KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C‑240/09

Lesoochranárske zoskupenie VLK

vs

Ministerstvo životného prostredia Slovenskej republiky

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja)]

“Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari li saret min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) tikkonċerna l-effett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni UNECE dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) (2); b’mod partikolari, l-punt dwar jekk dak l-artikolu jinftehimx jew għandux jinftiehem li għandu effett dirett fl-ordni ġuridiku ta’ Stat Membru.

2.        Din il-kawża tqajjem kwistjonijiet importanti dwar l-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali tal-Istati Membri individwali u l-Qorti tal-Ġustizzja biex jinterpretaw dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallta.

 Il-Konvenzjoni ta’ Århus

3.        Il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Århus jirrikonoxxi li kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tagħha u l-obbligu li, kemm individwalment kif ukoll f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, tipproteġi u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Biex ikunu jistgħu jinvokaw dak id-dritt u josservaw dak l-obbligu, iċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni, għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali.

4.        L-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Århus jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali tagħha. L-Artikolu 3(1) jipprovdi b’mod partikolari li “Kull parti għandha tieħu l-miżuri leġiżlattivi, regolatorji u miżuri oħra neċessarji, inkluż miżuri intiżi biex id-dispożizzjonijiet li jimplementaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni dwar l-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja jkunu kompatibbli ma’ xulxin, kif ukoll miżuri adegwati ta’ nfurzar, biex jiġi stabbilit u jinżamm qafas ċar, trasparenti u konsistenti għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        L-Artikolu 6 fih numru ta’ elementi dwar il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jipprovdu kif ġej:

“1. Kull parti:

(a) għandha tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar jekk għandhomx ikunu permessi l-attivitajiet proposti li huma elenkati fl-Anness I;

(b) għandha tapplika ukoll, skont id-dritt nazzjonali tagħha, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għal deċiżjonijiet dwar attivitajiet proposti, li ma humiex elenkati fl-Anness I, li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, il-partijiet għandhom jistabbilixxu jekk l-attività proposta hijiex suġġetta għal dawn id-dispożizzjonijiet [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 9 jġib it-titolu “Aċċess għall-Ġustizzja”. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu jipprovdu kif ġej:

“2. Kull Parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħha, l-membri tal-pubbliku kkonċernati

(a) li għandhom interess suffiċjenti

jew diversament,

(b) li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ parti teżiġi dan bħal rekwiżit,

ikunu jistgħu jressqu proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi, biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kull deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, meta d-dritt nazzjonali hekk jipprovdi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra ta’ din il-konvenzjoni.

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u preġudizzju ta’ dritt għandu jiġi stabbilit skont ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u dejjem bl-għan li l-pubbliku kkonċernat jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont din il-konvenzjoni. Għal dan il-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5) għandu jitqies suffiċjenti għall-finijiet tas-subparagrafu (a) ta’ dan l-artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu ppreġudikati għall-finijiet tas-subparagrafu (b) ta’ dan l-artikolu.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma jeskludux il-possibbiltà li jkun hemm proċedura għal stħarriġ preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma jaffettwawx ir-rekwiżit li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jinfetħu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jkun jeżisti dan ir-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali.

3. Barra minn hekk, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull Parti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm tali kriterji, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha dwar l-ambjent.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 19 jipprovdi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-ratifika. L‑Artikolu 19(5) jipprovdi li: “Fl-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tagħhom, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika msemmija fl-Artikolu 17 [(3)] għandhom jiddikjaraw il-portata tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-materji rregolati minn din il-konvenzjoni. Barra minn hekk, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jinformaw lid-Depożitarju b’kull bdil sostanzjali fil-portata tal-kompetenza tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-UE (4)

 It-Trattat KE

8.        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-Artikolu 174 KE (5) kien jirregola l-politika Komunitarja dwar l-ambjent. Dan jipprovdi li l-politika adottata għandha tikkontribwixxi biex jinkisbu għanijiet bħalma huma s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali, u l-promozzjoni ta’ miżuri f’livell internazzjonali li jitrattaw problemi ambjentali kemm reġjonali kif ukoll globali. L‑Artikolu 175(1) KE (6) jipprovdi li “[i]l-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 [KE] wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għandu jiddeċiedi liema azzjoni għandha tittieħed mill-Komunità sabiex tilħaq l-objettivi imsemmija fl-Artikolu 174 [KE]”.

9.        L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE jistabbilixxu r-rekwiżiti proċedurali meħtieġa biex jiġi konkluż ftehim bejn il-Komunità u Stat wieħed jew diversi, jew organizzazzjonijiet internazzjonali, li skont l-Artikolu 300(7) KE, jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri (7).

 L-inkorporazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Århus fid-dritt Komunitarju

10.      Qabel mal-Konvenzjoni ta’ Århus ġiet approvata, il-miżuri li kienu meħtieġa biex jittrasponu l-Artikolu 9(2) ta’ dik il-konvenzjoni fid-dritt Komunitarju kienu fil-fatt ġew adottati bid-Direttiva 2003/35 (8).

 Id-Direttiva 2003/35

11.      Il-premessi li ġejjin huma ta’ rilevanza:

“(5) Fil-25 ta’ Ġunju 1998 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Århus. Il-liġijiet Komunitarji għandhom ikunu allineati kif jixraq mal-Konvenzjoni bil-ħsieb tar-ratifika tagħha mill-Komunità.

[...]

(9) L-Artikolu 9(2) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jipprovdi aċċess għall-proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra sabiex jisfidaw il-legalità sostaniva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku ta’ l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni.

(10) Għandha ssir disposizzjoni rigward ċerti Direttivi fil-qasam ta’ l-ambjent li teħtieġ lill-Istati Membri li jipproduċu pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent imma li ma jkunx fihom disposizzjonijiet biżżejjed dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku konsistenti mad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus, b’mod parikolari l-Artikolu 7 tagħha. Il-leġislazzjoni l-oħra rilevanti Komunitarja diġà tipprovdi għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tħejjija tal-pjani u tal-programmi u, għall-ġejjieni, il-ħtiġiet tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’linja mal-Konvenzjoni ta’ Århus iridu jiġu inkorporati fil-leġislazzjoni rilevanti mill-bidu.

(11) Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE [(9)] u d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE [(10)] għandom jiġu emendati sabiex jiġi żgurat li huma kompatibbli fis-sħiħ mal-konvenzjoni ta’ Århus, b’mod partikolari l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) u (4) tagħha.

(12) Ġaladarba l-mira ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri għalbiex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jinħolqu mill-Konvenzjoni ta’ Århus, ma tistax tinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk tista’, għar-raġuni ta’ l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif iddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. [...]”.

12.      Bil-għan li tinkorpora r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Århus fid-dritt tal-UE, id-Direttiva 2003/35 imbagħad daħħlet l-Artikolu 10a fid-Direttiva 85/337 u l-Artikolu 15a fid-Direttiva 96/61.

13.      Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Konvenzjoni ta’ Århus ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370 (11). Din l-approvazzjoni kienet debitament ibbażata fuq l-Artikolu 175 KE, l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) KE, u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) KE.

14.      L-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370 fih dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni ta’ Århus (12). It-tieni paragrafu tad-Dikjarazzjoni jipprovdi li “l-istrumenti legali fis-seħħ ma jkoprux b’mod sħiħ l-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni billi jirrigwardaw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jiġu kkontestati atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi minbarra l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea kif koperti mill-Artikolu 2(2)(d), tal-Konvenzjoni [...] b’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri tagħha huma responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi fil-ħin ta’ l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Komunità Ewropea u jibqgħu hekk sakemm u sa meta l-Komunità, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha taħt it-Trattat KE, tadotta dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li jkopru l-implimentazzjoni ta’ dawk l-obbligi”.

15.      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus ġie inkorporat fid-dritt tal-UE b’mod parzjali biss, permezz tar-Regolament Nru 1367/2006 (13) li madankollu japplika biss għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Huwa ma ġiex inkorporat b’mod iktar ġenerali. Għalkemm il-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fl-24 ta’ Ottubru 2003 (14), din il-proposta ma ġietx adottata u għalhekk ma saritx liġi.

16.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatti li wasslu għall-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali, huwa xieraq li jingħad li l-ors kannella (ursus arctos) huwa elenkat fl-Anness II tad-Direttiva Habitats (15) bħala speċi ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħha teħtieġ li jiġu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni, u fl-Anness IV bħala speċi ta’ interess Komunitarju li teħtieġ protezzjoni stretta.

 Id-dritt nazzjonali

17.      Permezz ta’ Digriet Nru 1840, tat-23 ta’ Settembru 2005, il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka qabel li jaderixxi mal-Konvenzjoni ta’ Århus. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ, fir-Repubblika Slovakka, fil-5 ta’ Marzu 2006.

