KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fl-10 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑173/09

Georgi Ivanov Elchinov

vs

Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia grad (il-Bulgarija)]

“Obbligu ta’ qorti inferjuri li toqgħod mal-istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni li trid tingħata – Awtonomija proċedurali – Res judicata – Eżami mill-ġdid tal-ġurisprudenza Rheinmühlen I – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Sigurtà soċjali – Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 – Servizzi mediċi li jeħtieġu rikoveru fi sptar – Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel – Preżunzjoni ta’ rabta bejn l-impossibbiltà materjali li jingħata servizz previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u r-rifjut kontra li jitħallsu l-ispejjeż tal-kura meħuda fi Stat Membru ieħor – Definizzjoni ta’ trattament mediku effikaċi – Leġiżlazzjoni li tapplika għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ trattament meħud fi Stat Membru ieħor”





1.        F’din il-kawża, ir-rinviju preliminari jqajjem kwistjonijiet delikati u importanti kemm fir-rigward tad-dritt proċedurali kif ukoll f’dak sostantiv. Minn banda, l-Administrativen sad Sofia grad (qorti amministrattiva ta’ Sofija) qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix lill-qorti ta’ grad inferjuri, meta teżamina mill-ġdid kawża li ġiet rinvjata quddiemha, milli tikkonforma ruħha ma’ sentenza tal-ogħla qorti meta hija jkollha dubji serji dwar kemm dik is-sentenza hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Mill-banda l-oħra, wara li kkonstatat li kien hemm trattamenti alternattivi li kienu inqas effikaċi imma fl-istess ħin iktar radikali għas-saħħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-kopertura tal-ispejjeż sostnuti f’ċentru tas-saħħa li jinsab fi Stat Membru ieħor, u dan fid-dawl tal-impossibbiltà materjali li l-assigurat jirċievi l-kura fil-Bulgarija.

2.        Wieħed josserva immedjatament li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għal kull waħda minn dawn id-domandi. Madankollu, huwa minnu wkoll li matul l-aħħar snin seħħ tibdil importanti, u dan jispjega għaliex dawn id-domandi qegħdin isiru mill-ġdid. Il-ħolqien relattivament reċenti ta’ ġurisprudenza importanti fuq ir-relazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali (inter alia s-sentenzi Köbler, Kühne & Heitz, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (2)) jista’ jispjega għaliex il-qorti amministrattiva ta’ Sofija qiegħda tiddubita mill-validità tal-ġurisprudenza bbażata fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Rheinmühlen I (3) li ngħatat fl-1974. Barra minn hekk, l-adeżjoni mal-Unjoni ta’ Stati Membri ġodda li għandhom sistemi ta’ kura ta’ saħħa differenti, kemm mill-aspett tal-organizzazzjoni kif ukoll mill-aspett tar-riżorsi finanzjarji rispettivi tagħhom, tqajjem mistoqsijiet dwar l-applikabbiltà ta’ ġurisprudenza maħluqa u żviluppata fi żmien li jiġi qabel it-tkabbir u li jien ser nanalizza iktar ’il quddiem.

3.        Dan it-tibdil fil-ġurisprudenża u fil-fatti tal-Unjoni jispjega għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tittratta din il-kawża fl-Awla Manja.

I –    Il-kuntest leġiżlattiv

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

1.      L-Artikolu 267 TFUE

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)      l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)       il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni.

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

Jekk din il-kwistjoni titressaq f’każ pendenti quddiem ġurisdizzjoni ta' Stat Membru fir-rigward ta’ persuna miżmuma f’kustodja, il-Qorti għandha taġixxi mill-aktar fis possibbli”.

L-Artikolu 56 TFUE

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

4.        Id-dritt sekondarju li japplika għal dan il-każ jirrestrinġi ruħu, essenzjalment, fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 (4) li fih jinsabu r-regoli dwar il-kura medika mogħtija minn Stat Membru li huwa differenti mill-Istat Membru tar-residenza tal-affiljat. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu huma dawn li ġejjin:

“L-Artikolu 22

1. Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tissodisfa l-kondizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti għall-intitolar tal-benefiċċji, billi tieħu inkonsiderazzjoni fejn suppost tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18, u:

[...]

ċ) li hija awtorizzata mill-istituzzjoni kompetenti biex tmur fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor biex hemmhekk tirċievi l-kura meħtieġa għall-kondizzjoni tagħha,

tkun intitolata:

i)       għall-benefiċċji [in natura] ipprovduti f’isem l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra, bħallikieku kienet assigurata magħha; it-tul tal-perjodu li matulu l-benefiċċji jkunu pprovduti jkun deċiż, però, mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti;

ii)       għall-benefiċċji fi flus ipprovduti mill-istituzzjoni kompetenti sko[n]d id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni li hija tamministra. Madankollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-rimanenza jew residenza, tali benefiċċji jistgħu jkunu pprovduti mill-istituzzjoni ta’ l-aħħar f’isem ta’ l-ewwel, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

1a. Il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi lista tal-benefiċċji in natura li, sabiex ikunu pprovduti matul i[r-rimanenza] fi Stat Membru ieħor, jeħtieġu, għal raġunijiet prattiċi, ftehim minn qabel bejn il-persuna konċernata u l-istituzzjoni li tipprovdi l-kura.

2. L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(b) tista’ tkun miċħuda biss jekk ikun stabbilit li l-moviment tal-persuna kkonċernata jkun ta’ preġudizzju għall-[i]stat ta’ saħħitha jew għar-riċeviment tal-kura medika.

L-awtorizzazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1(ċ) tista’ [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura inkwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata u fejn hija ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura inkwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat [l-istat] ta’ saħħitha u l-kors probabbli tal-marda.

[...]”

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        L-Artikolu 224 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva (iktar ’il quddiem l-“APK”) jirregola l-effetti tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Suprema tal-Bulgarija f’dak li jikkonċerna r-regoli ta’ proċedura, u dan bil-mod kif ġej:

“Artikolu 224

L-istruzzjonijiet mogħtija mill-qorti suprema amministrattiva dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt jorbtu [lill-qorti] meta tkun qegħda teżamina mill-ġdid il-kawża”.

6.        Il-liġi dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa tistabbilixxi, fl-Artikolu 36(1) tagħha, id-dritt li kull persuna li taqa’ taħt l-assigurazzjoni obbligatorja “tirċievi l-valur parzjali jew totali tal-ispejjeż sostnuti għal xi kura medika barra mill-pajjiż biss jekk tkun ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel f’dan is-sens mill-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (iktar ’il quddiem l-“NZOK”)”.

7.        Il-kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa klassika hija pprovduta fl-Artikolu 45 tal-liġi msemmija, li bih

“Artikolu 45 (1) Il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandu jħallas għat-tipi ta’ assistenza medika li ġejjin:

[...]

3.      assistenza medika fi sptar jew barra mill-isptar għal dijanjosi u kura f’każ ta’ mard;

[...]

5.      assistenza medika ta’ emerġenza;

(2)      [...] L-assistenza medika msemmija fil-paragrafu 1 , ħlief għal dik imsemmija fil-punt 10, tiġi stabbilita bħala pakkett ta’ benefiċċiji bażiċi, garantit mill-finanzi tan-NZOK. Il-benefiċċji bażiċi kollha jiġu stabbiliti permezz ta’ ordni tal-Ministru tas-Saħħa”.

8.        Ir-regolament iċċitat mil-liġi huwa r-Regolament Nru 40 tal-2004, dwar l-istabbiliment tal-pakkett ta’ benefiċċji bażiċi tas-saħħa, garantit mill-finanzi tan-NZOK, li l-unika artikolu tiegħu jgħid li “il-pakkett ta’ benefiċċji bażiċi fil-qasam tal-assistenza medika jinkludi l-benefiċċji li t-tip u l-ammont tagħhom jiġu stabbiliti skont l-annessi 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10”.

9.        Il-“lista ta’ mezzi ta’ trattament kliniku” tinsab fl-anness 5 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq u tinkludi l-mezzi li ġejjin:

“133. Trattament kirurġiku tal-glawkoma

134.      Operazzjonijiet fl-għajnejn permezz tal-lejżer jew permezz ta’ teknika krijoġenika

135.      Operazzjonijiet fiż-żona okulari

136.      Operazzjonijiet oħra fil-boċċa tal-għajn

[...]

258.      Trattament bir-raġġi b’teknoloġija għolja, ta’ mard onkoloġiku jew mhux onkoloġiku”.

II – Il-fatti

10.      Georgi Ivanov Elchinov, li huwa residenti fil-Bulgarija u affiljat mal-Fond Nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa ta’ dan il-pajjiż, isofri minn marda malinna onkoloġika f’għajnejh il-leminija. It-tabib tiegħu ordnalu trattament li jikkonsisti fit-twaħħil ta’ folji radjoattivi jew proton therapy.

11.      Fid-9 ta’ Marzu 2007, G. Elchinov, abbażi tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, ressaq talba lil NZOK biex tintbagħatlu l-formola E 112 (dokument li jawtorizza trattament mediku barra mill-pajjiż) biex ikun jista’ jieħu t-trattament preskritt fi klinika li tinsab f’Berlin li hija speċjalizzata fil-mard oftalmiku, u dan għas-spejjeż tan-NZOK. It-talba kienet ibbażata fuq l-impossibbiltà li huwa jirċievi t-trattament preskritt fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu fejn l-uniku trattament alternattiv li kien ġie propost lilu kien jikkonsisti fit-tneħħija tal-għajn marida (tneħħija tal-għajn mill-ħofra tagħha).

12.      Fid-dawl tal-gravità tal-istat tiegħu u qabel ma l-NZOK irrisponda għat-talba tiegħu, G. Elchinov fil-15 ta’ Marzu 2007 mar b’urġenza fil-klinika Ġermaniża fejn huwa rċieva t-trattament preskritt. Ftit ġimgħat wara, wara li rċieva rapport tal-Ministeru tas-Saħħa li kien jikkonferma li t-trattament indikat ma kienx ipprovdut fil-Bulgarija, l-NKOZ iddeċieda li jiċħad it-talba ta’ G. Elchinov fit-18 ta’ April.

13.      G. Elchinov ressaq appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Sofia grad, li laqgħet it-talba tiegħu fit-13 ta’ Awwissu u annullat id-deċiżjoni kkontestata filwaqt li bagħtet il-każ quddiem l-NZOK sabiex dan tal-aħħar jibgħat il-formola E 112 imsemmija iktar ’il fuq lil G. Elchinov. L-Administrativen sad Sofia grad ikkundannat ukoll lil NKOZ biex iħallas l-ispejjeż. Il-motivazzjoni tas-sentenza tiċħad l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 mogħtija mill-NZOK u tikkonkludi li t-trattament preskritt huwa previst fid-dritt Bulgaru. Skont l-Administrativen sad Sofia grad, il-fatt li t-trattament ikun previst fil-liġi, anki jekk ma jkunx jista’ jiġi pprovdut, huwa biżżejjed biex japplika l-artikolu msemmi iktar ’il fuq u għaldaqstant, kellha tingħata l-awtorizzazzjoni biex it-trattament jittieħed barra mill-pajjiż.

14.      Din id-deċiżjoni ġiet appellata mill-NZOK quddiem il-Varchoven administrativen Sad (Qorti Suprema Amministrattiva). B’sentenza tal-4 ta’ April 2008, l-imsemmija Qorti Suprema Amministrattiva annullat id-deċiżjoni tal-Administrativen sad Sofia grad tat-13 ta’ Awwissu 2007 u bagħtet il-kawża quddiem awla oħra sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid. Il-Qorti Suprema qieset li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 iċċitat iktar ’il fuq, kif mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza kienet żbaljata peress li l-impossibbiltà li jingħata t-trattament inkwistjoni fil-Bulgarija, anki jekk dan ikun previst fil-liġi nazzjonali, iwassal għall-preżunzjoni li dik il-kura ma hijiex waħda minn dawk it-trattamenti li legalment jistgħu jintalbu.

