KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑196/09

Paul Miles et

Robert Watson MacDonald

vs

Skejjel Ewropej

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej)

“Definizzjoni ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ moviment liberu tal-ħaddiema – Sistema ta’ remunerazzjoni għall-għalliema ssekondati fi Skejjel Ewropej”





1.        L-iskejjel Ewropej huma stabbilimenti edukattivi uffiċjali kkontrollati konġuntament mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-‘UE’). L-għan tagħhom huwa li jipprovdu edukazzjoni multilingwa u multikulturali għal tfal tal-livell tan-nuna, tal-primarja, u tas-sekondarja tal-impjegati tal-istituzzjonijiet tal-UE. Bħalissa hemm 14-il skola b’total ta’ bejn wieħed u ieħor 22 500 tifel u tifla rreġistrati (2).

2.        L-iskejjel Ewropej twaqqfu permezz ta’ żewġ konvenzjonijiet, l‑Istatut tal-Iskola Ewropea iffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta’ April 1957 (3) u l-Protokoll tat-13 ta’ April 1962 dwar it-Twaqqif tal-Iskejjel Ewropej b’riferiment għall-Istatut tal-Iskola Ewropea ffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta’ April 1957 (4). Iż-żewġ konvenzjonijiet ġew konklużi mis-sitt Stati Membri Oriġinali. Dawn ġew sostitwiti fil-21 ta’ Ġunju 1994 bil-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (il-“Konvenzjoni”) (5). Kien f’dan il-punt li l-istituzzjonijiet Komunitarji saru partijiet għall-ftehim internazzjonali (6). Bħalissa l-istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru kollha huma Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni (7).

3.        Il-Konvenzjoni tistipula dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-iskop u l-organizzazzjoni tal-iskejjel. Tkopri kwistjonijiet bħal ma huma l-pedagoġija, l-istruttura istituzzjonali tas-sistema tal-Iskejjel Ewropej, l-organi mwaqqfa biex jamministrawha u r-riżoluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

4.        Skop ieħor tal-Konvenzjoni huwa li jiġi żgurat il-ħarsien legali adegwat għal persuni li jaqgħu fl-ambitu tagħha. Dan wassal għall-ħolqien ta’ Bord tal-Appell (8).

5.        Il-proċeduri preżenti jqajmu punt istituzzjonali importanti. Il-Bord tal-Appell għandu l-kompetenza li jagħmel domandi li jirrigwardaw il-ġurisprudenza tal-UE lill-Qorti tal-Ġustizzja? Jekk il-qorti tqis li għandha l-kompetenza li tilqa’ domandi ta’ dan it-tip, il-kwistjonijiet sostantivi mqajma fil-proċeduri ewlenin ikunu jeħtieġu l-kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ moviment liberu għall-ħaddiema ġewwa l-UE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni

6.        It-tielet premessa tal-preambolu tal-Konvenzjoni tistipula li “[…] is-sistema tal-Iskola Ewropea hija ‘sui generis’; […] tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri [u bejniethom] u l-Komunitajiet Ewropej […]”.

7.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni jipprovdi li l-iskop tal-iskejjel huwa li jedukaw ilkoll flimkien lit-tfal tal-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej.

8.        L-Artikolu 3(2) jipprovdi: “Għandha tingħata istruzzjoni minn għalliema sekondati jew assenjati mill-Istati Membri skont id-deċiżjonijiet meħuda mill‑Bord ta’ Gvernaturi taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12(4).”

9.        Skont l-Artikolu 7, l-organi komuni għall-Iskejjel Ewropej kollha huma l-Bord tal-Gvernaturi, is-Segretarju Ġenerali, il-Bordijiet ta’ Spetturi u l-Bord tal-Ilmenti.

10.      L-Artikolu 12 jipprovdi li l-Bord tal-Gvernaturi għandu :

“(1) jistabilixxi r-Regolamenti tas-Servizz għas-Segretarju Ġenerali, il-Kapijiet tal-Għalliema, l-għalliema

[…]

(4)(a) jistabbilixxi kull sena, fuq proposta mill-Bordijiet ta’ l-Ispetturi, l-ħtiġijiet tal-persunal tal-għalliema billi joħloq jew jelimina karigi. Għandu jiżgura allokazzjoni ġusta ta’ karigi fost l-Istati Membri. Għandu jiftiehem mal-Gvernijiet fuq kwistjonijiet dwar n-nomini jew l-issekondar tal-għalliema ta’ l-iskola sekondarja, għalliema fl-iskola primarja u kunsillieri ta’ l-Iskola. Il-persunal għandu jżomm id-drittijiet ta’ promozzjoni u rtirar garantiti mir-regoli nazzjonali tagħhom;

[…]”

11.      L-Artikolu 25 jipprovdi: “Il-budget ta’ l-Iskejjel għandu jkun finanzjat minn:

kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri permezz ta’ ħlas kontinwu għal rimunerazzjoni għall-persunal tal-għalliema sekondat jew nominat u, fejn xieraq, kontribuzzjoni finanzjarja deċiża mill-Bord tal-Gvernaturi li jaġixxu unanimament.”

12.      L-Artikolu 26 jipprovdi: “Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwim bejn il-partijiet kontraenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma jkunx ġie solvut mill-Bord tal-Gvernaturi.”

13.      L-Artikolu 27 jittratta dwar il-Bord tal-Ilmenti. Dan jipprovdi:

“1. Qed jiġi b’dan stabbilit Bord ta’ l-Ilmenti [tal-Appell].

2. Il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il-Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dwak il-persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom kif speċifikat b’din il-Konvenzjoni. Meta dan it-tilwim huwa ta’ tip finanzjarju, il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni bla limitu.

Il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il‑proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, kif ikun xieraq, bir-Regolamenti tas-Servizzi għall-persunal tal-għalliema jew bil-kondizzjonijiet għall-għalliema part-time, jew bir-Regoli Ġenerali ta’ l-Iskejjel.

3. Il-membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkunu persuni li l-indipendenza tagħhom hija mingħajr l-ebda dubju u li huma magħrufa li huma kompetenti fil-liġi.

Dawk il-persuni biss li jkunu fuq lista li għandha ssir mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej ikunu eleġibbli biex ikunu membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti.

4. L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkun adottat mill-Bord tal-Gvernaturi, li jaġixxu unanimament.

L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jiddetermina n-numru ta’ membri tal-Bord, il‑proċedura għall-ħatra tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi, kemm idumu fil-kariga tagħhom u l-ftehim finanzjarju applikabbli għalihom. L-Istatut għandu jispeċifika l-mod li bih il-Bord għandu jaħdem.

5. Il-Bord ta’ l-Ilmenti għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu, li għandu jkun fihom dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ l-Istatut.

Ir-regoli tal-proċedura jirrikjedu l-approvazzjoni unanima tal-Bord tal-Gvernaturi.

6. Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Ilmenti jorbtu lill-partijiet u, jekk dawn ta’ l-aħħar jonqsu milli jimplimentawhom, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu infurzati mill-awtoritajiet rilevanti ta’ l-Istati Membri skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

7. Tilwim ieħor li l-Iskejjel ikunu parti fih għandu jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward materji ta’ responsabbiltà ċivili u kriminali mhix affettwata b’dan l-Artikolu.”

 L-Istatut tal-Bord tal-Appell (9)

14.      L-Artikolu 1 tal-Istatut jipprovdi li l-Bord tal-Appell għandu jkun kompost minn sitt membri maħtura għal perijodu ta’ ħames snin mil-lista kkumpilata għal dak il-għan mill-qorti tal-Ġustizzja. Fil-prinċipju, iż-żmien tal-kariga tagħhom jista’ jiġġedded b’mod taċitu.

15.      L-Artikolu 2 jipprovdi li kull membru tal-Bord tal-Appell għandu jagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena naħlef .......... li se nwettaq id-dmirijiet tiegħi b’unur, indipendenza u imparzjalità, u li se nosserva s-sigriet tad-deliberazzjonijiet” (10).

16.      L-Artikolu 3 jipprovdi li l-membri tal-Bord tal-Appell ma jistgħux jeżerċitaw attivitajiet politiċi jew amministrattivi, jew xi xogħol inkompatibbli mad-dmir tagħhom li jaġixxu b’mod indipendenti u imparzjali.

17.      L-Artikolu 5 jipprovdi li membru jista’ jitneħħa mill-kariga biss jekk il-membri l-oħra jiltaqgħu f’sessjoni plenarja u jiddeċiedu li dan naqas milli jwettaq il-kundizzjonijiet meħtieġa. Qabel it-tneħħija mill-kariga tiegħu, il-membru għandu d-dritt jidher quddiem il-Bord tal-Appell.

 Ir-Regoli ta’ Proċedura għall-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej (11)

18.      Ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom fihom dispożizzjonijiet simili għal dawk li jirregolaw il-proċedura bil-miktub u orali quddiem din il-Qorti u l-Qorti Ġenerali. B’dan il-mod, l-Artikolu 9 jipprovdi li l-komunikazzjonijiet kollha ma’ xi parti għandhom isiru f’waħda mill-lingwi uffiċjali (12). L-Artikoli 11 u 12 jagħmlu provvediment għall-partijiet li jidhru quddiem il-Bord tal-Appell biex jiġu rrappreżentati minn avukat. L-Artikoli 14 sa 19 jagħmlu provvediment għal proċedura bil-miktub li tinkludi l-iskambju ta’ applikazzjoni, difiża, risposta u replika; u sussegwentement biex issir proċedura orali.

 Ir-Regolamenti għall-Membri tal-Persunal Issekondati tal-Iskejjel Ewropej applikabbli mill-1 ta’ Settembru 1996 (13)

19.      Ir-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-patti u l-kundizzjonijiet tal-impjegati sekondati fl-Iskejjel Ewropej.

20.      L-Artikolu 45 jipprovdi li r-remunerazzjoni mħallsa lill-impjegati għandha tikkonsisti fis-salarju bażiku, f’pagament għal xogħol bis-sahra, u f’sussidji għall-familja u sussidji oħra.

21.      L-Artikolu 47 jipprovdi:

“1. Ir-rimunerazzjoni ta’ impjegat għandha titfisser f’Euro.

[…]

2. Għandha tiġi mħallsa lill-impjegat fil-post u bil-munita tal-pajjiż ta’ fejn dan iwettaq dmirijietu.

Ir-rimunerazzjoni mħallsa f’munita li ma hijiex l-Euro għandha tiġi maħduma abbażi tar-rata tal-kambju applikata lir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Ir-rimunerazzjoni ta’ impjegat għandha tiġi ponderata b’rata ’l fuq, ’l isfel jew ugwali għall-100%, kif stipulat u aġġustat għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

22.      L-Artikolu 94 jipprovdi:

“1      […] [A] impjegat għandu jkun intitolat għar-rimunerazzjoni li tmiss lill-kariga tiegħu u lill-livell fl-iskala tas-salarju tiegħu għal kariga bħal dik, kif stipulat fl-Anness III ta’ dawn ir-Regolamenti” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23.      Fiż-żmien li fih qamet it-tilwima preżenti (April 2008), l-Artikolu 49(2) kien jipprovdi dan li ġej:

“(a) L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iħallsu s-salarju nazzjonali lill-impjegat u għandhom jinfurmaw lid-Direttur bl-ammonti mħallsa, billi jispeċifikaw il-komponenti kollha li jkun ittieħed kont tagħhom biex isiru l-kalkoli, inkluż it-tnaqqis obbligatorju tas-sigurtà soċjali u tat-taxxi.

