KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑104/09

Pedro Manuel Roca Álvarez

vs

Sesa Start España ETT SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Galicia, Spanja)

“Politika soċjali – Trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa –– Leave għat-treddigħ”





I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti lill-Qorti tal‑Ġustizzja l-okkażjoni li tiċċara l-ġurisprudenza tagħha rigward il‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni sesswali.

2.        Il-liġi Spanjola tagħti lill-ommijiet impjegati d-dritt li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-ħinijiet tax-xogħol ta’ kuljum sakemm it‑tarbija tagħlaq disa’ xhur. Għalkemm il-liġi tirreferi għal leave “għat‑treddigħ”, madankollu, il-ġurisprudenza Spanjola tagħtih anki lill-ommijiet li ma jreddgħux. Jeħtieġ għalhekk qabelxejn jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “leave għat-treddigħ” huwa qarrieqi, minħabba li t-treddigħ mis-sider mhux prerekwiżit għar‑rikonoxximent tiegħu. Jekk l-omm ma tużax dan il-leave, il-missier jista’ jibbenefika minflokha, bil-kundizzjoni li huwa wkoll impjegat.

3.        R. Álvarez talab lil min iħaddmu biex jibbenefika minn dan il-leave. It-talba tiegħu madankollu nċaħdet minħabba li omm it-tarbija kienet taħdem għal rasha u, konsegwentement, ma kellhiex dritt għal leave għat-treddigħ; konsegwentement lanqas R. Álvarez ma jkun jista’ juża d-dritt idderivat. Skont il-ġurisprudenza Spanjola, fil-fatt, il-missier impjegat mhux intitolat b’mod awtonomu għal dritt ta’ leave. R. Álvarez jikkunsidra għalhekk li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Il-kuntest ġuridiku tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li għalih jirreferu dawn il-konklużjonijiet huwa kkostitwit mid-Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (2).

1.      Id-Direttiva 76/207

5.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207 jistabbilixxi li:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l‑prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa ’l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’ ”.

6.        L-Artikolu 2(1) u (3) tad-direttiva jistabbilixxi li:

“(1) Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat‑trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal‑familja.

(3) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.”

7.        L-Artikolu 5(1) tad-direttiva jippreċiża li:

“(1) L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l‑kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.”

2.      Id-Direttiva 96/34

8.        Barra minn hekk jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU (3).

9.         L-iskop ta’ din id-direttiva hu li jqiegħed fis-seħħ il-ftehim qafas dwar il-leave parentali konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija (UKIIE, ĊEIP u KETU). Il-ftehim qafas huwa anness mad-direttiva.

10.      Il-klawżola 2.1 tal-ftehim qafas tistabbilixxi li:

“1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.”

B –    Id-dritt nazzjonali

11.      Fi Spanja r-relazzjonijiet tax-xogħol huma rregolati mill-Estatuto de los Trabajadores (iktar ’il quddiem: l-“Istatut tal-Ħaddiema”), kif emendat bid-Digriet Irjali 1/1995 tal-24 ta’ Marzu 1995 (4). Skont l‑Artikolu 1, l-Istatut tal-Ħaddiema japplika għal dawk li jipprovdu volontarjament servizzi onerużi lil terzi fi ħdan organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, imsejħa min iħaddem.

12.      L-Artikolu 1(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi li kwalunkwe attività mwettqa f’kundizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti f’Artikolu 1(1), ma taqax fl-ambitu tal-Istatut tal-Ħaddiema.

13.      L-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, fil-verżjoni fis-seħħ, kif indikat mill-qorti tar-rinviju, fil-mument li fih saret id-domanda, jistabbilixxi:

“Għat-treddigħ ta’ tarbija inqas minn disa’ xhur, il-ħaddiema nisa għandhom dritt għal siegħa ta’ assenza mix-xogħol, li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Il-mara tista’ volontarjament tiddeċiedi li tissostitwixxi dan id-dritt bi tnaqqis ta’ nofs siegħa mis-sigħat tax-xogħol tagħha ta’ kuljum għall-istess għan. Dan il-leave jista’ jintuża l-istess mill‑missier jew mill-omm, sakemm it-tnejn jaħdmu.”

