KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fis-16 ta’ Diċembru 2010 (1)
Kawża C‑28/09
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 226 KE – Artikoli 28 KE‑30KE – Trasport transalpin ta’ merkanzija – Projbizzjoni settorjali tal-moviment ta’ trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija – Restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija – Ġustifikazzjoni – Kwalità tal-arja ċirkostanti – Protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Werrej
I – Introduzzjoni 3
II – Il-kuntest ġuridiku 4
A – Id-dritt tal-Unjoni 4
1. Direttiva 96/62 4
2. Direttiva 1999/30 5
3. Direttiva 2008/50 5
B – Leġiżlazzjoni nazzjonali 6
1. Liġi dwar il-protezzjoni tal-arja mit-tniġġis 6
2. Regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment 6
III – Fatti 8
IV – Il-proċedura prekontenzjuża 11
V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talbiet tal-partijiet 12
VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet 12
VII – Evalwazzjoni ġuridika 15
A – Ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment bħala miżura li timplementa d-Direttivi 96/62 u 1999/30 15
B – Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija 18
C – Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija 21
1. Relazzjoni bejn ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment u d-drittijiet fundamentali Komunitarji 22
2. Ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent 23
a) Raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent 23
b) Verifika tal-proporzjonalità 28
i) Dwar l-idoneità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment 29
ii) Fuq in-neċessità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment 31
iii) Fuq l-adegwatezza tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment 34
c) Konklużjoni parzjali 38
VIII – Sintesi 38
IX – Fuq l-ispejjeż 39
X – Konklużjoni 39
I – Introduzzjoni
1. Din il-kawża toriġina minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 226 KE (2), li permezz tiegħu din titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija, meta adottat projbizzjoni ta’ moviment tat-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija fuq medda tal-awtostrada A 12, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE.
2. Din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà affermat, fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (3), li projbizzjoni settorjali simili tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, waqt li affermat li r-Repubblika tal-Awstrija kienet responsabbli għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fid-dawl ta’ dik is-sentenza, l-Istat Membru qagħad attent li jimponi l-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-projbizzjoni settorjali ġdida tal-moviment ġiet ikkonċepita, minn naħa, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri finalizzati għat-titjib tal-kwalità tal-arja tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija ntrabtet li tintroduċi alternattivi għat-trasport ta’ merkanzija milqut mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
3. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li tapprezza u ssostni l-parti l-kbira tal-pakkett ta’ miżuri elaborati mir-Repubblika tal-Awstrija biex ittejjeb il-kwalità tal-arja ċirkostanti tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn. Fil-fehma tagħha, madankollu, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment li tinsab f’dak il-pakkett għadha ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u għal din ir-raġuni ma kellhiex għażla oħra ħlief li tiftaħ proċeduri ġodda. Peress li l-projbizzjoni settorjali ġdida tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 hija differenti mill-projbizzjoni ta’ moviment li ġiet iddikjarata mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005 kemm mill-perspettiva tal-kuntest leġiżlattiv kif ukoll mill-konfigurazzjoni konkreta tagħha, dawn il-proċeduri tressqu korrettament abbażi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE (4).
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni (5)
1. Direttiva 96/62
4. L-għan ġenerali tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE, tas-27 ta’ Settembru 1996, dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità tal-arja ċirkostanti (6) jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, fid-definizzjoni tal-prinċipji bażiċi ta’ strateġija komuni bil-għan li:
– tiddefinixxi u tistabbilixxi għanijiet għall-kwalità tal-arja ċirkostanti fil-Komunità maħsuba biex jevitaw, jipprevjenu u jnaqqsu effetti ta’ ħsara għas-saħħa umana u għall-ambjent kollu kemm hu;
– jagħmlu stima tal-kwalità tal-arja ċirkostanti fuq il-bażi tal-metodi u l-kriterji komuni;
– jiksbu biżżejjed informazzjoni fuq il-kwalità tal-arja ċirkostanti u jiżguraw li din tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inter alia permezz ta’ limiti ta’ twissija;
– jikkonservaw il-kwalità tal-arja ċirkostanti meta din tkun tajba u jtejbuha f’każijiet oħra.
5. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/62, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta d-dispożizzjoni għall-iffissar tal-valuri limitu u, b’mod adegwat, tal-limiti ta’ twissija għall-inkwinanti elenkati fl-Anness I tal-istess Direttiva, li jinkludu wkoll id-diossidu tan-nitroġenu (NO2).
6. Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/62, Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonfomaw mal-valuri limitu.
7. Fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet fejn il-livell ta’ wieħed jew bosta inkwinanti jaqbeż il-valuri limitu kif ukoll il-marġni ta’ tolleranza, l-Istati Membri, b’mod konformi mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, għandhom jieħdu l-miżuri intiżi biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implementat biex jintlaħaq il-valuri limitu fit-terminu speċifikat. L-informazzjoni minima li dawk il-pjanijiet jew programmi, li għandhom jiġu ppubblikati, għandhom jagħtu hija speċifikata fl-Anness IV tad-direttiva.
2. Direttiva 1999/30
8. Il-valuri limitu ta’ NO2 huma ffissati fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE, tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-diossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali (7).
9. Mill-premessa 4 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-valuri limitu ffissati minnha huma rekwiżiti minimi u li, b’mod konformi mal-Artikolu 176 KE, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi iktar stretti.
10. L-Artikolu 4 tad-direttiva msemmija hawn fuq huwa fformulat hekk:
“1) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u, fejn japplika l-ossidi tan-nitroġenu, fl-arja ambjentali, kif stmata skond l-Artikolu 7, ma jeċċedux il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness II mid-dati speċifikati hemmhekk.
Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti f’Sezzjoni I ta’ l-Anness II għandhom japplikaw skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/62/KE.
2) Il-limitu ta’ alert għall-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja ambjentali għandu jkun dak stabbilit f’Sezzjoni II ta’ l-Anness II”.
11. Skont il-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, il-valuri limitu fis-siegħa għall-NO2, li ma jistax jinqabeż iktar minn 18-il darba fis-sena, huwa ffissat għal 200 μg/m3, miżjud b’marġni ta’ tolleranza li jibqa’ jonqos sal-1 ta’ Jannar 2010. Il-valur limitu annwali għall-NO2 huwa ffissat għal 40 μg/m3, miżjud b’marġni ta’ tolleranza li jibqa’ jonqos sal-1 ta’ Jannar 2010. Meta jitqiesu l-marġni ta’ tolleranza li jonqsu msemmija hawn fuq, l-imsemmija valuri limitu għandhom jintlaħqu fil-prattika sal-1 ta’ Jannar 2010.
3. Direttiva 2008/50
12. Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (8) tissostitwixxi komplessivament erba’ direttivi, fosthom id-Direttivi 96/62 u 1999/30, u deċiżjoni. Fl-Anness XI ta’ din l-aħħar direttiva huma ffissati l-valuri limitu fis-siegħa u l-valur ta’ limitu fis-sena għall-NO2, kif ukoll il-marġni ta’ tolleranza. Il-valuri limitu msemmija hawn fuq u l-marġni ta’ tolleranza huma identiċi għall-valuri limitu ffissati fil-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30. Bl-istess mod, id-data ta’ skadenza stabbilita għall-ħarsien tal-valuri limitu hija, fil-prinċipju, l-1 ta’ Jannar 2010.
B – Leġiżlazzjoni nazzjonali
1. Liġi dwar il-protezzjoni tal-arja mit-tniġġis
13. Id-Direttivi 96/62 u 1999/30 ġew trasposti fid-dritt Awstrijak billi ġiet emendat il-Kodiċi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xogħol tal-1994 (Gewerbeordnung 1994), il-liġi dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja mill-bojlers (Luftreinhaltegesetz für Kesselanlagen), il-liġi tal-minjieri tal-1975 (Berggesetz 1975), il-liġi dwar l-imanniġġjar tal-iskart (Abfallwirtschaftsgesetz) u l-liġi dwar l-ożonu (Ozongesetz) (Immissionsschutzgesetz-Luft, iktar ’il quddiem, l-“IG‑L”).
14. Skont l-Artikolu 3(1) tal-IG-L, għall-finijiet tal-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem fit-territorju Awstrijak kollu japplikaw il-valuri limitu għall-emissjonijiet imsemmija fl-Annessi 1 u 2. Bħala valur ta’ limitu għall-emissjonijiet ta’ NO2, l-Anness 1 jiffissa valur ta’ limitu annwali ta’ 30 µg/m3. L-istess anness jipprovdi wkoll marġni ta’ tolleranza ta’ 30 µg/m3, li għandu jitnaqqas progressivament. Finalment, il-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ NO2, għaldaqstant, kienu ffissati għal 40 µg/m3 għas-snin 2006‑2009 u 35 µg/m3 għall-2010.
15. L-Artikolu 10 tal-IG-L jipprovdi li għandhom jiġu adottati miżuri permezz ta’ regolament fi żmien mhux iktar tard minn 24 xahar mit-tmiem tas-sena li fiha jkun ġie rreġistrat qbiż tal-valuri limitu. Skont l-Artikolu 16(1) punt 4 tal-IG-L, il-miżuri li jistgħu jiġu adottati jinkludu projbizzjonijiet ta’ ċirkolazzjoni ta’ vetturi bil-mutur.
2. Regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment
16. Skont l-Artikoli 10 u 16(1) punt 4 tal-IG-L, l-Ewwel Ministru tat-Tirol adotta r-regolament tas-17 ta’ Diċembru 2007, li permezz tiegħu jipprojbixxi t-trasport fuq distanza twila ta’ ċerta merkanzija fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn (iktar ’il quddiem, ir-“regolament dwar il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment”). Ir-regolament imsemmi jipprovdi hekk:
“[…]
Artikolu 1. Għan
Dan ir-regolament huwa intiż li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ inkwinanti relatati ma’ attivitajiet tal-bniedem li jwasslu għal qbiż tal-valur ta’ limitu tal-emissjonijiet, biex b’hekk tittejjeb il-kwalità tal-arja ċirkostanti. Tali titjib huwa strumentali għall-ħarsien sostenibbli tas-saħħa tal-bniedem, tal-fawna u tal-flora, tal-komunità bijoloġika, tal-habitats u tal-interrelazzjonijiet bejn l-entitajiet imsemmija hawn fuq, kif ukoll il-patrimonju kulturali u materjali mill-inkwinanti atmosferiċi li jagħmlu ħsara kif ukoll għall-protezzjoni tal-bnedmin minn inkwinanti atmosferiċi li n-natura dannuża tagħhom ma hijiex għal kollox prevedibbli illum il-ġurnata.
[…]
Artikolu 3. Projbizzjoni
Huwa pprojbit il-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn fiż-żewġ direzzjonijiet bejn il-kilometru stradali 6.350 fiż-żona tal-komun ta’ Langkampfen sal-kilometru stradali 90.00 fiż-żona tal-komun ta’ Zirl b’dawn il-vetturi:
Vetturi tqal jew semikarrijiet li l-massa massima awtorizzata tagħhom tkun ta’ iktar minn 7.5 tunnellati u vetturi tqal b’karru, li l-mases massimi awtorizzati tagħhom miżjuda flimkien jaqbżu 7.5 tunnellati, li jittrasportaw din il-merkanzija:
a) sa mit-2 ta’ Mejju 2008:
1. l-iskart kollu msemmi fl-elenku Ewropew tal-iskart (fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE, fil-verżjoni li tinsab fid-Deċiżjoni 2001/573/KE),
2. ġebel, terrapien, ħama.
b) mill-1 ta’ Jannar 2009:
1. injam fi zkuk u sufra,
2. mineral tal-ħadid u mhux tal-ħadid,
3. vetturi bil-mutur u karrijiet,
4. azzar, ħlief għal azzar għall-konkrit rafforzat għall-provvista ta’ siti tal-kostruzzjoni,
5. irħam u travertin,
6. madum taċ-ċeramika.
Artikolu 4. Derogi
1) Bla ħsara għad-derogi taħt l-Artikolu 16(2) tal-IG-L, huwa eżenti mill-projbizzjoni taħt l-Artikolu 3 il-moviment b’dawn il-vetturi:
a) vetturi bil-mutur li jitgħabbew jew jinħattu fiż-żona ċentrali (bi tluq jew wasla fiż-żona ċentrali),
b) vetturi bil-mutur li jitgħabbew jew jinħattu fiż-żona estiża (bi tluq jew wasla fiż-żona estiża),
c) vetturi bil-mutur li jkunu sejrin jgħabbu fuq il-ferrovija fit-terminal tal-ferrovija f’Hall fid-direzzjoni tat-traffiku lejn il-Lvant, kif ukoll lejn it-terminal tal-ferrovija ta’ Wörgl fid-direzzjoni tat-traffiku lejn il-Punent, meta dan ikun jista’ jiġi ppruvat b’dokumentazzjoni adegwata,
d) vetturi bil-mutur li jkunu għadhom kif għabbew fuq il-ferrovija fit-terminal tal-ferrovija ta’ Hall fid-direzzjoni tal-Punent jew mit-terminal tal-ferrovija ta’ Wörgl fid-direzzjoni tal-Lvant, meta dan ikun jista’ jiġi ppruvat b’dokumentazzjoni xierqa,
e) vetturi bil-mutur li l-użu tagħhom ikun interess pubbliku prevalenti jew interess privat rilevanti – li għandu jiġi vverifikat każ b’każ skont kontroll irregolat mill-Artikolu 14(3) tal-IG-L, u li huma identifikati skont regolament taħt l-Artikolu 14, n. 4, tal-IG-L.
