KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-29 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑226/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Kuntratti pubbliċi – Anness II B tad-Direttiva 2004/18 – Piż tal-kriterji għall‑għoti stabbilit wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti u mibdul wara l-ewwel eżami tal-istess offerti”





1.        Fl-ambitu tar-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiċċara sa liema punt huwa applikabbli d-dritt tal-Unjoni għal kuntratt pubbliku li fir-rigward tiegħu d-direttivi rilevanti jimponu li jiġu applikati biss xi dispożizzjonijiet minimi. B’mod partikolari, is-suġġett tal-preżenti huwa kuntratt għal servizzi ta’ traduzzjoni, li fir-rigward tiegħu, id-Direttiva 2004/18/KE (2) tipprevedi biss l-obbligi li jiġu ppreċiżati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-servizz u li jiġi ppubblikat avviż tar-riżultati tal-proċedura għall-għoti. Il-Kummissjoni madankollu ssostni li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-amministrazzjoni Irlandiża kellha tosserva numru ta’ obbligi oħra, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom wasslet għal dan ir-rikors.

I –    Il-kuntest ġuridiku

2.        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tikkostitwixxi r-riferiment fundamentali fil-kawża preżenti, minbarra t-Trattati, hija d-Direttiva 2004/18/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

3.        Ma teżisti ebda diverġenza bejn il-partijiet dwar il-fatt li s-servizzi suġġetti għal din il-kawża jaqgħu taħt dawk elenkati fl-Anness II B tad-Direttiva. Is-servizzi ta’ traduzzjoni, fil-fatt, bħala “servizzi oħra”, jaqgħu fil-kategorija 27 tal-anness iċċitat.

4.        L-Artikolu 21 tad-Direttiva, bit-titolu “Kuntratti ta’ Servizzi elenkati f’Anness IIB [kuntratti għal servizzi]”, jipprevedi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

5.        L-Artikolu 23 tad-Direttiva, bit-titolu “Speċifikazzjonijiet Tekniċi” ma huwiex ikkontestat u għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġi kkwotat. Dan l-artikolu jikkonsisti f’dispożizzjoni twila u ddettaljata ħafna, li tobbliga lil min jagħti kuntratti pubbliċi sabiex jiddefinixxi b’mod ċar u eżatt ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni meħtieġa, bil-għan li jiġi evitat trattament mhux ugwali ta’ dawk li jkunu interessati jikkonkludu l-kuntratt mal-amministrazzjoni.

6.        L-Artikolu 35(4) tad-Direttiva min-naħa l-oħra jipprevedi l-obbligu tal-awtoritajiet kontraenti, li jkunu taw kuntratt pubbliku, li jippreparaw avviż informattiv dwar ir-riżultati tal-proċedura għall-għoti. Il-Kummissjoni ma hijiex tallega li l-Irlanda qed tikser din il-liġi.

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7.        Fis-16 ta’ Mejju 2006 ġie ppubblikat, fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż (3) relattiv għall-kuntratt, mogħti mill-Gvern Irlandiż, għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni għall-uffiċċju responsabbli għall-kwistjonijet relatati mar-refuġjati.

8.        L-avviż kien jippreċiża l-kategorija tas-servizzi meħtieġa u jistabbilixxi skadenza (id-9 ta’ Ġunju 2006) sabiex wieħed juri interess fl-għoti. Fir-rigward tal-mod tal-għoti, kien jindika li kellha tintgħażel l-offerta li tkun l-iktar ekonomikament vantaġġuża, abbażi tas-seba’ kriterji li ġejjin:

1)         Il-kompletezza tal-fajl ippreżentat.

2)         Il-kapaċità ddikjarata li tissodisfa r-rekwiżiti.

3)         Numru ta’ lottijiet (4), servizzi u lingwi.

4)         Kwalifiki, esperjenza fil-qasam ikkonċernat.

5)         Spejjeż,

6)         Natura adegwata tal-modalitajiet proposti.

7)         Bnadi ta’ referenza.

9.        L-avviż kien jippreċiża wkoll li l-kriterji għall-għoti elenkati ma kellhomx jinftiehmu fis-sens li l-kriterji kienu elenkati f’ordni ta’ importanza dixxendenti.

10.      Tnax-il kumpannija wrew interess sabiex jipparteċipaw fl-għoti, li tlieta minnhom kienu stabbiliti f’territorju mhux Irlandiż.