14.      Wara l-emendi introdotti bil-Liġi 3/2007, tat-22 ta’ Marzu 2007 (5), l-Artikolu 37 tal-Istatut tal-Ħaddiema jistabbilixxi, b’mod differenti minn dak previst fil-verżjoni preċedenti, li l-ħaddiema mara tista’ tagħżel li, minflok is-siegħa ta’ mistrieħ, tnaqqas nofs siegħa mis-sigħat tax-xogħol ta’ kuljum, jew takkumula l-perijodi ta’ mistrieħ fi ġranet sħaħ ta’ xogħol, fit‑termini previsti mill-kuntratt kollettiv tax-xogħol jew mill-ftehim stipulat ma’ min iħaddem.

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

15.      R. Álvarez (iktar ’il quddiem: ir-“rikorrent”) huwa impjegat mal‑kumpanija Sesa Start España ETT SA (iktar ’il quddiem: “min iħaddem”).

16.      Fis-7 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrent talab lil min iħaddem biex jingħata l-leave mħallas għat-treddigħ skont l-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema. Min iħaddem ċaħad it-talba tar-rikorrent, minħabba li l-konjuġi tar-rikorrent kienet taħdem għal rasha u ma kinitx impjegata. L-istatus ta’ impjegata attribwit lill-omm jikkostitwixxi prerekwiżit essenzjali biex omm tkun tista’ tibbenefika mil-leave.

17.      R. Álvarez ikkontesta din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-ewwel istanza kienet tal-fehma li d-dritt tal-leave għat-treddigħ jikkostitwixxi prerogattiva esklużiva tal-omm, minħabba d-diċitura tad-dispożizzjoni relatata tal-Istatut tal-Ħaddiema li tuża, fil-fatt, it-terminu “ħaddiema nisa [...]”. Barra minn hekk, din għandha tkun omm impjegata, u f’każ kuntrarju, l-Istatut tal-Ħaddiema ma japplikax. Il-qorti b’hekk ċaħdet lil R. Álvarez id‑dritt tal-leave għat-treddigħ, minħabba li huwa l-konjuġi ta’ mara li taħdem għal rasha. Il-missier ma jistax jibbenefika minn dritt idderivat peress li l-omm ma hijiex intitolata għal dan id-dritt.

18.      Ir-rikorrent appella minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia. Il-qorti adita kienet tal-fehma li t-talba tar-rikorrent tista’ tintlaqa’ biss jekk jista’ jiġi aċċertat li bir-riżerva esklużiva lill-omm tad-dritt tal-leave għat-treddigħ kien qed jinkiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

19.      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia ddeċieda li jagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)         “Liġi nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal‑Ħaddiema) li tagħti d-dritt għal leave bi ħlas għat-treddigħ esklużivament lil ommijiet li huma impjegati, li jikkonsisti fit-tnaqqis mill-ħin tax-xogħol għal nofs siegħa jew li ma jaħdmux għal siegħa li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet, li huwa ta’ natura volontarja u mħallas minn min iħaddem, u dan sakemm il-wild jilħaq l-età ta’ disa’ xhur, u li ma tagħtix, min‑naħa l-oħra, dan id-dritt lill-missirijiet li huma impjegati, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, irrikonoxxut bl-Artikolu 13 tat-Trattat KE u bid-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, u bid-Direttiva 2002/73 li temendaha?”

20.      Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-gvernijiet ta’ Spanja u tal‑Irlanda kif ukoll mill-Kummissjoni.

IV – Analiżi ġuridika

21.      Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk liġi nazzjonali li tagħti b’mod esklużiv lill-ħaddiema nisa dritt individwali ta’ “leave għat-treddigħ” tmurx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-domanda preliminari tirreferi għall‑Artikolu 13 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 19 TFUE) u għad-Direttivi 76/207 u 2002/73 (6).

22.      L-evalwazzjoni ġuridika tad-domanda preliminari minn hawn ’il quddiem ser issir abbażi tad-Direttiva 76/207, minħabba li d-Direttiva 2002/73 ma hijiex applikabbli ratione temporis f’dan il-każ. Fil-fatt it-terminu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/73 skada fil‑5 ta’ Ottubru 2005, filwaqt li r-rikorrent ressaq it-talba għal-“leave” fis-7 ta’ Marzu 2005, u għalhekk qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Anki l-perijodu ta’ leave mitlub jippreċedi t-terminu tat-traspożizzjoni; dan kellu jkun mill-4 ta’ Jannar 2005 sal-4 ta’ Ottubru 2005.