(b) L-iskola għandha tħallas id-differenza bejn ir-rimunerazzjoni li hemm provvediment għaliha f’dawn ir-Regolamenti u l-valur tal-kambju tas-salarju nazzjonali kollu, barra t-tnaqqis obbligatorju tas-sigurtà soċjali. Il-valur tal-kambju għandu jiġi konvertit fil-munita tal-pajjiżi li fiħ l-impjegat iwettaq dmirijietu, abbażi tar-rati tal-kambju użati għas-salarji tal-uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.      L-Artikolu 49(2) ġie emendat b’effett mill-1 ta’ Lulju 2008 sabiex jippermetti lill-Iskejjel Ewropej jagħmlu aġġustament, jekk dan ikun meħtieġ, lir-rati tal-kambju bejn l-Euro u muniti uffiċjali oħra tal-Istati Membri. Il-paragrafi li ġejjin inżiedu mat-test ta’ dik id-dispożizzjoni:

“Dawn ir-rati tal-kambju għandhom jiġu mqabbla mar-rati tal-kambju ta’ kull xahar fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-estimi. Jekk ikun hemm differenza ta’ 5 % jew iżjed f’waħda jew f’iżjed mill-muniti mqabbla mar-rati tal-kambju użati sa issa, għandu jsir aġġustament minn dak ix-xahar. Jekk il-livell tal-attivazzjoni ma jintlaħaqx, ir-rati tal-kambju għandhom jiġu aġġornati mhux iżjed tard minn meta jkunu għaddew sitt xhur.

Jekk il-valur tal-kambju jkun ogħla mir-rimunerazzjoni stipulata f’dawn ir-Regolamenti għal sena kalendarja, l-impjegat inkwistjoni huwa intitolat għad‑differenza bejn iż-żewġ somom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

25.      L-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li jista’ jsir appell amministrattiv lis-Segretarju Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej (is-“Segretarju Ġenerali”) kontra deċiżjonijiet amministrattivi u finanzjarji fl-oqsma amministrattativi u finanzjajrji li jikkonċernaw il-legalità ta’ att li jaffettwa lill-persuna inkwistjoni b’mod negattiv. Jekk is-Segretarju Ġenerali ma jweġibx għal appell amministrattiv fi żmien ħames xhur minn meta dan ikun ġie ppreżentat, dan ikun jikkostitwixxi deċiżjoni impliċita li l-appell amministrattiv ikun ġie miċħud. Appell kontra deċiżjoni bħal din jista’ jiġi ppreżentat lill-Bord tal-Appell.

26.      Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 80 huma dawn li ġejjin:

“1 Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-kompetenza esklużiva fl-ewwel u fl-aħħar istanza fuq kwalunkwe tilwima bejn l-organi amministrattivi tal-Iskola u l‑impjegati f’dak li għandu x’jaqsam mal-legalità ta’ att li tkun affetwathom b’mod negattiv [...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-paragrafu 2 jipprovdi li, qabel ma jiġi ppreżentat appell lill-Bord tal-Appell, għandu jsir appell amministrattiv lis-Segretarju Ġenerali skont l-Artikolu 79 u għandha tkun ittieħdet deċiżjoni espliċita jew impliċita li tiċħad dan l-appell.

Il-paragrafu 5 jipprovdi: “L-appelli kontenzjużi fi ħdan it-tifsira ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu eżaminati u ġġudikati skont il-kundizzjonijiet stipulati mir-Regoli ta’ Proċedura stabbiliti mill-Bord tal-Appell.

L-appelli ppreżentati lill-Bord tal-Appell ma għandux ikollhom effett ta’ sospensjoni. Madankollu, il-Bord tal-Appell jista’, jekk jidhirlu li ċ-ċirkostanzi hekk jitolbu, jordna li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-att ikkontestat. Id‑deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu finali u infurzabbli” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 It-Trattat KE (15)

27.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprovdi: “Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita”.

28.      L-Artikolu 39 KE jipprovdi:

“1. Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2. Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

3. Għandu jinkludi d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

(a) li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru;

(b) li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

(c) li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impieg tal-ħaddiema ta’ dak l‑Istat ;

(d) li jgħix fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkun okkupa impieg hemm, bil‑kondizzjonijiet li l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun soġġetta għal regolamenti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni.

[…]”

29.      L-Artikolu 234 KE jipprovdi:

“ Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

(a) l-interpretazzjoni ta’ dan it-Trattat;

[…]

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti tal‑Ġustizzja biex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l‑kwistjoni lill-Qorti tal‑Ġustizzja”.

 Sfond, fatti u proċedura

 Kif jinħadem is-salarju

30.      L-Artikolu 49(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-għalliema kollha għandhom jirċievu s-salarju ta’ kull xahar li hemm stabbilit fl-Anness III, imfisser f’Euro (16).

31.      Is-salarju jirrifletti l-istruttura tal-Iskejjel Ewropej sa fejn ir-responsabbiltà li dan jitħallas tinqasam bejn l-Istati Membri u l-Iskejjel. B’dan il-mod l-għalliem li jkun ġie ttrasferit ikompli jirċievi s-salarju nazzjonali tiegħu (suġġett għat-tnaqqis obbligatorju għat-taxxa u għas-sigurtà soċjali) waqt li dan ikun issekondat fl-Iskejjel (17). Is-salarju nazzjonali jiġi kkonvertit f’Euro skont ir-rata tal-kambju identifikata. Il-valur tal-kambju tas-salarju nazzjonali mbagħad jitnaqqas mis-salarju ta’ kull xahar stabbilit fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-differenza bejn dawn it-tnejn hija magħrufa bħala “is-suppliment Ewropew” u titħallas direttament lill-għalliem issekondat mill-Iskejjel Ewropej, bil-flus ipprovduti mill-estimi tal-UE (18). Is-suppliment Ewropew u s-salarju nazzjonali flimkien jikkostitwixxu s-salarju bażiku tal-għalliem għall-iskopijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

32.      Fl-1 ta’ Lulju 2007, EUR 1 kien ekwivalenti għal GBP 0.67215. Madankollu, l-isterlina ddeprezzat b’mod sinjifikattiv fil-konfront tal-Euro minn Ottubru 2007 ’l quddiem. Fl-1 ta’ Diċembru 2007, EUR 1 kien ekwivalenti għal GBP 0.71475 u fl-1 ta’ Ġunju 2008 għal GBP 0.7866. B’dan il-mod, bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008, l-isterlina kienet tilfet bejn wieħed u ieħor 7.4 % tal-valur tagħha fil-konfront tal-Euro.

33.      Ir-rata tal-kambju applikata biex jinħadem il-valur tal-kambju tal-Euro tas-salarji nazzjonali tal-għalliem kienet stabbilita fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena. Qabel ma ġew emendati f’Lulju 2008, ir-Regolamenti tal-Persunal ma kinux għamlu provvediment biex isiru aġġustamenti intermedjarji lir-rata stabbilita fl-1 ta’ Lulju biex jittieħed kont tal-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju matul is-sena. Għalhekk, ma kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ aġġustament biex jagħmel tajjeb għad-deprezzament sinjifikanti fil-valuta tal-Isterlina fil-konfront tal-Euro bejn Ottubru 2007 u Ġunju 2008.

34.      Wara li ġew emendati r-Regolamenti tal-Persunal mill-1 ta’ Lulju 2008, issa jista’ jsir aġġustament intermedjarju meta jkun hemm differenza ta’ 5 % jew iżjed fir-rata tal-kambju ta’ munita kif imqabbla mar-rata applikata qabel (19).

 Fatti u proċedura

35.      Matul il-perijodu minn April 2008 ’l quddiem, P. Miles u 135 għalliem oħra ssekondati fl-Iskejjel Ewropej mir-Renju Unit, ippreżentaw appelli amministrattivi skont l-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem is-Segretajru-Ġenerali. F’dawk l-appelli amministrattivi, dawn talbu li jsir aġġustament fil-kalkolu tal-parti tas-suppliment tas-salarji tagħhom biex dan jagħmel tajjeb għad-deprezzament tal-Isterlina fil-konfront tal-Euro matul il-perijodu Ottubru 2007 sa Ġunju 2008. Is-Segretarju Ġenerali, b’ittra ddatata s-7 ta’ Novembru 2008, ikkonferma li hija kienet ċaħdet l-appelli amministrattivi tal-għalliema. Fil-15 ta’ Diċembru 2008, l-għalliema ppreżentaw appelli mal-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali.

36.      Rikorrent ieħor, Robert Watson MacDonald, ippreżenta l-appell amministrattiv tiegħu lis-Segretarju Ġenerali fid-9 ta’ Mejju 2008. Fid-9 ta’ Jannar huwa wkoll ippreżenta appell lill-Bord tal-Appell kontra d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali.

37.      L-appelli kollha ppreżentati mill-għalliema jirrigwardaw il-kalkolu tas-Suppliment Ewropew f’dak li jirrigwarda l-għalliema Britanniċi li jwettqu d-dmirijiet tagħhom fi skejjel fi Stati Membri fejn il-munita użata hija l-Euro.

 It-talba mressqa biex isiru d-domandi għal deċiżjoni preliminari

38.      Fit-talba tiegħu mressqa biex jagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari, il-Bord tal-Appell josserva li l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza esklużiva li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni f’tilwimiet bejn il-partijiet kontraenti li ma ġewx riżolti mill-Bord ta’ Tmexxija. Madankollu, ma hemm ebda dispożizzjoni espliċita li biha l-Bord tal-Appell għandu s-setgħa li jfittex l-għajnuna mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda appell li jkun ġie ppreżentat quddiemu.

39.      Il-Bord tal-Appell jenfasizza li xogħlu huwa li jiżgura li l-liġi tiġi applikata b’mod uniformi f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Id-deċiżjoni tiegħu dwar appell torbot lill-partijiet. Jekk dawn jonqsu milli jimplementawha, id-deċiżjoni tkun infurzabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-Bord tal-Appell huwa tal-fehma li, meta wieħed iqis il-kuntest ġuridiku ġenerali (b’mod partikolari l-obbligu tiegħu li jiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata b’mod uniformi f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu), ikun kontradittorju jekk dan jitqies li ma huwiex kompetenti li jagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE.

40.      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell jixtieq jagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti:

1)         L-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħal ma huwa l-Bord tal-Appell, imwaqqaf bl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, peress li huwa jiddeċiedi fl-aħħar istanza, huwa marbut li jagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja?

2)         Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 12 u 39 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ ħlas tas-salarju bħal dik fis-seħħ fl-iskejjel Ewropej, liema sistema, filwaqt li tirreferi espressament għal dik tal-uffiċjali Komunitarji, ma tippermettix li jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni, anki b’mod retroattiv, id-deprezzament ta’ valuta li twassal għat-telf tal-poter tal-akkwist għall-għalliema ssekondati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat?