15.      Fil-kuntest tal-“eżami mill-ġdid” tal-kawża mill-Administrativen sad Sofia grad, G. Elchinov talab li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

III – Id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.      Fl-14 ta’ Mejju 2009, l-Administrativen sad Sofia grad għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“1)      [It-tieni subparagrafu ta’] L-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta t-trattament speċifiku, li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni għall-ħruġ ta’ formola E 112, ma jistax jingħata f’istituzzjoni ta’ kura Bulgara, għandu jitqies li dan it-trattament ma huwiex iffinanzjat mill-baġit min-Natsionalna zdravnoosiguritelna kasa (Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, NZOK) jew mill-Ministeru tas-Saħħa u, viċi versa, meta dan it-trattament huwa ffinanzjat mill-baġit tan-NZOK jew mill-Ministeru tas-Saħħa, għandu jitqies li dan it-trattament jista’ jingħata fi stabbiliment ta’ kura tas-saħħa Bulgaru?

2)      Il-frażi “il-kura msemmija ma tistax tiġi pprovduta lill-persuna interessata ġewwa t-territorju ta’ l-Istat Membru fejn [t]irrisjedi” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-każijiet li fihom it-trattament mogħti fit-territorju tal-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna assigurata huwa, bħala tip ta’ trattament, kunsiderevolment inqas effettiv u radikali minn dak mogħti fi Stat Membru ieħor, jew tinkludi biss dawk il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata ma tistax tingħata trattament fi żmien xieraq?

3)      Fid-dawl tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, il-qorti nazzjonali għandha tikkonforma mal-indikazzjonijiet vinkolanti mogħtija lilha mill-qorti superjuri fil-kuntest tal-annullament tad-deċiżjoni tagħha u tar-rinviju tal-kawża għal eżami mill-ġdid meta jkun hemm raġunijiet sabiex jitqies li dawn l-indikazzjonijiet imorru kontra d-dritt Komunitarju?

4)      Meta l-kura inkwistjoni ma tistax tingħata fit-territorju tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna assigurata, huwa biżżejjed, sabiex dan l-Istat Membru jkun obbligat jagħti awtorizzazzjoni għal kura fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, li t-tip ta’ trattament inkwistjoni jagħmel parti mill-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza, anki jekk din il-leġiżlazzjoni ma tindikax espressament il-metodu ta’ trattament speċifiku?

5)      L-Artikolu 49 KE u l-Artikolu 22 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 36(1) taz-Zakon za zdravnoto osiguryavane (liġi dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa), li tipprovdi li l-persuni assigurati bilfors għandhom id-dritt li jirċievu l-ammont parzjali jew totali tal-ispejjeż għal kura medika barra mill-pajjiż biss jekk ikunu kisbu awtorizzazzjoni minn qabel f’dan is-sens?

6)      Il-qorti nazzjonali għandha tobbliga lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat li fih il-persuna kkonċernata hija assigurata li toħroġ id-dokument għall-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż (formola E 112) jekk hija tikkunsidra li r-rifjut li jinħareġ tali dokument huwa illegali, fil-każ fejn l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ tali dokument ġiet ippreżentata qabel ma sar it-trattament barra mill-pajjiż u li t-trattament tlesta sad-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni mill-qorti?

7)      Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti u l-qorti tikkunsidra li r-rifjut li tingħata awtorizzazzjoni għal trattament barra mill-pajjiż huwa illegali, ir-rimbors tal-ispejjeż tat-trattament lil persuna assigurata għandu jsir:

a)      direttament mill-Istat li fih il-persuna hija assigurata jew mill-Istat li fih ingħata t-trattament, wara li tkun ġiet ippreżentata l-awtorizzazzjoni għal kura barra mill-pajjiż;

b)      sa’ liema ammont, fil-każ fejn l-ammont tal-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza huwa differenti mill-ammont tal-benefiċċji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih ingħata t-trattament, u dan fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 KE, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

17.      Apparti r-rikorrent fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni u l-Gvern Bulgaru, il-Gvern Ċek, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Grieg u l-Gvern Britanniku ppreżentaw l-osservazzjonijiet fit-termini stabbiliti fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura prinċipali u lanqas l-Istati Membri jew il-Kummissjoni ma talbu seduta, il-fajl jippermetti li jiġu ppreżentati dawn il-konklużjonijiet wara l-proċedura bil-miktub.

IV – Fuq in-natura vinkolanti tal-istruzzjonijiet tal-Qorti Suprema Amministrattiva

18.      Bħalma għadna kif rajna, it-tielet mis-seba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju hija sostantivament differenti mill-oħrajn u tqajjem kwistjoni ta’ natura proċedurali, li hija differenti mill-kwistjonijiet fuq il-mertu. Risposta pożittiva għal din id-domanda twassal għall-inammissibbiltà tad-domandi preliminari l-oħra u dan għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem. Konsegwentement, jeħtieġ li nibda bi studju ta’ dan l-aspett proċedurali.

19.      It-tielet domanda tirrigwarda fil-fatt il-konformità ta’ dispożizzjoni proċedurali Bulgara mad-dritt tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt. Fil-konkret, il-kwistjoni hija dwar jekk qorti nazzjonali hijiex obbligata tapplika regola nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 224 APK li jobbligaha tieħu inkunsiderazzjoni l-istruzzjonijiet vinkolanti li jingħatawlha minn qorti superjuri wara li tkun ġiet annullata d-deċiżjoni meħuda mill-istess qorti ta’ kompetenza inferjuri, meta dawk l-istruzzjonijiet ikunu jidhru li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi eżaminata mill-ġdid il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Rheinmühlen I tal-1974 u, fil-każ ineżami, l-applikazzjoni tagħha għal sistema proċedurali bħalma huma l-proċeduri amministrattivi Bulgari. Fil-fatt, il-fatt li matul l-aħħar sitta u tletin sena kien hemm żvilupp importanti fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali jwassalni biex, fuq talba tal-qorti tar-rinviju, nirrifletti fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

A –    Il-ġurisprudenza Rheinmühlen I, il-kuntest u l-applikazzjoni tagħha għall-każ preżenti

20.      Fis-sentenza Rheinmühlen I, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li torbot lill-qrati, li ma jkunux qegħdin jiddeċiedu fl-aħħar istanza, bid-deċiżjonijiet fuq punti ta’ dritt deċiżi mill-qorti superjuri, ma tistax tneħħi l-fakultà ta’ dawk il-qrati milli jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju kkonċernat b’dawk il-pożizzjonijiet tad-dritt” (5) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din id-dikjarazzjoni tat kontribut importanti għas-saħħa regolatorja tad-dritt tal-Unjoni, li minn dak il-mument ingħata l-preċedenza fuq deċiżjonijiet ta’ qorti superjuri nazzjonali li s-sentenzi tagħha jorbtu lill-qrati tal-ewwel istanza. Għalkemm is-sentenza tirreferi biss għall-fakultà li għandha l-qorti nazzjonali biex tagħmel domanda preliminari, m’hemmx għalfejn jingħad li l-għan ta’ din id-domanda jista’ jkun biex jiġu injorati, jekk ikun il-każ, id-deċiżjonijiet mogħtija minn qorti superjuri. L-unika eċċezzjoni aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-ipotesi fejn qorti inferjuri tkun diġà għamlet domandi preliminari “li huma sostanzjalment identiċi għad-domandi magħmula mill-qorti tal-aħħar istanza” (6). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.      Is-sentenza Rheinmühlen I introduċiet b’hekk forma ta’ kontroll deċentralizzat tal-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet Komunitarji mhux tal-liġijiet, iżda tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom jiġu annullati minn qorti superjuri jistgħu, meta l-kawża terġa’ tintbagħat lura lilhom, jinjoraw dak l-annullament billi jinvokaw din il-ġurisprudenza meta huma jkun jidhrilhom li d-deċiżjoni tal-qorti superjuri tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-kunflitt bejn l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-opportunità li b’hekk reġgħet infetħet biex tiġi affermata s-supremazija tad-dritt Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja tat preċedenza lil dan tal-aħħar (7).

22.      L-applikazzjoni ipso jure tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Rheinmühlen I twassal għal risposta fin-negattiv għat-tielet domanda preliminari biex b’hekk ngħaddi direttament għad-domandi l-oħra. Madankollu, jirriżulta li l-ġurisprudenza tas-sentenza Rheinmühlen I kienet marbuta b’mod partikolari ma’ ċirkustanzi proċedurali u storiċi li huma differenti ħafna minn dawk li jirrigwardaw il-każ ineżami. Jekk tingħata interpretazzjoni li tkun iffukata biss fuq is-supremazija, dan iwassal għar-riskju li jiġi injorat dan il-bdil fiċ-ċirkustanzi.

B –    Il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza u l-preċiżazzjoni dwar ir-rwol tagħhom fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rwol

23.      L-iżvilupp dejjem jikber tad-dritt tal-Unjoni, magħqud mal-allokazzjoni tar-responsabbiltà għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt lill-qrati nazzjonali, ittrasforma lill-qrati supremi tal-Istati Membri bħala korpi fundamentali fil-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Jekk wieħed iżid ma’ dan li, wara l-emendi suċċessivi tat-trattati kostituttivi, ma jeżistix u ma ġiex previst id-dritt li jitressaq rikors dirett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, huwa ċar li l-qrati superjuri tal-Istati Membri għandhom rwol determinanti fil-kontroll tal-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni. Din l-allokazzjoni ta’ responsabbiltà lill-qrati nazzjonali superjuri seħħet f’kuntest ikkaratterizzat simultanjament minn tkabbir fl-obbligu tagħhom li jiżguraw, minn banda, l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni, u dak li jipproteġu, mill-banda l-oħra, id-drittijiet li jirriżultaw minn din il-leġiżlazzjoni liċ-ċittadini.

24.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata s-sentenza Köbler (8), meta hija stabbiliet li l-Istati Membri jkunu responsabbli għall-atti ġudizzjarji, inklużi dawk l-Istati Membri li ma jirrikonoxxux dawn it-tipi ta’ rimedji quddiem il-qrati (9). Parallellament ma’ dan l-iżvilupp u fuq rikors tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, temmet ir-reżistenza persistenti taż-żewġ istituzzjonijiet biex jippreżentaw u jilqgħu rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri abbażi tas-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali tagħhom (10). Fis-sentenza Köbler, l-istess bħas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, il-Qorti tal-Ġustizzja ffukat fuq il-qrati tal-aħħar istanza billi identifikathom bħala l-awturi ċentrali li fuqhom taqa’ r-responsabbiltà li josservaw u jaraw li jiġi osservat id-dritt tal-Unjoni (11). Bl-istess mod, għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rimedji, huwa rilevanti ħafna l-fatt jekk il-qrati jkunux għamlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll huwa rilevanti ħafna l-mod ta’ kif, jekk kien il-każ, ġiet applikata għalihom il-ġurisprudenza CILFIT (12).

25.      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi osservat ukoll li l-Istati Membri żviluppaw garanziji li jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li jkun hemm sanzjonijiet meta l-qrati tal-aħħar istanza jieħdu deċiżjonijiet li jinjoraw ir-rwol u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qrati kostituzzjonali ta’ diversi Stati Membri biddlu f’dan is-sens (għalkemm f’livelli differenti) il-kawżi b’mod dirett għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-ewwel nett fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (13), imbagħad fl-Awstrija (14), fi Spanja (15) u iktar reċentament fir-Repubblika Ċeka (16) u fis-Slovakkja (17). Għaldaqstant, f’ċerti Stati Membri, il-mekkaniżmi ta’ kontroll tar-responsabbiltà dejjem tikber li għandhom il-qrati superjuri jistgħu jinstabu mhux biss fil-Qorti tal-Ġustizzja, imma wkoll fil-qrati kostituzzjonali ta’ dawn l-Istati, liema qrati qegħdin dejjem iktar jintegraw id-dritt tal-Unjoni biex jinkluduh fil-kriterji ta’ evalwazzjoni kostituzzjonali tagħhom.

