KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-8 ta’ Ġunju 2010 1(1)

Kawża C‑145/09

Land Baden-Württemberg

vs

Panagiotis Tsakouridis

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja)]

“Direttiva 2004/38/KE – Moviment liberu tal-persuni – Ċittadin tal-Unjoni – Kundanni kriminali – Deċiżjoni ta’ tkeċċija – Raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika”





1.        Permezz tad-domanda preliminari preżenti, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija li jinsabu fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE (2). Din id-dispożizzjoni tipprovdi li deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tittieħed kontra ċittadin tal-Unjoni li għex fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss.

2.        B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi l-kwistjoni jekk, minn naħa, il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika għandux jiġi interpretat li jinkludi biss kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-Istat Membru u tal-istituzzjonijiet tiegħu u, min-naħa l-oħra, jekk l-assenzi ripetuti u fit-tul mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għandhomx effett fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ għaxar snin meħtieġ għall-ksib tal-protezzjoni mit-tkeċċija.

3.        Fil-konklużjonijiet preżenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ u tiddeċiedi li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika ma għandux jinftiehem biss f’sens limitat ta’ periklu għas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru ospitanti jew ta’ protezzjoni tal-istituzzjonijiet tiegħu, iżda jinkludi wkoll it-theddid serju għal interess fundamentali tas-soċjetà, bħalma huma l-valuri essenzjali ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tiegħu, identifikati minn dak l-Istat permezz tar-reati stabbiliti minnu għall-protezzjoni tagħhom.

4.        Ser nindika wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja liema huma, fil-fehma tiegħi, il-kundizzjonijiet partikolari li għandhom jiġu sodisfatti sabiex l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tista’ tieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija b’mod legali, b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-kawża prinċipali fejn tali deċiżjoni tittieħed wara li tkun skontata sanzjoni kriminali.

5.        Minbarra dan, ser nindika lill-Qorti tal-Ġustizzja r-raġunijiet li minħabba fihom naħseb li, b’mod ġenerali, assenzi temporanji li ma jippreġudikawx ir-rabta b’saħħita li tgħaqqad liċ-ċittadin tal-Unjoni mal-Istat Membru ospitanti, u li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, ma għandhomx effett fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ għaxar snin meħtieġ mill-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

6.        Madankollu, min-naħa l-oħra, assenza ta’ iktar minn sittax‑il xahar mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li, bħal fil-każ preżenti, spiċċat biss permezz tar-ritorn forzat taċ-ċittadin tal-Unjoni b’konsegwenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tista’, fil-fehma tiegħi, ittellef lil dan iċ-ċittadin il-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla prevista minn dan l-artikolu meta l-qorti nazzjonali tikkunsidra li din twassal għall-ksur tar-rabta b’saħħita li tgħaqqad l-imsemmi ċittadin mal-imsemmi Stat, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt primarju

7.        L-Artikolu 3(2) tat-Trattat UE huwa fformulat kif ġej :

“L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha.”

B –    Id-Direttiva 2004/38

8.        Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, kienu jeżistu diversi direttivi u regolamenti fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni u tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini Ewropej. Din id-direttiva ġabret u ssimplifikat il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

9.        Fil-fatt, l-imsemmija direttiva tneħħi l-obbligu taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiskbu karta ta’ residenza, tintroduċi dritt ta’ residenza permanenti favur iċ-ċittadini tagħha u tiċċirkoskrivi l-possibbiltà tal-Istati Membri li jillimitaw ir-residenza taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħhom.

10.      Fil-fatt, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li għexu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin jiksbu dritt ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju. L-Artikolu 16(3) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li l-kontinwità ta’ tali residenza ma hijiex affettwata, b’mod partikolari, minn assenzi temporanji li b’kollox ma jaqbżux sitt xhur fis-sena.

11.      Skont l-Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva, meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti jintilef biss permezz ta’ assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li jeċċedu perijodu ta’ sentejn konsekuttivi.

12.      Minbarra dan, iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn protezzjoni kontra t-tkeċċija. Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38 trażżan b’mod strett il-possibbiltà tal-Istati Membri li jirrestrinġu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni billi tispira ruħha direttament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.

13.      Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 27(1) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw dan id-dritt minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, bl-esklużjoni tar-raġunijiet invokati għal skopijiet ekonomiċi.

14.            Filwaqt li jadotta l-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 27(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ siġurtà pubblika għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (3) u jkunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija (4). Hemm indikat li l-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma jistgħux, minnhom infushom, jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri. Minbarra dan, il-kondotta tal-persuna li fir-rigward tagħha tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tikkostitwixxi theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà (5).

15.      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38, dwar il-protezzjoni minn tkeċċija, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.

2.      L-Istat Membru ospitanti ma jistax jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew il-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li għandhom id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tiegħu, ħlief minħabba raġunijiet serji ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew ta’ sigurtà pubblika.

3.      Deċiżjoni ta’ tkeċċija m’għandhiex tittieħed kontra ċittadini ta’ l-Unjoni, ħlief meta d-deċiżjoni hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, kif imfissra mill-Istati Membri, jekk dawn:

a)      għexu fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin preċedenti; jew

b)      huma minorenni, ħlief jekk it-tkeċċija hi neċessarja għall-aħjar interessi tat-tifel/tifla, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-20 ta’ Novembru 1989.”

C –    Id-dritt Ġermaniż

16.      Il-liġi dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni (Freizügigkeitsgesetz/EU) tat-30 ta’ Lulju 2004 (6) tittrasponi, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38. B’mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU jipprovdi li, għal ċittadin tal-Unjoni, it-telf tad-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju Ġermaniż jista’ jiġi ddikjarat biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ siġurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Skont l-Artikolu 6(2) tal-FreizügG/EU, il-kundanni kriminali li ma jkunux għadhom tħassru mir-reġistru ċentrali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, sakemm iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi ta’ dawn il-kundanni jkunu xhieda ta’ aġir personali li jirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku, u li jirrappreżenta theddida reali u serja biżżejjed li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà.

17.      L-Artikolu 6(3) tal-FreizügG/EU jipprovdi li meta tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju Ġermaniż, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħitha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha f’dan it-territorju, kif ukoll il-qawwa tar-rabtiet tagħha mal-Istat ta’ oriġini tagħha.

18.      Bis-saħħa tal-Artikolu 6(4) tal-FreizügG/EU, wara l-ksib ta’ dritt ta’ residenza permanenti, it-telf tad-dritt ta’ residenza u ta’ moviment fit-territorju Ġermaniż jista’ jiġi ddikjarat biss għal raġunijiet serji.

19.      Skont l-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU, fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li għexu fit-territorju Federali matul l-aħħar għaxar snin u fir-rigward tal-minuri, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU tista’ ssir biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Din ir-regola ma tapplikax għal minuri meta t-telf tad-dritt ta’ residenza huwa meħtieġ fl-interess tat-tfal. Jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika biss fil-każ li l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata minħabba reat jew reati mwettqa intenzjonalment għal piena ta’ privazzjoni tal-libertà jew għal piena minħabba att kriminali minn minuri ta’ mhux inqas minn ħames snin li tkun saret res judicata jew tkun ġiet imposta detenzjoni preventiva matul l-aħħar kundanna definittiva tagħha, fil-każ li tkun involuta s-sigurtà tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew meta l-persuna kkonċernata tippreżenta theddida terroristika.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

20.      P. Tsakouridis, ta’ nazzjonalità Griega, twieled il-Ġermanja fl-1978. Dejjem għex fil-Ġermanja u studja fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Sa minn Ottubru 2001, huwa għandu permess ta’ residenza permanenti f’dan it-territorju.

