KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2010 1(1)
Kawża C‑221/09
AJD Tuna Ltd
vs
Id‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd u L‑Avukat Ġenerali
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Prim’Awla tal‑Qorti Ċivili (ir‑Repubblika ta’ Malta)]
“Politika komuni tas‑sajd – Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 530/2008 – Miżuri ta’ emerġenza – Sajd għat‑tonn bil‑purse seines – Projbizzjoni ta’ sajd indirizzata lil Stati Membri partikolari – Projbizzjoni ta’ ħatt, ta’ tqegħid f’gaġeġ u ta’ trażbord – Kwoti – Eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza – Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ kontradittorju – Validità ta’ miżura”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il‑kuntest ġuridiku
A – Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fis‑settur tal‑politika komuni tas‑sajd
1. Ir‑Regolament Nru 2847/93 u r‑Reglolament Nru 2371/2002
B – Strumenti tad‑dritt internazzjonali dwar il‑protezzjoni tat‑tonn
C – Leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fis‑settur tas‑sajd għat‑tonn
1. Ir‑Regolament Nru 1559/2007
2. Ir‑Regolament Nru 40/2008
3. Ir‑Regolament Nru 446/2008
4. Ir‑Regolament Nru 530/2008
III – Il‑kuntest fattwali, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
IV – Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
V – Il‑konklużjonijiet tal‑partijiet
A – L‑ewwel u t‑tieni domandi
B – It‑tielet domanda
C – Ir‑raba’ domanda
D – Il‑ħames domanda
E – Is‑sitt domanda
F – Is‑seba’ u t‑tmien domandi
G – Id‑disa’ domanda
H – L‑għaxar domanda
VI – Evalwazzjoni tal‑Avukat Ġenerali
A – Introduzzjoni
B – L‑ewwel u t‑tieni domandi
1. Adegwatezza tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 bħala bażi legali għar‑regolament ikkontestat
2. Adegwatezza tal‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat
C – It‑tielet domanda
D – Ir‑raba’ u l‑ħames domandi
1. Il‑proporzjonalità tal‑projbizzjoni li jinħatt tonn maqbud qabel l‑introduzzjoni tal‑projbizzjoni tas‑sajd.
2. Il‑proporzjonalità tal‑projbizzjoni li jinħattu qabdiet ta’ tonn, imwettqa minn bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi.
a) Kriterju ta’ evalwazzjoni
b) Evalwazzjoni tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
i) Verifika tal‑inadegwatezza manifesta tal‑miżura
ii) Verifika ta’ jekk il‑miżura hijiex manifestament mhux neċessarja
iii) Verifika tan‑nuqqas manifest ta’ proporzjonalità fis‑sens ristrett tal‑kelma.
iv) Konklużjoni
c) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
E – Is‑sitt domanda
1. Divrenzjar bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli u l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta
a) Kwistjoni ta’ jekk id‑divrenzjar bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli u l‑oħrajn huwiex fondat
b) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
2. Divrenzjar bejn il‑bastimenti koperti mir‑Regolament Nru 530/2008 u l‑bastimenti l‑oħra
F – Is‑seba’, it‑tmien u d‑disa’ domandi
1. Jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 jiksirx il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju
a) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
b) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju
i) Osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑Istati Membri
ii) Osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑partijiet ikkonċernati l‑oħra
2. Jekk l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 jiksirx il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju
a) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
b) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju
G – L‑għaxar domanda
VII – Konklużjonijiet
I – Introduzzjoni
1. Il‑kawża ineżami taqa’ fil‑qasam tal‑politika komuni tas‑sajd, politika li fi ħdan l‑UE għandha importanza kbira u li fir‑rigward tagħha jeżistu opinjonijiet differenti ħafna. F’din il‑kawża, li tikkonċerna l‑ewwel talba għal deċiżjoni preliminari ġejja minn Malta, qegħdin jitqajmu diversi domandi dwar il‑validità u l‑interpretazzjoni tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat‑12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir‑rigward ta’ bastimenti bil‑purse seines li jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran (2) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 530/2008” jew ir‑“regolament ikkontestat”). B’mod iktar preċiż, permezz ta’ dan ir‑regolament, il‑Kummissjoni pprojbixxiet is‑sajd għat‑tonn (Thunnus thynnus, thon rouge, bluefin tuna, Rote Thun) minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, tal‑Italja, ta’ Ċipru, ta’ Malta u ta’ Spanja, u fl‑istess ħin ipprojbiet anki l‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, kif ukoll it‑trażbord tat‑tonn. Minħabba li ġiet ipprojbita milli teżerċita l‑attività tagħha, il‑kumpannija Maltija AJD Tuna, li topera fis‑settur tat‑tismin u tat‑trobbija tat‑tonn, ressqet kawża quddiem qorti Maltija li fil‑kuntest tagħha saru lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, skont l‑Artikolu 234 KE (3), numru ta’ domandi preliminari li jirrigwardaw il‑validità u l‑interpretazzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008.
2. Il‑kumpannija AJD Tuna kkontestat ir‑Regolament Nru 530/2008 anki quddiem il‑Qorti Ġenerali (4) iżda l‑proċeduri inkwistjoni jinsabu sospiżi skont l‑Artikolu 54(3) tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti Ġenerali fl‑istennija tad‑deċiżjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑kawża ineżami. Jinsabu sospiżi anki l‑proċeduri quddiem il‑Qorti Ġenerali f’kawża analoga fejn ir‑regolament imsemmi qiegħed jiġi kkontestat mill‑Italja (5). Ir‑Regolament Nru 530/2008 ġie kkontestat quddiem il‑Qorti Ġenerali anki minn 17‑il kumpannija Taljani, iżda dawn ir‑rikorsi ġew miċħuda bħala inammissibbli (6).
II – Il‑kuntest ġuridiku
A – Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fis‑settur tal‑politika komuni tas‑sajd
1. Ir‑Regolament Nru 2847/93 u r‑Regolament Nru 2371/2002
3. Għall‑finijiet tal‑kawża ineżami, huma rilevanti, l‑ewwel nett, żewġ atti leġiżlattivi tal‑Unjoni fis‑settur tal‑politika komuni tas‑sajd, jiġifieri r‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2847/93, tat‑12 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall‑politika tas‑sajd komuni (7) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 2847/93”), u r‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2371/2002, tal‑20 ta’ Diċembru 2002, dwar il‑konservazzjoni u l‑isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas‑sajd skont il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd (8) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 2371/2002”).
4. Fit‑tlieta u għoxrin premessa tar‑Regolament Nru 2847/93, huwa indikat li, fil‑każ li l‑kwota ta’ Stat Membru tiġi eżawrita jew fil‑każ li l‑qbid totali permess (TAC) stess ikun eżawrit, ikun meħtieġ li l‑Kummissjoni tipprojbixxi, permezz ta’ deċiżjoni, l‑attivitajiet tas‑sajd. Fl‑erbgħa u għoxrin premessa tal‑istess regolament, huwa indikat li huwa meħtieġ li jiġi rrimedjat il‑preġudizzju li jkun sofra Stat Membru li, fil‑mument meta jingħalaq is‑sajd minħabba li jkun ġie eżawrit it‑TAC, ma jkunx eżawrixxa l‑kwota tiegħu jew l‑allokazzjoni tiegħu ta’ parti ta’ stokk, jew ta’ grupp ta’ stokkijiet, u li, għal dan il‑għan, għandha tiġi prevista sistema ta’ kumpens.
5. L‑Artikolu 21(2) u (3) tar‑Regolament Nru 2847/93 jipprovdi:
“2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi d‑data minn meta l‑qabdiet ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet suġġetti għall‑kwota magħmula mill‑bastimenti tas‑sajd li jtajru l‑bandiera tiegħu jew huma rreġistrati f’dak l‑Istat Membru għandhom jitqiesu li eżawrew il‑kwota applikabbli għalih għal dak l‑istokk jew grupp ta’ stokkijiet. Minn dik id‑data, għandu jipprojbixxi proviżorjament sajd għal dak l‑istokk jew grupp ta’ stokkijiet minn dawk il‑bastimenti kif ukoll iż‑żamma tagħhom abbord, it‑trasbord u l‑inżul ta’ ħut meħuda wara dik id‑data u għandu jiddeċiedi fuq data sakemm it‑trasbord u l‑inżul jew dikjarazzjonijiet finali tal‑qabdiet huma permessi. Il‑Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata minnufih b’din il‑miżura li mbagħad għandha tgħarraf l‑Istati Membri l‑oħra.
3. Wara n‑notifika taħt il‑paragrafu 2 jew fuq l‑inizjattiva tagħha stess, il‑Kummissjoni għandha tiffissa, fuq il‑bażi tat‑tagħrif disponibbli, id‑data li fiha, għall‑stokk jew gruppi ta’ stokk, il‑qabdiet suġġetti għal TAC, kwota jew limitazzjoni kwantitattiva oħra magħmula mill‑bastimenti tas‑sajd li jtajru l‑bandiera ta’, jew huma rreġistrati fi, kwalunkwe Stat Membru jitqiesu li eżawrew il‑kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli għal dak l‑Istat Membru jew, kif jista’ jkun il‑każ, għall‑Komunità.
Meta ssir stima ta’ din is‑sitwazzjoni kif imsemmija fl‑ewwel paragrafu, il‑Kummissjoni għandha tavża l‑Istati Membri konċernati bil‑prospetti li s‑sajd jitwaqqaf bħala riżultat li TAC tkun eżawrita.
Mid‑data msemmija fl‑ewwel sub‑inċiż, l‑Istat Membru tal‑bandiera jista’ għal xi żmien ma jħallix li jsir sajd ta’ dak l‑istokk jew grupp ta’ stokk minn bastimenti li jġorru l‑bandiera tiegħu kif ukoll li jinżammu abbord, jiġu trasbordati jew żbarkati ħut wara dik id‑data u għandu jiddeċiedi data sakemm l‑ispedizzjonijijiet u l‑iżbarki jew id‑dikjarazzjonijiet finali tal‑qabdiet huma permessi. Il‑Kummissjoni għandha tiġi notifikata mill‑ewwel b’din il‑miżura u għandha mbagħad tinforma lill‑Istati Membri l‑oħrajn.”
6. L‑Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 2371/2002, bit‑titolu “Għanijiet”, jipprovdi:
“1. Il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd għandha tiżgura l‑isfruttar tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu [joħloq] kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.
Għal dan il‑għan, il‑Komunità għandha tapplika trattament kawt fit‑teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin, biex jaħsbu għall‑isfruttar sostenibbli tagħhom u biex inaqqsu kemm jista’ jkun l‑impatt ta’ l‑attivitajiet tas‑sajd fuq l‑eko‑sistemi tal‑baħar. Għandha timmira lejn implimentazzjoni progressiva ta’ trattament bażat fuq eko‑sistema fl‑amministrazzjoni ta’ żoni tas‑sajd. Għandha timmira biex tikkontribwixxi għal attivitajiet ta’ sajd effiċjenti f’industrija ta’ sajd u akwakultura ekonomikament vijabbli u kompetittiva[, filwaqt li tiżgura livell ta’ ħajja ġust għal dawk li jiddependu mill‑attivitajiet tas‑sajd u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l‑interessi tal‑konsumaturi].
2. Il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd għandha tiġi gwidata mill‑prinċipji li ġejjin ta’ governanza tajba:
a) definizzjoni ċara tar‑responsabbiltajiet tal‑Komunità, f’livelli nazzjonali u lokali;
b) proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet bażat fuq pariri xjentifiċi sodi li jagħtu riżultati fil‑ħinijiet mistennija;
c) involviment wiesgħa ta’ dawk kollha li għandhom xi interess fl‑istadji kollha tal‑politika mill‑konċepiment sa’ l‑implimentazzjoni;
d) konsistenza ma’ politika oħra tal‑Komunità, b’mod partikolari ma’ politika ambjentali, soċjali, dwar żvilupp, saħħa u ħarsien tal‑konsumatur.”
7. L‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 2371/2002, bit‑titolu “Pjanijiet ta’ rkupru”, jipprovdi:
“1. Il‑Kunsill għandu jadotta, bi prijorità, pjani ta’ rkupru dwar ħażniet għall‑isfruttar f’żoni tas‑sajd li jinsabu barra mil‑limiti bijoloġiċi bla periklu.
2. L‑għan ta’ pjanijiet ta’ rkupru għandu jkun li jiżgura l‑irkupru ta’ ħażniet jinżamm f’limiti bijoloġiċi bla periklu.
[...]”
8. L‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002, bit‑titolu “Miżuri ta’ emerġenza tal‑Kummissjoni”, huwa fformulat hekk:
“1. Jekk ikun jidher li hemm xi theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, jew għall‑eko‑sistema tal‑baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd u jkun hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata, il‑Kummissjoni, fuq it‑talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l‑inizjattiva tagħha stess, tista’ tiddeċiedi fuq xi miżuri ta’ emerġenza li m’għandhomx ikunu għal aktar minn sitt xhur. Il‑Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni ġdida biex ittawwal iż‑żmien dwar il‑miżuri ta’ emerġenza b’mhux aktar minn sitt xhur.
2. L‑Istat Membru għandu jgħaddi t‑talba fl‑istess ħin lill‑Kummissjoni, lill‑Istati Membri l‑oħra u lill‑Kunsilli Konsultattivi Reġjonali konċernati. Jistgħu jibagħtu l‑kummenti tagħhom bil‑miktub lill‑Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara li tkun waslet it‑talba.
Il‑Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħmistax‑il ġurnata wara l‑wasla tat‑talba msemmija fil‑paragrafu 1.
[…]”.
9. Skont l‑Artikolu 20 tar‑Regolament Nru 2371/2002, bit‑titolu “Allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd”:
“1. Il‑Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill‑Kummissjoni, għandu jiddeċiedi dwar il‑limiti ta’ qbid u/jew opportunitajiet tas‑sajd u dwar l‑allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas‑sajd fost l‑Istati Membri kif ukoll dwar il‑kondizzjonijiet assoċjati ma’ dawk il‑limiti. Opportunitajiet tas‑sajd għandhom jitqassmu bejn l‑Istati Membri b’mod li jassigura lil kull Stat Membru stabbilità relattiva ta’ attivitajiet tas‑sajd għal kull ħażna jew żona tas‑sajd.
2. Meta l‑Komunità tistabbilixxi opportunitajiet tas‑sajd ġodda il‑Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l‑allokazzjoni ta’ dawk l‑opportunitajiet, waqt li jqis l‑interessi ta’ kull Stat Membru.
3. Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi, għal bastimenti li jtajru l‑bandiera tiegħu, dwar il‑metodu kif jiġu allokati opportunitajiet tas‑sajd assenjati lil dak l‑Istat Membru skond il‑liġi tal‑Komunità. Għandu jinforma lill‑Kummissjoni dwar il‑metodu ta’ allokazzjoni.
4. Il‑Kunsill għandu jistabbilixxi l‑opportunitajiet tas‑sajd disponibbli għal pajjiżi terzi f’ilmijiet tal‑Komunità u jalloka dawk l‑opportunitajiet lil kull pajjiż terz.
5. L‑Istati Membri jistgħu, wara li javżaw lill‑Kummissjoni, ibiddlu l‑opportunitajiet kollha jew parti minnhom li jkunu allokati lilhom.”
10. L‑Artikolu 26 tar‑Regolament Nru 2371/2002, bit‑titolu “Responsabbiltajiet tal‑Kummissjoni”, jipprovdi:
“1. Bla ħsara għar‑responsabbiltajiet tal‑Kummissjoni skond it‑Trattat, il‑Kummissjoni għandha tevalwa u tikkontrolla l‑applikazzjoni tar‑regoli tal‑Politika Komuni dwar is‑Sajd mill‑Istati Membri, u tiffaċilita kordinazzjoni u koperazzjoni bejniethom.
2. Jekk ikun hemm xhieda li r‑regoli dwar il‑konservazzjoni, kontroll, spezzjonijiet jew infurzar skond il‑Politika Komuni dwar is‑Sajd mhumiex qed jiġu mħarsa u li dan jista’ jwassal għal theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għat‑tħaddim effettiv ta’ kontroll u infurzar Komunitarju u s‑sistema ta’ infurzar li jitolbu azzjoni urġenti, il‑Kummissjoni għandha tinforma bil‑miktub lill‑Istat Membru konċernat b’dak li sabet u tistabbilixxi żmien ta’ mhux inqas minn 15‑il ġurnata li fih irid juri konformità u jagħti l‑kummenti tiegħu. Il‑Kummissjoni tieħu f’konsiderazzjoni il‑kommenti ta’ l‑Istati Membri f’kull azzjoni li tista’ tieħu skond il‑paragrafu 3.
3. Jekk ikun hemm xhieda ta’ riskju li l‑attivitajiet tas‑sajd li twettqu f’żona ġeografika partikolari jistgħu iwasslu għal theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, il‑Kummissjoni tista’ tieħu miżuri ta’ prevenzjoni.
Dawn il‑miżuri għandhom ikunu fi proporzjon għar‑riskju ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin.
M’għandhomx idumu iżjed minn tliet ġimgħat. Jistgħu jiġu mtawla għal massimu ta’ sitt xhur, safejn ikun meħtieġ għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin, b’deċiżjoni meħuda skond il‑proċedura preskritta fl‑Artikolu 30(2).
Il‑miżuri għandhom jitwaqqfu minnufih meta l‑Kummissjoni tara li r‑riskju m’għadux hemm.
4. Fil‑każ li l‑kwota, allokazzjoni jew is‑sehem disponibbli ta’ Stat Membru jkunu kkunsidrati li ġew eżawriti, il‑Kummissjoni tista’, fuq il‑bażi ta’ l‑informazzjoni disponibbli, twaqqaf l‑attivitajiet tas‑sajd minnufih.”
B – Strumenti tad‑dritt internazzjonali dwar il‑protezzjoni tat‑tonn
11. Fl‑14 ta’ Mejju 1966 ġiet iffirmata l‑Konvenzjoni Internazzjonali għall‑Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku, li daħlet fis‑seħħ fil‑21 ta’ Marzu 1969 (iktar ’il quddiem il‑“Konvenzjoni”) (9). L‑għan fundamentali tal‑Konvenzjoni huwa li jkun hemm kollaborazzjoni sabiex il‑popolazzjoni tal‑ispeċi inkwistjoni tinżamm f’livell li jippermetti l‑ogħla qbid sostenibbli għall‑ikel u għal skopijiet oħra. Sabiex tiġi implementata l‑Konvenzjoni, il‑Partijiet Kontraenti stabbilixxew il‑Kummissjoni Internazzjonali għall‑Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas, iktar ’il quddiem l‑“ICCAT”) (10), li tista’, fuq il‑bażi ta’ evidenza xjentifika, tagħmel rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex il‑popolazzjoni tat‑tonn u ta’ ħut bħat‑tonn li tista’ tkun suġġetta għas‑sajd fiż‑żona koperta mill‑Konvenzjoni tinżamm f’livell li jippermetti l‑massimu ta’ qbid sostenibbli (11).
