħu, huma u jwettqu xogħolhom, jieħdu deċiżjonijiet individwali biex jipprevjenu jew jimpedixxu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel.

15.      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-ikel ġdid u ingredjenti tal- ikel ġodda (Neuartige Lebensmittel- und Lebensmittelzutaten-Verordnung) (6) jipprovdi li l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq mill-persuna responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom jekk ma jkunx hemm awtorizzazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-regolament imsemmi.

III – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16.      Jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-kumpannija Mensch und Natur tipproduċi u tikkummerċjalizza tipi differenti ta’ te. F’ċerti tipi ta’ te, jintużaw estratti mill-weraq tal-iStevia, li joriġinaw mill-Amerka ta’ Isfel, bħala sustanzi li jagħmlu t-te iktar ħelu.

17.      Fid-Deċiżjoni 2000/196, tat-22 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-iStevia ma setgħetx titqiegħed fis-suq Komunitarju bħala ikel jew ingredjent tal-ikel. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara t-talba li saret mill-Professur J. Geuns, li lilu kienet indirizzata l-imsemmija deċiżjoni.

18.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2003 indirizzata lill-kumpannija Mensch und Natur, il-Landratsamt Bad Tölz-Wolfratshausen (awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Bad Tölz-Wolfratshausen) ipprojbixxiet il-kummerċjalizzazzjoni ta’ diversi tipi ta’ te, taħt piena ta’ multa amministrattiva ta’ EUR 500.

19.      Il-Landratsamt ikkonstatat fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ April 2003 li l-awtorizzazzjoni tal-iStevia bħala ikel ġdid kienet ġiet miċħuda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/196 u li dik id-deċiżjoni tobbliga lill-Istati Membri kollha jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tagħha. Hija rrilevat li l-kumpannija Mensch und Natur ma wrietx li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 258/97, jiġifieri fil-15 ta’ Mejju 1997, kienu diġà ġew ikkummerċjalizzati fil-Komunità kwantitajiet sinjifikattivi mit-tipi ta’ te inkwistjoni u dan għall-konsum mill-bniedem.

20.      Il-kumpannija Mensch und Natur ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ April  2003 quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (Tribunal amministrattiv ta’ München), fejn sostniet li l-prodotti li kien fihom l-iStevia kienu ilhom li ġew żviluppati mill-predeċessuri tagħha sa mill-bidu tas-snin 1990 u li, b’effett mill-15 ta’ Mejju  1997, dawk il-prodotti kienu ġew ikkummerċjalizzati minn mijiet ta’ eluf ta’ nies fil-Komunità permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza u mill-ħwienet li jbigħu prodotti naturali. Barra minn hekk, il-kumpannija Mensch und Natur kkonkludiet li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/196 ma kellha ebda effett vinkolanti fil-konfront tagħha.

21.      Il-Bayerisches Verwaltungsgericht München laqa’ dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2004.

22.      Il-Freistaat Bayern appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof.

23.      Peress li dik il-qorti dehrilha li biex hija tkun tista’ tiddeċiedi, jeħtieġ li jsiru ċerti kjarifiki fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li deċiżjoni tal-Kummissjoni li, skont l-ifformular tagħha, hija indirizzata biss għal persuna speċifika hija wkoll vinkolanti fir-rigward ta’ impriżi oħra li, fid-dawl tas-sens u l-għan tad-deċiżjoni, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod?

2)      Għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni [2000/196], li l-Artikolu 1 tagħha jipprekludi t-tqegħid fis-suq Komunitarju ta[l-iStevia] bħala prodott tal-ikel jew ingredjent tal-ikel, hija wkoll vinkolanti għall-[kumpannija Mensch und Natur] li fil-preżent tikkummerċjalizza[ha] fil-Komunità?”

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

24.      Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 258/97 huwa kkaratterizzat minn għan doppju li jikkonsisti f’li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-ikel il-ġdid u f’li tiġi protetta s-saħħa pubblika kontra r-riskji li dan jista’ jikkawża (7).

25.      Fil-fatt, l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jistabbilixxi fi ħdan il-Komunità, standards komuni fil-qasam tal-ikel ġdid u tal- ingredjenti tal-ikel ġodda, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 2 tiegħu, billi tiġi stabbilita evalwazzjoni waħda dwar is-sigurtà tagħhom skont proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq Komunitarju (8).

26.      It-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid jew ta’ ingredjent tal-ikel ġdid, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97, jeħtieġ jew awtorizzazzjoni jew deċiżjoni indirizzata lill-applikant dwar il-fatt li ma tkunx meħtieġa awtorizzazzjoni. Għal dan il-għan, il-persuna responsabbli mit-tqegħid fis-suq fil-Komunità għandha tressaq it-talba tagħha fl-Istat Membru fejn il-prodott ikun irid jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba. Hija għandha tibgħat ukoll kopja tat-talba lill-Kummissjoni.

