KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Kokott

ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2010 (1)

Kawżi C‑105/09 u C‑110/09

Terre wallonne ASBL

vs

Ir-Reġjun tal-Vallonja

u

Inter-Environnement Wallonie ASBL

vs

Ir-Reġjun tal-Vallonja

[talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju)]

“Direttiva 2001/42/KE – Evalwazzjoni tal-effettita’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 91/676/KEE – Protezzjoni tal-ilmijiet kontra t-tniġġis ikkważat min-nitrati minn sorsi agrikoli – Programmi ta’ azzjoni li jirrigwardaw iż-żoni vulnerabbli nominati”





I –    Introduzzjoni

1.        Id-deċiżjonijiet preliminari tal-Conseil d’État Belġjan li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (2) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva EEA, fejn l-abbrevjazzjoni EEA tindika l-evalwazzjoni strateġika ambjentali). Il-punt li għandu jiġi eżaminat huwa dak dwar jekk il-programmi ta’ azzjoni previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (3) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva nitrati) għandhomx jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

2.        Id-Direttiva SEA, flimkien mad-Direttiva 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (4) (iktar ’il quddiem: Direttiva EIA), għandha tiggarantixxi li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-effetti sinjifikattivi kollha li l-proġetti jistgħu jkollhom fuq l-ambjent meta jadottaw deċiżjonijiet li kellhom impatt fuq it-twettiq tagħom. Id-Direttiva EIA stabbiliet evalwazzjonijiet ta’ dawn l-effetti li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-proġetti. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent prevista mid-Direttiva SEA hija mwettqa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ deċiżjoni li jippreċedu l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni proprjament imsejħa proġetti individwali, iżda li jistgħu jkollhom impatt fuq dawn.

3.        Il-kisi bid-demel tal-uċuħ tar-raba’ huwa sottomess għar-regoli stabbiliti mid-Direttiva nitrati u mill-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu adottati għall-implementazzjoni tiegħu. Il-bdiewa jdemmlu l-għelieqi tagħhom mhux biss sabiex itejbu t-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’ tagħhom, iżda wkoll biex jeħilsu mill-effluwenti li joriġinaw mill-annimali. Meta impriża tipproduċi iktar effluwenti minn dak li l-uċuħ tar-raba’ jistgħu jassorbu, dan iġib miegħu eċċess li jniġġes regolarment l-ilmijiet.

4.        Din hija r-raġuni li għaliha tqajmet il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-programmi ta’ azzjoni previsti mid-Direttiva nitrati, humiex adottati deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq l-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti bħall-programmi ta’ azzjoni li għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha l-ewwel nett tindirizza kwistjonijiet fundamentali tad-Direttiva EEA essenzjalment rigward is-sinjifikat tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm u ser jkollha wkoll tippreċiża f’liema ċirkustanzi dawn il-pjanijiet u l-programmi jiddefinixxu kuntest għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva EEA

5.        L-għanijiet tad-Direttiva EEA huma stabbiliti fl-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima [evalwazzjoni] ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.”

6.        Il-pjanijiet u programmi huma definiti fl-Artikolu 2(a):

“Għall-għanijiet ta’ din id-direttiva,

a) “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;”.

7.        L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni u jinnomina l-pjanijiet u l-programmi li għandhom jiġu sottomessi għal evvalwazzjoni. Huma determinanti b’mod partikolari paragrafi 1 sa 5:

“1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)       li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

b)       li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .

4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti .

5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinjifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

6. […].”

8.        L-Anness II jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat il-portata probabbli tal-effetti kkunsidrati fl-Artikolu 3(5). Ser nikkunsidra hawn il-punt 1, l-ewwel inċiż:

“1. Il-karatteristiċi tal-pjanijiet u l-programmi, billi tingħata konsiderazzjoni, b’mod partikolari,

–        tal-grad li għalih il-pjan jew il-programm jistabbilixxi qafas għall-proġetti u attivitajiet oħra, kemm għar-rigward tal-lok, in-natura, id-daqs u l-kondizzjonijiet tax-xogħol jew billi jkunu allokati r-riżorsi,

[…].”

9.        Xieraq nindika b’mod supplimentari li, mill-2008, l-Unjoni hija parti mill-Protokoll dwar il-valutazzjoni ambjentali strateġika tal-konvenzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali, liema konvenzjoni ġiet konkluża f’Espoo fl-1991 (5) (iktar ’il quddiem: Protokoll dwar l-evalwazzjoni strateġika ambjentali) (6). Dan il-protokoll fih regoli simili għal dawk li jidhru fid-Direttiva EEA, li żgurat it-traspożizzjoni fid-dritt Komunitarju (7).

B –    Id-Direttiva nitrati

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva nitrati jimponi lill-Istati Membri li jinnominaw ċerti żoni bħala żoni vulnerabbli sabiex jiġġieldu kontra t-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżati min-nitrati ta’ oriġini agrikola. Skont l-Artikolu 5, huma għandhom jadottaw programmi ta’ azzjoni għal dawn iż-żoni vulnerabbli:

“1. Fil-perijodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-nomini inizjali riferiti fl-Artikolu 3(2) jew fi żmien sena minn kull nomina addizzjonali riferita fl-Artikolu 3(4), l-Istati Membri għandhom, bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2. […]

3. Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

a)       l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

b)       il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4. Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

a)       il-miżuri f’L-Anness III;

b)       dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5. L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibbli.

6. L-Istati Membri għandhom ifasslu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ xieraq sabiex jivvalutaw l-effiċjenza tal-programmi ta’ azzjoni stabbiliti skond dan l-Artikolu.

L-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5 fit-territorju tagħhom kollu għandhom jimmonitorjaw il-kontenut tan-nitrat fl-ilma (l-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) f’lokalitajiet magħżula għall-kejl li jagħmluha possibbli li jiġi stabbilit l-ammont tat-tniġġis min-nitrat fl-ilmijiet minn sorsi agrikoli.

7. L-Istati Membri għandhom jirrevedu u jekk meħtieġ jikkorreġu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom, inkluża kull miżura addizzjonali meħuda skond il-paragrafu 5, mill-inqas kull erba’ snin. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’ kull tibdil fil-programmi ta’ azzjoni.”

C –    Id-Direttiva EIA

11.      Id-Direttiva EIA hija l-punt ta’ riferiment tal-obbligu tal-evalwazzjoni impost mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA.

12.      Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva EIA, il-proġetti kkunsidrati fl-Anness I huma sottomessi għal evvalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Il-punt 17 tal-Anness I jelenka ċerti stallazzjonijiet intiżi għat-trobbija, jiġifieri:

“17. Stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b’iktar minn:

a)      85000 post għall-kapuċċelli, 60000 post għat-tiġieġ;

b)      3000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta’ iktar minn 30 kg); jew

c)      900 post għall-majjaliet.”

13.      Il-proġetti kkunsidrati fl-Anness II għandhom ikunu sottomessi għal evalwazzjoni meta jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. Il-punt 1 tal-Anness II jelenka b’mod partikolari l-proġetti li ġejjin:

“b)      Proġetti għall-użu ta’ raba’ mhux ikkultivat jew ta’ żoni semi-naturali bil-għan ta’ biedja intensiva;

[…]

e)      Stallazzjonijiet għat-tkabbir b’mod intensiv ta’ l-annimali ta’ l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I).”

14.      L-Artikolu 8 jispeċifika x’għandu jsir bir-riżultati tal-evalwazzjoni:

“Informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tittieħed in konsiderazzjoni fil-proċedura ta’ kunsens għal żvilupp.”