21.      P. Tsakouridis ġie kkundannat għall-ħlas ta’ multi fl-1998 minħabba pussess ta’ oġġett ipprojbit u, fl-1999 għal offiżi gravi fuq il-persuna u fl-2000 kif ukoll fl-2002 għal offiżi volontarji fuq il-persuna bl-użu ta’ forza.

22.      Minn Marzu 2004 sa nofs Ottubru 2004, P. Tsakouridis kellu posta tal-kreps fil-Gzira ta’ Ródos (il-Greċja). Sussegwentement, huwa rritorna l-Ġermanja fejn ħadem minn Diċembru 2004. F’nofs Ottubru 2005, huwa reġa’ mar il-Greċja biex ikompli jopera l-posta tal-kreps.

23.      Fit-22 ta’ Novembru 2005, l-Amtsgericht Stuttgart (il-Qorti Kantonali ta’ Stuttgart) ħarġet mandat ta’ arrest internazzjonali kontra P. Tsakouridis. Dan tal-aħħar ġie arrestat f’Ródos fid-19 ta’ Novembru 2006 u ġie ttrasferit fil-Ġermanja fid-19 ta’ Marzu 2007.

24.      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Landgericht Stuttgart (Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart) ikkundannat lil P. Tsakouridis għal sitt snin u sitt xhur priġunerija, għal traffikar illegali, fi tmien okkażjonijiet, ta’ kwantitajiet kbar ta’ droga. Mill-informazzjoni mogħtija waqt is-seduta jirriżulta li bħalissa, P. Tsakouridis jinsab taħt libertà kundizzjonata.

25.      B’deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2008, ir-Regierungspräsidium Stuttgart, iddikjara t-telf tad-dritt ta’ P. Tsakouridis li jidħol u jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż u hedditu b’deċiżjoni ta’ tkeċċija lejn il-Greċja.

26.      Il-Regierungspräsidium Stuttgart ikkunsidrat li, fid-dawl tal-kundanna imposta b’sentenza tal-Landgericht Stuttgart, fit-28 ta’ Awwissu 2007, il-limitu ta’ ħames snin ta’ priġunerija kien inqabeż, b’tali mod li kienu jeżistu raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika fis-sens tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU. Minbarra dan, ir-Regierungspräsidium Stuttgart ikkunsidrat li l-kondotta personali ta’ P. Tsakouridis tirrappreżenta theddida reali għall-ordni pubbliku, peress li r-reati li wettaq fil-qasam tad-droga kienu serji ħafna u kien hemm riskju ta’ reċidiva. Hija żiedet li jeżisti interess fundamentali tas-soċjetà li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-kriminalità marbuta mad-droga, li tagħmel il-ħsara b’mod partikolari fil-livell soċjali. Minbarra dan, ir-Regierungspräsidium Stuttgart ikkunsidrat li fid-dawl tal-perijodi ta’ residenza reċenti ta’ P. Tsakouridis fil-Greċja, huwa ma għandux ikollu problemi li jadatta ruħu għall-istil ta’ ħajja lokali.

27.      Fis-17 ta’ Settembru 2008, P. Tsakouridis ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2008 quddiem il-Verwaltungsgericht (Qorti Amministrattiva). Filwaqt li kkonstatat li fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Awwissu 2007, il-Landgericht Stuttgart iddeċidiet li P. Tsakouridis kien biss membru sekondarju tal-grupp involut fit-traffikar u li kien ġie implikat fl-imsemmi reat minħabba l-obbligi familjari tiegħu, u filwaqt li kkunsidrat li huwa trabba fil-Ġermanja, li kien mar l-iskola hemmhekk u li għalhekk ma kienx jidher li hemm periklu għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-FreizügG/EU, u li għandu rabtiet qawwija ma’ missieru li jgħix fil-Ġermanja, il-Verwaltungsgericht kkunsidrat li d-dikjarazzjoni ta’ telf tad-dritt ta’ P. Tskouridis li jidħol u li jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż kienet sporporzjonata.

28.      Għalhekk, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2008, din il-Qorti annullat id-deċiżjoni tar-Regierungspräsidium Stuttgart minħabba li fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni, it-telf tad-dritt tad-dħul u ta’ residenza jista’ jiġi ġustifikat biss minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, filwaqt li kundanna kriminali ma kinitx biżżejjed, minnha nnifisha, biex tagħti lok għal tali telf. L-imsemmija qorti żżid li jrid ikun jeżisti riskju gravi, effettiv u suffiċjenti li jhedded interess fundamentali tas-soċjetà.

29.      Minbarra dan, il-Verwaltungsgericht tirrileva li peress li P. Tsakouridis għex fil-Ġermanja għal iktar minn għaxar snin u ma tilifx id-dritt ta’ residenza permanenti minħabba l-perijodi ta’ residenza fil-Greċja, bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(5) tal-FreizügG/EU, it-telf ta’ dritt ta’ residenza jista’ jiġi ddikjarat biss minħabba raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, dawn ir-raġunijiet ma jeżistux fil-kawża preżenti peress li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika jinkludi biss is-sigurtà interna u esterna ta’ Stat Membru u għaldaqstant huwa iktar limitat mill-kunċett ta’ ordni pubbliku. Jista’ jkun li P. Tsakouridis jirrappreżenta perikolu sinjifikattiv għall-ordni pubbliku, iżda bl-ebda mod għall-eżistenza tal-Istat Membru u tal-istituzzjonijiet tiegħu jew għas-sopravivenza tal-poplu.

30.      Il-Land Baden-Württemberg ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg.

III – Id-domandi preliminari

31.      Il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika’, użat fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biss it-theddid assolut għas-sigurtà esterna jew interna tal-Istat Membru li jista’ jiġġustifika [deċiżjoni] ta’ tkeċċija u li jgħoddu bħala tali biss l-eżistenza tal-Istat u tal-istituzzjonijiet fundamentali tiegħu, il-kapaċità tagħhom li jiffunzjonaw, is-sopravivenza tal-poplu, kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni u r-relazzjonijiet paċifiċi bejn in-nazzjonijiet?

2)      Il-protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija miksuba, skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE, wara residenza ta’ 10 snin fl-Istat Membru ospitanti, taħt liema kundizzjonijiet tintilef mill-ġdid? F’dan ir-rigward, għandu wieħed japplika b’analoġija l-kundizzjoni rigward it-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 16(4) [ta’ din id-Direttiva] ?

3)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda u għall-kwistjoni tal-applikabbiltà b’analoġija tal-Artikolu 16(4) [tal-imsemmija direttiva]: il-protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija tintilef biss kif jiddekadi ż-żmien, indipendentament mir-raġunijiet tal-assenza?

4)      Bl-istess mod, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda u għall-kwistjoni tal-applikabbiltà b’analoġija tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva [2004/38]: ritorn forzat fl-Istat ospitanti fil-kuntest ta’ proċeduri penali huwa adegwat sabiex tinżamm il-protezzjoni ogħla anki jekk, wara r-ritorn, il-libertajiet fundamentali ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati għal perijodu twil?”

IV – Analiżi

32.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk għandhiex issir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ sigurtà pubblika u dak ta’ ordni pubbliku u jekk l-ewwel wieħed għandux jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv mit-tieni wieħed, fis-sens li hija biss deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni li jhedded l-eżistenza nnifisha ta’ Stat Membru jew tal-istituzzjonijiet tiegħu li tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

33.      Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-assenzi ripetuti mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, kif ukoll ir-ritorn forzat fuq dan it-territorju taċ-ċittadin tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jistax ikollhom effett fuq il-benefiċċju ta’ protezzjoni ogħla msemmi fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

34.      L-osservazzjonijiet preliminari jkopru żewġ punti, jiġifieri, minn naħa, huwa mfakkar l-ispirtu u l-istruttura tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2004/38 u, min-naħa l-oħra, in-natura trażversali tal-prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali.