3)         Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, differenza fis-sitwazzjoni kif ikkonstatata bejn, minn naħa, l-għalliema ssekondati fl-iskejjel Ewropej, li s-salarju tagħhom huwa kopert fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u mill-iskola Ewropea li fiha jgħallmu u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali tal-Komunità Ewropea, li s-salarju tagħhom huwa kopert esklużivament minnha, tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fl-artikoli ċċitati iktar ’il fuq u filwaqt li r-regolamenti [tal-persunal issekondat fl-iskejjel Ewropej] jirreferi espressament għal dak tal-uffiċjali Komunitarji, li r-rati tal-kambju użati sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-poter tal-akkwist ma jkunux l-istess?

41.      Tressqu osservazzjonijiet bil-miktub u saru sottomissjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2010, għan-nom tal-għalliema, l-Iskejjel Ewropej, u l-Kummissjoni Ewropea.

 Evalwazzjoni

 L-ewwel domanda

42.      L-ewwel domanda tqajjem kwistjoni fundamentali. Il-kompetenza tal-Qorti skont l-Artikolu 234 KE testendi għal korpi bħal ma huwa l-Bord tal-Appell? Jekk dik id-domanda tiġi risposta fin-negattiv, ma hemm ebda bżonn li wieħed jagħti risposta għad-domandi 2 u 3.

 Id-domandi mqajma mill-Bord tal-Appell jikkonċernaw kwistjonijiet tal-liġi tal-UE?

43.      Intqal għan-nom tal-Iskejjel Ewropej li dawk l-iskejjel huma stabbiliti abbażi ta’ ftehim internazzjonali, u li dawk il-ftehim, u l-miżuri u d-deċiżjonijiet tal-Iskejjel Ewropej ma għandhomx jitqiesu bħala parti integrali tal-liġi tal-UE. Għalhekk, is-sistema li tiggverna l-operazzjoni tal-Iskejjel Ewropej taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kategorija ta’ miżuri koperti mill-Artikolu 234 KE.

44.      F’Hurd (20), id-domanda li saret quddiem il-qorti kienet teħtieġ kunsiderazzjoni tas-sistema ta’ rimunerazzjoni applikata lill-għalliema Britanniċi fi ħdan l-Iskejjel Ewropej li kienu qed jgħallmu fl-iskola ta’ Culham, l-Ingilterra. Il-Bord ta’ Tmexxija tal-ewwel Skola Ewropea kien iddeċieda (waqt laqgħa tas-26 u s-27 ta’ Jannar 1957) li l-impjegati għandhom iħallsu taxxa fuq is-salarju (jew fuq parti minnu) li tikkorrispondi mas-salarju nazzjonali tagħhom. Min-naħa l-oħra, is-supplimenti u l-konċessjonijiet imħallsa skont ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu eżenti minn kull taxxa. Fir-Renju Unit, is-suppliment Ewropew u l-konċessjonijiet differenzjali mħallsa mill-Iskola Ewropea f’Culham lil għalliema li ma kinux ċittadini tar-Renju Unit ma kinux suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul. It-tilwima fil-proċeduri ewlenin f’Hurd ikkonċernat il-kwistjoni dwar jekk pagamenti bħal dawn jistgħu, min-naħa l-oħra, jitħallsu mit-taxxa meta jsiru lil ċittadini tar-Renju Unit. Is-Sur Hurd qal li s-supplimenti mħallsa mill-iSkola Ewropea f’Culham lill-għalliema ssekondati mir-Renju Unit għandhom ikunu eżenti mill-intaxxar nazzjonali mid-dritt Komunitarju. Huwa ssottometta li minħabba li r-Renju Unit kien aderixxa għall-konvenzjoni li tiddefinixxi l-istatut tal-Iskejjel Ewropej kif meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej tar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Komunitajiet Ewropej tal-1972, ir-Renju Unit kien aċċetta d-deċiżjoni tal-laqgħa tas-26 u tas-27 ta’ Jannar 1957. Il-Gvern tar-Renju Unit ikkontenda li għalkemm il-Qorti tista’ tinterpreta l-Artikolu 3 tal-Att ta’ Adeżjoni, madankollu ma kellhiex il-kompetenza li tinterpreta l-konvenzjonijiet li jwaqqfu l-Iskejjel Ewropej.

45.      Il-Qorti sostniet li ma kellhiex kompetenza tinterpreta l-Artikolu 3 tal-Att ta’ Adeżjoni bil-għan li tiddefinixxi l-obbligi tar-Renju Unit skont il-miżuri u d-deċiżjonijiet tal-Iskejjel Ewropej, minħabba li l-istrumenti tal-aħħar waqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kategoriji ta’ miżuri koperti mill-Artikolu 234 KE. Il-fatt li dawn il-ftehim kienu konnessi mal-Komunità u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tagħha ma fissirx li kellhom jitqiesu bħala parti integrali mid-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Qorti kkunsidrat li – sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Att ta’ Adeżjoni f’dak li jirrigwarda strumenti bħal dawn – jista’ jkun neċessarju li jiġi ddefinit l-istat legali ta’ miżuri u deċiżjonijiet tal-organi tal-Iskejjel Ewropej u għalhekk li tissoġġettahom għall-iskrutinju li kien meħtieġ għal dak il-għan (21).

46.      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonfermat is-sentenza tagħha f’Hurd f’Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (22). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Regolamenti tal-Persunal stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Iskejjel Ewropej skont l-Artikolu 12(1) tal-Konvenzjoni huma għalhekk, prima facie, miżuri li jaqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 234 KE.

47.      Jidhirli, għalhekk, li fil-kuntest tal-każ preżenti, ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-istess status ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali f’rinviju minn qorti nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tinterpretahom fis-sens strett tal-kelma, iżda tista’ tagħti gwida dwar il-mod li bih il-liġi tal-UE tapplika lilhom.

48.      Barra dan, l-Iskejjel Ewropej irrikonoxxew waqt seduta li huma japplikaw it-Trattat u jaċċettaw li d-domandi sostantivi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Bord tal-Appell għandhom jikkonċernaw l-interpretazzjoni korretta tagħha.

49.      Għalhekk jiena tal-opinjoni li peress li d-domandi 2 u 3 jagħmlu rikjesta espliċita li tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-Trattat, ir-Regolmenti tal-Persunal jistgħu jiġu eżaminati sa fejn ikun meħtieġ li wieħed jirrispondi l-kwistjonijiet tal-liġi tal-UE li jistgħu jinqalgħu.

 Għall-iskopijiet tal-Artikolu 234 KE, il-Bord tal-Appell huwa qorti jew tribunal?

50.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “sabiex tiddetermina jekk organu ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 234 KE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex inter partes, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti” (23). Barra dan, qorti nazzjonali tista’ tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm każ pendenti quddiemha u tissejjaħ biex tagħti sentenza fi proċeduri maħsuba biex iwasslu għal deċiżjoni ta’ natura ġuridika (24).

51.      Il-Kummissjoni u l-għalliema jsostnu li l-Bord tal-Appell għandu l-karatteristiċi kollha ta’ qorti jew ta’ tribunal għall-iskopijiet tal-Artikolu 234 KE. L-Iskejjel Ewropej jaċċettaw li l-Bord tal-Appell huwa qorti jew tribunal, iżda jissottomettu li ma huwiex qorti nazzjonali kif meħtieġ mill-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE. Għalhekk jien ser nittratta dawk l-aspetti li ma jidħlux fit-tilwima fil-qosor biss, sabiex inkun nista’ nikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-aħħar.

52.      Il-Bord tal-Appell ġie ffurmat skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni. Huwa għalhekk imwaqqaf b’mod ċar mil-liġi. Wieħed jista’ jiddeduċi n-natura permanenti tiegħu mill-Artikolu 27(1), minħabba li twaqqaf mingħajr limitu għad-dewmien tiegħu, b’membri li jagħtu servizz għal perijodu ta’ ħames snin bil-possibiltà li dan jiġġedded. Skont l-Artikolu 27(2), il-Bord tal-Appell għandu kompetenza esklużiva fir-rigward tal-ilmenti inkwistjoni u, skont l-Artikolu 27(6) (ikkonfermat mill-Artikolu 80(5) tar-Regolamenti tal-Persunal), id-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu u huma infurzabbli; dawk id-dispożizzjonijiet jagħmluha ċara li l-Bord tal-Appell jeżerċita funzjoni ġudizzjarja. L-Artikolu 27(5) jagħti s-segħta lill-Bord tal-Appell li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu biex japplika l-Istatut, u dawk li jkun adotta jkunu jipprovdu għal proċedura inter partes.

53.      Barra dan, huwa ċar li l-Bord tal-Appell jipposjedi l-karatteristika tal-indipendenza, li hija parti intrinsika tal-kompitu tal-aġġudikazzjoni (25). Il-kompożizzjoni tiegħu huwa rregolat mill-Artikolu 27(3) tal-Konvenzjoni u l-Artikoli 1, 2, 3 u 5 tal-Istatut. Għalhekk il-membri tiegħu għandhom ikunu persuni li ma jkun hemm ebda dubju dwar in-newtralità tagħhom, u magħżula minn lista kkompilata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn jieħdu ġurament li jaġixxu b’mod indipendenti u newtrali, u ma jistgħux jipparteċipaw f’xi attività inkompatibbli ma’ dan l-obbligu. Membru jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu biss jekk, wara li dan ikun instema’, maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-kollegi kollha tiegħu tikkunsidra li dan naqas milli jissodisfa l-kundizzjonijiet rekwiżiti. Barra dan, il-Bord tal-Appell jaġixxi sempliċement bħala terza parti fil-konfront tal-korp li jkun adotta d-deċiżjoni kkontestata, minħabba li huwa organu separat u distint mis-Segretarju Ġenerali.

54.      Wara li ġie kkonfermat li l-Bord tal-Appell jissodisfa l-kriterji kollha biex jiġi kklassifikat bħala qorti jew tribunal, inkompli, għalhekk, biex nikkunsidra d-domanda fundamentali dwar jekk dan jistax jitqies li huwa qorti nazzjonali.

55.      L-Iskejjel Ewropej isostnu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat litteralment, jiġifieri li qed jirreferi għal qorti jew tribunal ta’ Stat Membru – li ċarament il-Bord tal-Appell ma huwiex.

56.      Il-Kummissjoni u l-għalliema jissottomettu li l-għan tal-Artikolu 234 KE huwa li jiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata b’mod koerenti u uniformi. Għalhekk, l-Artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat b’mod li jservi skop u l-kliem “qorti jew tribunal ta’ Stat Membru”(26) għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. F’Rheinmühlen (27), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-għan tal-proċedura skont dak li qabel kien l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE kien li jiġi żgurat li fiċ-ċirkustanzi kollha, l-liġi hija l-istess fl-Istati Membri kollha tal-Komunità.