12. L‑adeżjoni tal‑Komunità fil‑konvenzjoni msemmija ġiet approvata permezz tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 86/238/KEE, tad‑9 ta’ Ġunju 1986, dwar l‑Adeżjoni tal‑Komunità fil‑Konvenzjoni Internazzjonali għall‑Konservazzjoni tat‑Tonn tal‑Atlantiku, kif emendata bil‑Protokoll mehmuż mal‑Att Finali tal‑Konferenza tal‑Plenipotenzjari tal‑Istati li jifformaw Parti mill‑Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl‑10 ta’ Lulju 1984 (12).
C – Il-leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fis‑settur tas‑sajd għat‑tonn
1. Ir‑Regolament Nru 1559/2007
13. Bil‑għan li jiġi protett it‑tonn, l‑Unjoni adottat ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1559/2007, tas-17 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi pjan pluriennali għall‑irkupru tat‑Tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran, u li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 520/2007 (13) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 1559/2007”).
14. Skont l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1559/2007:
“It‑TACs, iffissati mill‑ICCAT għall‑Partijiet Kontraenti, għall‑ħażniet tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran għandhom ikunu kif ġej:
— fl‑2008: 28 500 tunnellata,
— fl‑2009: 27 500 tunnellata,
— fl‑2010: 25 500 tunnellata.
[…]”.
15. L‑Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 1559/2007 jipprovdi:
“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l‑miżuri meħtieġa biex jiżgura li l‑isforz tas‑sajd tal‑bastimenti tiegħu u n‑nasses tiegħu huma proporzjonati għall‑opportunitajiet tas‑sajd għat‑tonn disponibbli għal dak l‑Istat Membru fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑baħar tal‑Mediterran.
2. Kull Stat Membru għandu jfassal pjan tas‑sajd annwali għall‑bastimenti u n‑nases tas‑sajd għat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑lvant u fil‑Baħar Mediterran. L‑Istati Membri li l‑kwota tagħhom tat‑tonn hija anqas minn 5 % tal‑kwota Komunitarja jistgħu jadottaw metodu speċifiku biex jimmaniġġaw il‑kwota tagħhom fil‑pjan tas‑sajd tagħhom, u f’dak il‑każ id‑dispożizzjonijiet tal‑paragrafu 3 m’għandhomx japplikaw.
[...]”
16. L‑Artikolu 5(2) tar‑Regolament Nru 1559/2007 jipprovdi:
“Sajd bit‑tartarun borża [(purse seines)] għat‑tonn għandu jkun projbit fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran matul il‑perijodu mill‑1 ta’ Lulju sal‑31 ta’ Diċembru.”
2. Ir‑Regolament Nru 40/2008
17. Permezz tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/2008, tas‑16 ta’ Jannar 2008, li jistabbilixxi għall‑2008 l‑opportunitajiet ta’ sajd u l‑kondizzjonijiet assoċjati magħhom għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl‑ilmijiet tal‑Komunità u, għal bastimenti Komunitarji f’ilmijiet fejn huma meħtieġa limiti ta’ qbid (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 40/2008”) (14), ġie stabbilit il‑qbid totali permess għal speċi partikolari ta’ ħut, diviż bejn l‑Istati Membri. Skont l‑Anness ID tar‑regolament imsemmi, il‑kwota għall‑qbid tat‑tonn għall‑2008 kienet iffissata għall‑Unjoni bħala 16 210.75 tunnellati, diviżi kif ġej fost l‑Istati Membri individwali:
– Ċipru: 149.44 tunnellati,
– il‑Greċja: 277.46 tunnellati,
– Spanja: 5 378.76 tunnellati,
– Franza: 5 306.73 tunnellati,
– l‑Italja: 4 188.77 tunnellati,
– Malta: 343.54 tunnellati,
– il‑Portugall: 506.06 tunnellati,
– l‑Istati Membri l‑oħra: 60 tunnellata.
18. Il‑qbid totali permess (Total Allowable Catch, TAC) għaż‑żona tas-sajd tal‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑Lonġitudni 45° W u tal‑Mediterran, kien stabbilit, għall‑2008, bħala 28 500 tunnellata.
3. Ir‑Regolament Nru 446/2008
19. Il‑kwoti għall‑2008, stabbiliti skont ir‑Regolament Nru 40/2008, ġew sussegwentement emendati permezz tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 446/2008, tat‑22 ta’ Mejju 2008, li jadatta ċerti kwoti tat‑tonn fl‑2008 skont l‑Artikolu 21(4) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2847/93, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall‑politika tas‑sajd komuni (15) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 446/2008”). Dan ir‑regolament kien adottat minħabba li Franza u l‑Italja kienu qabżu, fl‑2007, il‑kwoti għas‑sajd tat‑tonn. Il‑kwoti ta’ dawn l‑Istati Membri tnaqqsu għall‑2008 u l‑ammonti mnaqqsa ġew allokati lill‑Greċja, lil Spanja, lil Ċipru, lil Malta u lill‑Portugall.
20. Il‑kwoti allokati lill‑Istati Membri individwali għall‑2008 kienu stabbiliti kif ġej:
– Ċipru: 303.54 tunnellata,
– il‑Greċja: 477.46 tunnellata,
– Spanja: 5 428.46 tunnellata,
– Franza: 4 894.19 tunnellata,
– l‑Italja: 4 162.71 tunnellata,
– Malta: 365.44 tunnellata,
– il‑Portugall: 518.96 tunnellata,
– Stati Membri oħra: 60 tunnellata.
4. Ir‑Regolament Nru 530/2008
21. Ir‑Regolament Nru 530/2008 ġie adottat abbażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002.
22. Il‑premessi 6, 7 u 8 tar‑Regolament Nru 530/2008 jindikaw dan li ġej:
“(6) Id‑dejta li għandha, kif ukoll it‑tagħrif miksub mill‑ispetturi tal‑Kummissjoni matul il‑missjonijiet tagħhom fl‑Istati Membri kkonċernati, juru li l‑opportunitajiet ta’ sajd tat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran allokati lil bastimenti li jistadu bil‑purse seines li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, ta’ l‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom se jitqiesu li ġew eżawriti fis‑16 ta’ Ġunju 2008 u li l‑opportunitajiet ta’ sajd għall‑istess stokk allokati lil bastimenti li jistadu bil‑purse seines li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha se jitqiesu li ġew eżawriti fit‑23 ta’ Ġunju 2008.
(7) Il‑kapaċità żejda tal‑flotot ġiet ikkunsidrata mill‑Kumitat Xjentifiku tal‑[ICCAT] bħala l‑fattur ewlieni li jista’ jwassal għall‑kollass ta’ l‑istokk tat‑tonn tal‑Lvant ta’ l‑Atlantiku u tal‑Mediterran. Il‑kapaċità żejda tal‑flotot toħloq riskju għoli ta’ aktar sajd mil‑livell permissibbli. Barra minn hekk, il‑kapaċità ta’ sajd tal‑ġurnata ta’ bastiment wieħed li jistad bil‑purse seines tant huwa għoli [hija għolja] li l‑livell ta’ sajd tal‑ġurnata jista’ jintlaħaq jew jinqabeż malajr ħafna. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, kwalunkwe sajd żejjed minn din il‑flotta joħloq theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ l‑istokk tat‑tonn.
(8) Il‑Kummissjoni qiegħda timmonitorja mill‑qrib il‑konformità mar‑rekwiżiti kollha tar‑regoli Komunitarji rilevanti mill‑Istati Membri matul il‑kampanja ta’ sajd għat‑tonn ta’ l‑2008. It‑tagħrif li għandha, kif ukoll it‑tagħrif li nkiseb mill‑ispetturi tal‑Kummissjoni, juri li l‑Istati Membri kkonċernati ma assigurawx konformità sħiħa mar‑rekwiżiti stabbiliti fir‑Regolament (KE) Nru 1559/2007.”
23. L‑Artikoli 1, 2 u 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 jipprovdu:
“Artikolu 1
Is‑sajd għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, ta’ l‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta jew li huma rreġistrati fihom għandu jiġi pprojbit mis‑16 ta’ Ġunju 2008.
Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it‑tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, u t‑trażbord jew il‑ħatt l‑art minn dawk il‑bastimenti minn dik id‑data.
Artikolu 2
Is‑sajd għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha għandu jiġi pprojbit mit‑23 ta’ Ġunju 2008.
Għandu jiġi pprojbit ukoll, li stokk ta’ dan it‑tip jinżamm abbord, jitqiegħed f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, u t‑trażbord jew il‑ħatt l‑art minn dawk il‑bastimenti minn dik id‑data.
Artikolu 3
1. Skond it‑tieni paragrafu, mis‑16 ta’ Ġunju 2008, operaturi Komunitarji ma għandhomx jaċċettaw il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, jew it‑trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines.
2. Il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid fil‑gaġeġ għat‑tismin u għat‑trobbija u t‑trażbord f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità, ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja jew li huma rreġistrati fiha, għandhom ikunu konċessi sat‑23 ta’ Ġunju 2008.”
24. Ir‑Regolament Nru 530/2008 daħal fis‑seħħ fit‑13 ta’ Ġunju 2008.
III – Il‑kuntest fattwali, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
25. Ir‑rikorrenti AJD Tuna Ltd, kumpannija bis‑sede tagħha f’Malta, tiġġestixxi negozju fis‑settur tat‑trobbija u t‑tismin tat‑tonn. Ir‑rikorrenti hija proprjetarja ta’ żewġ fishfarms destinati għat‑trobbija u t‑tismin ta’ tonn, waħda b’kapaċità ta’ 2 500 tunnellata u l‑oħra b’kapaċità ta’ 800 tunnellata. L‑attività prinċipali tar‑rikorrenti tikkonsisti fl‑akkwist ta’ tonn ħaj maqbud fil‑Mediterran, it‑trobbija u t‑tismin tal‑istess u l‑bejgħ tiegħu lil operaturi Komunitarji u extra‑Komunitarji. L‑attivitajiet ta’ trobbija u tismin eżerċitati mir‑rikorrenti ġew awtorizzati mill‑ICCAT u r-rikorrenti għandha permess takkwista kwota annwali ta’ 3 200 tunnellata ta’ tonn għall‑finijiet tal‑attivitajiet ta’ trobbija u tismin tagħha.
26. Matul l‑istaġun tas‑sajd tal‑2008, il‑Kummissjoni adottat ir‑Regolament Nru 530/2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir‑rigward ta’ bastimenti bil‑purse seines li jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45° W, u fil‑Baħar Mediterran. Skont dan ir‑regolament, is‑sajd għat‑tonn ġie pprojbit b’effett mis‑16 ta’ Ġunju 2008 għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, tal‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta, filwaqt li kien ipprojbit b’effett mit‑23 ta’ Ġunju 2008 għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja. Għaldaqstant, f’Malta, id‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd fi ħdan il‑Ministeru tal‑Agrikoltura (iktar ’il quddiem id‑“Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd”) żamm lir‑rikorrenti milli takkwista u timporta tonn għall‑finijiet tal‑attivitajiet ta’ trobbija u tismin tagħha. Il‑projbizzjoni imposta mid‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd kienet tkopri mhux biss tonn maqbud f’ibħra Komunitarji iżda anki tonn maqbud barra l‑ibħra Komunitarji minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru bandiera ta’ pajjiżi terzi.
27. Sas‑16 ta’ Ġunju 2008, ir‑rikorrenti kienet akkwistat 465 500 kilogramma ta’ tonn u setgħet takkwista 1 369 829 kilogrammi oħra sabiex tilħaq il‑kwota allokata lilha. Minħabba l‑projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 hija kienet prekluża milli takkwista l‑kwota ta’ tonn rimanenti billi tirrikorri għal sajjieda tat‑tonn extra‑Komunitarji. Hija għalhekk ippreżentat rikors għad‑danni kontra d‑Direttur tal‑Agrikoltura u s‑Sajd quddiem il‑qorti tar‑rinviju.
28. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑qorti tar‑rinviju ssospendiet il‑proċeduri permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ġunju 2009 u għamlet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari segwenti skont l‑Artikolu 234 KE:
“1) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu ma jiġġustifikax suffiċjentement ir‑raġunijiet għat‑teħid tal‑miżuri ta’ emerġenza adottati permezz tal‑Artikoli 1, 2 u 3 tal‑istess Regolament u ma jagħtix stampa ċara biżżejjed tal‑motivazzjoni ta’ tali miżuri, huwiex invalidu peress illi jivvjola l‑Artikolu 253 tat‑Trattat;
2) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu fil‑Premessi tiegħu ma jindikax adegwatament (i) l‑eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar b’riżultat ta’ attivitajiet tas‑sajd u (ii) il‑bżonn li tittieħed azzjoni immedjata, huwiex invalidu peress illi jivvjola l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Numru 2371/2002;
3) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu inkwantu l‑miżuri li ttieħdu jċaħħdu lil operaturi Komunitarji bħas‑soċjetà rikorrenti mill‑aspettattivi leġittimi tagħhom mibnija fuq il‑bażi tal‑Ewwel Artikolu tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 446/2008 tat‑22 ta’ Mejju 2008 u tat‑Tieni Artikolu tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Numru 2371/2002 tal‑20 ta’ Diċembru 2002;
4) Jekk l‑Artikolu 3 tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu minħabba li jivvjola l‑prinċipju tal‑proporzjonalità inkwantu jfisser illi (i) ebda operatur Komunitarju ma jista’ jġestixxi attività ta’ ħatt fl‑art jew tqegħid f’gaġeġ ta’ tonn bl‑iskop li jkabbar u jsemmen l‑istess anke rispettivament għal tonn maqbud preċedentement u għalhekk perfettament f’konformità mar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008; u (ii) ebda operatur Komunitarju ma jista’ jisvolġi dawn l‑attivitajiet rispettivament għal tonn maqbud minn sajjieda li l‑bastimenti tagħhom ma jtajrux il‑bandiera ta’ xi wieħed mill‑Istati Membri elenkati fl‑Ewwel Artikolu tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 anke jekk dan it‑tonn ikun ġie maqbud konformement mal‑kwoti stabiliti taħt [il‑Konvenzjoni];
5) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwiex invalidu minħabba li jivvjola l‑prinċipju tal‑proporzjonalità inkwantu l‑Kummissjoni naqset milli turi illi l‑miżura li kienet sejra tieħu kienet sejra tikkontribwixxi għat‑tkabbir mill‑ġdid tal‑ħażna tat‑tonn;
6) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu jagħmel distinzjoni bejn purse seiners taħt il‑bandiera Spanjola u dawk taħt il‑bnadar tal‑Greċja, l‑ltalja, Franza, Ċipru u Malta, u inkwantu jagħmel distinzjoni bejn dawn is‑sitt Stati Membri u Stati Membri oħra, huwiex invalidu minħabba li l‑miżuri adottati huma irraġonevoli u diskriminatorji fuq il‑bażi tan‑nazzjonalità kontra l‑Artikolu 12 tat‑Trattat li Jistabilixxi l‑Komunità Ewropea;
7) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu l‑partijiet interessati u l‑Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s‑sottomissjonijiet tagħhom qabel it‑teħid tad‑deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipji tal‑ġustizzja kif protetti permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati;
8) Jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, inkwantu l‑partijiet interessati u l‑Istati Membri ma ngħataw ebda ċans li jagħmlu s‑sottomissjonijiet tagħhom qabel it‑teħid tad‑deċiżjoni, huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipju tal‑kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad‑Dritt Komunitarju ma ġiex rispettat;
9) Jekk l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Numru 2371/2008 huwiex invalidu minħabba li l‑prinċipju tal‑kuntradittorju (audi alteram partem) bħala prinċipju ġenerali tad‑Dritt Komunitarju u/jew il‑prinċipji tal‑ġustizzja kif protetti permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea ma ġewx rispettati, u konsegwentement jekk ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008, minħabba li huwa ibbażat fuq ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Numru 2371/2008, huwiex invalidu;
10) Jekk, kemm‑il darba jiġi deċiż mill‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej li r‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Numru 530/2008 huwa validu, dan ir‑Regolament għandux jiġi interpretat fis‑sens illi l‑miżuri stabbiliti permezz tal‑Artikolu 3 tal‑istess Regolament jipprojbixxu wkoll li operaturi Komunitarji jaċċettaw il‑ħatt l‑art, it‑tqegħid f’gaġeġ għat‑tismin jew għat‑trobbija, jew it‑trażbordi f’ilmijiet jew f’portijiet tal‑Komunità ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ xi Stat extra‑Komunitarju u li jistadu bil‑purse seines.”
IV – Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
29. Id‑digriet tar‑rinviju wasal il‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2009. Fl‑istadju tal‑proċedura bil‑miktub, ippreżentaw osservazzjonijiet il‑kumpannija AJD Tuna, il‑Gvern Malti, dak Grieg u dak Taljan, kif ukoll il‑Kunsill u l‑Kummissjoni. Fis‑seduta tal‑20 ta’ Mejju 2010, ir‑rappreżentanti tal‑kumpannija AJD Tuna, tal‑Gvern Grieg u ta’ dak Taljan, kif ukoll tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni ppreżentaw l‑osservazzjonijiet orali tagħhom u wieġbu għall‑mistoqsijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.
V – Il‑konklużjonijiet tal‑partijiet
A – L‑ewwel u t‑tieni domandi
30. L‑ewwel u t‑tieni domandi preliminari jirreferu għall‑kwistjoni jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex motivat suffiċjentement.
31. Il‑kumpannija AJD Tuna, kif ukoll il‑Gvern Malti, dak Grieg u dak Taljan huma tal‑fehma li r‑Regolament Nru 530/2008 ma huwiex motivat suffiċjentement. Fil‑premessi ta’ dan ir‑regolament tissemma l‑informazzjoni li l‑Kummissjoni kellha għad‑dispożizzjoni tagħha, iżda din l‑informazzjoni ma hijiex indikata jew speċifikata b’mod preċiż. Minħabba n‑nuqqas ta’ informazzjoni preċiża, il‑partijiet l‑iktar ikkonċernati ma setgħux jifhmu r‑raġunijiet fattwali li fuq il‑bażi tagħhom ġie adottat ir‑regolament inkwistjoni. L‑obbligu ta’ motivazzjoni kien iktar u iktar importanti fid‑dawl tal‑fatt li r‑Regolament Nru 530/2008 jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jittieħdu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Il‑Kummissjoni kien imissha ddeterminat bi preċiżjoni l‑eżistenza ta’ theddida serja għall‑konservazzjoni tat‑tonn u n‑neċessità ta’ intervent immedjat. Is‑sempliċi riferiment għall‑eżawriment tal‑kwoti ma jiġġustifikax, fil‑fehma ta’ dawn il‑partijiet, miżuri ta’ emerġenza.