26.      B’riżultat ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat ukoll l-iżvilupp l-ieħor tal-ġurisprudenza li, madankollu, ma jidhirx mad-daqqa t’għajn li mexa fis-sens li għadu kif ingħad, għalkemm huwa koerenti ma’ dan l-iżvilupp. Għaldaqstant, fis-sentenza Kühne & Heitz (18), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kienx obbligatorju li jiġi rrivedut att amministrattiv nazzjonali kkonfermat b’sentenza ta’ qorti tal-aħħar istanza u li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun ingħatat fiha tkun ġiet deċiża li hija żbaljata b’deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tat preċedenza lill-prinċipju taċ-ċertezza legali tad-dritt tal-Unjoni, li jipproteġi r-res judicata tad-deċiżjoni nazzjonali (19). Taħt l-istess aspett, is-sentenza adottata fil-kawża Kapferer tmur ftit iktar lil hinn billi tapplika dan ir-raġunament għal sentenza mogħtija minn qorti inferjuri u li hija res judicata (20). Fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tkun iktar ċara meta ddikjarat li “id-dritt [tal-Unjoni] ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni ta’ proċedura li jikkonferixxu lil deċiżjoni l-kwalità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni inkwistjoni” (21). Is-snin li segwew servew biss biex tiġi kkonfermata din il-ġurisprudenza, u prova ta’ dan huma l-kawżi i.21, Kempter u Fallimento Olimpiclub (22). Din il-linja ta’ ġurisprudenza ma jidhirx li ssofri xi eċċezzjoni ħlief meta d-dispożizzjoni Ewropea li s-supremazija tagħha tkun qiegħda tiġi invokata, tkun ġiet adottata fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (23).

27.      Fi ftit kliem, din il-ġurisprudenza turi kif il-prinċipji tad-dritt Ewropew ta’ ċertezza legali u ta’ awtonomija istituzzjonali tal-Istati Membri jistgħu jaffettwaw, jekk ikun il-każ, l-effikaċità tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm din l-osservazzjoni tista’ tidher li tmur kontra l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi bħalma huma Köbler u Il-Kummissjoni vs L-Italja, fir-realtà din mhix ħlief il-faċċata l-oħra tal-istess munita. Safejn il-qrati supremi jibdew ikunu responsabbli direttament għad-deċiżjonijiet tagħhom li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, ma jibqax daqshekk essenzjali li jiġu ssagrifikati ċ-ċertezza legali u l-awtonomija proċedurali nazzjonali biex tkun garantita l-effikaċità tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma jidhirx li hu meħtieġ li qorti nazzjonali tqis li huwa possibbli għaliha li tinjora l-organizzazzjoni ġerarkika interna tagħha biex tippreserva l-effikaċità tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fost affarijiet oħra, il-persuna titulari tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni tista’ tiftaħ kawża biex tinvoka r-responsabbiltà li tirriżulta minn att ġudizzjarju (Köbler); u, jekk id-dritt nazzjonali tagħha jippermettilha, hija tista’ titlob ukoll li jiġi rrivedut l-att li jkun ikkonferma s-sentenza illegali (Kühne & Heitz). Illum il-ġurnata, il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tintuża biex tkun protetta l-parti li tkun sfat vittma tal-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-qorti superjuri (Il-Kummissjoni vs L-Italja), speċjalment fil-każijiet fejn l-Istati Membri jipprovdu rimedji straordinarji ta’ reviżjoni biex jiġu annullati deċiżjonijiet finali li jkunu ġew iddikjarati illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (24).

28.      Il-fatt li qorti suprema nazzjonali trid terfa’ r-responsabbiltà tagħha fil-konfront tal-individwu permezz tar-rimedji imposti mid-dritt tal-Unjoni, ixejjen fl-istess ħin ir-raison d’être tal-mekkaniżmu li bih il-qrati inferjuri, li jkollhom japplikaw id-deċiżjoni finali adottata mill-qorti superjuri li tista’ tkun tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżommu d-dritt tagħhom li jinjoraw dik l-istess deċiżjoni finali meta d-dritt nazzjonali tagħhom ma jippermettilhomx jagħmlu hekk. Fil-fehma tiegħi, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna elementi daqshekk sensittivi bħal dawk li qiegħed nitkellem fuqhom, issib ir-raison d’être tagħha meta l-effettività tad-dritt tal-Unjoni tibda verament tkun protetta permezz ta’ mezzi oħra.

29.      Iż-żieda fil-volum ta’ xogħol li qiegħda tiffaċċja l-Qorti tal-Ġustizzja timmerita ħsieb aħħari f’dan is-sens. In-numru kbir ta’ domandi preliminari li jsiru lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-ħoliqen ta’ proċeduri ta’ urġenza intiżi li jingħataw risposta f’termini qosra ħafna, irendu iktar imperattiva l-ħtieġa li l-Qorti tal-Ġustizzja taqsam il-funzjonijiet tagħha mal-qrati nazzjonali. Il-ħolqien ta’ rimedji Ewropej quddiem il-qrati nazzjonali, l-istess bħalma ġara għar-responsabbiltà tal-Istati jew għall-prinċipji tal-effettività u tal-ekwivalenza, isaħħaħ u jinkoraġġixxi l-kollaborazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Mill-banda l-oħra, iż-żieda fin-numru ta’ Stati, kif ukoll ir-relazzjonijiet dejjem iktar frekwenti u diretti taċ-ċittadin mad-dritt Ewropew, irendu dejjem inqas realistika l-idea li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taffronta waħidha l-kompitu li tinterpreta b’mod awtoritattiv id-dritt tal-Unjoni (25). F’dan is-sens, is-sentenza Rheinmühlen I, li hija r-riżultat ta’ żmienha u tal-kuntest tagħha, illum il-ġurnata tista’ paradossalment tikkomplika l-effettività tad-dritt tal-Unjoni flok tħarsu. Dan japplika iktar meta, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, G. Elchinov jista’ juża rimedji legali oħra quddiem il-qrati nazzjonali tiegħu, rimedji li huma wkoll garantiti mid-dritt tal-Unjoni.

30.      Dan il-każ jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari fuq il-fatt li llum il-ġurnata, għal talbiet bħalma huma dawk li għamel G. Elchinov, jeżistu rimedji proċedurali li huma effikaċi u alternattivi daqskemm huma dawk li jirriżultaw mis-sentenza Rheinmühlen I. Għaldaqstant, wara li l-qorti suprema tal-kawżi amministrattivi tkun bagħtet il-kawża lura lill-qorti amministrattiva ta’ Sofija, u din tkun ċaħdet ir-rikors, G. Elchinov ikollu l-possibbiltà li jiftaħ kawża biex iżomm lill-Istat Membru responsabbli minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ dik il-proċedura, il-qorti nazzjonali kompetenti tkun tista’ tagħmel domanda preliminari biex issir taf jekk hemmx żball manifest ta’ dritt skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26). Jekk dak il-ksur jiġi kkonstatat, il-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni u tordna li r-rikorrent jiġi kkumpensat billi tuża, finalment, mezzi simili għal dawk li ntużaw abbażi tal-ġurisprudenza Rheinmühlen I. Fl-aħħar nett, fil-każ fejn il-qorti ma tilqax il-kawża ta’ responsabbiltà, għandu jingħad li dejjem jibqa’ r-rimedju sussidjarju tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li l-individwu, permezz ta’ ilment min-naħa tiegħu, ikun jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta (27).

31.      Fl-aħħar nett, u b’kuntrast mas-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-snin sebgħin, illum il-ġurnata jista’ jiġi affermat li d-dritt tal-Unjoni laħaq grad ta’ maturità li jippermettilu jiggarantixxi l-effettività prattika tiegħu fir-rigward tal-qrati nazzjonali b’effett fuq l-awtonomija tal-qrati nazzjonali li bla dubju ta’ xejn hija inferjuri għal dik li rriżultat mill-ġurisprudenza tas-sentenza Rheinmühlen I. Din hija r-raġuni għaliex jidher li wasal iż-żmien li terġa’ tiġi rriveduta din il-ġurisprudenza.

32.      Fid-dawl ta’ dan, jiena nirrikonoxxi li din il-proposta li qed nagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-iżvantaġġi tagħha. Il-fatt li l-qrati nazzjonali titteħdilhom il-fakultà tagħhom imsemmija fil-ġurisprudenza Rheinmühlen I jista’ jwassal biex jipprekludihom milli jsibu soluzzjoni immedjata għall-kawża, liema sitwazzjoni mbagħad tobbliga lill-individwu biex jiftaħ kawża għad-danni li tieħu ż-żmien u tinvolvi ħafna spejjeż u li tista’ twassal ukoll għal riżultat negattiv. Madankollu, dan l-inkonvenjent ma jkunx wisq differenti minn dak li jkollha tgħaddi minnu persuna li tiftaħ kawża fuq livell intern biss u li fuqha l-qorti tal-aħħar istanza, wara li tapplika d-dritt intern, tieħu deċiżjoni żbaljata u preġudizzjevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni li taqa’ barra mid-dritt tal-Unjoni jkun obbligat ukoll jirrikorri għal kawża għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà, f’termini identiċi għal dawk li jrid jippreżenta G. Elchinov meta jitlob li jiġu rrispettati d-drittijiet li huma mogħtija lilu mill-Unjoni. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-eżiġenzi tas-supremazija jistgħu okkażjonalment jintgħelbu mill-prinċipju taċ-ċertezza legali, is-soluzzjoni li nipproponi jiena jidhirli li hija iktar koerenti mhux biss mal-ġurisprudenza attwali, imma wkoll mal-istruttura ġudizzjarja interna ta’ kull Stat Membru, li s-sistema u l-bilanċ tagħha ma għandhomx jitbiddlu mingħajr raġuni.

33.      Wieħed jista’ jsostni wkoll li s-supremazija, skont il-ġurisprudenza tagħna, ma ssofri ebda eċċezzjoni ħlief meta jkun hemm deċiżjoni nazzjonali finali li ssir res judicata, kif kien il-każ fil-kawżi Kühne & Heitz jew Kapferer, iżda dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Madankollu, dan l-argument ma jagħmilx sens ħlief jekk wieħed iħares lejn ir-res judicata b’mod formali ħafna, ħaġa li hija inkompatibbli mal-approċċ adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha. Kif jirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kühne & Heitz, Kapferer, Kempter, i-21, Il-Ġermanja u Arcor, u iktar reċenti, mis-sentenza Fallimento Olimpiclub, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tar-res judicata ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali tiddependi ħafna fuq iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Mazák fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Fallimento Olimpiclub, din il-ġurisprudenza tirrifletti l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni każ b’każ fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali u legali partikolari tal-każ (28). Issa, il-ġurisprudenza Rheinmühlen I ma tippermettix preċiżament dan l-approċċ li jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntest nazzjonali. Peress li tħalli lill-qorti tal-ewwel istanza li tasal sabiex tinjora deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija minn qorti superjuri li lilha torbotha direttament, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Rheinmühlen I tirrifjuta kwalunkwe marġni ta’ manuvrar fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi bħalma huma l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi, in-natura definittiva tas-sentenzi jew iċ-ċertezza legali (29). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tar-res judicata prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll ir-relazzjoni tagħha mad-dritt tal-Unjoni, teħtieġ trattament dettaljat u fl-istess ħin li jirrispetta l-awtonomija proċedurali ta’ kull Stat Membru.

34.      Fir-rigward tal-każ ineżami, sentenza tal-Qorti Suprema Amministrattiva Bulgara ma tistax tiġi appellata. Madankollu, din il-qorti tista’ tibgħat il-kawża lura lill-ewwel qorti sabiex din teżaminaha mill-ġdid u f’din l-okkażjoni il-qorti tista’ tagħmel biss evalwazzjoni ġdida tal-fatti. Madankollu, ma hemmx dubju li s-sentenza tal-Qorti Suprema tiddeċiedi b’mod definittiv il-punti ta’ dritt tal-kawża, mingħajr ma jista’ jkun hemm kontestazzjoni f’dan ir-rigward, lanqas permezz tar-rimedju straordinarju ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Bulgara (30). Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kitbiet awtoritattivi f’dan il-qasam, l-evalwazzjoni ġuridika mwettqa mill-Qorti Suprema fil-każ ineżami torbotha għall-futur f’każ li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali terġa’ tiġi kkontestata mill-ġdid quddiemha (31). Konsegwentement, mill-mument li fih il-Qorti Suprema tat is-sentenza inkwistjoni fl-2008, wieħed jista’ jgħid li din kellha l-kwalità sostantiva, iżda mhux proċedurali, ta’ res judicata. Għaldaqstant, il-kontenut tagħha ma setax jinbidel u, skont id-dritt proċedurali Bulgaru, l-interpretazzjoni ġuridika li tkun ingħatat hemmhekk tieħu l-kwalità ta’ deċiżjoni finali. Fl-aħħar nett, jidhirli li l-fatt li l-bażi ġuridika ta’ deċiżjoni bħalma hija dik ineżami ma tistax tiġi kkontestata huwa biżżejjed biex jiġġenera stabbiltà ġuridika li jistħoqqilha protezzjoni partikolari.

