KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis‑7 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑159/09

Lidl SNC

vs

Vierzon Distribution SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de commerce de Bourges, Franza)

“Reklamar komparattiv – Paragun ta’ prezzijiet ipprattikati minn ktajjen ta’ supermarkits kompetituri – Prodotti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan”





1.        Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ntalbet f’diversi okkażżjonijiet biex titratta r‑reklamar komparattiv, filwaqt li elaborat ġurisprudenza li issa saret pjuttost vasta. F’dan il‑każ, madankollu, id‑domanda mqajma mill‑qorti tar‑rinviju, it‑Tribunal de commerce de Bourges, tikkonċerna aspett ġdid, jiġifieri l‑possibbiltà jew in‑nuqqas tagħha li jkunu applikati dispożizzjonijiet li jirregolaw ir‑reklamar komparattiv għal paragun ta’ prodotti tal‑ikel.

2.        F’dan il‑kuntest, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment lill‑Qorti tal‑Ġustizzja biex tikkonferma jew tiċħad ġurisprudenza nazzjonali Franċiża li għandha t‑tendenza li teskludi l‑legalità ta’ reklamar komparattiv ta’ prodotti tal‑ikel, magħrufa li ma jistgħux ikunu pparagunati minħabba l‑istess natura tagħhom.

I –    Il‑kuntest ġuridiku

3.        Id‑dispożizzjonijiet li għandu jsir riferiment għalihom sabiex tingħata risposta għad‑domanda mqajma huma esklużivamenent dispożizzjonijiet legali tal‑Unjoni. Fil‑fatt, kif tosserva l‑qorti tar‑rinviju fid‑digriet tagħha, id‑dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, jiġifieri l‑Artikoli 121‑8 u 121‑9 tal‑code de la consommation (Kodiċi tal‑Konsum), huma biss riproduzzjoni tat‑test tad‑dispożizzjonijiet legali tal‑Unjoni applikabbli f’dak il‑perijodu.

A –    Id‑Direttiva 84/450/KEE kif emendata bid‑Direttiva 97/55/KE

4.        Il‑leġiżlazzjoni applikabbli għal din il‑kawża hija d‑Direttiva 84/450/KEE (2) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva”) kif emendata bid‑Direttiva 97/55/KE (3).

5.        Skont l‑Artikolu 2(2) ta’ din id‑Direttiva “reklamar qarrieqi” jfisser “kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il‑preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm proababilta li jqarraq lill‑persuni li lejhom ikun ġie indirizzati jew li jasal għandhom u li, minħabba n‑natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwaw l‑imġieba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir‑raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabilta li jagħmel ħsara lill‑kompetitur”. Min‑naħa l‑oħra, il‑punt 2a sussegwenti jiddefinixxi r‑reklamar komparattiv bħala “kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.

6.        L‑Artikolu 3 tad‑Direttiva jgħid kif ġej:

“Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l‑karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:

(a) il‑karatteristiċi tal‑merkanzija jew servizzi, bħad‑disponibbiltà tagħhom, in‑natura, l‑eżekuzzjoni, l‑kompożizzjoni, il‑metodu u d‑data ta’ manifattura jew provvista, kemm huma adattati għall‑iskop, l‑użu, il‑kwantita, l‑ispeċifikazzjoni, l‑oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir‑riżultati li għandhom jistennew mill‑użu tagħhom, jew ir‑riżultati u l‑karatteristiċi materjali tat‑testijiet jew kontrolli imwettqa fuq il‑merkanzija jew servizzi;

(b) il‑prezz jew il‑manjiera li bihom l‑prezz jiġi kkalkolat, u l‑kondizzjonijiet li bihom il‑merkanzija tkun pprovduti jew is‑servizzi jkunu mogħtija;

(ċ) in‑natura, l‑attributi u d‑drittijiet ta’ min jagħmel ir‑reklam, bħall‑identità u l‑assi tiegħu, il‑kwalifiki u l‑pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il‑premjijiet u d‑distinzjonijiet tiegħu”.

7.        L‑Artikolu 3a jipprovdi li:

“1. Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l‑paragun, ikun permess meta jissodisfa l‑kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ma jkunx qarrieqi skond l‑Artikoli 2(2), 3 u 7 (1);

(b) jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l‑istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall‑istess skop;

(ċ) jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta’ dawk l‑oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz;

(d) ma joħloqx konfużjoni fil‑post tas‑suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it‑trade marks, ismijiet tad‑ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta’ min jirreklama u dawk ta’ kompetitur;

(e) ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it‑trade marks, ismijiet ta’ ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta’ kompetitur;

(f) għall‑prodotti b’deskrizzjoni ta’ oriġini, jirrelata f’kull każ ma’ prodotti bl‑istess deskrizzjoni;

(g) ma jeħux vantaġġ inġust mir‑reputazzjoni ta’ trade mark, isem ta’ ditta jew marki distintivi oħra ta’ kompetitur jew tad‑deskrizzjoni ta’ oriġini ta’ prodotti li jkunu jikkompetu;

(h) ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta’ ditta protett.

[…]”.

8.        Fl‑aħħar nett, l‑Artikolu 7 tad‑Direttiva, jipprovdi li:

“1. Din id‑Direttiva m’għandhiex teskludi lill‑Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl‑għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, rigward reklamar qarrieqi, għall‑konsumaturi, persuni eżerċjenti fil‑kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni, u l‑pubbliku ġenerali.

2. Il‑paragrafu 1 għandu japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l‑paragun.

[…]”.

B –    Id‑Direttiva 84/450/KEE kif emendata sussegwentement bid‑Direttiva 2005/29/KE

9.        Id‑Direttiva 2005/29/KE (4), min‑naħa tagħha emendat id-Direttiva 84/450/KE. B’mod partikolari, rigward dak li jinteressa lil din il-kawża, l‑emenda tikkonċerna l‑Artikolu 3a u l‑Artikolu 7.