D –    Id-Direttiva 2003/35

15.      Għandha tiġi msemmija wkoll id-Direttiva 2003/35/KE tal-Palament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (8). L-Artikolu 2 tagħha jistabbilixxi r-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’dak li jikkonċerna l-pjanijiet u l-programmi. L-Artikolu 2(5) jeskludi madankollu l-pjanijiet u l-programmi elenkati fl-Anness I li l-effetti ambjentali tagħhom huma diġà suġġetti għal evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA. Il-pjanijiet u l-programmi msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva nitrati huma elenkati fl-Anness I(c) tad-Direttiva 2003/35.

E –    Id-direttivi dwar il-protezzjoni tan-natura

16.      L-obbligu ta’ evalwazjoni impost mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA jirreferi għad-dritt tal-protezzjoni tan-natura li huwa stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (9) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva ħabitat) u fid-Direttiva 79/409/KEE tal-Kunsill tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar salvaġġi (10). Dawn id-Direttivi jipprovdu n-nominazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni għal ċerti tipi ta’ ħabitat u ċerti speċi. L-Artikolu 6(3) u (4), tad-Direttiva ħabitat, li, skont l-Artikolu 7, japplika wkoll għaż-żoni ta’ protezzjoni tal-għasafar, jistabbilixxi r-regoli ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni tal-pjanijiet u l-proġetti jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq dawn iż-żoni protetti:

“3. Kull pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom juru li ma jaqblux dwar dan il-pjan jew proġett biss wara li jiżguraw irwieħhom li mhux ser jhedded l-integrità tas-sit ikkonċernat u wara li jkunu ħadu, jekk ikun il-każ, l-opinjoni tal-pubbliku.

4. Jekk, minkejja konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir, inklużi dawk ta’ natura soċjali u ekonomika, l-Istat Membru għandu jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 hija protetta. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

F –    Id-dritt Belġjan

17.       Minn indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-Reġjun tal-Vallonja adotta fil-15 ta’ Frar 2007 digriet li jemenda l-ktieb II tal-Kodiċi tal-ambjent li jikkostitwixxi l-Kodiċi tal-ilma f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura (11). Dan id-digriet huwa l-programm ta’ azzjoni li r-reġjun adotta fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati.

III – Proċedura prinċipali u deċiżjonijiet preliminari

18.      L-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent Terre Wallonne u Inter-Environnement Wallonie ressqu rikors kontra dan id-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja quddiem il-Conseil d’État. Huma jikkritikaw b’mod partikolari r-reġjun minħabba li ma pproċediex għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kif irrikjediet id-Direttiva EEA.

19.      Din hija r-raġuni li għaliha l-Conseil d’État indirizza d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, li hu ppreparat għall-agrikoltura, l-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, t-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li [jistabbilixxi] l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE?

2.            Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, li, peress li l-effetti li huwa jista’ jkollu fuq is-siti, jeħtieġ evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE, b’mod partikolari meta l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu inkwistjoni japplika għaż-żoni vulnerabbli indikati kollha tar-Reġjun tal-Vallonja?

3.      Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, huwa pjan jew programm differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva, li jiddefinixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skont l-Artikolu 3(4), jekk huma jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 5?

20.      Ippreżentaw osservazzjonijiet miktubin lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Inter-Environnement Wallonie u r-Reġjun tal-Vallonja kif ukoll ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Kummissjoni. Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika Ċeka, ipparteċipaw ukoll għas-seduta tal-21 ta’ Jannar 2010.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

21.      Id-domandi tal-Conseil d’État jirrigwardaw tliet każijiet li fihom il-pjanijiet u l-programmi għandhom ikunu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva EEA. Dawn huma pjanijiet u programmi

–        li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti kkunsidrati fid-Direttiva EIA tkun tista’ tiġi awtorizzata [Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni B];

–        li għalihom id-Direttiva ħabitat tirrekjedi valutazzjoni minħabba l-effetti li huma suxxettibbli li jkollhom fuq is-siti mħarsa [Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni C] jew

–        li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti oħrajn suxxettibbli li jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent tkun tista’ tiġi awtorizzata [Artikolu 3(4) u (5), tad-Direttiva EEA; ara s-Sezzjoni D].

22.      Għal kull waħda minn dawn il-kategorija, ser ikun hemm bżonn l-ewwel nett li jiġi ddeterminat jekk il-programmi ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati humiex pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva EEA (ara s-Sezzjoni A(1)) u jekk hux neċessarju li jiġi eżaminat b’mod astratt jekk il-programmi ta’ azzjoni jistgħux ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi (ara s-Sezzjoni A(2)).

A –     Osservazzjonijiet preliminari

1.      Dwar il-kunċetti ta’ “pjanijiet u programmi”

23.      Il-Belġju jsostni li d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja huwa dispożizzjoni legali u li għaldaqstant ma huwiex pjan jew programm fis-sens tad-Direttiva EEA. Huwa jibbaża l-argument tiegħu fuq il-premessa korretta li programm ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati u, għaldaqstant, id-digriet ikkontestat fih ukoll regoli li jistgħu jiġu inklużi wkoll f’liġijiet. Meta nanalizza s-sens tal-kliem b’mod iżolat, jidher plawżibbli li jiġu mifhuma l-kunċetti ta’ pjan u programm fis-sens li jeskludu l-liġijiet. Jekk jiġi analizzat is-sens tal-kliem b’mod iżolat, jidher plawsibbli li l-kunċetti ta’ pjanijiet u programmi jinftehmu fis-sens li dawn jeskludi l-liġijiet. Il-pjanijiet u l-programmi jistabbilixxu b’hekk intenzjonijiet li jeħtieġu implementazzjoni ulterjuri, iżda ebda regoli ta’ applikazzjoni immedjata.

24.      Il-leġiżlatur ma segwiex madankollu dan l-approċċ restrittiv, bħalma turi diġà l-għażla tal-isem tal-programm, għall-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati, u għaldaqstant għad-digriet ikkontestat. Id-Direttiva 2003/35 [ara l-punt (a) hawn taħt] tikkonferma li dan l-isem ma għandux kontenut differenti fid-Direttiva nitrati minn dak li għandu fid-Direttiva EEA. Għall-bqija, madankollu, l-għanijiet tad-Direttiva EEA [ara l-punt (b) iktar ’l isfel] u l-kuntest sistematiku tagħha [ara l-punt (c) iktar ’l isfel] kif ukoll il-protokoll dwar il-evalwazzjoni strateġika ambjentali li ntlaħaq għal skop analogu għal dak tad-Direttiva EEA [ara l-punt (d) iktar ’l isfel] ifittxu li ma jeskludux immedjatament il-miżuri leġiżlattivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EEA.

a)      Dwar id-Direttiva 2003/35

25.      L-argument prinċipali li jinkoraġġixxi l-kunsiderazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati bħala pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESE jirriżulta minn direttiva oħra, jiġifieri d-Direttiva 2003/35, li diġà rreferiet għaliha l-qorti tar-rinviju. Din id-direttiva tittratta b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi rigward l-ambjent.

26.      L-Artikolu 2(2) u l-Anness I(c), tad-Direttiva 2003/35 isemmu espressament il-programmi ta’ azzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati bħala pjanijiet u programmi.

27.      Dan għaliex kien konxju li d-Direttiva EEA tikkunsidra hija wkoll il-pjanijiet u l-programmi li l-leġiżlatur stabbilixxa r-regoli ta’ kunflitt ta’ dawn iż-żewġ direttivi fl-Artikolu 2(5), tad-Direttiva 2003/35: id-Direttiva 2003/35 tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku biss meta l-pjan jew il-programm ikkonċernat ma ġiex sottomess għal evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA.