57.      Naqbel mal-Kummissjoni u mal-għalliema.

58.      Għaddew kważi 30 sena minn meta l-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel adottat interpretazzjoni ta’ dak li sussegwentement sar l-Artikolu 234 KE iżjed wiesgħa mis-sens litterali tal-kliem użat fit-tieni paragrafu. Fi Broekmeule(28), il-Qorti sostniet li meta l-kumitat tal-appelli stabbilit mir-Royal Netherlands Society for the promotion of medicine (‘il-kumitat tal-appelli’) applikat u ddeterminat kwistjonijiet tad-dritt Komunitarju, din għandha titqies li hija qorti nazzjonali. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li ma kienx jeżisti dritt ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-appelli quddiem il-qrati nazzjonali.

59.      Fil-każ preżenti l-Bord tal-Appell, għandu “kompetenza esklużiva fl-ewwel u fl-aħħar istanza” (29). Minħabba li r-responsabbiltà tiegħu tkopri d-drittijiet u l-obbligi ta’ għalliema, li bosta minnhom ikunu eżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu bħala parti mill-fatt li jkunu aċċettaw li jiġu ssekondati fid-diversi Skejjel Ewropej, dan inevitabbilment – bħal ma fil-fatt qed jiġri fil-każ preżenti – ikollu japplika (u jagħti preċedenza lil) il-liġi tal-UE meta jkun qed jiddeċiedi dwar tilwim quddiemu. Bħal ma huwa l-każ fil-kumitat tal-appelli f’Broekmeulen, ma hemm ebda dritt ta’ appell mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell quddiem il-qrati nazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru. Il-korrelazzjoni ma’ Broekmeulen hija waħda konvinċenti (30).

60.      Fi Christian Dior (31) il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk, fi proċeduri li jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-direttiva dwar it-trade marks (32), l-ogħla qorti nazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi jew il-Qorti tal-Benelux (33) għandha titqies bħala qorti jew tribunal li ma toffri ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjonijiet tagħha, u li għalhekk kienet meħtieġa tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti skont l-Artikolu 234(3) KE. Għal darb’oħra l-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni li sservi skop, u dwar il-Qorti tal-Benelux qalet: “Ma hemm ebda raġuni tajba għaliex qorti bħal din, li hija komuni għal numru ta’ Stati Membri, ma għandhiex tkun tista’ tagħmel domandi lill-din il-Qorti, bħal ma jagħmlu l-qrati jew it-tribunali ta’ wieħed minn dawk l-Istati Membri”. Biex waslet għal dik il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lil żewġ fatturi. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Benelux kellha l-inkarigu li tiżgura li r-regoli legali komuni għat-tliet pajjiżi tal-Benelux jiġu applikati b’mod uniformi; u l-proċedura quddiemha kien pass wieħed fil-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali li wassal għal interpretazzjoni awtoritattiva tar-regoli komuni tal-Benelux. It-tieni nett, li jiġi rrikonoxxut li l-fatt li l-Qorti tal-Benelux kienet intitolata li tagħmel domandi lill-Qorti ssodisfa l-għan tal-Artikolu 234 KE, minħabba li dan assigura l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (34).

61.      L-Avukat Ġenerali Jacobs ikkunsidra l-kwistjoni fil-qosor fil-Konklużjonijiet tiegħu. Huwa enfasizza li “il-bażi loġika tad-dispożizzjonijiet tat-trattat hija li qorti ta’ Stat Membru li d-deċiżjonijiet tagħha huma finali, ma għandhiex tiddeċiedi dwar kwistjoni ta’ dritt Komunitarju fin-nuqqas ta’ deċiżjoni minn din il-Qorti”.

62.      L-Iskejjel Ewropej isostnu li Christian Dior huwa differenti mill-kwistjoni preżenti, minħabba li l-kwistjoni fil-proċeduri ewlenin f’dak il-każ, oriġinarjament inqalgħet quddiem qorti nazzjonali (ir-Rechtbank te Haarlem; ir-rinviju sussegwentement sar mill-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Fil-każ preżenti, ma kien hemm qatt kwistjoni quddiem qorti nazzjonali u għalhekk, ma hemm ebda kwistjoni ġejja minn qorti jew tribunal nazzjonali.

63.      Jien ma naqbilx. Jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll tadotta interpretazzjoni li sservi l-iskop tal-Artikolu 234 KE hawn, għar-raġunijiet li ġejjin.

64.      L-ewwel nett, l-Istati Membri kollettivament waqqfu l-Bord tal-Appell bħala korp ġudizzjarju tal-ewwel u l-aħħar istanzi biex jiddetermina l-kwistjonijiet kollha relatati mal-Iskejjel Ewropej li huma regolati mill-Konvenzjoni (jew minn miżuri, bħal ma huma r-Regolamenti tal-Persunal, adottati skontha) (35). Il-Bord tal-Appell għandu d-dover li jiżgura li r-Regoli Ġenerali stabbiliti fil-Konvenzjoni jiġu applikati b’mod uniformi. Id-deċiżjonijiet tiegħu huma finali u awtoritattivi. Il-Konvenzjoni tistipula li s-sentenzi tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu infurzati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru rilevanti skont il-liġijiet tagħhom (36).

65.      Minħabba dan, il-Bord tal-Appell għandu jitqies li huwa qorti li hija “komuni għal għadd ta’ Stati Membri”. Ċertament, minħabba li huwa komuni għall-Istati Membri kollha, huwa l-espressjoni awtoritattiva ta’ dak il-kunċett. Ikun kontradittorju jekk, meta tkun qed tiġi applikata l-liġi tal-UE, il-Bord tal-Appell ma jkunx jista’ jagħmel domandi lill-Qorti meta l-Istati Membri jkunu obbligati, permezz tal-qrati nazzjonali tagħhom, li jinfurzaw id-deċiżjonijiet tagħha.

66.      F’dak ir-rigward, nieħu kont tal-fatt li, skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni, din il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza esklużiva f’tilwim bejn il-partijiet kontraenti li għandhom x’jaqsmu mal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni li ma ġewx riżolti mill-Bord ta’ Tmexxija (37). Tkun ħaġa anomala li kwistjoni ekwivalenti li tinqala’ f’kontestazzjoni li titressaq minn individwi kontra deċiżjoni meħuda mis-Segretarju Ġenerali ma tkunx tista’ tiġi wkoll rinvijata mill-Bord tal-Appell lil din il-Qorti tal-Ġustizzja għal sentenza finali meta din tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE.

67.      Hawnhekk jidhirli li jista’ jkun hawn similarità mas-sistema normali skont it-Trattati, fejn l-azzjonijiet diretti jiġu komplimentati b’rinviji għal deċiżjonijiet preliminari u fejn il-Qorti kellha t-tendenza tkun ġeneruża fl-interpretazzjoni tagħha sabiex tippriżerva l-uniformità tal-interpretazzjoni u tiggarantixxi protezzjoni effettiva.

68.      Fi Zwartveld (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet iffaċċjata “b’talba għal kooperazzjoni ġudizzjarja” li kienet ġejja minn qorti nazzjonali li ma inkwadratx sew fis-sistema proċedurali stabbilita mit-trattati, meta interpretati litterlament. Ir-Rechter-commissaris fl-Arrondissementsrechtbank Groningen (il-Pajjiżi l-Baxxi) kien qed jinvestiga irregolaritajiet serji li kellhom x’jaqsmu mal-imaniġġjar tas-suq tal-ħut f’Lauwersoog, inkluż allegazzjonijiet ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex jimplementaw ir-regoli Komunitarji dwar il-kwoti tas-sajd. Huwa kkunsidraha bħala ħaġa essenzjali għall-investigazzjoni tiegħu li jakkwista kopji ta’, inter alia, ir-rapporti magħmula mill-ispetturi tas-sajd tal-KEE u indika li jista’ jkun ukoll neċessarju, wara li kkunsidra dawk id-dokumenti, li jiġbor l-evidenza mill-ispetturi kkonċernati. Il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tiżvela l-informazzjoni, billi qalet li d-dokumenti ffurmaw parti minn fajl dwar kwistjonijiet legali li kienu pendenti mal-Kummissjoni. Ir-Rechter-commissaris għalhekk għamel rikors il-Qorti tal-Ġustizzja u talab l-għajnuna abbażi tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea jew konvenzjonijiet dwar assistenza reċiproka (li għalihom il-Komunità ma kinitx parti, iżda li huwa qies bħala inkorporati fl-ordni ġuridika Komunitarja, u għalhekk, li għandhom jitqiesu bħala parti integrali tad-dritt Komunitarju).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ċaħditx il-każ minħabba li mhux ammissibbli. Għall-kuntrarju: waqt seduta plenarja, din sostniet (39) li f’Komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu meħtieġa josservaw id-dover ta’ kooperazzjoni sinċiera (li kienet ta’ importanza partikolari f’dak li jirrigwarda l-awtoritajiet ġudizzjarji responsabbli li jaraw li d-dritt Komunitarju jiġi applikat u rrispettat). B’konsegwenza neċessarja, il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha s-setgħa li tirrevedi jekk dak id-dover kienx ġie osservat u, konsegwentement, kellha l-kompetenza li teżamina jekk il-fatt li l-istituzzjonijiet Komunitarji rrifjutaw li jikkooperaw mal-awtoritajiet kienx iġġustifikat (40).

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk eżerċitat dik l-awtorità u ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti meħtieġa u tawtorizza lill-ispetturi tagħha jiġu eżaminati bħala xiehda, sakemm din ma tatx “raġunijiet awtoritattivi relatati mal-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-interessi tal-Komunitajiet” li ġġustifikaw il-fatt li rrifjutat tagħmel dan (41).

71.      B’rispett napprova r-rieda tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi Zwartveld, għal fatt li tqis it-teleoloġija tat-trattati u tinsisti fuq l-awtorità tagħha li ssostni prinċipji importanti tad-dritt Komunitarju, u b’hekk tiżgura li l-Komunitajiet Ewropej komplew ikunu “Komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt”. Fl-20 sena li għaddew minn Zwartveld, il-Komunitajiet Ewropej saru l-Unjoni Ewropea u nbidlu ħafna affarijiet oħra; iżda l-importanza ewlenija li tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli stabbiliti mit-trattati u strumenti assoċjati, u l-manteniment tal-istat tad-dritt tibqa’ l-istess.

 Dritt għal rimedju ġudizzjarju

72.      Ir-raġuni inkontestabbli għalfejn għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 234 KE huwa l-fatt li din hija meħtieġa biex tiġi żgurata interpetazzjoni uniformi u konsistenti tal-liġi tal-UE. B’dan il-mod il-Bord tal-Appell għandu jkun jista’ jagħmel domandi lill-Qorti meta jqis li deċiżjoni dwar kwistjoni ta’ liġi tal-UE hija meħtieġa biex din tkun tista’ taqta’ sentenza.

73.      L-uniformità u l-koerenza tal-liġi tal-UE huma l-għan ewlieni tal-proċedura ta’ rinviju. Tkun ħaġa stramba li jkollok entità stabbilita mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE li taqta’ sentenzi finali dwar kwistjonijiet ta’ liġi tal-UE, iżda – abbażi ta’ interpretazzjoni dejqa tal-Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE – li ma tistax tagħmel domandi għal deċiżjoni preliminari.