23.      Li kieku l-liġi Spanjola kienet tirreferi, għall-iskopijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali, mhux għal leġiżlazzjoni fis-seħħ fil‑mument li fih tressqet it-talba, iżda f’mument suċċessiv – bħal pereżempju fid-data tad-deċiżjoni fl-aħħar istanza – it-terminu tat‑traspożizzjoni jirriżulta li jkun diġà skada. Barra minn hekk, din iċ-ċirkustanza ma timmodifikax ir-riżultat tal-evalwazzjoni ġuridika mwettqa f’din il-kawża, minħabba li d-Direttiva 2002/73 ma mmodifikatx b’mod rilevanti r-regoli applikabbli f’dan il-każ.

24.      Il-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar id-direttiva kif imfassla mill-ġdid bl-adozzjoni tad-Direttiva 2006/54 (7). Barra minn hekk, it-terminu tal-implementazzjoni ta’ din tal-aħħar kien stabbilit għall-15 ta’ Awwissu 2008, tant li din id-direttiva xorta waħda ma tkunx applikabbli ratione temporis f’din il‑kawża.

A –    Id-Direttiva 76/207

25.      Id-Direttiva 76/207 għandha l-għan li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-irġiel u tan-nisa fl-ambitu tax-xogħol. B’hekk, l‑Artikolu 2(1) jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, bbażata fuq is‑ sess. L-Artikolu 5(1) jippreċiża li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax‑xogħol timplika li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kundizzjonijiet, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Jeħtieġ madankollu li jiġi vverifikat qabelxejn jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirrigwardawx il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jekk dawn jiddeterminawx trattament mhux ugwali bbażat fuq is-sess.

1.      Trattament mhux ugwali fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tax-xogħol

26.      L-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema Spanjol jirrikonoxxi tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol matul l-ewwel disa’ xhur wara t-twelid ta’ tarbija, li jista’ jintuża jew bħala tnaqqis ta’ nofs siegħa mis-sigħat tax‑xogħol jew bħala siegħa leave mix-xogħol li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Il-leġiżlazzjoni kkontestata b’hekk tikkonċerna t-tul tal‑eżekuzzjoni tax-xogħol u, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, biex b’hekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/207.

27.      Il-leġiżlazzjoni tinvolvi wkoll trattament mhux ugwali bbażat fuq is-sess.

28.      Skont il-kliem tal-Artikolu 37(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, l-istess Statut jirrikonoxxi d-dritt għal tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol għall‑ħaddiema nisa biss. Il-ħaddiema rġiel, min-naħa l-oħra, ma jgawdux minn dritt awtonomu għal tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, iżda l-iktar minn dritt idderivat: huwa biss jekk l-omm tkun indipendentement intitolata għal dan id-dritt, li l-missier jista’ jużah ukoll b’mod alternattiv.

29.      It-trattament mhux ugwali għalhekk jinħoloq mill-fatt li l‑ħaddiema nisa huma intitolati taħt forma awtonoma għal dritt ta’ tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, filwaqt li l-ħaddiema rġiel għandhom biss dritt idderivat, li joriġina mid-dritt rikonoxxut lill-omm. B’hekk, filwaqt li omm impjegata dejjem għandha dritt għal tnaqqis fis-sigħat tax‑xogħol, il-missier impjegat jista’ jgawdi biss minn dan id-dritt sakemm omm it-tarbija tkun impjegata dipendenti. Jekk, min-naħa l-oħra, l-omm taħdem għal rasha u ma tistax tgawdi mid-dritt għat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, lanqas il-missier ma jista’ jressaq xi pretensjoni f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt huwa rikonoxxut lill-impjegata mara anki jekk missier it-tarbija jaħdem għal rasu.

30.      F’dan il-kuntest, bħala regola, l-irġiel u n-nisa huma f’pożizzjoni paragunabbli, minħabba li t-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol inkwistjoni huwa prinċipalment intiż biex jiggarantixxi, kif ser jiġi diskuss iktar ’il quddiem, il-kura tat-tarbija. Billi tirriżerva espressament dan id-dritt lill‑ħaddiema nisa biss, id-dispożizzjoni kkontestata twassal għal trattament mhux ugwali bbażat direttament fuq is-sess.

31.      Madankollu, jeħtieġ neżamina issa jekk dan it-trattament mhux ugwali jistax jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli fid-dawl tad-derogi previsti mid-direttiva.