2) Jinsabu fi ħdan iż-żona ċentrali id-distretti amministrativi ta’ Imst, Innsbruck Land, Innsbruck Stadt, Kufstein u Schwaz.
Jinsabu fi ħdan iż-żona estiża:
a) fl-Awstrija: id-distretti amministrativi ta’ Kitzbühel, Landeck, Lienz, Reutte u Zell am See,
b) fil-Ġermanja: id-distretti reġjonali ta’ Bad Tölz, Garmisch‑Partenkirchen, Miesbach, Rosenheim (inkluża l-belt) u Traunstein,
c) fl-Italja: il-komunitajiet tad-distretti tal-Val d’Isarco, Val Pusteria u Wipptal.
[…]”
III – Fatti
17. Għal għadd kbir ta’ snin, fuq l-awtostradi tat-Tirol (A 12 u A 13) ġie rreġistrat qbiż tal-valuri limitu dwar il-konċentrazzjoni ta’ NO2. F’dan il-kuntest, il-Land ta’ Tirol adotta f’dawn l-aħħar snin għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-arja ċirkostanti tul l-imsemmija awtostradi.
18. Fost dawn id-dispożizzjonijiet hemm regolament adottat mil-Landeshauptmann von Tirol fis-27 ta’ Mejju 2003, li kien jipprojbixxi, fuq medda tal-awtostrada A 12 ta’ madwar 46 km inkluż bejn il-komuni ta’ Kundl u Ampass, it-trasport ta’ serje ta’ merkanzija b’vetturi tqal b’massa massima awtorizzata ta’ iktar minn 7.5 tunnellati. Din il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment kienet applikabbli b’mod partikolari għat-trasport ta’ skart, ċereali, injam fi zkuk u sufra, minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, ġebel, terrapien, ħama, vetturi bil-mutur u karrijiet kif ukoll azzar tal-kostruzzjoni. Il-projbizzjoni kellha tiġi applikata minnufih sa mill-1 ta’ Awwissu 2003. Madankollu kien eskluż minn din il-projbizzjoni t-trasport ta’ merkanzija provenjenti minn jew b’direzzjoni lejn it-territorju tal-belt ta’ Innsbruck jew id-distretti ta’ Kufstein, Schwaz jew Innsbruck‑Land. Barra minn hekk, kienet prevista deroga għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, bħal pereżempju l-vetturi għall-manutenzjoni tas-sistema tat-toroq, tat-tindif urban kif ukoll il-vetturi agrikoli u forestali. Finalment, setgħet tintalab f’każijiet individwali deroga anki għal kategoriji oħrajn ta’ vetturi għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew għal interess privat importanti.
19. Il-Kummissjoni, peress li ma kinitx konvinta dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni, ippreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Novembru 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li r-Repubblika tal-Awstrija, meta adottat id-dispożizzjoni li tirrestrinġi l-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE (9).
20. Wara l-imsemmija sentenza l-awtoritajiet Awstrijaki kompetenti fasslu pakkett ġdid ta’ miżuri għall-finijiet tat-titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn, li jikkonsisti f’erba’ miżuri parzjali, jiġifieri: 1) limitu ta’ veloċità għall-vetturi fuq ċerti meded tal-awtostrada A 12, 2) projbizzjoni ta’ moviment għal ċerti vetturi tqal li huma partikolarment inkwinanti, 3) l-estenzjoni ġeografika tal-projbizzjoni ta’ moviment matul il-lejl li diġà teżisti għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati u t-tneħħija gradwali tad-derogi għal dik il-projbizzjoni għall-vetturi tqal tal-klassi EURO 4 u 5, kif ukoll 4) projbizzjoni settorjali ġdida tal-moviment għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati. Il-pakkett jipprevedi implementazzjoni gradwali sa mit-tmiem is-sena 2006.
21. Il-projbizzjoni settorjali ġdida tal-moviment iddaħħlet bir-regolament tal-Landeshauptmann tas-17 ta’ Diċembru 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Skont l-imsemmi regolament, sa mit-2 ta’ Mejju 2008 il-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn huwa pprojbit għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati bejn Langkampfen (madwar 6 km mill-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja) u Zirl (madwar 12-il km lejn il-Punent minn Innsbruck), jiġifieri medda tal-awtostrada ta’ madwar 90 km, meta dawk il-mezzi tat-trasport jittrasportaw skart, ġebel, terrapien jew ħama (l-ewwel fażi). Sa mill-1 ta’ Jannar 2009 l-imsemmija projbizzjoni ta’ moviment hija estiża għat-trasport ta’ injam fi zkuk u sufra, minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, vetturi bil-mutur u karrijiet, azzar (ħlief għal azzar għall-konkrit rafforzat u tal-kostruzzjoni għall-forniment ta’ siti tal-kostruzzjoni), irħam u travertin, kif ukoll madum (it-tieni fażi). Madankollu jibqgħu esklużi mill-imsemmija projbizzjoni trasport permezz ta’ trakkijiet, meta l-vettura tqila titgħabba jew tinħatt f’“żona ċentrali” speċifikata fir-regolament, jew titgħabba jew tinħatt f’“żona estiża” speċifikata fir-regolament, jew meta t-trasport ikun f’direzzjoni lejn jew mit-tagħbija fuq ferrovija fl-istazzjon ta’ Hall jew Wörgl. Barra minn hekk, taħt ċerti kundizzjonijiet, tista’ tingħata deroga għall-imsemmija projbizzjoni ta’ moviment.
22. B’mod parallel ma’ din il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment twettqu wkoll it-tliet miżuri parzjali l-oħrajn tal-pakkett ta’ miżuri ffinalizzati għat-titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn. Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Novembru 2006 u t-30 ta’ April 2007 ġie stabbilit limitu ġenerali ta’ veloċità ta’ 100 km fis-siegħa għall-vetturi fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn bejn il-fruntiera tal-Awstrija u l-Ġermanja u Zirl (10). Sa minn Novembru 2007 fuq din il-medda kien applikabbli limitu ta’ veloċità varjabbli ta’ 100 km fis-siegħa fis-seħħ tul is-sena kollha skont il-valuri ġenerali tal-emissjonijiet effettivament imkejla u l-fatturi meteoroloġiċi (11). B’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, it-Tiroler Landeshauptmann barra minn hekk adotta projbizzjoni ta’ moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn bejn Zirl u Kufstein għat-trakkijiet il-kbar u l-vetturi kbar bil-karru ta’ iktar minn 7.5 tunnellati, mhux konformi mal-klassi EURO 2. Sa mill-1 ta’ Novembru 2008 hija fis-seħħ, permezz tal-istess regolament, projbizzjoni ta’ moviment għall-vetturi tqal li ma jissodisfawx l-istandard EURO 3. Sa mill-1 ta’ Novembru 2009 hija fis-seħħ projbizzjoni ġenerali ta’ moviment għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati mhux konformi mal-istandard EURO 2 (12). Sa mill-1 ta’ Jannar 2007, barra minn hekk, ġiet estiża b’40 km bejn Wörgl u Hall – u b’hekk fuq il-medda sħiħa tal-awtostrada A 12 inkluż bejn Kufstein u Zirl – projbizzjoni li kienet teżisti qabel tal-moviment matul il-lejl għat-trakkijiet. L-eżenzjoni għall-vetturi tqal tal-klassi EURO 4 u 5 tneħħiet gradwalment sal-31 ta’ Ottubru 2009 (13).
IV – Il-proċedura prekontenzjuża
23. B’ittra tal-20 ta’ Lulju 2006 il-Land ta’ Tirol informa lill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ azzjoni mfassal minnu biex tiġi mtejba l-kwalità tal-arja ċirkostanti u dwar il-pakkett ta’ miżuri intiż għat-titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn, li kien jinkludi l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni settorjali tal-moviment.
24. Fl-opinjoni tagħha tal-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni kkunsidrat li, l-introduzzjoni ppjanata tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment fil-verżjoni ssuġġerita mill-awtoritajiet ta’ Tirol tmur kontra l-Artikoli 28 KE u 29 KE. Minkejja l-parir negattiv imsemmi hawn fuq, ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġie adottat fis-17 ta’ Diċembru 2007.
25. F’ittra ta’ intimazzjoni tal-31 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni sussegwentement ikkonfermat l-opinjoni tagħha u talbet lir-Repubblika tal-Awstrija biex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 226 KE. Din tal-aħħar irrispondiet għall-intimazzjoni tal-Kummissjoni bl-osservazzjonijiet tal-15 ta’ Frar 2008, fejn esprimiet l-opinjoni li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment, b’mod speċjali meta titqies il-formulazzjoni tagħha kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tal-Awstrija, ma setgħetx titqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija.
26. B’nota tat-8 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Awstrija opinjoni motivata fejn waslet għall-konklużjoni li bl-adozzjoni tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment din tal-aħħar kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 28 KE u 29 KE. Ġie stabbilit terminu ta’ xahar għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa mir-Repubblika tal-Awstrija.
27. Ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet b’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2008, fejn baqgħet issostni l-istess pożizzjoni legali. F’nota addizzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2008, hija kkomunikat li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn kienet ġiet irregolata b’mod ġdid bir-regolament tal-Landeshauptmann von Tirol tat-13 ta’ Novembru 2008. B’dan ir-regolament il-ġdid il-projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq l-A 12 ġiet ikkonfermata bejn Langkampfen (kilometru stradali 6.35) u Ampass (kilometru stradali 72) u, b’hekk, għaż-żona lejn il-Lvant ta’ Innsbruck. Għaż-żona lejn il-Punent ta’ Innsbruck il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment daħlet fis-seħħ, fil-medda bejn Ampass u Zirl, biss mill-1 ta’ Jannar 2011.
28. B’nota oħra addizzjonali tad-19 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija finalment ikkomunikat li l-projbizzjoni settorjali ta’ moviment ġiet irregolata ulterjorment b’mod ġdid bir-regolament tal-Landeshauptmann von Tirol tat-23 ta’ Diċembru 2008. Diversament minn dak li kien previst qabel, l-imsemmi regolament ġdid issa jipprojbixxi l-moviment sa mit-2 ta’ Jannar 2009, apparti għall-merkanzija diġà inkluża, biss għall-injam fi zkuk u sufra, kif ukoll għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet. Għall-kumplament tal-merkanzija (materjali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, azzar, irħam, travertin u madum taċ-ċeramika), din daħlet fis-seħħ biss mill-1 ta’ Lulju 2009.
V – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talbiet tal-partijiet
29. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija ma kkonformatx, skont il-Kummissjoni, mal-opinjoni motivata, din tal-aħħar ippreżentat rikors fil-21 ta’ Jannar 2009 skont l-Artikolu 226 KE.
30. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiddikjara li, peress li stabbilixxiet projbizzjoni ta’ moviment fuq medda tal-awtostrada A 12 għal vetturi tqal ta’ piż komplessiv ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE.
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija tbati l-ispejjeż.
31. Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li jiġi miċħud ir-rikors u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż li hija ġarrbet fil-kawża.
32. B’digriet tad-19 ta’ Ġunju 2009, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ppermetta lir-Repubblika Taljana u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jippreżentaw osservazzjonijiet insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Dawn iż-żewġ Stati Membri jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tilqa’ r-rikors tal-Kummissjoni.
33. Matul is-seduta tad-19 ta’ Ottubru 2010, ippreżentaw osservazzjonijiet ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tar-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll tar-Repubblika Taljana.
VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
34. Skont il-Kummissjoni, ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007, li jimponi projbizzjoni ta’ moviment għall-vetturi tqal ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija fuq waħda mit-toroq kummerċjali transalpini l-iktar importanti bejn in-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana tal-Italja, jostakola l-moviment liberu tal-merkanzija u, b’mod partikolari, it-tranżitu liberu tagħha. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ moviment testendi għall-wisa’ sħiħ ta’ Brennero u għall-kollegament fil-Punent fiż-żona tal-lag ta’ Costanza. Mill-imsemmija projbizzjoni settorjali tal-moviment jirriżultaw konsegwenzi ekonomiċi ta’ portata wiesgħa, kemm għall-ekonomija li tipproduċi jew tipproċessa l-merkanzija inkwistjoni, minn naħa, kif ukoll għall-industrija tat-trasport, min-naħa l-oħra. Huwa konċepibbli li l-projbizzjoni finalment tissarraf fi prezz ogħla għall-merkanzija li trid tiġi ttrasportata u, għaldaqstant, tippreġudika direttament il-kompetittività. Il-projbizzjoni settorjali ta’ moviment, għaldaqstant, trid tiġi kkunsidrata fit-totalità tagħha bħala li tintegra miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, li fil-prinċipju hija inkompatibbli mal-Artikoli 28 KE u 29 KE.