18.      Il-proċedura amministrattiva fir-Repubblika Slovakka hija rregolata, inter alia, permezz tal-Liġi Nru 71/1967 Koll. dwar il-proċeduri amministrattivi (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva”). L-Artikolu 14 ta’ dan il-kodiċi jippermetti lil kwalunkwe persuna li titlob li jiġi rrikonoxxut l-istat tagħha bħala parti fil-proċeduri amministrattivi li jikkonċernaw direttament id-drittijiet u l-interessi tagħha li huma protetti legalment.

19.      Qabel it-30 ta’ Novembru 2007, it-tieni sentenza tal-Artikolu 83(3) tal-Liġi Nru 543/2002 kien jagħti l-istat ta’ “partijiet fil-proċeduri” lil assoċjazzjonijiet li l-għan tagħhom kien li jipproteġu l-ambjent. Dan l-istat seta’ jingħata lil dawk l-assoċjazzjonijiet li talbu bil-miktub biex jitħallew jipparteċipaw u li jagħmlu dan f’terminu stabbilit. Skont il-paragrafu 6 ta’ dik il-liġi, dawn l-assoċjazzjonijiet setgħu jitolbu li jiġu nnotifikati bil-proċeduri li jistgħu jaffettwaw l-ambjent. Skont il-paragrafu 7, l-awtoritajiet pubbliċi kienu għalhekk obbligati li jinnotifikaw debitament lill-assoċjazzjonijiet. Dawn l-assoċjazzjonijiet kellhom l-opportunità wkoll li, skont l-Artikolu 250(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jikkontestaw quddiem il-qrati kull deċiżjoni li tittieħed.

20.      Madankollu, il-Liġi Nru 543/2002 kienet emendata bil-Liġi Nru 554/2007 b’effett mill-1 ta’ Diċembru 2007. L-effett ta’ dik l-emenda, sa fejn din hija rilevanti għal dan il-każ, kienet li l-assoċjazzjonijiet ambjentali (bħalma hija r-rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju) issa huma kklassifikati bħala “partijiet ikkonċernati” minflok “partijiet fil-proċeduri”. Essenzjalment, kif indika l-Gvern Slovakk fis-seduta, il-bidla fl-istat tipprekludi lil dawn l-assoċjazzjonijiet milli huma stess jibdew direttament proċeduri biex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ xi deċiżjoni. Minflok, huma jridu jitolbu avukat tal-Istat biex jaġixxi f’isimhom.

 Il-fatti u d-domandi preliminari

21.      Ir-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali, Lesoochranárske zoskupenie VLK (iktar ’il quddiem “LZ”), hija assoċjazzjoni li ma hijiex persuna ġuridika li għandha bħala għan il-ħarsien ambjentali. LZ talbet lill-konvenut, il-Ministerstvo životného prostredia Slovenskej republiky (il-Ministeru tal-Ambjent tar-Repubblika Slovakka, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) biex jinfurmaha bi kwalunkwe proċeduri amministrattivi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li potenzjalment jistgħu jaffettwaw il-ħarsien tan-natura u tal-ambjent, jew li jikkonċernaw l-għoti ta’ derogi għall-ħarsien ta’ ċerti speċi jew żoni.

22.      Fil-bidu tal-2008, LZ ġiet informata b’numru ta’ proċeduri amministrattivi pendenti li nbdew, inter alia, minn diversi assoċjazzjonijiet tal-kaċċa. Fil-21 ta’ April 2008, il-Ministeru ħa deċiżjoni fejn laqa’ applikazzjoni ta’ assoċjazzjoni tal-kaċċa fejn talbet permess biex jidderogaw mill-kundizzjonijiet protettivi mogħtija lill-ors kannella. Matul dik il-proċedura, u f’oħrajn sussegwenti, LZ innotifikat lill-Ministeru bix-xewqa tagħha li tipparteċipa, fejn talbet li jiġi rrikonoxxut l-istat tagħha bħala parti fil-proċeduri amministrattivi skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva. B’mod partikolari, LZ sostniet li l-proċeduri inkwistjoni kienu jaffettwaw direttament id-drittijiet u l-interessi tagħha protetti legalment, li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Århus. Hija qieset ukoll li dik il-Konvenzjoni għandha effett dirett.

23.      Fid-deċiżjoni tiegħu tas-26 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) il-Ministeru kkonferma d-deċiżjoni tiegħu tal‑21 ta’ April 2008. Huwa qal ukoll li LZ ma kellhiex l-istat ta’ parti fil-proċeduri. Għaldaqstant, LZ ma setatx tappella kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ April 2008. Iktar minn hekk, il-Ministeru sostna li l-Konvenzjoni ta’ Århus kienet trattat internazzjonali li qabel ma jidħol fis-seħħ kellu jiġi implementat fid-dritt nazzjonali. Fil-fehma tiegħu, ir-Repubblika Slovakka hija d-destinatarja tal-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus; u dawk id-dispożizzjonijiet, minnhom innifishom, ma fihom ebda dritt jew libertà fundamentali mniżżla b’mod espress li jistgħu japplikaw direttament għall-awtoritajiet pubbliċi fis-sens tat-teorija tas-“self-executing” użata fid-dritt pubbliku internazzjonali.

24.      LZ appellat kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Krajský súd v Bratislave (iktar ’il quddiem il-“Qorti Reġjonali ta’ Bratislava”). Dik il-qorti eżaminat id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-proċeduri amministrattivi li kienu saru qabel u ċaħdet ir-rikors ta’ LZ.

25.      Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Reġjonali ta’ Bratislave sostniet li l-interpretazzjoni loġika u grammatikali tal-Artikolu 9(2) u (3) ma tagħtix lir-rikorrenti d-dritt li tipparteċipa fil-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji bħala parti fil-proċeduri. Min-naħa l-oħra, il-Konvenzjoni ta’ Århus teħtieġ lill-Istati kontraenti li jadottaw – fi żmien mhux speċifikat – miżuri fid-dritt nazzjonali li permezz tagħhom il-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipparteċipa fl-istħarriġ tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet imniżżla fl‑Artikolu 6 tagħha quddiem il-qorti jew korpi amministrattivi oħra.

26.      LZ appellat quddiem il-Qorti Suprema, li ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)      Huwa possibbli li tiġi rikonoxxuta l-applikabbiltà immedjata (self executing effect) li għandhom il-konvenzjonijiet internazzjonali, tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tal-25 ta’ Ġunju 1998, u b’mod partikolari, l-Artikolu 9(3) meta jitqies l-għan prinċipali ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali jiġifieri li tbiddel id-definizzjoni klassika ta’ locus standi billi tagħti wkoll lill-pubbliku, jew lill-pubbliku kkonċernat, il-kwalità ta’ parti fil-proċeduri peress li s’issa, għalkemm l-Unjoni Ewropea aderixxiet mal-imsemmija konvenzjoni internazzjonali fis-17 ta’ Frar 2005, għadha ma adottatx miżuri Komunitarji għall-implementazzjoni tagħha?

(2)      Huwa possibbli li jiġi rrikonoxxut li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(3), li huwa attwalment integrat fis-sistema Komunitarja, għandu applikabbiltà diretta jew effett dirett ta’ dritt Komunitarju, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja?

(3)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domandi 1 u 2, huwa possibbli li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jiġi interpretat, fid-dawl tal-għan prinċipali ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali, b’tali mod li l-espressjoni “atti ta’ awtoritajiet pubbliċi” tinkludi wkoll l-att li tingħata deċiżjoni, bil-konsegwenza li l-possibbiltà li l-pubbliku jieħu azzjoni quddiem il-qrati, tinkludi wkoll id-dritt li jikkontesta d-deċiżjoni stess tal-awtorità pubblika li l-illegalità tagħha għandha impatt fuq l-ambjent?”

27.      LZ, il-Gvern tal-Ġermanja, tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Polonja, tal-Finlandja, tal-Isvezja, tar-Repubblika Slovakka, tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ħlief għall-Gvern Grieg u dak Svediż, dawn il-partijiet kollha kienu preżenti għas-seduta tal-4 ta’ Mejju 2009 u għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom.

 Osservazzjonijiet preliminari

 Dwar l-ammissibbiltà

28.      L-ewwel żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-“Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u, b’mod partikolari, l-Artikolu 9(3)”. It-tielet domanda hija esklużivament dwar l-Artikolu 9(3). L-Artikolu 9 ntitolat “Aċċess għall-Ġustizzja”. Is-subparagrafi sussegwenti tiegħu jindirizzaw aspetti differenti ta’ din il-materja.