74.      Kif spjegaha l-Avukat-Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu f’Umweltanwalt von Kärnten (42):

“L-Artikolu 234 KE jagħmel provvediment għal djalogu bejn il-qrati bil-għan li jiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha. Il‑Qorti ippermettiet li entitajiet differenti ħafna jipparteċipaw fid-djalogu […]. Minkejja d-diffikultajiet imsemmijja hawn fuq, hemm ċertu ammont ta’ ġustifikazzjoni għal dik is-sitwazzjoni. Is-sistema ġudizzjarja f’Unjoni komposta minn 27 Stat Membru tirrifletti varjetà wiesgħa ta’ kriterji u oġġettivi. Huwa diffiċli illi wieħed jikkonċepixxi pjan dettaljat li jistabilixxi deskrizzjoni komuni tal-Ġudikatura f’tant pajjiżi, fattur illi wassal għal interpretazzjoni tant ġenerika u wiesgħa tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Vaassen-Goebbels”.

75.      Barra dan, interpretazzjoni stretta tmur kontra l-iskop u n-natura tal-proċedura ta’ rinviju. Dan ikun l-eżatt oppost tal-ispirtu tal-kooperazzjoni ġudizzjarja li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod tant konsistenti fil-ġurisprudenza tagħha (43).

76.      Fil-fehma tiegħi, jekk il-Bord tal-Appell ma jistax jagħmel rinviju lill-Qorti biex jikseb sentenza awtoritattiva fuq punt ta’ liġi tal-UE li hija rilevanti għall-appell quddiemha, dan idgħajjef l-uniformità u l-koerenza tal-liġi tal-UE. Dan ukoll ikun iċaħħad lill-applikanti f’dak l-appell mid-dritt tagħhom għal rimedju ġudizzjarju, kif irrikonoxxew l-Iskejjel Ewropej matul is-seduta.

77.      Meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha, jien tal-opinjoni li, abbażi ta’ interpretazzjoni li sservi skop, il-Bord tal-Appell jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE.

 Jekk dan ir-rinviju jiġi ddikjarat bħala ammissibbli, jista’ jkun hemm żieda inaċċettabbli fl-għadd ta’ każijiet li jiġu quddiem il-Qorti?

78.      Wieħed jista’ joġġezzjona li, jekk il-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej huwa meqjus bħala kompetenti biex jirrinvija domandi dwar il-liġi tal-UE lill-Qorti skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi inondata b’talbiet simili minn entitajiet oħra li jkunu sa issa preżunti li jaqgħu barra l-iskop tal-Artikolu 234 KE.

79.      Il-Kummissjoni sostniet, l-ewwel nett, li meta wieħed iqis ir-riskju ta’ żieda potenzjali fl-għadd ta’ rinviji kontra l-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE, din tal-aħħar għandha tieħu preċedenza. It-tieni nett, din indikat li l-Bord tal-Appell huwa istituzzjoni speċifika ħafna. Huwa improbabbli li hemm bosta entitajiet oħra li għandhom l-istess karatteristiċi, u li għalhekk għandhom il-kompetenza li jagħmlu rinviji skont l-Artikolu 234 KE.

80.      Jiena naqbel.

81.      L-argument li l-ammissjoni ta’ rinviju mill-Bord tal-Appell lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE jwassal biex jgħabbi lill-Qorti b’piż żejjed mhux wieħed ibbażat fuq prinċipji legali. Jekk, skont interpertazzjoni korretta lejn il-liġi, il-Bord tal-Appell imissu jkun jista’ jagħmel domandi għal deċiżjoni preliminarja, il-fatt li jista’ jkun hemm xi żieda potenzjali u ipotetika fl-ammont ta’ xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex raġuni xierqa għaliex wieħed għandu jasal għal konklużjoni differenti.

82.      Fit-tkabbir reċenti l-iżjed importanti tal-UE fl-2004 (minn 15-il Stat Membru għal 25) kien ikun inkonċepibbli li wieħed jissurġġerixxi li għalkemm il-qrati u t-tribunali fl-Istati Membri l-ġodda kienu kwalifikati biex jissottomettu r-referenzi għal deċiżjoni preliminari, ikun espedjenti u għalhekk aħjar li wieħed ma jħallihomx jagħmlu hekk, biex il-Qorti ma tkunx inondata bix-xogħol. Madankollu, l-espedjenza, tkun kemm tkun attrajenti, ma hijiex argument legali validu.

83.      Barra dan, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li wieħed isib istituzzjonijiet simili għall-Bord tal-Appell fi ħdan is-sistema tal-UE.

84.      L-ewwel nett, il-partijiet kontraenti kollha tal-Konvenzjoni li twaqqaf l-Iskejjel Ewropej (is-27 Stat Membru u l-Istituzzjonijiet tal-UE) jinsabu fl-UE. Is-sitwazzjoni għalhekk hija differenti mill-ftehim li abbażi tagħhom twaqqfu qrati bħal ma hija l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (44) u l-gruppi speċjali tad-WTO (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) (45), jew taħt liema Qorti potenzjali l-ġdida tal-Privattiv Ewropew tista’ titwaqqaf (46). Tkun ħaġa raġonevoli li wieħed ikun jidhirlu li jkun hemm bżonn ta’ dispożizzjoni speċifika li tippermetti li qrati internazzjonali bħal dawn jagħmlu rinviji għal din il-qorti. B’kuntrast ma’ dan, it-tilwim quddiem il-Bord tal-Appell jinqala’ biss ġewwa l-UE u jikkonċerna biss partijiet li huma soġġetti għal-liġi tal-UE.

85.      It-tieni nett, il-membri tal-Bord tal-Appell jinħatru minn lista kkumpilata mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-kriterji għall-ħatra tagħhom ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-membri tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Iż-żewġ elementi jenfasizzaw il-funzjoni ġudizzjarja tal-Bord tal-Appell u l-konnessjonijiet strutturali tiegħu mas-sistema legali tal-UE.

86.      L-Istitut Universitarju Ewropew (l-IUE) jista’ jipprovdi l-eqreb similarità. Dan ġie ffurmat wara konvenzjoni internazzjonali (il-konvenzjoni dwar l-IUE) tal-1972 bejn is-sitt Stati Membri fundaturi. Ir-regolamenti tal-persunal tiegħu jagħmlu provvediment għal proċedura għall-ilmenti, li mid-deċiżjoni tagħhom jista’ jsir appell lil Bord tal-Appelli. Madankollu, dak il-Bord tal-Appelli jidher li huwa differenti mill-Bord tal-Appell minħabba l-fatt li, pereżempju, ma ġiex stabbilit taħt il-konvenzjoni tal-IUE biex jittratta t-tilwim. Għalhekk mhux bilfors jirriżulta li, jekk il-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej għandu l-kompetenza li jagħmel rinviju skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti awtomatikament ikollha taċċetta rinviju propost mill-Bord tal-Appell tal-IUE.

87.      Fil-qosor, il-Bord tal-Appell u l-Konvenzjoni li ħolqitu jidher li huma, jekk mhux uniċi, parti minn speċi rari ta’ korpi fl-Unjoni Ewropea. Huwa improbabbli ħafna li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi inondata b’rinviji minn korpi bħall-Bord tal-Appell. Barra dan, kif diġà semmejt, fejn ir-regoli applikabbli ma jiffurmawx parti mil-liġi tal-UE, id-dover tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss li jipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE sa fejn din taffettwa l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli.

88.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE u, minħabba li l-Bord tal-Appell jaġixxi bħala tribunal tal-aħħar istanza, huwa kompetenti kemm biex jagħmel rinviju għal sentenza preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jkun qed jikkunsidra kwistjonijiet tal-liġi tal-UE u kif ukoll, bħala regola ġenerali, meħtieġ jagħmel dan taħt l-istess kundizzjonijiet tal-qrati u t-tibunali l-oħra kollha li ma jkunx jeżisti rimedju ġudizzjarju mid-deċiżjoni tagħhom.

 It-tieni domanda

89.      Permezz tat-tieni domanda tiegħu, il-Bord tal-Appell jixtieq ikun jaf jekk l-Artikolu 12 KE (li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza) jew l-Artikolu 39 KE (li jiżgura l-libertà ta’ moviment) ipprekludux is-sistema tar-remunerazzjoni fis-seħħ fl-Iskejjel Ewropej fiż-żmien pertinenti, sa fejn dik is-sistema ma kinitx tipprovdi għal xi aġġustament tad-devalwazzjonijiet tal-muniti li jistgħu jnaqqsu l-poter tal-akkwist ta’ ftit mill-għalliema ssekondati. F’dak ir-rigward, il-Bord tal-Appell jinnota li s-sistema inkwistjoni “tirreferi b’mod espliċitu għas-sistema li tapplika għall-uffiċjali tal-Komunità”.

90.      Il-kwistjoni tqum minħabba li, bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u l-1 ta’ Lulju 2008, l-isterlina waqgħet b’mod kunsiderevoli fil-konfront tal-Euro. Madankollu, ir-rata tal-kambju użata għas-salarji tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ma nbidlitx matul dak il-perijodu, u l-anqas ma nbidel il-valur (ikkalkolat u mfisser f’Euro fl-1 ta’ Lulju 2007) tas-suppliment Ewropew li għalih kien intitolat xi għalliem partikolari (47). B’riżultat ta’ dawn iż-żewġ fatturi, is-salarju nazzjonali ta’ għalliema ssekondati mir-Renju Unit f’kariga li fiha kienu mħallsa f’ewro naqset fil-valur (f’Euro), u għalhekk il-valur f’Euro tas-salarju totali tagħhom (il-parti nazzjonali flimkien mas-suppliment Ewropew) naqas b’mod konkomitanti.

91.      L-għalliema jsostnu li s-sistema tas-salarju naqset li tiggarantixxi poter tal-akkwist uniformi fost l-għalliema ssekondati kollha. Huma jsostnu li din iddiskriminat kontra l-għalliema Ingliżi fi Brussell meta mqabbla ma’ (i) għalliema ssekondati fi Brussell li jirċievu s-salarju tagħhom f’munita li ma hijiex l-Euro jew l-isterlina, (ii) għalliema Britanniċi li għallmu fl-Iskejjel Ewropej f’Culham li ma kinux eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu tagħhom u (iii) għalliema li jirċievu s-salarju tagħhom f’Euro.

92.      Barra dan, l-għalliema jissottomettu li l-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal huwa inkompatibbli mal-Artikoli 12 KE u 39 KE minħabba li ma għamilx provvediment għal deprezzament tal-isterlina biex tiġi kkunsidrata meta jkun qed jiġi stabbilit is-suppliment Ewropew, u b’hekk iqiegħed lill-għalliema Britanniċi fi żvantaġġ. Barra dan, sabiex jikkonforma mat-Trattat, it-tibdil tal-Artikolu 49(2)(b) missu kellu effett retroattiv, biex ikun jista’ jiġi aġġustat is-Suppliment Ewropej li jkopri l-perijodu kollu kemm huwa tal-pretensjoni tal-għalliema (Ottubru 2007 sa Ġunju 2008).