11.      Hekk kif skada t-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, il-membri tal-kummissjoni tal-offerti rċevew skema li tindika l-piż relattiv li kellu jingħata lill-kriterji għall-għoti. Tali piż kien ivarja bejn 0 % (għall-kriterju numru 1, dak li jirrigwarda l-kompletezza tal-fajl) u 30 % (għall-kriterju numru 4). Fir-rigward tal-kriterji l-oħra, l-iskema kienet tindika piż ta’ 7 % għall-kriterju numru 2, 25 % għall-kriterju numru 3, 20 % għall-kriterju numru 5, 10 % għall-kriterju numru 6 u 8 % għall-kriterju numru 7.

12.      Fil-ġranet ta’ wara, il-membri individwali tal-kummissjoni tal-offerti wettqu l-ewwel eżami, fuq bażi individwali, tal-offerti varji li ġew ippreżentati.

13.      Fit-22 ta’ Ġunju 2006, il-kummissjoni tal-offerti ltaqgħet għall-ewwel darba. Qabel ma eżaminat l-offerti varji, hija ddeċidiet li tbiddel l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji, billi naqqset għal 25 % il-piż għall-kriterju numru 4 (li qabel kien ta’ 30 %) u żiedet għal 15 % il-piż għall-kriterju numru 6 (li qabel kien ta’ 10 %). Il-piż attribwit lill-kriterji l-oħra tħalla kif kien. Il-kummissjoni tal-offerti għaddiet għalhekk għall-evalwazzjoni tal-offerti u għall-għoti tal-kuntratt, billi użat l-attribuzzjoni tal-piż il-ġdid li kien għadu kif ġie approvat.

14.      Il-Kummissjoni rċeviet ilment min-naħa ta’ parteċipant li ma kienx rebbieħ. Wara skambju ta’ informazzjoni mal-Irlanda, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni fit-23 ta’ Ottobru 2007 u, wara r-risposti tal-Gvern Irlandiż, li ma nstabux sodisfaċenti, ħarġet opinjoni motivata fit-23 ta’ Settembru 2008.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

15.      Peress li ma kinitx sodisfatta bit-tweġiba tal-awtoritajiet Irlandiżi għall-opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fid-19 ta’ Ġunju 2009.

16.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara li, billi attribiwixxiet piż lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, kif ukoll billi l-attribuzzjoni tal-piż ġiet mibdula wara l-ewwel eżami tal-offerti ppreżentati, l-Irlanda naqqset milli tosserva l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

17.      L-Irlanda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV – Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –    In-natura ġuridika tal-kuntratt inkwistjoni

18.      Qabel ma jiġi eżaminat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkontestat, huwa meħtieġ, qabel kollox, li tiġi ċċarata n-natura tal-kuntratt mogħti mill-awtoritajiet Irlandiżi, bil-għan li jiġi ddeterminat il-qafas ġuridiku applikabbli għalih.

19.      Kif diġà ntqal hawn fuq, ma teżisti l-ebda diverġenza bejn il-partijiet dwar il-fatt li s-servizzi mogħtija mill-amministrazzjoni Irlandiża fl-ambitu tal-kwistjoni preżenti jaqgħu taħt l-Anness II B tad-Direttiva. Konsegwentement, l-uniċi obbligi ffissati espliċitament mid-Direttiva kienu dawk relattivi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi (l-Artikolu 23 tad-Direttiva) u l-avviż tar-riżultati tal-proċedura għall-għoti [l-Artikolu 35(4)]: fir-rigward ta’ dawn il-punti, madankollu, il-Kummissjoni ma tat ebda tort lill-Irlanda.

20.      Huwa magħruf madankollu li d-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kuntratti pubbliċi ma huwiex ikkostitwit unikament mid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fid-direttivi rilevanti. B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dejjem insistiet fuq il-ħtieġa li ma tiġix oskurata, f’tali ambitu, l-importanza tad-dritt primarju.

21.      Fil-fatt jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li, skont it-tagħlim stabbilit tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija maħsuba direttament sabiex telimina l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ servizzi u oġġetti u sabiex għalhekk tipproteġi l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru, li beħsiebhom joffru oġġetti jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (5).

22.      Konsegwentement, kull meta kuntratt pubbliku jkun ta’ interess transkonfinali, anki jekk dan ikun biss wieħed potenzjali, għandhom jiġu applikati r-regoli li jirriżultaw mit-Trattat (6). Tali applikazzjoni tiżdied, ovvjament, mal-formalitajiet eventwali previsti b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni applikabbli: pereżempju, fil-każ inkwistjoni, l-obbligi relattivi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-avviż tar-riżultati tal-proċedura għall-għoti.