32. Il‑Kummissjoni ssostni li r‑Regolament Nru 530/2008 huwa mmotivat suffiċjentement fis‑sens tal‑ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja (16). Skont il‑Kummissjoni ma hemm ebda dubju li l‑premessi ta’ dan ir‑regolament jindikaw il‑motivi ċari għalfejn hija ssospendiet is‑sajd għat‑tonn bil‑purse seines iktar kmieni milli kien previst. Fil‑premessi tal‑istess regolament, ġiet fil‑fatt indikata l‑bażi legali, jiġifieri r‑riskju li jinqabżu l‑kwoti tas‑sajd u n‑nuqqas ta’ osservanza min‑naħa tal‑Istati Membri tal‑obbligu stabbilit fir‑Regolament Nru 1559/2007. L‑obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux jinftiehem fis‑sens li huwa meħtieġ li jiġu deskritti fid‑dettall il‑punti tekniċi u xjentifiċi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mill‑Kummissjoni. Barra minn hekk, tali obbligu ta’ motivazzjoni ma għandux jippreġudika l‑portata tal‑proċedura prevista fl‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002.
33. Il‑Kummissjoni tenfasizza li l‑projbizzjoni ta’ ħatt ta’ tonn fis‑sens tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 kienet meħtieġa sabiex tiġi msaħħa l‑projbizzjoni tas‑sajd b’purse seines. Fi kwalunkwe każ, hija ssostni li setgħet tadotta l‑miżura ta’ projbizzjoni tas‑sajd kemm fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 u kemm fuq il‑bażi tal‑Artikolu 26 tal‑istess regolament. Hija tindika li inizjalment hija kienet bdiet proċedura għall‑adozzjoni ta’ miżuri skont l‑Artikolu 26(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002 iżda mbagħad iddeċidiet li tadotta l‑miżuri ta’ emerġenza abbażi tal‑Artikolu 7(1) tal‑istess regolament.
34. Fir‑rigward tal‑prova tal‑eżistenza ta’ theddida serja, il‑Kummissjoni ssostni li f’dan il‑każ hija għandha taġixxi inkonformità mal‑prinċipju ta’ prekawzjoni, imsemmi fl‑Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 2371/2002, u għalhekk għandha titlaq mill‑premessa li jeżistu theddida jew riskju, li mid‑definizzjoni tagħhom ma jistgħux ikunu ċerti.
B – It‑tielet domanda
35. Permezz tat‑tielet domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk ir‑regolament ikkontestat jiksirx l‑aspettattivi leġittimi tal‑operaturi li kienu allokati kwoti għall‑2008.
36. Il‑kumpannija AJD Tuna tenfasizza l‑fatt li, meta kkonkludiet kuntratti ma’ sajjieda, hija bbażat ruħha fuq il‑kwoti allokati lill‑Istati Membri. Fil‑fehma tagħha, il‑Kummissjoni – meta ssospendiet b’mod mhux mistenni s‑sajd għat‑tonn minkejja li kienu għadhom ma ntlaħqux il‑kwoti – kisret l‑aspettattivi leġittimi tagħha. Hija ssostni wkoll li l‑Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tipprojbixxi l‑attività ta’ impriżi fir-rigward ta’ perijodu sussegwenti għall‑mument li fih ikunu saru l‑qabdiet.
37. Il‑Gvern Taljan huwa tal‑fehma li, jekk ikunu sodisfatti l‑kundizzjonijiet meħtieġa għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, l‑aspettattivi leġittimi ma jistgħux jitqajmu bħala oġġezzjoni għall‑validità tar‑regolament ikkontestat.
38. Il‑Kummissjoni tenfasizza li l‑kumpannija AJD Tuna qatt ma kienet ingħatat xi assigurazzjoni li s‑sajjieda li kienet ikkonkludiet kuntratti magħhom kienu ser jaqbdu neċessarjament il‑kwantitajiet ta’ tonn allokati lilhom. Barra minn hekk, minn dejjem kien hemm il‑possibbiltà li s‑sajd għat‑tonn jiġi sospiż fil‑każ li jiġu eżawriti l‑kwoti jew fil‑każ li jkun hemm theddida serja għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi. Il‑Kummissjoni telenka numru ta’ regolamenti li jistabbilixxu miżuri f’dan is‑sens.
C – Ir‑raba’ domanda
39. Permezz tar‑raba’ domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk ir‑regolament ikkontestat jiksirx il‑prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu, minn naħa, jipprojbixxi l‑attivitajiet ta’ ħatt u ta’ tqegħid f’gaġeġ ta’ tonn għall‑finijiet ta’ tismin jew trobbija u dan anki fir‑rigward tat‑tonn maqbud qabel is‑16 ta’ Ġunju 2008 u, min‑naħa l‑oħra, jipprojbixxi tali attivitajiet anki fir‑rigward ta’ bastimenti li jistadu għat‑tonn u li ma humiex koperti mill‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 530/2008, u dan anki jekk il‑qabdiet inkwistjoni jkunu saru inkonformità mal‑kwoti stabbiliti mill‑Konvenzjoni.
40. Il‑kumpannija AJD Tuna hija tal‑fehma li r‑regolament ikkontestat ma huwiex konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma jilħaqx bilanċ bejn ir‑rekwiżit li jiġi protett l‑ambjent u r‑rekwiżit li l‑interessi tal‑operaturi ekonomiċi ma jiġux ippreġudikati b’mod eċċessiv. Permezz tar‑regolament ikkontestat il‑Kummissjoni segwiet biss l‑interessi marbuta mal‑protezzjoni tal‑ambjent mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l‑interessi tal‑operaturi ekonomiċi.
41. Il‑Gvern Grieg u dak Taljan isostnu li l‑miżura ta’ projbizzjoni hija sproporzjonata fir‑rigward tal‑għan tal‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn. Din il‑miżura lanqas ma tista’ tkun konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l‑fatt li s‑sajjieda Spanjoli jistgħu jkomplu jistadu għal sebat ijiem addizzjonali.
42. Il‑Kummissjoni tenfasizza li t‑test tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 ma huwiex kompletament preċiż u li r‑regolament inkwistjoni jirreferi biss għall‑qabdiet magħmula wara s‑16 ta’ Ġunju 2008 jew wara t‑23 ta’ Ġunju 2008. Tali interpretazzjoni tkun raġonevoli fid‑dawl tal‑kontenut tad‑dispożizzjonijiet l‑oħra tal‑istess regolament. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tindika li l‑projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 tkopri, effettivament, anki l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati oħra apparti dawk imsemmija fl‑Artikoli 1 u 2 tar‑regolament inkwistjoni. Fil‑fehma tagħha l‑projbizzjoni inkwistjoni hija konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità anki fid‑dawl tal‑fatt li hija kellha fil‑pussess tagħha informazzjoni li anki l‑bastimenti tas‑sajd ta’ Stati oħra kienu eżawrew il‑kwoti tagħhom u li lanqas dawn ma kienu osservaw ir‑rakkomandazzjonijiet tal‑ICCAT.
D – Il‑ħames domanda
43. Permezz tal‑ħames domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 jiksirx il‑prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu l‑Kummissjoni ma pprovatx li l‑miżuri li kellha l‑intenzjoni tadotta kienu ser jikkontribwixxu għall‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn.
44. Il‑kumpannija AJD Tuna hija tal‑fehma li l‑projbizzjoni li jinħatt u li jitqiegħed f’gaġeġ tonn diġà maqbud jew maqbud minn bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati oħra apparti dawk imsemmija fl‑Artikolu 1 tar‑regolament ikkontestat, ma għandha ebda impatt fuq il‑protezzjoni tal‑istokk tat‑tonn. Il‑Kummissjoni ma pprovatx li fin‑nuqqas tal‑adozzjoni tal‑projbizzjoni stabbilita fir‑regolament ikkontestat kien ser jinħoloq preġudizzju serju għall‑istokk tat‑tonn.
45. Il‑Gvern Malti josserva li l‑projbizzjoni ma kellha ebda impatt fuq il‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn peress li ma tolqotx l‑attività ta’ sajjieda li joperaw barra mill‑Komunità.
46. Il‑Kummissjoni tiġbed l‑attenzjoni għall‑fatt li l‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn huwa ggarantit permezz tas‑sistema ta’ TAC u permezz tal‑kwoti stabbiliti mill‑ICCAT. Fil‑kompitu tagħha li tiżgura li l‑kwoti għall‑2008 ma jinqabżux, hija kellha tadotta miżura li jkollha bħala effett il‑konservazzjoni tal‑istokk.
E – Is‑sitt domanda
47. Permezz tas‑sitt domanda, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑regolament ikkontestat jiksirx il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċittadinanza inkwantu jipprevedi dati differenti minn meta tidħol fis‑seħħ il‑projbizzjoni għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli u għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn ta’ Stati Membri oħra.
48. Il‑kumpannija AJD Tuna u l‑Gvern Grieg isostnu li d‑differenza bejn il‑bastimenti Spanjoli u dawk ta’ Stati Membri oħra ma hijiex fondata. Tali differenza hija inqas u inqas fondata meta wieħed iqis li l‑miżuri tal‑Kummissjoni kienu adottati bħala miżuri ta’ emerġenza. La l‑miżuri kienu urġenti u neċessarji għall‑protezzjoni tal‑istokk tat‑tonn, ma huwiex ġustifikat li l‑bastimenti Spanjoli jitħallew jaqbdu u jħottu tonn għal ġimgħa addizzjonali.
49. Il‑Kummissjoni tenfasizza li s‑sitwazzjoni tal‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli kienet differenti minn dik ta’ tali bastimenti ta’ Stati Membri oħra meta jitqies in‑numru tal‑bastimenti fil‑konfront tal‑kwota allokata lil Spanja. Fir‑rigward tal‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli, ma kienx hemm ir‑riskju li l‑kwoti jiġu eżawriti qabel it‑23 ta’ Ġunju 2008.
F – Is‑seba’ u t‑tmien domandi
50. Permezz tas‑seba’ u t‑tmien domandi, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk kienx hemm ksur tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea u tal‑prinċipju ta’ kontradittorju inkwantu l‑partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri ma ngħataw ebda possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub qabel ma ttieħdet deċiżjoni.
51. Il‑kumpannija AJD Tuna ssostni li hija kien imissha nstemgħet qabel l‑adozzjoni tar‑regolament ikkontestat u għalhekk il‑Kummissjoni kisret il‑prinċipju ta’ kontradittorju u l‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali.
52. Fil‑fehma tal‑Gvern Taljan, il‑Kummissjoni kien imissha adottat il‑miżuri abbażi tal‑Artikolu 26 tar‑Regolament Nru 2371/2002, li jipprevedi sistema fejn l‑Istati Membri jiġu informati. Billi użat il‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 7(1) ta’ dan ir‑regolament, il‑Kummissjoni kisret l‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u l‑prinċipju ta’ kontradittorju.
53. Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill jenfasizzaw li l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma jipprevedix il‑konsultazzjoni tal‑partijiet ikkonċernati. Huma jsostnu li l‑Artikolu 47 tal‑Karta jistabbilixxi d‑dritt għal qorti imparzjali, dritt li ma japplikax f’dan il‑każ. Mill‑banda l‑oħra, l‑Artikolu 41 tal‑Karta jirregola biss sitwazzjonijiet individwali.
G – Id‑disa’ domanda
54. Permezz ta’ din id‑domanda l‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 7 tar‑Regolament tal‑Kunsill Nru 2371/2002 huwiex invalidu għar‑raġuni li jistgħu jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza mingħajr ma l‑partijiet ikkonċernati u l‑Istati Membri jkunu ngħataw il‑possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub qabel l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni, b’tali mod li hemm ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju u tad‑drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill‑Karta.
55. Il‑kumpannija AJD Tuna hija tal‑fehma li hija kien imissha nstemgħet qabel l‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008 u li permezz tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002, li ma jipprevedix tali possibbiltà, ġew miksura l‑prinċipju ta’ kontradittorju u l‑Artikoli 41 u 47 tal‑Karta.
56. Fir‑rigward ta’ din id‑domanda l‑Kummissjoni tieħu l‑istess pożizzjoni bħal fir‑rigward tas‑seba’ u tat‑tmien domandi.
57. Il‑Kunsill isostni li l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma huwiex invalidu. Huwa tal‑fehma li għalkemm huwa minnu li l‑prinċipju ta’ kontradittorju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt Komunitarju li japplika fil‑proċedimenti amministrattivi kollha, ir‑rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni l‑kontradittorju ma jistax jiġi applikat fil‑kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva li twassal għal atti ta’ portata ġenerali.
H – L‑għaxar domanda
58. Permezz tal‑għaxar domanda, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprojbixxi liċ‑ċittadini Komunitarji milli jwettqu attivitajiet ta’ ħatt, tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin u ta’ trobbija u trażbord ta’ tonn maqbud minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi.
59. Il‑kumpannija AJD Tuna u l‑Kummissjoni jsostnu li r‑Regolament Nru 530/2008 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑projbizzjoni tirreferi wkoll għall‑ħatt ta’ tonn maqbud minn bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat terz.
60. Il‑Gvern Taljan, għall‑kuntrarju, huwa tal‑fehma li l‑projbizzjoni stabbilita fir‑Regolament Nru 530/2008 tkopri biss il‑qbid mill‑flotot tal‑Istati Membri li għalihom jirreferi dan ir‑regolament.
VI – Evalwazzjoni tal‑Avukat Ġenerali
A – Introduzzjoni
61. Il‑kawża ineżami tista’ titqiegħed fil‑kuntest tal‑ġlieda għall‑konservazzjoni tat‑tonn, speċi ħajja li tinsab dejjem iktar mheddha (17). Fost id‑diversi gradi ta’ perikolu, it‑tonn jinsab fil‑kategoriji tal‑ispeċi ħajjin li jinsabu serjament f’perikolu (18) u l‑istokk tat‑tonn illum naqas b’madwar 85 % (19). Għalhekk, fuq livell internazzjonali, jeżistu diversi sforzi intiżi għall‑konservazzjoni ta’ tali speċi protetta, b’mod partikolari fil‑kuntest tal‑ICCAT. Għall‑finijiet tal‑irkupru tal‑istokk tat‑tonn, l‑ICCAT ipprevediet tnaqqis progressiv fil‑qbid totali permess (Total Allowable Catch, jew TAC), restrizzjonijiet għall‑attivitajiet ta’ sajd f’żoni jew perijodi partikolari, daqs minimu ġdid għat‑tonn, dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is‑sajd sportiv u bħala passatemp, miżuri ta’ kontroll u l‑implementazzjoni tal‑programm ta’ spezzjoni komuni internazzjonali adottat mill‑ICCAT sabiex tiġi żgurata l‑effiċjenza tal‑pjan għall‑irkupru tat‑tonn (20). Barra minn hekk, fil‑kuntest tal‑Organizzazzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti ġie propost, f’Marzu ta’ din is‑sena, li tiġi introdotta projbizzjoni assoluta tal‑kummerċ internazzjonali fit‑tonn, proposta iżda li ma ġietx adottata.
62. Fir‑rigward tal‑grad għoli ta’ perikolu li jinsab fih it‑tonn, anki l‑Unjoni qiegħda tindirizza l‑konservazzjoni tiegħu permezz tal‑adozzjoni, fir‑Regolament Nru 1559/2007, ta’ pjan pluriennali għall‑irkupru tat‑tonn fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran. Dan ir‑regolament jipprevedi t‑tnaqqis annwali tal‑qbid totali permess (21) u l‑awtorizzazzjoni tas‑sajd għat‑tonn bejn l‑1 ta’ Jannar u t‑30 ta’ Ġunju biss (22), jinkludi pereżempju dispożizzjonijiet anki dwar id‑daqs minimu tat‑tonn li jista’ jinqabad (23), u jipprevedi wkoll miżuri ta’ sorveljanza, fosthom rapport tal‑qabda obbligatorju (24). Il‑kwoti ta’ sajd għat‑tonn għall‑Istati Membri individwali huma stabbiliti mill‑Unjoni permezz tar‑Regolament Nru 40/2008 u annessi mar‑Regolament Nru 446/2008.
63. F’din il‑kawża qegħdin jitqajmu diversi kwistjonijiet legali dwar il‑validità tar‑Regolament Nru 530/2008 u dwar l‑interpretazzjoni ta’ dan ir‑regolament, kif ukoll kwistjoni dwar il‑validità tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002. B’mod iktar preċiż, permezz tar‑regolament tal‑ewwel il‑Kummissjoni pprojbixxiet is‑sajd għat‑tonn minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, tal‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta b’effett mis‑16 ta’ Ġunju 2008, kif ukoll minn tali bastimenti Spanjoli b’effett mit‑23 ta’ Ġunju 2008. Hija pprojbixxiet ukoll il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għal finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija u t‑trażbord tat‑tonn maqbud kemm mill‑bastimenti tal‑Istati msemmija u kif ukoll minn bastimenti ta’ Stati terzi.
B – L‑ewwel u t‑tieni domandi
64. L‑ewwel u t‑tieni domandi mqajma mill‑qorti tar‑rinviju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien minħabba li huma konnessi, jirreferu għal żewġ problemi legali: minn naħa, jekk l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 huwiex il‑bażi legali adegwata għall‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008 u, min‑naħa l‑oħra, jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex motivat suffiċjentement (25).
65. Għalhekk, għandu l‑ewwel nett jiġi evalwat jekk l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 jikkostitwixxix il‑bażi legali adegwata għall‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008 u, it‑tieni nett, jekk ir‑regolament imsemmi huwiex motivat suffiċjentement. Fi kliem ieħor, l‑ewwel għandu jiġi vverifikat jekk il‑Kummissjoni effettivament ikkonstatatx riskju serju għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn li minħabba fih kien neċessarju li jiġi pprojbit is‑sajd għal din l‑ispeċi ta’ ħut skont l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002. Għalhekk – jekk din it‑theddida kienet effettivament teżisti u jekk l‑Artikolu msemmi jikkostitwixxi il‑bażi legali adegwata – ikun meħtieġ jiġi vverifikat jekk il‑Kummissjoni mmotivatx suffiċjentement ir‑regolament ikkontestat (26).