10.      L‑Artikolu 3a tad‑Direttiva 84/450/KEE issa huwa fformulat kif ġej:

“Ir‑reklamar komparattiv għandu, safejn il‑paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l‑kondizzjonijiet li ġejjin:

a) ma jqarraqx fit‑tifsira ta’ l‑Artikoli 2(2), 3 u 7(1) ta’ din id‑Direttiva jew l‑Artikoli 6 u 7 tad‑Direttiva 2005/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑ 11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal‑konsumatur fis‑suq intern;

b) jagħmel paragun bejn merkanziji jew servizzi li jissodisfaw l‑istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall‑istess għan;

ċ) jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill‑karatteristiċi essenzjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il‑merkaniziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz;

(d) la jiskredita u lanqas imaqdar it‑trade marks, l‑ismijiet kummerċjali, jew il‑marki oħra distintivi, il‑merkanziji, is‑servizzi, l‑attivitajiet, jew iċ‑ċirkostanzi ta’ xi kompetitur;

(e) jirriferixxi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl‑istess titlu;

(f) ma jiħux vantaġġ inġustament mir‑reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ xi kompetitur jew tat‑titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

(g) ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

(h) ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it‑trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar‑riklamant u dawk ta’ xi kompetitur”.

11.      L‑Artikolu 7 issa jipprovdi li:

“1. Din id‑Direttiva ma tipprekludix l‑Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bil‑għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir‑rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall‑kummerċjanti u għall‑kompetituri.

2. Il‑paragrafu 1 għandu japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l‑paragun.

[…]”.

12.      Fil‑perijodu li seħħew il‑fatti li jikkonċernaw il‑kawża prinċipali, id‑Direttiva 2005/29/KE kienet diġà daħlet fis‑seħħ. Madankollu, kien għadu ma skadiex il‑perijodu tat‑traspożizzjoni tagħha fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ffissat għat‑12 ta’ Ġunju 2007 (5).

C –    Id‑Direttiva 2005/29/KE

13.      L‑Artikoli 6 u 7 tad‑Direttiva 2005/29/KE, li issa jirreferi għalihom l‑Artikolu 3a tad‑Direttiva 84/450/KEE biex jiddefinixxi l‑kunċett ta’ reklamar qarrieqi, huma ddedikati għall‑“azzjonijiet qarrieqa” u għall‑“ommissjonijiet qarrieqa” rispettivamennt.

14.      L‑Artikolu 6 jipprovdi li:

“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha tagħrif falz u għalhekk ma tkunx tikkorrispondi għall‑verità, jew li b’xi mod, anki bil‑preżentazzjoni totali tagħha, tqarraq bil‑konsumatur medju, anki jekk it‑tagħrif ikun korrett fattwalment, fir‑rigward ta’ wieħed jew iktar mill‑elementi li ġejjin, u li f’kull każ iġġiegħlu jew x’aktarx iġġiegħlu jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra:

a) l‑eżistenza jew in‑natura tal‑prodott;

b) il‑karatteristiċi ewlenin tal‑prodott,

[…]

2. Prattika kummerċjali għandha wkoll titqies bħala qarrieqa jekk, fil‑kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal‑karatteristiċi u ċ‑ċirkostanzi kollha tagħha, hija tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l‑konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra, u tinvolvi:

a) kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, inkluż reklamar komparattiv, li joħloq konfużjoni bejn kwalunkwe prodotti, trade marks, ismijiet kummerċjali u marki oħrajn distintivi ta’ kompetitur;

[…]”.

15.      L‑Artikolu 7 huwa fformulat kif ġej:

“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil‑kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal‑karatteristiċi u ċ‑ċirkostanzi kollha tagħha u tal‑limitazzjonijiet tal‑mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l‑konsumatur medju għandu bżonn, skond il‑kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l‑konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

[…]

4. F’każ ta’ stedina għax‑xiri, it‑tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill‑kuntest:

a) il‑karatteristiċi ewlenin tal‑prodott, safejn xieraq għall‑mezz u l‑prodott;

[…]

ċ) il‑prezz inklużi t‑taxxi […]”.

16.      Wara d‑Direttiva 2005/29/KE, id‑dispożizzjonijiet rigward ir‑reklamar qarrieqi u komparattiv ġew ikkonsolidati, mingħajr emendi sostanzjali, fid‑Direttiva 2006/114/KE (6).

II – Il‑fatti u d‑domanda preliminari

17.      Il‑kawża quddiem il‑qorti nazzjonali tirrigwarda żewġ kumpanniji li joperaw supermarkits. Dawn huma l‑kumpannija Lidl u l‑kumpannija Vierzon rispettivament. Din tal‑aħħar li topera taħt l‑isem Leclerc, fit‑23 ta’ Settembru 2006 ippubblikat, f’gazzetta lokali ta’ kuljum, reklamar komparattiv li kien jipparaguna l‑kontijiet ta’ xirjiet li kienu saru f’erba’ supermarkits differenti.

18.      Il‑listi tal‑prodotti mixtrija flimkien mal‑prezzijiet rispettivi, kienu jinkludu 34 prodott għal kull supermarkit: dawn kienu prodotti li jintużaw kuljum, prinċipalment prodotti tal‑ikel, il‑parti kbira tagħhom jixxiebhu. It‑trade marks tal‑prodotti differenti ma kinux indikati. Il‑prezz totali ta’ kull trolley hekk indikat kien juri li s‑supermarkit Leclerc kien l‑iktar vantaġġuż minnhom kollha, b’ammont totali ta’ EUR 46.30 għall‑prodotti indikati. Is‑supermarkit Lidl kien fit‑tieni post, b’ammont totali ta’ EUR 51.40. Iż‑żewġ supermarkits l‑oħra inkwistjoni jirriżulta li kienu iktar għoljin. Il‑preżentazzjoni tal‑erba’ listi ta’ prodotti u tal‑prezzijiet relatati kienet akkumpanjata minn slogan li jenfasizza li s‑supermarkits bl‑isem Leclerc kienu l‑irħas.

19.      Wara l‑pubblikazzjoni tar‑reklamar deskritt, il‑kumpannija Lidl ressqet lill‑kumpannija Vierzon quddiem il‑qorti tar‑rinviju, u invokat b’mod partikolari l‑ksur tar‑regoli dwar ir‑reklamar komparattiv.