2.      Dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tan-nisa rigward it-tqala u l‑maternità

32.      L-Artikolu 2(3) tad-direttiva jirriżerva għall-Istati Membri d-dritt li jżommu jew jintroduċu regoli rigward il-protezzjoni tan-nisa “dwar it-tqala u l-maternità”. Din id-dispożizzjoni tirrappreżenta deroga mill‑prinċipju ta’ trattament ugwali u, b’hekk għandha tiġi interpretata b’mod strett (8) sabiex ma tannullax is-sinifikat tal-leġiżlazzjoni ġenerali (9).

33.      Il-ġurisprudenza ċċarat li l-Artikolu 2(3) tad-direttiva għandu l‑għan li jipproteġi l-eżiġenzi tal-mara b’żewġ modi. Min-naħa huwa intiż sabiex jipproteġi l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t‑tqala u, min-naħa l-oħra, biex jipproteġi r-relazzjonijiet partikolari bejn l-omm u t-tarbija matul il-perijodu ta’ wara t-tqala u t-twelid (10).

34.      Il-leġiżlazzjoni Spanjola kkontestata madankollu ma tinkludix diskriminazzjoni ammissibbli skont l-Artikolu 2(3) tad-direttiva; fil-fatt, wara analiżi iktar bir-reqqa, din ma hijiex dispożizzjoni dwar il‑protezzjoni tan-nisa rigward it-tqala u l-maternità skont id-direttiva.

35.      Dispożizzjoni li tiggarantixxi ċerti faċilitajiet għal ħaddiema nisa li jreddgħu jimmiraw mingħajr dubju għall-protezzjoni tan‑nisa fir-rigward tal-maternità. In-nisa biss jistgħu jreddgħu lit-tarbija tagħhom u għalhekk it-treddigħ huwa relatat b’mod dirett mal-maternità. Għaldaqstant, għandu jingħata raġun lill-Gvern Irlandiż meta josserva li r-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema nisa li jreddgħu ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita għall-ħaddiema rġiel.

36.      Kuntrarjament għal dak li ismu stess jissuġġerixxi, il‑leave għat-treddigħ previst mil-leġiżlazzjoni Spanjola ma huwiex, madankollu, immirat primarjament biex jipproteġi lill-ommijiet li jreddgħu b’mod naturali. Kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni, minkejja li oriġinarjament kienet ġiet stabbilita fil-bidu tas-seklu li għadda biex l-omm tkun tista’ tredda’ mis-sider, issa tinsab żvinkolata minn dan il-għan. Illum il-ġurnata t-treddigħ naturali ma għadux jirrappreżenta prerekwiżit għall-ksib tal-leave; fil-fatt il‑ġurisprudenza Spanjola tippermetti li jintuża dan il-leave anki għat‑treddigħ artifiċjali tat-tarbija.

37.      Għalhekk il-qorti tar-rinviju ġustament tidentifika l-għan tal‑leave inkwistjoni iktar bħala protezzjoni tal-ħin iddedikat għall-kura tat-tarbija. Il-fatt li l-għan tal-leave llum huwa żvinkolat, mhux biss mit-treddigħ naturali, iżda iktar inġenerali wkoll mill-eżiġenzi tat-tmigħ tat-tarbija huwa kkonfermat fl-aħħar emenda tal-Artikolu 37 tal-Istatut tal-Ħaddiema (11). Din ir-regola tippermetti, fil-fatt, li l‑perijodi ta’ mistrieħ ta’ siegħa kuljum jiġu akkumulati fi ġranet sħaħ ta’ leave. F’dan il-każ, għalhekk, fil‑ġranet ta’ xogħol imbagħad ma jingħatax leave żejjed għat‑treddigħ jew għat-tmigħ tat-tarbija.

38.      Barra minn hekk, skont il-liġi Spanjola, anki l-missier jista’ juża l-leave, sakemm l-omm għandha dritt għalih. Din iċ-ċirkustanza tikkonferma n-natura tal-liġi Spanjoli bħala miżura li tiffaċilita l-kura tat-tfal u mhux bħala miżura li tipproteġi l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara. Minn naħa waħda, anki l-missier jista’ bl-istess mod jisqi l-ħalib fi flixkun lit-tarbija u jieħu ħsiebha. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ċar x’għandha tfisser il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara jekk hija nnifisha ma tibbenefikax mit-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol u tkompli taħdem full-time, waqt li r-raġel jibbenefika mit-tnaqqis tas‑sigħat tax-xogħol.