1.      L-ispirtu u l-istruttura tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2004/38

35.      Skont il-premessa 3 tad-Direttiva 2004/38, l-għan tagħha huwa li tissimplifika u ssaħħaħ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

36.      Il-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mill-libertajiet fundamentali tas-suq intern irrikonoxxut mill-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Għalkemm inizjalment il-moviment liberu fit–territorju tal-Unjoni kien ta’ benefiċċju għall-ħaddiema, sussegwentement ġie estiż għaċ-ċittadini tal-Unjoni, indipendentament mill-istatus tagħhom jew jekk jeżerċitawx jew le attività ekonomika. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt ta’ movement u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, bħal ħsara għall-kundizzjonijiet espressament previsti mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 20(2) TFUE.

37.      Naturalment, dan id-dritt ta’ moviment liberu għandu jiġi eżerċitat b’osservanza tal-liġijiet ta’ kull Stat Membru. B’hekk, konformament mal-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38, Stat Membru jista’ jillimita l-liberta ta’ moviment ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tiegħu minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Madankollu, peress li din il-limitazzjoni għal-libertà ta’ moviment hija eċċezzjoni għal prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha huma regolati ħafna (7).

38.      Fil-fatt, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, l-Artikolu 28 ta’ din id-Direttiva jintroduċi protezzjoni ogħla għaċ-ċittadini tal-Unjoni u, f’ċerti każijiet, għall-membri tal-familja tagħhom.

39.       B’hekk, l-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li meta Stat Membru jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, huwa għandu, fuq kollox, jieħu inkunsiderazzjoni diversi kunsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ dan iċ-ċittadin fit-territorju ta’ dak l-Istat, l-età tiegħu, l-istat ta’ saħħtu, is-sitwazzjoni familjali u ekonomika tiegħu, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tiegħu, kif ukoll l-intensità tar-rabtiet tiegħu mal-Istat ta’ oriġini.

40.      Skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jkunu kisbu dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, dan tal-aħħar jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra dawn il-persuni għal raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika biss.

41.      Finalment, skont l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-Direttiva, deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni li għex fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin li jippreċedu din id-deċiżjoni tista’ tiġi adottata biss għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

42.      Meta naqra dawn it-tliet subartikoli, ninnota mill-ewwel li t-tul ta’ residenza huwa fattur deċiżiv fl-għoti tal-protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija taċ-ċittadin tal-Unjoni.

43.      Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li t-tul ta’ residenza huwa xhieda ta’ ċertu integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti (8). Iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ residenza fit-territorju ta’ dan l-Istat, iktar ikunu preżunti b’saħħithom ir-rabtiet mal-imsemmi Stat.

44.      Għalhekk, deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda kontra ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u li huwa verament integrat fl-Istat Membru ospitanti tista’ mbagħad tikkawżalu ħsara serja (9).

45.      Din hija r-raġuni għaliex iċ-ċittadin jibbenefika minn ċertu protezzjoni kontra t-tkeċċija li tissaħħaħ skont il-livell ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Fil-verità, is-sistema deskritta tagħti lok għal teorija, li tipprovdi li l-livell ta’ integrazzjoni huwa relattiv għat-tul ta’ residenza. Iktar ma tkun twila r-residenza, iktar ikun preżunt b’saħħtu l-livell ta’ integrazzjoni u iktar tkun kompleta l-protezzjoni kontra t-tkeċċija (10).

2.      In-natura trasversali tal-prinċipji fundamentali tad-dritt kriminali

46.      Il-fatti partikolari tal-kawża preżenti jeżiġu li d-deċiżjoni kkontemplata mir-Regierungspräsidium Stuttgart mhux biss għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mid-Direttiva 2004/38, iżda għandha wkoll, tirrispetta l-prinċipji fundamentali rigward il-funzjoni tal-piena peress li din hija deċiżjoni meħuda b’konsegwenza ta’ kundanna penali u li ttieħdet fit-tmiem tal-eżekuzzjoni tagħha.

47.      Għalkemm, fil-fatt, huwa paċifiku li l-metodu ta’ interpretazzjoni leġittimament użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun hemm bżonn, iħalli spazju għal interpretazzjoni speċifika skont l-għan proprju ta’ kull direttiva sabiex tiġi żgurata l-effettività tagħha, id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali ma jistgħux jiġu applikati b’mod differenti skont il-qasam li jinsabu fih mingħajr, b’hekk, ma tintilef in-natura fundamentali tagħhom. Fil-qasam tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, in-natura fundamentali ta’ dritt jew ta’ prinċipju hija, għall-kuntrarju, livell komuni li minnu l-kwistjonijiet marbuta, b’mod partikolari, maċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jistgħux jiġu esklużi.

48.      L-idea li piena għandu jkollha funzjoni ta’ reintegrazzjoni tal-persuna kundannata, li ilha teżisti sa mill-qedem fost it-teoloġi, il-filosofi jew it-teoriċi, illum hija prinċipju komuni, iddikjarat mil-liġijiet moderni kollha, speċjalment dawk tal-Istati Membri (11). Bl-istess mod, fl-2006, il-Kunsill tal-Ewropa adotta rakkomandazzjoni dwar ir-regoli penali Ewropej (12) li tipprovdi li “[k]ull detenzjoni hija amministrata b’mod li tiffaċilita r-reintegrazzjoni fis-soċjetà libera tal-persuni li tittieħdilhom il-libertà” (13). L-Artikolu 10(3) tal-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi adottat mill-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti u ffirmat fi New York fis-16 ta’ Diċembru 1966, jipprovdi wkoll li “s-sistema penali għandha tinkorpora trattament tal-persuni kkundannati li l-għan essenzjali tagħha hija r-riforma u r-riabilitazzjoni soċjali tagħhom”.

49.      Bl-istess mod, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li “[w]aħda mill-funzjonijiet essenzjali ta’ piena ta’ priġunerija hija li tipproteġi s-soċjetà, pereżempju billi żżomm lill-persuna kriminali milli terġa’ twettaq reat u milli b’hekk tkompli tagħmel iktar ħsara. Fl-istess ħin, il-Qorti tirrikonoxxi l-għan leġittimu ta’ politika ta’ reintegrazzjoni soċjali progressiva tal-persuni kkundannati għal pieni ta’ priġunerija. F’din il-perspettiva, hija taċċetta l-fondattezza ta’ miżuri – bħal dawk ta’ ħarġiet temporanji – li jippermettu r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuna detenuta” (14).

50.      Naħseb li r-rispett tal-prinċipju ta’ funzjoni ta’ reintegrazzjoni tal-piena ma jistax jiġi separat mill-kunċett tad-dinjità umana u, bħala tali, jidhirli li jifforma parti mill-familja tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

51.      Għal dawn ir-raġunijiet, nemmen li għandi, minn dan il-mument, niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatti partikolari tal-kawża preżenti li tirrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija wara li tintemm miżura ta’ libertà kundizzjonata, li hija forma ta’ eżekuzzjoni ta’ piena msejsa fuq ir-reintegrazzjoni.

52.      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha, il-kwistjoni fil-każ preżenti hija dik dwar jekk P. Tsakouridis, li twieled u li għex kważi ħajtu kollha fit-territorju Ġermaniż, jistax ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija minn dan it-territorju minħabba li kien ikkundannat għal sitt snin u sitt xhur priġunerija għal traffikar ta’ droga minn grupp organizzat.