20.      Peress li qieset l‑interpretazzjoni tal‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fil‑qasam tar‑reklamar komparattiv bħala neċessarja, il‑qorti tar‑rinviju ssospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

“L‑Artikolu 3a tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid‑Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis‑sens li mhuwiex permess li jsir reklamar komparattiv abbażi tal‑prezzijiet ta’ prodotti li jservu l‑istess bżonn jew li għandhom l‑istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjalità [interkambjabbiltà], minħabba l‑unika raġuni li, fir-rigward ta’ prodotti alimentari [tal‑ikel], il-possibbilità li kull wieħed minn dawn il‑prodotti jittiekel, jew fi kwalunkwe każ, il‑gost li wieħed jesperjenza waqt li jiekolhom, ivarja minn wieħed għall-ieħor skont il‑kundizzjonijiet u l‑postijiet ta’ produzzjoni, skont l‑ingredjenti użati, u skont l‑esperjenza tal‑produttur?”

III – Il‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

21.      Id‑digriet tar‑rinviju wasal fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2009. Il‑partijiet fil‑kawża prinċipali, il‑Gvern Ċek, il‑Gvern Awstrijak u l‑Gvern Franċiż kif ukoll il‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub.

22.      Fis‑seduta tal‑1 ta’ Lulju 2010 intervjenew il‑partijiet fil‑kawża prinċipali, il‑Gvern Franċiż u l‑Kummissjoni.

IV – Fuq id‑domanda preliminari

A –    L‑ammissibbiltà tad‑domanda

23.      Fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, fil‑prinċipju, il‑Gvern Franċiż isostni li d‑domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. Dan inkwantu d‑digriet tar‑rinviju ma għandux indikazzjonijiet biżżejjed biex jiġu individwati b’mod eżatt il‑prodotti li huma s‑suġġett tar‑reklamar komparattiv u l‑karatteristiċi speċifiċi tagħhom.

24.      Madankollu, għandu jkun innotat li d‑domanda mqajma mill‑qorti tar‑rinviju anki jekk marbuta ma’ sitwazzjoni ta’ fatt deskritta relattivament b’mod konċiż, hija fir‑realtà domanda purament legali espressa bħala tali b’mod ċar. Il‑konoxxenza dettaljata taċ‑ċirkustanzi ta’ fatt speċifiċi għall‑oriġini tal‑kawża quddiem il‑qorti nazzjonali, għalkemm mhux inutli, ma hijiex indispensabbli sabiex tingħata risposta – legali u astratta – għal domanda daqstant astratta.

25.      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li riproduzzjoni tar‑reklamar komparattiv suġġett tal‑kawża quddiem il‑qorti tar‑rinviju ġiet annessa mal‑osservazzjonijiet ta’ waħda mill‑intervenjenti fil‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja, u għalhekk issa hija parti mill‑proċess. Fis‑seduta, l‑istess Gvern Franċiż esprima ruħu b’mod li jissuġġerixxi li l‑problema tal‑ammissibblità kienet riżolta.

26.      Għaldaqstant, l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

B –    Ir‑rwol tad‑Direttiva 2005/29/KE

27.      Problema speċifika ta’ din il‑kawża, li tqajmet b’mod partikolari fl‑osservazzjonijiet tal‑Gvern Awstrijak, tirrigwarda r‑rwol eventwali tad‑Direttiva 2005/29/KE li għandu jiġi rrikonoxxut għall‑finijiet tar‑risposta għad‑domanda preliminari. Kif indikajt iktar ’il fuq, meta esponejt il‑kuntest ġuridiku, din id‑direttiva kienet diġà fis‑seħħ fil‑perijodu tal‑fatti, iżda t‑terminu għat‑traspożizzjoni tagħha kien għadu ma skadiex.

28.      F’dawn il‑każijiet, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, timponi, sa fejn hu possibbli, li tagħti lir‑regoli tad‑dritt nazzjonali interpretazzjoni li ma tippreġudikax b’mod sinjifikattiv it‑twettiq tal‑għanijiet ta’ direttiva li t‑terminu tagħha ma jkunx għadu skada (7).

29.      Madankollu, f’din il‑kawża nqis li d‑domanda fundamentali hija dik dwar jekk l‑eventwali teħid inkunsiderazzjoni tad‑Direttiva 2005/29/KE jistax b’mod konkret jibdel is‑soluzzjoni li għandha tingħata mill‑qorti nazzjonali. Fl‑opinjoni tiegħi, ir‑risposta għal din id‑domanda hija negattiva.

30.      L‑ewwel nett, nosserva li d‑Direttiva 2005/29/KE introduċiet għal dak li jinteressana hawnhekk, xi preċiżazzjonijiet biss fil‑qasam tar‑reklamar qarrieqi: id‑domanda mressqa mill‑qorti tar‑rinviju, madankollu ma tirrigwardax il‑kundizzjonijiet li jippermettu li reklamar jiġi kklassifikat bħala qarrieqi, iżda biss il‑possibbiltà li japplika b’mod ġenerali għall‑prodotti tal‑ikel il‑kundizzjonijiet dwar l‑ammissibbiltà tar‑reklamar komparattiv. Il‑fatt li waħda mill‑kundizzjonijiet ta’ legalità tar‑reklamar komparattiv hija n‑natura mhux qarrieqa ta’ dan ir‑reklamar ma tbiddilx il‑fatt li d‑domanda ma tirrigwardax id‑definizzjoni tar‑reklamar qarrieqi.