35. Il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, għandha tendenza diskriminatorja qawwija. Meta jitqiesu d-derogi previsti għat-traffiku lokali u reġjonali, fil-fatt, din tirrigwarda prinċipalment merkanzija fi tranżitu miż-żona fejn it-traffiku ġie limitat. Il-projbizzjoni msemmija tal-moviment ta’ merkanzija li għandha tiġi ttrasportata, barra minn hekk, jista’ jkollha effetti diskriminatorji fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
36. Il-projbizzjoni settorjali tal-moviment u r-restrizzjonijiet tal-moviment tal-merkanzija fi ħdan il-Komunità ddeterminati minnha ma humiex iġġustifikati la abbażi tar-raġunijiet mogħtija fl-Artikolu 30 KE u lanqas abbażi tar-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti fil-ġurisprudenza. Għalkemm il-miżuri inkwistjoni jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq għan ta’ protezzjoni tal-ambjent, dawn, madankollu, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-proġett ta’ projbizzjoni settorjali tal-moviment huwa vvizzjat minn kontradizzjonijiet interni, u għaldaqstant huwa diskutibbli jekk huwiex idoneu biex itejjeb il-kwalità tal-arja ċirkostanti. Barra minn hekk, hemm sproporzjon ċar bejn l-effett restrittiv tal-projbizzjoni u l-utilità tagħha. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment gravi li ma ġewx adottati, jew ikkunsidrati b’mod suffiċjenti, alternattivi inqas restrittivi, bħal pereżempju limitu permanenti ta’ veloċità fuq l-A 12, projbizzjonijiet ta’ moviment skont il-livell tal-emissjonijiet, dispożizzjonijiet specifiċi għal nollijiet jew strumenti oħrajn ta’ dimensjoni ekonomika. Ir-Repubblika tal-Awstrija, barra minn hekk, ma indikatx alternattivi suffiċjenti għall-mezzi ta’ trasport ta’ merkanzija milquta mill-projbizzjoni settorjali. Fin-nuqqas tal-kapaċità msemmija, lanqas it-terminu ta’ tranżizzjoni previst ma jkun suffiċjenti.
37. Għas-settur fil-Punent ta’ Innsbruck, skont il-Kummissjoni, lanqas ma ngħatat prova tan-neċessità tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti ta’ monitoraġġ li minnha jirriżulta l-interess speċifiku f’dik iż-żona. Barra minn hekk ma saritx analiżi tal-impatt konkret li minnha jista’ jirriżulta li projbizzjoni settorjali tal-moviment hija adattata u meħtieġa.
38. Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri li permezz tagħhom beħsiebha tiggarantixxi l-osservanza tal-valuri limitu ta’ NO2, li għal bosta snin ilhom jinqabżu kostantement u ampjament fiż-żona inkwistjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li bl-adozzjoni tal-pakkett ta’ miżuri msemmi hija wettqet l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni li jirriżultaw mhux biss mid-direttivi dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja ċirkostanti, iżda wkoll mill-obbligi ta’ protezzjoni li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali Komunitarji b’relazzjoni mal-attwazzjoni tal-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent kif ukoll tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja.
39. Il-konċentrazzjonijiet għoljin ta’ NO2 tul l-awtostrada A 12 jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mill-emissjonijiet tat-traffiku tat-triq. F’dan ir-rigward, it-trasport tal-merkanzija fuq it-triq jikkostitwixxi wieħed mis-sorsi prinċipali ta’ emissjonijiet ta’ NO2, waqt li qed tiżdied b’mod kostanti l-konġestjoni tat-traffiku minħabba dan it-trasport. Il-pakkett ta’ miżuri intiż biex itejjeb il-kwalità tal-arja ċirkostanti, li minnu tagħmel parti wkoll il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni, ġie adottat biss wara investigazzjonijiet, konsultazzjonijiet u ħidmiet preparatorji estensivi. Sabiex tiġi ggarantita l-proporzjonalità tal-pakkett ta’ miżuri sa mill-fażi preliminari, saret verifika komplessiva kemm tal-pakkett stess kif ukoll tal-istruttura konkreta tal-miżuri individwali mill-perspettiva tal-idoneità u n-neċessità.
40. It-tliet strateġiji prinċipali segwiti bil-pakkett ta’ miżuri għat-titjib tal-kwalità tal-arja ċirkostanti jirrigwardaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet speċifiċi tal-vetturi bil-mutur, l-ispostament tal-emissjonijiet f’perijodi klimatikament iktar favorevoli mill-aspett tat-tniġġis tal-atmosfera u t-tnaqqis tan-numru komplessiv ta’ vetturi tqal li jiċċirkulaw, billi jiġu evitati devjazzjonijiet u bl-użu tas-sistema ferrovjarja għall-merkanzija li tista’ tiġi ttrasportata bil-ferrovija. F’dan il-kuntest, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni għandha tinftiehem bħala miżura intiża biex tittrasferixxi fis-sistema ferrovjarja t-trasport tal-merkanzija fuq it-triq. Il-kapaċità ta’ trasport tal-ferrovija hija suffiċjenti biex tkun tista’ tikkumpensa għall-ispostament previst.
41. Meta titqies l-organizzazzjoni konkreta u l-introduzzjoni gradwali tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, kif ukoll l-alternattivi ta’ trasport disponibbli fuq il-binarji u rotot alternattivi, din ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, b’mod speċjali peress li anki wara d-dħul fis-seħħ tal-fażijiet 1 u 2 tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment ma jidhirx li hemm ostakoli għat-tranżitu ta’ merkanzija mit-Tirol kif ukoll għall-moviment ta’ merkanzija bejn il-Ġermanja u l-Italja. Barra minn hekk, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġiet organizzata b’mod mhux diskriminatorju.
42. Anki jekk il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti, li fil-prinċipju hija pprojbita mill-Artikoli 28 KE u 29 KE, dan il-preġudizzju għal-libertà ta’ moviment tal-merkanzija għandu jitqies bħala ġġustifikat. Huwa determinanti l-fatt li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment hija parti minn pakkett ta’ miżuri adottati mir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest ta’ approċċ globali bil-għan li jitwettqu obbligi ta’ azzjoni imposti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jinkisbu għanijiet fundamentali tat-Trattat (ħarsien tas-saħħa jew tal-ambjent) u tal-ħarsien tad-drittijiet Komunitarji fundamentali. Il-valutazzjoni tal-leġittimità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, għaldaqstant, teħtieġ li tiġi kkunsidrata b’mod adegwat il-libertà ta’ moviment tal-merkanzija, minn naħa, u n-neċessità li jiġu mħarsa s-saħħa u l-ambjent bħala oġġettivi fundamentali tat-Trattat kif ukoll il-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali, min-naħa l-oħra.
43. Dan l-ibbilanċjar jikkonferma li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. Komplessivament hija ggarantita wkoll il-proporzjonalità: il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tirrappreżenta miżura adegwata u intiża sabiex jitnaqqas il-livell ta’ emissjonijiet fiż-żona li għandha tiġi risanata, miżura neċessarja sabiex jintlaħaq dak il-għan u li l-effetti tagħha ma humiex sproporzjonati. Anki t-termini tranżitorji biex tiddaħħal il-projbizzjoni settorjali tal-moviment kienu suffiċjenti.
44. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa tal-fehma li miżura bħall-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni, li tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ inkwinanti dannużi, tista’ tiġi vverifikata anki individwalment mill-perspettiva tal-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. Finalment, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment fil-prinċipju tmur kontra l-Artikolu 28 KE. Din il-projbizzjoni, barra minn hekk, hija indirettament diskriminatorja. Din il-miżura ma hijiex ġustifikabbli għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent mil-lat tal-idoneità u tal-adgwatezza tal-projbizzjoni ta’ moviment. Il-miżura, għaldaqstant, ma ġietx elaborata bl-attenzjoni meħtieġa, bil-konsegwenza li għandha riperkussjonijiet inutli u li jippreġudikaw b’mod eċċessiv it-trasport fi tranżitu.
45. Anki skont ir-Repubblika Taljana, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tirrappreżenta restrizzjoni illeġittima tal-moviment liberu tal-merkanzija. Din il-miżura hija illoġika, diskriminatorja u sproporzjonata, b’mod speċjali peress li ma hemmx alternattiva xierqa ta’ trasport bil-ferrovija u itinerarji alternattivi ta’ trasport biex ikunu jistgħu jiġu sodisfatti l-bżonnijiet kollha li jirriżultaw mill-projbizzjoni settorjali.
VII – Evalwazzjoni ġuridika
A – Ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment bħala miżura li timplementa d-Direttivi 96/62 u 1999/30
46. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, l-element determinanti għall-finijiet tal-ġudizzju dwar ir-regolament fuq il-projbizzjoni settorjali huwa l-fatt li ġie adottat biex jittrasponi d-Direttivi 96/62 u 1999/30 sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ din iċ-ċirkustanza, ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ma jistax jitqies bħala ksur tal-moviment liberu tal-merkanzija.
47. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, iktar ’il quddiem ser neżamina qabel kollox jekk ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment jistax jiġi inkwadrat bħala miżura nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 96/62 u 1999/30 u, f’każ affermattiv, x’riperkussjonijiet għandha dik il-konstatazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
48. Skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, fiż-żoni u fl-agglomerati fejn il-livelli ta’ inkwinant wieħed jew iktar jaqbżu l-valuri limitu relattivi lil hinn mill-marġni li jistgħu jinqabżu, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri intiżi sabiex jiggarantixxu t-tfassil u l-implementazzjoni ta’ pjan jew programm li jippermetti li jintlaħaq il-valur ta’ limitu fil-perijodu ta’ żmien stabbilit. Dak il-pjan, li għandu jiġi ppubblikat, għandu jinkludi ta’ mill-inqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness IV tad-direttiva.
49. Il-valuri limitu u l-marġni ta’ qbiż għall-NO2 huma stabbiliti fid-Direttiva 1999/30. Skont il-punt I tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, il-valur ta’ limitu annwali għall-NO2 huwa ffissat għal 40 μg/m3, miżjud b’marġni ta’ tolleranza li jonqos sal-1 ta’ Jannar 2010. Skont l-Artikolu 4(1) flimkien mal-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu li l-valur ta’ limitu ta’ NO2, ekwivalenti għal 40 μg/m3, ma jinqabiżx iktar mill-1 ta’ Jannar 2010.
50. Għalkemm skont il-kontenut letterali tad-Direttiva 1999/30 il-valuri limitu tal-NO2 ma għandhomx jinqabżu iktar biss sa mill-1 ta’ Jannar 2010, dan ma jfissirx li l-valur ta’ limitu msemmi u l-marġni ta’ tolleranza applikabbli għalih ma jistgħux jagħtu lok għal obbligi għall-Istati Membri qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi. Anzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, enfasizzat li r-Repubblika tal-Awstrija, meta jitqies dak li huwa speċifikat mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62, kellha l-obbligu li tintervjeni kull meta l-valur limitu annwali ffissat għall-NO2 miżjud bil-marġni ta’ tolleranza, jinqabeż fil-punt ta’ kontroll ta’ Vomp/Raststätte tul l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn fl-2002 u fl-2003, bil-għan li jinkiseb progressivament ir-riżultat previst mid-Direttiva 1999/30 sabiex b’hekk jintlaħaq, fiż-żmien speċifikat, l-għan iffissat minnha (14).
51. Bl-istess mod, mill-Artikolu 4(1) flimkien mal-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30, jirriżulta obbligu għall-Istati Membri li jintervjenu. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-valur ta’ limitu ta’ NO2, iffissat għal 40 μg/m3, jiġi osservat sa mill-1 ta’ Jannar 2010. Jekk mill-kejl tal-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 mwettqa minn Stat Membru jirriżulta li tali riżultat jista’ jiġi ggarantit biss permezz tal-implementazzjoni gradwali ta’ pakkett ta’ miżuri, anki l-Artikolu 4(1) flimkien mal-punt I tal-Anness II tad-Direttiva 1999/30 jiġġustifika obbligu għall-Istati Membri li jadottaw il-miżuri meħtieġa sa minn qabel l-1 ta’ Jannar 2010.
52. Mill-atti tal-proċess jirriżulta – u bejn il-partijiet ma hemmx nuqqas ta’ qbil dwar dan – li tul l-awtostrada fil-wied ta’ Inn f’Tirol fis-snin 2005‑2007 ġew irreġistrati konċentrazzjonijiet għoljin jew eċċessivament għoljin ta’ NO2. Qrib il-punt ta’ kontroll ta’ Vomp/Raststätte (lejn il-Lvant minn Innsbruck) il-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 mkejla qabżu l-valuri limitu annwali ffissati fid-Direttiva 1999/30 u miżjuda mill-marġni ta’ tolleranza matul il-perijodu sħiħ inkluż bejn l-2002 u l-2007. F’Tirol, barra minn hekk, fl-2005 il-valuri limitu annwali ta’ NO2 iffissati fl-IG‑L inqabżu f’sitta mit-tlettax il-punt ta’ kontroll, fl-2006 f’sebgħa minn tlettax u fl-2007 f’sebgħa minn erbatax.
53. F’dan il-kuntest, fl-2007 ir-Repubblika tal-Awstrija fasslet għaż-żona inkwistjoni programm biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, li ġie kkomunikat lill-Kummissjoni fi Frar 2008 (15). Il-programm imsemmi huwa konformi mar-rekwiżiti formali biex jiġi kkwalifikat bħala programm skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62. Dan jinkludi katalgu ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu ta’ NO2 fil-wied inferjuri ta’ Inn, b’serje ta’ miżuri għall-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn. Fost dawn il-miżuri hemm ukoll il-proposta ta’ projbizzjoni settorjali tal-moviment għall-vetturi tqal fuq l-imsemmija awtostrada (16). Din l-aħħar miżura ġiet implementata bir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007.