B –    Fuq il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika

53.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ir-raġunijiet li minħabba fihom P. Tsakouridis kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija jistgħux jiġu kkunsidrati raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

54.      Permezz ta’ din id-domanda, il-Qorti tar-rinviju tfittex, fil-verità, li tkun taf jekk għandhiex issir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ sigurtà pubblika u dak ta’ ordni pubbliku u jekk l-ewwel wieħed għandux jiġi interpretat b’mod iktar restrittiv mit-tieni wieħed, fis-sens li hija biss deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni li jhedded l-eżistenza nnifisha ta’ Stat Membru u tal-istituzzjonijiet tiegħu li tista’ tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

55.      Għar-raġunijiet li sejjer nindika iktar ’il quddiem, jiena ma naħsibx li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika għandu jiġi interpretat esklużivament f’sens restrittiv li jirreferi biss għas-salvagwardja ta’ Stat Membru jew tal-istituzzjonijiet tiegħu.

56.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ sigurtà pubblika ma hijiex ineżistenti. Fil-fatt, fis-snin 80 u 90, hija kellha teżamina diversi drabi jekk Stat Membru setax jiġġustifika ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika (15). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet taqta’ u tiddeċiedi jekk miżuri diskriminatorji nazzjonali kontra n-nisa setgħux ikunu ġustifikati għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru (16).

57.      F’dawn il-każijiet kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-miżura nazzjonali kuntrarja għall-moviment liberu tal-merkanzija jew diskriminatorja kontra n-nisa setgħet tiġi ġġustifikata għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ċċarat l-istess kontenut ta’ dan il-kunċett, iżda indikat sempliċement li l-imsemmi kunċett, fis-sens tal-Artikolu 30 KE, ikopri kemm is-siġurtà interna ta’ Stat Membru kif ukoll is-sigurtà esterna tiegħu (17).

58.      Nista’ nifhem faċilment li l-kunċett ta’ siġurtà esterna huwa marbut mas-sigurtà ta’ Stat Membru fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati oħra. Fis-sentenza Leifer et, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda miżura li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni l-bejgħ ta’ merkanzija kimika lill-Iraq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li r-riskju ta’ tfixkil serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tan-nazzjonijiet jista’ jaffettwa s-sigurtà ta’ Stat Membru (18).

59.      Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ sigurtà interna jibqa’ kunċett iktar diffiċli biex jinftiehem. Huwa xieraq li ssir distinzjoni kompleta, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, bejn dan il-kunċett u dak ta’ ordni pubbliku jew, fil-fatt, jekk dawn iż-żewġ kunċetti ma humiex, fil-verità, inseparabbli, huma mill-inqas strettament marbuta?

1.      Il-kunċett ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika

60.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatturi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw l-użu tal-kunċett ta’ ordni pubbliku jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor u minn era għal oħra u b’hekk, f’dan ir-rigward, hemm bżonn li tiġi rikonoxxuta marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-limiti imposti mit-Trattat (19). Minbarra dan, hija indikat li ma teżistix skala ta’ valuri imposta fuq l-Istati Membri għall-evalwazzjoni ta’ aġir kuntrarju għall-ordni pubbliku (20).

61.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 3(2) TUE, il-moviment liberu tal-persuni huwa żgurat b’rabta mal-miżuri opportuni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu. Fil-fatt, l-Unjoni għandha l-għan li toħloq, b’mod partikolari, spazju ta’ sigurtà. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, kull Stat Membru għandu, l-ewwel nett, l-obbligu fundamentali li jħares dan l-ispazju ta’ siġurtà fit-territorju tiegħu stess.

62.      Għalhekk, b’mod ġenerali, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiddeterminaw l-eżiġenzi tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom (21).

63.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kunċett ta’ ordni pubbliku jinkludi, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-vjolenza fiċ-ċentri urbani kbar(22), il-ġlieda kontra t-traffikar tal-vetturi misruqa (23), il-protezzjoni tad-dritt tal-istampar ta’ flus (24) kif ukoll ir-rispett tad-dinjità umana (25).

64.      Mill-perspettiva tas-sigurtà interna, fis-sentenza Johnston, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li l-projbizzjoni għall-pulizija nisa tal-Irlanda ta’ Fuq li jġorru l-armi kienet iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, peress li kien hemm riskju li n-nisa jiġu suġġetti għal attakki iktar frekwenti f’sitwazzjoni ta’ problemi interni serji (26).

65.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, din is-sentenza hija eċċezzjoni għar-regola, għaliex fil-biċċa l-kbira tal-każijiet deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, din ma għamlitx distinzjoni netta bejn dawn iż-żewġ kunċetti (27).

66.      Dan in-nuqqas ta’ distinzjoni huwa iktar flagranti fis-sentenza Oteiza Olazabal (28). Fil-fatt, f’din is-sentenza, hija indikat li l-prevenzjoni ta’ attività ta’ grupp armat u organizzat tista’ tiġi kkunsidrata li tifforma parti miż-żamma ta’ sigurtà pubblika (29). Madanakollu, hija mill-perspettiva ta’ ordni pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina jekk hijiex ġustifikata l-miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra l-protagonist fl-imsemmija kawża.

67.      Minbarra dan, l-istess formulazzjoni tal-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38 li, madankollu, jadotta l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kunċett ta’ ordni pubbliku (30), jidher li jħawwad iż-żewġ kunċetti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tindika li l-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u jkunu fondati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat u li din il-kondotta għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed għal interess fundamentali tas-soċjetà peress li, fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett ta’ interess fundamentali tas-soċjetà huwa, fil-fatt, id-denominazzjoni komuni għal dawn iż-żewġ kunċetti.

68.      Bl-istess mod, anki jekk fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, tas-sentenzi Johnston u Oteiza Olazabal, iċċitati iktar ’il fuq, huwa evidenti li s-sigurtà interna ta’ Stat hija relatata mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, jidher diffiċli, jew saħansitra artifiċjali, li l-kunċetti ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika jinqaflu f’definizzjoni b’kontenut eżawrjenti

69.      U dan iżjed u iżjed minħabba li l-Istati Membri, hekk kif diġà ntqal, jibqgħu liberi li jiddeċiedu l-eżiġenzi tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom. Dawn huma biss responsabbli biex jiżguraw iż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna fit-territorju tagħhom u jgawdu minn marġini ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedu, skont il-partikolaritajiet tal-kuntesti soċjali u tal-importanza li huma jagħtu għal għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-miżuri li jistgħu jwasslu għal riżultati (31).

70.      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tiżgura li jiġi rispettat dritt daqshekk fundamentali bħal dak ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri jibqgħu l-uniċi li jistgħu jevalwaw ir-riskji ta’ ksur tal-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika fit-territorju tagħhom stess (32).

71.      F’dan ir-rigward huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni, li b’hekk segwa l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, xtaq iħalli ċerta marġini ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ sigurtà pubblika. B’hekk, l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 jindika li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika “kif imfissra mill-Istati Membri”.

72.      Għalhekk, filwaqt li għal ċertu Stati Membri, it-theddid ta’ gruppi armati indipendentisti fit-territorji tagħhom jikkostitwixxi perikolu għas-sigurtà interna tagħhom, għal oħrajn hija l-ġlieda kontra l-pjaga tat-traffikar tad-droga minn gruppi organizzati li ssir prijorità biex tigi garantita s-sigurtà fit-territorju tagħhom.

73.      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga fil-kunċett ta’ ordni pubbliku (33), naħseb li ta’ spiss dan it-tip ta’ traffikar jhedded direttament is-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni, anki jekk dan ikun minħabba s-sempliċi fatt li t-traffikanti tad-droga ma humiex ser joqgħodu jtellgħu u jniżżlu li jorganizzaw ruħhom fi gruppi armati u b’hekk joħolqu l-vjolenza fl-ibliet.