31.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk kien hemm ix‑xewqa li jkunu kkunsidrati l‑emendi introdotti bid‑Direttiva 2005/29/KE, jidhirli li huwa ċar li ma jkunx hemm xi diffikultà partikolari. Fil‑fatt, din id‑direttiva llimitat ruħha biex tagħti, b’mod partikolari permezz tal‑Artikoli 6 u 7 tagħha, imsemmija fl‑Artikolu 3a il‑ġdid tad‑Direttiva 84/450/KE, għadd ta’ kjarifiki li ppreċiżaw, iżda mhux biddlu u wisq inqas żnaturaw, il‑kunċett ta’ reklamar qarrieqi li jinsab fid‑Direttiva 84/450/KEE kif emendata bid‑Direttiva 97/55. Għalhekk ma jidhirx kif interpretazzjoni tal‑kunċett ta’ reklamar qarrieqi ffokata biss fuq it‑test tad‑Direttiva 84/450/KEE li kienet applikabbli fil‑perijodu tal‑fatti, iktar vaga u ġenerika, tista’ sabiex jintuża l‑kliem tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tirriskja “li jikkomprometti serjament, wara l‑iskadenza tat‑terminu ta’ traspożizzjoni, il‑kisba tal‑għan imfittex” (8) bid‑Direttiva iktar riċenti.

32.      Għalhekk ma nqisx bħala neċessarju li, sabiex tingħata risposta lill‑qorti tar‑rinviju, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tikkunsidra l‑kontenut tad‑Direttiva 2005/29/KE.

C –    In‑natura tad‑drittijiet invokati

33.      Il‑kawża quddiem il‑qorti tar‑rinviju tikkonċerna żewġ individwi privati. Għalhekk jista’ jiġi mistoqsi jekk id‑domanda mressqa tistax timplika applikazzjoni hekk imsejħa “orizzontali” ta’ direttiva, kuntrarjament għall‑ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tipprovdi li, fil‑prinċipju, direttiva ma tistax, waħedha, toħloq obbligi fil‑konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih (9).

34.      Madankollu nosserva li, kif irrileva b’mod korrett il‑Gvern Franċiż fl‑osservazzjonijiet tiegħu, il‑qorti nazzjonali ntalbet, fl‑ambitu ta’ din il‑kawża, sabiex tinterpreta dispożizzjoni tad‑dritt nazzjonali li ttrasponiet sostanzjalment b’mod litterali d‑Direttiva 84/450/KE, kif emendata bid‑Direttiva 97/55/KE.

35.      Konsegwentement, fid‑dawl b’mod partikolari tal‑obbligu tal‑qrati nazzjonali li jinterpretaw id‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu direttiva, sa fejn huwa possibbli, fid‑dawl tat‑test u tal‑għan tad‑direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir‑riżultat previst minnha (10), ma jkun hemm, lanqas taħt dan l‑aspett, l‑ebda problema ta’ inammissibbiltà u/jew ta’ rilevanza tad‑domanda preliminari mressqa mit‑Tribunal de commerce de Bourges.

D –    Id‑Direttiva 84/450/KEE u r‑reklamar komparattiv: kunsiderazzjonijiet ġenerali

36.      L‑Artikolu 3a tad‑Direttiva li jelenka l‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv inġenerali huwa permess, għandu l‑għan li “jħeġġeġ il‑kompetizzjoni bejn il‑fornituri ta’ prodotti u ta’ servizzi, fl‑interess tal‑konsumaturi, billi jippermetti lill‑kompetituri li jinvokaw b’mod oġġettiv il‑vantaġġi tal‑prodotti differenti paragunabbli u billi jipprojbixxi, fl‑istess waqt, prattiċi li jistgħu jimplikaw distorsjoni tal‑kompetizzjoni, jippreġudikaw lill‑kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l‑għażliet tal‑konsumaturi” (11).

37.      Abbażi ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dejjem sostniet l‑obbligu li jkunu interpretati d‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva b’mod favorevoli għar‑reklamar komparattiv, filwaqt li dejjem tkun żgurata l‑protezzjoni tal‑konsumaturi minn eventwali reklamar qarrieqi (12).

38.      Xieraq li jkun imfakkar li l‑kunċett ta’ reklamar komparattiv skont id‑Direttiva huwa wiesa’ ħafna. Fil‑fatt, l‑unika kundizzjoni għall‑eżistenza ta’ reklamar komparattiv hija li jeżisti messaġġ, taħt kwalunkwe forma li jirreferi, anki b’mod impliċitu, għal kompetitur jew għall‑prodotti jew is‑servizzi li dan joffri. Lanqas ma huwa neċessarju li jeżisti paragun veru u proprju bejn il‑prodotti u s‑servizzi offerti minn min jirreklama u dawk tal‑kompetitur (13).

39.      Barra minn hekk, ir‑regoli ta’ reklamar komparattiv inklużi fid‑Direttiva huma eżawrjenti. Konsegwentement, l‑eventwali dispożizzjonijiet nazzjonali iktar ristrettivi f’dan il‑qasam ma jistgħux japplikaw (14).

E –    Il‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv inġenerali huwa permess

40.      Il‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv inġenerali huwa permess huma dawk stipulati fl‑Artikolu 3a(1) tad‑Direttiva. Il‑kundizzjonijiet inkwistjoni huma tmienja b’kollox, u għandhom natura kumulattiva: huwa suffiċjenti li tinkiser waħda biss minn dawn il‑kundizzjonijiet biex trendi r‑reklamar komparattiv illegali (15). Madankollu, għall‑finijiet ta’ din id‑domanda preliminari, l‑ewwel tliet kundizzjonijiet biss huma rilevanti. Il‑kundizzjonijiet l‑oħra jirrigwardaw fil‑fatt l‑użu ta’ u r‑riferiment għal trade marks, sinjali distinti u ismijiet u għalhekk ma humiex applikabbli hawnhekk.

41.      L‑ewwel kundizzjoni li r‑reklamar komparattiv għandu jissodisfa sabiex ikun permess tirrigwarda n‑natura mhux qarrieqa tiegħu. Diġà kelli mod li nsemmi din il‑kundizzjoni, u nerġa’ nirreferi għaliha iktar ’il quddiem (16). Madankollu, xorta jibqa’ l‑fatt li fid‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju ma staqsietx lill‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar il‑kunċett ta’ reklamar qarrieqi: il‑mistoqsija fil‑fatt, tikkonċerna esklużivament il‑possibbiltà li jkunu applikati b’mod ġenerali u astratt, id‑dispożizzjonijiet dwar ir‑reklamar komparattiv għall‑prodotti tal‑ikel.