54. Fil-qosor, għaldaqstant għandu jingħad li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġie adottat fl-implementazzjoni ta’ programm skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 maħsub biex jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu sal-1 ta’ Jannar 2010 il-valuri limitu annwali ffissati għall-NO2 fid-Direttiva 1999/30 fiż-żona inkwistjoni li kellha tiġi risanata. Għaldaqstant għandu jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija meta din tal-aħħar issostni li r-regolament imsemmi għandu jitqies bħala miżura nazzjonali adottata sabiex jiġu implementati d-Direttivi 96/62 u 1999/30 – b’mod partikolari l-Artikoli 8(3) u 4(1).
55. Iċ-ċirkustanza li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007 ġie adottat sabiex jiġu trasposti d-Direttivi 96/62 u 1999/30 ma timplikax, madankollu, li dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 28 KE et seq.
56. Għalkemm dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jwettaq l-obbligi tiegħu li jidderivaw minn direttiva ma tistax tiġi kkwalifikata bħala ostakolu għall-iskambji kummerċjali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (17), f’din il-kawża jirriżulta li l-Artikoli 8(3) tad-Direttiva 96/62 u 4(1) tad-Direttiva 1999/30 b’ebda mod ma jobbligaw lir-Repubblika tal-Awstrija li tadotta r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni.
57. Ta’ importanza deċiżiva, f’dan il-kuntest, huwa l-fatt li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/62 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 1999/30, għalkemm jobbligaw lill-Istati Membri biex jadottaw “miżuri” biex josservaw il-valuri limitu tal-NO2, ma jippreċiżawx ulterjorment il-kontenut tal-miżuri msemmija. Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tal-miżuri ta’ implementazzjoni hija limitata biss mill-għan li jiġu osservati l-valuri massimi ta’ NO2 (18). Mid-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tad-direttivi ma jistgħux jiġu dedotti valutazzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-kontenut ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni individwali tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġie adottat formalment biex jittrasponi d-Direttivi 96/62 u 1999/30 ma teskludix a priori l-possibbiltà ta’ evalwazzjoni tal-imsemmi regolament bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE.
58. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nasal għall-konklużjoni li, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija adottat ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment bil-għan li tittrasponi d-Direttivi 96/62 u 1999/30, l-imsemmija konstatazzjoni ma tipprekludix madankollu verifika tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikoli 28 KE u 30 KE.
B – Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija
59. Skont l-Artikoli 28 KE u 29 KE huma pprojbiti bejn l-Istati Membri r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija kif ukoll kwalunkwe miżura li għandha effett ekwivalenti. Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-projbizzjoni ma hijiex applikabbli biss għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, iżda wkoll għat-tranżitu ta’ tali merkanzija (19).
60. Fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkwalifikat projbizzjoni settorjali preċedenti tal-moviment għal vetturi tqal fuq medda ta’ 46 km tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, li fil-prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 28 KE u 29 KE (20).
61. Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat id-deċiżjoni tagħha billi invokat f’dan il-kuntest, minn naħa, l-importanza, mil-lat ta’ trasport, tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, li tikkostitwixxi waħda mit-toroq prinċipali ta’ komunikazzjoni fuq l-art bejn in-Nofsinhar tal-Ġermanja u t-Tramuntana tal-Italja. Peress li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment iġġiegħel lill-impriżi kkonċernati li jfittxu, b’mod speċjali fi żmien pjuttost qasir, soluzzjonijiet alternattivi li huma ekonomikament validi għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni speċifikata mill-imsemmi regolament, skont il-Qorti tal-Ġustizzja din il-projbizzjoni kienet ta’ tali natura li tillimita l-possibbiltà ta’ kummerċ bejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Italja (21).
62. Jiena tal-fehma li anki r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni f’din il-kawża huwa ta’ tali natura li jillimita l-possibbiltà ta’ skambji kummerċjali bejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Italja u, bħala konsegwenza, għandu jiġi kkwalifikat bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva.
63. F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat fl-ewwel lok li lanqas iċ-ċirkustanza li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġie kkonċepit bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi dannużi ma tipprekludi li jsir eżami distint tal-imsemmi regolament fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikoli 28 KE sa 30 KE. Iċ-ċirkustanza li l-imsemmija projbizzjoni ta’ moviment tikkostitwixxi parti minn pakkett ta’ miżuri iktar wiesgħa takkwista madankollu importanza partikolari fil-kuntest tal-verifika tas-sussistenza ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija.
64. Skont l-affermazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, fl-iżvilupp finali tagħha, tirrigwarda madwar 194 000 vjaġġi ta’ vetturi tqal fis-sena fuq medda ta’ 90 km tal-awtostrada fil-wied ta’ Inn (22). Skont dak li affermat il-Kummissjoni, u li ma ġiex ikkontestat mill-partijiet, il-projbizzjoni taffettwa madwar 300 km tas-sistema tat-toroq Awstrijaka ta’ sewqan veloċi (23). Peress li l-projbizzjoni ta’ moviment, skont ir-regolament tas-17 ta’ Diċembru 2007 għandha tidħol fis-seħħ bis-sħiħ sa mill-1 ta’ Jannar 2009, l-operaturi economiċi milquta, fuq il-bażi ta’ dan il-pjan, b’hekk ikollhom sena żmien biex jistabbilixxu rotot alternattivi għat-trasport fuq it-triq ta’ dawk il-194 000 vjaġġ jew biex jittrasferixxu – ta’ mill-inqas parzjalment – it-trasport fuq il-binarji tal-ferroviji.
65. Mid-deduzzjonijiet tad-diversi partijiet fil-kawża jirriżulta li dan iċ-ċaqliq loġistiku jikkostitwixxi, għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, sfida kbira b’destinazzjoni inċerta.
66. Fl-analiżi tagħha tal-possibbiltajiet ta’ spostament tat-trasport tal-merkanzija milqut mill-projbizzjoni ta’ moviment għat-traffiku bil-ferrovija jew l-iżvilupp ta’ rotot alternattivi, ir-Repubblika tal-Awstrija tiddistingwi bejn trasport ta’ merkanzija li għalih vjaġġ fuq l-awtostrada fil-wied ta’ Inn jirrappreżenta l-iqsar triq (l-hekk imsejjaħ “itinerarju ottimali”), trasport ta’ merkanzija li għandu vjaġġ alternattiv ta’ mill-inqas ekwivalenti (l-hekk imsejjaħ “tranżitu alternattiv”), u trasport ta’ merkanzija li għandu rotta alternattiva aħjar (l-hekk imsejjaħ “itinerarju ta’ devjazzjoni”). Mit-trasport milqut mill-projbizzjoni ta’ moviment, 45 % jaqa’ taħt il-kategorija ta’ itinerarju ottimali, 25 % taħt il-kategorija ta’ tranżitu bi vjaġġ alternattiv u 30 % taħt il-kategorija ta’ itinerarju ta’ devjazzjoni. Wieħed ikollu jassumi li l-itinerarju ottimali u madwar nofs tat-tranżitu bi vjaġġ alternattiv għandu jiġi spostat fuq it-traffiku ferrovjarju, waqt li l-kumplament tat-trasport isir permezz ta’ traġitti alternattivi (24). Għall-finijiet tal-ispostament fuq is-sistema ferrovjarja tat-trasport ta’ merkanzija inkwistjoni tat-tip “itinerarju ottimali” u “itinerarju alternattiv” huma disponibbli tliet forom ta’ trasport, jiġifieri s-servizz ta’ vaguni b’tagħbija sħiħa konvenzjonali, it-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat, it-trasport ikkombinat akkumpanjat fuq “l-awtostrada vjaġġanti” (iktar ’il quddiem, l-“AV”). Għall-ispostament tat-trasport bit-triq li jaqa’ taħt il-kategorija “itinerarju alternattiv” u “itinerarju ta’ devjazzjoni” huma disponibbli diversi rotot alternattivi li jinvolvu parzjalment is-sistema tat-toroq Svizzera b’sewqan veloċi.
67. Fost il-partijiet hemm nuqqas ta’ qbil estrem dwar il-kapaċità u l-adegwatezza tal-alternattivi ta’ trasport imsemmija mir-Repubblika tal-Awstrija. Il-punt ċentrali tan-nuqqas ta’ qbil, f’dan ir-rigward, huwa l-kwistjoni dwar il-kapaċità u l-faċilità ta’ użu tat-trasport ikkombinat akkumpanjat fuq l-AV, fejn il-karru sħiħ jitgħabba fuq vaguni ferrovjarji b’qiegħ baxx. Filwaqt li r-Repubblika tal-Awstrija tippreżenta dan it-trasport fuq l-AV bħala alternattiva ta’ trasport b’kapaċità suffiċjenti, li tista’ tintuża għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni bi prezzijiet kompetittivi mingħajr riorganizzazzjoni loġistika, il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana jisħqu dwar il-problemi ta’ kapaċità u d-diffikutaljiet prattiċi mill-perspettiva tal-impriżi tat-trasport.
68. Anki fir-rigward tal-possibbiltà li jsir trasferiment, għat-trasport fuq it-triq tat-tip “itinerarju alternattiv” u “itinerarju ta’ devjazzjoni”, għal rotot alternattivi msemmija mir-Repubblika tal-Awstrija, l-opinjonijiet tal-partijiet huma ferm diverġenti. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tenfasizza, pereżempju, l-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw kieku t-trasport tal-merkanzija kellu jsir mill-Isvizzera. Hija ssostni wkoll, minbarra dan, li “sistema ta’ kontroll tal-volum tat-traffiku” (“Tropfenzählersystem”) implementata f’ċerti punti importanti tat-toroq prinċipali Tramuntana-Nofsinhar tas-sistema tat-toroq Svizzera b’sewqan veloċi, barra minn hekk, tista’ toħloq konġestjoni, b’mod li fażi ta’ traffiku ta’ vetturi tqal partikolarment intensa tista’ twassal biex jeħel it-traffiku kollu tal-vetturi tqal f’dawk il-punti. Jekk il-flussi tat-traffiku jiġu ddevjati mill-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn għal rotot alternattivi Svizzeri jista’ jseħħ preċiżament dan.
69. Fil-qosor, għandu jiġi affermat li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni fuq medda ta’ 90 km tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn jipprekludi madwar 194 000 tranżitu annwali ta’ vetturi tqal, waqt li l-possibbiltà ta’ spostament ta’ dak it-trasport fuq is-sistema ferrovjarja jew id-devjazzjoni ta’ tali trasport fuq rotot alternattivi hija estremament ikkontestata fost il-partijiet. F’dan il-kuntest, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi raġonevolment ikkontestat li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment huwa idoneu, fil-prinċipju, li jirrestrinġi l-possibbiltà ta’ skambji kummerċjali bejn in-Nofsinhar tal-Ewropa u t-Tramuntana tal-Italja.
70. Meta jitqies b’mod partikolari li ċ-ċirkustanza tal-idoneità msemmija hawn fuq għall-ostakolar tal-kummerċ hija suffiċjenti biex jiġi affermat effett restrittiv tal-moviment liberu tal-merkanzija (25), nasal għall-konklużjoni li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007 li permezz tiegħu ġiet stabbilita l-projbizzjoni tat-trasport ta’ ċerta merkanzija fuq distanza twila fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn għandu jitqies li jintegra miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, li fil-prinċipju hija inkompatibbli mal-obbligi taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE, li ma tistax tiġi ġġustifikata oġġettivament.
C – Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija
71. Sabiex tiġġustifika l-possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija permezz tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża fuq żewġ linji argumentattivi. Minn naħa, hija ssostni li r-regolament imsemmi ġie adottat biex jipproteġi d-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u, għaldaqstant, sabiex jitwettqu obbligi ta’ inizjattiva li jirriżultaw minn drittijiet Komunitarji fundamentali. Min-naħa l-oħra, hija tinvoka l-kawża ta’ ġustifikazzjoni ta’ raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent.
72. L-argumenti msemmija hawn fuq tar-Repubblika tal-Awstrija ma humiex konvinċenti.
1. Relazzjoni bejn ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment u d-drittijiet fundamentali Komunitarji
73. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija l-affermazzjoni li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali jmur kontra l-Artikoli 28 KE u 29 KE twassal għal kunflitt ta’ għanijiet bejn ir-rekwiżiti tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali Komunitarji, minn naħa, u r-rekwiżiti tal-moviment liberu tal-merkanzija, min-naħa l-oħra. Fid-dawl tal-valuri limitu tal-NO2, li għal snin ġie rreġistrat li nqabżu, ir-Repubblika tal-Awstrija fil-fatt hija obbligata, sabiex tħares id-dritt fundamentali ta’ protezzjoni tal-ħajja privata u tal-familja, li tadotta miżuri intiżi biex inaqqsu l-NO2 bħall-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
74. Kif diġà affermajt f’okkażjoni oħra, f’każ ta’ kunflitt bejn libertà fundamentali u dritt fundamentali, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-kisba ta’ dritt fundamentali għandha tiġi rrikonoxxuta bħala għan leġittimu li jista’ jirrestrinġi libertà fundamentali, kemm-il darba dik ir-restrizzjoni tkun proporzjonata (26). Tali rikonċiljazzjoni bejn dritt fundamentali u libertà fundamentali, madankollu, għandha ssir biss u sal-grad li tirriżulta l-eżistenza ta’ kunflitt konkret.
75. Fil-fehma tiegħi, f’din il-kawża ma rriżultatx l-eżistenza ta’ kunflitt, invokat mir-Repubblika tal-Awstrija, bejn id-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, minn naħa, u l-moviment liberu tal-merkanzija, min-naħa l-oħra.