1. Adegwatezza tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 bħala bażi legali għar‑regolament ikkontestat
66. Skont l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, il‑Kummissjoni tista’, fuq talba sostanzjata ta’ Stat Membru jew fuq l‑inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li tadotta miżuri ta’ emerġenza jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: fl‑ewwel lok, jekk ikun ġie kkonstatat riskju serju għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin jew għall‑ekosistema tal‑baħar b’riżultat tal‑attivitajiet tas‑sajd u, it‑tieni lok, jekk tali riskju jkun jeħtieġ intervent immedjat. Kif jenfasizza ġustament il‑Gvern Malti, it‑tieni kundizzjoni għall‑applikazzjoni tad‑dispożizzjoni msemmija tiddependi mill‑ewwel waħda: il‑ħtieġa ta’ intervent immedjat hija l‑konsegwenza ta’ riskju serju għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin u, għall‑kuntrarju, jekk ma jkunx hemm tali riskju serju, ma jkunx meħtieġ intervent immedjat.
67. L‑imsemmija kundizzjonijiet meħtieġa għall‑applikazzjoni tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 jimplikaw li l‑miżuri adottati fuq il‑bażi ta’ tali dispożizzjoni huma ta’ natura eċċezzjonali u urġenti u li jkunu adottati b’mod leġittimu f’sitwazzjonijiet fejn tkun meħtieġa s‑sospensjoni integrali tal‑attivitajiet tas‑sajd, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn dawn l‑attivitajiet ikun jista’ jkollhom konsegwenzi irreparabbli għal riżorsi akwatiċi partikolari jew għall‑ekosistema tal‑baħar. In‑natura eċċezzjonali u urġenti ta’ tali miżuri tirriżulta anki minn regolamenti adottati sal‑lum mill‑Kummissjoni fuq il‑bażi ta’ din id‑dispożizzjoni. B’hekk, il‑Kummissjoni adottat, pereżempju, fl‑2003, ir‑Regolament (KE) Nru 677/2003, tal-14 ta’ April 2003, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall‑irkupru tal‑istokk tal‑merluzz fil‑Baħar Baltiku (27), li permezz tiegħu kien ipprojbit kompletament għal perijodu partikolari s‑sajd għal tali speċi, sa fejn l‑istokk inkwistjoni kien mhedded minħabba s‑sajd bit‑tartarun għal merluzz ta’ qisien inqas minn dawk awtorizzati. Bl‑istess mod, fl‑2005 il‑Kummissjoni adottat miżuri ta’ emerġenza fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 li permezz tagħhom ipprojbixxiet kompletament is‑sajd għall‑inċova f’żona partikolari minħabba data xjentifika li kienet tindika li kienu meħtieġa miżuri urġenti għall‑protezzjoni u l‑irkupru tal‑istokk tal‑inċova f’tali żona (28).
68. Fl‑eżami tal‑adegwatezza tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 bħala bażi legali għar‑Regolament Nru 530/2008, għandu qabel kollox jiġi stabbilit jekk il‑Kummissjoni, fuq il‑bażi ta’ konstatazzjonijiet ġenerali u ta’ data tal‑istatistika, kellhiex verament prova li kien hemm riskju serju għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn li minħabba fih kien meħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza. Għall‑finijiet ta’ din l‑evalwazzjoni huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat li l‑implementazzjoni tal‑politika agrikola komuni (li tinkludi s‑sajd) mill‑Kummissjoni timplika l‑evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali kumplessi. Għaldaqstant, is‑setgħa diskrezzjonali tal‑Kummissjoni fl‑eżami ta’ każ partikolari ma tirrigwardax biss in‑natura u l‑portata tal‑miżuri li għandhom jiġu adottati iżda anki, sa ċertu punt, il‑konstatazzjoni tal‑fatti; f’dan il‑kuntest il‑Kummissjoni tista’ eventwalment tibbaża ruħha fuq konstatazzjonijiet ġenerali u data tal‑istatistika (29).
69. Fir‑rigward tal‑portata tal‑marġni ta’ diskrezzjoni fl‑eżami ta’ każ partikolari, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l‑leġiżlatur Komunitarju jkollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa – bħal fis‑settur tal‑agrikoltura, li jinkludi s‑sajd – l‑istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal verifika li l‑miżura inkwistjoni ma tkunx ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jiġifieri li l‑awtorità inkwistjoni ma qabżitx b’mod manifest il‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha (30). Madankollu, anki meta jkollu setgħa diskrezzjonali, il‑leġiżlatur Komunitarju huwa marbut li jibbaża l‑għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u adegwati fir‑rigward tal‑għan tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l‑fatti u d‑data teknika u xjentifika kollha disponibbli fil‑mument tal‑adozzjoni tal‑att inkwistjoni (31). Fl‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tiegħu, il‑leġiżlatur Komunitarju għandu jieħu inkunsiderazzjoni l‑interessi kollha inkwistjoni u, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tar‑restrizzjonijiet marbuta mad‑diversi miżuri possibbli, huwa għandu jivverifika jekk, fid‑dawl tal‑għanijiet mixtieqa, il‑miżura magħżula hijiex idonea sabiex tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, li jistgħu jkunu anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (32).
70. Skont informazzjoni aċċessibbli għall‑pubbliku, ippreżentata quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja mill‑kumpannija AJD Tuna (33), il‑flotta Komunitarja fl‑2008 eżawriet 63.23 % biss tal‑kwota assenjata lill‑Komunità. Bl‑istess mod, fuq il‑bażi ta’ din l‑informazzjoni, l‑Istati taż‑żona tal‑Mediterran li ma humiex Stati Membri tal‑UE (34) ma qabżux il‑kwoti rispettivi tagħhom, jew inkella qabżuhom b’perċentwali żgħira (35).
71. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat – kif enfasizzat ġustament il‑Kummissjoni waqt is‑seduta – li tali informazzjoni hija biss provviżorja. Il‑Kummissjoni indikat fis‑seduta li skont l‑informazzjoni definittiva l‑Komunità fl‑2008 kienet eżawriet 92.3 % tal‑kwota tagħha. Barra minn hekk, mir‑rapport tal‑ICCAT (36) jirriżulta li l‑istima tal‑parti l‑kbira tal‑qbid saret abbażi tal‑qbid ikkomunikat lill‑awtoritajiet tal‑ICCAT. B’hekk, fir‑rapport tal‑ICCAT huwa indikat li l‑qbid totali permissibbli (TAC) għat‑tonn fl‑2008 fl‑Oċean Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Baħar Mediterran kien ta’ 28 500 tunnellata (37). Il‑qbid ikkomunikat (reported catch) għall‑2008 jammonta għal total ta’ 23 868 tunnellati, filwaqt li l‑istima tal‑qbid (best catch estimate) kienet ta’ 25 760 tunnellata (38). Il‑qbid ikkomunikat u l‑istima tal‑qbid huma għalhekk inqas mit‑TAC. Madankollu, din l‑informazzjoni ma tinkludix il‑qbid illegali, mhux ikkomunikat u irregolari. Barra minn hekk, il‑qbid potenzjali (potential catch) għall‑2008 kien ħafna ikbar mit‑TAC (34 120 tunnellata) (39).
72. Fil‑fehma tiegħi, fid‑dawl tal‑informazzjoni msemmija l‑Kummissjoni setgħet tadotta r‑Regolament Nru 530/2008 fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 minkejja li, fil‑mument tal‑adozzjoni tar‑regolament inkwistjoni, hija seta’ ma kellhiex data xjentifika kompletament affidabbli. Din il‑bażi legali hija adegwata, minn naħa, minħabba li l‑Kummissjoni għandha ċerta setgħa diskrezzjonali, anki fir‑rigward tal‑verifika tal‑informazzjoni (40) u, min‑naħa l‑oħra, minħabba li, meta tiġi adottata miżura ta’ emerġenza, il‑Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l‑approċċ prekawzjonali. Fil‑fatt, għandu jitqies li l‑Komunità għandha tapplika l‑approċċ prekawzjonali meta tadotta miżuri intiżi li jipproteġu u jikkonservaw ir‑riżorsi akwatiċi ħajjin, li jiggarantixxu sfruttament sostenibbli ta’ dawn ir‑riżorsi u li jnaqqsu kemm jista’ jkun l‑impatt tal‑attivitajiet tas‑sajd fuq is‑sistemi ekomarittimi (41). L‑approċċ prekawzjonali fil‑ġestjoni tas‑sajd ifisser li n‑nuqqas ta’ data xjentifika adegwata ma għandux jiġġustifika l‑posponiment jew in‑nuqqas ta’ adozzjoni tal‑miżuri ta’ ġestjoni għall‑konservazzjoni tal‑ispeċi fil‑mira, tal‑ispeċi assoċjati jew dipendenti u tal‑ispeċi mhux fil‑mira u tal‑habitat tagħhom (42).
73. Jiena għalhekk tal‑fehma li l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 jikkostitwixxi l‑bażi legali adegwata tar‑Regolament Nru 530/2008.
2. Adegwatezza tal‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat
74. Ser neżamina issa l‑kwistjoni tal‑adegwatezza tal‑motivazzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008, kwistjoni li fil‑kuntest tagħha huwa meħtieġ li jiġi evalwat jekk tali regolament huwiex invalidu minħabba li ma huwiex motivat b’mod adegwat. Għandu jiġi ċċarat qabel kollox l‑obbligu ta’ motivazzjoni li l‑Kummissjoni għandha fir‑rigward ta’ regolament li permezz tiegħu tadotta miżuri ta’ emerġenza għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin.
75. Skont ġurisdizzjoni stabbilita dwar l‑Artikolu 253 KE (43), il‑motivazzjoni għandha tkun adegwata fid‑dawl tan‑natura tal‑att inkwistjoni u għandha tindika b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament loġiku segwit mill‑istituzzjoni li tkun l‑awtriċi tal‑att, b’tali mod li l‑partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu r‑raġunijiet wara d‑dispożizzjonijiet adottati u b’tali mod li l‑qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha (44). Ir‑rekwiżit tal‑motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑każ, b’mod partikolari tal‑kontenut tal‑att, tan‑natura tal‑motivi esposti u tal‑interess li d‑destinatarji tal‑att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l‑att jista’ jkollhom li jingħataw spjegazzjonijet (45). Ma huwiex meħtieġ li l‑motivazzjoni tispeċifika l‑punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn il‑verifika ta’ jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir‑rekwiżiti stabbiliti fl‑Artikolu 253 KE ma għandhiex issir biss fid‑dawl tal‑kontenut tiegħu iżda anki fid‑dawl tal‑kuntest tiegħu u tad‑dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is‑suġġett (46).
76. Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l‑portata tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min‑natura tal‑att inkwistjoni u, fir‑rigward ta’ atti li huma intiżi li jkollhom applikazzjoni ġenerali, il‑motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is‑sitwazzjoni kumplessiva li wasslet għall‑adozzjoni tiegħu u, min‑naħa l‑oħra, l‑għanijiet ġenerali ta’ dan l‑att. F’dan il‑kuntest il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li, jekk l‑att ikkontestat jindika essenzjalment l‑għan imfittex mill‑istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għad‑diversi għażliet ta’ natura teknika magħmula (47).
77. Għaldaqstant, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tindika, fil‑motivazzjoni tar‑regolament ikkontestat, informazzjoni konkreta dwar l‑eżawriment tal‑istokk tat‑tonn.
78. Dan l‑approċċ huwa kkonfermat ukoll mir‑regolamenti l‑oħra adottati mill‑Kummissjoni abbażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, pereżempju r‑Regolament Nru 677/2003, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall‑irkupru tal‑istokk tal‑merluzz fil‑Baħar Baltiku (48), ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1037/2005, tal‑1 ta’ Lulju 2005, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall‑protezzjoni u l‑irkupru tal‑istokk tal‑inċova fiż‑żona ICES Sub‑area VIII (49), ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1539/2005, tat‑22 ta’ Settembru 2005, li jestendi l‑miżuri ta’ emerġenza għall‑protezzjoni u l‑irkupru tal‑istokk tal‑inċova fiż‑żona ICES Sub‑area VIII (50), u r‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1475/2003, tal‑20 ta’ Awwissu 2003, dwar il‑protezzjoni ta’ skolli tal‑qroll f’baħar fond mill‑effetti ta’ tkarkir f’żona fil‑majjistral tal‑Iskozja (51).
79. Il‑Kummissjoni f’ebda wieħed minn dawn ir‑regolamenti ma indikat informazzjoni konkreta dwar riskju serju għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin minkejja li mir‑regolamenti kollha jirriżulta li hija bbażat ruħha fuq tali informazzjoni. Għaldaqstant, ma nistax naqbel mar‑rikorrenti fil‑kawża prinċipali li l‑Kummissjoni kien imissha indikat, fir‑regolament ikkontestat, informazzjoni konkreta dwar riskju serju għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
80. Barra minn hekk – kif diġà indikajt fil‑punt 72 ta’ dawn il‑konklużjonijiet – anki jekk fil‑mument tal‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008 il‑Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni li kienet tindika li fin‑nuqqas ta’ miżuri ta’ emerġenza kien ser ikun hemm riskju serju li jiġi eżawrit l‑istokk inkwistjoni, hija xorta waħda setgħet tadotta r‑regolament inkwistjoni b’applikazzjoni tal‑approċċ prekawzjonali.
81. Għalhekk nikkonkludi li l‑Kummissjoni mmotivat adegwatament ir‑Regolament Nru 530/2008.
C – It‑tielet domanda
82. Permezz tat‑tielet domanda l‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex invalidu minħabba li jikser l‑aspettattivi leġittimi ta’ individwi bħalma hija r‑rikorrenti.
83. Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑possibbiltà li tiġi invokata l‑protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi hija disponibbli għal kull operatur ekonomiku li istituzzjoni tkun ħolqitlu aspettattivi ġustifikati (52). Tikkostitwixxi eżempju ta’ tali assigurazzjonijiet, irrispettivament mill‑forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli (53). Għaldaqstant, fin‑nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lilu minn istituzzjoni, ħadd ma’ jista’ jinvoka ksur ta’ tali prinċipju (54). Jekk operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni li jipprevdi l‑adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tista’ tikkawża preġudizzju għall‑interess tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l‑benefiċċju ta’ tali prinċipju fil‑każ li tali leġiżlazzjoni tiġi adottata (55).
84. Kif tenfasizza ġustament il‑Kummissjoni, AJD Tuna ma rċeviet ebda assigurazzjoni mingħand il‑Kummissjoni fir‑rigward tal‑punt li s‑sajd għat‑tonn minn bastimenti li jistadu għat-tonn bil‑purse seines kien ser jibqa’ awtorizzat sat‑30 ta’ Ġunju 2008. Jekk il‑kumpannija AJD Tuna titħalla tinvoka – mingħajr assigurazzjonijiet ċari min‑naħa tal‑Kummissjoni – aspettattivi leġittimi, il‑Kummissjoni titqiegħed effettivament f’pożizzjoni fejn ikun impossibbli għaliha li tieħu kwalunkwe miżura intiża li tissospendi s‑sajd b’mod provviżorju. Minbarra l‑miżuri ta’ emerġenza abbażi tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 kif ukoll abbażi tal‑Artikolu 26 tar‑Regolament Nru 2371/2002, il‑Kummissjoni tista’ tiġi mwaqqfa wkoll milli tadotta anki l‑miżuri għar‑regolamentazzjoni u s‑sospensjoni temporanja tal‑attivitajiet tas‑sajd fis‑sens tal‑Artikolu 21 tar‑Regolament Nru 2847/93.
85. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, ir‑risposta għat‑tielet domanda għandha tkun fis‑sens li r‑Regolament Nru 530/2008 ma jiksirx l‑aspettattivi leġittimi ta’ individwi bħar‑rikorrenti.
D – Ir‑raba’ u l‑ħames domandi
86. Permezz tar‑raba’ u l‑ħames domandi, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba dawn iż‑żewġ raġunijiet:
– minn naħa, minħabba li ebda operatur tal‑Komunità ma jista’ jwettaq attivitajiet ta’ ħatt jew ta’ tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija ta’ tonn u dan anki fir‑rigward ta’ qabdiet magħmula qabel id‑data li fiha kien sospiż is‑sajd permezz tar‑Regolament Nru 530/2008, u
– min‑naħa l‑oħra, minħabba li ebda operatur tal‑Komunità ma jista’ jwettaq tali attivitajiet fir‑rigward ta’ tonn maqbud minn sajjieda li l‑bastimenti tas‑sajd tagħhom ma jtajrux il‑bandiera ta’ wieħed mill‑Istati Membri msemmija fl‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 530/2008.
87. Ser neżamina dawn iż‑żewġ domandi fir‑rigward tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.
1. Il‑proporzjonalità tal‑projbizzjoni li jinħatt tonn maqbud qabel l‑introduzzjoni tal‑projbizzjoni tas‑sajd.
88. Għandu qabel kollox jiġi eżaminat jekk hijiex proporzjonata miżura li tipprovdi li ebda operatur tal‑Komunità ma jista’ jħott tonn jew iqiegħed f’gaġeġ tonn għall‑finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija, u dan anki fir‑rigward ta’ tonn maqbud qabel id‑data li fiha s‑sajd ġie sospiż skont ir‑Regolament Nru 530/2008 għall‑bastimenti li jistadu bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, tal‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta, jiġifieri qabel is‑16 ta’ Ġunju 2008.
89. Fir‑rigward tal‑miżura inkwistjoni għandu jiġi enfasizzat li huwa minnu li r‑Regolament Nru 530/2008 jipprovdi, fl‑Artikolu 3, li l‑operaturi tal‑Komunità ma għandhomx, b’effett mis‑16 ta’ Ġunju 2008 jew b’effett mit‑23 ta’ Ġunju 2008 (fir‑rigward ta’ tonn maqbud minn bastimenti Spanjoli li jistadu għat-tonn bil‑purse seines), jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija u t‑trażbord fl‑ilmijiet jew fil‑portijiet Komunitarji ta’ tonn maqbud fl‑Oċean Atlantiku fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, minn bastimenti li jistadu bil‑purse seines. Permezz ta’ interpretazzjoni testwali ta’ dan l‑artikolu, wieħed jista’ fil‑fatt jasal għall‑konklużjoni li l‑projbizzjoni inkwistjoni tirreferi wkoll għal tonn maqbud qabel is‑16 jew it‑23 ta’ Ġunju 2008.
90. Madankollu, anki fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, il‑Kummissjoni sostniet li permezz ta’ interpretazzjoni teleoloġika ta’ dan l‑artikolu wieħed għandu jasal għall‑konklużjoni li l‑operaturi tal‑Komunità ma għandhomx jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin u ta’ trobbija u t‑trażbord ta’ qabdiet ta’ tonn imwettqa wara s‑16 jew it‑23 ta’ Ġunju 2008. L‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 għandu jinqara flimkien mal‑Artikoli 1 u 2 tal‑istess regolament, li jipprojbixxu s‑sajd għat‑tonn b’effett mis‑16 jew mit‑23 ta’ Ġunju 2008.