35.      Fl-aħħar nett, wieħed jista’ jilmenta li din il-proposta ma hijiex koerenti mas-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Cartesio (32). Madankollu, għandu jiġi indikat li din id-deċiżjoni ttrattat problema differenti u fuq kollox kienet tirrigwarda stadju proċedurali totalment differenti minn dak tal-kawża ineżami. Kif inhu magħruf, is-sentenza Cartesio kkwalifikat it-termini tas-sentenza Rheinmühlen II (33) dwar il-kwistjoni tan-natura inkontestabbli tad-digrieti ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (34). Għandu jiġi mfakkar li f’din is-sentenza, li ngħatat ftit ġimgħat wara s-sentenza Rheinmühlen I u fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 267 TFUE (ex Artikolu 177 KEE) ma jipprekludix li d-deċiżjoni ta’ qorti li tagħmel domanda għal deċiżjoni preliminari “tibqa’ suġġetta għar-rimedji ġudizzjarji normali previsti mil-liġi nazzjonali”. Mill-banda l-oħra, il-parti dispożittiva tas-sentenza Cartesio, filwaqt li ċċitat il-ġurisprudenza Rheinmühlen I bħala awtorità, ikkwalifikat din id-dikjarazzjoni billi affermat li l-ġurisdizzjoni mogħtija bl-Artikolu 267 TFUE lill-qrati nazzjonali biex jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja “jkun mhedded, jekk meta temenda d-deċiżjoni li tordna rinviju għal deċiżjoni preliminari, meta tirrendi inoperattiv u meta tordna lill-ewwel qorti sabiex tkompli bil-proċeduri legali nazzjonali li kienu ġew sospiżi, il-qorti tal-appell setgħet tostakola l-qorti tar-rinviju milli teżerċita l-poter tagħha li tirreferi [tirrinvija] l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ipprovdut mit-Trattat KE” (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-raġunament tagħha u spiċċat billi ddikjarat li hija l-qorti tar-rinviju “li tiddeċiedi dwar deċiżjoni mogħtija fil-kuntest ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari u, b’mod partikolari, sabiex tikkonkludi jekk huwiex meħtieġ jew le li tinżamm it-talba għal domanda preliminari, jew li tiġi emendata jew li ssir inoperattiva” (36).

36.      Qabel xejn, jidher ċar li l-problematika dwar in-natura kontestabbli tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari u l-konsegwenzi eventwali tagħhom għandha karatteristiċi ferm differenti minn dawk ta’ din il-kawża. Il-kuntest ta’ kull kawża huwa sostanzjalment differenti, peress li s-sentenza Cartesio tirreferi għal dik li wieħed jista’ jsejjaħ il-fażi axxendenti ta’ kawża, jiġifieri l-fażi tal-ġestazzjoni naturali li tibda minn meta tibda l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sakemm tingħata deċiżjoni li ma tkunx tista’ tiġi appellata. Mill-banda l-oħra, din il-kawża tiffoka fuq dik li nistgħu nsejħulha l-fażi – eventwali – dixxendenti ta’ kawża, jiġifieri l-aħħar mument tal-kawża, wara li tingħata s-sentenza finali u tiġi rrinvjata lill-ewwel qorti sabiex din teżegwixxi d-deċiżjoni fuq punti ta’ dritt tagħha, u dawn il-punti ta’ dritt ma jistgħux jiġu kkontestati.

37.      Fl-aħħar nett, is-soluzzjoni proposta f’dawn il-konklużjonijiet ma tfissirx li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Rheinmühlen I għandha titlef ir-raison d’être tagħha. Mill-banda l-oħra, fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza tibqa’ tapplika kompletament meta matul il-fażi axxendenti ta’ kawża, ikun hemm interventi li jkunu jeħtieġu li l-qorti inferjuri tinjora l-istruzzjonijiet tal-qorti superjuri. L-iktar każ klassiku niltaqgħu miegħu meta d-digriet tar-rinviju preliminari nnifsu jkun ikkontestat, bħal fis-sentenza Cartesio. F’dak il-każ, l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Rheinmühlen I tkun iġġustifikata u ma tkunx sempliċi koinċidenza li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita din il-ġurisprudenza fil-punt 94 tas-sentenza Cartesio u tirriproduċiha. F’dak il-każ, fil-fażi axxendenti ta’ kawża li fiha jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni, il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Rheinmühlen I għandha sservi ta’ għodda f’idejn il-qorti tal-ewwel istanza, li tibbenefika għaldaqstant minn protezzjoni partikolari bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (37).

38.      Konsegwentement, għall-motivi indikati preċedentement, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali, bħall-Administrativen sad ta’ Sofija f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ proċeduri li fihom tkun diġà ttieħdet l-ewwel deċiżjoni, tkun obbligata bid-dritt nazzjonali tagħha, wara li l-kawża tiġi rrinvjata lilha, tosserva l-istruzzjonijiet li jkunu jinsabu fid-deċiżjoni ta’ kassazzjoni mogħtija minn qorti superjuri fl-istess proċeduri.

39.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi din il-proposta, id-domandi preliminari rimanenti li jirrigwardaw il-mertu ma jkunx għad għandhom skop peress li huma kollha bbażati fuq l-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarjament obbligata tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Amministrattiva Bulgara. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja trid loġikament tiddikjara l-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi skont il-ġurisprudenza tagħha (38).

40.      Madankollu, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx miegħi fuq din il-pożizzjoni, għandhom jiġu analizzati s-sitt domandi li fadal dwar il-mertu u li jikkonċernaw, kif diġà għidt, is-servizzi mediċi transkonfinali li rċieva G. Elchinov.

V –    Fuq il-mertu

41.      Sabiex tingħata risposta utli, jidhirli li d-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia Grad għandhom jiġu organizzati mill-ġdid. Fl-ewwel lok, ser nanalizza l-kompatibbiltà tat-trattati u tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 mas-sistema Bulgara ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-kura barra mill-pajjiż. Fit-tieni lok, ser nanalizza jekk ġewx osservati l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 22 iċċitat iktar ’il fuq, filwaqt li nikkonċentra fuq il-livell ta’ preċiżjoni tal-leġiżlazzjoni Bulgara f’dak li jikkonċerna l-kopertura tal-kura, il-konsegwenzi tal-impossibbiltà materjali li dik il-kura tiġi offruta fil-Bulgarija, u l-possibbiltà li jingħata trattament alternattiv, għalkemm dan huwa inqas effikaċi u iktar radikali. Fit-tielet lok, ser nanalizza s-sistema tar-rimbors li tapplika f’każ fejn G. Elchinov jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jirċievi r-rimbors tal-ispejjeż tal-kura meħuda fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, f’każ li jkun meħtieġ li jiġi ddikjarat li r-rikorrent għandu dritt għar-rimbors imsemmi iktar ’il fuq, jien ser nara x’setgħat għandha l-qorti nazzjonali.

A –    Fuq il-kundizzjoni tal-awtorizzazzjoni minn qabel biex jingħata r-rimbors tal-ispejjeż tal-kura barra mill-pajjiż (il-ħames domanda)

42.      Fil-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sistema fejn persuna, biex tibbenefika minn trattament mediku fi Stat Membru ieħor, tkun trid iġġib awtorizzazzjoni minn qabel. Peress li G. Elchinov ġie kkurat fil-Ġermanja wara li talab l-awtorizzazzjoni, iżda qabel ma ngħatatlu din l-awtorizzazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk sistema bħalma hija dik prevista fl-Artikolu 36 tal-Liġi Bulgara dwar l-Assigurazzjoni tas-Saħħa Obbligatorja hijiex kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll mar-Regolament Nru 1408/71.

43.      L-Istati li ppreżentaw osservazzjonijiet adottaw pożizzjoni parzjalment komuni. Minn banda, kollha kemm huma jaqblu li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti lill-Istati li jintroduċu sistemi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel f’każ ta’ provvista ta’ servizz mediku li jkun jeħtieġ rikoveru fl-isptar fi Stat Membru ieħor. Madankollu, filwaqt li Spanja u l-Bulgarija jsostnu li s-sistema Bulgara ma tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni meta hija teskludi kategorikament kull rimbors f’każ li l-assigurat ma jkunx talab l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni u l-Gvern Ċek u l-Gvern Pollakk waslu għal konklużjoni opposta.

44.      Ir-risposta għal din id-domanda toħroġ sempliċiment mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

45.      Fis-sentenzi Decker u Kohl (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li liġi nazzjonali li “tissuġġetta r-rimbors tal-ispejjeż sostnuti fi Stat Membru [ieħor] għal ksib ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u li tirrifjuta tali rimbors lill-assigurati li ma jkollhomx tali awtorizzazzjoni” tinvolvi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, inkwantu hija “tiskoraġġixxi lill-assigurati milli jirrikorru għal prestatarji ta’ servizzi mediċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor” (40). Wara li analizzat l-argumenti mressqa f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma kinitx iġġustifikata la skont l-eċċezzjoni tas-saħħa pubblika li tinsab fl-Artikoli 52 u 62 TFUE u lanqas b’raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

46.      Din l-affermazzjoni rilevanti, li kkonfermat żvilupp li kien diġà jinsab bħala bażi fiż-żewġ sentenzi Pierick (41), kienet timplika żewġ preċiżazzjonijiet rilevanti. Minn banda, skont il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro (42), dan kien jikkonferma l-possibbiltà li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi interpretat fid-dawl tat-Trattati, jew li l-istess Trattati kienu japplikaw meta r-regolament imsemmi ma setax jiġi invokat (43). Mill-banda l-oħra, b’riżultat ta’ dak li għadu kif intqal, dan indika biċ-ċar li s-servizzi tas-saħħa, kemm pubbliċi kif ukoll privati, kienu attivitajiet ekonomiċi li kienu jaqgħu kompletament taħt ir-regoli tal-moviment liberu (44).

47.      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żewġ sentenzi kienu jirrigwardaw kura li ma kinitx teħtieġ rikoveru fl-isptar, iżda trattamenti outpatient li l-organizzazzjoni u l-ispiża tagħhom ma kinux paragunabbli ma’ dawk meħtieġa f’każ ta’ sptar. Huwa proprju minħabba din il-kunsiderazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Smits‑Peerbooms u Müller‑Fauré (45), li ngħataw ftit żmien wara s-sentenzi Decker u Kohl, iddikjarat li “meta mqabbla ma’ servizzi mediċi pprovduti mit-tobba fil-kliniċi tagħhom jew fid-dar tal-pazjent, is-servizzi mediċi pprovduti fi sptar jidħlu f’ambitu li, bla dubju ta’ xejn, għandu karatteristiċi partikolari ħafna” (46). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat sussegwentement dawn il-karatteristiċi partikolari u semmiet l-ippjanar meħtieġ minn dan it-tip ta’ ċentri, li għalih iridu jkunu magħrufa “n-numru ta’ sptarijiet, id-distribuzzjoni ġeografika tagħhom, il-mod kif huma organizzati u l-attrezzaturi li bihom huma mgħammra, u saħansitra n-natura tas-servizzi mediċi li huma kapaċi joffru” (47). Minħabba l-kunsiderazzjonijiet spjegati iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix “bħala regola” sistema obbligatorja ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-persuni li jkunu jixtiequ jibbenefikaw minn trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor (48).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fis-sentenza Vanbraekel (49), fejn żiedet element importanti mad-deċiżjonijiet preċedenti: meta talba tiġi rrifjutata, wara li jkun ġie ddikjarat li r-rifjut kien imur kontra l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, dak ir-rifjut ma jipprekludix lill-applikant milli jitlob ir-rimbors li huwa dovut skont dan l-artikolu (50). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċjarju tar-rimbors jista’ jikseb l-istess rimbors direttament mill-istituzzjoni li magħha huwa jkun affiljat fil-pajjiż tar-residenza tiegħu.

49.      Fid-dawl ta’ dan kollu, artikolu bħalma huwa l-Artikolu 36(2) tal-Liġi Bulgara dwar is-Sigurtà Soċjali għandu jiġi applikat fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 56 TFUE u 22 tar-regolament. Dan jimplika li n-neċessità ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex ikun jista’ jittieħed trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor ma hijiex “bħala regola” inkompatibbli mar-regoli tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li, kif jirriżulta mis-sentenzi Smits‑Peerbooms u Müller‑Fauré, ma hemm ebda dubju fuq l-artikolu tal-Liġi Bulgara ċċitat iktar ’il fuq. Kieku d-dritt Bulgaru jintroduċi sistema daqshekk severa li tirrendi impossibbli jew tnaqqas in-natura attraenti tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq iġġiegħel lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li tali sistema ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

50.      Meħud kont tad-diċitura tad-dispożizzjoni inkwistjoni, li hija xi ftit ambigwa, ma jidhirx li hemm inkompatibbiltà.