27.      Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 258/97 għandha ssir evalwazzjoni inizjali. Fi tmiem il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(4), l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant mingħajr dewmien:

–      li huwa jista’ jqiegħed l-ikel jew l-ingredjent tal-ikel fis-suq, meta l-evalwazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 6(3) ma tkunx meħtieġa u meta ma tkun saret ebda oġġezzjoni motivata skont l-Artikolu 6(4),

jew

–       li, skont l-Artikolu 7, hija meħtieġa deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

28.      In-notifika tista’ twassal jew għal deċiżjoni nazzjonali, jew għal deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont il-każ.

29.      Fis-sistema preżenti, kull deċiżjoni li tawtorizza jew tipprojbixxi ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid hija deċiżjoni individwali, li tittieħed, skont il-każ, mill-Istat Membru jew mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jidhirli li d-deċiżjoni tittieħed abbażi ta’ informazzjoni li tkun tinsab fil-fajl ipprovdut mill-applikant, mingħajr ma jiġu mistiedna terzi persuni biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

B –    Fuq id-domandi preliminari

30.      Wara eżami tar-rinviju preliminari u tal-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati, jidhirli li ma hemmx lok għalfejn issir analiżi ddettaljata tal-portata tal-kunċett ta’ deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE biex tingħata risposta utli għad-domandi preliminari. L-elementi ta’ soluzzjoni joħorġu mill-analiżi tas-sistema ta’ kontroll fuq it-tqegħid fis-suq prevista fir-Regolament Nru 258/97.

31.      Iż-żewġ domandi preliminari jistgħu jiġu magħquda. Fis-sustanza, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħal dik tat-22 ta’ Frar 2000, meħuda fil-kuntest tar-Regolament Nru 258/97 u li tirrigwarda rifjut ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, tipprekludix li awtorità ta’ Stat Membru teżamina, fi proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja sussegwenti, jekk l-ikel jew l-ingredjent tal-ikel li jkun is-suġġett tad-deċiżjoni individwali msemmija jkunx tqiegħed fis-suq qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fi kwantità sinjifikattiva minn persuna oħra, u dan biex jiġi stabbilit jekk l-ikel jew l-ingredjent tal-ikel jidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament imsemmi.

1.      Is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 258/97

32.      Skont is-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 258/97, it-tqegħid fis-suq tal-ikel iddefinit fl-Artikolu 1(2) irid jiġi awtorizzat minn qabel skont l-Artikolu 4(1). Fil-verità, dan l-obbligu ta’ notifika u ta’ talba għal awtorizzazzjoni jikkorrispondi ma’ projbizzjoni impliċita fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid mingħajr awtorizzazzjoni.

33.      Fil-preżent, projbizzjoni espliċita fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ikel ġdid jew ingredjenti tal-ikel ġodda ma hijiex prevista fir-Regolament Nru 258/97 innifsu iżda pjuttost fil-liġijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-metodi ta’ applikazzjoni tiegħu (9). Madankollu nirrileva li tali projbizzjoni ser tiġi introdotta f’sistema futura proposta mill-Kummissjoni (10).

34.      Jeħtieġ li jsiru żewġ konstatazzjonijiet. Minn banda, jekk xi ikel jew ingredjent tal-ikel ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97 (pereżempju minħabba li l-konsum tiegħu mill-bniedem kien sinjifikattiv qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi) (11), ma tkun meħtieġa ebda notifika jew awtorizzazzjoni skont dak ir-regolament. Mill-banda l-oħra, jekk xi ikel jew ingredjent tal-ikel ikun jikkorrispondi mad-definizzjoni tar-Regolament Nru 258/97, huwa ma jistax jitqiegħed fis-suq mingħajr awtorizzazzjoni jew deċiżjoni li tikkonstata l-fatt li ma tkunx meħtieġa l-awtorizzazzjoni (12).

35.      Talba għal awtorizzazzjoni tista’ twassal għal deċiżjoni amministrattiva li tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni mitluba. Jekk l-awtorizzazzjoni ma tingħatax, tkun applikabbli r-regola ġenerali prevista fir-Regolament Nru 258/97, jiġifieri l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodott li jaqa’ taħt ir-regolament imsemmi. Barra minn hekk, ma huwiex importanti li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ħaditx deċiżjoni pożittiva jew negattiva wara talba għal awtorizzazzjoni li tikkonċerna lill-istess ikel jew l-istess ingredjent tal-ikel iżda li tkun saret minn applikant ieħor: il-kumpannija Mensch und Natur xorta waħda jkollha tippreżenta talba hija stess quddiem l-awtoritajiet għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament Nru 258/97.