91. Peress li naqbel mal‑interpretazzjoni teleoloġika tal‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008, kif sostnuta mill‑Kummissjoni, jiena tal‑fehma li, fir‑rigward tal‑projbizzjoni tal‑attività ta’ ħatt ta’ qabdiet ta’ tonn, imwettqa qabel is‑16 jew it‑23 ta’ Ġunju 2008, ma tqumx il‑kwistjoni tal‑konformità tal‑miżura inkwistjoni mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.
2. Il‑proporzjonalità tal‑projbizzjoni li jinħattu qabdiet ta’ tonn, imwettqa minn bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi.
92. Għall‑kuntrarju, huwa importanti li jiġi vverifikat jekk il‑miżura stabbilita fl‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 hijiex proporzjonata inkwantu ebda operatur tal‑Komunità ma jista’ jwettaq attivitajiet ta’ ħatt, ta’ tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija, jew attivitajiet ta’ trażbord (iktar ’il quddiem il‑“miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn”) fir‑rigward tal‑qabdiet ta’ tonn imwettqa minn sajjieda li l‑bastimenti tagħhom ma jtajrux il‑bandiera ta’ wieħed mill‑Istati Membri msemmija fl‑Artikolu 1 tar‑Regolament Nru 530/2008.
a) Kriterju ta’ evalwazzjoni
93. Għandu jiġi enfasizzat il‑fatt li l‑prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill‑prinċipji ġenerali tad‑dritt Komunitarju, jeżiġi li l‑atti tal‑istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa adegwat u neċessarju sabiex jintlaħqu l‑għanijiet leġittimi tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil‑kundizzjoni li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l‑inqas waħda restrittiva u bil‑kundizzjoni li l‑inkonvenjenzi kkawżati ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal‑għanijiet li jkunu jridu jintlaħqu (56).
94. Għaldaqstant, fil‑kuntest tal‑eżami tal‑proporzjonalità huwa meħtieġ li wieħed jibda minn struttura ta’ eżami fuq tliet livelli sabiex jiġu stabbiliti, fl‑ewwel lok, l‑adegwatezza, fit‑tieni lok, in‑neċessità tal‑leġiżlazzjoni u, fit‑tielet lok, il‑proporzjonalità f’sens ristrett (57).
95. Madankollu, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li, meta l‑leġiżlatur Komunitarju jkollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa – bħalma huwa l‑każ fis‑settur tal‑politika agrikola komuni, li tinkludi s‑sajd – l‑istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal verifika li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tkunx ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jiġifieri li l‑awtorità inkwistjoni ma tkunx manifestament marret lil hinn mil‑limiti tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha (58). Skont il‑Qorti tal‑Ġustizzja, fid‑dawl tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l‑leġiżlatur Komunitarju għandu fil‑qasam tal‑politika agrikola komuni, hija biss in‑natura manifestament inadegwata ta’ leġiżlazzjoni adottata f’dan il‑qasam, meta mqabbla mal‑għan li l‑istituzzjoni kompetenti tkun tixtieq tilħaq, li tista’ tinvalida l‑leġittimità ta’ tali leġiżlazzjoni (59).
96. Kif diġà enfasizzajt fil‑konklużjonijiet ippreżentati fil‑kawżi Azienda Agrikola (60) u Agrana Zucker (61) u kif iċċarat l‑Avukat Ġenerali Sharpston fil‑kawża Zuckerfabrik Jülich (62), tali evalwazzjoni restrittiva tal‑proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni, limitata għall‑eżami tal‑adegwatezza tal‑istess leġiżlazzjoni, ma hijiex konvinċenti (63).
97. Fir‑rigward tar‑rekwiżiti ta’ adegwatezza, neċessità u proporzjonalità f’sens ristrett, dawn b’ebda mod ma huma espressjoni ta’ gradi differenti tal‑istess kunċett iżda huwa biss permezz tal‑verifika tan‑neċessità u tal‑proporzjonalità f’sens ristrett li “tiġi stabbilita relazzjoni” bejn l‑għan imfittex mil‑leġiżlatur Komunitarju permezz tal‑leġiżlazzjoni u d‑drittijiet tal‑individwi milquta mil‑leġiżlazzjoni (64). Jekk issir biss verifika tal‑adegwatezza ta’ miżura, ma tkunx qiegħda tiġi eżaminata l‑proporzjonalità tagħha iżda jkun qiegħed isir biss kontroll oġġettiv tal‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali min‑naħa tal‑leġiżlatur Komunitarju (65).
98. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, anki fis‑settur tal‑politika agrikola komuni, li tinkludi s‑sajd, wieħed għandu jibda mill‑istruttura fuq tliet livelli tal‑verifika tal‑proporzjonalità; madankollu, fid‑dawl tas‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal‑leġiżlatur Komunitarju, tali eżami għandu jkun limitat għall‑kwistjoni ta’ jekk il‑miżura hijiex manifestament inadegwata, manifestament mhux neċessarja jew manifestament sproporzjonata f’sens ristrett (66). B’hekk tkun qiegħda tiġi rrispettata d‑diskrezzjoni tal‑leġiżlatur Komunitarju fir‑rigward ta’ deċiżjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali kumplessi u jkun qiegħed jiġi evitat li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tissostitwixxi tali deċiżjonijiet bid‑deċiżjonijiet tagħha stess.
b) Evalwazzjoni tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
99. Huwa qabel kollox meħtieġ li jiġi ddefinit l‑għan tal‑miżura kontenzjuża, jiġifieri tal‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn. Kif jirriżulta mill‑premessa 10 tar‑Regolament Nru 530/2008, l‑għan tal‑leġiżlazzjoni huwa li tissaħħaħ l‑effettività tal‑miżuri intiżi sabiex tiġi evitata theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
100. Sussegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk tali miżura hijiex manifestament inadegwata, manifestament mhux neċessarja jew manifestament sproporzjonata f’sens ristrett meta mqabbla mal‑għan identifikat fil‑punt preċedenti.
i) Verifika tal‑inadegwatezza manifesta tal‑miżura
101. Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan mixtieq biss jekk effettivament tirrifletti l‑intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod (koerenti) u sistematiku (67). Għalhekk, il‑miżura tkun manifestament inadegwata jekk, prima facie, ma tkunx tiżgura li jinlaħaq l‑għan mixtieq jew jekk, prima facie, ma tkunx tiżgura li jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku.
102. Fil‑fehma tiegħi, il‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn taħt l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 ma hijiex, fiha nfisha, manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l‑għan li tissaħħaħ l‑effettività tal‑miżuri intiżi sabiex tiġi evitata theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
103. Tali miżura tal‑Komunità kienet tkun fiha nfisha manifestament inadegwata li kieku kien kompletament eskluż li seta’ jkollha effett fuq is‑sajd min‑naħa ta’ bastimenti ta’ Stati terzi. F’dan ir‑rigward għandu jiġi enfasizzat li l‑leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fis‑settur tal‑agrikoltura, li jinkludi s‑sajd; din is‑setgħa tikkorrispondi għar‑responsabbiltà politika mogħtija lil‑leġiżlatur fir‑rigward tal‑organizzazzjoni tal‑politika agrikola komuni (68). Fil‑kuntest tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha, il‑Kummissjoni manifestament iddeċidiet li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn kellha effett (jew seta’ jkollha effett) anki fuq is‑sajd minn bastimenti li jistadu għat‑tonn ta’ Stati terzi, peress li huwa possibbli li – fin‑nuqqas tal‑projbizzjoni ta’ ħatt – bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Istati li ma jirreferix għalihom ir‑Regolament Nru 530/2008 kienu jibdew jaqbdu kwantitajiet ikbar ta’ tonn sabiex imbagħad ibigħuh lill‑operaturi Komunitarji. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, tali miżura ma hijiex fiha nfisha manifestament inadegwata fir‑rigward tal‑għan tal‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
104. Madankollu, fl‑opinjoni tiegħi, hemm problema fir‑rigward tal‑koerenza tal‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn taħt l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 meta kkunsidrata fid‑dawl tal‑miżuri li jipprojbixxu l‑ħatt ta’ tonn taħt l‑Artikolu 3(2) tal‑istess regolament. Għandu jiġi kkunsidrat li r‑Regolament Nru 530/2008, minbarra l‑projbizzjoni li jinħatt tonn taħt l‑Artikolu 3(1), jistabbilixxi wkoll, fl‑Artikolu 3(2), projbizzjoni simili fir‑rigward tal‑ħatt ta’ qabdiet magħmula minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera Spanjola. Sa fejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines Spanjoli setgħu jkomplu jaqbdu t‑tonn għal sebat ijiem addizzjonali, il‑projbizzjoni fir‑rigward tal‑ħatt ta’ tonn bdiet tapplika sebat ijiem iktar tard fil‑konfront tagħhom. Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, huwa kompletament inkoerenti u mhux sistematiku li sajjieda bl‑ingrossa tal‑Komunità għall‑perijodu bejn is‑16 ta’ Ġunju u t‑23 ta’ Ġunju 2008 ma setgħux jakkwistaw tonn minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi filwaqt li setgħu jakkwistawh mingħajr ebda limitazzjoni mingħand bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines Spanjoli. Fil‑fatt, huwa possibbli li, minħabba li s‑sajd mill‑bastimenti Spanjoli kien aċċettat, kienet fil‑verità mmaterjalizzat il‑biża’ msemmija fil‑punt preċedenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet, jiġifieri li l‑bastimenti Spanjoli kellhom il‑possibbiltà jaqbdu kwantitajiet ikbar ta’ tonn sabiex imbagħad ibigħuh lil sajjied bl‑ingrossa ta’ Stati Membri oħra. Minħabba tali inkoerenza, il‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt u li tirreferi għal bastimenti ta’ Stati terzi, tispiċċa mingħajr skop u għalhekk hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l‑għan mixtieq.
105. Għaldaqstant, il‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn taħt l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 hija manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l‑għan li tissaħħaħ l‑effettività tal‑miżuri intiżi sabiex tiġi evitata theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
ii) Verifika ta’ jekk il‑miżura hijiex manifestament mhux neċessarja
106. Fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn mhijiex manifestament inadegwata sabiex jintlaħaq l‑għan li tissaħħaħ l‑effettività tal‑miżuri intiżi sabiex tiġi evitata theddida serja għall‑konservazzjoni tal‑istokk tonn, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il‑miżura inkwistjoni manifestament ma kinitx neċessarja. Fis‑setturi fejn il‑leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali, il‑verifika tan‑neċessità għandha tkun limitata għall‑verifika ta’ jekk fost diversi miżuri, adegwati fir‑rigward tal‑għan li jkun irid jintlaħaq, teżistix manifestament miżura oħra inqas oneruża għall‑interess jew għad‑dritt legalment protett inkwistjoni.
107. Fil‑fehma tiegħi ma jeżistux elementi li jippermettu l‑konklużjoni li manifestament teżisti miżura oħra inqas oneruża għall‑interess jew għad‑dritt legalment protett inkwistjoni. Huwa minnu li jista’ jingħad li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt tal‑qabdiet ta’ tonn imwettqa minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi manifestament ma kinitx neċessarja sabiex jintlaħaq l‑għan sa fejn kien ikun biżżejjed, sabiex jintlaħaq dan l‑istess għan, li l‑projbizzjoni ta’ ħatt ta’ tonn tidħol fis‑seħħ għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn ta’ Stati terzi fit‑23 ta’ Ġunju 2008, bħal fil‑każ tal‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli. Madankollu, dan ikun ifisser l‑introduzzjoni ta’ miżura inkoerenti mal‑projbizzjoni ta’ ħatt ta’ tonn.
108. Għalhekk jiena tal‑fehma li ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn taħt l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 manifestament mhijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l‑għan tal‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn.
iii) Verifika tan‑nuqqas manifest ta’ proporzjonalità fis‑sens ristrett tal‑kelma.
109. Sussidjarjament, fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn ma hijiex manifestament inadegwata u fl‑eventwalità li ma tiddikjarax li din il‑miżura hija manifestament mhux neċessarja, ikun meħtieġ li tiġi vverifikata wkoll il‑proporzjonalità fis‑sens ristrett, jiġifieri l‑ibbilanċjar bejn l‑interessi leżi tal‑operaturi u l‑interess li jiġi protett it‑tonn. Fil‑fehma tiegħi ma jeżistux elementi li jistgħu jitfgħu dubji fuq il‑proporzjonalità ta’ tali miżura fis‑sens ristrett. Għalkemm huwa minnu li l‑operaturi se jġarrbu danni ekonomiċi minħabba l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn, il‑vantaġġi għall‑protezzjoni tat‑tonn li jirriżultaw minn tali projbizzjoni huma ċertament iktar importanti. Għaldaqstant, fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn mhijiex manifestament inadegwata u fl‑eventwalità li ma tiddikjarax li din il‑miżura hija manifestament mhux neċessarja, tali miżura mhijiex, fil‑fehma tiegħi, manifestament sproporzjonata fis‑sens ristrett tal‑kelma.
iv) Konklużjoni
110. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 ma jipprovdix li l‑operaturi tal‑Komunità ma jistgħux iwettqu attivitajiet ta’ ħatt, ta’ tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija jew ta’ trażbord tal‑qabdiet ta’ tonn imwettqa qabel id‑data li fiha ġie sospiż is‑sajd bis‑saħħa tar‑Regolament Nru 530/2008, u għalhekk fir‑rigward ta’ tali miżura ma tqumx il‑kwistjoni tal‑proporzjonalità. Madankollu, ma hijiex konformi mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità l‑miżura, stabbilita fl‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008, li tipprovdi li l‑operaturi tal‑Komunità ma jistgħux iwettqu attivitajiet ta’ ħatt, ta’ tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet tat‑tismin jew tat‑trobbija u ta’ trażbord tal‑qabdiet ta’ tonn imwettqa minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li ma jtajrux il‑bandiera ta’ wieħed mill‑Istati Membri li għalihom jirreferi r‑Regolament Nru 530/2008.
c) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
111. Fl‑aħħar nett, għandu jiġi eżaminat x’konsegwenzi għandu l‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità fuq il‑validità tar‑Regolament Nru 530/2008. Għandu qabel kollox jiġi vverifikat jekk, b’konsegwenza tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwiex invalidu r‑regolament imsemmi fl‑intier tiegħu jew jekk huwiex invalidu biss l‑Artikolu 3 tiegħu.
112. Skont ġurisprudenza stabbilita, l‑annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l‑elementi li tagħhom ikun intalab l‑annullament ikunu jistgħu jiġu separati mill‑bqija tal‑att (69). Barra minn hekk, ir‑rekwiżit tan‑natura separabbli ma jkunx suffiċjenti jekk, b’konsegwenza tal‑annullament parzjali tiegħu, l‑att jiġi emendat sostanzjalment (70).
113. F’din il‑kawża għandu jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 huwa fformulat b’mod li jista’ jiġi sseparat mingħajr diffikultà mill‑artikoli l‑oħra ta’ dan ir‑regolament. Anki jekk dan l‑artikolu, li jistabbilixxi l‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn, jiġi annullat, il‑projbizzjoni tas‑sajd taħt l‑Artikoli 1 u 2 tal‑istess regolament tista’ tibqa’ fis‑seħħ mingħajr ebda konsegwenza.
114. Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 huwa invalidu minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.
E – Is‑sitt domanda
115. Permezz tas‑sitt domanda, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex invalidu minħabba ksur tal‑prinċipju li jipprojbixxi d‑diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis‑sens tal‑Artikolu 12 KE inkwantu jagħmel distinzjoni bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja, minn naħa, u dawk li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta, min‑naħa l‑oħra, kif ukoll bejn dawn il‑bastimenti ta’ dawn is‑sitt Stati Membri u dawk tal‑Istati Membri l‑oħra (71).
1. Divrenzjar bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli u l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta
a) Kwistjoni ta’ jekk id‑divrenzjar bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn Spanjoli u l‑oħrajn huwiex fondat
116. Għandha qabel kollox tiġi eżaminata l‑kwistjoni tal‑fondatezza tad‑divrenzjar bejn il‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines, minn naħa, u l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta, min‑naħa l‑oħra.
117. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l‑osservanza tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni teħtieġ li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat (72).
118. Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha dwar din il‑kwistjoni, il‑Kummissjoni ssostni, qabel kollox, li, fir‑rigward tal‑bastimenti li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja, ma kinitx teżisti diskriminazzjoni inkwantu, abbażi tal‑evalwazzjoni tal‑volum effettiv tal‑qbid, ma kien hemm ebda riskju li l‑bastimenti Spanjoli jaqbżu l‑kwota assenjata lil Spanja. Il‑Kummissjoni ssostni wkoll li s‑sitwazzjoni oġġettiva tal‑flotta Spanjola (numru ta’ bastimenti fid‑dawl tal‑kwota assenjata lil Spanja) kienet differenti mis‑sitwazzjoni tal‑flotot l‑oħra. Fl‑aħħar nett, waqt is‑seduta, il‑Kummissjoni sostniet li s‑sitwazzjoni oġġettiva tal‑flotta Spanjola kienet differenti inkwantu l‑istaġun tas‑sajd fi Spanja jibda ġimgħa iktar tard. B’mod iktar preċiż, il‑parti l‑kbira tal‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines twettaq il‑qabdiet ta’ tonn madwar il‑Gżejjer Baleari fejn il‑baħar jilħaq it‑temperatura adegwata għas‑sajd tat‑tonn ġimgħa iktar tard minn postijiet oħra (73).
119. Fir‑rigward tad‑divrenzjar bejn il‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u l‑bastimenti l‑oħra li jistadu għat‑tonn u li għalihom japplika r‑Regolament Nru 530/2008, il‑Kummissjoni tressaq tliet argumenti: l‑ewwel nett, in‑nuqqas ta’ perikolu konkret li tiġi eżawrita l‑kwota min‑naħa tal‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines, it‑tieni nett, is‑sitwazzjoni oġġettivament differenti tal‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines, li minħabba fiha f’ebda każ ma kien possibbli li tali bastimenti jeżawrixxu l‑kwota rispettiva tagħhom u, it‑tielet nett, is‑sitwazzjoni oġġettivament differenti tal‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines inkwantu dawn iwettqu l‑qabdiet f’ibħra li jilħqu t‑temperatura adegwata għall‑qbid ta’ tonn ġimgħa iktar tard.
120. Fil‑fehma tiegħi, fil‑każ ineżami, l‑argumenti mressqa mill‑Kummissjoni ma jiġġustifikawx trattament divrenzjat tal‑flotta Spanjola u tal‑flotot l‑oħra.