74.      Jiena tal-fehma li teżisti differenża sostanzjali bejn il-persuna li tixtri d-droga għall-konsum personali tagħha u li b’hekk tiddisturba l-ordni pubbliku u dik li tifforma parti min-netwerk veru ta’ traffikar, bil-perikolu kollu li dan jinvolvi għas-sigurtà fiżika tal-popolazzjoni.

75.      L-istess japplika fl-oqsma l-oħra bħal, pereżempju, l-pedopornografija. Għalkemm ma hemmx dubju li jeżisti perikolu għall-ordni pubbliku meta persuna tara ritratti ta’ natura pedofilistika fuq l-internet, livell iktar għoli jintlaħaq meta jkun hemm parteċipazzjoni fin-netwerk pedofilistiku li minnu jkunu oriġinaw dawk ir-ritratti.

76.      Minbarra dan, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità organizzata marbuta mal-konsum tal-alkoħol hija intiża li tissalvagwardja s-sigurtà interna (34) jappoġġja l-analiżi tiegħi. Fis-sentenza Heinonen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvern Finlandiż kien iġġustifika l-miżura li adotta li llimitat l-importazzjoni tal-alkoħol minħabba l-fatt li l-konsum tal-alkoħol fil-Finlandja, li kien żdied sostanzjalment, kien ġab miegħu, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ valutazzjoni korretta tas-sewqan fis-sakra, iż-żieda u l-aggravament tal-vjolenza, kif ukoll il-ħolqien u t-tkattir tas-swieq illegali (35).

77.      Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, is-sigurtà pubblika għandha tiġi interpretata li tinkludi mhux biss is-sigurtà tal-Istat Membru u tal-istituzzjonijiet tiegħu, iżda wkoll il-miżuri kollha intiżi li jieħdu s-sopravent fuq il-ksur serju tal-valuri essenzjali ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tiegħu.

78.      Għalhekk, naħseb li l-motivi kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jiffurmaw parti mill-kunċett ta’ ordni pubbliku jistgħu, bl-istess mod, jidħlu wkoll fil-kunċett ta’ sigurtà pubblika.

79.      Minkejja dan, ma jirriżultax tnaqqis tal-garanziji li jirregolaw il-possibilitajiet li tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni.

80.      B’hekk, meta ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, tali deċiżjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika, fis-sens tad-definizzjoni li jiena tajt lil dan il-kunċett fil-punt 77 tal-konklużjonijiet preżenti.

2.      Il-kunċett ta’ “raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika” skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 2004/38

81.      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li diversi interessi jaqgħu taħt raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (36), il-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi qatt ma kien is-suġġett ta’ deċiżjoni awtonoma.

82.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li miżura intiża li tipproteġi s-sigurtà pubblika hija raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (37), eżattament bħall-ordni pubbliku u s-saħħa pubblika.

83.      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2006/123/KE (38), jiddefinixxi l-kunċett ta’ raġunijiet imperattivi bħala “raġunijiet rikonoxxuti bħala tali fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, inklużi dawn ir-raġunijiet li ġejjin: politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika [u] saħħa pubblika”.

84.      Għalkemm, min-natura tiegħu nnifsu, motiv ta’ sigurtà pubblika huwa raġuni imperattiva, naħseb li l-użu ta’ din il-formula huwa, fil-verità, intiż li jenfasizza n-natura neċessarja u proporzjonali tar-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata l-miżura nazzjonali inkwistjoni.

85.      Fil-fatt, meta miżura nazzjonali tmur kontra l-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem ippruvat tivverifika jekk din il-miżura kinitx ġustifikata, jekk kinitx neċessarja biex tilħaq l-għan imfittex u jekk kinux jeżistu miżuri oħra anqas onerużi biex dan il-għan jintlaħaq (39).

86.      Fil-każ partikolari ta’ miżura li, minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, tillimita d-dritt ta’ residenza u ta’ moviment ta’ persuna, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jipproċedu għal eżami ta’ proporzjonalità billi jżommu f’moħħhom li tali miżura tista’ tiġi ġġustifikata minħabba dawn ir-raġunijiet biss fil-każ li tkun meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi li hija intiża li tigarantixxi u sa fejn biss dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri anqas restrittivi (40).

87.      L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, filwaqt li jevalwaw fejn jinsab l-ekwilibriju ġust bejn l-interessi leġittimi quddiemhom, għandhom għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjoni ġuridika speċjali tal-persuni li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u n-natura fundamentali tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-persuni (41).

88.      Bl-istess mod, skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 2004/38, it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata għandha tkun ibbażata biss fuq il-kondotta personali tagħha, filwaqt li ma jistgħux jiġu adottati ġustifikazzjonijiet mhux direttment marbuta mal-każ individwali kkonċernat jew relatati ma’ raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali (42).

89.      Finalment, dejjem skont din l-istess dispożizzjoni, it-theddida għas-sigurtà pubblika li tagħti lok għal dan l-aġir għandha tkun attwali (43). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ theddida attwali għandħa, bħala regola, tkun sodisfatta fil-mument li ssir l-espulsjoni (44).

90.      Kif irrilevajt fil-punti 37 sa 44 tal-konklużjonijiet preżenti, din id-direttiva tipprovdi protezzjoni kontra t-tkeċċija li l-intensità tagħha tiżdied skont it-tul ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni. L-Artikolu 28(3) tal-imsemmija direttiva jikkostitwixxi l-aħħar stadju ta’ protezzjoni u, għaldaqstant, l-iktar wieħed b’saħħtu.

91.      Għalhekk, meta titqies il-pożizzjoni ta’ dan il-paragrafu fl-istruttura tal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 u fid-dawl tat-tul ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fl-Istat Membru ospitanti, jiena naħseb li l-livell ta’ ġustifikazzjoni meħtieġ matul l-eżami tal-proporzjonalità għandu jkun għoli.

92.      Minbarra dan, nirrileva li, skont l-Artikolu 28(3)(b) tad-Direttiva 2004/38, il-minuri jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni bħall-persuni li rrisjedew fl-Istat Membru ospitanti għall-għaxar snin li jippreċedu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Dan juri b’mod ċar li tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata biss b’mod eċċezzjonali, fid-dawl tal-gravità estrema tal-aġir allegat.

93.      Għalhekk, huwa l-ewwel nett il-kompitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti u, jekk ikun il-każ, tal-qorti nazzjonali, li tiżgura li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija taċ-ċittadin tal-Unjoni tkun motivata b’mod preċiż skont il-fatti ta’ kull każ u l-gravità tal-ħsara lill-persuni.

94.      Fil-każ preżenti, li jikkonċerna deċiżjoni ta’ tkeċċija applikabbli wara li ġiet skontata piena, naħseb li l-eżami ta’ proporzjonalità jassumi importanza partikolari li jirrikjedi t-teħid inkunsiderazzjoni, mill-awtorità kompetenti, ta’ fatturi li juru li d-deċiżjoni adottata hija ta’ natura li tipprevjeni r-riskji ta’ reċediva.

95.      Naħseb li meta tieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni wara li tiġi skontata l-piena tiegħu, din l-awtorità għandha tgħid kif din id-deċiżjoni ma tippreġudikax ir-reintegrazzjoni tal-persuna kriminali. Jidhirli li tali approċċ, li huwa marbut mal-individwalizzazzjoni tal-piena li minnha jirriżulta, hu l-uniku wieħed li hu ta’ natura li jipproteġi l-interessi tal-individwu kkonċernat kif ukoll l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Fil-fatt, anki jekk il-persuna kriminali titkeċċa minn Stat Membru bil-projbizzjoni li terġa tidħol, hija tista’, bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea, tagħmel użu mil-libertà ta’ moviment tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Għalhekk, huwa fl-interess ġenerali li l-kundizzjonijiet tal-liberazzjoni tagħha jkunu ta’ natura li jressquha ’l bogħod mill-kriminalità u, fi kwalunkwe każ, li ma jkunux ta’ riskju li jerġgħu jwaqqgħuha mill-ġdid.