23.      L-obbligi li jirriżultaw f’dan ir-rigward mid-dritt primarju, u b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ libertà tal-istabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, huma essenzjalment tnejn. Minn naħa, l-amministrazzjoni għandha tosserva l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità u ta’ trattament ugwali. Min-naħa l-oħra, bil-għan li tiġi permessa l-verifika tal-osservanza ta’ tali prinċipji, l-amminstrazzjoni għandha tosserva l-obbligu ta’ trasparenza (7).

24.      Il-partijiet ma jidhrux li huma verament f’nuqqas ta’ qbil dwar l-eżistenza tal-obbligi esposti fil-punti preċedenti, u lanqas dwar il-fatt li l-kuntratt inkwistjoni kien ta’ interess transkonfinali, kif muri kemm mill-għażla li tingħata informazzjoni fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-fatt li xi parteċipanti kienu kumpanniji mhux stabbiliti fl-Irlanda (8). Għalhekk is-suġġett tal-kwistjoni huwa jekk, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, l-aġir tal-amminstrazzjoni Irlandiża osservax jew le r-regoli hawn iċċitati.

B –    L-argumenti tal-partijiet

25.      Il-Kummissjoni, fir-rikors qasir tagħha, issostni li l-amministrazzjoni Irlandiża kisret l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni minn żewġ lati diversi, u fiż-żewġ każijiet kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Fl-ewwel lok, l-aġir tal-awtoritajiet Irlandiżi huwa illeġittimu minħabba l-fatt li l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji għall-għoti tal-kuntratt saret biss wara li skada t-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti.

27.      Fit-tieni lok, huwa illeġittimu wkoll minħabba l-fatt li tali attribuzzjoni tal-piż ġiet mibdula wara li kien twettaq l-ewwel eżami tal-offerti ppreżentati.

28.      Il-Kummissjoni barra minn hekk tosserva li, fl-istedina sabiex tiġi ppreżentata l-offerta li ntbagħtet lill-kumpanniji wara l-pubblikazzjoni tal-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, ma kinitx għadha tidher l-indikazzjoni li l-kriterji għall-għoti ma kinux elenkati f’ordni ta’ importanza dixxendenti, u għalhekk il-parteċipanti fil-proċedura setgħu raġonevolment jippretendu li kienet proprju din l-ordni li kienu qed isegwu l-kriterji f’dak il-mument. Iżda billi l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji ma kinitx proporzjonata għall-pożizzjoni tagħhom fil-lista, l-awtoritajiet Irlandiżi żgwidaw lill-parteċipanti. Fir-replika tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat li l-kwistjoni tal-ordni speċifika tal-indikazzjoni tal-kriterji ma tikkostitwixxix il-bażi tar-rikors tagħha, u li hija bbażata biss fuq iż-żewġ raġunijet imsemmija: l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji li saret wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti u l-bdil f’tali attribuzzjoni tal-piż wara li twettaq l-ewwel eżami tal-offerti mill-membri individwali tal-kummissjoni tal-offerti.

29.      Min-naħa tagħha l-Irlanda essenzjalment tirrikonoxxi l-fatti kif spjegati mill-Kummissjoni (9), anki jekk tinnega li dawn jammontaw għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

30.      B’mod partikolari, il-Gvern Irlandiż jenfasizza li l-bdil li twettaq fit-22 ta’ Ġunju fir-rigward tal-kriterji kien wieħed minimu (tnaqqis ta’ 5 % tal-piż attribwit lill-kriterju numru 4 u żieda korrispondenti ta’ 5 % tal-piż attribwit lill-kriterju numru 6), li huwa għal kollox insuffiċjenti sabiex jiffavorixxi jew jisfavorixxi parteċipant fil-konfront ta’ parteċipant ieħor. Fil-fatt, analiżi retrospettiva turi li l-parteċipant rebbieħ kien xorta waħda jikseb il-kuntratt anki abbażi tal-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji kif kien oriġinarjament.

31.      Ġaladarba ma kien hemm ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fost il-parteċipanti, lanqas ma hija meħtieġa l-analiżi dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra dan it-tieni prinċipju bħala sempliċement sekondarju għall-ewwel wieħed.