42.      Għall-kuntrarju, it‑tieni u t‑tielet kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa permess jinteressaw b’mod iktar dirett din il‑kawża. Kif diġà rajna, it‑tieni kundizzjoni timponi li r‑reklamar komparattiv “jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l‑istess ħtiġijiet jew ikunu maħsuba għall‑istess skop”. F’dan ir‑rigward, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li kkunsidrat il‑vantaġġ għar‑reklamar komparattiv immanifestat mil‑leġiżlatur tad‑Direttiva, kellha mod biex tippreċiża li l‑kundizzjoni ċċitata, ma għandhix għalfejn tkun interpretata b’mod daqshekk ristrett. B’mod partikolari, din il‑kundizzjoni kienet interpretata fis‑sens li l‑prodotti suġġetti għall‑paragun għandhom sempliċement “ikunu suffiċjentement interkambjabbli għall‑konsumatur”(17).

43.      Fl‑aħħar nett, it‑tielet kundizzjoni li taħtha r‑reklamar komparattiv huwa peremss timponi li r‑reklamar komparattiv “jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta’ dawk l‑oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz” tal‑prodotti kkomparati. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi ppreċiżat li reklamar komparattiv li fih, bħal f’din il‑kawża, il‑prezz huwa l‑uniku element ta’ paragun, huwa permess (18).

44.      F’dan il‑punt, wara li ċċarajt liema huma, b’mod ġenerali, il‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa rilevanti f’din il‑kawża, ser neżamina l‑punt prinċipali tal‑problema mqajma mill‑qorti tar‑rinviju jiġifieri, l‑applikabbiltà ta’ dawn il‑kundizzjonijiet għal paragun ta’ prodotti tal‑ikel.

F –    L‑applikazzjoni tad‑Direttiva għal reklamar komparattiv ta’ prodotti tal‑ikel

45.      Kif rajna, il‑punt ċentrali tad‑domanda preliminari mqajma mill‑qorti tar‑rinviju tikkonċerna l‑possibbiltà li jkunu applikati, b’mod ġenerali, id‑dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni fil‑qasam tar‑reklamar komparattiv għal paragun ta’ prodotti tal‑ikel. F’dan ir‑rigward nosserva li r‑reklamar inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma jikkonċernax biss, fir‑realtà, il‑prodotti tal‑ikel. Pereżempju, fl‑aħħar pożizzjonijiet tal‑listi tal‑prodotti pparagunati nsibu xi deterġenti. Fi kwalunkwe każ, il‑maġġoranza l‑kbira tal‑prodotti pparagunati effettivament tikkonsisti fi prodotti tal‑ikel, liema fattur jispjega u jiġġustifika l‑kontenut tad‑domanda preliminari.

46.      Il‑fatt li l‑paragun jirrigwarda, f’din il‑kawża, mhux biss prodotti speċifiċi, iżda listi ta’ prodotti, ma joħloq l‑ebda problema għal‑legalità tar‑reklamar komparattiv. Dan it‑tip speċifiku ta’ reklamar kien fil‑fatt diġà rikonoxxut bħala legali mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, bil‑kundizzjoni li l‑prodotti inklużi fil‑listi pparagunati jkunu, min‑naħa tagħhom, ipparagunati tnejn tnejn (19). Il‑verifika tal‑eżistenza ta’ tali kundizzjoni ta’ legalità għandha ssir naturalment mill‑qorti tar‑rinviju, iżda abbażi tal‑provi tal‑proċess, jidher li jista’ jkun ikkonstatat li, fil‑kawża inkwistjoni, il‑kundizzjoni inkwistjoni hija sodisfatta, sakemm il‑prodotti ta’ kull trolley ikunu elenkati f’ordni speċifiku u jidhru li huma interkambjabbli ma’ dawk li jkunu tpoġġew fl‑istess pożizzjoni fit‑trolleys l‑oħra kollha.

47.      Id‑Direttiva 84/450/KE ma tinkludi l‑ebda eċċezzjoni espliċita jew dispożizzjoni partikolari għall‑prodotti tal‑ikel. Lanqas ma jidher abbażi ta’ liema jista’ jitqies illegali, b’mod ġenerali, reklamar komparattiv tal‑prodotti tal‑ikel, b’mod partikolari fid‑dawl tal‑prinċipju interpretattiv li jimponi dejjem preferenza, f’każ ta’ dubju, għal interpretazzjoni tad‑direttiva f’sens favorevoli għar‑reklamar komparattiv (20). Barra minn hekk, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha l‑opportunità li titratta r‑reklamar komparattiv tal‑prodotti tal‑ikel, u qatt ma rriżultat f’dawn l‑okkażżjonijiet, problema marbuta mal‑allegat nuqqas ta’ applikabbiltà tad‑Direttiva għal dawn il‑prodotti (21). Fl‑aħħar nett, ma għandux jintesa li, fost il‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa permess elenkati fl‑Artikolu 3a(1) tad‑Direttiva, fl‑ittra (f) tidher dispożizzjoni li tirrigwarda prodotti bid‑denominazzjoni tal‑oriġini, li ma kinitx tagħmel sens li kieku l‑prodotti tal‑ikel ma setgħux ikunu pparagunati.

48.      Diġà fakkart iktar ’il fuq li, fl‑interpretazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, il‑fatt li l‑prodotti pparagunati jservu l‑istess ħtiġijiet jew għandhom l‑istess għan, kif jirrikjedi l‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva, ifisser li tali prodotti għandu jkollhom grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà (22). Jidhirli li huwa ċar li din il‑formola ma teħtieġx li l‑prodotti tal‑ikel ipparagunati jkollhom l‑istess karatteristiċi ta’ togħma. Bil‑kundizzjoni, ovvjament, li l‑elementi kollha ta’ reklamar qarrieqi ma jkunux sodisfatti, kif ser naraw iktar ’il quddiem. Bl‑istess linja ta’ ħsieb, il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat il‑legalità ta’ reklamar komparattiv li jipparaguna prodott mingħajr denominazzjoni tal‑oriġini ma’ prodott li għandu din id‑denominazzjoni (23).