76. Għalkemm huwa minnu li t-tniġġis ambjentali jista’ jkun rilevanti kemm fil-kuntest tad-dritt fundamentali għall-integrità psikofiżika (27) kif ukoll fil-kuntest tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja (28), għandu jiġi enfasizzat li dan waħdu f’ċirkustanzi partikolari jista’ jitqies bħala preġudizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali li okkażjonalment jista’ jimmotiva dritt ta’ individwu għall-protezzjoni min-naħa tal-Istati Membri. Il-konstatazzjoni ta’ preġudizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tippreżupponi l-prova konkreta ta’ impatt ikkaratterizzat b’mod suffiċjenti bi storbju jew emissjonijiet oħrajn (29). Il-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-integrità tal-persuna teħtieġ ta’ mill-inqas il-prova ta’ effett li jaqbeż il-limitu ta’ ħsara għas-saħħa.
77. F’din il-kawża r-Repubblika tal-Awstrija ma wrietx b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ tali impatt ambjentali minħabba l-emissjonijiet ta’ NO2. Peress li finalment ma ngħatatx prova ta’ preġudizzju (imminenti) tad-dritt fundamentali għall-integrità tal-persuna jew tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja, f’din il-kawża ma tqumx il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ kunflitt bejn dawn id-drittijiet fundamentali Komunitarji u d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.
2. Ġustifikazzjoni għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent
a) Raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent
78. Sabiex jiġi ġġustifikat ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija jistgħu jiġu invokati, minn naħa, il-ġustifikazzjonijiet “miktuba” li jinsabu fl-Artikolu 30 KE u, min-naħa l-oħra, il-ġustifikazzjonijiet “mhux miktuba” fl-interess ġenerali skont il-ġurisprudenza Cassis de Dijon.
79. Skont l-Artikolu 30 KE, restrizzjonijiet kwantitattivi u miżuri li għandhom effett ekwivalenti skont l-Artikoli 28 KE u 29 KE huma ġustifikabbli kull meta jkollhom jiġu protetti ċerti beni ġuridiċi speċifikati espressament f’dik id-dispożizzjoni. L-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent segwit mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment ma jaqax taħt dawn il-ġustifikazzjonijiet “miktuba”.
80. Il-protezzjoni tal-ambjent, madankollu, hija rrikonoxxuta skont ġurisprudenza stabbilita bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali skont il-ġurisprudenza Cassis de Dijon (30). Fuq il-bażi ta’ dan, miżuri nazzjonali li jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba rekwiżiti imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent kemm-il darba jkunu proporzjonati mal-għan segwit (31).
81. Skont il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq, il-ġustifikazzjoni ta’ miżura li għandha effett ekwivalenti għal raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent, għaldaqstant, tippreżupponi li l-miżura msemmija 1) tkun ġiet adottata bil-għan li jiġi ggarantit il-protezzjoni tal-ambjent u 2) tkun proporzjonata. Madankollu, ma ġiex iċċarat għalkollox jekk jistgħux ikunu ġġustifikati wkoll miżuri diskriminatorji ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent (32).
82. Il-kwistjoni tal-possibbiltà li jiġu ġġustifikati anki miżuri diskriminatorji billi jsir riferiment għall-għanijiet tal-protezzjoni tal-ambjent segwiti minnhom hija ta’ importanza partikolari f’din il-kawża. B’riferiment għad-derogi previsti għat-traffiku lokali u reġjonali ta’ vetturi tqal fir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, il-Kummissjoni tenfasizza fil-fatt li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment tirrigwarda fl-ewwel lok merkanzija ttrasferita fi tranżitu miż-żoni bi traffiku limitat. Il-projbizzjoni, għaldaqstant, hija ta’ natura ferm diskriminatorja.
83. Fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm indikazzjonijiet ċari tal-fatt li l-protezzjoni tal-ambjent, bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, tista’ tiġi invokata anki biex tiġġustifika miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva li jkunu ta’ natura diskriminatorja, waqt li ovvjament dejjem għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza, fil-prinċipju, għandu jiġi aċċettat.
84. Kienet is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (33), li fetħet il-bieb għal dan l-iżvilupp, fejn projbizzjoni direttament diskriminatorja ta’ importazzjoni ta’ skart fil-Wallonie ġiet iddikjarata bħala ġustifikata b’riferiment għar-rekwiżiti imperattivi tal-protezzjoni tal-ambjent (34). Fil-ġurisprudenza suċċessiva, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, inter alia, li diskriminazzjoni indiretta, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-emissjoni ta’ ħsejjes mir-reġistrazzjoni ta’ ajruplani użati fi Stati oħrajn, kellha titqies bħala ġġustifikata fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u ta’ protezzjoni tal-ambjent (35). Fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (36), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, għalkemm deroga nazzjonali – li jkollha effett direttament diskriminatorju (37) – għall-enerġija elettrika ġġenerata minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti fis-sens tal-Artikolu 28 KE, din hija ġġustifikata mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent u l-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-enerġija elettrika (38).
85. Partikolarment indikattiva, barra minn hekk, hija s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (39), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, kellha tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-irkupru tal-iskart tal-imballaġġ mal-moviment liberu tal-merkanzija. Id-dispożizzjoni msemmija kienet tipprevedi, b’riferiment għall-imballaġġ tax-xarbiet, is-sostituzzjoni ta’ sistema globali ta’ ġbir tal-imballaġġ ma’ sistema ta’ ħlas ta’ depożitu kawtelatorju u ta’ rtirar individwali. Din il-bidla kienet tagħmel iktar diffiċli jew iktar oneruża d-distribuzzjoni ta’ ilma minerali naturali provenjenti minn Stati Membri oħrajn, biex b’hekk kienet tirrappreżenta ostakolu għall-kummerċ intra-Komunitarju. L-effetti ta’ dik il-bidla, barra minn hekk, kienu jinħassu ferm iktar mill-produtturi barranin milli minn dawk nazzjonali, biex b’hekk dik il-miżura kellha titqies bħala indirettament diskriminatorja. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, eżaminat il-possibbiltà li dik id-dispożizzjoni setgħet kienet iġġustifikata għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward hija kkonkludiet li, għalkemm tali ġustifikazzjoni setgħet tkun aċċettabbli għal raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, f’dik il-kawża, madankollu, kienet tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma kellhiex perijodu tranżitorju adegwat.
86. Il-kriterju ta’ verifika msemmi hawn fuq, li jistabbilixxi li rekwiżiti imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jiġu invokati wkoll biex jiġġustifikaw miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi ta’ natura indirettament diskriminatorja, ġie kkonfermat fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (40), li tirrigwarda l-ewwel regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn.
87. Fl-analiżi ta’ dik is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari li l-Avukat Ġenerali Geelhoed, fil-konklużjonijiet ippreżentati minnu f’dik il-kawża, fl-ewwel lok ippropona li, skont il-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu ġġustifikati għal motivi ta’ interess ġenerali biss miżuri li għandhom effett ekwivalenti li ma humiex ta’ natura diskriminatorja. F’dan il-kuntest, huwa eżamina fid-dettall jekk l-ewwel projbizzjoni settorjali tal-moviment kellhiex effett indirettament diskriminatorju (41). Dan il-punt kien partikolarment kontroversjali inkwantu t-trasportaturi ta’ Stati Membri oħrajn kienu milquta sa grad ferm ogħla meta mqabbla ma’ dawk Awstrijaki mill-eżenzjonijiet favur it-traffiku li joriġina minn jew direzzjonat lejn iż-żona ta’ risanament. Wara li qies b’mod partikolari l-kuntesti ġeografiċi tat-traffiku tal-merkanzija transalpin, kif ukoll l-oġġettiv u l-artikolazzjoni tar-regolament dwar il-projbizzjoni ta’ moviment, l-Avukat Ġenerali madankollu kkonkluda li d-dispożizzjoni inkwistjoni, meta titqies fit-totalità tagħha u meta tiġi eżaminata fil-kuntest ġenerali tagħha, ma setgħetx titqies li hija (indirettament) diskriminatorja, u għaldaqstant, fil-prinċipju, kienet ġustifikabbli abbażi ta’ motivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent (42).
88. Fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005 il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-kwistjoni tan-natura diskriminatorja tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment inkwistjoni. Fl-ambitu tal-verifika tagħha tal-ġustifikazzjoni tal-ostakolu tal-moviment liberu tal-merkanzija li ġie rrilevat, hija sempliċement affermat li miżuri nazzjonali li jostakolaw il-kummerċ intra‑Komunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati minn rekwiżiti imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent kemm-il darba jkunu proporzjonati mal-għan segwit (43). Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma limitat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-għan biss għal miżuri mhux diskriminatorji fl-analiżi tagħha.
89. Dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jwassalni biex nikkonkludi li l-protezzjoni tal-ambjent jista’ jiġi invokat bħala raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali anki biex jiġġustifika miżuri diskriminatorji li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi. Timmilita wkoll favur din is-soluzzjoni anki ċ-ċirkustanza li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-protezzjoni tal-ambjent jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità (44). F’dan il-kuntest huwa diffiċli li wieħed isostni li restrizzjonijiet ta’ natura diskriminatorja tal-moviment liberu tal-merkanzija ma humiex b’xi mod ġustifikabbli għal raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent (45).
90. Il-possibbiltà li jiġu ġġustifikati anki restrizzjonijiet ta’ natura diskriminatorja tal-moviment liberu tal-merkanzija billi jiġu invokati raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent ma timplikax, madankollu, li l-verifika tal-ġustifikazzjoni għall-miżuri ta’ natura diskriminatorja għandha sseħħ bl-istess mod bħal dawk li ma humiex ta’ tali natura. Min-naħa l-oħra għandu jitqies li n-natura diskriminatorja ta’ miżura li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-merkanzija tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-verifika tal-proporzjonalità, waqt li jistgħu jiġu vverifikati b’mod iktar rigoruż in-neċessità u l-adegwatezza ta’ dawk il-miżuri (46).
91. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent kemm-il darba jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Anki miżuri diskriminatorji jistgħu, fil-prinċipju, ikunu ġġustifikati għal raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent.
b) Verifika tal-proporzjonalità
92. F’din il-kawża huwa ċar li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ġie adottat bil-għan li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, il-kwistjoni jekk dan josservax ukoll il-prinċipju tal-proporzjonalità hija partikolarment kontroversjali.
93. Għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kwistjoni jekk ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment huwiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa determinanti jekk l-imsemmi regolament huwiex 1) idoneu u 2) neċessarju biex jinkisbu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent li jinsabu fih u jekk ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta minnu hijiex 3) adegwata (47).
i) Dwar l-idoneità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment
94. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura tkun idonea biex tiggarantixxi l-kisba tal-oġġettiv stabbilit jekk tirrispondi realment għall-għan li jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (48).
95. Għaldaqstant, sabiex jiġi evalwat jekk il-projbizzjoni settorjali tal-moviment hijiex idonea biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent segwiti minnha, essenzjalment jeħtieġ li jiġi kkjarifikat jekk din il-projbizzjoni ta’ moviment tistax tikkontribwixxi b’mod koerenti u sistematiku biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 tul l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn.
96. Meta jitqies b’mod partikolari r-rwol strumentali li għandu t-trasport ikkombinat akkumpanjat fuq l-AV fl-iskema kumplessiva tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, għandi dubji dwar dak li sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, meta qalet li dik il-projbizzjoni ta’ moviment tikkontribwixxi b’mod koerenti biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 tul l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn.
97. Essenzjalment, l-għan tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, permezz ta’ tnaqqis tan-numru ta’ vjaġġi ta’ vetturi tqal fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, huwa li jwassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 tul dik l-awtostrada. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-istess Repubblika tal-Awstrija, il-projbizzjoni ta’ moviment tirrigwarda madwar 194 000 vjaġġi ta’ vetturi tqal fis-sena, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom jiġu spostati fuq il-ferrovija. Għal tali trasport bil-ferrovija, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, huma disponibbli tliet forom ta’ trasport, jiġifieri s-servizz ta’ vaguni b’tagħbija sħiħa konvenzjonali, it-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat u t-trasport ikkombinat u akkumpanjat fuq l-AV (49).
98. Meta jitqiesu l-għanijiet u l-istruttura tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment għandu jiġi kkunsidrat li t-trasport ta’ merkanzija milquta mill-projbizzjoni għandu jiġi spostat fuq it-trasport “tradizzjonali” fuq binarji (servizz ta’ vaguni b’tagħbija sħiħa tradizzjonali jew trasport ikkombinat mhux akkumpanjat). F’dan il-kuntest, il-projbizzjoni ta’ moviment ma hijiex marbuta direttament mal-emissjonijiet tal-vetturi tqal, iżda pjuttost mal-merkanzija ttrasportata. Skont dak li ġie rrilevat mir-Repubblika tal-Awstrija, fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ moviment tirrigwarda biss it-trasport ta’ merkanzija b’affinità ferrovjarja, jiġifieri merkanzija li tista’ faċilment tiġi ttraspostata “b’mod tradizzjonali” fuq il-binarji u li, għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira hija diġà tttrasportata b’dak il-mod (50). F’dan il-kuntest, l-offerta tal-AV għandha titqies bħala alternattiva ulterjuri ta’ trasport fuq il-binarji, li għandha takkumpanja l-proċess loġistiku tal-ispostament tat-trasport fuq it-triq ta’ merkanzija idonea għall-ferrovija permezz tat-trasport fuq il-binarji skont is-sistema ta’ vaguni b’tagħbija sħiħa konvenzjonali jew tat-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat (51).