28.      Kien ikun kuntradittorju kieku, fid-Direttiva 2003/35, il-leġiżlatur innomina speċifikament il-programmi ta’ azzjoni bħala pjanijiet u programmi, u kieku ppreveda wkoll il-possibbiltà ta’ evalwazzjoni skont id-Direttiva EEA, iżda li l-programmi ta’ azzjoni ma jkunux jistgħu jkunu pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva ESE għaliex għandhom jinkludu regoli legali.

b)      Dwar l-għanijiet tad-Direttiva EEA

29.      L-inklużjoni tal-miżuri leġiżlattivi hija barra minn hekk konformi mal-għanijiet tad-Direttiva EEA. Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva EEA għandha bħala għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fit-tfassil u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi billi tipprevedi li ċerti pjanijiet u programmi li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi jkunu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali.

30.      L-interpretazzjoni taż-żewġ kunċetti ta’ “pjanijiet u proġetti” għandha għalhekk tiggarantixxi li l-miżuri li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu sottomessi għal valutazzjoni ta’ dawn. Bħalma jgħodd għad-Direttiva EEA (12), jidher għalhekk xieraq li tingħata bi priorità attenzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kkonċernati jistgħux jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Id-dispożizzjonijiet legali jistgħu jkollhom tali effetti, b’mod partikolari meta jippermettu t-tniġġis tal-ambjent.

31.      Mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva EEA joħroġ l-għan speċifiku mħadden minnha permezz tal-evalwazzjoni ta’ pjanijiet u programmi. Fil-fatt, hija tikkompleta d-Direttiva EIA, li ppreċedietha b’iktar minn għaxar snin u li kellha bħala għan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti ekoloġiċi waqt il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti.

32.      L-applikazzjoni tad-Direttiva EIA uriet li fil-mument tal-evalwazzjoni ta’ proġetti, effetti ambjentali sinjifikattivi kienu diġà ġew stabbiliti abbażi ta’ miżuri ta’ pjanifikazzjoni preċedenti (13). Din hija r-raġuni li għaliha, jekk huwa possibbli li jiġu studjati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, ma għadux kompletament possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-awtorizzazzjoni tal-proġett. Huwa għalhekk iktar għaqli li jiġu eżaminati tali effetti ekoloġiċi mill-istadju tal-miżuri preparatorji u li jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest.

33.      Pereżempju, pjan ta’ itinerarju astratt jista’ jistabbilixxi li triq għandha tinbena f’kuritur determinat, b’tali mod li fil-mument tal-awtorizzazzjoni ulterjuri tal-proġett konkret ta’ kostruzzjoni tat-triq, ikun possibbli li l-kwistjoni dwar jekk jeżistux, minbarra dan il-kuritur, itinerarji ta’ sostituzzjoni li jikkawżaw l-effetti ambjentali żgħar ma tkunx eżaminata iktar. Huwa għalhekk xieraq li jiġi eżaminat mill-istabbiliment tal-kuritur liema effetti d-delineazzjoni tal-itinerarju għandha fuq l-ambjent u jekk itinerarji ta’ sostituzzjoni jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

34.      Il-kundizzjonijiet li jippreċedu l-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jista’ jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi jistgħu jkunu ta’ natura differenti. Il-pjanijiet relatati ma’ settur partikolari jistgħu jistabbilixxu b’mod xi ftit jew wisq preċiż fejn ċerti proġetti għandhom jiġu eżegwiti. Miżuri li jistabbilixxu l-mod ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti jistgħu madankollu wkoll ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi. Huwa b’dan il-mod li leġiżlazzjoni (fittizja) li tippermetti li jiġu ddevjati direttament l-effluwenti tal-annimali mhux ippurifikati direttament mill-istallazzjonijiet għat-trobbija intensiva lejn ilmijiet naturali jkollha effetti ambjentali sinjifikattivi.

35.      Din hija r-raġuni li għaliha huwa possibbli li jittieħdu kompletament inkunsiderazzjoni effetti ambejntali sinjifikattivi biss jekk dawn ikunu ġew analizzati għall-miżuri kollha preparatorji li jistgħu jkollhom bħala effett li proġetti eżegwiti ulterjorment ikollhom tali effetti. F’dan is-sens, il-kunċetti ta’ pjan u programm għandhom ikunu interpretati b’mod wiesa’ biżżejjed biex jiġu inklużi wkoll dispożizzjonijiet legali.

c)      Dwar il-koerenza sistematika tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm fid-Direttiva EEA

36.      Ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva EEA jikkonfermaw din l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ pjan u ta’ programm.

37.      L-Artikolu 2(a), tad-Direttiva EEA jistabbilixxi li għall-finijiet tad-direttiva, it-termini “pjanijiet u programmi” għandhom jinftehmu bħala l-pjanijiet u programmi, inklużi dawk kofinanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll l-emendi tagħhom, li huma mfassla jew adottati minn awtorità fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew imfassla minn awtorità għall-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, u li huma rikjesti mil-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi.

38.      Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix iż-żewġ kunċetti, iżda sempliċement tiddeskriviehom bħala: il-frażi “pjanijiet u programmi” fis-sens tad-direttiva tindika l-pjanijiet u programmi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet (supplimentari).

39.      Jidher biċ-ċar mill-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li l-proċess leġiżlattiv li matulu d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja ġie adottat ma huwiex ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tad-Direttiva EEA. Fil-fatt, l-ewwel inċiż ta’ dan l-artikolu jipprevedi b’mod ċar li l-pjanijiet u programmi jistgħu jiġu mfassla permezz ta’ proċedura leġiżlattiva, li barra minn hekk jinvoka favur l-argument li skontu miżuri li huma ta’ natura leġiżlattiva minħabba l-kontenut tagħhom ukoll jistgħu huma wkoll ikunu pjanijiet jew programmi.

40.      Inter-Environnement Wallonie ġustament tirrelevi f’dan il-kuntest differenza relatata mad-Direttiva EIA: l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva EIA teskludi speċifikament il-miżuri leġiżlattivi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (14). Id-Direttiva EEA ma fihiex tali esklużjoni għalkemm tirrigwarda l-intenzjoni leġiżlattiva bi probabbiltà ferm ikbar mid-Direttiva EIA.

41.      It-tieni kundizzjoni minn qabel hija ta’ natura li tiżgura lill-Belġju li jibża’ li l-liġijiet kollha, huma x’inhuma, iridu għaldaqstant ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom. Obbligu globali li jiġu evalwati l-effetti li l-liġijiet jistgħu jkollhom fuq l-ambjent huwa diġà eskluż minħabba li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a), id-Direttiva EIA tieħu inkunsiderazzjoni biss il-pjanijiet u proġetti li għandhom ikunu stabbiliti abbażi tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi. Id-deċiżjoni politika ħielsa dwar il-proġetti leġiżlattivi ma hijiex għalhekk sottomessa għall-obbligu ta’ evalwazzjoni.

42.      Din ir-restrizzjoni ma teskludix madankollu l-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali minħabba li dan jiddependi minn obbligu ta’ natura leġiżlativa, jiġifieri l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati. Huwa għandu jkun fih miżuri li huma imperattivament preskritti mill-Annessi ta’ din id-direttiva, bħal, pereżempju, ir-regoli rigward l-applikazzjoni ta’ ċerti tipi ta’ fertilizzanti (Artikolu 5(4) u l-punti 1 u 2 tal-Anness III) (15).