29.      Għaldaqstant, l-Artikolu 9(1) jipprovdi għall-aċċess għall-proċeduri ta’ stħarriġ f’każ li talba għall-informazzjoni tiġi rrifjutata. L-Artikolu 9(2) jobbliga lill-partijiet kontraenti biex, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħhom, jiżguraw li l-membri tal-pubbliku kkonċernati, li jissodisfaw kriterji speċifiċi, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ biex jikkontestaw il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni (16). L-Artikolu 9(3) jimponi obbligu addizzjonali fuq kull parti kontraenti biex jiżgura li l-membri tal-pubbliku, li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali, ikollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent. L-Artikolu 9(4) jipprovdi li l-proċeduri fl-ewwel tliet subparagrafi għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi u jistabbilixxi ċerti standards li dawn il-proċeduri jkunu jridu jikkonformaw magħhom. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 9(5) jobbliga lill-partijiet kontraenti biex jinformaw lill-pubbliku bid-drittijiet tagħhom għall-aċċess għal proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji u biex jikkunsidraw li jwaqqfu mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza biex jiżguraw iktar aċċess għall-ġustizzja.

30.      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Gvern Pollakk u tar-Renju Unit iqajmu l-kwistjoni tal-ammissibbiltà. Huma jsostnu li s-sustanza tad-domandi magħmula tirreferi biss għall-Artikolu 9(3) u jipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha tiddikjara r-rinviju bħala inammissibbli inkwantu jirrigwarda l-partijiet l-oħra tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

31.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala regola, tagħti deċiżjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija obbligata teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom tressqet kawża quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta l-problema tkun (inter alia) ta’ natura ipotetika (17).

32.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, LZ ippruvat tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Kwalunkwe risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti fir-rigward tal-Artikolu 9(1), (4) u (5) ma jkollha ebda effett fuq il-każ quddiem il-qorti nazzjonali. Id-domandi li għamlet l-istess qorti nazzjonali għall-partijiet l-oħra tal-Artikolu 9 huma għalhekk ta’ natura ipotetika u konsegwentement inammissibbli.

33.      Il-Konvenzjoni ta’ Århus tipprovdi għal aċċess għall-ġustizzja, skont l-Artikolu 9(2) għall-persuni li jixtiequ jikkontestaw kwalunkew deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6. L-Artikolu 6 japplika għall-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tal-Konvenzjoni (lista li tkopri, inter alia, proġetti tal-industrija, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli u l-immaniġġjar tal-iskart) u attivitajiet li jista’ jkollhom effett sinjifikattiv dwar l-ambjent taħt id-dritt nazzjonali.

34.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) huwa l-istess bħal dak kopert mid-Direttiva IEA u mid-Direttiva PKIT (li tapplika indipendentement minn, u ma teskludix l-applikazzjoni tad-Direttiva IEA).

35.      Dan il-qbil bejn is-suġġett jindika li l-Artikolu 9(2) ġie traspost b’mod sħiħ fid-dritt tal-UE. Iktar minn hekk, il-premessi 10 u 11 tad-Direttiva 2003/35 jindikaw li l-leġiżlatur qies l-emendi introdotti b’dik id-direttiva adegwati biex iwasslu għal inkorporazzjoni sħiħa ta’ dik id-dispożizzjoni.

36.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tqumx id-domanda dwar jekk l-Artikolu 9(2) għandux effett dirett (18).

37.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 9(3) biss.

38.      Fl-aħħar nett, kif ġustament osserva r-Renju Unit, għalkemm il-qorti tar-rinviju tuża kemm l-“effett dirett” kif ukoll l-“applikabbiltà diretta” fid-domanda tagħha, l-ewwel żewġ domandi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw l-effett dirett tal-Artikolu 9(3) (19). Għaldaqstant nipproponi li l-ewwel żewġ domandi jiġu ttrattati bħala li jirreferu biss għall-effett dirett.

39.      Għal skopijiet ta’ ċarezza, ninnota li t-test tal-“effett dirett” li huwa rilevanti f’dan il-każ huwa dak li japplika għad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali – test li huwa ftit differenti mit-test li japplika għal dispożizzjonijiet “interni” tad-dritt tal-UE. Ser nindirizza id-distinzjoni fil-qosor iktar tard (20).

 L-ewwel domanda

40.      Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex possibbli li l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jitqies li għandu effett dirett.

41.      Kif innotaw diversi partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel domanda indirettament tqajjem kwistjonijiet ta’ kompetenza u ġurisdizzjoni fl-interpretazzjoni ta’ ftehim imħallta. Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-Gvern Finlandiż u Svediż indirizzaw b’mod speċifiku l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi d-domanda magħmula f’dan il-każ.

42.      Dawn il-kwistjonijiet ta’ kompetenza u ġurisdizzjoni ġew trattati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’lista twila, u kultant ikkumplikata, ta’ ġurisprudenza li wasslet għas-sentenza reċenti fil-kawża Merck Genéricos (21). Nipproponi li nibda billi nanalizza dik il-ġurisprudenza.

 Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ftehim imħallta

43.      Kif innutaw numru ta’ studjużi, il-ftehim imħallta huma tip ta’ strument leġiżlattiv li huwa partikolarment kontenzjuż fid-dritt Ewropew (22). Inizjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja iffokat fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Fis-sentenza ERTA, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-regola li l-kompetenza esterna ta’ Stat Membru tiġi eliminata malli l-Komunità takkwista kompetenza esterna esklużiva. Il-Komunità tista’ takkwista din il-kompetenza esklużiva permezz ta’ regolamenti interni (23). Il-prinċipju fis-sentenza ERTA jibqa’ l-punt ta’ tluq għal kwalunkwe analiżi ta’ ftehim imħallta (24).

44.      Is-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-ftehim imħallta hija għalhekk limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim imħallat li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità?

45.      Fi stadju bikri fil-ġurisprudenza, bdiet tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq il-validità u l-interpretazzjoni ta’ ftehim imħallta. Fis-sentenza Haegeman, il-Qorti tal-Ġustizzja malajr ikkonkludiet li kellha tali ġurisdizzjoni. Hija kkonkludiet dan fuq il-bażi li kellha ġurisdizzjoni fuq l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji u li ftehim imħallta konklużi taħt dak li llum huwa l-Artikolu 300 KE kienu jidħlu f’dak il-qasam (25).

46.      Inizjalment, il-kwistjoni dwar il-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni ma ġietx indirizzata b’mod dirett (26). Sussegwentement, fis-sentenza Demirel (27) il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat jekk hija kellhiex ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija. Hija ddeċidiet li fil-fatt kellha ġurisdizzjoni peress li l-impenji dwar il-moviment liberu li kienu ineżami hemmhekk kienu jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Komunità (28). Għal xi żmien wara dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet pożizzjoni wiesgħa fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha biex tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet (29).

47.      Madankollu, fl-1996, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja nbidlet permezz tal-kawża Hermès (30), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs. F’dawk il-proċeduri, li kienu jirrigwardaw il-punt jekk miżura temporanja nazzjonali kinitx “miżura provviżorja” fis-sens tal-Artikolu 50 tat-TRIPs, il-Qorti tal-Ġustizzja rat il-ġurisdizzjoni tagħha tiġi kkontestata fuq il-bażi li ma kien hemm ebda deċiżjoni min-naħa tal-Komunità biex teżerċita ġurisdizzjoni mhux esklużiva fil-kuntest ta’ ftehim imħallat (31).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-artikolu inkwistjoni minħabba li r-Regolament (KE) Nru 40/94 (32), li kien relatat ma’ (u affettwat minn) l-Artikolu 50 tat-TRIPs, kien diġà daħal fis-seħħ meta ġie ffirmat il-ftehim. Peress li s-sitwazzjoni kienet taqa’ fid-dritt nazzjonali u f’dak Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ġurisdizzjoni primarjament abbażi tal-fatt li kien hemm bżonn li tipprevjeni diverġenzi fl-interpretazzjoni futuri li tqajmu kieku l-materja tħalliet f’idejn il-qrati nazzjonali (33). Biex waslet għal din il-konklużjoni l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod speċifiku fuq is-sentenzi Giloy (34) u Leur‑Bloem (35) (iż-żewġ każijiet kienu jinvolvu l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u dak nazzjonali mingħajr il-kumplikazzjoni żejda ta’ kompetenza kondiviża taħt ftehim imħallat).

49.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dan l-approċċ sentejn wara fis-sentenza Dior (36), li kien każ ieħor li jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tat-TRIPs. F’dik is-sentenza, hija estendiet il-ġurisdizzjoni tagħha biex tinterpreta l-Artikolu 50 għal drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali, iżda għall-iskopijiet preżenti, l-iżvilupp l-iktar interessanti qiegħed fil-punt 49 tas-sentenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn trade marks u disinn industrijali minħabba li l-Komunità kienet adottat leġiżlazzjoni fil-qasam tat-trade marks iżda mhux fil-qasam tad-disinni. Għaldaqstant, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li d-dispożizzjonijiet tat-TRIPs dwar it-trade marks ma kellhomx effett dirett (għalkemm il-qrati nazzjonali kellhom l-obbligu li jagħtu interpretazzjoni konsistenti), hija ddeċidiet li fir-rigward tad-disinni industrijali, id-dritt Komunitarju la jeħtieġ u lanqas jimpedixxi l-effett dirett (37).