96.      Fil-kawża prinċipali, il-klassifikazzjoni tar-reat u l-importanza tal-piena applikabbli huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura fundamentali, għas-soċjetà, tal-interess protett. Bl-istess mod, il-piena imposta fir-rigward tal-piena massima applikabbli u l-livell ta’ involviment ta’ P. Tsakouridis fit-traffikar ta’ droga li ta lok għal din il-piena huma, fl-opinjoni tiegħi, għadd ta’ indikazzjonijiet oġġettivi li għandhom jgħinu lill-qorti nazzjonali biex tiddetermina l-livell ta’ gravità tal-kondotta tiegħu. B’mod invers, sabiex jintlaħaq dan l-ekwilibriju ġust, għandhom jitpoġġew ukoll fuq il-miżien is-sitwazzjoni personali ta’ P. Tsakouridis, bħal, pereżempju, il-fatt li l-familja tiegħu tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li jeżerċita attività ekonomika f’dan l-Istat u li għandu rabtiet mal-Istat ta’ oriġni tiegħu, kif ukoll l-effetti prodotti jew l-informazzjoni li tirriżulta mil-livell ta’ reintegrazzjoni jew ir-riskju ta’ reċidiva minħabba l-miżuri ta’ għajnuna, ta’ superviżjoni u ta’ kontroll li jakkompanjaw il-libertà kundizzjonata tiegħu. Il-falliment tal-imsemmija miżuri jista’, fil-fatt, jiġġustifika t-tkeċċija kkontemplata.

97.      Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, naħseb li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ sigurtà pubblika ma għandux jinftiehem biss f’sens restrittiv ta’ perikolu għas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru ospitanti jew tas-salvagwardja tal-istituzzjonijiet tiegħu, iżda jinkludi wkoll it-theddid serju għal interess fundamentali tas-soċjetà, bħall-valuri essenzjali ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tiegħu, identifikat minn dan l-Istat Membru permezz tar-reati imwaqqfa minnu għall-protezzjoni tagħhom.

98.      Huwa l-kompitu tal-awtorità kompetenti nazzjonali li tieħu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li timmotivaha bi preċiżjoni skont iċ-ċirkustanzi fattwali u legali li jikkaratterizzaw l-unifikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

99.      Minbarra dan meta, bħal fil-każ preżenti, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed wara li tiġi skontata piena, l-awtorità nazzjonali kompetenti trid tgħid kif din id-deċiżjoni ma tmurx kontra l-funzjoni ta’ reintegrazzjoni tal-piena.

C –    Fuq il-kundizzjoni tat-tul ta’ residenza

100. Permezz tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk P. Tsakouridis jistax jibbenefika mill-protezzjoni ogħla anki meta r-residenza tiegħu fit-territorju Ġermaniż matul l-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ġiet interrotta permezz ta’ assenzi minn dan it-territorju u meta r-ritorn tiegħu fl-imsemmi territorju huwa l-konsegwenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja.

101. Fil-fatt, skont l-Artikolku 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, il-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ preżenza, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għall-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija. Madankollu, dan l-Artikolu ma jgħid xejn dwar l-effetti fuq il-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla li jista’ jkollhom l-assenzi minn dan it-territorju matul dan il-perijodu.

102. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhomx jiġu applikati, b’analoġija, il-kundizzjonijiet previsti fl-Arikolu 16 ta’ din id-direttiva għall-għoti u għat-telf fir-rigward tad-dritt ta’ residenza permanenti.

103. B’hekk, il-ksib tal-protezzjoni ogħla ma għandux ikun iffrustrat minħabba assenzi temporanji li ma jaqbżux, komplessivament, sitt xhur fis-sena (45) u t-telf tal-protezzjoni ogħla jista’ jiġi kkonstatat biss minħabba assenzi mill-Istat Membru ospitanti li jeċċedu perijodu ta’ sentejn konsekuttivi (46).

104. Fuq dan il-punt, l-opinjonijiet tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-każ preżenti huma diverġenti.

105. Skont il-Gvern Daniż u dak Ungeriż, assenzi temporanji mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ma għandhomx effett sakemm ir-rabtiet ma’ dan l-Istat ma jkunux ġew interrotti. Għall-Gvern Daniż, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jiġi applikat b’analoġija, filwaqt li għall-Gvern Ungeriż din id-dispożizzjoni jista’ jkollha rwol indikattiv fl-evalwazzjoni tat-telf tar-rabta mal-Istat Membru ospitanti.

106. Il-Gvern tar-Renju Unit huwa tal-fehma li ċittadin tal-Unjoni jibbenefika mill-protezzjoni ogħla meta jkun kiseb dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti wara perijodu ta’ residenza ta’ ħames snin u meta, sussegwentement, ikun irrisjeda legalment f’dan l-Istat għal perijodu ieħor ta’ ħames snin.

107. Skont il-Gvern Belġjan, ma huwiex possibbli li ssir traspożizzjoni permezz ta’ analoġija. Huwa jikkunsidra li ladarba ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ħareġ mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, id-dritt tiegħu ta’ protezzjoni ogħla jintilef, u ma għandha tiġi aċċettata l-ebda eċċezzjoni.

108. Bl-istess mod, il-Gvern Pollakk u l-Kumissjoni jikkunsidraw li applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38 ma hijiex possibli. Skont il-Gvern Pollakk, it-telf tal-protezzjoni ogħla jista’ jiġi ġġustifikat biss meta tispiċċa kwalunke rabta mal-Istat Membru ospitanti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li għandu jiġi eżaminat jekk iċ-ċentru ta’ interessi taċ-ċittadin tal-Unjoni għadux jinstab fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, assenzi ta’ perijodi qosra ma għandux ikollhom effett fuq il-kalkolu taż-żmien.

109. Fil-fehma tiegħi, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38, ma huwiex possibbli li jiġi applikat b’analoġija fil-konfront tiegħu, l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva. Naħseb li hija ż-żamma ta’ rabta b’saħħitha mal-Istat Membru ospitanti li hija determinanti.

110. Hekk kif diġà rrilevajt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 ma tipprovdix x’inhi l-konsegwenza ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti fuq il-benefiċċju jew it-telf tal-protezzjoni ogħla.

111. Skont ġurisprudenza kostanti, meta l-formulazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma tippermettix li jiġi determinat preċiżament kif din tal-aħħar għandha tinftiehem, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskema u l-għanijiet tal-leġiżlazjoni li tifforma parti minnha (47).

112. Għaldaqstant, ir-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih tinsab id-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll l-istruttura u l-għanijiet tad-Direttiva 2004/38.

113. Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea tikkonferixxi lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri(48). L-imsemmija direttiva għandha l-għan li tissimplifika u ssaħħaħ dan id-dritt (49) sabiex il-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni bejn l-Istati Membri jsir taħt kundizzjonijiet analogi għal dawk taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jiċċaqilqu u jbiddlu r-residenza jew in-negozju fi ħdan l-Istat tagħhom stess (50).

114. Hawnhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jrid li jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni li, wara bosta snin ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, jistgħu jħossuhom verament integrati f’dan l-ewwel Stat.

115. Peress li t-tkeċċija mill-Istat Membru ospitanti tista’ tagħmel ħsara serja lil dawn iċ-ċittadini, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq, hekk kif diġà rrilevajt, mekkaniżmu ta’ protezzjoni kontra l-espulsjoni, ibbażat fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità (51).