C –    Evalwazzjoni

32.      Sabiex l-argumentazzjoni tkun loġika u ċara, nibda l-eżami tiegħi tal-aspetti legali tal-kwistjoni permezz ta’ xi osservazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ trasparenza fl-ambitu tal-kuntratti pubbliċi. Ngħaddi għalhekk għall-eżami taż-żewġ kritiki li għamlet il-Kummissjoni, sabiex fl-aħħar nittratta aspett li jidhirli li ġie b’mod żbaljat injorat mill-partijiet.

1.      Dwar il-prinċipju ta’ trasparenza

33.      L-Irlanda ssostni, kif diġà rajna, li l-prinċipju ta’ trasparenza fil-kamp tal-kuntratti huwa ta’ natura sekondarja meta mqabbel mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni: konsegwentement, skont l-Irlanda, ladarba jiġi aċċertat li dawn iż-żewġ prinċipji ma ġewx miksura, kwalunkwe eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza jkun inutli.

34.      Ir-raġunament tal-Irlanda ma jistax jiġi aċċettat.

35.      Huwa veru li, fil-loġika li tispira l-ġurisprudenza stabbilita f’dan il-kamp, il-prinċipju ta’ trasparenza għandu rwol sekondarju meta mqabbel mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni. Madankollu, tali natura sekondarja ma tfissirx li dan il-prinċipju huwa subordinat bil-konsegwenza indikata mill-Gvern Irlandiż. Bil-kuntrarju, l-obbligu ta’ trasparenza huwa sekondarju fis-sens li l-osservanza tiegħu tippermetti li jiġi żgurat jekk iż-żewġ obbligi l-oħra “prinċipali” ġewx osservati. Jekk l-amministrazzjoni ma taġixxix b’mod trasparenti, issir diffiċli, jekk mhux impossibbli, il-verifika dwar jekk hija kinitx eventwalment kisret l-obbligi ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.

36.      Barra minn hekk, l-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza hija kundizzjoni preliminari indispensabbli sabiex jiġi żgurat li l-offerenti potenzjali kollha jiġu informati b’mod adegwat dwar il-kuntratt, biex b’hekk jiġi osservat it-trattament ugwali (10).

37.      Konsegwentement, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza għall-applikazzjoni, għal kuntratt pubbliku, tal-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt primarju tal-Unjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza għandha dejjem tiġi vverifikata. Anzi, minn perspettiva loġika jista’ jingħad, jekk xejn, li l-verifika tagħha għandha tkun preliminari għal dik tal-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.

2.      Dwar l-ewwel kritika magħmula mill-Kummissjoni

38.      Fl-ewwel kritika l-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda, kif diġà rajna, dwar il-fatt li l-attribuzzjoni tal-piż lill-varji kriterji għall-għoti twettqet biss wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti. Tali attribuzzjoni tardiva tal-piż allegatament tikser il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza.

39.      Din l-ewwel kritika ma jidhirlix li jistħoqqilha tintlaqa’, għar-raġunijiet li ġejjin.

40.      Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li d-Direttiva ma kinitx timponi li l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji għall-għoti kellha titwettaq minn qabel. Kif fil-fatt tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess fir-rikors tagħha, l-Artikolu 40 tad-Direttiva, li jipprevedi obbligu ta’ dan it-tip fil-paragrafu 5(e) tiegħu, ma kienx applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni. Fil-fatt, sabiex inkun preċiż, fil-każ preżenti d-Direttiva lanqas ma kienet timponi indikazzjoni minn qabel tal-kriterji għall-għoti, li l-awtoritajiet Irlandiżi wettqu xorta waħda.

41.      Fit-tieni lok, tali obbligu lanqas ma jinstab fil-ġurisprudenza. B’mod partikolari, wieħed jista’ jsemmi, b’analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fi kwistjoni interament suġġetta għad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi, irrikonoxxiet il-leġittimità tal-aġir tal-amministrazzjoni li kienet attribiwxxiet il-piż lis-subelementi ta’ kriterju għall-għoti wara l-preżentazzjoni tal-offerti, iżda qabel ma nfetħu l-enveloppijiet li kienu fihom (11).