50.      Is-sentenzi Hermès u Dior ħallew numru sostanzjali ta’ mistoqsijiet mingħajr tweġiba. Ir-rabta bejn il-kompetenza u l-ġurisdizzjoni, pereżempju, ma ġietx iċċarata wisq b’dawk il-każijiet; lanqas ma ġiet iċċarata l-għażla, li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, tar-raġunijiet għall-portata ta’ ġurisdizzjoni li hija identifikat li għandha f’dan il-kamp (38).

51.      Il-ħtieġa li tiġi ċċarata l-kwistjoni sfortunatament ma kinitx megħjuna mis-sentenza Schieving-Nijstad, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn il-ġurisdizzjoni biex tinterpreta dispożizzjoni u l-awtorità biex tistabbilixxi r-regoli proċedurali dwar l-azzjonijiet biex tinforza dik id-dispożizzjoni (39). Is-sentenzi Étang de Berre u Mox Plant (40), mogħtija fil-kuntest ta’ azzjonijiet diretti taħt l-Artikolu 226 KE iktar milli fil-kuntest ta’ rinviju taħt l-Artikolu 234 KE, taffiet l-analiżi li saret preċedentement. F’dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, fejn qalet biss li l-ftehim imħallta għandhom l-istess status bħall-ftehim purament Komunitarji, f’dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità (41).

52.      Qabel is-sentenza Merck Genéricos (42), kien sar diffiċli li jiġi identifikat fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ ftehim imħallat. Din id-diffikultà hija riflessa f’xi ftit mis-sottommissjonijiet f’dan il-każ, b’mod partikolari dawk tal-Gvern Finlandiż u Svediż, li ttrattaw il-kwistjoni tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti mill-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-interpretazzjoni sostantiva tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

53.      Fid-dawl ta’ dan, is-sentenza awtoritattiva Merck Genéricos kienet tirrappreżenta żiffa arja friska. Il-kawża nnifisha kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33 tat-TRIPs; iżda qajmet l-istess kwistjonijiet li għandha quddiemha il-Qorti tal-Ġustizzja: liema qorti qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi jekk dispożizzjoni partikolari ta’ ftehim imħallat għandhiex jew jistax ikollha effett dirett?

54.      Il-Qorti ddeċidiet b’mod ferm li l-ġurisdizzjoni biex dispożizzjoni tingħata effett dirett kienet tiddependi fuq jekk dik id-dispożizzjoni taqax f’qasam li fuqu teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja. Jekk dan ikun il-każ, ikun japplika d-dritt Komunitarju (kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja); jekk le, is-sistema legali tal-Istati Membri la hija meħtieġa u lanqas ipprojbita milli tagħti lill-individwi d-dritt li jibbażaw ruħhom direttament fuq ir-regola inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżami tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri jeħtieġ risposta uniformi f’livell Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija fil-pożizzjoni li tagħti din u, konsegwentement, hija għandha l-ġurisdizzjoni li tagħmel dan l-eżami (43).

55.      Minkejja r-raġunament pjuttost konċiż, jidhirli li fis-sentenza Merck Genéricos il-Qorti tal-Ġustizzja solviet problema diffiċli b’mod dirett u pprovdiet tweġiba ċara għall-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tindika liema qorti hija fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi jekk dispożizzjoni partikolari għandhiex effett dirett. Hija ddeċidiet li hija stess għandha l-imsemmija pożizzjoni.

56.      Umilment naqbel mal-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Merck Genéricos. Is-sentenza inkwistjoni għandha l-vantaġġ li tieħu approċċ prattiku ħafna għal kwistjoni li tqum spiss f’kuntest politikament sensittiv. Bħalma enfasizzaw ċerti kummentaturi akkademiċi, il-ftehim imħallat innifsu huwa prodott ta’ forzi pragmatiċi – mezz kif jissolvew il-problemi li jqumu minħabba l-bżonn ta’ ftehim internazzjonali f’sistema b’diversi saffi (44).

57.      L-analiżi li ser nagħmel tirrifletti mill-qrib is-sentenza Merck Genéricos. Ser inżid biss ċerti dettalji meta u fejn inħoss li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-ġurisdizzjoni biex jiġi interpretat ftehim imħallat

58.      L-Artikolu 300(7) KE jipprovdi li l-ftehim li jsiru taħt il-kundizzjonijiet tiegħu għandhom jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri. Il-Konvenzjoni ta’ Århus hija proprju eżempju tal-ftehim imsemmi. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni issa jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja (45). Ftehim imħallta konklużi mill-Komunità, mill-Istati Membri tagħha u minn pajjiżi terzi għandhom l-istess status fis-sistema legali Komunitarja bħall-ftehim purament Komunitarji, f’dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità (46).

59.      L-istess bħal dan il-każ, is-sentenza Merck Genéricos kienet tirrigwarda ftehim imħallat fejn ma kien hemm ebda allokazzjoni, bejn il-Komunità u l-Istati Membri, tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom lejn il-partijiet kontraenti l-oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni – u kellha wkoll l-aħjar pożizzjoni – biex teżamina t-tqassim tal-kompetenza bejn il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u biex tiddefinixxi l-obbligi li l-Komunità kienet assumiet biha (47).

60.      Jien naqbel ma’ dik il-pożizzjoni. Jidhirli li huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja hija l-unika korp li għandha l-kapaċità li tagħmel tali evalwazzjoni (48). Li l-Qorti tal-Ġustizzja ma titħalliex tieħu saħansitra l-pass preliminari biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni b’mod globali, bil-għan li l-kontraenti kollha fil-ftehim imħallat ikunu jafu r-responsabiltajiet tagħhom u x’setgħat sostantivi ta’ interpretazzjoni għandhom, tidher bħala pożizzjoni li ma tistax tkun korretta. Tali approċċ mhux talli jkun qiegħed jitratta l-impossibbli iżda joħloq ukoll kontroversji.

61.      Barra minn hekk, kieku kien mod ieħor dan iwassal għal tfarrik fl-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni stess. Dan, min-naħa tiegħu, iżid l-inċertezza legali għall-Komunità, għall-Istati Membri, għall-Istati terzi u għal dawk li potenzjalment ikunu involuti f’kawża. Iktar minn hekk, hemm possibbiltà kbira li din it-triq twassal għal akkużi li l-Komunità ma qdietx ir-rwol tagħha bħala parti kontraenti.

62.      Għal dawn ir-raġunijiet, jidher li huwa raġonevoli li jiġu applikati l-analiżi li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Merck Genéricos: li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, tal-inqas, ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi liema qorti – hija stess jew il-qorti kompetenti ta’ Stat Membru – qiegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi jekk dispożizzjoni partikolari għandhiex effett dirett.

 Liema qorti qegħda fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus għandhux effett dirett?

63.      It-test użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Merck Genéricos biex twieġeb din il-mistoqsija (49) huwa dak dwar jekk il-Komunità adottatx leġiżlazzjoni f’dak il-qasam partikolari li taħtu taqa’ d-dispożizzjoni inkwistjoni.

64.      Dak it-test jirrifletti d-distinzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ERTA (50), fejn qalet li l-fatt jekk dispożizzjoni partikolari taqax fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità jiddependi fuq ikunux ġew adottati biżżejjed regoli interni komprensivi f’dak il-qasam. Dan iżomm ukoll wieħed mill-aspetti pożittivi tas-sentenza Hermès, jiġifieri l-prevenzjoni ta’ differenzi futuri fl-interpretazzjoni f’każijiet fejn ikun affettwat id-dritt Komunitarju u fejn konsegwentement jeħtieġ li jkun hemm uniformità.

65.      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus huwa dispożizzjoni li taqa’ f’qasam li fih il-Komunità adottat leġiżlazzjoni?

66.      Hawnhekk, tirriżulta ċara waħda mill-problemi tas-sentenza Merck Genéricos. Din is-sentenza ma fiha ebda gwida dwar kemm il-Komunità trid tkun eżerċitat is-setgħat tagħha biex dan jitqies “importanti biżżejjed” biex iwassal għall-konklużjoni li l-Komunità adottat leġiżlazzjoni f’“qasam” partikolari.

 Jista’ jsir użu minn leġiżlazzjoni “downstream”?