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li l-direttiva tagħti marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri soċjali li jadottaw sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-mara rigward it-tqala u l‑maternità (12). Dan ifisser li l-Istati Membri jibbenefikaw minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedu liema miżuri jikkunsidraw bħala neċessarji sabiex jiggarantixxu din il-protezzjoni. Minn dan isegwi li l-miżuri jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

40.      Il-leġiżlazzjoni Spanjola, billi tirrikonoxxi anki lill-missier il‑possibbiltà li jeżerċita d-dritt għal-leave rikonoxxut lill-omm, għamlitha ċara li l-għan ewlieni tad-dispożizzjoni ma huwiex il‑protezzjoni tal‑omm. Din il-leġiżlazzjoni hija pjuttost spjegata mill-perspettiva tat-tarbija, li l-ħtiġijiet tagħha jistgħu jinqdew, b’mod alternattiv, permezz ta’ tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol tal-omm jew tal-missier.

41.      Iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma differenti taħt dan il-profil minn dawk tal-każ tas-sentenza Hofmann, li kien jittratta pjuttost il‑leġiżlazzjoni nazzjonali li biha kien jingħata leave għall‑maternità mill-Istat lill-ommijiet biss, wara l-iskadenza tal-perijodu legali ta’ protezzjoni. Dan il-leave ma seta’ qatt jittieħed ukoll mill-missier. Rigward dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-Direttiva 76/207 ma tirrikjedix li l-Istati Membri jagħtu dan il-leave b’mod simili, anki lill-missirijiet, minħabba li l-għan tal-leave tal‑maternità huwa l-protezzjoni tan-nisa fid-dawl tal-konsegwenzi tat‑tqala u tal-maternità.

42.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-funzjoni tal-leave tal-maternità huwa li jipproteġi r-relazzjoni partikolari bejn l‑omm u t-tarbija tagħha waqt il-perijodu ta’ wara t-twelid, sabiex jevita li dawn ir-relazzjonijiet jiġu ddisturbati minħabba l‑akkumulazzjoni tal-piż li jirriżulta mit-twettiq simultanju ta’ attività ta’ xogħol (13). Din l-eżiġenza ta’ protezzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala parzjalment skaduta, minħabba li anki l-missier jista’ jagħti l-kura neċessarja lit-tarbija (14). Fi kwalunkwe każ, huwa possibbli wkoll li l-akkumulazzjoni tal-piż fuq l-omm tiġi evitata jekk il-missier jieħu ħsieb it-tarbija. Fil-kuntest ta’ din il-kawża ma jeħtieġx li jiġi speċifikat b’mod eżawrjenti r-rwol ta’ din l-eżiġenza ta’ protezzjoni fid-dritt tal-Unjoni, minħabba li l-liġi Spanjola stess – li f’ħafna każijiet tirrikonoxxi anki lill-missier il-possibbiltà li juża dan il-leave – turi li l‑iskop tagħha ma huwiex li tipproteġi r-relazzjoni partikolari bejn l‑omm u t-tarbija.

43.      Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata l-oġġezzjoni mqajma mill‑Gvern Spanjol, li hu tal-fehma li dritt individwali għal-leave inkwistjoni għandu jingħata biss lin-nisa, minħabba li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-mod ta’ treddigħ tat-tarbija għandha tittieħed min‑nisa. Din l-oġġezzjoni ma hijiex rilevanti anki minħabba l-fatt li huwa biss b’mod storiku u abbażi ta’ ismu li huwa “leave għat‑treddigħ”, filwaqt li fil-prattika l-applikazzjoni tar-regola hija kompletament żvinkolata minn kwalunkwe ħtieġa legali għat-tmigħ tat-tarbija. Dan iqajjem, ovvjament, il-ħtieġa li jiġi ddeterminat min għandu jingħata l-leave f’każijiet fejn il-ġenituri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar dan il-punt. Biex jissolva dan il-kunflitt madankollu ma jeħtieġx a priori li l-missier jinċaħadlu dritt għal forma individwali ta’ leave. Il-kompitu tal-leġiżlatur nazzjonali huwa pjuttost li jidentifika u jirrikonċilja interessi konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

3.      Miżuri għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs

44.      Għad irid jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli skont Artikolu 2(4) tad-Direttiva 76/207, li skont id-direttiva ma tippreġudikax il-miżuri mmirati sabiex jippromwovu opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, b’mod partikolari fejn jirrimedjaw għall-inugwaljanzi eżistenti li jippreġudikaw l-opportunitajiet tan-nisa.