49.      Mill‑bqija, kif irrilevat korrettament il‑Kummissjoni fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, jekk ir‑reklamar komparattiv jista’ jsir b’mod leġittimu biss bejn prodotti ugwali, jew inkella li għandhom karatteristiċi totalment ekwivalenti, dan tal‑aħħar jitlef parti kbira mis‑sens tiegħu, li huwa proprju dak li jipparaguna prodotti diversi, filwaqt li juri l‑vantaġġi (u d‑difetti) tagħhom.

50.      Dwar il‑modalitajiet speċifiċi tal‑verifika tal‑eżistenza ta’ grad ta’ interkambjabbiltà tal‑prodotti pparagunati, il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet għadd ta’ punti ta’ riferiment. Din hija evalwazzjoni li għandha ssir mill‑qorti nazzjonali, li għandha tagħmilha abbażi tal‑għanijiet tad‑Direttiva u tal‑prinċipji stabbiliti mill‑ġurisprudenza. Din il‑qorti għandha tagħmel din l‑evalwazzjoni billi tikkunsidra l‑istat attwali tas‑suq kif ukoll l‑iżvilupp possibbli tiegħu, mingħajr ma neċessarjament tillimita ruħha għall‑abitudnijiet tal‑konsum eżistenti fi Stat Membru wieħed jew f’reġjun speċifiku. Barra minn hekk, f’din l‑evalwazzjoni, jista’ jkollha rwol ukoll l‑immaġini li min jirreklama għandu f’moħħu jagħti lill‑prodott (24).

51.      Ma huwiex possibbli li jiġi indikat a priori għal liema fatturi l‑qorti nazzjonali tista’ tagħti importanza deċiżiva sabiex tiddetermina jekk il‑prodotti pparagunati humiex interkambjabbli għall‑konsumaturi: fil‑fatt jirrigwarda evalwazzjoni li għandha ssir każ b’każ, fid-dawl tal‑karatteristiċi speċifiċi tas‑sitwazzjoni (25). Madankollu, elementi bħall‑kwalità tal‑prodotti pparagunati jew il‑klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija determinata jistgħu jkunu fatturi importanti f’dan ir‑rigward peress li huma jista’ jkollhom influwenza fuq is‑sostitwibbiltà, għall‑konsumaturi, tal‑prodotti pparagunati.

52.      Konsegwentement, id‑differenzi fit‑togħma li jeżistu bejn il‑prodotti tal‑ikel ipparagunati ma jagħmlux reklamar komparattiv illegali peress li dan ir‑reklamar ikun legali biss bil‑kundizzjoni li: a) teżisti interkambjabbiltà biżżejjed bejn il‑prodotti, kundizzjoni li għandha tiġi vverifikata mill‑qorti nazzjonali: b) ir‑reklamar ma jkunx qarrieqi (nerġa’ nirreferi għal dan l‑aspett fil‑paragrafi li ġejjin); ċ) il‑kundizzjonijiet l‑oħra ta’ legalità msemmija fl‑Artikolu 3a(1) jiġu osservati.

53.      Li kieku tiġi introdotta l‑ekwivalenza totali tat‑togħma fost il‑kriterji li skonthom ir‑reklamar komparattiv ta’ prodotti tal‑ikel huwa permess, jinkiseb l‑istess riżultat li kieku d‑Direttiva tiġi ddikjarata totalment inapplikabbli għal dawn il‑prodotti. Fil‑fatt, kif wera l‑Gvern tar‑Repubblika Ċeka fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tiegħu, tali kundizzjoni, li ma hijiex prevista mil‑leġiżlatur, tintroduċi element soġġettiv fl‑istħarriġ dwar jekk ir‑reklamar komparattiv huwiex permess, li jippermetti dejjem lil kompetitur li jwaqqaf reklamar komparattiv ta’ rival tiegħu billi jsostni li, fost il‑prodotti inkwistjoni hemm differenzi ta’ kwalità u/jew togħma.

G –    Il‑verifika tan‑natura mhux qarrieqa tar‑reklamar

54.      Kif kelli l‑okkażżjoni nirrileva preċedentement, il‑qorti tar‑rinviju ma titlobx lill‑Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tagħti indikazzjonijiet dwar ir‑reklamar qarrieqi. Madankollu, peress li waħda mill‑kundizzjoni fundamentali li għandha tiġi sodisfatta jekk reklamar komparattiv għandu jkun permess hija li huwa ma għandux ikun qarrieqi, u peress li jista’ jiġi mistoqsi jekk il‑kunċett ta’ reklamar qarrieqi applikabbli għall‑prodotti tal‑ikel huwiex differenti mill‑kunċett “ordinarju”, jidhirli opportun nagħmel xi kunsiderazzjonijiet fil‑qosor f’dan ir‑rigward.

55.      Id‑definizzjoni ġenerali tar‑reklamar qarrieqi tinsab, kif rajna fl‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 84/450/KEE (26). L‑elementi essenzjali ta’ din id‑definizzjoni huma tnejn. L‑ewwel nett, ir‑reklamar qarrieqi jqarraq bil‑persuni li għalihom huwa indirizzata (jew, għall‑inqas, jista’ potenzjalment iqarraq bihom). It‑tieni nett, b’konsegwenza tal‑ewwel karatteristika tagħha, ir‑reklamar qarrieqi jista’ jippreġudika l‑imġiba ekonomika tal‑pubbliku li lilu jindirizza jew jippreġudika lil kompetitur ta’ min jirreklama.

56.      L‑evalwazzjoni tan‑natura qarrieqa ta’ reklamar għandha dejjem issir mill‑qorti nazzjonali: fil‑fatt din tikkonsisti f’verifika li għandha ssir abbażi tal‑ispeċifiċità ta’ kull każ partikolari, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari, għall‑konsumaturi li għalihom huwa indirizzat ir‑reklamar, filwaqt li r‑riferiment ikun il‑konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat (27).