116. Peress li t-tul ta’ residenza huwa fattur ta’ integrazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni fformula l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38 b’tali mod li iktar ma jkun twil it-tul ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, iktar ma jridu jkunu stretti r-raġunijiet li minħabba fihom dan l-Istat ikun jista’ jadotta deċiżjoni ta’ tkeċċija.

117. Fil-fatt, skont l-Artikolu 28(1) ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru ospitanti jista’ jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontra ċittadin tal-Unjoni li ma għandux id-dritt ta’ residenza permanenti (52) għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadin tal-Unjoni li kiseb id-dritt ta’ residenza permanenti jista’ jkun is-suġġett ta’ tali deċiżjoni biss għal raġunijiet serji ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika. Finalment, skont l-Artikolu 28(3)(a) ta’ din id-direttiva, jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni rrisjeda fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li ppreċedew id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, tali deċiżjoni tista’ tkun ibbażata biss fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà pubblika.

118. Għalhekk nirrileva li iktar ma tkun b’saħħitha l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti minħabba t-tul tar-residenza tagħhom f’dan l-Istat, iktar għandha tkun b’saħħitha l-protezzjoni kontra t-tkeċċija (53).

119. Għalhekk naħseb li għandu jkun hemm koerenza bejn il-livell ta’ integrazzjoni fl-imsemmi Stat u l-livell ta’ protezzjoni mogħtija.

120. Il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq mill-premessa li tipprovdi li perijodu twil ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti huwa xhieda ta’ integrazzjoni qawwija. B’hekk, jiena naħseb li wara preżenza ta’ mill-anqas ta’ għaxar snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, teżisti preżunzjoni ta’ integrazzjoni sħiħa.

121. Tali livell ta’ integrazzjoni, meħtieġ fl-aħħar stadju tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija, ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jaċċetta assenzi mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li jistgħu jagħtu lok għall-ksur tar-rabta b’saħħitha bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u dan l-Istat.

122. Madankollu, wieħed ma jistax jeżiġi miċ-ċittadin tal-Unjoni, projbizzjoni totali ta’ assenza. Fil-fatt, dan imur kontra l-għan tal-moviment liberu tal-persuni, mitlub mid-Direttiva 2004/38(54), li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu ddisswaduti milli jużaw il-libertà ta’ moviment tagħhom minħabba li sempliċi assenza mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jista’ jkollha effett fuq id-dritt tagħhom għal protezzjoni ogħla kontra t-tkeċċija.

123. Għalhekk, jiena naħseb li assenzi temporanji għal raġunijiet professjonali jew għal vaganzi ma għandhomx ikollhom effett fuq iż-żmien meħtieġ fl-aħħar livell ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija. Fil-fatt, tali assenzi ma jistgħux, fl-opinjoni tiegħi, jippreġudikaw ir-rabta b’saħħitha li tgħaqqad liċ-ċittadin tal-Unjoni mal-Istat Membru ospitanti.

124. Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li assenza ta’ iktar minn sittax-il xahar, bħal dik inkwistjoni fil-każ preżenti, tista’ tagħti lok għat-telf tal-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla mogħti skont l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li, minħabba dan il-fatt, ma huwiex possibbli li l-Artikolu 16(4) ta’ din id-Direttiva jiġi applikat permezz ta’ analoġija.

125. Fil-każ preżenti, il-qorti tar-rinviju tindikalna li P. Tsakouridis kien assenti mit-territorju Ġermaniż, għall-ewwel darba minn Marzu 2004 sa nofs Ottubru 2004, jiġifieri madwar sitt xhur u nofs u, għat-tieni darba, minn nofs Ottubru 2005 sa Marzu 2007, jiġifieri naqra iktar minn sittax‑il xahar.

126. Fir-rigward tal-ewwel assenza ta’ P. Tsakouridis, mill-proċess jirriżulta li dan kien assenta ruħu sabiex jeżerċita dak li jidher li kien impjieg staġjonali fil-Greċja.

127. Jiena naħseb li jista’ jiġi aċċettat li assenza għal tali raġunijiet ma kellhiex effett fuq iż-żmien meħtieġ għall-ksib tal-protezzjoni ogħla prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38. Jiena tal-fehma li għandu jiġi vverifikat jekk ir-rabta li tgħaqqad liċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat mal-Istat Membru ospitanti dejjem baqgħet daqshekk b’saħħitha billi jiġi vverifikat, pereżempju, meta rritorna fit-territorju ta’ dan l-Istat, jekk żammx rabtiet mal-membri tal-familja tiegħu li huma wkoll stabbiliti fl-imsemmi Stat, jekk żammx residenza hemmhekk u wkoll, jekk reġax qabad attività professjonali stabbli fi żmien raġonevoli.

128. Min-naħa l-oħra, it-tieni assenza ta’ P. Tskouridis minn nofs Ottubru 2005 sa Marzu 2007, li ġiet interrotta mhux minħabba l-volontà tiegħu, iżda għaliex huwa kien is-suġġett ta’ ritorn forzat fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti bħala konsegwenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, tinvolvi l-interruzzjoni tat-terminu ta’ għaxar snin. Fil-fatt, naħseb li tali assenza turi, fir-realtà, li ċ-ċittadin tal-Unjoni stabbilixxa ruħu fi Stat Membru ieħor u li għalhekk, ir-rabta li tgħaqqdu mal-Istat Membru ospitanti ma għadhiex daqshekk b’saħħitha, jew saħansitra spiċċat għal kollox.

129. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, naħseb li huwa diffiċli li jintqal li P. Tsakouridis jista’ jipprevalixxi ruħu mill-protezzjoni ogħla prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38.

130. Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċittadini tal-Unjoni, ikun kemm ikun it-tul ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, ma humiex nieqsa minn protezzjoni kontra t-tkeċċija (55). Minbarra dan, l-Artikolu 32(1) ta’ din id-Direttiva jipprovdi li l-persuni li jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ tali tkeċċija fi żmien raġonevoli u, fi kwalunkwe każ, wara tliet snin mill-infurzar tad-deċiżjoni definittiva ta’ tkeċċija, filwaqt li tali tkeċċija, fl-ebda każ, ma tista’ tiġi imposta għal dejjem (56).

131. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, naħseb li l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li, b’mod ġenerali, assenzi temporanji li ma jippreġudikawx ir-rabta b’saħħitha li tgħaqqad liċ-ċittadin tal-Unjoni mal-Istat Membru ospitanti u li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, ma għandhomx effett fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ għaxar snin meħtieġ minn dan l-Artikolu.

132. Għall-kuntrarju, assenza ta’ iktar minn sittax‑il xahar mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li, bħal fil-każ preżenti, spiċċat biss permezz tar-ritorn forzat taċ-ċittadin tal-Unjoni b’konsegwenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat, tista’ ttellef lil dan iċ-ċittadin il-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla previst fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 sakemm tali assenza tagħti lok għall-ksur tar-rabta b’saħħitha li tgħaqqad l-imsemmi ċittadin mal-imsemmi Stat, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali.

V –    Konklużjoni

133. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej lill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg:

“L-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-kunċett ta’ sigurtà pubblika ma għandux jinftiehem biss f’sens restrittiv ta’ perikolu għas-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru ospitanti jew tas-salvagwardja tal-istituzzjonijiet tiegħu, iżda jinkludi wkoll it-theddid serju għal interess fundamentali tas-soċjetà, bħalma huma l-valuri essenzjali ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tiegħu, identifikati minn dan l-Istat Membru permezz tar-reati mwaqqfa minnu għall-protezzjoni tagħhom;

–        huwa l-kompitu tal-awtorità kompetenti nazzjonali li tieħu d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li timmotivaha bi preċiżjoni skont iċ-ċirkustanzi fattwali u legali li jikkaratterizzaw l-unifikazzjoni ta’ dawn il-kriterji.