67.      B’leġiżlazzjoni “downstream” irrid infisser leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-suġġett ta’ deċiżjoni amministrattiva (pereżempju, l-ispeċi protetta inkwistjoni) iktar milli li tirregola direttament l-aċċess għall-ġustizzja fil-konfront tad-deċiżjoni nnifisha. Ma hemmx dubju li l-qorti tkun tixtieq tieħu inkunsiderazzjoni dik il-leġiżlazzjoni meta tasal għad-deċiżjoni tagħha iżda din tqajjem il-mistoqsija: l-eżistenza ta’ tali leġiżlazzjoni għandha wkoll effett fuq l-aċċess għall-ġustizzja taħt il-Konvenzjoni ta’ Århus?

68.      L-appell li jinsab pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju jikkonċerna l-ors kannella. Għaldaqstant tqajmet il-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-ors kannella huwa imniżżel fil-lista ta’ speċi protetti mid-Direttiva Habitats huwiex rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jaqax f’qasam li jidħol fil-kamp tad-dritt Komunitarju.

69.      Fil-fehma tiegħi dan ma huwiex il-każ.

70.      Kieku kellha tittieħed inkunsiderazzjoni din il-leġiżlazzjoni “downstream”, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) titfarrak. Hija tkun tiddependi fuq il-fatti preċiżi tal-każ quddiem il-qorti li tkun qegħda tinterpretaha. Pereżempju, f’dan il-każ, il-fatt jekk hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Århus ikun jiddependi fuq jekk l-ispeċi li għaliha jintalab permess tal-kaċċa tkunx imsemmija f’lista partikolari tad-Direttiva Habitats. Dan ikun wisq fortuwitu u arbitrarju biex jifforma bażi sodisfaċenti biex tiġi stabbilita l-kompetenza.

71.      Naturalment, il-fatt li jkun hemm ħafna leġiżlazzjoni “downstream” jista’ jillimita d-diskrezzjoni tal-qorti nazzjonali f’xi każ partikolari, irrispettivament mill-impatt tal-Artikolu 9(3). Għaldaqstant, f’dawn il-proċeduri, jista’ jsir użu xieraq mid-Direttiva Habitats li telenka l-ors kannella bħala speċi protetta (51). Din id-direttiva ma għandha ebda rilevanza diretta għad-domandi magħmula lil din il-Qorti u ma għandha ebda effett fuq jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jistax jingħata effett dirett. Madankollu, ir-Repubblika Slovakka għandha d-dmir li tiżgura li d-Direttiva Habitats tiġi implementata b’mod effettiv (52).

 Id-definizzjoni ta’ “qasam”

72.      Il-qasam li fih trid tkun teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja kemm għandu jiġi definit b’mod strett? Hemm numru ta’ possibbiltajiet – ivarja mill-kunċett astratt wiesa’ (“leġiżlazzjoni li taffettwa l-ambjent”) (53), għal definizzjoni li taqbel mas-suġġett tal-Konvenzjoni ta’ Århus jew parti minnha (“aċċess għall-informazzjoni, parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali) (54), għall-punt dwar jekk is-suġġett preċiż tad-dispożizzjoni partikolari inkwistjoni ġiex kopert b’miżura leġiżlattiva li tinkorpora dik id-dispożizzjoni fid-dritt tal-UE.

73.      It-tqassim tal-kompetenzi fi ftehim imħallat jittaffa mill-pragmatiżmu u huwa suġġett għall-evoluzzjoni. Xi kultant il-ftehim imħallta huma kompromessi leġiżlattivi li jseħħu minħabba l-ħtieġa politika li jiġi konkluż ftehim. Għaldaqstant, jidher loġiku li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddefinixxi l-“qasam” li jirrigwarda l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari b’mod pragmatiku, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-konvenzjoni internazzjonali nnifisha kif ukoll il-fatt jekk ġietx adottata liġi tal-UE li tinkorpora d-dispożizzjoni speċifika inkwistjoni fir-rigward tal-Istati Membri.

74.      L-Artikolu 9(3) jimponi sett ta’ obbligi partikolari u distinti fuq il-partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Għalkemm l-artikolu jidħol fil-qasam wiesa’ tal-“leġiżlazzjoni ambjentali” (li kien is-suġġett ta’ serje ta’ inizjattivi leġiżlattivi f’livell Komunitarju), l-obbligi li huwa jistabbilixxi huma suffiċjentement differenti mill-obbligi stabbiliti fil-partijiet l-oħra tal-Artikolu 9 (kif enfasizza l-Kunsill fid-Dikjarazzjoni) biex jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina jekk il-Komunità adottatx leġiżlazzjoni fil-qasam partikolari kopert bl‑Artikolu 9(3).

 Il-Komunità adottat leġiżlazzjoni fil-qasam kopert bl-Artikolu 9(3)?

75.      Kif jinnotaw il-Gvern Pollakk u Finlandiż, s’issa, il-Komunità għadha ma adottatx leġiżlazzjoni fil-qasam speċifiku li fih jaqa’ l‑Artikolu 9(3).

76.      Għalkemm id-Direttivi 2003/34 u 2003/35 jkopru l-Artikolu 9(1) u (2), id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) għadhom ma sarux parti mid-dritt tal-UE (55). L-unika traspożizzjoni tal-Artikolu 9(3) li seħħet tirrigwarda l-istituzzjonijiet tal-UE stess, permezz tar-Regolament Nru 1367/2006. Fil-fehma tiegħi, hawnhekk jista’ japplika varjant tal-prinċipju tal-common law inclusio unius est exclusio alterius. Għaldaqstant, il-preżenza ta’ regolament li japplika l-Artikolu 9(3) għall-istituzzjonijiet isservi biss biex tenfasizza l-fatt li ma hemm ebda miżura tal-UE li tinkorpora l-obbligi ekwivalenti fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri (56). Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tagħti effett lill-Artikolu 9(3) fir-rigward tal-obbligi tal-Istati Membri ma ntlaqatx tajjeb. L-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 9(3) għad iridu jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali permezz tad-dritt tal-UE.

77.      Jidhirli li l-proposta għal direttiva biex jiġi implementat l-Artikolu 9(3), li ma għamlitx iktar progress, hija partikolarment sinjifikattiva. Ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinjora l-assenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti u talloka lilha nnifisha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar jekk l-Artikolu 9(3) għandux effett dirett jew le. Jekk tagħmel hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tieħu post il-leġiżlatur. Iżda, s’issa, il-leġiżlatur intenzjonalment għażel li ma jaġixxix.

78.      Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni tindika li l-Komunità qieset li “l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni billi jirrigwardaw proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jiġu kkontestati atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi minbarra l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea” kienu jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri; u li l-Istati Membri kienu u jibqgħu responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi sakemm u sa meta l-Komunità tieħu azzjoni. Il-fatt li dan għadha ma għamlitux jidhirli li huwa ta’ importanza fundamentali (57).

79.      Għal dak li jirrigwarda l-obbligi ċentrali inkwistjoni f’dan il-każ, nikkonkludi li l-Artikolu 9(3) ma jaqax f’qasam li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

80.      Għaldaqstant, huma l-qrati nazzjonali fl-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu jekk l-Artikolu 9(3) għandhux jinftiehem li għandu effett dirett f’sistema legali ta’ Stat Membru partikolari. Id-dritt tal-UE la jeżiġi u lanqas jipprekludi din l-interpretazzjoni. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali hija libera li tati lil dik id-dispożizzjoni effett dirett, suġġett għall-kundizzjonijiet ipprovduti mid-dritt nazzjonali; iżda ma teħtieġx mid-dritt tal-UE biex tagħmel dan. Pjuttost, sa fejn l‑Artikolu 9(3) jimponi obbligi fuq Stat Membru, il-fatt li l-Istat Membru josserva dawk l-obbligi huwa kwistjoni tad-dritt internazzjonali.

 Konklużjoni

81.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu jekk l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus għandhux effett dirett fis-sistema legali tagħhom f’ċirkustanzi li fihom l-Unjoni Ewropea aderixxiet mat-trattat internazzjonali, fis-17 ta’ Frar 2005, iżda li sal-lum għadha ma adottatx leġiżlazzjoni biex tinkorpora dik id-dispożizzjoni speċifika tat-trattat ikkonċernat fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-obbligi li hija timponi fuq l-Istati Membri (għad-differenza tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea).

82.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel domanda, jeħtieġ li jiġu ttrattati id-domandi 2 u 3.

 It-tieni domanda

83.      L-Artikolu 9(3) għandu effett dirett?

84.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li għandha tagħti risposta għal din id-domanda, nipproponi li tiddeċiedi li l-Artikolu 9(3) ma għandux effett dirett.