57.      Fil‑każ inkwistjoni, u mingħajr ma l‑qorti nazzjonali tiċċaħħad mill‑kompetenza tagħha f’dan ir‑rigward, jidhirli li huwa possibbli li jkunu identifikati għadd ta’ punti sodi, li għandhom jinżammu preżenti biex ikun iddeterminat jekk il‑konsumaturi li jirċievu r‑reklamar komparattiv inkwistjoni kinux imqarrqa jew kinux f’riskju li jkunu.

58.      L‑ewwel nett, il‑fatt li r‑reklamar komparattiv inkwistjoni ma jindikax it‑trade mark tal‑prodotti pparagunati ma jistax jitqies, b’mod ġenerali, li jikkostitwixxi reklamar qarrieqi. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja sostniet li, f’ċerti każijiet, in‑nuqqas ta’ indikazzjoni tat‑trade marks tal‑prodotti pparagunati jista’ jikkostitwixxi reklamar qarrieqi. Madankollu, kif kien ippreċiżat fis‑sentenza Pippig, dan jiġri biss meta t‑trade mark tal‑prodotti tista’ tikkundizzjona kunsiderevolment l‑għażla tal‑konsumaturi minħabba l‑paragun ta’ prodotti kompetituri li t‑trade marks rispettivi tagħhom jippreżentaw differenza importanti f’termini ta’ notorjetà (28).

59.      Fi kliem ieħor, in‑nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ trade marks jista’ jikkostitwixxi reklamar qarrieqi f’każijiet pjuttost limitati biss: il‑livell ta’ riferiment stabbilit mill‑Qorti tal‑Ġustizzja fis‑sentenza Pippig, iċċitata iktar ’il fuq, huwa għoli ħafna. F’din il‑kawża, dan kien jirrigwarda n‑nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ trade marks ta’ lentijiet għan‑nuċċalijiet: għalhekk, prodott li jinsab f’kategorija kompletament differenti f’termini ta’ prezz u ta’ interkambjabbiltà, minn għadd ta’ prodotti tal‑ikel ta’ neċessità bażika. Lanqas ma għandna ninsew li anki f’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ħalliet f’idejn il‑qorti nazzjonali biex tiddeċiedi jekk dan ir‑reklamar kienx qarrieqi jew le.

60.      Konsegwentement, u filwaqt li nsostni li l‑qorti tar‑rinviju biss tista’ tiddeċiedi dwar dan il‑punt, jidhirli li huwa diffiċli li, f’din il‑kawża, in‑nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ trade marks ta’ prodotti pparagunati jista’ diffiċilment jikkostitwixxi aġir li jissodisfa l‑kundizzjonijiet tar‑reklamar qarrieqi. Għall‑kuntrarju, il‑każ kien ikun differenti kieku pereżempju, in‑nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ trade marks tal‑prodotti pparagunati kien utilizzat minn min jirreklama biex joħloq fil‑konsumaturi idea żbaljata tal‑prodotti stess. Nistgħu naħsbu fl‑ipoteżi ta’ paragun li jfittex li jissuġġerixxi, b’mod qarrieqi, li l‑prodott offrut bi prezz kunsiderevolment irħas, huwa tal‑istess trade mark tal‑prodott iktar għoli.

61.      Għall‑kuntrarju, in‑nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ trade marks jista’ jkun sinjifikattiv, jekk dan jagħmilha impossibbli biex jiġu individwati prodotti li jkunu ġew ipparagunati. Kif fil‑fatt ikkonfermat il‑ġurisprudenza stess, il‑prodotti pparagunati għandhom ikunu jistgħu jiġu identifikati “individwalment u konkretament” (29). Jekk bħal f’dan il‑każ, ir‑reklamar jidentifika l‑prodotti b’mod ġeneriku (“marġerina” “krema li tista’ tiddellek” (cream spread), “purè tat‑tadam”, eċċ) u mingħajr ma tkun ippreċiżata t‑trade mark, dan jista’ jwassal għar‑riskju li l‑prodotti pparagunati ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi preċiżjoni biżżejjed. Madankollu, dan ifisser, anki hawnhekk, li evalwazzjoni għandha ssir mill‑qorti nazzjonali Fil‑fatt, jekk pereżempju, il‑prodotti pparagunati huma l‑uniċi ta’ dak it‑tip ikkumerċjalizzati fis‑supermarkits ikkonċernati, (jiġifieri biex nerġgħu nieħdu l‑eżempji msemmija iktar ’il fuq, l‑unika marġerina, l‑unika krema li tista’ tiddellek u l‑uniku purè tat‑tadam, eċċ), jew huma minħabba l‑istess natura tagħhom perfettament interkambjabbli mal‑prodotti kompetituri, dan ma joħloq l‑ebda problema ta’ nuqqas ta’ identifikazzjoni jew ta’ identifikazzjoni impossibbli tal‑prodotti inkwistjoni.

62.      Il‑Qorti tal‑Ġustizzja madankollu, kellha l‑okkażżjoni li tirrileva li anki l‑modalitajiet utilizzati biex jintgħażlu l‑prodotti speċifiċi biex jiffurmaw “it‑trolley tax‑xirja”, is‑suġġett tar‑reklamar komparattiv, jistgħu, b’mod astratt, jikkostitwixxu reklamar qarrieqi. B’mod partikolari, dan jista’ jseħħ jekk l‑għażla tal‑prodotti tista’ tikkonvinċi b’mod żbaljat lill‑konsumaturi li l‑prodotti kollha ta’ min jirreklama huma irħas mill‑prodotti kollha tal‑kompetituri tiegħu (30). Madankollu, nosserva li dawn id‑dikjarazzjonijiet ġurisprudenzjali ma humiex rilevanti għall‑kawża inkwistjoni. Fil‑fatt, dawn kienu elaborati fil‑Qorti tal‑Ġustizzja għal sitwazzjoni li fiha reklamar komparattiv kien qed jipparaguna prodotti mhux speċifiċi, iżda l‑livell ġenerali ta’ prezzijiet ipprattikati fis‑supermarkits kompetituri. Fil‑każ inkwistjoni, għall‑kuntrarju ma għandniex dikjarazzjonijiet ġeneral relatati mal‑prezzijiet, li dejjem ikunu irħas f’supermarkit milli f’ieħor. Ir‑reklamar komparattiv li dwaru għandha tiddeċiedi l‑qorti tar‑rinviju, kif rajna, jipparaguna għadd preċiż u determinat ta’ prodotti li jinsabu għall‑bejgħ fis‑supermarkits kompetituri. Il‑fatt li dan il‑paragun huwa akkumpanjat minn slogan ġenerali dwar il‑vantaġġ kbir tas‑supermarkit ta’ min jirreklama, mingħajr l‑ebda indikazzjoni kwantitattiva u/jew numerika, jidhirli li hija irrelevanti għal kollox.