–        meta, bħal fil-każ preżenti, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed wara li tiġi skontata piena, l-awtorità kompetenti nazzjonali trid tgħid kif din id-deċiżjoni ma tmurx kontra l-funzjoni ta’ reintegrazzjoni tal-piena;

–        assenzi temporanji li ma jippreġudikawx ir-rabta b’saħħitha li tgħaqqad liċ-ċittadin tal-Unjoni mal-Istat Membru ospitanti u li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, ma għandhomx effett fuq il-kalkolu tat-terminu ta’ għaxar snin meħtieġ mill-Artikolu 28(3)(a).

–        assenza ta’ iktar minn sittax‑il xahar mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li, bħal fil-każ preżenti, spiċċat biss permezz tar-ritorn forzat taċ-ċittadin tal-Unjoni b’konsegwenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat, tista’ ttellef lil dan iċ-ċittadin il-benefiċċju tal-protezzjoni ogħla previst fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38 sakemm tali assenza tagħti lok għall-ksur tar-rabta b’saħħitha li tgħaqqad l-imsemmi ċittadin mal-imsemmi Stat, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46).


3 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, Ġabra, p. 1665).


4 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1975, Bonsignore (67/74, Ġabra, p. 297).


5 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ottubtu 1977, Bouchereau (30/77, Ġabra, p. 1999).


6 – BGBl. 2004 I, p. 1950, kif emendat, l-aħħar, mil-Liġi, tas-26 ta’ Frar 2008, (BGBl. 2008 I, p. 215, iktar ’il quddiem il-“FreizügG/EU”).


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 18), u tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Ara l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [KUM(2001) 257 finali].


9 – Ara l-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38.


10 – Ara l-premessa 24 ta’ din id-direttiva.


11 – Pereżempju, fil-Ġermanja, il-funzjoni ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-piena hija enfasizzata fl-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-eżekuzzjoni tal-piena restrittiva tal-libertà (“Strafvollzugsgesetz”). Fi Spanja, l-Artikolu 25(2) tal-Kostituzzjoni tal-1978 jipprovdi li l-pieni ta’ privazzjoni tal-libertà u l-miżuri ta’ sigurtà huma orjentati lejn l-edukazzjoni mill-gdid u r-reintegrazzjoni soċjali. Fl-Italja, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 27 tal-Kostituzzjoni tal-1948 jipprovdi li l-pieni ma jistgħux jikkonsistu fi trattament kuntrarju għas-sentimenti ta’ umanità u għandu jkollhom bħala l-għan tagħhom l-edukazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata.


12 – Rakkomandazzjoni Ġabra (2006)2 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar ir-Regoli penali Ewropej [traduzzjoni mhux uffiċjali], adottata fil-11 ta’ Jannar 2006.


13 – Ara parti I, punt 6, tal-anness ta’ din ir-rakkomandazzjoni.


14 – Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Mastromatteo vs L‑Italja tal-24 ta’ Ottubru 2002, Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet 2002-VIII, punt 72.


15 – Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et (72/83, Ġabra p. 2727); tal-4 ta’ Ottubru 1991, Richardt u “Les Accessoires Scientifiques” (C‑367/89, Ġabra p. I‑4621), u tas-17 ta’ Ottubru 1995, Leifer et (C‑83/94, Ġabra p. I‑3231).


16 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651), u tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar (C‑273/97, Ġabra p. I‑7403).


17 – Ara s-sentenzi Richardt u “Les Accessoires Scientifiques” iċċitata iktar ’il fuq (punt 22); Leifer et iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, Ġabra p. I‑69, punt 17).


18 – Ara punti 28 u 29 tas-sentenza.


19 – Sentenzi van Duyn, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18), u tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219, punt 28).


20 – Ara s-sentenza Adoui u Cornuaille, iċċitata iktar ’il fuq (punt 8).


21 – Ara s-sentenzi Rutili, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26), u tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, Ġabra p. I‑1335, punt 17).


22 – Ara s-sentenza Bonsignore, iċċitata iktar ’il fuq.


23 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1991, Boscher (C‑239/90, Ġabra, p. I‑2023).


24 – Ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 1978, Thompson et (7/78, Ġabra, p. 2247).


25 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra, p. I‑9609).


26 – Ara punti 35 u 36 tas-sentenza. Ara wkoll, is-sentenza Sirdar, iċċitata iktar ’il fuq (punt 17).


27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bonsignore, iċċitata iktar ’il fuq; tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497), u tas-17 ta’ Ġunju 1997, Shingara u Radiom (C‑65/95 u C‑111/95, Ġabra p. I‑3343).


28 – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002 (C‑100/01, Ġabra p. I‑10981).


29 – Ara punt 35 tas-sentenza.


30 – Ara s-sentenza Rutili, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


31 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, Ġabra p. I‑6959, punt 33), u tal-15 ta’ Ġunju 1999, Heinonen (C‑394/97, Ġabra p. I‑3599, punt 43).


32 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza van Duyn, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18).


33 – Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C-348/96, Ġabra p. I-11), u tad-29 ta’ April 2004 Orfanopoulos u Olivieri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p.I-5257).


34 – Ara s-sentenza Heinonen, iċċitata iktar ‘il fuq (punt 43).


35 – Ibidem (punt 18).


36 – Għal lista mhux eżawrjenti, ara, b’mod partikolari, dwar il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1993, Yves Rocher (C‑126/91, Ġabra p. I‑2361); dwar il-koerenza tas-sistema fiskali, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107); dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ordni soċjali fil-qasam tal-logħob, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891), u, dwar is-sigurtà fit-toroq, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑54/05, Ġabra p. I‑2473).


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Sea-Land Service u Nedlloyd Lijnen (C‑430/99 u C‑431/99, Ġabra p. I‑5235, punti 39 u 41).


38 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).


39 – Ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza Boscher, iċċitata iktar ’il fuq (punti 22 u 23); fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36), u, fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni, is-sentenza Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43).


40 – Ara s-sentenza Oteiza Olazabal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 43). Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, is-sentenza Église de scientologie, iċċitata iktar ’il fuq (punt 18), u, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza Omega, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


41 – Ara s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq (punt 96). Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewopew, tad-19 ta’ Lulju 1999, dwar il-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-residenza taċ-ċitadini tal-Unjoni li huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika [COM(1999) 372 finali].


42 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bonsignore, iċċitata iktar ’il fuq (punti 5 u 6).


43 – Ara s-sentenza Bouchereau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28), u tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 44).


44 – Ara s-sentenza Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq (punti 78 u 79).


45 – Ara l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38.


46 – Ara l-Artikolu 16(4) ta’ din id-direttiva.


47 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung Rabitsch (C‑533/07, Ġabra p. I-3327, punti 19 u 20). Ara wkoll, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck (292/82, Ġabra p. 3781, punt 12); tal-14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, Ġabra p. I‑4447, punt 30), u tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML (C‑283/05, Ġabra p. I‑12041, punti 16 u 22).


48 – Ara l-premessa 1 tad-Direttiva 2004/38.


49 – Ara l- premessa 3 tad-Direttiva 2004/38.


50 – Ara l-proposta għal Direttiva msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


51 – Ara l-premessa 23 tad-Direttiva 2004/38.


52 – Infakkar li skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, id-dritt ta’ residenza permanenti jinkiseb wara residenza interrotta ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.


53 – Ara l-premessa 24 tad-Direttiva 2004/38.


54 – Ara l-premessa 2 ta’ din id-Direttiva.


55 – Ara l-Artikolu 28(1) u 28(2) tad-Direttiva 2004/38.


56 – Ara l-premessa 27 tal-imsemmija direttiva. Ara wkoll is-sentenza Calfa, iċċitata iktar ’il fuq (punti 18 u 29).