121. Fl‑ewwel lok, fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub u fil‑fażi orali l‑Kummissjoni ma pprovdiet ebda informazzjoni li minnha jirriżulta b’mod ċar li kien previst li l‑kwota tal‑flotta Spanjola kienet ser tiġi eżawrita fit‑23 ta’ Ġunju 2008 u mhux fis‑16 ta’ Ġunju 2008. Il‑Kummissjoni ma ppreżentat ebda informazzjoni li tipprova kif, fil‑perijodu li fih ġie adottat ir‑regolament ikkontestat, il‑volum tal‑qbid mill‑flotta Spanjola sa dak iż‑żmien kien inqas mill‑volum tal‑qbid tal‑flotot tal‑Istati Membri l‑oħra. Għall‑kuntrarju, fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni huwa saħansitra indikat li l‑qabdiet mill‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines fil‑perijodu mis‑27 ta’ Mejju 2008 sat‑23 ta’ Ġunju 2008 kienu ikbar minn dawk tal‑bastimenti Franċiżi li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines (74). Huwa minnu li f’dan ir‑rigward huwa sostnut li jista’ jkun li l‑indikazzjonijiet dwar il‑volum tal‑qabdiet tal‑flotta Franċiża ma kinux korretti minħabba li s‑sistemi satellitari ta’ sorveljanza tal‑bastimenti ma kinux qegħdin joperaw għal perijodu ta’ żmien. Minkejja din il‑preżunta irregolarità, ma huwiex madankollu indikat liema kienet l‑istima effettiva tal‑kwantitajiet tal‑qabdiet tal‑flotta Franċiża meta mqabbla mal‑flotta Spanjola.
122. Barra minn hekk, fir‑rigward tal‑qabdiet effettivi tal‑flotta Spanjola fl‑2008 (abbażi ta’ kull tip ta’ sajd u mhux bil‑purse seines biss), mir‑rapport ICCAT jirriżulta li l‑qabdiet ta’ tonn mill‑flotta Spanjola fl‑Atlantiku tal‑Lvant kienu ġew stmati bħala 2 938 tunnellata u fil‑Baħar Mediterran bħala 2 465 tunnellata, b’total ta’ 5 403 tunnellati (75). Dan jirrappreżenta 99.3 % tal‑kwota assenjata lil Spanja għall‑2008, li kienet ta’ 5 428.46 tunnellata. Fid‑dawl tal‑informazzjoni misluta minn dan is‑sors, Spanja kienet għalhekk ħafna eqreb il‑kwota tagħha, fir‑rigward tal‑istima tal‑qabdiet, milli kienu Franza u l‑Italja (76).
123. Fin‑nuqqas ta’ informazzjoni konkreta li turi li ma kien hemm ebda riskju li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines jilħqu jew jaqbżu l‑kwota assenjata lil Spanja, jiena tal‑fehma li d‑differenza fit‑trattament bejn il‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera Spanjola u bejn il‑bastimenti li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta ma hijiex oġġettivament fondata.
124. Fit‑tieni lok għandu jiġi vverifikat jekk jistax jiġi sostnut li teoretikament ma kienx possibbli li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines jilħqu jew jaqbżu qabel it‑23 ta’ Ġunju 2008 il‑kwota assenjata lil Spanja. Fil‑fehma tiegħi lanqas dawn l‑affermazzjonijiet ma jistgħu jintlaqgħu.
125. Minn naħa, mill‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni jirriżulta li l‑kwota ta’ kull Stat Membru kienet diviża bejn in‑numru tal‑bastimenti li kellu l‑Istat Membru. Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub il‑Kummissjoni ssostni li fil‑Komunità kien hemm, fl‑2008, total ta’ 131 bastiment li jistadu bil‑purse seines li minnhom 1 kien Ċiprijott, 4 Maltin, 6 Spanjoli, 16 Griegi, 36 Franċiżi u 68 Taljani (77). F’dan ir‑rigward il‑Kummissjoni tindika pereżempju li għal 32 bastiment Franċiż ta’ iktar minn 24 metru il‑kwota għall‑bastimenti individwali għall‑2008 kienet stabbilita bejn 110 u 120 tunnellata. Il‑kwota individwali għal kull wieħed mit‑68 bastiment Taljan kienet stabbilita bħala 52 tunnellata. Il‑kwota individwali għal kull wieħed mit‑6 bastimenti Spanjoli kienet stabbilita bejn 251 u 352 tunnellata. Minn din l‑informazzjoni jirriżulta li r‑relazzjoni bejn in‑numru tal‑bastimenti u l‑kwota assenjata lil Spanja ma tistax tiġġustifika differenza fit‑trattament bejn il‑bastimenti Spanjoli u l‑bastimenti tal‑Istati Membri l‑oħra sa fejn il‑kwota eżistenti hija diviża proporzjonalment bejn in‑numru tal‑bastimenti ta’ kull Stat Membru individwali. Barra minn hekk, fil‑premessa 7 tar‑Regolament Nru 530/2008 il‑Kummissjoni stess sostniet li “l‑kapaċità ta’ sajd tal‑ġurnata ta’ bastiment wieħed li jistad bil‑purse seines tant huwa għoli [hija għolja] li l‑livell ta’ sajd tal‑ġurnata jista’ jintlaħaq jew jinqabeż malajr ħafna” (78). Għalhekk, jekk il‑kwota tista’ tinqabeż minn bastiment wieħed li jistad għat‑tonn bil‑purse seines, fil‑fehma tiegħi ma jistax jintlaqa’ l‑argument li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines ma setgħux jilħqu l‑kwota assenjata.
126. Min‑naħa l‑oħra, mill‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni jirriżulta wkoll li l‑bastimenti Spanjoli kienu qabdu, bejn is‑27 ta’ Mejju u t‑23 ta’ Ġunju 2008 (jiġifieri fi żmien 4 ġimgħat), 1 404.427 tunnellati ta’ tonn (79). Dan ifisser li l‑qabdiet għal ġimgħa waħda jammontaw għal medja ta’ ftit iktar minn 351 tunnellata ta’ tonn. Il‑kwota ta’ Spanja għas‑sajd tat‑tonn kienet stabbilita, għall‑2008, bħala 5 428.46 tunnellati (80). Skont l‑informazzjoni tal‑Kummissjoni, madwar 70 % tas‑sajd kollu għat‑tonn isir permezz ta’ purse seines (81); dan jimplika li kien previst li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines kellhom iwettqu, fl‑2008, qabdiet ta’ madwar 3 800 tunnellata ta’ tonn (jiġifieri 70 % tal‑kwota totali ta’ Spanja). Li kieku l‑bastimenti Spanjoli wettqu qabdiet ta’ kuljum b’kapaċità simili għall‑perijodu bejn is‑27 ta’ Mejju 2008 u t‑23 ta’ Ġunju 2008, il‑kwantitajiet ta’ qabdiet kienu jilħqu t‑3 800 tunnellata f’10 jew 11‑il ġimgħa. Fid‑dawl tal‑fatt li l‑istaġun tas‑sajd fi Spanja kien idum 25 ġimgħa (82), fil‑fehma tiegħi ma jistax jiġi sostnut li fit‑teorija ma kienx possibbli li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines ikunu f’pożizzjoni fejn ma jkunux jistgħu jilħqu l‑kwoti għall‑2008.
127. Fit‑tielet lok, matul il‑fażi orali l‑Kummissjoni sostniet li s‑sitwazzjoni oġġettiva tal‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines hija differenti inkwantu l‑ibħra li fihom il‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines jaqbdu t‑tonn jilħqu t‑temperatura adegwata għas‑sajd ġimgħa iktar tard. Fil‑fehma tiegħi dan l‑argument ma jistax jintlaqa’. Li kieku tali affermazzjoni tal‑Kummissjoni kienet konvinċenti, anki l‑istaġun tas‑sajd għat‑tonn, kif irregolat bir‑Regolament Nru 1559/2007, kien imissu dam ġimgħa iktar fi Spanja milli fl‑Istati Membri l‑oħra (83). Li kieku dan il‑punt kien verament tant rilevanti għas‑sajd bħalma tenfasizza l‑Kummissjoni, fir‑Regolament Nru 1559/2007 kien jiġi deċiż li Spanja setgħet taqbad tonn għal ġimgħa iktar mill‑Istati Membri l‑oħra kollha.
128. Fl‑aħħar lok, nixtieq nerġa’ nenfasizza l‑fatt li ma huwiex konvinċenti li jiġi affermat li jeżisti riskju serju għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn filwaqt li fl‑istess ħin Spanja titħalla tkompli bis‑sajd għal ġimgħa addizzjonali eżattament matul l‑istaġun prinċipali tas‑sajd. Fl‑eżerċizzju tas‑setgħa diskrezzjonali tagħha, il‑Kummissjoni kkunsidrat li jeżisti verament riskju serju għall‑konservazzjoni tal‑istokk tat‑tonn. Fid‑dawl ta’ din il‑konstatazzjoni, il‑Kummissjoni kien imissha ttrattat bl‑istess mod l‑Istati Membri kollha koperti mir‑Regolament Nru 530/2008. Jekk l‑istokk ta’ speċi partikolari ta’ ħut ikun verament mhedded, dan l‑istokk ikun mhedded fiż‑żona tas‑sajd kollha, irrispettivament mill‑fatt li wħud mill‑Istati Membri apparentement kienu għadhom ma eżawrewx il‑kwota rispettiva tagħhom (84).
129. Jiena għalhekk tal‑fehma li r‑Regolament Nru 530/2008 jikser il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni inkwantu jittratta b’mod differenti l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Spanja, minn naħa, u l‑bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta, min‑naħa l‑oħra.
b) Konsegwenzi tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
130. Għandu jiġi eżaminat x’inhuma l‑konsegwenzi tal‑konstatazzjoni li r‑Regolament Nru 530/2008 jikser il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il‑validità ta’ dan ir‑regolament. B’mod iktar preċiż, huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk, minħabba l‑ksur ta’ tali prinċipju, huwiex invalidu r‑Regolament kollu jew jekk humiex invalidi biss uħud mill‑artikoli tiegħu.
131. Skont ġurisprudenza stabbilita, l‑annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l‑elementi li tagħhom ikun intalab l‑annullament ikunu jistgħu jiġu separati mill‑bqija tal‑att (85). Barra minn hekk, ir‑rekwiżit tan‑natura separabbli ma jkunx suffiċjenti jekk, b’konsegwenza tal‑annullament parzjali tiegħu, l‑att jiġi emendat sostanzjalment (86). Għaldaqstant, għall‑finijiet ta’ annullament parzjali, il‑Qorti tal‑Ġustizzja teżiġi li jkunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet: in‑natura separabbli tal‑elementi li għandhom jiġu annullati u ż‑żamma tal‑kontenut normattiv sostanzjali tal‑att.
132. Fil‑fehma tiegħi, il‑ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni f’din il‑kawża jwassal qabel kollox għall‑invalidità tal‑Artikoli 1 u 2 tar‑Regolament Nru 530/2008, li minnhom jirriżulta li l‑bastimenti Spanjoli li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines huma ttrattati b’mod iktar favorevoli mill‑bastimenti l‑oħra li jistadu għat‑tonn koperti minn dan ir‑regolament. Ikkunsidrati flimkien, l‑Artikoli 1 u 2 ta’ dan ir‑regolament jiksru l‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u għalhekk huwa meħtieġ li jiġu annullati.
133. Fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja, fil‑kuntest tad‑deċiżjoni tagħha dwar il‑konformità mal‑prinċipju ta’ proprozjonalità (ir‑raba’ u l‑ħames domandi preliminari), ma tannullax l‑Artikolu 3, ikun meħtieġ, fil‑fehma tiegħi, li dan l‑artikolu jiġi annullat bħala konsegwenza tal‑annullament tal‑Artikoli 1 u 2 tar‑Regolament Nru 530/2008. Fil‑fatt, il‑miżura li tipprojbixxi l‑ħatt ta’ tonn ma jkollha ebda sens jekk ma jkollhiex bażi legali, jiġifieri l‑projbizzjoni tas‑sajd stess għat‑tonn (87). Madankollu, sa fejn fil‑fehma tiegħi l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 huwa diġà invalidu minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu annullati biss l‑Artikoli 1 u 2 ta’ dan ir‑regolament.
134. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, l‑Artikoli 1 u 2 tar‑Regolament Nru 530/2008 huma invalidi minħabba ksur tal‑prinċipju li jipprojbixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis‑sens tal‑Artikolu 12 KE.
2. Divrenzjar bejn il‑bastimenti koperti mir‑Regolament Nru 530/2008 u l‑bastimenti l‑oħra
135. Għandha tiġi eżaminata wkoll il‑kwistjoni ta’ jekk huwiex fondat id‑divrenzjar bejn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines koperti mir‑Regolament Nru 530/2008 (jiġifieri dawk li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, tal‑Italja, ta’ Franza, ta’ Ċipru u ta’ Malta, kif ukoll ta’ Spanja) u l‑bastimenti l‑oħra kollha li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines (88).
136. Fil‑fażi orali l‑Kummissjoni sostniet li l‑Portugall u Stati Membri oħra ma jaqbdux tonn permezz ta’ bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines iżda b’metodi oħra u kkonfermat li l‑Istati Membri kollha li jaqbdu t‑tonn permezz ta’ bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines huma inklużi fir‑Regolament Nru 530/2008.
137. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l‑Istati Membri li ma humiex koperti mir‑Regolament Nru 530/2008 jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik tal‑Istati Membri koperti mir‑regolament imsemmi. Għalhekk, minn dan l‑aspett, ir‑Regolament Nru 530/2008 ma jiksirx il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.
F – Is‑seba’, it‑tmien u d‑disa’ domandi
138. Permezz tas‑seba’, tat‑tmien u tad‑disa’ domandi preliminari, li minħabba li jqajmu kwistjonijiet simili għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi:
– l‑ewwel nett, jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex invalidu inkwantu fil‑mument tal‑adozzjoni tiegħu, minn naħa, ma tteħidx inkunsiderazzjoni l‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea u inkwantu, min‑naħa l‑oħra, ma ġiex osservat il‑prinċipju ta’ kontradittorju bħala prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju minħabba li l‑partijiet ikkonċernati u l‑Istati Membri ma ngħataw ebda possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub qabel l‑adozzjoni tar‑regolament ikkontestat;
– it‑tieni nett, jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 huwiex invalidu inkwantu ġie adottat fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002, li jikser il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantit permezz tal‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali u l‑prinċipju ta’ kontradittorju bħala prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju.
139. Fir‑rigward b’mod partikolari tad‑disa’ domanda preliminari, nixtieq nenfasizza li – kif osserva l‑Kunsill matul is‑seduta – din id‑domanda fil‑fatt tirreferi biss għall‑validità tal‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002, li ma huwiex rilevanti għall‑kawża ineżami. Madankollu, id‑domanda tal‑qorti tar‑rinviju għandha tinftiehem fis‑sens li qiegħda tistaqsi jekk l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 jiksirx il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju sa fejn jagħti lill‑Istati Membri l‑oħra d‑dritt li jinstemgħu fil‑każ biss li l‑proċeduri jkunu nbdew fuq talba debitament sostanzjata ta’ Stat Membru, u mhux meta l‑proċeduri jkunu nbdew fuq inizjattiva tal‑Kummissjoni.
140. Għalhekk, għandu jiġi vverifikat qabel kollox jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 jiksirx il‑prinċipji msemmija u, sussegwentement, jekk tali prinċipji humiex miksura mill‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 – fiż‑żewġ każijiet fuq il‑premessa li l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 huwa l‑bażi legali adegwata għall‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008.
1. Jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 jiksirx il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju
a) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
141. Preliminarjament, għandha tinġibed l‑attenzjoni għall‑fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad‑dritt Komunitarju mislut mit‑tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall‑Istati Membri u li ġie rikonoxxut fl‑Artikoli 6 u 13 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad‑Drittijiet tal‑Bniedem u tal‑Libertajiet Fundametnali (89), kif ukoll fl‑Artikolu 47 tal‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis‑7 ta’ Diċembru 2000 (90). B’hekk, l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal‑Karta jipprovdi li kull persuna li d‑drittijiet u l‑libertajiet tagħha ggarantiti mid‑dritt tal‑Unjoni jiġu vjolati għandha d‑dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il‑kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu msemmi.
142. Ma narax kif il‑fatt li l‑partijiet ikkonċernati u l‑Istati Membri ma kellhomx il‑possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub qabel l‑adozzjoni tar‑regolament ikkontestat jista’ jikser il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fil‑fatt, tali prinċipju jirreferi għall‑protezzjoni ġudizzjarja wara l‑adozzjoni tal‑att. Tali protezzjoni ġudizzjarja hija ggarantita kemm lill‑Istati Membri u kemm lill‑partijiet ikkonċernati (fiżiċi u legali) inkwantu dawn jistgħu jikkontestaw, skont it‑tieni u r‑raba’ paragrafi tal‑Artikolu 230 KE (91), att ta’ dan it‑tip permezz ta’ rikors għal annullament, u, barra minn hekk, qorti nazzjonali tista’, meta jkollha proċeduri pendenti quddiemha, tagħmel domanda preliminari dwar il‑validità ta’ att Komunitarju lill‑Qorti tal‑Ġustizzja. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, il‑fatt li kien impossibbli li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil‑miktub fil‑proċedura li wasslet għall‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008 ma kisirx il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
b) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju
143. Fil‑kuntest tal‑allegat ksur tal‑prinċipju ta’ kontradittorju, għandu jiġi vverifikat jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 jiksirx tali prinċipju, minn naħa, fil‑konfront tal‑Istati Membri u, min‑naħa l‑oħra, fil‑konfront tal‑partijiet ikkonċernati koperti mill‑Artikolu 3 tal‑istess regolament.
i) Osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑Istati Membri
144. Fir‑rigward tal‑osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑Istati Membru, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li tali prinċipju ma japplikax biss għall‑individwi iżda anki għall‑Istati Membri; fir‑rigward ta’ dawn tal‑aħħar, il‑prinċipju msemmi ġie rrikonoxxut fil‑kuntest ta’ proċeduri mibdija minn istituzzjoni Komunitarja fil‑konfront tal‑Istat Membru kkonċernat (92). Għalhekk, il‑prinċipju ta’ kontradittorju japplika biss meta istituzzjoni Komunitarja tressaq proċeduri kontra Stat Membru, pereżempju proċeduri taħt l‑Artikolu 228 KE (93) jew proċeduri fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat (94). Għall‑kuntrarju, regolament tal‑Kummissjoni huwa, bħala prinċipju, att leġiżlattiv b’portata ġenerali li fil‑proċess tal‑adozzjoni tiegħu l‑Kummissjoni, bħala awtriċi tal‑att, ma għandhiex obbligu ġenerali li tippermetti lill‑partijiet ikkonċernati jew lill‑Istati Membri sabiex jinstemgħu fir‑rigward tar‑regolament stess. Skont it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 249 KE (95), regolament għandu applikazzjoni ġenerali. Regolament jorbot fl‑intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl‑Istati Membri kollha.
145. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l‑bażi legali li fuqha ġie adottat ir‑Regolament Nru 530/2008 – jiġifieri l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 – tipprevedi l‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza fuq inizjattiva tal‑Kummissjoni (96). Peress li dawn huma miżuri ta’ emerġenza, il‑possibbiltà għall‑Istati Membri li jippreżentaw osservazzjonijiet tista’ toħloq dewmien, b’mod sproporzjonat, għall‑adozzjoni tal‑miżuri ta’ emerġenza u b’hekk il‑miżuri stess jistgħu jitilfu s‑sens tagħhom. Tali miżuri huma kkaratterizzati proprju mill‑fatt li jiġu adottati b’mod rapidu u mingħajr dewmien mhux neċessarju, element dan li jiżgura l‑effettività tagħhom (97).
146. Jiena għalhekk tal‑fehma li r‑Regolament Nru 530/2008 ma jiksirx il‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑Istati Membri.
ii) Osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑partijiet ikkonċernati l‑oħra
147. Fir‑rigward tal‑osservanza tal‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑partijiet ikkonċernati l‑oħra koperti mill‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑prinċipju ta’ kontradittorju japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li tippreġudika b’mod kunsiderevoli l‑interessi ta’ persuna (98). Bħalma diġà għamilt fil‑punt 144 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, f’dan ir‑rigward għandu jiġi enfasizzat ukoll il‑fatt li regolament tal‑Kummissjoni huwa, bħala prinċipju, att leġiżlattiv b’portata ġenerali. Skont il‑kontenut tiegħu, regolament jista’ effettivament jikkostitwixxi wkoll att leġiżlattiv individwali fil‑każ li fir‑realtà jkun fih deċiżjoni jew sensiela ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw individwi direttament u individwalment (99). Fil‑fehma tiegħi, il‑kriterju tal‑interess individwali mhuwiex sodisfatt f’din il‑kawża sa fejn l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 jirreferi b’mod ġenerali għall‑operaturi kollha tal‑Komunità li jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ ħatt, ta’ tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin u ta’ trobbija u ta’ trażbord ta’ tonn (100). Għaldaqstant ma nistax nikkunsidra li r‑Regolament Nru 530/2008 għandu n‑natura ta’ deċiżjoni iżda huwa att b’portata ġenerali li fil‑kuntest tiegħu l‑Kummissjoni mhijiex meħtieġa tiżgura d‑dritt għal smigħ lill‑partijiet ikkonċernati mill‑Artikolu 3 tar‑regolament imsemmi.
148. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, anki jekk regolament jikkonċerna direttament u individwalment lill‑partijiet ikkonċernati u dawn ikunu jistgħu jikkontestawh taħt ir‑raba’ paragrafu tal‑Artikolu 230 KE (101), minn din id‑dispożizzjoni ma jistax jiġi konkluż awtomatikament li individwi għandhom dritt għal smigħ qabel l‑adozzjoni ta’ tali att (102).
149. Għandu jiġi osservat ukoll – bħalma sar fil‑punt 145 ta’ dawn il‑konklużjonijiet – li l‑possibbiltà li jinstemgħu l‑partijiet ikkonċernati kollha toħloq ukoll dewmien b’mod sproporzjonat għall‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza taħt l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, miżuri li għandhom jiġu adottati b’mod rapidu u mingħajr dewmien mhux neċessarju sabiex b’hekk tkun żgurata l‑effettività tagħhom.
150. Għaldaqstant nikkunsidra li r‑Regolament Nru 530/2008 ma jiksirx il‑prinċipju ta’ kontradittorju fil‑konfront tal‑partijiet ikkonċernati l‑oħra koperti mill‑Artikolu 3 ta’ dan ir‑regolament.
2. Jekk l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 jiksirx il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju
151. Fil‑fehma tiegħi lanqas l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma jikser il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju.
a) Allegat ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva
152. Fir‑rigward tal‑kwistjoni tal‑ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, nixtieq nirreferi għar‑raġunament magħmul fil‑punti 141 u 142 ta’ dawn il‑konklużjonijiet. Għall‑istess motivi esposti f’dawk il‑punti, l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma jiksirx, fil‑fehma tiegħi, il‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
b) Allegat ksur tal‑prinċipju tal’ kontradittorju
153. Jiena tal‑fehma wkoll li l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma jiksirx il‑prinċipju ta’ kontradittorju, u lanqas id‑dritt għal smigħ tal‑partijiet ikkonċernati u tal‑Istati Membri.
154. Fir‑rigward tad‑dritt għal smigħ tal‑partijiet ikkonċernati l‑oħra (persuni fiżiċi u legali), nixtieq nirreferi għall‑punti 145 u 149 ta’ dawn il‑konklużjonijiet. Jekk il‑partijiet ikkonċernati l‑oħra kollha (persuni fiżiċi u legali) jingħataw dritt għal smigħ fil‑proċedura li twassal għall‑adozzjoni tal‑miżuri ta’ emerġenza, dan joħloq dewmien sproporzjonat għall‑proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin u jnaqqas b’mod kunsiderevoli l‑effettività tagħhom.
155. Fuq il‑bażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002, il‑Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ emerġenza għall‑konservazzjoni tar‑riżorsi akwatiċi ħajjin fuq talba debitament sostanzjata minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess. Skont l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002, l‑Istat Membru għandu jibgħat fl‑istess ħin it‑talba lill‑Kummissjoni, lill‑Istati Membri l‑oħra u lill‑Kunsilli Konsultattivi Reġjonali kkonċernati li, min‑naħa tagħhom, jistgħu jippreżetnaw l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom lill‑Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid‑data li fiha jirċievu t‑talba.
156. Għalhekk, skont l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002, meta t‑talba għall‑introduzzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza tkun ippreżentata minn wieħed mill‑Istati Membri, l‑Istati Membri l‑oħra jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub. Għall‑kuntrarju, meta l‑Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza fuq inizjattiva tagħha stess, l‑Istati Membri ma jistgħux jibagħtu osservazzjonijiet bil‑miktub. Għalkemm tali dispożizzjoni tista’ prima facie tidher inkoerenti, fil‑fehma tiegħi l‑fatt li l‑Istati Membri ma jistgħux jippreżentaw osservazzjonijiet jekk il‑Kummissjoni tadotta miżuri ta’ emerġenza fuq inizjattiva tagħha stess ma jiksirx id‑dritt għal smigħ tagħhom.
157. Għandu fil‑fatt jiġi kkunsidrat li, jekk ikun Stat Membru li jipproponi l‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, il‑Kummissjoni manifestament ma tkunx indunat bin‑neċessità tagħhom u għalhekk il‑pożizzjoni tal‑Istati Membri l‑oħra tkun tista’ tkun ta’ għajnuna fil‑formazzjoni ta’ opinjoni oġġettiva u fl‑istess ħin timpedixxi li wieħed mill‑Istati Membri jkun jista’ jabbuża mill‑possibbiltà li jipproponi l‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza. Is‑sitwazzjoni tkun differenti meta l‑miżuri ta’ emerġenza jiġu adottati mill‑Kummissjoni fuq inizjattiva tagħha stess. F’tali każ, in‑neċessità tal‑miżuri ta’ emerġenza tkun tant manifesta li l‑Kummissjoni tkun diġà indunat biha u tkun tista’, fuq il‑bażi tal‑informazzjoni li jkollha fil‑pussess tagħha, tadotta miżuri ta’ emerġenza.
158. Għalhekk, fil‑fehma tiegħi, l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 b’ebda mod ma jikser il‑prinċipju ta’ kontradittorju.
G – L‑għaxar domanda
159. L‑għaxar domanda preliminari tqajmet biss b’mod sussidjarju u għalhekk ma huwiex meħtieġ li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħtiha risposta fl‑eventwalità li jiġi annullat ir‑Regolament Nru 530/2008; minkejja dan ser neżamina din id‑domanda fl‑eventwalità li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tannullax dan ir‑regolament.
160. Permezz tal‑għaxar domanda, il‑qorti tar‑rinviju qiegħda tistaqsi jekk, fil‑każ li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li r‑Regolament Nru 530/2008 huwa validu, l‑Artikolu 3(1) tiegħu għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprojbixxi lill‑operaturi Komunitarji milli jwettqu, fl‑ibħra u fil‑portijiet Komunitarji, il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija u t‑trażbord tal‑qabdiet ta’ tonn imwettqa fl‑Oċean Atlantiku fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi.
161. Fil‑fehma tiegħi r‑risposta li għandha tingħata għal din id‑domanda hija waħda affermattiva.
162. Minn naħa, tali interpretazzjoni tikkonferma t‑test tal‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008, li jitkellem b’mod ġenerali dwar “bastimenti li jistadu bil‑purse seines” u ma jirreferix espressament għal tali bastimenti li jtajru l‑bandiera tal‑Greċja, ta’ Franza, tal‑Italja, ta’ Ċipru u ta’ Malta. B’hekk, tali dispożizzjoni ġiet ifformulata intenzjonalment b’mod differenti mill‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal‑istess regolament, fejn jissemmew espressament l‑Istati Membri koperti mill‑istess regolament. Għalhekk, l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 juri b’mod ċar li qiegħed jirreferi għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn kollha u mhux biss għall‑bastimenti li jistadu għat‑tonn tal‑Istati Membri msemmija.
163. Min‑naħa l‑oħra, wieħed jista’ jasal għal din il‑konklużjoni anki permezz ta’ interpretazzjoni sistematika tad‑dispożizzjoni inkwistjoni. B’mod differenti mill‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008, li huwa fformulat b’mod ġenerali, l‑Artikolu 3(2) tal‑istess regolament jirreferi biss għal Stat Membru wieħed, jiġifieri għal Spanja. Permezz ta’ interpretazzjoni sistematika wieħed jista’ għalhekk jikkonkludi li l‑Kummissjoni – li kieku xtaqet li l‑Artikolu 3(1) ta’ dan ir‑regolament jirreferi biss għal Stati Membri partikolari – kienet tesprimi dan b’mod espress fit‑test stess.
164. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni kkonfermat li l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 għandu jiġi interpretat fis‑sens li jirreferi għall‑projbizzjoni li jinħattu qabdiet ta’ tonn imwettqa minn bastimenti li jistadu għat‑tonn b’purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ kwalunkwe pajjiż, ħlief dik Spanjola.
165. Għaldaqstant, fil‑fehma tiegħi, ir‑risposta li għandha tingħata għall‑għaxar domanda hija li l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament Nru 530/2008 għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprojbixxi lill‑operaturi Komunitarji milli jaċċettaw il‑ħatt, it‑tqegħid f’gaġeġ għall‑finijiet ta’ tismin jew ta’ trobbija u t‑trażbord fl‑ibħra u fil‑portijiet Komunitarji ta’ qabdiet ta’ tonn imwettqa fl‑Oċean Atlantiku fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, minn bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines u li jtajru l‑bandiera ta’ Stati terzi li ma humiex Membri tal‑Komunità.
VII – Konklużjoni
166. Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tagħti dawn ir‑risposti għad‑domandi preliminari magħmula mill‑Prim’Awla tal‑Qorti Ċivili (ir‑Repubblika ta’ Malta):
1) Minn eżami tal‑adegwatezza tal‑bażi legali u tal‑motivazzjoni tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat‑12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir‑rigward ta’ bastimenti bil‑purse seines li jistadu għat‑tonn fl‑Oċean Atlantiku, fil‑Lvant tal‑lonġitudni 45 °W, u fil‑Baħar Mediterran, ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l‑validità ta’ dan ir‑regolament.
2) Ir‑Regolament Nru 530/2008 ma jiksirx l‑aspettattivi leġittimi ta’ individwi bħar‑rikorrenti fil‑proċedura fil‑kawża prinċipali.
3) L‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 530/2008 huwa invalidu minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.
4) L‑Artikoli 1 u 2 tar‑Regolament Nru 530/2008 huma invalidi minħabba ksur tal‑prinċipju li jipprojbixxi d‑diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fis‑sens tal‑Artikolu 12 KE.
5) Ir‑Regolament Nru 530/2008 u l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002 ma jiksrux il‑prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ kontradittorju.
1 – Lingwa oriġinali: is‑Sloven.
2 – ĠU L 155, p. 9.
3 – Wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona, li jemenda t‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea u t‑Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea, iffirmat f’Lisbona fit‑13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1), li daħal fis‑seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009, il‑proċedura tar‑rinviju għal deċiżjoni preliminari hija rregolata mill‑Artikolu 267 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea (TFUE).
4 – Rikors fil‑Kawża T‑329/08, AJD Tuna vs Il‑Kummissjoni, ippreżentat fit‑12 ta’ Awwissu 2008.
5 – Rikors fil‑Kawża T‑305/08, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, ippreżentat fil‑11 ta’ Awwissu 2008.
6 – Ara d‑digriet tal‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li mill‑1 ta’ Diċembru 2009 saret il‑Qorti Ġenerali) tat‑30 ta’ Novembru 2009, Veromar di Tudisco Alfio & Salvatore et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi maqgħuda T‑313/08 sa T‑318/08 u T‑320/08 sa T‑328/08, Ġabra p. II‑228).
7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 70.
8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460.
9 – It‑test ta’ din il‑konvenzjoni jinsab ippubblikat fil‑ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 1, p. 206. Għal lingwi oħra ara ĠU L 162 tat‑18.06.1986, p. 34.
10 – Artikolu III(3) tal‑Konvenzjoni.
11 – Artikolu VIII(1)(a) tal‑Konvenzjoni.
12 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 1, p. 205.
13 – ĠU L 340 p. 8.
14 – ĠU L 19 p. 1.
15 – ĠU L 134 p. 11.
16 – Il‑Kummissjoni tirreferi għas‑sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punti 28 u 29).
17 – Dwar it‑theddida għat‑tonn ara, pereżempju, il‑pubblikazzjoni li ħarġet fl‑1995 tal‑Organizzazzjoni għall‑Ikel u l‑Agrikoltura, Examen de la situation mondiale des espèces de grands migrateurs et des stocks chevauchants, FAO document technique sur les pêches 337, 1995, p. 36.
18 – Ara pereżempju l‑pubblikazzjoni Biodiversity: My Hotel in Action: A Guide to Sustainable Use of Biological Resources, International Union for Conservation of Nature, Gland, 2008, p. 64; C. Deere, Net Gains: Linking Fisheries Management, International Trade and Sustainable Development, IUCN, Washington 2000, p. 37. Ara wkoll A. D. Barnosky, Nature in an Age of Global Warming, Island Press, Washington, 2009, p. 50; C. Lévêque, La biodiversité au quotidien: Le développement durable à l’épreuve des faits, Éditions Quae, Versailles, 2008, p. 173.
19 – Ta’ min jgħid ukoll li l‑letteratura dwar is‑suġġett tindika wkoll li t‑tonn huwa manifestament sfruttat iż‑żejjed u li kien meħtieġ li jiġi implementat tnaqqis ta’ mill‑inqas 25 % tal‑mortalità ta’ tali speċi ta’ ħut. Ara T. Markus, European fisheries law: from promotion to management, Europa Law Publishing, Groningen, 2009, p. 13.
20 – Ara l‑premessa 3 tar‑Regolament Nru 1559/2007.
21 – Ara l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1559/2007.
22 – L‑Artikolu 5(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1559/2007 jipprojbixxi s‑sajd għat‑tonn fil‑perijodu bejn l‑1 ta’ Lulju u l‑31 ta’ Diċembru fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran minn bastimenti pelaġiċi bil‑lenza kbira fuq skala kbira iktar minn 24 metru kif ukoll sajd bit‑tartarun borża [purse seines].
23 – Ara l‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 1559/2007.
24 – Ara l‑Artikolu 17 tar‑Regolament Nru 1559/2007.
25 – Ta’ min iżid li t‑tieni domanda tikkonċerna l‑kwistjoni jekk ir‑Regolament Nru 530/2008 ġiex motivat suffiċjentement fir‑rigward tal‑bażi legali użata [Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002]. Madankollu, għandu jiġi eżaminat, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l‑adegwatezza tal‑motivazzjoni ta’ tali regolament, jekk l‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 2371/2002 huwiex bażi legali adegwata għall‑adozzjoni tar‑Regolament Nru 530/2008.
26 – F’dan ir‑rigward għandu jingħad ukoll li mill‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl‑Artikolu 253 KE għandu jiġi distint mill‑fondatezza tal‑motivazzjoni stess li tikkonċerna l‑leġittimità tal‑bażi tal‑att ikkontestat. Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑113/00, Ġabra p. I‑7601, punt 47), u tal‑5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il‑Kunsill (C‑479/07, Ġabra p. I‑39, punt 50).
27 – ĠU L 97, p. 31.
28 – Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1037/2005, tal‑1 ta’ Lulju 2005, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza għall‑protezzjoni u l‑irkupru tal‑istokk tal‑inċova fiż‑żona ICES Sub‑area VIII (ĠU L 171, p. 24). Nixtieq inżid li l‑Kummissjoni sal‑lum ma llimitatx ruħha li tadotta biss miżuri ta’ projbizzjoni tas‑sajd għal speċi partikolari iżda adottat ukoll miżuri għall‑konservazzjoni ta’ ekosistemi tal‑baħar, pereżempju tal‑iskolli tal‑qroll. Ara, pereżempju, ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1475/2003, tal‑20 ta’ Awwissu 2003, dwar il‑protezzjoni ta’ skolli tal‑qroll f’baħar fond mill‑effetti ta’ tkarkir f’żona fil‑majjistral tal‑Iskozja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 6, p. 42) u r‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 263/2004, tas‑16 ta’ Frar 2004, li jestendi għal sitt xhur l‑applikazzjoni tar‑Regolament (KE) Nru 1475/2003 dwar il‑protezzjoni ta’ sikek tal‑qroll fl‑ilma fond mill‑effetti ta’ sajd bit‑tartarun f’żona fuq in‑naħa tal‑majjistral tal‑Iskozja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 7, p. 20).
29 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tat‑28 ta’ Frar 1996, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑122/94, Ġabra p. I‑881, punt 18); tad‑19 ta’ Frar 1998, NIFPO u Northern Ireland Fishermen’s Federation (C‑4/96, Ġabra p. I‑681, punti 41 u 42); tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑179/05, Ġabra p. I‑6475, punt 29); tal‑25 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 44), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, Ġabra p. I‑5491, punt 84). Ara wkoll il‑konklużjonijiet tiegħi li ppreżentajt fit‑3 ta’ Marzu 2009 fil‑kawża Azienda Agricola Disarò Antonio et (C‑34/08, Ġabra p. I‑4023, punt 47).
30 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 80); tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 23), u tat‑23 ta’ Marzu 2006, Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation (C‑535/03, Ġabra p. I‑2689, punt 55).