V –    Konklużjonijiet

63.      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għad‑domanda preliminari mressqa mit‑Tribunal de commerce de Bourges kif ġej:

“Skont id‑Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, tal‑10 ta’ Settembru 1984, dwar ir‑reklamar qarrieqi u komparattiv, reklamar komparattiv li jipparaguna, abbażi tal‑prezz biss, prodotti tal‑ikel li, għalkemm huma differenti fit‑togħma, madankollu jippreżentaw livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà, hija legali. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika l‑osservazzjoni ta’ din il‑kundizzjoni, kif ukoll tal‑kundizzjonijiet l‑oħra pprovduti mill‑Artikolu 3a tad‑Direttiva 84/450, u b’mod partikolari tal‑kundizzjoni dwar il‑projbizzjoni tar‑reklamar qarrieqi”.


1 – Lingwa oriġinali: it‑Taljan.


2 – Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, tal‑10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227). Qabel l‑emendi magħmula bid‑Direttiva 97/55, it‑titolu tad‑Direttiva 84/450 kien differenti, u kien jirrefletti l‑kontenut iktar ristrett tat‑test leġiżlattiv (“Direttiva […] dwar l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri dwar reklamar qarrieqi”).


3 – Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, li temenda d‑Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 365).


4 – Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal‑konsumatur fis‑suq intern li temenda d‑Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, id‑Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, u r‑Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p 22).


5 – Ara l‑Artikolu 19 tad‑Direttiva 2005/29/KE.


6 – Direttiva tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, p. 21).


7 – Sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punt 123), u tat‑23 ta’ April 2009, VTB‑VAB (C‑261/07, Ġabra p. I‑2949, punt 39).


8 – Sentenza VTB‑VAB, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 7), punt 39.


9 – Ara pereżempju s‑sentenza riċenti tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I-365, punt 46 u l‑ġurisprudenza ċċitata hawnhekk).


10 – Ara pereżempju s‑sentenza riċenti tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tat‑28 ta’ Jannar 2010, Uniplex (C‑406/08, Ġabra p. I-817, punt 45 u l‑ġurisprudenza ċċitata hawnhekk).


11 – Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, Ġabra p. I-5185, punt 68).


12 – Ibidem, punt 69 u l‑ġurisprudenza ċċitata hawnhekk.


13 – Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Toshiba Europe (C‑112/99, Ġabra p. I‑7945, punt 31).


14 – Sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik (C‑44/01 Ġabra p. I‑3095, punt 44). Għall‑kuntrarju, fir‑rigward tar‑reklamar qarrieqi, id‑Direttiva, fil‑verżjoni tagħha applikabbli għall‑fatti inkwistjoni, wettqet biss armonizzazzjoni minima, li ppermettiet lil‑leġiżlatur nazzjonali biex japplika regoli iktar stretti, b’mod partikolari għall‑protezzjoni tal‑konsumatur (ibidem, punt 40), bil‑kundizzjoni li ma jkunux ippreġudikati d‑dispożizzjonijiet dwar ir‑reklamar komparattiv għal dak li jirrigwarda l‑forma u l‑kontenut tal‑paragun (ibidem, punt 44). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, wara d‑Direttiva 2005/29/KE, il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni għandha issa titqies eżawrjenti anki f’ċerti oqsma tar‑regoli tar‑reklamar qarrieqi, peress li issa l‑Istati Membri huma liberi li jadottaw regoli iktar stretti biss f’oqsma ta’ protezzjoni għall‑professjonisti u għall‑kompetituri (ara s‑sitt premessa tad‑Direttiva 2005/29/KE, kif ukoll it‑test ġdid tal‑Artikolu 7 tad‑Direttiva 84/450/KEE).


15 – Ara l-premessa 11 tad Direttiva 97/55/KE, li tipprovdi li “[…] il-kondizzjonijiet ta’ reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma [...]”. Ara wkoll is sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq (fin-nota ta’ qiegħ il paġna 14), punt 54.


16 – Ara iktar ’il quddiem il-punti 54 et seq.


17 – Sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium (C‑356/04, Ġabra p. I‑8501, punt 26), u tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel (C‑381/05 Ġabra p. I‑3115, punt 44).


18 – Ara l-premessa 8 tad‑Direttiva 97/55/KE, li tosserva li “[…] ‑paragun tal‑prezz biss ta’ l‑oġġetti u servizzi għandu jkun possibbli jekk dan il‑paragun jissodisfa ċerti kondizzjonijiet, b’mod partikulari li m'għandux ikun qarrieqi”. Ara wkoll is‑sentenza Lidl Belgium (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punt 56.


19 – Sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punti 34 sa 36.


20 – Ara iktar ’il fuq, punt 37.


21 – Ara pereżempju s‑sentenzi Lidl Belgium u De Landtsheer Emmanuel, iċċitati iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17).


22 – Ara iktar ’il fuq, punt 42.


23 – Sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punt 66.


24 – Ibidem, punti 33‑37 u 43.


25 – Nirreferi, f’dan ir-rigward, għall-punti 98 sa 105 tal‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit‑30 ta’ Novembru 2006 fil‑kawża De Landtsheer Emmanuel (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17).


26 – Sentenza Lidl Belgium iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punt 76.


27 – Sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1992, (C‑373/90, Ġabra p. I‑131, punt 15), Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14), punt 55, u Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punti 77 u 78 u l‑ġurisprudenza iċċitata hawnhekk.


28 – Sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 14), punt 53.


29 – Sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq (fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 17), punt 61.


30 – Ibidem, punt 83.