85.      L-effett dirett (jew in-nuqqas tiegħu) ta’ dispożizzjoni fi ftehim internazzjonali li torbot lill-UE jista’ jiġi stabbilit mill-partijiet kontraenti fil-ftehim innifsu. Diversament, huma l-qrati ta’ dawk il-partijiet li għandhom jevalwaw jekk id-dispożizzjoni għandhiex effett dirett. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Komunità ma’ pajjiżi terzi għandha titqies li għandha effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u n-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u speċifiku li ma huwiex suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għal intervent ta’ ebda att ulterjuri (58).

86.      L-Artikolu 9(3) jipprovdi li “flimkien ma’, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, kull parti għandha tiżgura li, meta jkunu sodisfatti l-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali, jekk ikun hemm tali kriterji, il-membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji biex jikkontestaw atti u ommissjonijiet ta’ individwi privati jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiksru xi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent”.

87.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 9(3) ma fihx obbligi li huma preċiżi u ċari biżżejjed biex jirregolaw direttament il-pożizzjoni legali tal-individwi, mingħajr kjarifika jew preċiżazzjoni oħra.

88.      LZ hija korretta meta tgħid li bis-saħħa tal-Artikolu 9(3) il-membri tal-pubbliku huma intitolati li jkollhom aċċess għall-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. Madankollu, huma jkollhom dan id-dritt biss jekk jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fid-dritt nazzjonali (59). La l‑Artikolu 9(3) stess u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Århus ma jipprovdu gwida dwar x’jistgħu jew x’għandhom ikunu dawk il-kriterji. Pjuttost, kif ġustament isostni l-Gvern Ġermaniż, ix-xogħol preparatorju marbut mal-Konvenzjoni ta’ Århus jissuġġerixxi li min abbozzaha ried li d-definizzjoni titħalla f’idejn l-Istati kontraenti (60).

89.      Fin-nuqqas ta’ dawn il-limitazzjonijiet espressi, il-portata potenzjali tal-Artikolu 9(3) tkun wiesgħa ħafna. Jekk jingħata effett dirett lill-Artikolu 9(3), u b’hekk tiġi evitata l-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kriterji li jiskattaw l-applikazzjoni tiegħu, dan jammonta għall-ħolqien ta’ actio popularis b’deċiżjoni ġudizzjarja minflok b’azzjoni leġiżlattiva. Il-fatt li l-proposta għal direttiva għadha ma hijiex adottata jindika li, f’dan il-kuntest partikolari, dan il-pass ma jkunx xieraq.

90.      Fis-seduta, LZ argumentat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li l-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kriterji ma tipprekludix neċessarjament l-effett dirett. Madankollu, is-sentenzi li bbażat ruħha fuqhom – partikolarment Deutscher Handballbund (61) u Simutenkov (62) – jistgħu jiġu distinti minħabba li l-kriterji li kellhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri inkwistjoni f’dawk il-każijiet kienu kriterji proċedurali pjuttost limitati, iktar milli kriterji sostantivi ta’ portata wiesgħa.

91.      Fl-aħħar nett, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, il-fatt li l‑Artikolu 9(3) jingħata effett dirett biex (fin-nuqqas ta’ kriterji li jistabbilixxu mod ieħor) ikun jista’ jiġi invokat minn kwalunkwe membru tal-pubbliku, jiġġenera inċertezza legali sostanzjali għal dawk l-entitajiet li l-atti jew l-ommissjonijiet tagħhom jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. Dawn l-entitajiet jistgħu jkunu individwi privati kif ukoll awtoritajiet pubbliċi. Fil-fehma tiegħi, din hija raġuni oħra għaliex l-Artikolu 9(3) għandu jitqies li ma għandux effett dirett.

92.      Sempliċement inżid ngħid li, il-fatt li dispożizzjoni partikolari fi ftehim internazzjonali ma jkollhiex effett dirett ma jfissirx li l-qrati nazzjonali ta’ parti kontraenti ma għandhom ebda obbligu biex jieħduha inkunsiderazzjoni (63).

93.      Għaldaqstant, nipproponi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li għandha tagħti risposta għat-tieni domanda magħmula, hija tiddeċiedi li l-Artikolu 9(3) ma għandux effett dirett bħala dritt tal-UE.

 It-tielet domanda

94.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “att ta’ awtorità pubblika” fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus jinkludix deċiżjoni meħuda minn korp amministrattiv.

95.      Huwa ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpreta l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus fir-rigward tal-obbligi li dan l-artikolu jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-UE, bis-saħħa tar-Regolament Nru 1367/2006. Sa fejn huwa mixtieq li – skont ir-raġunament fis-sentenzi Dzodzi (64) u Leur Bloem (65) – meta tapplika din id-dispożizzjoni fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, qorti nazzjonali tkun taf xi jfissru ċerti termini fundamentali fil-kuntest tad-dritt tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf tkun tixtieq tagħti risposta għat-tielet domanda magħmula.

96.      Id-diffikultà f’dan il-każ tidher li toħroġ minn dettall lingwistiku fit-test Slovakk tal-Konvenzjoni ta’ Århus. Il-kelma “akt” – li hija t-terminu użat normalment biex jindika azzjoni amministrattiva fid-dritt Slovakk – hija użata fl-Artikolu 6 u mbagħad fl-Artikolu 9, iżda ma hijiex użata fl-Artikolu 9(3). Minflok f’dan tal-aħħar intużat il-kelma “ukon”. Għaldaqstant, il-Qorti Suprema Slovakka ħadet il-pożizzjoni li l-kliem “atti u ommissjonijiet” fl-Artikolu 9(3) għandhom jitqiesu li ma jinkludux deċiżjonijiet individwali ta’ awtoritajiet amministrattivi.

97.      Madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn jagħtu x’jinftiehem li “akt” hija sempliċiment deskrizzjoni ġenerali tal-azzjonijiet pożittivi li korp amministrattiv jista’ jieħu, u sservi bħala kuntrast mal-“opomenutí” (ommissjonijiet), li tinkludi dak kollu li tali korp suppost kellu jagħmel iżda li ma għamilx (66).

98.      Il-fatt li l-Artikolu 9(3) għandu kliem differenti mill-Artikolu 9(2) (li jitkellem fuq “xi deċiżjoni, att jew ommissjoni”) ma naħsibx li jfisser li jrid jinftiehem bilfors li jeskludi deċiżjonijiet formali jew, fil-fatt, li jeskludi l-atti jew l-ommissjonijiet speċifikati fl-Artikolu 9(2). Kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur, jidhirli li kien iktar probabbli li kienet tintuża l-frażi “li ma humiex dawk tal-Artikolu 9(2)”.

99.      L-interpretazzjoni ta’ “atti” fl-Artikolu 9(3) bħala li tinkludi deċiżjonijiet hija kkorroborata bil-kliem “mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2”. L-Artikolu 9(3) hija dispożizzjoni addizzjonali. Ma għandhiex tinftiehem b’mod restrittiv li artifiċjalment teskludi mill-portata tagħha deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ proċeduri taħt l-Artikolu 9(1) jew 9(2).

100. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 9(3) għandu jiġi interpretat li jinkludi, fil-kunċett ta’ “att ta’ awtorità pubblika”, att li jikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni. Id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal stħarriġ ġudizzjarju, fil-limiti permessi mill-Artikolu 9(3), għandu jinkludi d-dritt li deċiżjoni ta’ korp amministrattiv, li allegatament tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru dwar l-ambjent, tkun tista’ tiġi kkontestata.

 Konklużjoni

101. Għaldaqstant nipproponi li b’risposta għad-domandi magħmula min-Najvyšší súd Slovenskej republiky, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

(1)      Id-domandi magħmula huma inammissibbli ħlief għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus.

(2)      Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu jekk l‑Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus għandhux effett dirett fis-sistema legali tagħhom f’ċirkustanzi li fihom l-Unjoni Ewropea aderixxiet mat-trattat internazzjonali, fis-17 ta’ Frar 2005, iżda li sal‑lum għadha ma adottatx leġiżlazzjoni biex tinkorpora dik id-dispożizzjoni speċifika tat-trattat ikkonċernat fid-dritt tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-obbligi li hija timponi fuq l-Istati Membri.

(3)      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, fil-kunċett ta’ “att ta’ awtorità pubblika”, att li jikkonsisti fit-teħid ta’ deċiżjoni. Id-dritt ta’ aċċess pubbliku għal stħarriġ ġudizzjarju, fil-limiti permessi mill-Artikolu 9(3), għandu jinkludi d-dritt li deċiżjoni ta’ korp amministrattiv, li allegatament tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru dwar l-ambjent, tkun tista’ tiġi kkontestata.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tal-fehma li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq l-effett dirett tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Århus:

(4)      L-Artikolu 9(3) ma għandux effett dirett bħala dritt tal-UE.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Il-Konvenzjoni ta’ Århus ġiet konkluża fil-25 ta’ Ġunju 1998 u daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Ottubru 2001. Fit-22 ta’ Novembru 2009, kien hemm 44 parti fil-Konvenzjoni ta’ Århus, inkluża r-Repubblika Slovakka (li aderixxiet mal-Konvenzjoni fil-5 ta’ Diċembru 2005) u l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-‘UE’) (li aderixxiet fis-17 ta’ Frar 2005).