99. Peress li dan l-ispostament lejn it-trasport fuq binarji “tradizzjonali” mhux ser jitwettaq, f’kuntest transkonfinali, fi żmien il-perijodu ta’ tranżizzjoni li huwa artikolat f’żewġ fażijiet fir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, waħda ta’ erba’ xhur (l-ewwel fażi) u l-oħra ta’ sena (it-tieni fażi) (52), il-projbizzjoni settorjali tal-moviment għandha l-effett, madankollu, li parti sostanzjali tat-trasport permezz ta’ vetturi tqal milqut mill-projbizzjoni ta’ moviment irid jiġi ttrasferit fuq l-AV għal perijodu ta’ tranżizzjoni mhux speċifikat. Għal dan il-għan is-servizz tal-AV, skont dak li affermat l-istess Repubblika tal-Awstrija, ġie miżjud ukoll b’mod korrispondenti (53).
100. L-AV huma kkaratterizzati mill-fatt li t-trakkijiet jiġu ttrasportati flimkien mas-sewwieqa, u għalhekk is-servizz tal-AV jista’ jintuża wkoll għat-trasport ta’ merkanzija mhux adattata għall-ferrovija (54). Mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent, għaldaqstant, l-AV huma partikolarment idonei biex jittrasportaw vetturi tqal li jniġġsu ħafna, u b’hekk indipendentement mill-affinità tal-merkanzija ttrasportata mal-ferrovija. Il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, madankollu, bl-artikolazzjoni tagħha f’żewġ fażijiet b’ebda mod ma tieħu f’kunsiderazzjoni din il-karatteristika partikolari tal-AV. Kif spjegat hawn fuq, fil-fatt, dan iwassal għall-konklużjoni li għal perijodu ta’ adattament li ma jistax jiġi speċifikat bi preċiżjoni, għadd kbir ta’ trasport ta’ merkanzija b’affinità għall-ferrovija għandu jiġi spostat fuq l-AV, u dan mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet tal-vetturi tqal użati.
101. Fid-dawl ta’ din il-kontradizzjoni, jidhirli li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ma huwiex koerenti mill-perspettiva tal-protezzjoni tal-ambjent f’aspett ċentrali tiegħu stess. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-idoneità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 tul l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn ma tistax tiġi riżolta malajr fl-affermattiv.
ii) Fuq in-neċessità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment
102. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-digriet dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment kien idoneu biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta’ NO2 tul l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, għandu jiġi vverifikat jekk dik il-projbizzjoni ta’ moviment kinitx neċessarja biex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent.
103. Miżura tkun neċessarja meta, minn fost diversi miżuri idonei biex jinkiseb l-għan segwit, din tirriżulta li tkun l-inqas waħda oneruża għall-interess jew beni ġuridiku kkonċernat (55).
104. Skont dak li sostniet ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment jagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri intiżi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ NO2 minn 9.9 % sa 10.7 % sal-2010. L-imsemmi regolament, għaldaqstant, għandu l-iskop li jikkontribwixxi għal tali oġġettiv bi tnaqqis ta’ 1.5 % tal-emissjonijiet ta’ NO2 (56).
105. Bħala prova tat-tnaqqis potenzjali tal-NO2 b’1.5 %, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għal “Programm skont l-Artikolu 9a tal-IG-L għal-Land ta’ Tirol” (57) anness mar-risposta. F’dak il-programm jingħataw eżempji ta’ tnaqqis potenzjali ta’ NO2 ta’ diversi dispożizzjonijiet fl-ambitu tal-moviment fuq it-triq. Fost id-dispożizzjonijiet analizzati hemm ukoll il-projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn li għandha taffettwa 200 000 vjaġġ, ekwivalenti għal 7.3 % tat-traġitti minn vetturi tqal fuq l-A 12 (58). Tali projbizzjoni ta’ moviment twassal għal tnaqqis ta’ 1.5 % tal-emissjonijiet ta’ NO2 (59). Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija enfasizzat ukoll, madankollu, li b’differenza mill-pjanijiet preċedenti, il-projbizzjoni ta’ moviment taffettwa biss 194 000 vjaġġ fis-sena u mhux 200 000. Dan jikkorrispondi għal 6.6 % minflok is-7.3 % oriġinali tat-traġitti kollha mwettqa minn vetturi tqal fuq l-A 12 (60).
106. Għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija fir-risposta tagħha affermat li l-projbizzjoni ta’ moviment tirrigwarda mhux is-7.3 % ippjanat inizjalment, iżda biss is-6.6 % tat-traġitti kollha mwettqa b’vetturi tqal f’sena, hija kkonfermat, mingħajr ma indikat il-motivi, il-1.5 % tat-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 imsemmi fil-pjanijiet oriġinali. Meta tkellmet dwar dan matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Awstrija sostniet li fil-kalkolu tat-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 permezz tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment għandu jiġi aċċettat ċertu marġni ta’ żball u li t-tnaqqis annwali tan-numru ta’ vjaġġi kkonċernati, ekwivalenti għal 6 000 vjaġġ imwettqa b’vetturi tqal, jaqa’ taħt dan il-marġni.
107. Għalkemm din l-affermazzjoni twassal għall-konklużjoni li hemm marġni ta’ żball ġenerali fil-kalkolu tat-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 permezz tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, il-Kummissjoni ma kkontestatx dak li ddikjarat ir-Repubblika tal-Awstrija f’dan ir-rigward. Lanqas mill-atti tal-proċess ma jistgħu jiġu dedotti elementi ulterjuri li jpoġġu f’dubju l-korrettezza ta’ din l-affermazzjoni. F’dan il-kuntest, għaldaqstant, għandu jitqies li t-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 stabbilit mir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment huwa ekwivalenti għal 1.5 %.
108. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tar-Repubblika tal-Awstrija huma ferm differenti dwar il-kwistjoni jekk it-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 imwettaq mir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment jistax isir permezz ta’ dispożizzjonijiet li jirrestrinġu inqas il-moviment.
109. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm multipliċità ta’ miżuri inqas restrittivi li ma ġewx adottati, bħal limitu kostanti tal-veloċità fuq l-awtostrada fil-wied ta’ Inn, l-estensjoni tal-projbizzjonijiet tal-moviment previsti għal vetturi tqal iktar qodma bi standards EURO superjuri, l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni ta’ moviment differenzjata skont il-klassi ta’ inkwinanti, miżuri iktar stretti fil-qasam tal-moviment tal-vetturi, miżuri dwar in-nollijiet għall-vetturi tqal u l-vetturi bil-mutur, kif ukoll miżuri oħrajn ta’ tip ekonomiku. Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta dawn il-proposti b’mod ċirkustanzjat.
110. Għalkemm ma huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħmel dikjarazzjoni dettaljata fuq il-possibbiltà li setgħu jintgħażlu dispożizzjonijiet oħrajn biex jitnaqqas l-NO2, u dwar it-tip tagħhom (61), il-verifika tan-neċessità tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment tippreżupponi paragun bejn il-miżura msemmija u miżura waħda jew iktar li, għalkemm jistgħu potenzjalment inaqqsu l-NO2, ma ġewx adottati.
111. F’dan il-kuntest jassumu importanza partikolari l-kummenti tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 b’limitu ta’ veloċità ta’ 100 km fis-siegħa validu għas-sena sħiħa.
112. Fuq il-bażi tal-kalkoli tal-Institut für Energie‑ und Umweltforschung Heidelberg (iktar ‘il quddiem, l-“IFEU”) (62), il-Kummissjoni ssostni li limitu ta’ veloċità ta’ 100 km fis-siegħa validu għas-sena sħiħa jwassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet annwali ta’ NO2 ekwivalenti għal madwar 7.5 %, waqt li bil-limitu ta’ veloċità varjabbli fis-seħħ minn Novembru 2007 jista’ jinkiseb biss tnaqqis ekwivalenti għal 3.6 sa 3.8 %. It-tnaqqis potenzjali ulterjuri ta’ NO2 permezz ta’ limitu ta’ veloċità validu għas-sena kollha, għaldaqstant, ikun ekwivalenti għal madwar 4 %. Anki jekk tittieħed bħala punt ta’ tluq id-data pprovduta mill-Gvern Awstrijak, it-tnaqqis potenzjali ulterjuri ta’ NO2 permezz ta’ limitu ta’ veloċità ta’ 100 km fis-siegħa fis-seħħ għas-sena sħiħa jaqbeż bil-kbir it-tnaqqis ta’ NO2 b’1.5 % li għalih qed timmira r-Repubblika tal-Awstrija permezz tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment (63).
113. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effetti ta’ limitu ta’ veloċità applikabbli għas-sena kollha ma hijiex fondata fil-fatti u hija metodoloġikament żbaljata (64). F’dan ir-rigward hija tibbaża, inter alia, fuq perizja tal-Ökoscience AG tas-6 ta’ Awwissu 2009 (65). Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza, barra minn hekk, li l-veloċità medja naqset minn 116 għal 111 km fis-siegħa bejn l-2006 u l-2009, meta l-limitu applikabbli kien iffissat għal 130 km fis-siegħa, waqt li l-veloċità medja fir-realtà kienet ekwivalenti għal 103 km fis-siegħa meta l-limitu kien iffissat għal 100 km fis-siegħa. F’dan il-kuntest, l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ veloċità fis-seħħ għas-sena kollha jwassal biss għal tnaqqis tal-veloċità ta’ 8 km fis-siegħa fir-rigward taż-żmien meta kien fis-seħħ limitu ta’ 130 km fis-siegħa. Il-livell baxx tat-tnaqqis fil-veloċità jispjega għalfejn l-introduzzjoni ta’ limitu ta’ veloċità ta’ 100 km fis-siegħa twassal għal tnaqqis potenzjali ta’ NO2 ekwivalenti għal 1.1 % biss (66).
114. Kif diġà affermajt, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-neċessità ta’ miżura għandu jiġi eżaminat jekk minn fost id-diversi miżuri idonei biex jinkiseb l-għan segwit, din tkunx l-inqas waħda oneruża għall-interess jew beni ġuridiku kkonċernat.
115. Meta titqies b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li, skont il-kunsiderazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija, tnaqqis tal-veloċità medja ta’ 8 km fis-siegħa fiż-żmien tal-limitu ta’ veloċità għal 130 km fis-siegħa diġà tista’ twassal għal tnaqqis potenzjali ta’ NO2 ta’ 1.1 %, fil-fehma tiegħi għandu jiġi aċċettat l-argument tal-Kummissjoni, meta tgħid li miżuri ġenerali intiżi biex titnaqqas il-veloċità medja jistgħu jwasslu għal tnaqqis notevoli potenzjali ta’ NO2. L-effetti negattivi ta’ tali tnaqqis tal-veloċità medja, barra minn hekk, minn perspettiva sempliċement matematika huma pjuttost limitati, kif jirriżulta mill-eżempju ta’ tnaqqis tal-veloċità medja ta’ 111 km fis-siegħa għal 103 km fis-siegħa fuq il-medda tal-awtostrada fil-wied ta’ Inn milquta mill-projbizzjoni ta’ moviment. Biex wieħed isuq il-medda sħiħa ta’ 90 kilometru b’veloċità medja ta’ 111 km fis-siegħa dan idum, skont kalkolu sempliċi, madwar 48 minuta. Biex wieħed isuq l-istess distanza b’veloċità medja ta’ 103 km fis-siegħa dan idum, skont kalkolu sempliċi, madwar 52 minuta. Għaldaqstant l-iżvantaġġ ta’ ħin għad-distanza sħiħa huwa ekwivalenti għal madwar 4 minuti biss.
116. Fil-qosor, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li l-projbizzjoni settorjali tippreġudika bis-saħħa l-moviment liberu tal-merkanzija billi tipprojbixxi madwar 6.6 % tat-trasport komplessiv ta’ vetturi tqal fuq l-A 12, waqt li tali miżura toffri tnaqqis potenzjali ta’ NO2 ta’ 1.5 % biss. Min-naħa l-oħra, mill-informazzjoni li tinsab fl-atti tal-proċess dwar limitu ta’ veloċità fis-seħħ għas-sena kollha jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija bi tnaqqis temporanju tal-veloċità medja bi 8 km fis-siegħa diġà tista’ tikseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 ta’ iktar minn 1 %.
117. Fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jirriżulta minn paragun tat-tnaqqis potenzjali ta’ NO2 kif ukoll tal-effetti tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment u tal-limitazzjoni tal-veloċità fis-seħħ għas-sena kollha li l-projbizzjoni settorjali tal-moviment finalment ma tgħaddix mill-eżami tan-neċessità.
iii) Fuq l-adegwatezza tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment
118. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi, diversament min dak li sostnejt jiena, li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment jgħaddi mill-verifika tan-neċessità, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-imsemmija projbizzjoni ta’ moviment tirrestrinġix il-moviment liberu tal-merkanzija b’mod inadegwat. Dan ikun il-każ jekk il-projbizzjoni settorjali tal-moviment, minkejja l-effetti pożittivi fuq il-protezzjoni tal-ambjent, toħloq preġudizzju wisq kbir għall-moviment liberu tal-merkanzija.