45.      Minn ġurisprudenza stabbilita joħroġ li din l-aħħar dispożizzjoni għandha l-iskop, preċiż u limitat, li tawtorizza dispożizzjonijiet li, minkejja li jidhru diskriminatorji, jimmiraw effettivament sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-inugwaljanzi fattwali li fir-realtà jistgħu jeżistu tal-ħajja soċjali (15).

46.      Ma hemmx prova li l-previżjoni ta’ tnaqqis parzjali tas-sigħat tax-xogħol, kif irregolata mil-liġi Spanjola, tkun tista’ tikkontribwixxi biex telimina jew anki biss tillimita l-inugwaljanzi fattwali kontra n-nisa. Huwa pjuttost l-oppost li jseħħ; sistema bħal dik Spanjol tissogra tikkontribwixxi għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema nisa.

47.      Jekk id-dritt taħt forma individwali għal-leave inkwistjoni jiġi rikonoxxut biss lill-ħaddiema nisa, u lill-ħaddiema rġiel jingħatalhom biss dritt idderivat li joriġina minn omm it-tarbija, fil-futur se tkompli tissaħħaħ id-diviżjoni tradizzjonali tar-rwoli (16) u saħansitra tillimita l-opportunità lill-missirijiet impjegati li jieħdu ħsieb it-tfal. Huwa biss meta ż-żewġ ġenituri jkunu impjegati li jistgħu jagħżlu liberament min minnhom ser jibbenefika mil-leave għall-kura tat-tarbija. Jekk, min-naħa l-oħra, il-missier ikun impjegat waqt li l-omm tkun taħdem għal rasha, il-missier jinċaħadlu d-dritt għal-leave. B’hekk l-omm ikollha ssib dak il-ħin żejjed għall-kura tat-tarbija li l-Istatut tal‑Ħaddiema jrid jiggarantixxi u tillimita, għall-attività awtonoma proprja, bl-iżvantaġġi f’termini ekonomiċi li jirriżultaw, jew tieħu r-responsabbiltà tal-piż addizzjonali. Min-naħa l-oħra, f’dawn iċ-ċirkustanzi l-missier impjegat ma jistax jikkontribwixxi biex jittaffa dan il-piż fuq l-omm.

48.      Anki l-qorti tar-rinviju ressqet argumenti bbażati fuq dan l-istess raġunament, billi rreferiet għall-possibbiltà ta’ “effett boomerang” tal‑leġiżlazzjoni Spanjola. Mill-perspettiva ta’ min iħaddem, il-mod li bih huwa strutturat id-dritt għal-leave fi Spanja huwa saħansitra fattur li jiffavorixxi r-reklutaġġ ta’ raġel minflok mara. Meta tkun impjegata mara, min iħaddem diġà għandu jistenna l‑possibbiltà ta’ tqala jew maternità suċċessiva u tad-drittijiet konsegwenti tal‑ħaddiema mara, barra minn hekk, hija intitolata wkoll għad-dritt tal‑leave inkwistjoni f’din il-kawża. F’każ li jkun impjegat raġel, min-naħa l-oħra, min iħaddem mhux biss ikun qiegħed jesponi ruħu, fil-fatt, għal riskju inqas li l-impjegat jagħżel li juża l-leave, iżda wara kollox, fil-każ li omm it-tarbija tkun taħdem għal rasha, l-impjegat ma jkollu ebda dritt li juża d-dritt ikkontestat.

49.      It-trattament mhux ugwali indiskussjoni lanqas ma jsib ġustifikazzjoni fl-Artikolu 2(4).

B –    Id-Direttiva 96/34

50.      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni waslet għall‑konklużjoni li regola bħal din tikser ukoll il-ftehim qafas dwar il-leave parentali. Il-leave mogħti għall-kura tat-tarbija jikkwalifika bħala leave parentali skont id-direttiva ċċitata. Il‑klawżola 2 tal-ftehim qafas tirrikonoxxi liż-żewġ sessi d-dritt individwali għal-leave parentali. F’kuntest bħal dak eżaminat, f’sistema nazzjonali li tagħti dritt individwali għal dan il-leave lin-nisa biss, jinħoloq kuntrast ma’ din id-dispożizzjoni.