93.      L-Iskejjel Ewropej isostnu li ma kinitx saret diskriminazzjoni kontra l-għalliema Britanniċi. L-ewwel nett, ma kienx jeżisti mezz veru biex ikun jista’ jsir paragun – il-qagħda tal-għalliema li s-salarju nazzjonali tagħhom kien fi sterlina kienet differenti minn dik tal-kollegi tagħhom li s-salarju nazzjonali tagħhom kien f’Euro. It-tieni nett, is-sistema tas-salarju ma kinitx tagħmel distinzjoni minħabba ċittadinanza; din applikat b’mod oġġettiv, u bl-istess mod, għall-għalliema kollha li s-salarju nazzjonali tagħhom kien f’munita li ma hijiex l‑Euro.

94.      L-Iskejjel Ewropej jaċċettaw li l-verżjoni tal-Artikolu 49(2)(b) li baqgħet tapplika sal-1 ta’ Lulju 2008 tista’ titqies li tiddiskrimina b’mod indirett minħabba li ma għamlitx provvediment għal deprezzament sinjifikanti fir-rata tal-kambju ta’ munita li ma hijiex l-Euro u li kellu jittieħed kont tiegħu meta jkun qed jiġi ddeterminat is-suppliment Ewropew. Madankollu, huma jsostnu li diskriminazzjoni bħal din kienet iġġustifikata, minħabba li r-rata tal-kambju kienet applikata permezz ta’ referenza għal kriterji oġġettivi.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

95.      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li tinsab fl-Artikolu 12 KE hija espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, u hija stess mogħtija forma konkreta, inter alia, fl-Artikolu 39 KE f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiema (48). Dawk id-drittijiet huma wkoll imħarsa fi ħdan qafas ta’ organizzazzjoni internazzjonali, u l-Artikoli 12 KE u 39 KE japplikaw b’mod speċifiku għal għalliema fl-Iskejjel Ewropej (49). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha wkoll ċara li d-dispożizzjonijiet li jipprekludu jew jiskoraġġixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema jikkostitwixxu ostakolu anki jekk dawn japplikaw mingħajr kunsiderazzjoni għan-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (50).

96.      Għalhekk, l-ewwel nett, jien ser neżamina jekk is-sistema li qed tiġi kkontestata ddiskriminatx minħabba ċ-ċittadinanza jew inkella kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament; it-tieni nett jekk din ipprekludietx jew skoraġġitx il-moviment liberu għal kwlaunkwe kategorija ta’ għalliema; u fl-aħħar nett, u sal-punt sa fejn dan ikun meħtieġ, jekk minkejja kollox din is-sistema xorta kinitx iġġustifikata.

 Is-sistema kkontestata ddiskriminat minħabba ċittadinanza jew inkella kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament?

97.      Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza tkopri

“[…] mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll kull forom indiretti ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat.

Sakemm ma tkun oġġettivament ġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja, meta min-natura tagħha stess hija tista’ taffettwa kemm liċ‑ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll iċ-ċittadini nazzjonali filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari” (51).

98.      B’mod iżjed ġenerali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm dan it-trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (52).

99.      Huwa ċar, meta wieħed jaqra r-Regolamenti tal-Persunal, li ma kien hemm ebda diskriminazzjoni diretta minħabba ċittadinanza.

100. L-anqas ma r-Regolamenti tal-Persunal huma dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma predisposti li jaffettwaw b’mod intrinsiku liċ-ċittadini ta’ Stati Membri “oħra” iżjed miċ-ċittadini ta’ Stat Membru “li jilqa’’’ fis-sens klassiku, minħabba li dawn japplikaw għal għalliema minn kwalunkwe Stat Membru ssekondati fi kwalunkwe waħda mill-iskejjel f’wieħed mis-seba’ Stati Membri li jilqgħu.

101. Madankollu, wieħed jista’ jiddistingwi bejn żewġ gruppi ta’ għalliema fi ħdan is-sistema, u wieħed jista’ jara li kienu – għall-anqas fiż-żmien pertinenti – suġġetti għal trattament ugwali f’dak li jirrigwarda l-mod li bih il-valur f’Euro tas-salarju totali tagħhom jista’ jevolvi tul perijodu ta’ sena. L-ewwel grupp kien jikkonsisti f’għalliema ssekondati minn Stat Membru ġewwa ż-żona tal-Euro, u li l-valur tas-salarju nazzjonali tiegħu ma varjax f’Euro u li s-salarju totali tiegħu għalhekk baqa’, matul il-perijodu rilevanti, ugwali għall-ammont speċifikat fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni grupp kien jikkonsisti f’għalliema ssekondati minn Stat Membru barra ż-żona tal-Euro, li l-valur tas-salarju nazzjonali tagħhom f’Euro seta’ – fil-fatt hekk għamel – ivarja sa ftit inqas jew ftit iżjed skont il-varjazzjoni tar-rata tal-kambju, sabiex is-salarju totali tagħhom (salarju nazzjonali f’Euro b’valur li jvarja flimkien mas-suppliment Ewropew f’Euro b’valur kostanti) seta’ – u fil-fatt hekk għamel – ivajra mill-ammont speċifikat fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Ser nirreferi għal dawk il-gruppi, rispettivament, bħala “grupp 1” u “grupp 2”.

102. Għandu jiġi nnutat li d-differenza fit-trattament li identifikajt tikkonċerna l-intitolament tal-għalliema, garantit permezz tal-Artikolu 49(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-salarju totali li l-valur tiegħu f’Euro huwa dak speċifikat, f’dak li jirrigwarda l-pass rilevanti fl-iskala ta’ salarju, fl-Anness III ta’ dawk ir-Regolamenti. Din ma tikkonċernax il-poter tal-akkwist ta’ dak is-salarju, li ma huwiex garantit mir-Regolamenti tal-Persunal u li jvarja skont, inter alia, il-punt sa fejn l-għalliem huwa kapaċi, u jixtieq, jirċievi, jiddepożita l-bank u juża parti mir-remunerazzjoni tiegħu fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu fil-munita ta’ dak l-Istat.

103. Għandu jiġi nnotat ukoll li, jekk l-arranġamenti li qed jiġu kkontestati kisru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li sitwazzjonijiet komparabbli ġew ittrattati b’mod differenti, ifisser li kien hemm ukoll ksur tal-projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza minħabba l-fatt li l-għalliema fil-grupp 1 kienu essenzjalment predisposti li jkunu ċittadini tal-Istati Membri ġewwa ż-żona tal-Euro u li dawk fil-grupp 2 kienu essenzjalment predisposti li jkunu ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

104. Madankollu, minħabba li ż-żewġ gruppi li jien identifikajt ma jikkorrispondux eżattament ma’ dawk li ġew proposti bħala bażi għal paragun fil-mori tal-kawża, ikun meħtieġ li ssir spjegazzjoni qasira.

105. L-ewwel nett, dawn iż-żewġ gruppi jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli mill-aspett tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament?

106. Jidhirli li r-risposta għandha tkun iva. Ir-Regolamenti tal-Persunal jistabilixxu skali ta’ salarju f’Euro u jipprovdu li l-membri tal-persunal huma “intitolati” għal dik ir-remunerazzjoni. L-għalliema kollha li għandhom l-istess dritt huma għalhekk f’pożizzjoni paragunabbli. Huwa veru li tista’ ssir ċerta distinzjoni oġġettiva bejn l-għalliema li l-postijiet minn fejn joriġinaw u dawk fejn jiġu ssekondati jinsabu f’żoni b’muniti differenti u dawk li l-postijiet minn fejn joriġinaw u dawk ta’ fejn ikunu ssekondati jkunu fl-istess żona, minħabba li dawn ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet differenti meta jkunu qed jittrasferixxu r-remunerazzjoni tagħhom bejn iż-żewġ postijiet. Madankollu, dawk id-differenzi – li l-effetti tagħhom ikunu l-biċċa l-kbira dipendenti fuq ir-rieda tal-individwu – ma għandhom ebda effett fuq il-valur f’Euro tar-remunerazzjoni li għaliha huma intitolati.

107. It-tieni nett, il-paraguni l-oħra huma rilevanti?

108. Il-Bord tal-Appell u l-Kummissjoni stiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tipparaguna l-pożizzjoni tal-għalliema ma’ dik ta’ uffiċjali li jaħdmu fl-istituzzjonijiet Ewropej. Madankollu, meta jinħatru, dawn l-uffiċjali jsiru impjegati tal-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom u jkunu kompletament indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-oriġini tagħhom. B’kuntrast ma’ dan, meta l-għalliema jiġu ssekondati fis-sistema tal-Iskejjel Ewropej, dawn jibqgħu marbuta mal-amministrazzjoni nazzjonali tagħhom, li tibqa’ responsabbli li tħallsilhom is-salarju nazzjonali tagħhom. Huwa veru li l-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għar-“rati tal-kambju użati għas-salarji tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”. Madankollu, dan kull ma jagħeml huwa li jidentifika r-rata tal-kambju li għandha tiġi applikata fil-komputazzjoni (jiġifieri, ir-rata użata għall-implementazzjoni tal-estimi ġenerali tal-UE) (53). Din ma tirrendix is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-għalliema fl-Iskejjel Ewropej paragunabbli ma’ dik tal-uffiċjali tal-UE.

109. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-pożizzjoni ta’ esperti nazzjonali distakkati ssekondati biex jaħdmu mal-istituzzjonijiet. Iżda għal darb’oħra ma jidhirx li dawn is-sitwazzjonijiet huma paragunabbli. Is-salarju totali ta’ esperti nazzjonali distakkati jitħallas mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom, ta’ liema dawn ikunu għadhom jiffurmaw parti, filwaqt li l-istituzzjonijiet iħallsu biss konċessjoni ta’ kuljum u ta’ kull xahar (54). B’kuntrast ma’ dan, għal għalliema fl-Iskejjel Ewropej, ir-rimunerazzjoni li għalih dawn huma intitolati huwa magħmul mis-salarju nazzjonali tagħhom flimkien mas-suppliment Ewropew. Għalhekk, kruċjalment, ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali distakkati ma jagħmlu ebda sforz biex jiggarantixxu li dawk li ġejjin minn Stati Membri differenti jirċievu l-istess pagament totali waqt li jkunu ssekondati. B’kuntrast ma’ dan, ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-għalliema fl-Iskejjel Ewropej, jipprovdu li kull għalliem “għandu jkun intitolat għar-” remunerazzjoni tal-grad xieraq fl-iskala tas-salarju speċifikat, f’Euro, fl-Anness III.

110. Min-naħa tagħhom, l-għalliema ssuġġerew li dawk issekondati mir-Renju Unit fl-Iskejjel Ewropej fi Brussell jistgħu jiġu pparagunati ma’ (a) għalliema oħra mir-Renju Unit assenjati lill-Iskola Ewropea f’Culham, fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom, u/jew (b) għalliema ssekondati fi Brussell li rċivew is-salarju nazzjonali tagħhom f’munita li ma hijiex l-Euro jew l-isterlina. Madankollu, iż-żewġ gruppi fil-fatt jaqgħu taħt il-grupp tiegħi l-“grupp 2”, li l-membri kollha tiegħu rċivew l-istess trattament fir-rigward tal-mod li bih il-valur f’Euro tas-salarju totali tagħhom seta’ – u fil-każijiet kollha, xi ftit jew wisq, għamel dan – ivarja mill-ammont speċifikat fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. Jekk jistgħux jiġu identifikati sottogruppi oħra f’dak li jirrigwarda l-effett fuq il-poter tal-akkwist, huwa kif diġà spjegajt, irrilevanti.