51.      Fil-fatt, l-Artikolu 36(1) iċċitat iktar ’il fuq, jiggarantixxi d-dritt ta’ kull persuna affiljata mal-assigurazzjoni soċjali obbligatorja biex “tirċievi l-valur parzjali jew totali tal-ispejjeż sostnuti għal xi kura medika barra mill-pajjiż biss jekk tkun ingħatat awtorizzazzjoni minn qabel f’dan is-sens mill-[Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa]”. Huwa minnu li, bħalma jsostnu l-Kummissjoni u G. Elchinov, din ir-regola tista’ tiġi interpretata bħala projbizzjoni kategorika kontra kull tip ta’ rimbors, a priori jew a posteriori, fil-każ fejn ma tkun intalbet ebda awtorizzazzjoni. Madankollu, id-diċitura tista’ twassal ukoll għal interpretazzjoni iktar sottili: ir-regola tista’ tindika wkoll li r-rimbors ma huwiex possibbli ħlief meta l-pazjent ikun irċieva minn qabel l-awtorizzazzjoni minħabba li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Għaldaqstant, jekk wieħed jaqra l-artikolu bħala li huwa konsegwenza tal-Artikolu 22 tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq, irid jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-awtorizzazzjoni ma tkunx iktar meħtieġa meta l-istituzzjoni kompetenti stess jew xi deċiżjoni ġudizzjarja jkunu ddikjaraw li r-rifjut tal-għoti tal-awtorizzazzjoni ma kienx iġġustifikat.

52.      Kif inhu magħruf, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta l-liġijiet nazzjonali. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi neċessarji kollha sabiex id-dritt nazzjonali jiġi applikat b’mod korrett fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 36(1) tal-Liġi Bulgara dwar is-Sigurtà Soċjali, inkwantu din tintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel sabiex persuna tkun tista’ tibbenefika minn trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor u fi kwalunkwe każ, salv li din il-liġi ma tipprekludix lill-applikant milli jitlob ir-rimbors a posteriori, fil-każijiet fejn jiġi stabbilit, mill-istituzzjoni kompetenti stess jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, li r-rifjut tat-talba tal-persuna ma kienx iġġustifikat.

B –    Fuq it-twettiq tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71

53.      Il-qorti tar-rinviju għamlet diversi domandi fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu sodisfatti qabel ma’ jitwieled id-dritt għal awtorizzazzjoni sabiex jittieħed trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor. Anki fuq dan il-punt, ir-risposta għad-diversi domandi tinsab diġà fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija bbażata esklużivament fuq ir-regolament, u dan peress li t-TFUE ma għandux jintuża ħlief bħala kriterju ta’ interpretazzjoni.

1.      Fuq l-inklużjoni tat-trattament fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih tirrisjedi l-persuna kkonċernata (ir-raba’ domanda)

54.      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq il-portata tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, fejn fit-tieni subparagrafu dan jipprovdi li l-awtorizzazzjoni biex tittieħed il-kura fi Stat Membru ieħor “tista [ma tistax] tkun irrifjutata fejn il-kura inkwistjoni hija fost il-benefiċċji pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kienet residenti l-persuna kkonċernata”. Dawn id-dubji joħorġu mill-għażla li għamel il-leġiżlatur Bulgaru fejn għamel lista eżawrjenti ta’ kuri koperti mis-sigurtà soċjali li magħha huwa affiljat G. Elchinov. Madankollu, din il-lista tiddefinixxi biss b’mod ġenerali t-trattament li ġie preskritt lilu.

55.      Għal darba oħra, l-Istati Membri ħadu pożizzjoni differenti fuq dan il-punt, minkejja li kollha kemm huma jaqblu li għandhom kompetenza biex jistabbilixxu t-trattamenti speċifiċi li għandu jkollhom aċċess għalihom dawk li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fid-dawl ta’ din il-pożizzjoni komuni, il-Gvern Ċek u l-Gvern Finlandiż jenfasizzaw li huwa neċessarju li s-sistema tal-lista bħalma hija dik li ġiet adottata fil-Bulgarija ma tkunx diskriminatorja. Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jindika li l-kategoriji jridu jkunu speċifiċi biżżejjed u ma għandhomx joħolqu inċertezza legali. Il-Gvern Pollakk isostni interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 22(2) iċċitat iktar ’il fuq, filwaqt li l-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jagħtu interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-artikolu u jsostnu li d-dispożizzjonijiet Bulgari għandhom jiġu applikati b’mod li ma jippreġudikawx lill-benefiċjarju tas-servizz.

56.      Fis-sentenzi Smits‑Peerbooms u Müller‑Fauré, iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll fis-sentenzi Inizan u Watts (51), irriżulta ċar it-tħassib tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mod kif ċerti Stati Membri japplikaw is-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel biex persuna tibbenefika minn trattament fi Stat Membru ieħor. Fuq dan il-punt, id-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq insistew fuq il-fatt li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tagħtix id-dritt li jittieħdu deċiżjonijiet diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jċaħħdu d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni mill-effettività tagħhom. Fid-dawl ta’ din il-premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel bħalma hija dik prevista biex persuna tirċievi trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor “għandha, f’kull każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jkun limitat sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju” (52).

57.      Fis-sentenza Smits‑Peerbooms, il-liġi Olandiża kkontestata ma kinitx tinvolvi lista ta’ benefiċċji, iżda kienet tinvolvi regola ġenerali li kienet tipprevedi li t-trattamenti mediċi jkunu koperti jekk huma jikkorrispondu għal dak li kien “normali fl-ambjenti professjonali kkonċernati”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dispożizzjoni daqshekk ambigwa tipperikola li fil-prattika jiġu pprivileġġati l-persuni li jipprovdu l-kura stabbiliti f’dak l-Istat meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra (53). Is-sentenza Watts enfasizzat ukoll id-diffikultà biex sistema bħalma hija dik Britannika tkun kompatibbli mad-dritt Ewropew, inkwantu l-istess sistema Britannika ma kinitx tippreċiża l-kriterji għall-għoti jew għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni minn qabel biex persuna tibbenefika minn trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor (54).

58.      B’kuntrast ma’ dak li seħħ fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, is-sistema Bulgara għażlet is-sistema tal-lista li tiġbor b’mod eżawrjenti u esklużiv it-trattamenti koperti bis-sigurtà soċjali. Għaldaqstant, id-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx is-sistema diskrezzjonali, imma sistema li tippretendi li hija oġġettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, filwaqt li toħloq dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tagħha.

59.      Fil-fatt, l-Anness 5 tar-Regolament Nru 40 li implementa l-liġi msemmija, fiha “lista ta’ mezzi ta’ trattament kliniku” koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali, li fiha jinsabu t-“trattament kirurġiku tal-glawkoma”, l-“operazzjonijiet fl-għajnejn permezz tal-lejżer jew permezz ta’ teknika krijoġenika”, l-“operazzjonijiet fiż-żona okulari” u l-“operazzjonijiet oħra fil-boċċa tal-għajn”, kif ukoll it-trattament “bir-raġġi ta’ mard onkoloġiku jew mhux onkoloġiku”. Fost dawn it-trattamenti li jaffettwaw iż-żona okulari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-trattament bir-raġġi ta’ tumur permezz ta’ proton particles segwit bit-tneħħija sussegwenti tat-tumur huwiex trattament li jaqa’ f’wiehed mill-każijiet elenkati fl-Anness 5.

60.      Kif affermat ġustament il-Kummissjoni, sistema nazzjonali li tinvolvi listi eżawrjenti li madankollu tagħti deskrizzjoni ġenerali tat-trattament, għandha tkun koerenti u tagħti lid-definizzjoni ta’ dawn it-trattamenti interpretazzjoni li hija konformi mad-diċitura tagħha. Fi kliem ieħor, għalkemm is-sistema Bulgara tiddefinixxi b’mod eżawrjenti u speċifiku ħafna t-trattamenti koperti bis-sigurtà soċjali, l-inklużjoni ta’ trattament deskritt f’termini ġeneriċi, bħalma huwa t- “trattament bir-raġġi b’teknoloġija għolja ta’ mard onkoloġiku jew mhux onkoloġiku” previst fil-punt  258 tal-Anness 5 tar-regolament ta’ implementazzjoni, ma jistax jiġi interpretat b’mod li ma jagħmilx sens. Din l-evalwazzjoni ma tfissirx li l-punt 258 iċċitat iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ kif jipproponi l-Gvern Grieg. Għall-kuntrarju, dan il-punt irid jiġi interpretat b’mod koerenti mal-għan imfittex kemm mil-liġi Bulgara kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni. F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-punt 258 iċċitat iktar ’il fuq, biex ikun konformi mal-prinċipji ta’ oġġettività, trasparenza u nondiskriminazzjoni spiss invokati fil-ġurisprudenza Komunitarja, għandu jiġi interpretat bil-mod kif qiegħed nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet.

61.      Bl-istess mod, interpretazzjoni ta’ dan it-tip trid tkun ibbażata fuq kriterji tekniċi li, għalkemm ma humiex kriterji ġuridiċi, għandhom jiffurmaw parti mill-evalwazzjoni tad-dritt imposta mis-sistema legali tal-Unjoni. Kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, is-sentenza Smits‑Peerbooms ippreċiżat li, meta jkun irid jiġi stabbilit jekk il-kura hijiex “suffiċjentement ippruvata u kkonvalidata” fil-prattika medika, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inklużi, b’mod partikolari, id-dottrina u l-istudji xjentifiċi eżistenti kif ukoll l-opinjonijiet awtorizzati ta’ speċjalisti (55).

62.      Fil-każ ineżami, ma hijiex kwistjoni li jiġi evalwat jekk it-trattament huwiex “suffiċjentement ippruvat u kkonvalidat” kif jitlob id-dritt Olandiż fis-sentenza Smits‑Peerbooms, iżda jekk hux trattament “b’teknoloġija għolja”. Naturalment, id-definizzjoni ta’ din l-espressjoni taqa’ fil-kompitu esklużiv tal-qorti tar-rinviju, li madankollu trid tieħu inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija preċedentement mill-ġurisprudenza. Għaldaqstant, meta tkun qiegħda tevalwa jekk trattament huwiex ta’ teknoloġija għolja jew le skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju trid tagħmel evalwazzjoni prudenti peress li jeżistu tekniki ta’ dan it-tip li minħabba l-kumplessità tagħhom ma humiex komuni fil-prattika medika. Wieħed jista’ jagħmel linja ta’ distinzjoni bejn trattament “b’teknoloġija għolja” normali u trattament li ma huwiex, billi juża bħala kriterju n-natura sperimentali ta’ dak it-trattament. Għaldaqstant, jekk it-trattament preskritt jeżiġi l-użu ta’ teknika “b’teknoloġija għolja” din it-teknika taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, sakemm ma tkunx ta’ natura sperimentali. Skont il-ġurisprudenza Smits‑Peerbooms, id-definizzjoni ta’ din il-karatteristika trid tingħata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inklużi, b’mod partikolari, id-dottrina u l-istudji xjentifiċi eżistenti kif ukoll l-opinjonijiet awtorizzati ta’ speċjalisti.

63.      Fid-dawl ta’ dawn il-kriterji ta’ interpretazzjoni, hija il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. Hija din l-istess qorti ukoll li għandha tagħmel analiżi fattwali f’dak li jikkonċerna n-natura sperimentali tat-trattament ta’ teknoloġija għolja użat fil-każ. Madankollu, din l-evalwazzjoni trid tkun kompatibbli mal-kriterji tad-dritt tal-Unjoni proposti f’dawn il-konklużjonijiet. Dan iwassalni sabiex nipproponi li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 irid jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix sistema bħalma hija dik prevista fl-Anness 5 tar-Regolament Nru 40 tal-2004, inkwantu dan, filwaqt li huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, jippermetti li jkunu magħrufa t-trattamenti li jinsabu f’dak id-dokument. Meta d-dritt nazzjonali jaħdem b’sistema ta’ lista, u jipprovdi għal trattament b’mod ġeneriku permezz tar-riferiment għal prattiċi “b’teknoloġija għolja”, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk it-trattament meħud għandux jew le natura sperimentali fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inklużi, b’mod partikolari, id-dottrina u l-istudji xjentifiċi eżistenti kif ukoll l-opinjonijiet awtorizzati ta’ speċjalisti, u dan sabiex id-dritt mogħti mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jispiċċax mingħajr ebda sens.