43.      Finalment, ir-regoli li jimponu l-obbligu ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u (4) tad-Direttiva EEA jeċċepixxu huma wkoll favur inklużjoni tal-liġijiet fil-kunċett ta’ pjanijiet u programmi, peress li jirriżulta li l-pjanijiet u programmi jistgħu jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tkun tista’ tiġi awtorizzata. Mill-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II jidher li dak li l-leġiżlatur ried essenzjalment ifisser b’dan, kienet il-miżura li fiha l-pjan jew il-programm ikkonċernat jiddefinixxi kuntest għal proġetti oħrajn jew attivitajiet f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament jew permezz ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi. Minħabba l-kwalità tagħhom, regoli li jikkonċernaw dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu ta’ natura leġiżlattiva.

d)      Dwar il-Protokoll li jikkonċerna l-evalwazzjoni strateġika ambjentali

44.      Il-Protokoll dwar l-evalwazzjoni strateġika ambjentali (16), li huwa konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Unjoni fil-kuntest tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (KEE-NO), juri wkoll li l-evalwazzjoni ambjentali ta’ miżuri leġiżlattivi ma hijiex wisq ’il bogħod. Skont l-Artikolu 13(1) tal-Protokoll, kull parti għandha tagħmel sforz sabiex tissorvelja li l-problemi ambjentali, inkluża s-saħħa, jittieħedu inkunsiderazzjoni u integrati, skont kif inhu konvenjenti, fil-proċess ta’ tfassil tal-proġetti ta’ testi politiċi jew leġiżlattivi tiegħu li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi, inkluż fuq is-saħħa. Dan ma jittrattax biss dwar l-inklużjoni tal-ambjent taħt forma jew oħra fir-raġunament, għaliex l-Artikolu 13(2) jimponi fuq kull parti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji u l-elementi rilevanti tal-Protokoll.

45.      Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxi ebda obbligu li jostakola s-sottomissjoni tal-proġetti ta’ liġi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali, iżda l-partijiet kontraenti li fasslu l-protokoll, jiġifieri l-Unjoni Ewropea wkoll, iddeċidew b’mod ċar li tali evalwazzjoni kienet possibbli u f’waqqitha.

e)      Riżultat intermedjarju

46.      Fil-qosor, għandu jiġi nnotat li minkejja n-natura leġiżlattiva tagħhom, il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati huma pjanijiet jew programmi fis-sens tad-Direttiva EEA.

2.      Dwar il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi

47.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali skont l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva EEA jimplika madankollu li l-pjan jew il-programm ikkonċernat jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi. L-Artikolu 3(1), tad-Direttiva EEA jista’ effettivament jinftihem b’ċertu mod li l-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi hija dejjem kundizzjoni distinta mill-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni. Tali interpretazzjoni tkun konformi mal-għan tad-direttiva hekk kif jidher fl-Artikolu 1, li skonthu għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

48.      Madankollu, jekk neżamina waħda waħda r-regoli tal-obbligu ta’ evalwazzjoni, ninduna li jikkonkretizzaw il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi b’tali mod li evalwazzjoni distinta ta’ din il-possibbiltà ma hijiex neċessarja (17).

49.      L-Artikolu 3, tad-Direttiva EEA jesprimi dan b’mod ċar meta jistipola li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u programmi kollha li jikkorrispondu mal-kriterji elenkati taħt l-Artikolu 3(a) u (b). Barra minn hekk, li jiġi rikjest li huma jinkludu l-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi ma huwiex kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni.

50.      It-tieni każ ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni, previst fl-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA, jikkonkretizza l-kundizzjoni minn qabel ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Dan jinvolvi forma speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi, jiġifieri li huwa xieraq li jiġi ddeterminat jekk huwiex neċessarju proċediment għal evalwazzjoni tal-effetti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ħabitat. Tali evalwazzjoni tal-pjanijiet u proġetti hija obbligatorja meta l-ebda element oġġettiv ma jippermetti l-esklużjoni li individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, il-pjan jew il-proġett inkwistjoni jaffettwa b’mod sinjifikanti s-sit li għandu jiġi kkonservat (18). Dan ma huwiex dwar it-theddida għall-ambjent ikkunsidrata b’mod astratt, iżda dwar għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal kull żona kkonċernata (19). Li jiġi vverifikat għal darb’oħra abbażi ta’ kriterju ieħor jekk effetti ambjentali sinjifikattivi humiex possibbli ma jkollu għaldaqstant ebda sens.

51.      L-obbligi għal proċediment ta’ evalwazzjoni magħmulin mill-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva EEA, min-naħa l-oħra, jirrifjutaw forma speċifika ta’ din il-kundizzjoni minn qabel. Għall-kuntrarju, huma jippresupponu speċifikament il-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. F’dawn il-każijiet, l-argument tal-Kummissjoni jerġa’ jaqa’ fuq kontroll doppju ta’ dan il-kriterju.

52.      L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA biss ma fihx kundizzjoni minn qabel li tagħmel manifestament neċessarju kontroll tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Madankollu, din id-differenza meta mqabbla mal-obbligi ta’ evalwazzjoni oħrajn turi preċiżament li, f’dak il-każ, il-leġiżlatur ma stabbilixxiex evalwazzjoni speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi. Għall-kuntrarju huwa abbanduna l-idea li, fil-każ tal-pjanijiet u programmi kkunsidrati fl-Artikolu 3(2)(a), jeħtieġ xorta waħda li wieħed jistenna tali effetti.

53.      Barra minn hekk, huwa uża din it-teknika regolatorja fid-Direttiva EIA wkoll. Il-proġetti kkunsidrati fl-Artikolu 4(1), u fl-Anness I għandhom xorta waħda jiġu sottomessi għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tagħhom filwaqt li l-proġetti kkunsidrati fl-Anness II għandhom jiġu sottomessi għal tali evalwazzjoni biss meta jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi (20).

54.      Għaldaqstant ma huwiex neċessarju l-proċediment għal evalwazzjoni speċifika tal-possibbiltà ta’ effetti ambjentali sinjifikattivi.

B –    Dwar l-ewwel domanda

55.      Il-Conseil d’État ifformula l-ewwel domanda tiegħu sabiex jippreċiża jekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva ESE, il-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun tal-Vallonja għandux jiġi sottomess għal evalwazzjoni ambjentali. Skont din id-dispożizzjoni, u bla ħsara għallArtikolu 3(3) 3, tali evalwazzjoni hija mwettqa għall-pjanijiet u programmi kollha li huma mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija, tas-sajd, tal-enerġija, tal-industrija, tat-trasport, tal-immaniġġjar tal-iskart, tal-immaniġġjar tal-ilma, tat-telekomunikazzjoni, tat-turiżmu, tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-artijiet u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tkunx tista’ tkun awtorizzata fil-futur.

56.      Ma jistax jiġi kkontestat li d-digriet tar-Reġjun tal-Vallonja kienet mfassla għas-settur agrikolu minħabba li jikkonċerna l-immaniġġjar tan-nitroġenu fl-agrikoltura. Jikkonċerna ugwalment l-immaniġġjar tal-ilma minħabba li għandu l-intenzjoni jħares il-kwalità tal-ilmijiet. Huwa finalment manifest li l-programm ta’ azzjoni ma jaqax fil-klawżola de minimis stabbilita fl-Artikolu 3(3), tad-Direttiva EEA.

57.      Il-partijiet ma humiex madankollu tal-istess fehma fuq il-kwistjoni dwar jekk id-digriet jiddefinixxix il-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva EIA tkunx tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

58.      Il-Belġju jqis b’mod partikolari li programm li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ fertilizzant ma huwiex proġett li l-kompatibbiltà tiegħu mal-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi evalwata. Il-Conseil d’État, madankollu, iqis li huwa possibbli li d-digriet jiddefinixxi l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tal-Anness I jew fil-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA u ta’ proġetti li jaffettwaw artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv ikkunsidrati fil-punt 1(b) tal-Anness II, tista’ tiġi kkunsidrata.