36.      Minn dan jirriżulta li s-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpannija Mensch und Natur ma titbiddilx skont il-konklużjoni pożittiva jew negattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lil persuna oħra. Mill-banda l-oħra, kieku l-proċedura prevista mir-Regolament wasslet għall-konstatazzjoni, min-naħa tal-awtorità nazzjonali jew tal-Kummissjoni, li l-iStevia ma kinitx ikel ġdid, il-kumpannija Mensch und Natur kellha tkun tista’ tinvoka dan il-fatt quddiem kwalunkwe awtorità nazzjonali.

37.      Għandu jiġi eżaminat issa liema mill-kwistjonijiet ġew riżolti bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, kif jiġri spiss għad-deċiżjonijiet amministrattivi, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi ċertu stat ta’ fatt u tistabbilixxi l-konsegwenzi li, fil-fehma tagħha, jirriżultaw fid-dawl tal-qafas regolatorju applikabbli.

38.      Il-klassifikazzjoni tal-iStevia bħala ikel ġdid fis-sens tar-Regolament Nru 258/97 saret fil-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2000/196.

39.      Huwa fuq din il-bażi li l-Kummissjoni eżaminat it-talba għat-tqegħid fis-suq tal-prodott inkwistjoni, u kkonstatat li l-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament ma setgħetx tingħata minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti li tikkonċerna s-sigurtà (13).

2.      L-effetti legali tad-Deċiżjoni 2000/196

40.      L-effett legali prinċipali tad-Deċiżjoni 2000/196 huwa li ma hemmx deċiżjoni pożittiva li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodott inkwistjoni. Id-destinatarju tad-deċiżjoni msemmija ġie prekluż milli jqiegħed il-prodott fis-suq bħala ikel ġdid. Il-konsegwenza diretta ta’ dan in-nuqqas ta’ deċiżjoni pożittiva hija li l-projbizzjoni stabbilita fir-Regolament Nru 258/97 tibqa’ fis-seħħ għall-prodott inkwistjoni.

41.      Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni tiċħad it-talba ta’ persuna ma jipprekludix lil dik il-persuna milli tressaq talba ġdida. L-istess japplika għal talba mressqa minn persuna oħra: deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni 2000/196 ma tiddeċidix il-kwistjoni b’mod definittiv.

42.      Il-partijiet kollha jaqblu fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija deċiżjoni individwali. Huwa ċar, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u d-diċitura stess tad-Deċiżjoni 2000/196, li l-imsemmija deċiżjoni hija vinkolanti biss għad-destinatarju tagħha. Permezz ta’ din id-deċiżjoni  l-applikant ma ngħatax l-awtorizzazzjoni li tevitalu l-projbizzjoni li jqiegħed fis-suq ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid. Madankollu, il-kwistjoni hawnhekk hija dwar jekk dik id-deċiżjoni tistax madankollu jkollha effetti fuq persuna oħra u fuq l-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jevalwaw l-azzjoni ta’ dik il-persuna l-oħra.

43.      Meta l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni negattiva, l-Istati Membri huma obbligati, abbażi tal-prinċipju ta’ lealtà, jiżguraw li l-prodott li jkun is-suġġett ta’ dik id-deċiżjoni negattiva ma jitqigħedx fis-suq mill-applikant, jiġifieri mid-destinatarju tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, huma għandhom l-obbligu jiżguraw li l-ikel ikkonċernat jitqies bħala mhux awtorizzat fil-kuntest tal-kontroll tas-swieq tal-ikel kif ukoll meta l-awtorità nazzjonali teżamina notifika ġdida eventwali li tikkonċerna l-istess prodott iżda li tkun saret minn applikant ieħor. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom debitament jikkunsidraw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħmel tali konstatazzjoni.

44.      Mill-banda l-oħra, jekk il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni li tawtorizza persuna, ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid sostanzjalment ekwivalenti, jista’ allura jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjonijiet ġodda mogħtija lil persuni oħra skont il-proċedura ssimplifikata.

3.      In-nuqqas ta’ awtorità vinkolanti tal-konstatazzjonijiet fattwali

45.      Il-kumpannija Mensch und Natur issostni madankollu li l-iStevia ma hijiex ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid.

46.      Fil-proċedura amministrattiva prevista mir-Regolament Nru 258/97, huma involuti l-konvenuta, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Jekk mhux sejjer żball, it-terzi ma għandhomx drittijiet proċedurali. La huwa meħtieġ u lanqas huwa possibbli li jiġi permess li terz jippreżenta formalment osservazzjonijiet, u terz li ma huwiex ikkonċernat direttament ma għandux dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tagħha ma huwiex id-destinatarju.