2.      Fuq il-preżunzjoni tan-nuqqas ta’ kopertura f’każ fejn it-trattament ma jkunx iffinanzjat mill-baġit tal-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (l-ewwel domanda)

64.      Fl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni huwiex konformi mal-preżunzjoni li biha, f’każ fejn trattament ma jkunx iffinanzjat mill-finanzi tal-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, iżda jkun previst fil-liġi nazzjonali, dak it-trattament irid jitqies li ma jaqax taħt is-sistema (tas-saħħa nazzjonali). Din id-domanda tmiss punt importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma żviluppatx, li huwa dak tal-insuffiċjenza tal-mezzi biex jingħataw trattamenti mediċi ggarantiti u l-kompatibbiltà ta’ dan l-istat ta’ fatt mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

65.      Ħlief għall-Bulgarija u għar-Renju Unit, l-Istati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, kif ukoll il-Kummissjoni, jaqblu li din il-preżunjoni ma hijiex iġġustifikata bl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fehma tagħhom, kieku kellha tingħata din l-interpretazzjoni, dan iwassal biex id-dritt li kull pazjent għandu biex jibbenefika minn servizz ta’ sptar fi Stat Membru ieħor ma jkollu ebda sens, filwaqt li jitħalla f’idejn kull awtorità nazzjonali (u tal-fondi disponibbli) biex tiżgura l-effettività tar-regolament. Mill-banda l-oħra, il-Bulgarija u r-Renju Unit isostnu li din il-preżunzjoni hija koerenti mad-disponibbiltà tar-riżorsi ta’ kull Stat, u din il-preżunzjoni hija ta’ benefiċċju jew ta’ ħsara għall-pazjenti kollha bl-istess mod, indipendentement minn jekk dawn l-istess pazjenti iridux jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jew le.

66.      Mid-domandi kollha magħmula f’din il-kawża, din hija l-unika domanda li ma hemmx soluzzjoni konkreta għaliha fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, ir-risposta li għandha tingħatalha tista’ tirriżulta kemm mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq kif ukoll mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

67.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn Stati Membri iktar diffiċli mill-provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (56). Ir-Regolament Nru 1408/71, li l-għan tiegħu hu li jrendi kompletament effettivi l-libertajiet tal-moviment fil-qasam speċifiku tas-sigurtà soċjali, għandu l-istess għan u għaldaqstant, għall-istess raġunijiet, jipprekludi kull interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tiegħu f’sens li jirrendi s-sitwazzjoni tal-prestatarji tas-servizzi li jinsabu fi Stati Membri oħra f’waħda agħar minn dik tal-prestatarji fl-Istat ta’ residenza (57). Fid-dawl ta’ din il-premessa, jeħtieġ li tingħata attenzjoni kbira lil kull prassi jew leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti prijorità, diretta jew indiretta, lill-prestatarji tas-servizzi nazzjonali fuq il-prestatarji ta’ Stati Membri oħra. Il-preżunzjoni applikata mill-Qorti Suprema Amministrattiva tal-Bulgarija meta applikat l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 trid manifestament tiġi kkunsidrata bħala limitazzjoni f’dan is-sens.

68.      Madankollu, minkejja n-natura restrittiva ta’ din l-interpretazzjoni, jeħtieġ li jiġi ddedikat ftit ħin biex jiġi evalwat jekk il-preżunzjoni inkwistjoni għandhiex marġni li jippermetti li hija tiġi ddikjarata kompatibbli ma’ dan ir-regolament. Għal dan il-għan, il-Bulgarija llimitat ruħha biex tirrepeti li t-trattament preskritt ma huwiex previst fil-leġiżlazzjoni tagħha, mingħajr ma daħlet konsegwentement fuq il-potenzjal preġudizzjevoli tal-preżunzjoni. Mill-banda l-oħra, ir-Renju Unit sostna li l-proton therapy, minħabba l-kumplessità u l-ispiża għolja tagħha, tiġġustifika li tingħata interpretazzjoni bħal dik li tat il-Qorti Suprema Amministrattiva tal-Bulgarija. Din l-interpretazzjoni tippreżumi li l-integrità finanzjarja tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tkun mhedda jekk il-pazjenti jkunu awtorizzati jaċċedu fi Stati Membri oħra għal trattamenti daqshekk avvanzati u għolja.

69.      Dawn l-argumenti ma jikkonvinċunix.

70.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnutat li l-preżunzjoni kkontestata ma hijiex imsemmija espressament fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, u lanqas ma tinsab f’ebda artikolu ieħor tal-istess regolament. Għaldaqstant, din hija eċċezzjoni għal dritt mogħti mid-dritt Ewropew f’termini ċari u eżawrjenti. Jekk ma’ dan, kif indikajt fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiżdied il-fatt li l-miżura jibbenefikaw minnha l-prestatarji ta’ servizzi Bulgari mqabbla mal-prestatarji ta’ Stati Membri oħra, allura għandu jiġi miċħud a priori kull approċċ li jimplika preżunzjoni bħal dik li qegħdin nitkellmu fuqha.

71.      Fit-tieni lok, l-argument fejn jingħad li preżunzjoni ta’ dan it-tip ma tipproteġix l-integrità finanzjarja tal-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa huwa dgħajjef ukoll. Kif jindikaw l-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Istati huma l-awtoritajiet kompetenti biex jistabbilixxu t-trattamenti li biex ikunu koperti trid tingħata awtorizzazzjoni għalihom biex persuna tkun tista’ tibbenefika minnhom fi Stati Membri oħra (58). Dan ifisser li r-responsabbiltà biex tiġi ddefinita b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju l-lista ta’ servizzi koperti bis-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom taqa’ fuq l-Istati Membri. Jekk il-finanzi ta’ Stat Membru ma jippermettulux li jipprovdi trattament bħalma huwa l-proton therapy, huwa dan l-Istat li għandu l-fakultà li ma jniżżlux fil-lista ta’ servizzi koperti bl-assigurazzjoni. Fil-każ ineżami, kieku l-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li t-trattament preskritt huwa previst fil-leġiżlazzjoni Bulgara (kif jidher li jindikaw ir-rapporti tal-esperti ppreżentati quddiem il-qrati nazzjonali), il-fatt li l-istess trattament jingħata fi Stat Membru ieħor irid jirriżulta minn deċiżjoni adottata liberament mill-awtoritajiet Bulgari. F’ebda każ id-dritt tal-Unjoni ma għandu jitqies li qiegħed ikabbar il-lista ta’ trattamenti koperti mis-sistema nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

72.      Fit-tielet lok, għandu jiżdied ukoll l-argument tal-effikaċità. Sistema bħalma hija s-sistema Bulgara, li l-lista ta’ trattamenti koperti mill-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tagħha hija avvanzata ħafna, tibbenefika, minħabba s-sempliċi fatt li l‑Bulgarija hija parti mill-Unjoni Ewropea, mill-konoxxenza u t-teknoloġija tal-Istati Membri li għandhom mezzi tekniċi li taspira għalihom il-Bulgarija. Jekk Stat Membru jixtieq ikun fuq quddiem fir-rigward tat-trattamenti mediċi (ħaġa li naturalment tieħu ż-żmien), id-dritt tal-Unjoni jippermetti liċ-ċittadini tiegħu sabiex jirċievu fi Stat Membru ieħor it-trattament li l-ewwel Stat Membru jixtieq jipprovdilhom taħt id-dritt nazzjonali, iżda li fil-mument ma huwiex f’pożizzjoni li joffrilhom. Barra minn hekk, meta Stat jipprevedi trattament speċifiku taħt il-leġiżlazzjoni interna tiegħu, ir-rieda sabiex jiġi pprojbit li wieħed miċ-ċittadini tal-istess Stat jieħu tali trattament fi Stat Membru ieħor mhux biss tmur kontra r-regoli li jirregolaw is-suq intern, iżda tikkontribwixxi wkoll għat-tfarrik ta’ settur li jeżiġi l-kollaborazzjoni u t-tqassim tal-mezzi, tal-konoxxenzi u tal-kompetenzi professjonali, bħalma huwa s-settur tas-saħħa. L-approċċ addottat mill-Gvern Bulgaru mhux biss imur kontra l-effikaċità tas-sistema fil-konfront taċ-ċittadini fi ħdan l-Istat Membru inkwistjoni, iżda jmur ukoll kontra s-settur Ewropew kollu tas-saħħa, li l-funzjonament konġunt tiegħu jsaħħaħ fuq kollox l-effikaċità, il-kwalità u l-għarfien tas-servizzi tas-saħħa ta’ kull Stat Membru.

73.      Fid-dawl tas-suespost, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-preżunzjoni li biha jitqies li trattament li jkun kontemplat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li ma huwiex iffinanzjat mill-finanzi tal-Fond Nazzjonali, ma huwiex kopert bis-sigurtà soċjali nazzjonali.

3.      Fuq il-possibbiltà li jiġi offrut trattament alternattiv fil-pajjiż ta’ residenza, li huwa inqas effikaċi u iktar radikali (it-tieni domanda)

74.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità kompetenti hija obbligata toħroġ l-awtorizzazzjoni “fejn hija [persuna] ma tistax tingħata tali kura fiż-żmien normali neċessarju għall-ksib tal-kura inkwistjoni fl-Istat Membru tar-residenza waqt li tieħu inkonsiderazzjoni l-Istat [l‑istat] ta’ saħħitha u l-kors probabbli tal-marda”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk din id-dispożizzjoni tippermettix lil Stat Membru li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta fit-territorju tiegħu jeżistu trattamenti ekwivalenti li huma inqas effikaċi u iktar radikali. B’mod konkret, għandu jiġi analizzat jekk it-tneħħija sħiħa tal-għajn marida (tneħħija tal-għajn mill-ħofra tagħha) hijiex trattament ekwivalenti għall-proton therapy.

75.      Għal darba oħra, l-Istati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet ma jaqblux fuq din il-kwistjoni. Minn banda, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja, il-Finlandja, il-Greċja kif ukoll il-Kummissjoni jiddefendu approċċ flessibbli, li jeżamina każ b’każ iċ-ċirkustanzi ta’ kull pazjent, sabiex jiġi stabbilit jekk jeżistux mezzi alternattivi fl-Istat ta’ residenza, u dan fi żmien raġonevoli. Mill-banda l-oħra, il-Bulgarija, Spanja u r-Renju Unit jagħtu interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 u jsostnu li huwa biss meta ebda wieħed mit-trattamenti disponibbli, inklużi t-trattamenti alternattivi, ma jkun jista’ jiġi pprovdut fi żmien xieraq fl-Istat ta’ residenza, li għandha tingħata din l-awtorizzazzjoni.

76.      Qabel xejn, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tiddeċiedi din il-kwistjoni fis-sentenza Pierik, fejn iddikjarat li “sakemm l-istituzzjoni kompetenti taċċetta li l-kuri inkwistjoni jikkostitwixxu trattament neċessarju u effikaċi tal-marda, il-kundizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1408/71 tkun sodisfatta” (59). Huwa minnu li l-pożizzjoni stabbilita b’din is-sentenza ġiet sussegwentement mibdula mil-leġiżlatur Ewropew, meta huwa introduċa dimensjoni temporali fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-regolament iċċitat iktar ’il fuq (60). Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smits‑Peerbooms u Müller‑Fauré ’il quddiem, naqqset mill-ġdid il-portata tal-element temporali u dan kif ġara fis-sentenza Pierik.

77.      Fil-fatt, għalkemm dawn is-sentenzi huma istanzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja applikat direttament l-Artikolu 56 TFUE u mhux ir-Regolament Nru 1408/71, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li awtorità nazzjonali ma tistax tirrifjuta l-awtorizzazzjoni biex jittieħed trattament fi Stat Membru ieħor ħlief “jekk tista’ tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li miegħu l-fond ta’ assigurazzjoni kontra l-mard tal-persuna assigurata jkun ikkonkluda ftehim” (61). Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata fis‑sentenzi Inizan (62) u Watts (63), fejn kien japplika r-Regolament Nru 1408/71, u għaldaqstant sar bilanċ fil-ġurisprudenza bejn l-interpretazzjoni tat-Trattat u l-interpretazzjoni tad-dritt sekondarju. Minn dan għandu jiġi dedott li huma biss it-trattamenti nazzjonali li huma ta’ ekwivalenza sinjifikattiva li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni biex jittieħed trattament fi Stat Membru ieħor.