111. Id-differenza rilevanti fit-trattament bejn l-għalliema fil-grupp 1 u dawk fil-grupp 2 hija għalhekk li l-ewwel grupp irċieva, matul il-perijodu li qed jiġi kkontestat, salarju li l-valur tiegħu f’Euro kien preċiżament dak garantit mill-Artikolu 49(1) u mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li dawk tat-tieni grupp kienu neċessarjament esposti għar-riskju li r-remunerazzjoni tagħhom kienet ser tvarja minn dak l-ammont. Ma jidhirlix li jekk dak ir-risjku mmaterjalizzax għall-benefiċċju jew għad-detriment ta’ għalliema minn Stat Membru partikolari huwa rilevanti. Jekk l-għalliema Brittanniċi “ħarġu telliefa” matul dak il-perijodu rilevanti filwaqt li dawk minn Stati Membri oħra barra ż-żona tal-Euro setgħu “iggwadanjaw” kien dipendenti fuq il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju li kienu kompletament fatturi esterni. Dak li huwa rilevanti huwa li, għall-għalliema fil-grupp 2, kien hemm riskju tanġibbli li wieħed jirċievi inqas mill-valur garantit tar-remunerazzjoni tagħhom f’Euro, li seta’ kien indirizzat fil-kuntest tas-sistema ta’ remunerazzjoni stipulata fir-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li għall-grupp 1 ma kien hemm ebda riskju bħal dan.

112. Jiena għalhekk tal-fehma li, fiż-żmien inkwistjoni, is-sistema kkontestata marret kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u b’hekk iddiskriminat minħabba ċ-ċittadinanza, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 12 KE.

 Is-sistema kkontestata pprekludiet jew skoraġġiet il-moviment liberu?

113. Jien ma nistax, madankollu, nasal għall-konklużjoni li d-difett li identifikajt, jikkostitwixxi xi tip ta’ ostakolu jew deterrent għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu.

114. Is-sistema tar-remunerazzjoni għall-għalliema ssekondati mal-Iskejjel Ewropej tfisser li jkomplu jirċievu s-salarju li diġà huma intitolati għalih, flimkien ma’ suppliment ewropew. Għalhekk jidher li f’kull każ, dawn ser jirċievu remunerazzjoni ogħla waqt li jkunu ssekondati milli kieku kienu jirċievu kieku baqgħu fil-kariga li kellhom qabel.

115. Dik il-possibiltà ma tidhirx li tista’ tiskoraġġixxi lil għalliem milli jfittex jew jaċċetta li jiġi ssekondat, sakemm is-salarju totali ma jaqax taħt dak li huwa meħtieġ kemm biex ikun jista’ jżomm il-livell ta’ għejxien tiegħu waqt li huwa ssekondat kif ukoll biex ikopri dawk l-obbligi li jista’ jkun għad għandu fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu kif ukoll dawk l-ispejjeż li jista’ jkollu meta jkun qed jiċċaqlaq bejn l-Istati Membri. Ma ġiex argumentat ir-riskju ta’ sitwazzjoni bħal din fil-każ preżenti, u lanqas jidher li riskju bħal dan huwa ovvjament plawżibbli. Huwa improbabbli li r-riskju li wieħed isib li l-valur tal-Euro fir-remunerazzjoni attwali jvarja minn dak ta’ għalliem ieħor fl-istess livell fl-iskala tas-salarju – li hu, min-naħa l-oħra, riskju reali, u fil-fatt inevitabbli – jitqies li huwa ta’ importanza meta wieħed ikun qed jiddeċiedi għandux jaċċetta li jiġi ssekondat jew le. Dan jista’, f’dak il-każ, jirrita jew jissodisfa skont id-direzzjoni tal-varjazzjoni, iżda, f’sistema li tinvolvi għalliema minn 27 Stat Membru li għandhom salarji li jvarjaw ħafna, li huma kklassifikati f’diversi punti f’sistema li għandha disa’ skali ta’ salarju bi 12-il livell il-wieħed, dan kważi ċertament qatt ma huwa ser ikollu l-iċken effett fuq l-abbiltà jew ir-rieda ta’ għalliem li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jfittex jew jaċċetta li jiġi ssekondat fi Skola Ewropea fi Stat Membru ieħor.

 Tista’ tkun iġġustifikata s-sistema li qed tiġi kkontestata?

116. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, differenza fi trattament li tikkostitwixxi diskirminazzjoni indiretta minħabba ċittadinanza hija pprojbita sakemm din ma hijiex ġustifikata oġġettivament, hija xierqa biex tiżgura li tikseb l-għan leġittimu li tkun qed tipprova tilħaq, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tiksbu (55).

117. Il-Kummissjoni ssostni li huwa impossibbli li tistabbilixxi sistema ta’ salarju li tipprovdi ugwaljanza perfetta fil-poter tal-akkwist bejn għalliema ssekondati minn 27 amministrazzjoni nazzjonali fl-iSkejjel Ewropej. Barra dan, bejn l-1995 u l-2008, it-tnaqqis u ż-żidiet fil-valur tal-isterlina fil-konfront tal-Euro kkompensaw lill-xulxin.

118. Madankollu, bħal ma indikajt, il-punt li fuqu għandu jsir il-paragun ma jistax ikun il-poter tal-akkwist, iżda għandu jkun ristrett għall-valur f’Euro tas-salarju totali, li huwa garantit fir-Regolamenti tal-Persunal. Huwa irrilevanti jekk il-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju kkompensawx lil xulxin tul perijodu ta’ snin, minħabba li d-difett fis-sistema jirrigwarda l-preżervazzjoni ta’ rata tal-kambju li ma tvarjax, bil-għan li jiġi kkalkulat l-ammont żejjed Ewropew, tul perijodu ta’ sena.

119. Mill-parti tagħhom, l-Iskejjel Ewropej jikkontendu li kemm is-sistema eżistenti fiż-żmien pertinenti kif ukoll il-modifika introdotta mill-1 ta’ Lulju 2008 kienu ġustifikati. L-ewwel nett, is-sistema tas-salarju għandha tikkunsidra l-fatt li l-għalliema ssekondati jkomplu jirċievu s-salarji nazzjonali tagħhom minn 27 amministrazzjoni nazzjonali. It-tieni nett, is-sistema ma għandhiex tkun suġġetta għal piżijiet amministrattivi żejda, iżda għandha tipprova taħdem fl-interessi ġenerali tal-għalliema kollha li jkunu ssekondati. It-tielet nett, għalkemm ftit mill-għalliema ssekondati jistgħu jbatu żvantaġġ meta l-munita nazzjonali tagħhom tiddeprezza fil-konfront tal-Euro, dawn jistgħu wkoll jibbenefikaw jekk din iżżid fil-valur, għalhekk is-sistema hija bejn wieħed u ieħor ġusta.

120. L-ewwel punt, jidhirli li hu irrilevanti. Jekk is-sistema tas-salarju li qed tiġi kkontestata setgħet tikkunsidra l-fatt li l-għalliema ssekondati jirċievu salarji nazzjonali minn 27 amministrazzjoni meta jkun qed jinħadem is-suppliment Ewropew darba fis-sena, din setgħet tagħmel hekk ukoll għal kull pagament ta’ salarju.

121. F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet punti, jidher li s-sentenza f’Terhoeve hija rilevanti. Il-kwistjoni kienet dwar jekk kienx ġustifikat piż ikbar ta’ kontributi soffrut minn ħaddiem li ttrasferixxa r-residenza tiegħu minn Stat Membru għal ieħor biex ikun jista’ jaħdem hemm. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ma kienx. B’mod partikolari, la l-għan li jiġu ssimplifikati u kkordinati r-regoli nazzjonali għall-impożizzjoni tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali, u lanqas kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ma jistgħu jiġġustifikaw li tiddgħajjef il-libertà fundamentali (56).

122. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li s-sistema tas-salarju kif stipulata fl-Artikolu 49(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fiż-żmien pertinenti kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari kif imfisser fl-Artikolu 12 KE, u ma’ setgħetx tiġi ġustifikata abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi.

 It-tielet domanda

123. Permezz tat-tielet domanda tiegħu, il-Bord tal-Appell jistaqsi, jekk ir-risposta għat-tieni domanda tiġi fl-affermattiv (kif nipproponi li għandha tiġi, sa fejn ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jinvolvi diskriminazzjoni indiretta minħabba ċittadinanza), jekk id-differenza fis-sitwazzjoni bejn l-għalliema ssekondati fl-Iskejjel Ewropej u l-uffiċjali tal-UE tistax tiġġustifika sitwazzjoni fejn ir-rati tal-kambju li jkunu qed jiġu applikati biex jinżamm poter tal-akkwist ugwali ma jkunux l-istess.

124. L-ewwel nett, jidher li dik id-domanda ma hijiex strutturata sewwa, minħabba li r-rati tal-kambju użati meta ġie kkalkulat is-suppliment Ewropew għall-għalliema fl-Iskejjel Ewropej kienu, fiż-żmien pertinenti, preċiżament l-istess bħal dawk użati biex jiġi kkalkulat il-ħlas, f’munita li ma hijiex l-Euro, tas-salarji tal-uffiċjali tal-UE – u ġew iddikjarati hekk espliċitament fl-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

125. Madankollu, jidher mill-kontenut tal-ordni tar-rinviju li l-intenzjoni setgħet kienet li wieħed jirreferi għall-fatt li, għall-uffiċjali tal-UE, l-ugwaljanza tal-poter tal-akkwist tiġi żgurata permezz ta’ koeffiċjenti korrettivi għal kull post ta’ impjieg, li jiġu stabbiliti kull sena fl-istess żmien li jiġu stabbiliti r-rati tal-kambju, iżda li jistgħu jiġu aġġustati fil-każ li jkun hemm tibdil sostanzjali fl-għoli tal-ħajja (57). Madankollu, anki f’dak l-istadju d-domanda tikkonfondi lil dak li jkun, peress li l-Artikolu 47(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li: “Ir-rimunerazzjoni ta’ membru tal-persunal hija SUĠĠETTA GĦAL KOEFFIĊJENT TA’ KORREZZJONI skont rata li hija ’l fuq, jew ’l isfel, jew ugwali għal 100 %, kif stabbilit u aġġustat għal uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

126. Għalhekk, miniex tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija f’pożizzjoni li tirrispondi għad-domanda kif ġiet ippreżentata.