31 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 58, u l‑ġurisprudenza ċċitata).
32 – Ara, f’dan is‑sens, pereżempju, is‑sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2008, Vodafone et (C‑58/08, Ġabra p. I‑4999, punt 53), u s‑sentenza Arcelor Atlantique u Lorraine et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 31).
33 – Anness 5 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑kumpannija AJD Tuna: ICCAT Circular 1995/08.
34 – B’hekk il‑Kroazja kienet laħqet, fir‑rigward tal‑qbid ikkomunikat lill‑ICCAT, 98.91 % tal‑kwota tagħha, filwaqt li l‑Marokk kien laħaq 87.32 %. Ara l‑Anness 5 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑kumpannija AJD Tuna: ICCAT Circular 1995/08.
35 – It‑Tuniżija qabdet 107.20 % tal‑kwota tagħha, filwaqt li l‑Libja kienet qabdet 105.58 %.
36 – Ara Report for biennal period, 2008‑09, Part II (2009) – Vol. 2, li huwa aċċessibbli fuq l‑internet, www.iccat.int/Documents/BienRep/REP_EN_08‑09_II_2.pdf.
37 – Ibid., p. 119.
38 – Ibid., p. 120.
39 – Ibid., p. 119. Ta’ min jgħid ukoll li l‑qbid potenzjali huwa ddeterminat abbażi tal‑kapaċità tal‑bastimenti tas‑sajd; il‑litteratura dwar is‑suġġett tenfasizza li minħabba l‑kapaċità eċċessiva tal‑bastimenti tas‑sajd (meta mqabbla mal‑kwoti assenjati), il‑qbid eċċessiv jikkostitwixxi l‑ikbar problema tal‑politika komuni tas‑sajd; ara, f’dan is‑sens, A. Berg, Implementing and Enforcing European Fisheries Law: The Implementation and the Enforcement of the Common Fisheries Policy in the Netherlands and in the United Kingdom, Kluwer, Haag, 1999, p. 38; T. Markus, op. Cit. (nota ta’ qiegħ il‑paġna 19, p. 13). Ara wkoll il‑green paper “Riforma tal‑Politika Komuni tas‑Sajd” (COM(2009)163 finali), p. 5, fejn jiġi osservat li l‑istokkijiet Ewropej diġà ilhom iktar minn għaxar snin suġġetti għal qbid eċċessiv filwaqt li l‑flotot tal‑bastimenti tas‑sajd huma kbar iż‑żejjed meta mqabbla mar‑riżorsi tas‑sajd disponibbli.
40 – Ara l‑punt 68 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
41 – Ara l‑Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 2371/2002.
42 – Ara l‑Artikolu 3(i) tar‑Regolament Nru 2371/2002.
43 – Li wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona sar l‑Artikolu 296(2) TFUE.
44 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 82), u tad‑19 ta’ Ottubru 2000, Ir‑Repubblika Taljana u Sardegna Lines – Servizi Marittimi della Sardegna SpA vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑15/98 u C‑105/99, Ġabra p. I‑8855, punt 65). Fil‑letteratura ara, pereżempju, J. Schwarze (ed.), EU‑Kommentar, it‑2 ed. Nomos, Baden‑Baden, 2009, p. 1919, punti 5 et seq.
45 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kunsill (C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 29).
46 – Ara, f’dan is‑sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1996, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑56/93, Ġabra p. I‑723, punt 86); tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95, Ġabra p. I‑1719, punt 63); tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 48); tat‑12 ta’ Diċembru 2002, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑5/01, Ġabra p. I‑11991, punt 68), u tal‑5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il‑Kunsill (C‑479/07, Ġabra p. I‑24, punt 49).
47 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2000, Il‑Lussemburgu vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (C‑168/98, Ġabra p. I‑9131, punt 62); tad‑9 ta’ Settembru 2003, Kik (C‑361/01 P, Ġabra p. I‑8283, punt 102) u s‑sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, punt 51).
48 – Iċċitat fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna numru 27.
49 – ĠU L 171, p. 24.
50 – ĠU L 247, p. 9.
51 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 4, Vol. 6, p. 42.
52 – Ara, f’dan is‑sens, pereżempju, is‑sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens vs Il‑Kummissjoni (265/85, Ġabra p. 1155, punt 44); tal‑15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport (Kawżi magħquda C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70); tal‑10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑342/03, Ġabra p. I‑1975, punt 47), u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et (C‑167/06 P, Ġabra p. I‑141, punt 63).
53 – Ara, f’dan is‑sens pereżempju, is‑sentenza Komninou et, iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 52, punt 63.
54 – Ara, f’dan is‑sens, pereżempju, is‑sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑506/03, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 58), u tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑182/03 u C‑217/03, p. I‑5479, punt 147), kif ukoll is‑sentenza Komninou et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 52, punt 63).
55 – Ara, f’dan is‑sens, pereżempju, is‑sentenzi Van den Bergh en Jurgens vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 52, punt 44); tal‑15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et vs Minister for Agriculture, Food and Forestry, l‑Irlanda, u Attorney General (C‑22/94, Ġabra p. I‑1809, punt 25), u Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 54, punt 147).
56 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker (C‑33/08, Ġabra p. I‑5035, punt 31); tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 97); is‑sentenza Jippes et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, punt 81) kif ukoll is‑sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (Kawżi magħquda C‑133/93, C‑300/93, C‑362/93, Ġabra p. I‑4863, punt 41), u tat‑13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13).
57 – Fir‑rigward ta’ dan il‑kriterju, maqsum fi tliet livelli, sabiex jiġi evalwat il‑prinċipju ta’ proporzjonalità ara, pereżempju, il‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil‑21 ta’ Jannar 2010 fil‑kawża Agrana Zucker (C‑365/08, Ġabra p. I‑4341, punt 60). Fir‑rigward tal‑istruttura fuq tliet livelli tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità fil‑litteratura ara pereżempju D. Simon, Le contrôle de proportionnalité exercé par la Cour de Justice des Communautés Européennes, Petites affiches, n. 46/2009, p. 17, punti 20 et seq.; G. de Búrca, The Principle of Proportionality and its Application in EC Law, Yearbook of European Law, Vol. 13 (1993), p. 113; W. Van Gerven, The Effect of Proportionality on the Actions of Member States of the European Community: National Viewpoints from Continental Europe, E. v Ellis, The Principle of Proportionality in the Laws of Europe, Oxford u Portland, 1999, p. 37.
58 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi ċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30 Jippes et (punt 80), Spanja vs Il‑Kummissjoni (punt 23) u Unitymark u North Sea Fishermen’s Organisation (punt 55).
59 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi ċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 56, Fedesa et (punt 14) u Crispoltoni et (punt 42), is‑sentenzi Jippes et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, punt 82), u tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 80).
60 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Azienda Agricola Disarò Antonio et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 61).
61 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Agrana Zucker (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, punt 64).
62 – Konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Sharpston ippreżentati fl‑14 ta’ Ġunju 2007 fil‑kawżi magħquda Zuckerfabrik Jülich et (C‑5/06 u C‑23/06 sa C‑36/06, Ġabra p. I‑3231, punt 65).
63 – Għandu jingħad ukoll li anki l‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Vodafone et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 32, punti 51 u 71), meta eżaminat il‑validità ta’ regolament Komunitarju minkejja s‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal‑leġiżlatur Komunitarju, segwiet il‑metodu ta’ eżami minn tliet aspetti tal‑proporzjonalità sa fejn analizzat l‑adegwatezza tal‑miżura (punti 55 sa 60), in‑neċessità tagħha (punti 61 sa 68) u l‑proporzjonalità f’sens ristrett (punt 69).
64 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi Azienda Agricola Disarò Antonio et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 63) u Agrana Zucker (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, punt 66).
65 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi Azienda Agricola Disarò Antonio et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 63) u Agrana Zucker (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, punt 66).
66 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawżi Azienda Agricola Disarò Antonio et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 64) u Agrana Zucker (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 57, punt 70).
67 – Ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (Kawżi magħquda C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punti 53 u 58); tas‑17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética (C‑500/06, Ġabra p. I‑5785, punti 39 u 40), u tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 55), li, għalkemm jirreferu għall‑evalwazzjoni tal‑proprozjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, xorta waħda jistgħu jiġu applikati b’analoġija għall‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità ta’ miżuri Komunitarji. Ara wkoll, pereżempju, il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fis‑6 ta’ Mejju 2010 fil‑kawża Andersen (C‑499/08, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil‑Ġabra, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
68 – Ara l‑konklużjonijiet tiegħi fil‑kawża Azienda Agricola Disarò Antonio et (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29, punt 37).
69 – Huwa minnu li din hija ġurisprudenza li tikkonċerna rikors għal annullament. Madankollu, din tista’ tiġi trasposta b’analoġija għall‑kuntest tal‑evalwazzjoni ta’ domanda preliminari dwar il‑validità ta’ att Komunitarju. Ara, pereżempju, is‑sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑29/99, Ġabra p. I‑11221, punti 45 u 46); tal‑21 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑378/00, Ġabra p. I‑937, punt 30), u tat‑30 ta’ Settembru 2003, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑239/01, Ġabra p. I‑10333, punt 33).
70 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra p. I‑1375, punt 257), kif ukoll is‑sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punt 46) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (punt 34), iċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 69.
71 – Fost l‑Istati Ewropej l‑oħra, wieħed jiftakar qabel kollox fil‑Portugall, li abbażi tal‑anness tar‑Regolament Nru 446/2008 ingħata kwota ta’ 518.96 tunnella; l‑Istati Membri l‑oħra, li għalihom jirreferi r‑Regolament Nru 530/2008 ingħataw kwota globali ta’ 60 tunnellata biss.
72 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et (C‑44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46); tat‑30 ta’ Marzu 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑87/03 u 100/03, Ġabra p. I‑2915, punt 48); tad‑19 ta’ April 2007, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑134/04, Ġabra p. I‑54, punt 28), u tat‑8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑141/05, Ġabra p. I‑9485, punt 40).
73 – Fil‑fażi orali l‑Kummissjoni sostniet li l‑preżenza tat‑tonn teħtieġ temperatura tal‑baħar partikolari, jiġifieri bejn 17 u 24 grad Celcius.
74 – Ara l‑punt 35 tal‑Anness 6 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni.
75 – Ara Report for biennal period, 2008‑09, Part II (2009) –.Vol. 2, aċċessibbli fuq l‑internet, www.iccat.int/Documents/BienRep/REP_EN_08‑09_II_2.pdf, p. 125 u 126 (BFT‑Table 1. Estimated catches (t) of northern bluefin tuna (Thunnus thynnus) by major area, gear and flag).
76 – L‑istima tal‑qbid għal Franza fl‑2008 għaż‑żona tal‑Atlantiku kienet ta’ 253 tunnellata, filwaqt li għaż‑żona tal‑Baħar Mediterran kienet ta’ 2 670 tunnellata, jiġifieri total ta’ 2 923 tunnellata (ara ibid.), total dan li jirrappreżenta 59.72 % tal‑kwota allokata lil Franza li, għall‑2008, kienet, skont l‑anness tar‑Regolament Nru 446/2007, ta’ 4 894.19 tunnellata. L‑istima tal‑qbid għall‑Italja kienet (fil‑Mediterran) ta’ 2 234 tunnellata (ara ibid.), li tirrappreżenta 53.67 % tal‑kwota tal‑Italja li, għall‑2008, kienet, skont l‑anness tar‑Regolament Nru 446/2008, ekwivalenti għal 4 162.71 tunnellata.
77 – Ara l‑punt 32 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni.
78 – Il‑korsiv huwa tiegħi.
79 – Ara l‑Anness 6 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni.
80 – Ara l‑Anness tar‑Regolament Nru 446/2008.
81 – Ara l‑punt 31 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni.
82 – Kif jirriżulta mill‑Anness 6 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni.
83 – L‑Artikolu 5(1) u (2) tar‑Regolament Nru 1559/2007 jipprojbixxi s‑sajd għat‑tonn fil‑perijodu bejn l‑1 ta’ Ġunju u l‑31 ta’ Diċembru fl‑Atlantiku tal‑Lvant u fil‑Mediterran minn bastimenti pelaġiċi bil‑lenza ikbar minn 24 metru, kif ukoll bit‑tartarun borża [purse seines].
84 – Dan jirriżulta anki mill‑miżuri li ttieħdu sal‑lum il‑ġurnata abbażi tal‑Artikolu 7(1) tar‑Regolament Nru 3271/2002. Ara l‑miżuri msemmija fil‑punt 67 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
85 – Din hija ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna rikors għal annullament. Madankollu, din il‑ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta, b’analoġija, għall‑kuntest tal‑analiżi ta’ domanda preliminari dwar il‑validità ta’ att Komunitarju; ara, pereżempju, is‑sentenzi ċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 69, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punti 45 u 46); Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (punt 30), u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (punt 33).
86 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi ċċitati fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 69, Franza et vs Il‑Kummissjoni (punt 257), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punt 46) u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (punt 34).
87 – Ara l‑punti 111 sa 114 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
88 – Mill‑Anness tar‑Regolament Nru 446/2008 jirriżulta li l‑Portugall ingħata kwota ta’ 518.96 tunnellata, filwaqt li l‑Istati Membri l‑oħra (bl‑eċċezzjoni ta’ dawk li jirreferi għalihom ir‑Regolament Nru 530/2008) ingħataw kwota globali ta’ 60 tunnellata.
89 – Sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19); tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punt 14); tas‑27 ta’ Novembru 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45); tal‑25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 39); tad-19 ta’ Ġunju 2003, Eribrand (C‑467/01, Ġabra p. I‑6471, punt 61); tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 37); tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335).
90 – ĠU C 81, 30.3.2010, p. 389.
91 – Dawn saru t‑tieni u r‑raba’ paragrafi tal‑Artikolu 263 TFUE wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona.
92 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 2003, Id‑Danimarka vs Il‑Kummissjoni (C‑3/00, Ġabra p. I‑2643, punt 46), u tat‑13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda C‑439/05 P u C‑454/05 P, Ġabra p. I‑7141, punt 36).
93 – Dan sar l‑Artikolu 258 TFUE wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona.
94 – B’hekk, l‑Avukat Ġenerali Sharpston, pereżempju fil‑konklużjonijiet ippreżentati fil‑15 ta’ Mejju 2007 fil‑Kawżi magħquda C‑439/05 P u C‑454/05 P, Land Oberösterreich u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (Ġabra p. I‑7141, punt 79), issostni li tali prinċipju japplika, fost l‑oħrajn, “għal każijiet fejn id‑drittijiet jew l‑interessi ta’ persuna [individwu] jistgħu jiġu affettwati minn proċedura mibdija kontih minn xi awtorità, fejn huwa għandu jingħata l‑opportunità jirrispondi għall‑elementi li l‑awtorità tipproponi li tieħu in kunsiderazzjoni”, u li “[k]ażijiet bħal dawn jinkludu proċeduri kriminali inkwiżitorjali u ħafna proċeduri amministrattivi – fl‑isfera Komunitarja, per eżempju, investigazzjonijiet mill‑Kummissjoni fil‑kamp tal‑kompetizzjoni jew dumping, jew proċeduri dwar ksur tat‑Trattat skond l‑Artikolu 226 KE”.
95 – Dan sar it‑tieni paragrafu tal‑Artikolu 288 TFUE wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona.
96 – Il‑proċedura tkun differenti jekk il‑miżura tiġi adottata fuq talba sostanzjata ta’ Stat Membru. F’tali każ, l‑Istat Membru, skont l‑Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 2371/2002, għandu jibgħat it‑talba fl‑istess ħin lill‑Kummissjoni, lill‑Istati Membri l‑oħra u lill‑Kunsilli Konsultattivi Reġjonali kkonċernati, li min‑naħa tagħhom jistgħu jibagħtu l‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħhom lill‑Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid‑data li fiha jkunu rċevew it‑talba.
97 – Fir‑rigward tal‑kwistjoni jekk il‑prinċipju ta’ kontradittorju huwiex miksur mill‑Artikolu 7 tar‑Regolament Nru 2371/2002, ara l‑punti 153 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet.
98 – Ara, pereżempju, is‑sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal‑Awdituri (C‑315/99, Ġabra p. I‑5281, punt 21); tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, Ġabra p. I‑11245, punt 50); tas‑17 ta’ Diċembru 2009, M vs Aġenzija Ewropea għall‑Mediċini (C‑197/09, Ġabra p. I-12033, punt 41).
99 – Ara s‑sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann (25/62, Ġabra p. 199) fejn il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li “[p]ersuni distinti mid‑destinatarji tad‑deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li jkunu kkonċernati individwalment, ħlief fil‑każ li d‑deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi fejn huma jiġu ddifferenzjati mill‑persuni l‑oħra kollha, u minħabba dawn il‑fatturi jindividwahom bl‑istess mod bħal fil‑każ tad‑destinatarju”.
100 – Dan ġie affermat fir‑rigward ta’ proprjetarji Taljani ta’ bastimenti li jistadu għat‑tonn bil‑purse seines anki mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza (li mill‑1 ta’ Diċembru 2009 saret il‑Qorti Ġenerali) fid‑digriet tat‑30 ta’ Novembru 2009, Veromar di Tudisco Alfio & Salvatore et vs Il‑Kummissjoni (Kawżi magħquda T‑313/08 sa T‑318/08 u T‑320/08 sa T‑328/08, Ġabra p. II‑228), li permezz tiegħu r‑rikorsi għal annullament ippreżentati mill‑proprjetarji tal‑bastimenti msemmija kontra r‑Regolament Nru 530/2008 ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li dawn ma kinux ikkonċernati individwalment mir‑regolament imsemmi. Fir‑raġunament tagħha (punt 45), il‑Qorti tal‑Prim’Istanza enfasizzat li r‑Regolament Nru 530/2008 kien att ta’ portata ġenerali.
101 – Dan sar ir‑raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE wara d‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona. Nixtieq nindika wkoll li r‑raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE bidel parzjalment ir‑rekwiżiti għal‑locus standi u li l‑persuni fiżiċi u legali jistgħu jippreżentaw rikors kemm kontra l‑atti adottati fil‑konfront tagħhom u li jikkonċernawhom direttament u individwalment, u kif ukoll fil‑konfront tal‑atti regolatorji li jikkonċernawhom direttament u li ma jeħtiġux miżuri ta’ implementazzjoni. Fir‑rigward tal‑kwistjoni tal‑locus standi ta’ individwi fil‑kuntest tal‑politika komuni tas‑sajd (qabel id‑dħul fis‑seħħ tat‑Trattat ta’ Lisbona), ara, pereżempju, T. Markus, op. cit. (nota ta’ qiegħ il‑paġna 19), p. 251 et seq.
102 – Ara, pereżempju, is‑sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta (C‑104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 35).