78.      Biex jiġi evalwat il-livell ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll f’dawn is-sentenzi l-kriterji li għandhom jiġu osservati. Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk trattament li għandu l-istess livell ta’ effikaċja għall-pazjent jistax jinkiseb fi żmien xieraq fl-Istat Membru ta’ residenza, l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkunsidra “ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw kull każ konkret, billi tikkunsidra b’mod xieraq, mhux biss is-sitwazzjoni medika tal-pazjent meta tintalab l-awtorizzazzjoni u, jekk ikun hemmm bżonn, il-livell ta’ uġieħ jew in-natura tad-diżabbiltà ta’ dan ta’ l-aħħar, li tista’, per eżempju, tagħmila impossibbli jew diffiċli wisq għalih li jeżerċita attività professjonali, iżda wkoll l-istorja klinika ta’ dan ta’ l-aħħar” (64).

79.      F’dan l-istadju, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika l-kriterji indikati għall-każ ineżami. Biex niġbor fil-qosor dak li għidt iktar ’il fuq, ngħid li l-qorti għandha, fl-ewwel lok, tevalwa jekk it-trattament preskritt jistax jingħata fl-Istat ta’ residenza fi żmien xieraq. Jekk dan ma jkunx il-każ, hija jkollha teżamina l-eżistenza eventwali ta’ trattamenti paralleli f’dak l-Istat. F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-fajl, hemm biss trattament wieħed parallel: it-tneħħija sħiħa tal-għajn marida (jew tneħħija tal-għajn mill-ħofra tagħha). Il-qorti tar-rinviju tkun imbagħad marbuta li tevalwa n-natura ekwivalenti tat-trattament alternattiv fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fis-sentenzi Smits‑Peerbooms et seq iċċitati f’dan id-dokument.

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi għat-tieni domanda billi tiddikjara li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni biex jittieħed trattament fi Stat Membru ieħor ma tistax tkun irrifjutata ħlief jekk tista’ tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li miegħu l-fond ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tal-persuna assigurata jkun ikkonkluda ftehim.

C –    Fuq ir-rimbors tal-ispejjeż tal-persuna assigurata (is-seba’ domanda)

81.      Fis-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar kif l-ispejjeż tal-persuna affiljata għandhom jitħallsu lura mill-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa fil-każ fejn ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni għat-trattament barra mill-pajjiż titqies bħala li hija illegali.

82.      Fuq dan il-punt, G. Elchinov, l-Istati li ppreżentaw osservazzjonijiet u l-Kummissjoni jaqblu kollha dwar l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Vanbraekel, Inizan u Watts.

83.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-istituzzjoni kompetenti tirrifjuta talba għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, u sussegwentement jiġi stabbilit, jew mill-istituzzjoni kompetenti stess, jew minn deċiżjoni ġudizzjarja, li dak ir-rifjut kien infondat, dik il-persuna assigurata “hija intitolata tikseb il-ħlas lura direttament mill-istituzzjoni kompetenti ta’ ammont ekwivalenti għal dak li normalment kien ikun tħallas li kieku l-awtorizzazzjoni kienet ingħatat debitament mill-bidu nett” (65). Konsegwentement, kif esponejt fil-punti 48 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, G. Elchinov għandu d-dritt jitlob ir-rimbors b’mod dirett, mingħajr ma jkollu jitlob awtorizzazzjoni, dejjem jekk xi awtorità nazzjonali tkun ikkonstatat il-legalità tal-pretensjonijiet tiegħu.

84.      F’dak li jikkonċerna l-ammont li għandu dritt għalih G. Elchinov, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll f’diversi okkażjonijiet li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex intiż li jirregola l-ispejjeż sostnuti minħabba kura pprovduta fi Stat Membru ieħor (66). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat ukoll li l-ammont tar-rimbors huwa kwistjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattati, u b’mod konkret tal-Artikolu 56 TFUE. Għal dan il-għan, fis-sentenza Vanbraekel iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-fatt li persuna assigurata jkollha livell ta’ assigurazzjoni inqas vantaġġuż meta hija tirċievi kura fi sptar fi Stat Membru ieħor milli meta hija tirċievi l-istess kura fl-Istat Membru fejn hija assigurata “jista’ jiskuraġġixxi jew anke jwaqqaf lill-dik il-persuna milli tuża s-servizzi mediċi ta’ dawk li jkunu stabbiliti fi Stati Membri oħra u jikostitwixxi, kemm għall-persuna assigurata kif ukoll għal dawk li jipprovdu s-servizzi, ostaklu għall-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi” (67). Għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 56 TFUE, l-Istat ta’ residenza huwa obbligat iħallas lura l-ispejjeż sostnuti minħabba kura fi sptar ipprovduta fi Stat Membru ieħor, skont id-dispożizzjonijiet u t-tariffi fis-seħħ (tal-Istat ta’ residenza jew tal-Istat fejn tittieħed il-kura) li huma l-iktar favorevoli għall-persuna assigurata (68).

85.      Dan ir-riżultat huwa differenti ħafna minn dak miksub meta l-persuna assigurata tirċievi kura fi sptar fi Stat Membru ieħor barra mill-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-persuni assigurati għandhom dritt biss għall-assigurazzjoni fil-limiti tal-kopertura ggarantita lilhom mis-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn huma assigurati (69). Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ G. Elchinov peress li huwa uża l-proċedura taħt l-Artikolu 22 iċċitat iktar ’il fuq u peress li huwa fetaħ kawża quddiem il-qrati ta’ pajjiżu fejn invoka din id-dispożizzjoni.

86.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għas-seba’ domanda preliminari billi tiddikjara li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex intiż li jirregola l-ispejjeż sostnuti minħabba l-kura pprovduta fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, Stat Membru huwa obbligat li jħallas lura l-ispejjeż sostnuti minħabba kura fi sptar ipprovduta fi Stat Membru ieħor, skont id-dispożizzjonijiet u t-tariffi fis-seħħ li huma l-iktar favorevoli għall-persuna assigurata.

D –    Fuq is-setgħat tal-qorti tar-rinviju biex tiggarantixxi d-drittijiet ikkontemplati fl-Artikolu 22(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1408/71 (is-sitt domanda)

87.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-proċedura li għandha tintuża wara li r-rifjut tal-awtorizzazzjoni lil G. Elchinov, ikun ġie ddikjarat illegali. B’mod iktar konkret, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fil-każ fejn id-deċiżjoni tkun favur ir-rikorrent, hija tistax tobbliga lill-awtorità ta’ amministrazzjoni biex toħroġ l-awtorizzazzjoni.

88.      Preliminarjament, għandu jitfakkar għal darba oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Vanbraekel, iddikjarat li l-persuna assigurata li jkun ġie deċiż li għandha dritt tikseb l-awtorizzazzjoni a posteriori “hija intitolata tikseb il-ħlas lura direttament mill-istituzzjoni kompetenti” tal-ammont li l-istituzzjoni suppost tkun ħallsitha (70). Dan ifisser li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE, jippermetti lill-qorti tar-rinviju li tirrikjedi mhux biss l-awtorizzazzjoni, iżda wkoll li jitħallas l-ammont dovut, u dan sabiex tirrettifika s-sitwazzjoni ġuridika inkwistjoni.

89.      Madankollu, kif irrilevaw il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, din il-kwistjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali u għandha tiġi rregolata billi jiġu applikati l-proċeduri previsti fid-dritt intern (71). Inkwantu l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni adottati eventwalment mill-qorti tar-rinviju jkunu konformi mal-prinċipji tal-effikaċità u tal-ekwivalenza tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha tirreferi għal dawn il-proċeduri. Madankollu, jekk dik il-qorti għandha s-setgħa, skont id-dritt nazzjonali tagħha, li teżiġi l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni f’din il-kawża, ikun stramb li hija ma jkollhiex is-setgħa biex tordna li jitħallas l-ammont dovut mill-Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. F’dak il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tali trattament differenti huwiex konformi mal-prinċipju tal-effettività (72).

90.      Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi, jekk ikun il-każ, għas-sitt domanda preliminari billi tiddikjara li hija l-qorti tar-rinviju li għandha, skont il-prinċipju tal-awtonomija istituzzjonali tal-Unjoni, tistabbilixxi r-rimedji proċedurali opportuni, kif previsti fid-dritt nazzjonali, biex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika d-dritt nazzjonali skont il-prinċipji tal-Unjoni dwar l-effettività u l-ekwivalenza.

VI – Konklużjoni

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u skont l-ordni użata f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Administrativen sad Sofia grad billi tiddikjara kif ġej:

“Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li qorti nazzjonali, bħall-Administrativen sad Sofia grad f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura li fiha tkun diġà ttieħdet l-ewwel deċiżjoni, tkun obbligata bid-dritt nazzjonali tagħha, wara li l-kawża tiġi rrinvjata lilha, tosserva l-istruzzjonijiet li jkunu jinsabu fid-deċiżjoni ta’ annullament mogħtija mill-qorti superjuri fl-istess proċeduri”.

92.      F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din ir-risposta għat-tielet domanda preliminari, nipproponi li hija tirrispondi għad-domandi rimanenti billi tiddikjara dan li ġej:

“1)       L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni bħalma hija l-Artikolu 36(1) tal-Liġi Bulgara dwar is-Sigurtà Soċjali, inkwantu din tintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel biex persuna tkun tista’ tibbenefika minn trattament fi sptar fi Stat Membru ieħor u fi kwalunkwe każ, salv li din il-liġi ma tipprekludix lill-applikant milli jitlob ir-rimbors a posteriori, fil-każijiet fejn jiġi stabbilit, mill-istituzzjoni kompetenti stess jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, li r-rifjut tat-talba korrispondenti ma kienx iġġustifikat.

2)       L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–      ma jipprekludix sistema bħalma hija dik prevista fl-Anness 5 tar-Regolament Nru 40 tal-2004, inkwantu dan, safejn huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa minn qabel, jippermetti li jkunu magħrufa t-trattamenti li jinsabu f’dak l-anness. Meta d-dritt nazzjonali jaħdem b’sistema ta’ lista, u trattament partikolari jkun imsemmi b’mod ġeneriku permezz tar-referenza għal prattiċi “b’teknoloġija għolja”, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk it-trattament meħud għandux jew le natura sperimentali fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, inklużi, b’mod partikolari, id-dottrina u l-istudji xjentifiċi eżistenti kif ukoll l-opinjonijiet awtorizzati ta’ speċjalisti, u dan sabiex id-dritt mogħti mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jispiċċax mingħajr ebda sens.

–      jipprekludi l-preżunzjoni li biha jitqies li trattament li jkun kontemplat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda li ma huwiex iffinanzjat mill-baġit tal-Fond Nazzjonali, ma huwiex kopert bis-sigurtà soċjali nazzjonali.

–      l-awtorizzazzjoni biex jittieħed trattament fi Stat Membru ieħor ma tistax tkun irrifjutata ħlief jekk tista’ tingħata l-istess kura jew kura daqstant ieħor effettiva għall-pazjent mingħajr dewmien fi stabbiliment li miegħu l-fond ta’ assigurazzjoni tas-saħħa tal-persuna assigurata jkun ikkonkluda ftehim.

3)       L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex intiż li jirregola l-ispejjeż sostnuti minħabba l-kura pprovduta fi Stat Membru ieħor. Madankollu, l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħala dawk ta’ din il-kawża, Stat Membru huwa obbligat li jħallas lura l-ispejjeż sostnuti minħabba kura fi sptar ipprovduta fi Stat Membru ieħor, skont id-dispożizzjonijiet u t-tariffi fis-seħħ li huma l-iktar favorevoli għall-persuna assigurata.

4)       Skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Unjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi r-rimedji proċedurali opportuni, kif previsti fid-dritt nazzjonali, sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika d-dritt nazzjonali skont il-prinċipji tal-Unjoni dwar l-effettività u l-ekwivalenza”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, Ġabra p. I‑10239); tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C‑453/00, Ġabra p. I-837) u tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑129/00, Ġabra p. I‑14637).