47.      Peress li l-istrument adottat mill-Kummissjoni huwa deċiżjoni u mhux regolament, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom id-dritt jeżaminaw jekk l-ikel jew l-ingredjent tal-ikel li jkun is-suġġett ta’ talba oħra huwiex fil-fatt ġdid. L-istess japplika għall-proċeduri amministrattivi u kriminali li jirrigwardaw il-kontroll tat-tqegħid fis-suq ta’ prodott tal-ikel li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala ikel ġdid tiġi kkontestata. Dan joħroġ mill-fatt li l-awtorità vinkolanti tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula minn awtorità amministrattiva hija limitata għall-kwistjoni li hija tkun eżaminat fil-kuntest tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni individwali li jinbeda wara talba.

48.      Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 258/97, jista’ jiġi ddeterminat, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 13, jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97. Madankollu, din il-proċedura ma tistax tinbeda minn persuna privata.

49.      Is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dan il-proċess toħloq problema għas-suq intern, inkwantu l-awtorizzazzjoni tingħata separatament għal kull prodott tal-ikel ġdid jew kull ingredjent tal-ikel ġdid, u dan għal kull applikant. Jidhirli li l-Kummissjoni rrikonoxxiet dawn il-problemi u li l-proposta tagħha, iċċitata iktar ’il fuq, tista’ tiċċara din is-sistema. Fir-rigward tas-sistema preżenti, il-Kummissjoni pproponiet b’mod partikolari li kull awtorizzazzjoni tingħata permezz ta’ regolament u li l-awtorizzazzjoni tkun individwali biss f’ċerti każijiet eċċezzjonali. Barra minn hekk, din is-sistema tkun issegwi proċedura ta’ awtorizzazzjoni uniformi li tapplika diġà għal ċerti sustanzi oħra.

50.      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/196 ma tipprekludix li l-awtorità ta’ Stat Membru teżamina, waqt proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, jekk xi ikel jew ingredjent tal-ikel tqigħedx fis-suq qabel il-15 ta’ Mejju 1997 fi kwantità sinjifikattiva, sabiex tistabbilixxi jekk dak it-tip ta’ prodott jidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 258/97.

V –    Konklużjoni

51.      Fid-dawk ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof:

“Deċiżjoni tal-Kummissjoni, bħal dik tat-22 ta’ Frar 2000, dwar ir-rifjut li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-‘iStevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid [ġodda], li hija vinkolanti fil-partijiet kollha tagħha għad-destinatarju msemmi fiha, ma tipprekludix li l-awtorità ta’ Stat Membru teżamina, waqt proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja sussegwenti, jekk xi ikel jew ingredjent tal-ikel li jkun is-suġġett tad-deċiżjoni individwali msemmija tqigħedx fis-suq minn xi persuna oħra qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi fi kwantità sinjifikattiva, sabiex tistabbilixxi jekk dak l-ikel jew l-ingredjent tal-ikel jidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament imsemmi”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244.


3 – ĠU L 43, p. 1.


4 – Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda deċiżjoni nazzjonali li ġiet adottata fit-8 ta’ April 2003, ir-referimenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jsegwu n-numerizzazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


5 – GVBl. p. 738, fil-verżjoni tagħha applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2002 [ara l-Artikolu 2 tal-liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002 (GVBl. p. 981)].


6 – Kif ippubblikat fl-14 ta’ Frar 2000, BGBl. I p. 123, u emendat l-aħħar permezz tal-liġi tas-6 ta’ Awwissu 2002 ( BGBl. I p. 3082, 3099).


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et (C‑236/01, Ġabra p. I‑8105, punt 74).


8 – Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, M-K Europa (C‑383/07, Ġabra p. I‑115, punt 23).


9 – Ara I. Gerstberger, “The Proposal for a revised Novel Food Regulation – An Improvement for the Worse?”, European Food and Feed Law Review, 2008, Nru 4, p. 215.


10 – Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ikel ġdid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru [1331/2008] (COM(2007)872 tal-14 ta’ Jannar 2008).


11 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica (C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, Ġabra p. I‑5141, punt 88).


12 – L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 258/97 jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni individwali. F’dan il-każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, individwu ma jistax jibda dik il-proċedura; ara, f’dan is-sens, is-sentenza M‑K Europa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


13 – Apparentement, jeżistu biss tliet każijiet fejn il-proċedura fuq livell Komunitarju spiċċat b’deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni li pprojbixxiet it-tqegħid fis-suq ta’ prodott bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid, fosthom dak tal-iStevia li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni 2000/196. Għaż-żewġ każijiet l-oħra, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/17/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2000, dwar ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-“ġewż Nangai” (Canarium indicum L.) bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 4, p. 35), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/580/KE, tal-25 ta’ Lulju 2005, li tirrifjuta t-tqegħid fis-suq tal-betaine bħala ikel ġdid jew ingredjent ġdid tal-ikel taħt ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, L 349M, p. 250).