59.      Programm ta’ azzjoni fis-sens ta l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandu bla dubju ta’ xejn importanza għal tali proġetti minħabba li t-trobbija tipproduċi effluwenti, jiġifieri fertilizzanti organiċi bin-nitroġenu, li għandhom jiġu eliminati u li dawn jistgħu jintużaw meta artijiet mhux ikkultivati jew firxiet seminaturali huma assenjati għall-isfruttament agrikolu intensiv. Madankollu, huwa xieraq nistaqsi jekk din l-importanza hijiex biżżejjed biex tiddefinixxi l-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti simili tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

1.      Dwar il-kunċett ta’ kuntest

60.      Il-kunċett ta’ kuntest għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jfittex li l-effetti ekoloġiċi ta’ kull deċiżjoni li fiha l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti jkunu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni (21).

61.      Il-miżura li fiha l-eżigenzi ta’ pjanijiet u programmi għandhom jinfluwenzaw il-proġetti individwali biex jista’ jiġi kkunsidrat li huma jiddefinixxu kuntest ma hijiex madankollu ċara.

62.      Matul il-proċedura leġiżlattiva, l-Olanda u l-Awstrija pproponew li jiġi ppreċiżat li l-kuntest għandu jistabbilixxi l-post, in-natura jew id-daqs tal-proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mal-protezzjoni tal-ambjent (22). Kienu jinħtieġu għalhekk eżigenzi komprensivi speċifiċi ħafna biex tinħtieġ evalwazzjoni ambjentali. Minħabba li din il-propożizzjoni ġiet irrifjutata, il-kunċett ta’ kuntest ma jillimitax ruħu għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni, in-natura jew id-daqs tal-proġett.

63.      Hija wkoll interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ kuntest li hija l-bażi tal-pożizzjoni tar-Repubblika Ċeka, li skont ma tgħid, ċerti proġetti għandhom speċifikament jew impliċitament jagħmlu parti mill-għan tal-pjan jew tal-programm.

64.      Il-pjanijiet u l-proġetti jistgħu madankollu jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti partikolari b’diversi modi u jkollhom b’dan il-mod impatt fuq it-teħid inkunsiderazzjoni xieraq tal-effetti ambjentali. Id-Direttiva EEA tistabbilixxi għalhekk bħala premessa kunċett wiesa’ ħafna tal-kuntest.

65.      Dan joħroġ partikolarment b’mod ċar minn kriterju li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni meta jevalwaw il-portata probabbli tal-effetti li l-pjanijiet u programmi jistgħu jkollhom fuq l-ambjent skont l-Artikolu 3(5). Fil-fatt, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-miżura li fiha l-pjan u programm ikkonċernat jiddefinixxi kuntest għal proġetti oħrajn jew attivitajiet f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet tal-funzjonament jew permezz ta’ allokazzjoni (23) tar-riżorsi (l-ewwel inċiż tal-punt 1 tal-Anness II, punt 1). Il-kunċett ta’ kuntest huwa għalhekk ta’ interpretazzjoni flessibbli. Huwa ma jeħtieġ ebda regola komprensiva, iżda jinkludi wkoll forom ta’ influwenza li jħallu xorta ċerta libertà fit-tfassil.

66.      Bil-kontra ta’ dak li jikkunsidra l-Belġju, il-lista tal-karatteristiċi differenti fl-ewwel inċiż tal-punti 1 tal-Anness II ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala lista kumulattiva, għallinqas mhux fis-sens li l-kuntest għandu jikkonċernahom kollha. Biex jiġi evalwat il-kobor tal-effetti fuq l-ambjent, il-karatteristiċi elenkati fil-ħames inċiżi tal-punt 1 tal-Anness II, ma għandhomx, fil-fatt, jittieħdu inkunsiderazzjoni ħlief “b’mod sinjifikattiv”. Jekk il-lista globali ma hijiex komprensiva, mela l-listi parzjali ma jistgħux lanqas jgħollu l-livell ta’ din l-eżiġenza. Barra minn hekk, tali applikabbiltà kumulattiva tal-karatteristiċi individwali tkun inkumpatibbli mal-użu tal-kunċett ta’ miżura fil-punt 1 tal-Anness II. Din il-formulazzjoni timplika li l-karatteristiċi differenti jistgħu jkunu kkonċernati b’intensità diversa, jiġifieri li jistgħu sewwasew ma jkunu xejn minn dan. Dan waħdu jikkorrispondi mal-għan li jfittex li jissottometti għal evalwazzjoni ambjentali kull deċiżjoni preparatorja li tippreċedi l-approvazzjoni ta’ proġett meta huma jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

67.      Fil-qosor, nista’ nikkonstata li pjan jew programm jiddefinixxi kuntest sakemm jittieħdu deċiżjonijiet li jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni eventwali ulterjuri ta’ proġetti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-post, in-natura, id-daqs u l-kundizzjonijiet ta’ funzjonament jew inkella l-allokazzjoni tar-riżorsi.

2.      Applikazzjoni għall-programmi ta’ azzjoni

68.      Jeħtieġ għalhekk neżamina jekk il-kundizzjonijiet minn qabel ta’ programm ta’ azzjoni adottat skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati jistgħux jinfluwenzaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tal-Anness I jew fil-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA jew l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ assenjazzjoni ta’ artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv skont il-punt 1(b) tal-Anness II.

69.      Il-Belġju jqis li ma huwiex il-każ għaliex il-kontenut tal-programmi ta’ azzjoni huwa ddeterminat mid-Direttiva nitrati. Din l-oġġezzjoni tista’ tkun valida jekk id-Direttiva nitrati ma tħalli lill-Istati Membri l-ebda marġni ta’ evalwazzjoni fit-tfassil tal-programmi ta’ azzjoni tagħhom. Jekk il-każ kien tali, il-programm ta’ azzjoni jipprovdi biss il-kuntest definit mid-Direttiva nitrati. Evalwazzjoni ambjentali ma tistax tinfluwenza t-traspożizzjoni ta’ tali kundizzjonijiet imperattivi imposti mid-direttiva, iżda jkollha tippreċedi l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

70.      Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, id-Direttiva nitrati tħalli ċerta latitudnijiet lill-Istati Membri, b’mod partikolari meta kien jittratta dwar il-projbizzjoni tal-applikazzjoni ta’ fertilizzant matul ċerti perijodi. L-evalwazzjoni ambjentali tista’ tikkontribwixxi għal użu ottimali ta’ dawn il-marġni ta’ evalwazzjoni għaliex ittejjeb l-informazzjoni li tikkonċerna l-effetti ekoloġiċi tas-soluzzjonijiet differenti disponibbli.

71.      Barra minn hekk, mhux suffiċjenti fil-każijiet kollha li l-Istati Membri jillimitaw il-programmi ta’ azzjoni għall-indikazzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva nitrati. L-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva jimponilhom, għall-kuntrarju, li jieħdu l-miżuri supplimentari jew l-azzjonijiet rinfurzati kollha li jikkunsidraw neċessarji jekk jiġri, mill-bidu jew fid-dawl tal-esperjenza akkwiżita bl-implementazzjoni ta’ programmi ta’ azzjoni, li l-miżuri kkunsidrati mid-Direttiva nitrati ma jkunux biżżejjed biex inaqqsu t-tniġġis tal-ilmijiet ikkawżat jew indott min-nitrati minn sorsi agrikoli jew biex jipprevjenu kull tniġġis ġdid ta’ dan it-tip. L-evalwazzjoni ambjentali tista’ turi n-neċessità ta’ miżuri simili.

72.      Finalment, l-Artikolu 176 KE (li issa sar l-Artikolu 193 TFUE) iħalli lill-Istati Membri l-libertà li jadottaw miżuri rinfurzati meta jfasslu l-programmi ta’ azzjoni tagħhom.