3 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf, 166/73, Ġabra p. 33.


4 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35).


5 – Sentenza Rheinmühlen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4.


6 – Ibid.


7 – Huwa dan il-mod li bih ġiet interpretata din is-sentenza minn mindu ngħatat, u dan kif jirriżulta mill-kitbiet ta’ dak iż-żmien ta’ G. Bebr, Europarecht, 1974, p. 354; A. Winter, Common Market Law Review, 1974, p. 210; T. Hartley, Article 177 EEC: appeals against an order to refer, European Law Review, 1975, p. 48.


8 – Sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq.


9 – F’dan ir-rigward, ara l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet fil-kawża Köbler, għal dak li jikkonċerna r-referiment għar-responsabbiltà tal-Istat derivanti mill-fatt tal-attività ġudizzjarja tal-Istati Membri (punti 77 sa 89).


10 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003 (C‑129/00, Ġabra p. I‑4637).


11 – Sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35; sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32.


12 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT (283/81, Ġabra p. 3415). Fuq l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza fil-kuntest tar-responsabbiltà finanzjarja u l-inadempjenzi ġudizzjarji, ara rispettivament is-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑154/08, Ġabra p. I-187), punti 64 u 65.


13 – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali tat-22 ta’ Ottubru 1986, BVerfGE 73, 339, ikkonfermata sussegwentement bis-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1990, BVerfGE 82, 159.


14 – Sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-11 ta’ Diċembru 1995, B 2300/95 WBl 1996, 24.


15 – Sentenza tat-Tribunal Constitucional 58/2004, ikkonfermata sussegwentement bis‑sentenza 194/2006.


16 – Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tat-30 ta’ Ġunju 2008, IV. ÚS 154/08 u tal-24 ta’ Lulju 2008, III. ÚS 2738/07, ikkonfermata sussegwentement bis-sentenza tat-8 ta’ Jannar 2009, II. ÚS 1009/08.


17 – Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tad-29 ta’ Mejju 2007, III. ÚS 151/07 u tat-3 ta’ Lulju 2008, IV ÚS 206/08.


18 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq.


19 – Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix ir-revoka tal-att bil-patt li jkunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet : jeħtieġ (a) li l-qorti amministrattiva kkonċernata jkollha s-setgħa, skont id-dritt nazzjonali, biex terġa’ tirrevedi dik id-deċiżjoni ; (b) id-deċiżjoni inkwistjoni tkun saret finali b’riżultat ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza ; (ċ) l-imsemmija sentenza tkun, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju li tkun ġiet adottata mingħajr ma jkun sar rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 234(3) KE, u (d) il-persuna kkonċernata tkun irrikorriet quddiem l-awtorità amministrattiva immedjatament wara li saret taf bil-ġurisprudenza msemmija.


20 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, Ġabra p. I-2585).


21 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 21.


22 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C‑392/04 u C‑422/04, Ġabra p. I‑8559); tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C‑2/06, Ġabra p. I-411) u tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, Ġabra p. I‑7501).


23 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C‑119/05, Ġabra p. I‑6199).


24 – Ara A. Alemanno, La responsabilità dello Stato nei confronti dei privati per le violazioni commesse dai giudici di ultima istanza, f’F. Spitalero, Il risarcimento dei danni causati da sentenze definitive, f’L'incidenza del Diritto Comunitario e della CEDU sugli atti nazionali definitivi, Giuffrè, Milano, 2009, p. 65 sa 72.


25 – Fuq l-istess linja, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Wiener, ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 1997 (C‑338/95, Ġabra p. I-06495), punti 40 et seq; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-Kawża Gaston‑Schul, ippreżentati fit-30 ta’ Ġunju 2005 (C‑461/03, Ġabra p. I‑10513, punti 80 sa 87).


26 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35), u tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 31); tas-26 ta’ Marzu 1996, British Telecommunications (C‑392/93, Ġabra p. I‑1631, punt 38); tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas, C‑5/94, Ġabra p. I‑2553, punt 24); tat-8 ta’ Ottubru 1996, Dillenkofer et (C‑178/94, C‑179/94 u C‑188/94 sa C‑190/94, Ġabra p. I‑4845, punt 20); u tat-2 ta’ April 1998, Norbrook Laboratories, (C‑127/95, Ġabra p. I‑1531, punt 106).


27 – Ara, bħala eżempju u f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ G. Elchinov, il-Kawża reċenti Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, li għadha ma ġietx deċiża), li tikkonsisti fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li nbdiet wara ilment ta’ ċittadin Franċiż, Chollet, residenti fi Spanja u affiljat mas-sistema ta’ sigurtà soċjali Spanjola. Wara li kien ġie rikoverat fi sptar matul il-permanenza tiegħu fi Franza, l-istituzzjoni kompetenti Spanjola ċaħdet it-talba għar-rimbors ta’ Chollet fir-rigward tal-ispejjeż li l-isptar inkwistjoni talbu jħallas skont il-leġiżlazzjoni Franċiża (dak li jgħidulu t-“ticket modérateur”), u huwa dan li wassal għall-ilment mal-Kummissjoni, li fil-fatt wassal għall-proċeduri msemmija.


28 – Konklużjonijiet tal-24 ta’ Marzu 2009, punt 54.


29 – Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-evalwazzjoni ex officio tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-istess approċċ ibbażat fuq iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, ara (u pparaguna) is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen (C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705), Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599) u tal-25 ta’ Novembru 2008, Heemskerk u Schaap (C‑455/06, Ġabra p. I-8763).


30 – Il-Qorti Kostituzzjonali Bulgara (Artikolu 149 tal-Kostituzzjoni Bulgara) ma tistax tisma’ kawżi miftuħa direttament minn individwu għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu.


31 – К Пенчев, И. Тодоров, Г. Ангелов и Б. Йорданов, Административнопроцесуален кодекс – Коментар, Първо издание, София 2006, чл. 224, ал. 2.


32 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra p. I‑9641).


33 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf (146/73, Ġabra p. 139).


34 – Fuq dan is-suġġett, ara R. Alonso García, Cuestión prejudicial comunitaria y autonomía procesal nacional: a propósito del asunto Cartesio, “Revista Española de Derecho Europeo”, Nru 30, 2009, p. 209 sa 211, u J.-C. Barbato, Le droit communautaire et les recours internes exercés contre les ordonnances de renvoi, “Revue Trimestrielle de Droit européen”, Nru. 2, 2009, p. 280 et seq.


35 – Sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95.


36 – Ibid, punt 96.


37 – Il-każ ikun differenti meta tiġi applikata l-ġurisprudenza li tirriżulta mis‑sentenza Rheinmühlen I meta jinbdew proċeduri ġodda li ma jirrigwardawx is-saħħa proċedurali tar-res judicata formali ta’ deċiżjoni ta’ qorti superjuri. Dan ġara fis-sentenza reċenti ERG (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑378/08, Ġabra p. I-1919), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja invokat is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, iżda f’kuntest fejn il-partijiet kienu fetħu kawża ġdida kontra atti amministrattivi li kienu differenti minn dawk li kienu ġew ikkontestati fil-kawża li wasslet għas-sentenza li preċedentement kienet saret res judicata.


38 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p. 3045, punt 21); tat-3 ta’ Frar 1983, Robards (149/82, Ġabra p. 171, punt 19); u tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, Ġabra p. I-4871, punt 25).


39 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Decker (C‑120/95, Ġabra p. I‑1831) u tat-28 ta’ April 1998, Kohl (C‑158/96, Ġabra p. I‑1931).


40 – Sentenza Decker, punti 35 u 36, u s-sentenza Kohl, punti 34 u 35.


41 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1978, Pierik (117/77, Ġabra p. 825) u tal-31 ta’ Mejju 1979, Pierik (182/78, Ġabra p. 1977).


42 – Punti 17 sa 24, kif ukoll il-punt 32 tal-konklużjonijiet ippreżentati flimkien fis-16 ta’ Settembru 1997 fil-Kawżi Decker u Kohl, iċċitati iktar ’il fuq.


43 – Sentenza Decker, punti 22 sa 25, u s-sentenza Kohl, punti 20 sa 21.


44 – Sentenza Kohl, punti 31 sa 35. Din hija preċiżazzjoni li diġà saret mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377), iżda li ma kinitx tapplika għall-qasam mediku qabel is-sentenza Kohl, iċċitata iktar ’il fuq.


45 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, Ġabra p. I‑5473) u tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller‑Fauré u van Riet (C‑385/99, Ġabra p. I‑4509).


46 – Sentenza Smits‑Peerbooms, punt 76 u s-sentenza Müller‑Fauré, punt 77.


47 – Ibid.


48 – Sentenza Smits‑Peerbooms, punt 82 u s-sentenza Müller-Fauré, punt 83.


49 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Vanbraekel et (C‑368/98, Ġabra p. I‑5363).


50 – Sentenza Vanbraekel, punt 34. Fl-istess sens, ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2004, Leichtle (C‑8/02, Ġabra p. I‑2641, punt 55), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer f’din il-kawża, fil-punt 41.


51 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Inizan (C‑56/01, Ġabra p. I‑12403) u tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts (C‑372/04, Ġabra p. I‑4325).


52 – Ara s-sentenza Smits‑Peerbooms, punt 90; is-sentenza Müller‑Fauré, punt 85; is‑sentenza Inizan, punt 57 u s-sentenza Watts, punt 116.


53 – Sentenza Smits‑Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96.


54 – Sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118.


55 – Sentenza Smits‑Peerbooms, punt 98.


56 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑381/93, Ġabra p. I‑5145), punt 17; is-sentenza Kohl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; Smits u Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61; u s-sentenza Watts iċċitata iktar ’il fuq, punt 94.


57 – Ara l-ewwel u t-tieni premessi tar-Regolament Nru 1408/71.


58 – Ara, inter alia, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Decker, punti 21 sa 24; Kohll, punti 17 sa 20; Smits‑Peerbooms, punti 53 sa 58; Vanbraekel, punti 40 sa 44; Müller‑Fauré, punti 38 sa 43; Inizan, punti 16 sa 18 u Watts, punti 90 sa 92.


59 – Sentenzi Pierik II, iċċitati iktar ’il fuq, punt 13.


60 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2793/81, tas-17 ta’ Settembru 1981, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, u r-Regolament (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 (ĠU L 275, p. 1).


61 – Sentenza Smits‑Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 103 u s-sentenza Müller Fauré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89.


62 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 45.


63 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 61.


64 – Sentenza Smits‑Peerbooms, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104; sentenza Müller‑Fauré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90; sentenza Inizan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46 u s‑sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62.


65 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34.


66 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36.


67 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45.


68 – Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja stess “l-Artikolu 22(1)(c)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu bħala għan li jagħti dritt għal servizzi in natura mogħtija, f’isem l-istituzzjoni kompetenti, mill-istituzzjonijiet tal-post fejn tingħata l-kura, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn jingħataw dawn is-servizzi, bħallikieku l-persuna kkonċernata kienet irreġistrata ma’ din l-istituzzjoni (ara s-sentenza Inizan, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). L-applikabbiltà ta' l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1408/71 għall-każ in kwistjoni ma teskludix li l-persuna kkonċernata jista’ fl-istess ħin ikollha, skond l-Artikolu 49 KE, dritt ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor taħt kundizzjonijiet dwar l-assunzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas ta’ l-ispejjeż differenti minn dawk previsti mill-imsemmi Artikolu 22” (sentenza Watts iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).


69 – Sentenza Müller‑Fauré, iċċitata iktar ’il fuq, punt 106. Fuq id-differenzi fis-sistema tar-rimbors skont id-dispożizzjoni applikabbli, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-Kawżi Decker u Kohl, iċċitati iktar ’il fuq, punti 26 sa 34.


70 – Sentenza Vanbraekel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34.


71 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, Ġabra p. I‑415, punti 26 u 27); tad‑9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (C‑465/93, Ġabra p. I‑3761, punt 39); tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C-194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 104); tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C‑78/98, Ġabra p. I‑3201, punt 31); tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 67), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, Ġabra p. I‑2271, punt 79).


72 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1982, Birke vs Il‑Kummissjoni u Il-Kunsill (543/79, Ġabra p. 2669, punt 28) u tat-12 ta’ Novembru 1981, Bruckner vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill (799/79, Ġabra p. 2697, punt 19); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 66); tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et (C‑310/97 P, Ġabra p. I‑5363, punt 59); u s-sentenza Köbler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57.