51.      Fil-formulazzjoni tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għad-Direttiva 96/34. Madankollu, fil-motivazzjoni tad-domanda preliminari hija rrilevat li anki jekk id-dritt Spanjol ma jipprevedix leave parentali uniku, xorta jilħaq l-għan tad-direttiva permezz ta’ arranġamenti differenti, li jinkludu, fil-fatt, il-leave għat‑treddigħ. Madankollu, dwar dan il-punt id-digriet tar-rinviju ma jipprovdi l-ebda informazzjoni ulterjuri. B’mod partikolari, hemm nuqqas ta’ informazzjoni preċiża dwar il-bqija tal-leġiżlazzjoni Spanjola fis-seħħ dwar il-leave parentali. Għaldaqstant mhux possibbli f’dan il-każ li jiġi vverifikat jekk sarx ksur tad-Direttiva 96/34. Madankollu, ladarba ġie identifikat ksur tad-Direttiva 76/207, ma hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk sarx ksur tad-Direttiva 96/34.

C –    Konklużjoni parzjali

52.      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 76/207.

D –    Konsegwenzi għall-kawża prinċipali

53.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-konsegwenzi li jirriżultaw minn din il-konstatazzjoni fil-kawża prinċipali.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva minnha nnifisha ma tistax toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata kontrih (17).

55.      Min-naħa l-oħra, f’żewġ sentenzi reċenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa kompitu tal-qrati nazzjonali, anki fl-ambitu ta’ kwistjonijiet bejn partijiet privati, li ma japplikaw l-ebda dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età (18). Għad irid jiġi stabbilit jekk il‑Qorti tal-Ġustizzja hix se testendi din l-applikazzjoni orizzontali wkoll għal prinċipji oħrajn, bħall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess. Quddiem din l-evoluzzjoni huwa neċessarju li jiġu analizzati b’mod partikolari l-pedamenti dommatiċi tal-effett orizzontali dirett inkwistjoni u l-limitazzjonijiet tiegħu (19).

56.      Ladarba l-qorti tar-rinviju ma talbitx lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi f’dan ir-rigward, id-diskussjoni ta’ dawn l-aspetti hija barra minn lokha.

57.      Barra minn hekk, għandha dejjem tingħata prijorità lil interpretazzjoni li hija konformi mad-direttiva tad-dritt nazzjonali. Il‑qrati nazzjonali huma obbligati jagħmlu dak kollu li hu fil‑kompetenza tagħhom, u jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali fil-globalità tiegħu u japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex jiżguraw l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u biex tintlaħaq soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minn din tal-aħħar (20). Ma jipprekludix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali f’sens konformi mad-direttiva l-fatt li din tista’ possibilment taffetwa lill-individwu (21). L-obbligu li jiġi interpretat id-dritt nazzjonali b’konformità mad-direttiva japplika, għalhekk, anki għal relazzjonijiet legali orizzontali, u jaffettwa neċessarjament persuna privata li indirettament tbati d-dannu (22).

58.      F’dan il-każ hemm ħafna elementi li jindikaw li l-qorti nazzjonali tista’ tinterpreta r-regoli b’mod li tkun tista’ tinstab soluzzjoni konformi mad-direttiva. Definittivament, id-dispożizzjoni inkwistjoni diġà kienet suġġetta għal interpretazzjoni b’mod wiesa’ fil-passat, li żvinkolata, fid-dawl tal-iżvilupp soċjali, mill-prerekwiżit tat-treddigħ naturali u f’ċerti każijiet, wasslet biex id-dritt għal-leave jiġi rikonoxxut ukoll lill-missirijiet. Il-qorti tar-rinviju lanqas ma semmiet li kien ser ikollha diffikultà biex tasal għas-soluzzjoni hawn indikata permezz ta’ interpretazzjoni tad-dritt Spanjol.

V –    Konklużjoni

59.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikonoxxi lill‑ommijiet impjegati biss id-dritt awtonomu ta’ leave mħallas għall-kura tat-tarbija, li jista’ jintuża jew bħala tnaqqis ta’ nofs siegħa mis-sigħat tal‑ġurnata tax-xogħol jew bħala siegħa mnaqqsa mis-sigħat tax‑xogħol, li tista’ tinqasam f’żewġ partijiet, filwaqt li dan id-dritt ma jingħatax lill-missirijiet li jwettqu attività ta’ impjegati, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali skont id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 197.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285.