73.      L-eżigenzi li d-Direttiva nitrati tistabbilixxi rigward is-suġġett tal-programmi ta’ azzjoni ma jeskludux għalhekk li dawn jiddefinixxu kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ proġetti tista’ tiġi awtorizzata.

74.      Ir-Reġjun tal-Vallonja jiddikjara li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, l-applikazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti ma għandha xejn x’taqsam mal-awtorizzazzjoni tal-proġetti ta’ trobbija intensiva. Jittratta dwar proċeduri amministrattivi distinti indipendenti waħda mill-oħra. Il-programm ta’ azzjoni ma jkunx għalhekk jista’ jinfluwenza l-proġetti tat-trobbija intensiva.

75.      Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

76.      Programm ta’ azzjoni għandu jimpedixxi li l-agrikoltura tuża iktar nitroġenu minn kemm il-pjanti jistgħu jassorbu għaliex in-nitroġenu żejjed iniġġes l-ilmijiet. Għalhekk jirregola primarjament l-applikazzjoni ta’ prodotti fertilizzanti nitroġenużi, partikolarment il-kwantitajiet awtorizzati u l-perijodi li matulhom jistgħu jiġu applikati kif ukoll il-mod li bih jiġu applikati. Fl-istess ħin, il-programmi ta’ azzjoni jirrikjedu madankollu li l-intrapriżi agrikoli jkollhom kapaċitajiet adegwati suffiċjenti biex jinħażnu l-effluwenti prodotti matul perijodu li matulu l-applikazzjoni tagħhom fuq l-għelieqi huwa pprojbit.

77.      Id-Direttiva nitrati tirrikjedi diġà li f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ sfruttament, il-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti ta’ assenjament ta’ artijiet mhux ikkultivati jew ta’ firxiet seminaturali għall-isfruttament agrikolu intensiv tkun tista’ tiġi awtorizzata. Dan il-kuntest jirriżulta direttament mir-regoli tal-użu tal-prodotti fertilizzanti nitroġenużi li jridu jiġu osservati meta jiġu użati dawn l-uċuħ.

78.      Barra minn hekk hemm għalfejn nissoponi li għalll-inqas ir-regoli li jikkonċernaw il-kapaċitajiet ta’ ħażna jkollhom inċidenza fuq l-awtorizzazzjoni tal-proġetti tat-trobbija intensiva, inkluż fl-iskema implementata mir-Reġjun tal-Vallonja wkoll, għaliex l-istallazzjonijiet imħarsa għandhom jinkludu kapaċitajiet ta’ ħażna suffiċjenti. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, ma jittrattax dwar dan.

79.      Fil-fatt, diġà jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu kuntest għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti simili. Flimkien mal-kundizzjonijiet minimi ta’ influwenza rikjesti mid-Direttiva EIA jiżdiedu ristrezzjonijiet aktar stretti li, għal parti mit-tipi ta’ proġetti kkonċernati, jirriżultaw mid-Direttiva 96/61/KE tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1996 relatata mal-prevenzjoni u r-riduzzjoni integrata mat-tniġġis (24) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva PRIP).

80.      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva EIA, l-informazzjoni miġbura matul l-evalwazzjoni tal-effetti ambjentali li għaliha ġie sottomess proġett b’mod obbligatorju għandha tittieħed inkonsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett. Il-proġetti kkunsidrati fl-Anness I, jiġifieri l-proġetti ta’ ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 17 tiegħu, għandhom xorta waħda b’mod obbligatorju jiġu sottomessi għal evalwazzjoni. Fil-kuntest ta’ din, mhux biżżejjed li jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti immedjati tax-xogħlijiet previsti, iżda wkoll l-effetti ambjentali li jistgħu jiġu pprovokati mill-użu u l-isfruttament tal-prodotti maħluqin minn dawn ix-xogħlijiet (25). Dan jinkludi partikolarment l-effetti li l-istallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva għandhom fuq il-kwalità tal-ilma (26). Biex jiġi awtorizzat il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva, jeħtieġ għalhekk jiġi żgurat li l-effluwenti prodotti jistgħu jinħażnu u jiġu eliminati b’mod xieraq.

81.      Fil-kuntest ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni, il-kuntest definit mill-programm ta’ azzjoni għandu minn tal-inqas bħala effett li l-istallazzjoni għandha tkun tista’ tiġi sfruttata skont id-dispożizzjonijiet tal-programm. Fl-istess ħin, l-awtorizzazzjoni bilkemm tista’, madankollu, tiġi rrifjutata għal raġunijiet ta’ tniġġis tal-ilmijiet minn nitrat ta’ oriġini agrikola meta proġett jirrispondi għall-preskrizzjonijiet tal-programm. Ċerti soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni (ta’ ħsara għall-ambjent fir-rigward tal-għan tal-programm ta’ azzjoni) huma b’hekk esklużi u oħrajn (li, meta jirriżulta l-każ, iħarsu iktar l-ilmijiet) ma għandhomx jiġu eżaminati u lanqas meħudin inkunsiderazzjoni. B’mod konkret, dan ma jikkonċernax il-kundizzjonijiet ta’ sfruttament, iżda jista’ wkoll ikollu effetti fuq il-post. Il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva ma għandux jiġi awtorizzat biss jekk dawn ikunu stabbiliti f’postijiet li joffru uċuħ suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti mill-annimali.

82.      L-effett tal-forma tal-programmi ta’ azzjoni għal ċerti stallazzjonijiet ta’ trobbija intensiva huwa iktar u iktar rinfurzat minn direttiva oħra, jiġifieri d-Direttiva PRIP. Din id-direttiva tikkonċerna l-istess tip ta’ stallazzjonijiet bħal dawk ikkunsidrati fin.Nru 17 tal-Anness I tad-Direttiva EIA, iżda tbaxxi l-valuri ta’ limitu (ara l-punt 6.6 tal-Anness I tad-Direttiva PRIP) b’mod li jkopru iktar l-stallazzjonijiet. Skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 3(a) u (b) tad-Direttiva PRIP, l-awtorizzazzjoni ta’ stallazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiggarantixxi li tkun sfruttata b’tali mod li l-miżuri ta’ prevenzjoni kollha xierqa jittieħdu inkunsiderazzjoni kontra t-tniġġis u li ebda tniġġis gravi ma jiġi kkawżat. L-applikazzjoni ta’ effluwenti tal-annimali prodotti huwa attribwibbli għall-isfruttament ta’dawn l-istallazzjonijiet. Għalhekk, l-programm ta’ azzjoni ma għandux biss jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-kuntest, iżda għandu jiġi rrispettat b’mod imperattiv.

83.      Il-programmi ta’ azzjoni jiddefinixxu b’hekk kuntest li fih jista’ jiġi awtorizzat il-ħolqien ta’ stallazzjonijiet għat-trobbija intensiva kkunsidrati fil-punt 6.6 tal-Anness I tad-Direttiva PRIP li jirriżultaw jew min-Nru 17 tal-Anness I jew mill-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva EIA.

84.      Din hija r-raġuni li għaliha jaqbel li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-programmi ta’ azzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandhom jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EEA.

C –    Dwar it-tieni domanda

85.      Billi l-Artikolu 3,(2)(a), tad-Direttiva EEA jimponi diġà li jiġu evalwati l-effetti li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom fuq l-ambjent, ma għadux determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali li jsir magħruf jekk l-ittra b ta’ din l-istess dispożizzjoni timponix hija wkoll evalwazzjoni (27). Din hija r-raġuni li għaliha ser nirrispondi għal din it-tieni domanda biss b’mod sussidjarju.