119. Ir-risposta għad-domanda jekk f’din il-kawża hemmx preġudizzju wisq kbir għall-moviment liberu tal-merkanzija tiddependi finalment mill-eżistenza ta’ alternattivi tat-trasport suffiċjenti għat-trasport tal-merkanzija milquta mill-projbizzjoni ta’ moviment.
120. F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat li l-medda tal-awtostrada milquta mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment tagħmel parti minn fus ta’ kollegament vitali għal ċerti Stati Membri. Għaldaqstant, meta titqies b’mod iżolat, il-projbizzjoni msemmija tikkostitwixxi preġudizzju radikali għall-moviment liberu tal-merkanzija (67). Jekk tiġi ggarantita l-eżistenza ta’ alternattivi realistiċi għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni b’modi diversi jew permezz ta’ itinerarji fuq toroq oħrajn jistgħu jiġu mmitigati l-effetti negattivi tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq il-moviment liberu u fuq il-moviment liberu tal-merkanzija. Dan, min-naħa l-oħra, ikollu effett pożittiv fuq il-verifika tal-adegwatezza tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
121. Il-kwistjoni jekk fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment kinux jeżistu alternattivi realistiċi għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni b’modi differenti jew permezz ta’ itinerarji oħrajn bit-triq hija partikolarment kontenzjuża bejn il-partijiet. Waqt li r-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza l-possibbiltà li t-traġitti inkwistjoni jiġu ttrasferiti fuq is-sistema ferrovjarja u l-eżistenza ta’ itinerarji bit-toroq alternattivi, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizzaw għadd ta’ problemi li jipprekludu l-użu effettiv ta’ dawk il-modi jew itinerarji bit-triq alternattivi.
122. Fil-fehma tiegħi r-Repubblika tal-Awstrija ma ressqitx prova tal-fatt li fil-mument tad-dħul fis-seħħ ippjanat tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment kienu jeżistu alternattivi suffiċjenti għat-trasport transalpin tal-merkanzija inkwistjoni.
123. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata b’riferiment għas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni mmotivata, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil suċċessiv li seħħ (68). F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ alternattivi suffiċjenti għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tad-dispożizzjoni Awstrijaka fid-9 ta’ Ġunju 2008. F’dak il-mument ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, kien jipprevedi introduzzjoni f’żewġ fażijiet tal-projbizzjoni ta’ moviment fuq medda b’tul ta’ madwar 90 kilometru, inkluż bejn Langkampfen (madwar 6 km mill-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja) u Zirl (madwar 12-il kilometru lejn il-Punent minn Innsbruck). Fl-ewwel fażi, mit-2 ta’ Mejju 2008, ġie pprojbit it-trasport fi tranżitu ta’ skart, ġebel, terrapien jew ħama. Sa mill-1 ta’ Jannar 2009 dik il-projbizzjoni hija applikabbli, barra minn hekk, għat-trasport ta’ injam fi zkuk jew sufra, minerali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, vetturi bil-mutur u karrijiet, azzar (ħlief għal azzar b’konkrit rafforzat u tal-kostruzzjoni għall-forniment ta’ siti tal-kostruzzjoni), irħam u travertin, kif ukoll madum.
124. Bħala trasport alternattiv, ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għat-trasport tal-merkanzija bis-sistema ferrovjarja (servizz ta’ vaguni b’tagħbija sħiħa konvenzjonali, trasport ikkombinat mhux akkumpanjat u AV) kif ukoll l-użu ta’ rotot alternattivi għat-trasport fit-triq. Fil-fehma tiegħi, madankollu, ma ġiex ippruvat li l-imsemmija alternattivi ta’ trasport kienu suffiċjenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ippjanat tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
125. Rigward it-trasport tal-merkanzija inkwistjoni bis-servizz b’tagħbija sħiħa konvenzjonali jew bit-trasport ikkombinat mhux akkumpanjat, ir-Repubblika tal-Awstrija fir-risposta tagħha spiċċat biex ammettiet li l-ispostament tat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni lejn it-trasport tradizzjonali fuq binarji ma kienx twettaq kif ippjanat. Kien proprju għal din ir-raġuni li kien neċessarju li tiġi rregolata mill-ġdid il-projbizzjoni settorjali tal-moviment bir-regolament tat-23 ta’ Diċembru 2008 u li tiġi artikolata t-tieni fażi ta’ dik il-projbizzjoni (69) li tinsab fiha (70).
126. Fir-rigward tal-kapaċità ta’ trasport tal-AV hemm diverġenza kbira fl-opinjoni bejn ir-Repubblika tal-Awstrija, minn naħa, u l-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana, min-naħa l-oħra. Waqt li r-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-eżistenza ta’ kapaċità żejda, il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana jilmentaw dwar għadd ta’ problemi prattiċi li wasslu biex l-AV ma kinitx f’pożizzjoni li toffri l-kapaċità meħtieġa ta’ trasport fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment. Il-Kummissjoni u r-Repubblika Taljana jidhrilhom li l-opinjoni tagħhom ġiet ikkonfermata, inter alia, mill-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija finalment issostitwiet l-introduzzjoni tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment, inizjalment prevista f’żewġ fażijiet, bl-introduzzjoni f’erba’ fażijiet u fil-fatt estendiet it-termini għall-adattament.
127. Fid-dawl tal-atti u l-informazzjoni kollha disponibbli, fil-fehma tiegħi, ma ġiex ippruvat li l-offerta tal-AV kienet f’pożizzjoni, kieku l-projbizzjoni settorjali tal-moviment ippjanata ġiet introdotta f’żewġ fażijiet, li toffri kapacità suffiċjenti ta’ trasport.
128. F’dan il-kuntest għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li l-offerta tal-AV tirrigwarda biss is-settur fil-Lvant minn Innsbruck. Għas-settur li jinsab fil-Punent minn Innsbruck, l-alternattiva tal-AV ma teżistix.
129. Anki għas-settur li jinsab fil-Lvant minn Innsbruck, madankollu, fil-fehma tiegħi jeżistu perplessitajiet fir-rigward ta’ dak li ddeduċiet ir-Repubblika tal-Awstrija, meta qalet li anki għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment f’żewġ fażijiet kif previst inizjalment kien hemm disponibbli kapaċitajiet suffiċjenti ta’ AV. F’dan is-sens, huwa partikolarment indikattiv abbozz ta’ regolament tal-Landeshauptmann tal-2009, li kien jipprevedi l-ħames fażi għall-introduzzjoni tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment (71). Skont dan l-abbozz ta’ regolament, l-introduzzjoni tat-tielet fażi prevista fir-regolament tat-23 ta’ Diċembru 2008 (projbizzjoni ta’ moviment mill-1 ta’ Lulju 2009 għal materjali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, azzar, irħam, travertin u madum taċ-ċeramika) (72) kienet maqsuma ulterjorment, bid-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ moviment għal materjali tal-ħadid u mhux tal-ħadid, għall-irħam u t-travertin biss mill-1 ta’ Lulju 2010. Fin-noti ta’ spjegazzjoni dwar l-abbozz, fir-rigward tas-suddiviżjoni ulterjuri tat-tielet fażi, isir riferiment għal parir tad-dipartiment tal-ippjanar tat-traffiku, li qal li l-offerta tal-AV ma setgħetx tiġi estiża fil-ħin sad-dħul fis-seħħ tat-tielet fażi tal-projbizzjoni settorjali tal-moviment (73). F’dak id-dokument huwa enfasizzat ukoll li l-AV ma għandhiex tiġi sfruttata sal-livell massimu ta’ 100 %, inkwantu dan kien iwassal għal problemi ta’ funzjonament b’mod kważi ċert (74). L-istess dokument, għaldaqstant, jipprovdi indikazzjoni ferm konklużiva tal-fatt li l-offerta tal-AV, kieku l-projbizzjoni settorjali tal-moviment kellha tiġi attwata f’żewġ fażijiet kif previst inizjalment, wisq probabbli ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni li tissodisfa mingħajr problemi l-ħtiġijiet addizzjonali ta’ trasport.
130. Bl-istess mod huwa diskutibbli jekk ir-rotot alternattivi mir-Reschenpass u l-Isvizzera indikati mir-Repubblika tal-Awstrija setgħux jirrappreżentaw alternattiva realistika għat-trasport milqut mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
131. Fir-rigward tat-traġitt mir-Reschenpass, għandu jiġi enfasizzat li anki fuq din il-medda hemm projbizzjoni ta’ moviment għall-vetturi tqal, għalkemm hemm eċċezzjonijiet għat-trasport dirett b’vetturi tqal minn u lejn ir-reġjuni ċirkostanti mir-Reschenpass u bejn il-Vorarlberg jew parti kbira taż-żona ċirkostanti tal-lag ta’ Costanza, minn naħa, u parti partikolari tat-Tramuntana tal-Italja, minn naħa l-oħra (ir-reġjun ta’ Veneto, il-provinċja ta’ Trento u parti kbira tal-Alto Adige). Għaldaqstant, dan it-traġitt alternattiv ma huwiex disponibbli għat-trasport tal-merkanzija li titgħabba jew tinħatt barra mir-reġjuni msemmija.
132. Finalment, ir-Repubblika tal-Awstrija tindika bħala traġitt alternattiv għat-trasport fuq it-triq is-sistema tat-toroq tal-Isvizzera. Il-possibbiltà li tiġi ddevjata parti mit-trasport tal-merkanzija kkonċernata mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment mill-Isvizzera, madankollu, titpoġġa f’dubju mir-Repubblika Taljana b’riferiment għas-“sistema ta’ kontroll tal-volum tat-traffiku”, li tinsab f’punti importanti bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tas-sistema tat-toroq Svizzera b’sewqan veloċi. Skont dik is-sistema, fażi ta’ traffiku ta’ vetturi tqal partikolarment intensa tista’ twassal biex jeħel kompletament it-traffiku ta’ merkanzija tqila fuq it-toroq bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar (75). Ir-Repubblika tal-Awstrija ma tikkontestax din l-affermazzjoni, iżda għall-kuntrarju tikkonferma li limitazzjoni tat-tranżitu ta’ vetturi tqal skont it-traffiku, b’sistema ta’ kontroll tal-volum tat-traffiku, tikkostitwixxi riskju kbir ta’ ħin li ma jistax jiġi kkalkulat faċilment mill-industrija tat-trasport (76). F’dan il-kuntest, għandu jiġi faċilment ikkonstatat li s-sistema tat-toroq Svizzera kienet disponibbli biss b’mod limitat bħala triq alternattiva għat-trasport ta’ merkanzija milquta mill-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
133. Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li ma ġiex ippruvat b’mod suffiċjenti li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ moviment permezz tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007, kien hemm jew seta’ kien hemm alternattivi suffiċjenti għat-trasport tal-merkanzija inkwistjoni b’modi diversi jew permezz ta’ itinerarji oħrajn bit-triq. F’dan il-kuntest il-projbizzjoni ta’ moviment fuq l-awtostrada fil-wied ta’ Inn stabbilita bir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007 għandha titqies bħala intervent radikali fil-moviment liberu tal-merkanzija. Peress li l-għan ta’ din il-projbizzjoni ta’ moviment huwa li jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NO2 ekwivalenti biss għal 1.5 %, nikkonkludi li r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-merkanzija derivata mir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007 ma hijiex adegwata.
c) Konklużjoni parzjali
134. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi jirriżulta li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment ma huwiex neċessarju u huwa idoneu biss bil-kundizzjoni li jwassal għall-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent segwit minnu. Barra minn hekk, dan joħloq restrizzjoni inadegwata tal-moviment liberu tal-merkanzija. F’dan il-kuntest, ir-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment huwa sproporzjonat fit-totalità tiegħu.
VIII – Sintesi
135. Fid-dawl tal-osservazzjonijiet tiegħi li ġew ippreżentati hawn fuq, nikkonkludi li r-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment tas-17 ta’ Diċembru 2007 jista’ jiġi kkwalifikat bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fis-sens tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, li fil-prinċipju tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġunijiet imperattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent. F’din il-kawża, madankollu, tali ġustifikazzjoni ma tissussistix, finalment, minħabba n-nuqqas ta’ proporzjonalità tar-regolament dwar il-projbizzjoni settorjali tal-moviment.
IX – Fuq l-ispejjeż
136. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, u peress li rriżulta li din tal-aħħar tilfet b’mod sostanzjali, hemm lok li hija tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fit-talbiet tal-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
X – Konklużjoni
137. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
1) tiddikjara li r-Repubblika tal-Awstrija, inkwantu pprojbixxiet lit-trakkijiet ta’ iktar minn 7.5 tunnellati li jittrasportaw ċerta merkanzija milli jsuqu fuq medda tal-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn wara l-adozzjoni tar-regolament tal-Landeshauptmann von Tirol tas-17 ta’ Diċembru 2007, li permezz tiegħu huwa pprojbit it-trasport fuq distanza twila ta’ ċerta merkanzija fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 29 KE;
2) tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija biex tbati l-ispejjeż tal-kawża;
3) tikkundanna lir-Repubblika Taljana u lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi biex ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE issa huwa rregolat bl-Artikoli 258 u 260(3) TFUE, fis-sens tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1). In-novità l-iktar importanti tinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprovdi li l-Kummissjoni, fl-ambitu ta’ rikors għan-nuqqas ta’ Stat li jimplementa direttiva tista’ titlob il-pagament ta’ penalità jew il-ħlas ta’ somma fissa kontra l-Istat Membru inadempjenti sa mill-ftuħ tal-proċedura abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.