4 – BOE Nru 75 tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654.


5 – BOE Nru 71 tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611.


6 – Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (test b’rilevanza għaż-ŻEE), (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255)


7 – Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p. 23).


8 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 1986, Kawża 222/84, Johnston (Ġabra p. 1651, punt 44).


9 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, C-346/08, Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (Ġabra p. I‑3491, punt 39).


10 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Kawża 184/83, Hofmann (Ġabra p. 3047, punt 25), tat-30 ta’ April 1998, Kawża C-136/95, Thibault (Ġabra p. I-2011, punt 25), tat-18 ta’ Marzu 2004, Kawża C-342/01, Merino Gómez (Ġabra p. I‑2605, punt 32), tad-29 ta’ Novembru 2001, Kawża C-366/99, Griesmar (Ġabra p. I-9383, punt 43), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kawża C-116/06, Kiiski (Ġabra p. I-7643, punt 46). Għal tagħrif relatat mar-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tarbija ara l-paragrafu 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11 – Skont il-qorti tar-rinviju, din l-emenda ma tistax tiġi applikata ratione temporis f’dan il-każ. Minkejja dan, tista’ tiġi kkunsidrata għal skopijiet relatati mal-evalwazzjoni tan-natura tal-leave.


12 – Ara s-sentenza Hofmann (imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 27)


13 – Ara s-sentenzi kkwotati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


14 – Ara, b’mod partikolari, Langenfeld dans Grabitz/Hilf, Das Recht der Europäischen Union, Jannar 2008, Artikolu 141, punt 101.


15 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottobru 1995, Kawża C-450/93, Kalanke (Ġabra p. I‑3051, punt 18); tal-11 ta’ Novembru 1997, Kawża C-409/95, Marschall (Ġabra p. I‑6363, punt 26), u tad-19 ta’ Marzu 2002, Kawża C-476/99, Lommers (Ġabra p. I‑2891, punt 32).


16 – Il-Qorti tal-Ġustizzja wriet biċ-ċar periklu simili diġà fis-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Lommers (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 41).


17 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Kawża 152/84, Marshall (Ġabra p. 723, punt 48); tal-14 ta’ Lulju 1994, Kawża C-91/92, Faccini Dori (Ġabra p. I-3325, punt 20); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Kawżi minn C-397/01 sa C-403/01, Pfeiffer et (Ġabra p. I‑8835, punti 108 u 109); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Kawża C-80/06, Carp (Ġabra p. I‑4473, punt 20), u tad-19 ta’ Jannar 2010, Kawża C-555/07, Kücükdeveci (Ġabra p. I‑365, punt 46).


18 – Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Kawża C-144/04, Mangold (Ġabra p. I‑9981, punt 77), u Kücükdeveci (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17). Ara wkoll f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fid-data preżenti fil‑Kawża C-499/08, Andersen (Ġabra p. I‑0000, paragrafu 22 et seq).


19 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tat-30 ta’ Ġunju 2005, Kawża Mangold (Ġabra p. I‑9981, paragrafi 83, 84 u 100); tal-Avukat Ġenerali Mazák tal-15 ta’ Frar 2005, Kawża C‑411/05, Palacios de la Villa (deċiża b’sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Ġabra p. I‑8531, paragrafi 133-138), u tal‑Avukat Ġenerali Sharpston tat-22 ta’ Mejju 2005, Kawża C‑427/06, Bartsch (Ġabra p. I‑7245, paragrafi 79-93) u r-referenzi l-oħra li jinsabu fihom.


20 – Ara s-sentenzi Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 115 et seq); tal-4 ta’ Lulju 2006, Kawża C-212/04, Adeneler et (Ġabra p. I‑6057, punt 111); tal‑15 ta’ April 2008, Kawża C-268/06, Impact (Ġabra p. I-2483, punt 101), u tat‑23 ta’ April 2009, C‑378/07 sa C-380/07, Angelidaki et (Ġabra p. I‑3071, punt 200).


21 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Frar 2007, Kawża C-321/05, Kofoed (Ġabra p. I‑5795, punt 65), u l-ġurisprudenza ċċitata fihom.


22 – Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Kawża C-106/89, Marleasing (Ġabra p. I‑4135, punti 6 u 8), u Faccini Dori (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 20, 25 u 26).