3 – Artikolu 17 jiddefinixxi l-“organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika” bħala organizzazzjonijiet “kkostitwiti minn Stati sovrani membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa li l-Istati Membri tagħha jkunu ttrasferewlha l-kompetenza fuq materji rregolati minn din il-konvenzjoni, inkluża l-kompetenza li tidħol fi trattati fir-rigward tal-istess materji” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Unjoni Ewropea hija inkluża impliċitament f’din id-definizzjoni.


4 – Peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet u l-fatti seħħew qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, ser nirreferi għal-liġi u l-istruttura tal-UE kif kienu jeżistu qabel dak il-mument. Madankollu, peress li l-kwistjonijiet imqajma f’dan il-każ huma ta’ importanza dejjiema, kien hemm każijiet, meta kien xieraq, fejn irreferejt ukoll għal-liġi tal-Unjoni Ewropea kif inhi llum, bħala d-“dritt tal-UE”.


5 – Li sar l-Artikolu 191 TFUE.


6 – Li sar l-Artikolu 192 TFUE.


7 – Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 300 ġew issostitwiti bl-Artikolu 218 TFUE.


8 – Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).


9 –      Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337” jew id-“Direttiva IEA”).


10 –      Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p 80, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/61” jew id-“Direttiva PKIT”).


11 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370”). It-test tal-Konvenzjoni ta’ Århus jinsab imbagħad riprodott fil-p. 4 et seq. ta’ din il-ħarġa tal-Ġurnal Uffiċjali.


12 – Iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni”.


13 – Regolament (KE) Nru 1367/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).


14 – COM (2003) 624 finali.


15 – Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Habitats”).


16 – Il-kategorija ta’ “deċiżjoni, att jew ommissjoni” li tista’ tiġi kkontestata tista’ tiġi estiża mid-dritt nazzjonali.


17 – Għal eżempju reċenti, ara s-sentenza, tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak (C‑314/08, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18 – Wieħed jista’ jistaqsi jekk il-proċeduri mibdija minn LZ jaqgħux fil-kamp tal-Artikolu 6 [u għalhekk l-Artikolu 9(2)] tal-Konvenzjoni ta’ Århus. L-istess proċeduri huma dwar deċiżjoni li tidderoga mill-kundizzjonijiet protettivi mogħtija lill-ors kannella bħala speċi. Anki kieku kienu jikkonċernaw deċiżjoni li potenzjalment taffettwa lill-habitat tal-ors kannella, tali deċiżjoni ma jidhirlix li taqa’ taħt l-Anness I tad-Direttiva IEA. Lanqas ma jidher li d-Direttiva Habitats fiha xi dispożizzjonijiet dwar l-effetti sinjifikattivi li ċerti proġetti jista’ jkollhom fuq l-ambjent. Madankollu, din hija kollha kwistjoni li trid tiġi analizzata mill-qorti nazzjonali.


19 – It-terminu “effett dirett” tfisser li individwu jista’ jinvoka dispożizzjoni quddiem il-qorti nazzjonali, filwaqt li l-“applikabbiltà diretta” tfisser li ftehim ikun self‑executing mingħajr ma teħtieġ ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew nazzjonali biex timplementah.


20 – Ara l-punt 85 hawn isfel.


21 – Kawża C‑431/05, Ġabra p. I‑7001 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Merck”). L-Avukat Ġenerali Ruíz-Jarabo Colomer, fil-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, għamel espożizzjoni dettaljata tal-ġurisprudenza rilevanti. Madankollu, peress li f’dawn il-proċeduri reġgħet inqalgħet din il-kwistjoni, jiena ser nerġa’ nanalizza l-ġurisprudenza li huwa ddiskuta.


22 – Għal stampa ġenerali, ara l-kapitolu introduttiv f’J. Heliskoski, Mixed Agreements as a Technique for Organizing the International Relations of the European Community and its Member States, (Kluwer Law International, Den Haag, 2001).


23 – Kawża 22/70, Ġabra p. 263, punti 17 sa 19 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ERTA”).


24 – Ara pereżempju, id-Deċiżjoni 1/78 tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Novembru 1978, dwar l-Abbozz tal-Konvenzjoni tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika fuq il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjali, Faċilitajiet u Trasport Nukleari (Ġabra p. 2151, punti 31 sa 35), kif ukoll, sussegwentement, l-Opinjoni 1/94 tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Novembru 1994, (Ġabra p. I‑5267, punt 77). Il-prinċipju stabbilit fis-sentenza ERTA jinsab riprodott ukoll fil-Protokoll 25 tat-Trattat ta’ Lisbona, li jelabora fuq l-Artikolu 2(2) TFUE fir-rigward tal-kompetenza kondiviża.


25 – Kawża 181/73, (Ġabra p. 449, punti 4 sa 6).


26 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1977, Razanatsimba (65/77, Ġabra p. 2229).


27 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987 (12/86, Ġabra p. 3719, iktar ’il quddiem is-“sentenza Demirel”).


28 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punti 6 sa 12. Madankollu, kif innota Eeckhout fis-sentenza Demirel, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li ma qamx il-punt dwar jekk hija kellhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta dispożizzjoni li fiha obbligu għall-Istat Membru biss. Minflok, hija sempliċement ikkonfermat li kien hemm rabta bejn il-kompetenza u l-ġurisdizzjoni tal-Komunità (External Relations of the European Union, Oxford University Press, 2004, p. 236).


29 – Dik id-deċiżjoni serviet ta’ bażi għal numru kbir ta’ ġurisprudenza dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, mis-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, Ġabra p. I-3461) u tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C‑237/91, Ġabra p. I‑6781) et seq.


30 –      Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès International (C-53/96, Ġabra p.  I‑3603, iktar ’il quddiem is-“sentenza Hermès”).


31 – Fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Merck Genéricos, l-Avukat Ġenerali Ruíz-Jarabo Colomer irrepeta l-kumment ta’ Eeckhout (iċċitat iktar ’il fuq, p. 237) li s-sentenza Hermès uriet il-punti dgħajfa ta’ meta wieħed juża l-kompetenza tal-Komunità bħala kriterju għall-ġurisdizzjoni: li l-ġurisdizzjoni hija vittma tal-kumplessità tal-kompetenza. Jien ukoll naqbel ma’ din l-evalwazzjoni.


32 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).


33 – Punti 22 u 23 tas-sentenza. Din is-silta ġiet interpretata b’mod wiesa’, bħala li tagħti ġurisdizzjoni għall-interpretazzjoni fl-oqsma ta’ kompetenza konġunta bejn il-Komunità u l-Istat Membru, minn kummentaturi bħalma huma Dashwood [ara, pereżempju, Preliminary Rulings on the Interpretation of Mixed Agreements f’O’Keeffe, u Bavasso (eds) Judicial Review in European Union Law: Liber Amicorum in Honour of Lord Slynn of Hadley (Kluwer Law International, Den Haag, 2000, p. 173)]. Madankollu, Heliskoski jikkritika din l-interpretazzjoni wiesgħa f’Mixed Agreements as a Technique for Organizing the International Relations of the European Community and its Member States, (iċċitat iktar ’il fuq, p. 59 sa 60). Is-sentenza Merck Genéricos tidher li ttemm l-interpretazzjoni wiesgħa għalkemm l-idea ta’ prevenzjoni ta’ diverġenzi futuri fl-interpretazzjoni tibqa’ raġuni valida biex tiġi kkonfermata s-sentenza f’dik il-kawża.


34 – C-130/95, Ġabra p. I‑4291.


35 – C-28/95, Ġabra p.  I‑4161 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Leur‑Bloem”).


36 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, C-300/98 u C-392/98, Ġabra p.  I‑11307 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Dior”).


37 – Dan l-approċċ ġie kkritikat mill-Avukat Ġenerali Jacobs minħabba li mhux ċar fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża, tat-13 ta’ Settembu 2001, Schieving-Nijstad et (C-89/99, Ġabra p. I‑5851). Eeckhout jaqbel ma’ din il-kritika u jistaqsi “kemm fil-fatt it-taħwid preżenti [2004] bejn il-ġurisdizzjoni u l-effett legali jikkontribwixxi għall-implementazzjoni u applikazzjoni effettiva u possibbli tad-dritt tal-WTO f’livell ġudizzjarju” [traduzzjoni libera] (iċċitat iktar ’il fuq, p. 243).