127. Mill-qari tal-osservazzjonijiet tal-għalliema lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher plawżibbli li d-domanda li l-għalliema xtaqu li l-Bord tal-Appell jistaqsi kienet tikkonċerna l-fatt li, għalkemm l-istess koeffiċjenti korrettivi u aġġustamenti japplikaw kemm għall-uffiċjali tal-UE kif ukoll għall-għalliema tal-Iskejjel Ewropej, dawn ma jaffettwawx ir-remunerazzjoni tal-għalliema bl-istess mod li jaffettwaw dik tal-uffiċjali minħabba li l-aġġustament tal-koeffiċjenti korrettivi ma jistax jikkunsidra l-varjazzjonijiet fir-rata tal-kambju. F’dak il-każ, id-domanda li kellhom f’moħhom setgħet kienet dwar jekk it-trattament tas-sitwazzjonijiet differenti tal-uffiċjali u tal-għalliema bl-istess mod, ma setax imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

128. Madankollu, din hija biss ipoteżi, li ma tikkorrispondix mal-kliem użat fid-domanda kif imressqa u li tkun tirrikjedi iżjed informazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ koeffiċjenti korrettivi għas-salarji tal-għalliema jekk din ikollha tiġi indirizzata. F’dawk iċ-ċirkustanzi, miniex tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġustifikata li tirrispondi d-domanda ipotetika. Ngħid biss li – bħal ma diġà indikajt (58) – jiena tal-opinjoni li l-pożizzjonijiet rispettivi tal-għalliema ssekondati fis-sistema tal-Iskejjel Ewropej u l-uffiċjali tal-UE ma jistgħux jitqiesu li huma komparabbli.

 Konklużjoni

129. Għalhekk, jiena tal-opinjoni li d-domandi mressqa mill-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej għandu jkollhom riposti hekk kif ġej:

(1)      Il-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE.

(2)      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-espressjoni tiegħu fil-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fl-Artikolu 12 KE jipprekludu l-applikazzjoni tas-sistema ta’ remunerazzjoni stipulata fl-Artikoli 45 sa 49 tar-Regolamenti għal membri tal-persunal ssekondati tal-Iskejjel Ewropej.

(3)      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tirrispondi għat-tielet domanda.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – L-iskejjel jinsabu f’dawn il-postijiet: ħamsa fil-Belġju, tlieta fil-Ġermanja, waħda fl-Italja, tnejn fil-Lussemburgu, waħda fil-Pajjiżi l-Baxxi, waħda fi Spanja u waħda fir-Renju Unit.


3 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 443, p. 129.


4 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 752, p. 267.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16.


6 – Wara l-adozzjoni tal-KE, Euratom: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/557 KE, tas-17 ta’ Ġunju 1994, li tawtorizza lill-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika biex jiffirmaw u jikkonkludu l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14). Ara wkoll 94/558/KEFA: Deċiżjoni tal‑Kummissjoni tas‑17 ta’ Ġunju 1994 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 16, Vol. 1, p. 29).


7 – Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002.


8 – Ara l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, fil-punt 13 iktar ’il quddiem.


9 – Adottat skont l-Artikolu 27(4) tal-Konvenzjoni u approvat mill-Bord ta’ Tmexxija permezz ta’ proċedura bil-miktub tat-22 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem l-‘Istatut’), li jinsab fuq is-sit tal-internet tal-Iskejjel Ewropej.


10 –      Ara wkoll l-Artikolu 2 u l-Anness I, l-Artikolu 5 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2008 C 115, p. 210).


11 – Approvati mill-Bord ta’ Tmexxija waqt il-laqgħat tal-1 u tat-2 ta’ Frar 2005 (‘Ir-Regoli ta’ Proċedura’), jinsabu fuq is-sit tal-internet tal-Iskejjel Ewropej.


12 – Jiġifieri l-lingwi elenkati fl-Anness II tal-Konvenzjoni: id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż u l-Ispanjol.


13 – Approvati mill-Bord ta’ Tmexxija waqt il-laqgħat tiegħu tal-20 u tal-21 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem ir-‘Regolamenti tal-Persunal’), li jinsabu fuq is-sit tal-internet tal-Iskejjel Ewropej.


14 –      Skont il-verżjoni kurrenti tar-Regolamenti tal-Persunal, l-iskali tas-salarji huma stipulati fl-Anness IV. Madankollu, fiż-żmien rilevanti l-iskali tas-salarji ta’ kull xaħar f’euro tal-persunal sekondat tal-iskejjel Ewropej kienu jinsabu fl-Anness III. Jien għalhekk irreferejt għall-Anness III f’dawn il-Konklużjonijiet.


15 – Minħabba li l-proċeduri ewlenin bdew fi żmien qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, nirreferi għad-dispożizzjoniet tat-Trattat kif kienu dak iż-żmien. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 KE issa jinsabu fl-Artikolu 18 TFUE; dawk tal-Artikoli 39 u 234 KE fl-Artikoli 45 u267 TFUE rispettivament. Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 KE kienu jinsabu (suġġett għal xi varjazzjoni li ma hijiex materjali għall-każ preżenti) fl-Artikolu 177 tat-Trattat KEE u, sussegwentement, fl-Artikolu 177 KE. Biex ngħin lill-qarrej, aġġustajt dawn ir-referenzi biex jirreferu għall-artikoli tat-Trattat skont in-numerazzjoni applikabbli fiż-żmien meta bdew il-proċeduri ewlenin. Referenzi għad-dritt Komunitarju f’ġurisprudenza u leġiżlazzjoni iżjed antika issa għandhom naturalment jiġu interpretati bħala referenzi għall-Unjoni Ewropea.


16 – Ir-referenzi kollha huma għall-Anness III kif kien fiż-żmien pertinenti: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 iktar ’il fuq.


17 – Artikolu 25 tal-Konvenzjoni u Artikolu 49(2)(a) tar-Regolamenti tal-Persunal: ara rispettivament il-punti 11 u 23 iktar ’il fuq.


18 – L-arranġamenti huma spjegati fil-Kawża Hurd, sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986 (44/84, Ġabra p. 29, punt 5).


19 – Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.


20 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota 18.


21 – Sentenza Hurd, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 20 u 21.


22 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑132/09, Ġabra p. I‑0000), punti 43 u 44.


23 – Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C‑109/07, Ġabra I‑3503, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2000, Österreichischer Rundfunk (C–195/06, Ġabra I–8817, punt 19), u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, Ġabra p. I‑11525, punt 35 tal-Konklużjonijiet, fejn l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo jiċċita s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, Ġabra 261).


24 – Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Salzmann (C–178/99, Ġabra p. I–4421, punt 14).


25 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C–506/04, Ġabra I–8613, punti 49 sa 53).


26 – L-enfażi tiegħi.


27 – Sentenza tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf (166/73, Ġabra p. 33, punt 2). Ara iktar reċentement, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008 (Gourmet Classic, C‑458/06, Ġabra p. I‑4207, punt 20).


28 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1981, Broekmeulen (246/80, Ġabra p. 2311, punti 16 u 17).


29 – Ara l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq.


30 – Ara wkoll il-punti 43 et seq iktar ’il fuq, fejn indirizzajt l-argument tal-Iskejjel Ewropej li l-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-persunal issekondat ma hijiex kwistjoni li tiġi rregolata mil-liġi tal-UE.


31 – Sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior (C–337/95, Ġabra I‑6013).


32 – L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92).


33 – Il-Qorti tal-Benelux ġiet stabbilita permezz ta’ trattat iffirmat fi Brussell fil-31 ta’ Marzu 1965 bejn ir-Renju tal-Belġju, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u hija komposta minn imħallfin tal-qrati superjuri ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet Stati: ara s-sentenza Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 15.


34 – Ara s-sentenza Christian Dior, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 21, bl-enfażi miżjuda; ara wkoll il-punti 22 u 23.


35 – Artikolu 27 tal-Konvenzjoni. Il-kwistjonijiet kollha li ma humiex irregolati mill-Konvenzjoni jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali: ara l-Artikolu 27(7).


36 – Artikolu 27(6) tal-Konvenzjoni.


37 – Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel applikazzjoni skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni fl-aħħar tal-2009 fil-Kawża C‑545/09 Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, li bħalissa tinsab pendenti quddiem il-Qorti.


38 – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 1990 u tas-6 ta’ Diċembru 1990, Zwartveld et (C‑2/88 Imm, Ġabra 1990 p. I‑3365 u I‑4405).


39 – Fl-ewwel digriet tagħha tat-13 ta’ Lulju 1990 (iċċitata iktar ’il fuq), wara li rċiviet l-osservazzjonijiet minn tmien Stati Membri, mill-Kunsill, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni.


40 – Ara l-punti 15 sa 24 tad-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990.


41 – Ara l-punti 25 u 26 tad-digriet tat-13 ta’ Lulju 1990. Fit-tieni digriet tagħha tas-6 ta’ Diċembru 1990, Ġabra p.  I‑4405, il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi erba’ rapporti u tippermetti li l-ispetturi tas-sajd tagħha jiġu eżaminati bħala xhieda.


42 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 35 tal-konklużjonijiet.


43 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C–2/06, Ġabra p. I-411, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi huma firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’). Wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, l-UE għandha taderixxu għall-KEDB skont l-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-UE.


45 – L-Istati Membri, l-UE u pajjiżi terzi huma firmatarji tal-Ftehim tad-WTO.


46 – L-Istati Membri, l-UE u ċerti pajjiżi terzi jkunu firmatarji għall-Ftehim propost għall-Qorti l-ġdida tal-Privattiv Ewropew.


47 – Ara, rispettivament, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1558/2007 (KE, Euratom), tas‑17 ta’ Diċembru 2007, li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2007 r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal‑uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi applikati fir-rigward tagħhom (ĠU 2007 L 340, p. 1) u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1323/2008 (KE, Euratom), tat-18 ta’ Diċembru, li jaġġusta mill-1 ta’ Lulju 2008 r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej u l-koeffiċjenti korrettivi applikati lilhom (ĠU 2008 L 345, p. 10).


48 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C–458/03, Ġabra p. I‑8585, punt 48) u tal-15 ta’ Jannar 2002, Gottardo, (C‑55/00, Ġabra p. I‑413, punt 21).


49 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini (C‑411/98, Ġabra 2000, p. I‑8081, punt 42, u Hurd. (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 54 u 55).


50 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C-18/95, Ġabra 1999, p. I‑345, punt 39) u tal-1 ta’ April 2008 Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (C‑212/06, Ġabra, p. I‑1683, punt 34).


51 –      Sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol u Chaverot et (C‑73/08, Ġabra p. I‑2735, punti 40 u 41).


52 – Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi (C–149/10, Ġabra p. I‑8486, punt 64).


53 – L-Artikolu 63 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tal-Kunsill, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5), kif emendat.


54 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Novembru 2008, li tistabilixxi regoli dwar is-sekondar ta’ esperti nazzjonali u esperti nazzjonali f’taħriġ professjonali fil-Kummissjoni (C(2008) 6866 finali). Il-Kapitolu III, b’mod partikolari l-Artikolu 17, jittratta r-remunerazzjoni.


55 – Sentenza Gouvernement de la Communauté française u Gouvernement wallon (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 55).


56 – Sentenza Terhoeve (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punti 44 u 45).


57 – Ara l-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fir‑Regolament Nru 259/68, kif emendat, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.


58 – Ara l-punt 108 iktar ’il fuq.