42.      Wieħed irid jistaqsi, naturalment, jekk l-obbligu li jiġi indikat, anki fl-avviż, il-piż tal-kriterji varji għall-għoti, jistax jiġi kkunsidrat bħala konsegwenza naturali tad-dmir li jiġu osservati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, nondiskriminazzjoni u trasparenza. Dan ma jidhirlix li jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43.      Fil-ġurisprudenza dwar il-kuntratti suġġetti għall-kollettività tar-regolamentazzjoni kollha tad-direttivi varji f’dan il-kamp, fil-fatt, l-obbligu li l-parteċipanti jkunu informati minn qabel dwar il-kriterji għall-għoti (obbligu, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu, previst b’mod espliċitu mir-regoli f’dawn il-każijiet) huwa kkunsidrat li huwa espressjoni tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza (12). Dejjem skont tali ġurisprudenza, barra minn hekk, mill-imsemmija prinċipji joħorġu l-obbligi li l-kriterji għall-għoti għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi matul il-proċedura kollha (13) u li l-kriterji għall-għoti ma għandhomx jiġu mibdula matul il-proċedura (14).

44.      Huwa ċar li, fid-Direttiva 2004/18, l-obbligu li jiġi indikat minn qabel il-piż tal-kriterji għall-għoti fil-kuntratti suġġetti interament għall-applikazzjoni tal-istess Direttiva jsegwi wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza. Madankollu, jidhirli li huwa meħtieġ li jiġi evitat li l-portata li għandhom il-prinċipji fuq kuntratti suġġetti għad-Direttiva u fuq kuntratti li ma humiex hekk suġġetti għaliha (jew, bħal f’dan il-każ, suġġetti biss parzjalment) tiġi awtomatikament ikkunsidrata bħala identika. Fil-fatt jekk wieħed jikkonkludi li t-trasparenza imposta fir-rigward ta’ kuntratti li huma esklużi mill-applikazzjoni tad-Direttiva hija neċessarjament identika għal dik imposta fir-rigward ta’ kuntratti li huma suġġetti, allura jkun infetaħ il-bieb sabiex id-Direttiva tkun tista’ tiġi applikata b’mod indiskriminat fir-rigward ta’ serje sħiħa ta’ każijiet li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur iddikjara b’mod espliċitu li din ma kellhiex tapplika. Sa ċertu punt, fil-fatt, id-Direttiva kollha għandha l-għan li tapplika l-prinċipji fundamentali tat-Trattat (15) : jekk l-uniku mod sabiex jiġu applikati dawn il-prinċipji fil-kamp tal-kuntratti kellu jkun dak previst mid-Direttiva, allura ma tkun teżisti l-ebda għażla oħra ħlief li tiġi applikata l-istess Direttiva fil-każijiet kollha li jkun fihom interess transkonfinali.

45.      B’mod ġenerali, ir-regoli prattiċi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji tat-Trattat fl-ambiti tan-nuqqas ta’ applikazzjoni jew ta’ applikazzjoni parzjali tad-Direttiva ma jistgħux jiġu ddefiniti darba għal dejjem, iżda għandhom jiġu ddeterminati fuq bażi ta’ każ b’każ (16).

46.      Issa, fil-każ inkwistjoni, l-amminstrazzjoni Irlandiża ppubblikat avviż, u fih indikat il-kriterji għall-għoti, mingħajr ma speċifikat il-piż relattiv. Fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti preċedenti, ma kienx hemm ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza. L-awtorità kontraenti pprovdiet iktar informazzjoni minn kemm kienet obbligata mid-Direttiva, u ma għamlitx distinzjoni bejn il-parteċipanti potenzjali.

47.      Kif fil-fatt irrilevat il-ġurisprudenza, l-għan tal-obbligu ta’ trasparenza huwa, fil-prinċipju, dak li lil kull offerent potenzjali jiġi żgurat livell ta’ pubbliċità adegwata, li tippermetti kompetizzjoni xierqa fil-proċedura, minbarra kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri għall-għoti (17). Fil-każ preżenti, l-għażla li jintuża s-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha mingħajr dubju titqies li hija adegwata sabiex tirreklama b’mod suffiċjenti l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt.

48.      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trattament ugwali, il-fatt li l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji twettaq biss wara l-preżentazzjoni tal-offerti ma ħoloqx, fih innifsu, xi differenza ta’ trattament bejn l-offerenti, li tpoġġew fuq livell ta’ ugwaljanza.

49.      Jeħtieġ jiġi osservat, barra minn hekk, li l-evalwazzjoni tal-ewwel kritika tal-Kummissjoni għandha tkun differenti fil-każ li l-awtorità tal-għoti kienet indikat fl-avviż il-kriterji għall-għoti billi elenkathom f’ordni ta’ importanza dixxendenti. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni tkun biddlet il-piż tal-kriterji matul il-proċedura: kif rajna qabel, fil-fatt f’dan il-każ, ma teżisti l-ebda rabta bejn il-piż attribwit lill-kriterji u l-ordni li fiha ġew elenkati fl-avviż, u l-kriterji l-iktar importanti għall-għoti kienu dawk indikati fit-tielet u r-raba’ pożizzjoni.