86.      Il-Conseil d’État għamel din id-domanda sabiex issirlu preċiżjoni dwar jekk l-effetti li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom fuq żoni protetti skont id-Direttiva ħabitat jew id-Direttiva għasafar għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni.

87.      L-Artikolu 3(2)(b), tad-Direttiva EEA jipprevedi li evalwazzjoni ambjentali għandha titwettaq għall-pjanijiet u programmi kollha li għalihom evalwazzjoni għandha titwettaq skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva ħabitat minħabba l-effetti li jistgħu jkollhom fuq siti protteti. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, kull pjan u proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-immaniġġjar tas-sit, iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikanti, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn, huwa suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tiegħu fuq is-sit minħabba l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan.

88.      Il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati ma humiex la direttament marbutin u lanqas neċessarji għall-immaniġġjar ta’ siti mħarsa skont id-dispożizzjonijiet magħqudin tad-Direttiva ħabitat u tad-Direttiva dwar il-ħarsien tal-għasafar. Evalwazzjoni tal-effetti hija għalhekk obbligatorja meta programm ta’ azzjoni jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq żoni ta’ konservazzjoni individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħrajn.

89.      Jeħtieġ għalhekk neżamina jekk teżistix probabbiltà jew riskju li l-miżura inkwistjoni taffettwa s-sit ikkonċrnat b’mod sinjifikanti (28). B’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-prinċipju ta’ prekawzjoni, tali riskju jeżisti meta ma jkunx jista’ jiġi eskluż, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-pjan jew proġett inkwistjoni jaffettwa s-sit ikkonċernat b’mod sinjifikanti (29).

90.      F’dak li jikkonċerna l-miżuri relatati mal-ippjanar tat-territorju, l-Artikolu 6(3), tad-Direttiva ħabitat jirrikjedi għalhekk evalwazzjoni meta dawn il-miżuri jistgħu jkollhom influwenza deċiżiva fuq l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq is-siti ta’ konservazzjoni kkonċernati (30). Il-pjanijiet u proġetti jaqbżu madankollu l-istadju ta’ riflessjoni amministrattiva preliminari u jinkludu grad ta’ preċiżjoni bħalma evalwazzjoni ambjentali tal-effetti tagħhom hija meħtieġa (31).

91.      Obbligu ta’ evalwazzjoni fondat fuq l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA għandu prinċipalment jikkonċerna l-pjanijiet u programmi li jinkudu proġetti konkreti li jaffettwaw żoni ta’ konservazzjoni determinati, bħall-ippjanar ta’ kuritur għall-kostruzzjoni ta’ rotta li taffettwa żona ta’ konservazzjoni.

92.      Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mid-Direttiva nitrati li programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5 għandu neċessarjament influwenza fuq l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti suxxettibbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq żoni ta’ konservazzjoni. Il-fatt li proġett ikun kumpatibbli mal-programm ta’ azzjoni xorta waħda ma jipprovdix, fil-fatt, ebda indikazzjoni dwar jekk huwiex legali meta jista’ jkollu effetti fuq żona ta’ konservazzjoni. Hija d-Direttiva ħabitat li hija determinanti biex jiġi ġġudikat dan.

93.      Id-Direttiva ħabitat ma tippermettix lanqas li jintwera li l-programmi ta’ azzjoni huma importanti għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti li jaffettwaw żoni ta’ konservazzjoni. It-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(4), fihom biss kriterji awtonomi ta’ awtorizzazzjoni ta’ pjanijiet u proġetti li ma humiex direttament marbuta mal-għanijiet tal-programmi ta’ azzjoni.

94.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ħabitat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistgħux jawtorizzaw proġett ħlief wara li jkunu żguraw li mhux ser jhedded l-integrità tas-sit ikkonċernat. Huma jistgħu jakkwistaw tali konvinzjoni biss meta ma jibqa’ ebda dubju raġonevoli minn perspettiva xjentifika fl-assenza ta’ effetti simili (32). Il-kriterji li jaqbel napplikaw għal dan il-għan qiegħed fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit (33).

95.      Meta tali effetti mhuxfavorevoli ma jistgħux jiġu esklużi, awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4), tad-Direttiva ħabitat ma tistax tingħata ħlief f’nuqqas ta’ soluzzjonijiet ta’ sostituzzjoni, meta dan il-proġett għandu jitwettaq għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku kbir u bil-kundizzjoni li l-Istat Membru jieħu kull miżura kumpensatorja neċessarja biex jiżgura li l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tkun protetta (34). Il-programmi ta’ azzjoni adottati f’applikazzjoni taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

96.      Ma nistax madankollu neskludi li programmi ta’ azzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal deterjorazzjoni kunsiderevoli ta’ siti mħarsa.

97.      L-ewwel nett, Stat Membru jista’ jinkludi fil-programmi ta’ azzjoni tiegħu miżuri li jmorru lil hinn mill-eżigenzi tad-Direttiva nitrati u li jfittxu li jinfluwenzaw il-posibbiltà li jiġu awtorizzati proġetti marbutin ma’ żoni mħarsa.

98.      It-tieni nett, l-għan ta’ konservazzjoni ta’ sit jista’ joħloq, speċifikament jew impliċitament, rabta mal-programm ta’ azzjoni, pereżempju meta jittratta dwar il-prevenzjoni tal-ewtrofikazzjoni tal-ilmijiet. Programm ta’ azzjoni applikabbli jista’ jkun ikkunsidrat bħala suffiċjenti biex jirrispondi għal dan l-għan. Eżami biss tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-siti mħarsa kkonċernati mill-programm ta’ azzjoni jkun jista’ jippermetti li jiġi stabbilit jekk tali rabta teżistix.

99.      It-tielet nett, dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dritt nazzjonali jistgħu jkollhom bħala effett li programm ta’ azzjoni jeżerċita influwenza fuq l-awtorizzazzjonijiet skont Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva ħabitat. Jekk jista’ jiġri li tali rabta tkun inkumpatibbli mal-eżigenzi li d-Direttiva ħabitat tirrikjedi dwar is-suġġett tal-awtorizzazzjoni ta’ proġetti, xejn ma jipprevjeni madankollu li jiġi eskluż li individwi jiddependu madankollu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti.

100. Huwa biss f’idejn il-qrati nazzjonali kompetenti li jkollhom, meta jirriżulta l-każ, jikkontrollaw jekk programm ta’ azzjoni, l-għan ta’ konservazzjoni ta’ żoni mħarsa jew dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt nazzjonali jistgħux iħallu tali effett lil programmi ta’ azzjoni.

101. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tagħżel li tiddeċiedi dwar it-tieni domanda, jiena nikkunsidra li għandha tirrispondi li, skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva EEA, programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati għandu jiġi sottomess għal evalwazzjoni tal-effetti ambjentali tiegħu meta jista’ jikkontribwixxi għal deterjorazzjoni kunsiderevoli ta’ żoni protetti minħabba r-regoli tiegħu stess, minħabba l-għan ta’ konservazzjoni ta’ żoni protetti jew skont dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dritt nazzjonali.

D –    Dwar it-tielet domanda

102. It-tielet domanda tittratta dwar l-obbligu ta’ proċediment għal evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u programmi skont l-Artikolu 3(4), tad-Direttiva EEA. Skont dan, l-Istati Membri jiddeterminaw jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk ikkunsidrati f’paragrafu 2, li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti tkun tista’ tiġi awtorizzata fil-futur, jistgħux li jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi.

103. Dan l-artikolu huwa dispożizzjoni residwa li ma huwiex ikkunsidrat ħlief meta jeżisti diġà obbligu ta’ evalwazzjoni. Tali huwa l-każ attwali.

104. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha tikkonkludi li programm ta’ azzjoni jiddefinixxi tassew kuntest għal proġetti, iżda li ebda minn dawn il-proġetti ma jidher fl-Anness I jew II tad-Direttiva EIA u li ebda evalwazzjoni tal-effetti ambjentali ma għandha titwettaq skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva ħabitat, hija għandha, għalhekk, teżamina jekk il-programm ta’ azzjoni jistax jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi.

105. Il-Belġju jikkontesta li l-programm ta’ azzjoni tar-Reġjun tal-Vallonjajistax ikollu tali effetti ambjentali sinjifikattivi. Huwa jkollu bħala għan li jnaqqas it-tniġġis tal-ilmijiet u li b’hekk jikkontribwixxi għal-titjib tal-ambjent.

106. Kif diġà għidt, nikkunsidra, fil-prinċipju, l-effetti ta’ benefiċċju biss li proġett jista’ jkollu fuq l-ambjent ma humiex effetti sinjifikattivi skont id-Direttiva EIA. L-għanijiet tad-Direttiva, b’mod partikolari l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent li trid tilħaq (Artikolu 1), ma jimponux li titwettaq evalwazzjoni biss għar-raġuni li proġett jista’ jtejjeb b’mod kunsiderevoli l-istat tal-ambjent (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu rrifjutat din il-pożizzjoni (36). Ħafna affarijiet oħrajn dejjem fil-kuntest tad-Direttiva EEA jfittxu li jikkunsidraw effetti ta’ benefiċċju fuq l-ambjent bħala sinjifikattivi. Kif enfasizzat Inter-Environnement Wallonie, fil-fatt, in-Nota 1 tal-ittra f tal-Annesstirrikjedi speċifikament li evalwazzjoni ambjentali tinkludi wkoll l-effetti ta’ benefiċċju.

107. Finalment, ma huwiex neċessarju li nirrispondi għal din id-domanda f’dan il-każ minħabba li l-programmi ta’ azzjoni jistgħu jkollhom effetti ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent. Jekk jistgħu jkollhom bħala għan li jtejbu l-kwalità tal-ambjent, ma għandhomx neċessarjament effetti ta’ benefiċċju fuq dan. Huma jiddeterminaw kemm hija legali attività li tista’ jkollha effetti mhux favorevoli fuq l-ambjent: l-użu ta’ fertilizzant nitroġenuż fl-agrikoltura. Programmi ta’ azzjoni difettużi jistgħu għalhekk ikollhom effetti ta’ ħsara sinjifikattivi fuq l-ambjent.

108. Il-programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva nitrati jistgħu għalhekk ikollhom effetti ambjentali sinjifikattivi skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EEA.

V –    Konklużjoni

109. Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

Programmi ta’ azzjoni adottati taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli jiġu sottomessi għal evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 3(2)(a), tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68, fil-verżjoni emendata mir-Regolament (KE) Nru 1822/2003 Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 li jadatta għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE id-dispożizzjonijiet dwar kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti suġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248, fil-verżjoni emendata mid-Direttiva 2003/35/KE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466.


5 – ĠU 2008, L 308, p. 35.


6 – Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2008 dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo tal-UN/ECE tal-1991 dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali [iffirmata f’Espoo fl-1991 (ĠU L 308, p. 33)].


7 – Ara d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skont l-Artikolu 23(5), tal-Protokoll dwar il-valutazzjoni strateġika ambjentali għall-Konvenzjoni tal-UN/ECE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali f’kuntest transkonfinali ffirmata f’Espoo fl-1991, ĠU 2008, L 308, p. 34.


8 – Diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, fil-verżjoni emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/105/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li tadatta d-Direttivi 73/239/KEE, 74/557/KEE u 2002/83/KE fil-qasam tal-ambjent, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija, ĠU L 352M, p. 883.


10 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 1, p. 98, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 2006/105.


11 – Moniteur Belge Nru 68 tas-7 ta’ Marzu 2007, p. 11118 u s-sussegwenti.


12 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, Ġabra 1996, p. I‑5403, punti 32 u 39), tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, Ġabra 1999, p. I‑5613, punt 40), tad-9 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra 2000, p. I‑6917, punt 52), tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, Ġabra 2008, p. I‑1197, punt 32) u tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, Ġabra 2008, p. I‑6097, punt 33).


13 – Proposta għal direttiva tal-Kunsill rigward l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, COM(96) 511 finali, p. 6.


14 – Ara rigward dan is-suġġett is-sentenzi, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, WWF et, punt 55 et seq, u Linster, punt 41 et seq.


15 – Is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑266/00, Ġabra 2001, p. I‑2073), tat-2 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs l-Olanda (C‑322/00, Ġabra 2003, p. I‑11267) u tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑221/03, Ġabra 2005, p. I‑8307), li jittrattaw dwar it-traspożizzjoni insuffiċjenti tad-Direttiva nitrati, juru l-karattru legali tal-programmi ta’ azzjoni.


16 – Ara punt 9 iktar ’il fuq.


17 – Huwa probabbilment f’dan is-sens li għandu jiġi mifhum ukoll il-“vade mecum tal-Kummissjoni, traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill relatata mal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent” (Nru 3.21), vade mecum imfassal minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tad-Direzzjoni Ġenerali Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea.


18 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra 2004, p. I‑7405, punt 45) u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C‑418/04, Ġabra 2007, p. I‑10947, punt 238).


19 – Sentenza Il-Kummissjoni vs l-Irlanda, diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 259).


20 – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.


21 – Ara l-punti 29 et seq iktar ’il fuq.


22 – Dokument tal-Kunsill 12967/99 tas-17 ta’ Novembru 1999, nota 10: “by determining their location, nature and size”.


23 – Nota ta’ qiegħ il-paġna mingħajr skop fil-verżjoni Franċiża.


24 – ĠU L 157, p. 26, fil-verżjoni emendata mir-regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 li tikkonċerna l-ħolqien ta’ reġistru Ewropew tar-rifjuti u tat-trasferimenti ta’ niġġiesa, u li temenda d-Direttivi 91/689/KEE u 96/61/KE tal-Kunsill, ĠU L 33, p. 1. Id-Direttiva 96/61 ġiet sadanittant issostitwita mid-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 relatata mal-prevenzjoni u r-riduzzjoni integrata mat-tniġġis (verżjoni kkodifikata, ĠU L 24, p.8).


25 – Ara s-sentenzi, diġà ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, Abraham et, punt 43, u Ecologistas en Acción-CODA, punt 39.


26 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑121/03, Ġabra 2005, p. I‑7569, punt 88).


27 – Fil-prattika, jeħtieġ madankollu, anki għal evalwazzjoni mwettqa b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2), taħt a), tad-Direttiva SEA, li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk il-miżura taffettwax żoni ta’ protezzjoni għaliex jeħtieġ eventwalment jiġu applikati kriterji oħrajn għall-inċidenzi suxxettibbli li jaffettwawhom. Il-manjiera ta’ evalwazzjoni ma hijiex suġġetta madankollu għal din il-proċedura.


28 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 43), tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, Ġabra 2005, p. I‑9017, punt 54) u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑179/06, Ġabra 2007, p. I‑8131, punt 34).


29 – Sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 44), Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 54) u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 254).


30 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 55).


31 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 41).


32 – Sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 59).


33 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 259).


34 – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 260).


35 – Konklużjonijiet tat-30 ta’ April 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, Ġabra 2008, p. I‑6097, punt 50). Huwa possibbli li għandi nifhem wkoll f’dan is-sens is-sentenza, impreċiża dwar dan il-punt, tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑247/06, Ġabra p. I-150, punt 50).


36 – Sentenza Ecologistas en Acción-CODA (diġà ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 41).