38 – Eeckhout joffri erba’ raġunijiet differenti possibbli għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: il-portata tal-obbligi tal-Komunità; ir-relazzjoni mad-dritt Komunitarju armonizzat; l-approċċ lejn ir-rinviji mill-qorti nazzjonali u d-dmir ta’ kooperazzjoni. Wara s-sentenza Dior kien hemm xewqa għal raġunijiet iktar ċari minn diversi oqsma: ara, pereżempju, P. Koutrakos, The Interpretation of Mixed Agreements under the Preliminary Reference Procedure (2002) 7 EFA, p. 25 u J. Heliskoski, The Jurisdiction of the European Court to Give Preliminary Rulings on the Interpretation of Mixed Agreements (2000) 69 Nordic Journal of International Law, p. 395.


39 – Punti 30 sa 38 tas-sentenza. Eeckhout jikkritika din id-distinzjoni b’mod partikolari, fejn isostni li din tal-aħħar hija kwistjoni tal-effett legali ta’ dispożizzjoni u li l-interpretazzjoni tal-effett legali ta’ dispożizzjoni hija parti integrali mill-interpretazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.


40 – Sentenza, tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-239/03, Ġabra p. I‑9325, iktar ’il quddiem is-“sentenza Étang de Berre”) u, tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-459/03, Ġabra p. I‑4635, iktar ’il quddiem is-“sentenza Mox Plant”) rispettivament.


41 – Sentenza Étang de Berre, punt 25. Il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat fil-qosor il-kwistjoni dwar id-definizzjoni tal-portata tal-kompetenza tal-Komunità, fejn iddeċidiet li l-assenza ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw il-problema ambjentali speċifika f’xi qasam partikolari (il-protezzjoni ambjentali) li kienet, b’mod ġenerali, koperta bil-leġiżlazzjoni tal-Komunità ma timminax il-kompetenza tal-Komunità (punti 27 sa 31).


42 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.


43 – Punti 33 sa 38.


44 – Ara, b’mod partikolari, G. De Baere, Constitutional Principles of EU External Relations, Oxford University Press, 2008, p. 264.


45 – Ara s-sentenza Mox Plant (punti 82 u 84 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din hija ġurisprudenza li ilha stabbilita ħafna: ara s-sentenza Demirel (punt 6 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46 – Sentenza Étang de Berre (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din tkopri mhux biss dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità, iżda tkopri wkoll dispożizzjonijiet li jaqgħu f’kompetenza kondiviża. Jista’ jkun utli li wieħed jaħseb li l-Komunità takkwista kompetenza esterna esklużiva meta teżerċita xi setgħa moħbija. L-Avukat Ġenerali Cosmas, fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Dior, għamel id-distinzjoni bejn kompetenza tal-Komunità potenzjali u attwali, fejn issuġġerixxa li l-kompetenza potenzjali ssir attwali meta l-Komunità tadotta leġiżlazzjoni f’xi qasam partikolari. Din l-analiżi jagħmilha wkoll Eeckhout (iċċitat iktar ’il fuq, p. 271) u jiena naqbel ukoll li dan huwa mod kif il-problema tingħata forma ta’ kunċett.


47 – Punti 31 sa 33 tas-sentenza.


48 – Fis-sentenza Dior, madankollu, l-Avukat Ġenerali Cosmas argumenta b’saħħa kontra li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata l-ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha ta’ ftehim imħallat; partikolarment minħabba li f’dak il-każ, din tidħol fil-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, u li r-rwol istituzzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jestendix biex din tieħu inizjattiva leġiżlattiva fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara l-punti 42 u 48).


49 – Kif ukoll il-kwistjoni relatata, fir-rigward tad-dispożizzjoni nnifisha, dwar jekk huwiex kontra d-dritt Komunitarju li dispożizzjoni ta’ ftehim imħallat tingħata effett dirett.


50 – Għall-finijiet li jsir tqassim ex post facto tal-kompetenzi fi ftehim imħallat.


51 – Ara l-punt 16 iktar ’il fuq.


52 – Pereżempju, għalkemm id-Direttiva Habitats hija stess ma tagħtix locus standi lil xi parti biex tikkontesta proċedura amministrattiva, il-qorti tar-rinviju tista’ tkun obbligata ex officio li f’każ li jkollha quddiemha tiddeċiedi li d-deċiżjoni sostantiva tmur kontra l-obbligi tar-Repubblika Slovakka taħt id-dritt tal-UE. Alternattivament, hija tista’ tkun obbligata tipprovdi aċċess għall-qorti taħt l-Artikoli 3(1)(b), 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357), jekk il-ħsara lill-ispeċi protetta (l-ors kannella) isseħħ b’“attività tax-xogħol” fis-sens tal-Artikolu 2(7) ta’ din id-direttiva u jekk il-persuni kkonċernati kellhom “interess suffiċjenti” skont id-dritt Slovakk kif provdut fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(1).


53 – Impliċita fis-sentenza Étang de Berre (punt 28), għalkemm, kif ġie nnutat iktar ’il fuq, dik il-kawża kienet tikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.


54 – Dan jidher li kien il-każ fis-sentenza Dior: ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas (punt 32). Madankollu, l-Avukat Ġenerali jidher li fil-punt 33 jipproponi, li t-test għandu jkun jekk il-Komunità “eżerċitatx is-setgħa potenzjali tagħha” f’dak il-qasam. L-Avukat Ġenerali ssuġġerixxa wkoll, li jrid jiġi eżaminat jekk “ġietx affettwata xi dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-artikolu inkwistjoni”.


55 – Il-portata apparentament wiesgħa tas-sentenza Étang de Berre hija distinta minn dan l-aspett. Kif jenfasizza l-Gvern Pollakk, f’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-oġġezzjonijiet għall-ġurisdizzjoni tagħha fuq il-bażi li leġiżlazzjoni ġenerali kienet diġà ġiet adottata – dak li kien nieqes kien leġiżlazzjoni dwar il-problema speċifika li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, l-Artikolu 9(3) huwa dispożizzjoni indipendenti: ma jifformax parti mill-Artikolu 9 [Artikolu 9(2)] li ddaħħal diġà fid-dritt tal-UE.


56 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-1 ta’ Lulju 2008, Região autónoma dos Açores vs Il-Kunsill (T-37/04, Ġabra p.  II‑103, punt 93), li ddeċidiet li l-effett legali tar-Regolament Nru 1367/2006 kien limitat għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.


57 – Dan jiddistingwi ulterjorment il-fatti ta’ dan il-każ minn dawk tas-sentenza Étang de Berre.


58 – Ara pereżempju, is-sentenza, tat-13 ta’ Diċembru 2007, Asda Stores (C‑372/06, Ġabra p. I‑11223, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza Demirel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 14) u s-sentenza, tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra p. I‑4057, punt 39). Formulazzjonijiet xi ftit differenti jistgħu jinstabu fis-sentenza Dior (punt 42) u fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fis-sentenza, tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM j FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑120/06 P, Ġabra p. I‑6513) fejn, fil-punt 26, huwa jikkritika l-użu tat-terminu “effett dirett” bħala kunċett li japplika għal żewġ prinċipji ġuridiċi differenti.


59 – Sentenza, tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C‑438/00, Ġabra p. I‑4135, punt 29, iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutscher Handballbund”).


60 – Ix-xogħol preparatorju jinsab f’ECE/MP.PP/2005/3/Add.3 8  ta’ Ġunju 2005; www.unece.org/env/pp/mop2/mop2.doc.htm. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (itkar ’il quddiem il-“KVLT”) jindika li d-dritt internazzjonali jipprova jagħti effett lit-tifsiriet naturali u ordinarji tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Madankollu, kemm l-Artikolu 32 tal-KVLT kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt internazzjonali jipprovdu għall-possibbiltà li jsir riferiment għax-xogħol preparatorju tat-Trattat biex tistabbilixxi t-tifsira ta’ terminu meta l-interpretazzjoni bbażata fuq it-tifsira ordinarja ta’ dispożizzjoni, fid-dawl tal-għan u l-iskop tagħha, tħalli t-tifsira ta’ dak it-terminu ambigwa u oskura. Ara Sinclair, The Vienna Convention on the Law of Treaties, it-tieni edizzjoni, Manchester University Press,  1984, p. 141 et seq..


61 – COM (2003) 624 finali


62 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C‑265/03, Ġabra p. I‑2579, punti 24 u 25, iktar ’il quddiem is-“sentenza Simutenkov”).


63 – Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fis-sentenza Dior (punt 80), iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.


64 –  Kawżi C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763.


65 –  Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


66 – Pereżempju, il-verżjoni bl-Ingliż tuża “act or omission”; dik Franċiża tuża “les actes ou omissions”; il-verżjoni Ġermaniża tuża “vorgenommenen Handlungen und begangenen Unterlassungen”.