50.      Madankollu, minkejja li l-Kummissjoni ssuġġeriet fir-rikors tagħha li l-lista ta’ kriterji, fl-avviż u iktar tard fl-ittra ta’ stedina, kienet tindika lista li fiha l-piż tal-kriterju kien f’ordni ta’ importanza dixxendenti, diversi elementi jikkontradixxu tali dikjarazzjoni.

51.      Fl-ewwel lok, fl-avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ġie espressament indikat li l-ordni tal-kriterji ma kinitx tirrifletti l-piż relattiv tagħhom.

52.      Fit-tieni lok, l-ewwel kriterju indikat kien dak dwar il-kompletezza tal-fajl ippreżentat. Issa, l-ebda parteċipant bi ftit attenzjoni ma seta’ jikkunsidrah bħala l-kriterju prinċipali għall-għoti: fil-fatt, in-natura tiegħu tidher li hija iktar waħda ta’ kundizzjoni għall-ammissjoni fil-kompetizzjoni milli kriterju għall-għoti, u mhux ta’ b’xejn iktar tard lilu ġie attribwit piż ta’ 0 %  (18).

53.      Fit-tielet lok, fir-replika tagħha, jidher li l-istess Kummissjoni biddlet, jekk mhux abbandunat, il-pożizzjoni tagħha rigward l-ordni ta’ importanza dixxendenti tal-kriterji għall-għoti. Din l-għażla tal-Kummissjoni jidhirli li hija korretta, iżda fl-istess ħin din l-għażla ċċaħħad lill-ewwel kritika minn dak li seta’ jkun l-uniku pilastru sod tagħha.

54.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi l-ewwel kritika tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

3.      Dwar it-tieni kritika tal-Kummissjoni

55.      Infakkar li, fit-tieni kritika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda kisret il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ trasparenza billi biddlet l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji għall-għoti wara l-ewwel eżami qasir tal-offerti ppreżentati.

56.      Il-fatti, kif osservajt iktar ’il fuq, huma stabbiliti u mhux ikkontestati. Il-bdil fl-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji twettaq, effettivament, xi ġranet wara l-ewwel darba li kienet ġiet iffissata l-istess attribuzzjoni tal-piż. Meta twettaq il-bdil, il-kummissjoni tal-offerti ma kinitx għadha bdiet ix-xogħol tagħha, iżda l-membri individwali tagħha setgħu jaraw, fuq bażi individwali, l-offerti ppreżentati.

57.      It-tieni kritika, b’differenza mill-ewwel waħda, jistħoqqilha li tintlaqa’.

58.      Diġà fakkart iktar ’il fuq li d-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, iqis li kwalunkwe bdil fil-kriterji għall-għoti li jitwettaq matul il-proċedura huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni (19). Kien proprju dan li ġara fil-każ preżenti.

59.      Il-fatt li l-kummissjoni tal-offerti bdiet ix-xogħol tagħha, bħala organu kolleġjali, biss wara li twettaq l-aħħar bdil fil-kriterji għall-għoti ma jaffettwax din it-teżi. L-effett pożittiv tal-prinċipju li jgħid li ma għandhomx jiġu mibdula l-kriterji matul il-proċedura jintilef kompletament jekk il-fażi, li fiha l-membri tal-kummissjoni jaraw l-offerti ppreżentati mill-parteċipanti qabel ma tiltaqa’ l-kummissjoni, ma tiġix ikkunsidrata, għall-effetti kollha, bħala parti mill-proċedura.

60.      Anki jekk l-ewwel darba li jiġi stabbilit il-piż tal-kriterji ma tikkwalifikax bħala att uffiċjali iżda biss bħala speċi ta’ “proposta preliminari”, dan ma jnaqqasx mill-illegittimità tal-aġir tal-amministrazzjoni. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi huwa indispensabbli, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali tal-parteċipanti, li l-piż tal-kriterji għall-għoti jiġi ddeterminat qabel ma l-offerti jiġu eżaminati, anki jekk dan isir fuq bażi individwali mill-membri tal-kummissjoni tal-offerti. L-operazzjonijiet ta’ attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji minn naħa, u dawk ta’ evalwazzjoni tal-offerti min-naħa l-oħra, għandhom jibqgħu strettament separati. Sabiex tkun leġittima r-“riflessjoni komuni” tal-membri tal-kummissjoni tal-offerti dwar il-piż li kellu jiġi attribwit lill-kriterji varji, din kellha ssir qabel kwalunkwe eżami tal-offerti.

61.      Għandhom jiġu miċħuda anki l-argumenti tal-Gvern Irlandiż li jibbażaw irwieħhom fuq il-fatt li r-rebbieħ tal-proċedura ma kienx ser ikun differenti li kieku kellu jiġi applikat għall-kriterji varji l-piż li ġie stabbilit oriġinarjament, minflok dak li ġie ddeterminat permezz tal-bdil li twettaq wara.

62.      Jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-ambitu tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma teżisti ebda kundizzjoni relattiva għall-interess ġuridiku (20). L-għan tal‑proċedura huwa li jiġi vverifikat jekk kienx hemm ksur tad-dritt tal‑Unjoni, u mhux li jiġu eżaminati l-konsegwenzi li jirriżultaw minn tali ksur. Għaldaqstant il-fatt li l-proċedura kien ikollha l-istess riżultat kieku għall-kriterji għall-għoti ġie applikat il-piż stabbilit oriġinarjament, ma għandu l-ebda konsegwenza fuq l-evalwazzjoni tal-fondatezza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63.      Biex nikkonkludi, it-tieni kritika proposta mill-Kummissjoni hija fondata, u għandha tintlaqa’.

4.      Dwar l-illegittimità possibbli tal-għoti ta’ piż null lil wieħed mill-kriterji

64.      Punt tal-aħħar li jixraq li nittratta, minkejja li l-partijiet ma ddedikawlux attenzjoni partikolari, jirrigwarda l-possibilità ta’ kuntrast bejn id-dritt tal-Unjoni u l-fatt li l-awtorità Irlandiża, meta attribwixxiet il-piż lill-kriterji varji għall-għoti, tat piż null (0 %) lil wieħed minnhom. Qed nirreferi, kif jidher ċar, għall-kriterju tal-“kompletezza tal-fajl ippreżentat”.

65.      Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li kriterju għall-għoti jiġi indikat fl-avviż u li wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti, jiġi allokat piż ta’ 0 %, jammonta, għall-effetti kollha, għal bdil fil-kriterji. Ir-riżultat fil-prattika, fil-fatt, huwa l-istess bħallikieku l-kriterju tħassar mil-lista: kriterju li ġie indikat fl-avviż ma jiġix applikat għall-għoti tal-kuntratt. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet Irlandiżi probabbilment kisru d-dritt tal-Unjoni billi allokaw piż null għall-kriterju tal-kompletezza tal-fajl.

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax madankollu, f’dan il-każ, tagħti sentenza ta’ kundanna għal dan in-nuqqas.

67.      Fl-ewwel lok, wieħed jista’ jistaqsi, kif semmejt iktar ’il fuq, jekk il-“kriterju tal-għoti” tal-kompletezza tal-fajl għandux jiġi kkunsidrat, fir-realtà, bħala sempliċi kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura. Fil-prinċipju, il-fajl jew huwa komplet, jiġifieri jissodisfa r-rekwiżiti mitluba fl-avviż, jew inkella le. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina sitwazzjoni bejn dawn it-tnejn. Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, anki jekk wieħed kellu jiddikjara li l-kriterju tal-kompletezza tal-fajl ma huwiex kriterju għall-għoti, fl-avviż il-kriterju ġie ppreżentat bħala tali, u jistgħu għalhekk iqumu dubji dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipji tat-Trattat.

68.      Fit-tieni lok, madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li tali nuqqas ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni. Ma huwiex fil-fatt indikat b’mod espliċitu, u lanqas ma jista’ jiġi kkunsidrat b’mod impliċitu fit-talba, li sempliċement tikkritika, kif rajna, l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti u l-bdil f’tali piż li twettaq wara l-eżami tal-offerti b’mod individwali mill-membri tal-kummissjoni tal-offerti. Bl-istess mod, il-Gvern Irlandiż ma kellux l-okkażjoni jesprimi ruħu fuq tali aspett.

V –    Konklużjonijiet

69.      Nikkonkludi l-analiżi tiegħi billi nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni miż-żewġ kritiki proposti mill-Kummissjoni. F’dak li jirrigwarda l-ispejjeż, peress li l-Irlanda tilfet il-kawża parzjalment, nissuġġerixxi li tiġi kkundannata, fis-sens tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tħallas nofs l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni.

70.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li għamilt, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

–        “billi bidlet il-piż attribwit lill-kriterji għall-għoti ta’ kuntratt wara l‑ewwel eżami tal-offerti ppreżentati, l-Irlanda naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza;

–        il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

–        l-Irlanda hija kkundannata għal nofs l-ispejjeż;

–        il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha”.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħolijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).


3 –      ĠU, S 92. In-numru ta’ referenza tal-avviż huwa 2006/S 92‑098663.


4 –      L-avviż kien jipprevedi l-qsim tal-kuntratt f’diversi lottijiet.


5 – Ara pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2002, Kawża C‑92/00, HI (Ġabra p. I‑5553, punt 43), u tat-13 ta’ Novembru 2007, Kawża C‑507/03, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Ġabra p. I‑9777, punt 27).


6 – Il-ħtieġa ta’ interess transkonfinali ma tiġix dejjem iddikjarata b’mod ċar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li xi drabi jkun fiha dikjarazzjonijiet li donnhom jimplikaw applikazzjoni inkundizzjonata tal-principji li jirriżultaw mit-Trattat: ara pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 60), u d-digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard (C‑59/00, Ġabra p. I‑9505, punt 20). F’deċiżjonijiet oħra, madankollu, ir-rekwiżit huwa indikat b’mod espliċitu: ara pereżempju, f’materja ta’ konċessjonijiet, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 20), u tat-13 ta’ April 2010, Wall (C‑91/08, Ġabra p. I-2815, punt 34). Speċifikament fuq servizzi ta’ interess mhux prijoritarju (dawk, fi kliem ieħor, li huma s-suġġett tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18), ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 29). L-istess Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa ta’ interess transkonfinali fil-Komunikazzjoni interpretattiva tagħha relattiva għad-dritt Komunitarju applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti li ma humiex jew huma parzjalment irregolati mid-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi (ĠU, C 179, p. 2, punt 1.3).


7 – Il-ġurisprudenza f’dan ir-rigward hija stabbilita: ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Ottobru 2005, Parking Brixen (C‑458/03, Ġabra p. I‑8585, punti 47‑49).


8 – Il-Kummissjoni argumentat pjuttost b’mod estensiv sabiex turi l-eżistenza ta’ interess transkonfinali tal-kuntratt inkwistjoni: dan huwa ċar bil-għan li jiġi osservat il-prinċipju li jimponi fuqha l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ dan il-punt. Ara s‑sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 32).


9 – L-insistenza partikolari tal-Gvern Irlandiż fuq il-fatt li l-attribuzzjoni tal-piż lill-kriterji ġie mibdul qabel ma l-kummissjoni tal-offerti bdiet l-eżami tal-offerti ma tpoġġix fid-dubju l-fatt li l-membri individuali ta’ tali kummissjoni kienu, fil-frattemp, diġà wettqu l-ewwel eżami tal-offerti fuq bażi individwali. Din iċ-ċirkustanza tirriżulta b’mod ċar mid-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża mar-rikors.


10 – Ara s-sentenza Coname (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 17).


11 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC u Viaggi di Maio et (C‑331/04, Ġabra p. I‑10109, punt 32).


12 – Sentenzi tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑87/94, Ġabra p. I‑2043, punt 88), u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 98). Huwa interessanti li wieħed jinnota li, fid-direttivi applikabbli fil-kawżi deċiżi permezz tas-sentenzi hawn iċċitati, l-amministrazzjoni kienet biss “possibilment” mitluba tindika minn qabel il-piż tal-kriterji għall-għoti, billi telenkahom fl-ordni ta’ importanza mogħtija lilhom [ara l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 93/37/KEE u l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 90/531/KEE].


13 – Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction (C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 43).


14 – Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom (C‑448/01, Ġabra p. I‑14527, punt 93).


15 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑243/89, Ġabra p. I‑3353, punt 33).


16 – Ara pereżempju, is-sentenzi Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 63), u Parking Brixen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 50).


17 – Ara pereżempju, is-sentenza Telaustria u Telefonadress (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 62); ara wkoll, b’analogija, fil-kamp tal-għoti ta’ servizzi, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, Ġabra p. I‑8457, punt 25), u tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange Ltd (C‑203/08, Ġabra p. I-4695, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha).


18 – Ara f’dan ir-rigward anki l-punti 64 et seq iktar ’l isfel.


19 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 43.


20 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C-394/02, Ġabra p. I‑4713, punti 14 sa 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).