3 – C‑320/03, Ġabra p. I‑9871.
4 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑526/08, Ġabra p. I‑6151, punti 23 u 37), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 228 KE tqum biss f’każ li jirriżulta li l-ilmenti mqajma fi proċedura partikolari għan-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu jkunu identiċi fil-fatt u fid-dritt għal dawk ifformulati fi proċedura preċedenti għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
5 – B’mod konformi mad-denominazzjonijiet użati fit-TUE u t-TFUE, il-kunċett ta’ “dritt tal-Unjoni” jintuża bħala kunċett kumpless li jinkludi d-dritt Komunitarju u d-dritt tal-Unjoni. Fir-rigward tar-riferimenti suċċessivi għad-dritt primarju, fit-test huma indikati d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.
6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 95, fil-verżjoni emendata bir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1882/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447).
7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 164, fil-verżjoni emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/744/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2001, li temenda l-Anness V mad-Direttiva 1999/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 274).
8 – ĠU L 152, p. 1.
9 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3).
10 – Regolament tal-Landeshauptmann tat-23 ta’ Ottubru 2006 li permezz tiegħu ġie ffissat limitu ta’ veloċità ta’ 100 km/siegħa fuq l-awtostrada A 12 tal-wied ta’ Inn bejn Zirl‑West u l-fruntiera tal-Istat mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Landesgesetzblatt für Tirol, nru 86/2006), li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni bħala l-Anness A‑2 tar-rikors.
11 – Ir-Regolament tal-Landeshauptmann tas-6 ta’ Novembru 2007, li permezz tiegħu ddaħħal fuq l-awtostrada A 12 tal-wied ta’ Inn bejn il-komun ta’ Unterperfuss u l-komun ta’ Ebbs tnaqqis tal-veloċità massima awtorizzata skont l-emissjonijiet (Landesgesetzblatt für Tirol, nru 72/2007), li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni bħala l-Anness A‑3 tar-rikors.
12 – Regolament tal-Landeshauptmann tal-24 ta’ Novembru 2006, li permezz tiegħu ġiet stabbilita projbizzjoni ta’ moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn għall-vetturi tqal li huma partikolarment inkwinanti (Landesgesetzblatt für Tirol, Nru 90/2006), li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni bħala l-Anness A‑5 tar-rikors.
13 – Regolament tal-Landeshauptmann tal-24 ta’ Novembru 2006, li permezz tiegħu ġiet stabbilita projbizzjoni ta’ moviment bil-lejl għall-vetturi tqal fuq l-awtostrada A 12 tal-wied ta’ Inn (Landesgesetzblatt für Tirol, Nru 91/2006), li ġie ppreżentat mill-Kummissjoni bħala l-Anness A‑6 tar-rikors.
14 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 79 et seq.
15 – Programm skont l-Artikolu 9A IG‑L für das Bundesland Tirol, erstellt vom Umweltbundesamt im Auftrag des Amtes der Tiroler Landesregierung, Wien, 2007, 135 p. (programm skont l-Artikolu 9A tal-IG‑L għal-Land ta’ Tirol, imfassal mill-Ministeru Federali għall-Ambjent fuq inkarigu mill-Uffiċċju tal-Gvern Reġjonali ta’ Tirol, Vjenna, 2007, iktar ’il quddiem, il-“programm skont l-Artikolu 9A tal-IG-L għal-Land ta’ Tirol”) – Anness 2 tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija tal-15 ta’ Frar 2008, ippreżentat mill-Kummissjoni bħala Anness A‑15 tar-rikors.
16 – Ibidem, p. 65 et seq.
17 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz (C-97/09, Ġabra p. I‑10465, punti 53 et seq).
18 – Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Janecek (C‑237/07, Ġabra p. I‑6221, punti 45 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja affermat fl-ewwel lok li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tat-twettiq tad-dmir li jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 96/62, biex imbagħad ikkjarifikat li l-imsemmija dispożizzjoni tad-direttiva tiffissa xi limiti fil-mod kif tiġi eżerċitata dik id-diskrezzjoni fir-rigward tan-natura adegwata tal-miżuri li l-pjan ta’ azzjoni jrid ikollu fil-konfront tal-għan tat-tnaqqis tar-riskju ta’ qbiż u ta’ limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tagħha, waqt li jitqies il-bilanċ li għandu jiġi ggarantit bejn dak il-għan u d-diversi interessi pubbliċi u privati inkwistjoni.
19 – Ara, inter alia, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 65). Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑173/05, Ġabra p. I‑4917, punt 31), u tas-16 ta’ Marzu 1983, SIOT (266/81, Ġabra p. 731, punt 16).
20 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 69.
21 – Ibidem, punti 66 u 68.
22 – Risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, punt 86.
23 – Punt 31 tar-rikors tal-Kummissjoni.
24 – Punt 87 tar-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija.
25 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 66 et seq).
26 – Ara l-punti 183 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2010, fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, C‑271/08, Ġabra p. I‑7091).
27 – Dwar ir-rikonoxximent tad-dritt tal-integrità tal-persuna bħala dritt fundamentali Komunitarju, ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑377/98, Ġabra p. I‑7079, punti 70 u 78 et seq). Dan id-dritt fundamentali huwa kkonfermat espressament fl-Artikolu 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
28 – Dwar ir-rikonoxximent tad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja bħala dritt fundamentali Komunitarju, ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fiha). Dan id-dritt fundamentali huwa kkonfermat espressament fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
29 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, il-“QEDB”) dwar il-ksur tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”) permezz ta’ tniġġis akustiku u emissjonijiet. Għalkemm il-QEDB taċċetta li t-tniġġis akustiku jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja rikonoxxut mill-Artikolu 8 tal-KEDB fir-rigward tal-abitazzjoni, mis-sentenzi relattivi jirriżulta li, f’dan ir-rigward, irid ikun hemm impatt rilevanti, li jintwera b’mod konkret. Ara s-sentenzi tal-QEDB tas-27 ta’ Jannar 2009, Tătar vs Ir-Rumanija (rikors Nru 67021/01 – impatt ambjentali kunsiderevoli kkawżat minn minjiera tad-deheb u l-fidda b’impjant tal-estrazzjoni), tas-16 ta’ Novembru 2004, Moreno Gómez vs Spanja (rikors Nru 4143/02 – tniġġis akustiku kunsiderevoli kkawżat minn ħwienet tax-xorb), u tad-9 ta’ Diċembru 1994, López Ostra vs Spanja (rikors Nru 16798/90 – intejjen kunsiderevoli kkawżati minn impjanti industrijali tal-ġlud). Ara wkoll, f’dan ir-rigward: J. Frohwein, u W. Peukert, EMRK‑Kommentar, 2009 (It-Tielet Edizzjoni), Artikolu 8, punti 43 et seq.
30 – Hija fundamentali s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1988, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka (302/86, Ġabra p. 4607).
31 – Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Mickelsson u Roos (C‑142/05, Ġabra p. I‑4273, punt 32); Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 70); kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑463/01, Ġabra p. I‑11705, punt 75), u Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, Ġabra p. I‑11763, punt 75).
32 – Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni mhux miktuba tal-motivi imperattivi ta’ interess ġenerali ma tistax tiġi applikata biex tiġġustifika restrizzjonijiet tal-libertajiet fundamentali applikati b’mod diskriminatorju. Ara, inter alia, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (153/08, Ġabra p. I‑9735, punt 36), tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punti 36 et seq.), u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑388/01, Ġabra p. I‑721, punt 19).
33 – C‑2/90, Ġabra p. I‑4431.
34 – Fil-motivazzjoni tas-sentenza msemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja evitat li tikkonferma espressament l-applikabbiltà tal-ġustifikazzjoni mhux miktuba tar-rekwiżiti imperattivi tal-protezzjoni ambjentali għal indħil fil-libertajiet fundamentali li jkun direttament diskriminatorju. Hija għall-kuntrarju kkonformat pro forma mar-regola li r-rekwiżiti imperattivi għandhom jiġu kkunsidrati biss fir-rigward ta’ miżuri applikabbli mingħajr distinzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati. Hija sussegwentement daret ma’ dik ir-regola billi kkunsidrat li l-projbizzjoni ta’ importazzjoni ta’ skart inkwistjoni ma kinitx diskriminatorja, abbażi tal-prinċipju stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 130R(2) tat-Trattat KE, (it-tieni sentenza tal-Artikolu 174(2) KE), skont liema preferibbilment il-ħsara għall-ambjent għandha tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha. Għal analiżi kritika ta’ din is-soluzzjoni evażiva, li ma hijiex wisq konvinċenti mill-perspettiva dogmatika tad-dritt, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fit-23 ta’ Ottubru 1997 fil-kawża Dusseldorp et (sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, C‑203/96, Ġabra p. I‑4075, punt 90), kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2000 fil-kawża PreussenElektra (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, Ġabra p. I‑2099), punti 222 et seq. Ara wkoll C. Nowak, “Die Grundfreiheiten des EC‑Vertrags und der Umweltschutz”, VerwArch 2002, p. 368, 376; D. Scheuing, “Regulierung und Marktfreiheit im Europäischen Umweltrecht”, EuR 2001, p. 1, 5 et seq.
35 – Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, Aher‑Waggon (C‑389/96, Ġabra p. I‑4473). Din is-sentenza preliminari kienet tirrigwarda dispożizzjoni Ġermaniza li kienet tistabbilixxi għall-ewwel reġistrazzjoni tal-ajruplani valuri limitu ta’ emissjonijiet ta’ storbju iktar rigorużi minn dawk stabbiliti mid-direttiva applikabbli ratione temporis. Id-diskriminazzjoni diretta – li spiċċat iġġustifikata – kienet derivata mill-fatt li l-akkwist ta’ ajruplan irreġistrat fil-Ġermanja kien possibbli mingħajr reġistrazzjoni ġdida, filwaqt li l-akkwist ta’ ajruplan użat f’pajjiż barrani neċessarjament kien jinvolvi li dan jiġi rreġistrat mill-ġdid fil-Ġermanja. F’sitwazzjoni bħal din, l-ajruplani użati rreġistrati fil-Ġermanja qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali f’każ ta’ bejgħ kienu fil-fatt eżenti mill-osservanza tal-limiti ta’ storbju, waqt li dawn tal-aħħar baqgħu jiġu applikati għall-ajruplani użati fl-Istati Membri l-oħrajn tal-Unjoni.
36 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.
37 – Ara, dwar dan l-aspett, il-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Jacobs fis-26 ta’ Ottubru 2000 fil-kawża PreussenElektra (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34), kif ukoll M. Gellermann, “Das Stromeinspeisungsgesetz auf dem Prüfstand des Europäischen Gemeinschaftsrechts”, DVBl. 2000, p. 509, 515.
38 – Ma jirriżultax b’mod ċar mis-sentenza msemmija hawn fuq jekk il-Qorti tal-Ġustizzja f’dik id-deċiżjoni eżaminatx ir-raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent bħala ġustifikazzjoni awtonoma. Skont l-opinjoni prevalenti dwar din il-kwistjoni, finalment għandha tingħata risposta affermattiva. Ara C. Nowak, ibidem (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34), p. 380 et seq; Ruge, Anmerkung zur Rs. C‑379/98, EuZW 2001, p. 247, 248; T. Kuhn, “Implications of the ‘Preussen Elektra’ Judgement of the European Court of Justice on the Community Rules on State Aid and the Free Movement of Goods”, Legal Issues of Economic Integration 2001, p. 361, 374 et seq.
39 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31. Ara wkoll is-sentenza Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31).
40 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
41 – Konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Geelhoed fl-14 ta’ Lulju 2005 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 89 et seq. Suċċessivament l-Avukat Ġenerali Geelhoed iddiskuta, sussidjarjament, il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni ta’ miżuri diskriminatorji għal raġunijiet imperattivi relatati mal-protezzjoni tal-ambjent, u ddikjara li kien favur applikazzjoni ta’ din il-ġustifikazzjoni mhux miktuba anki għad-dispożizzjonijiet indirettament diskriminatorji (punti 99 et seq).
42 – Ibidem, punt 95.
43 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 70.
44 – Ara, inter alia, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑176/03, Ġabra p. I-7879, punt 41); Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 72); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑86/03, Ġabra p. I‑10979, punt 96), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punt 91)
45 – Ara C. Nowak, f’Heselhaus/Nowak (edituri), Handbuch der Europäischen Grundrechte, München et, 2006, § 60, punt 25, li jgħid li mill-ugwaljanza bejn il-protezzjoni tal-ambjent, is-suq ħieles u l-kompetizzjoni ħielsa, stabbilita mid-dritt kostituzzjonali tal-Unjoni, jirriżulta li kemm il-preġudizzji għal-libertajiet fundamentali li ma humiex ta’ natura diskriminatorja kif ukoll dawk ta’ natura diskriminatorja diretta u/jew indiretta għandhom ikunu jistgħu jwasslu għal ġustifikazzjoni għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni ambjentali suġġetta għall-prinċipju tal-proporzjonalità.
46 – Ara C. Nowak, ibidem (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45), punt 25, li jgħid li l-eżami tal-proporzjonalità, f’dan il-kuntest, huwa rigoruż biżżejjed u, għaldaqstant, jiggarantixxi li mhux il-miżuri kollha mmotivati minn raġunijiet ta’ politika ambjentali huma imposti b’mod obbligatorju fir-rigward tal-aspettattiva ta’ applikabbiltà tal-moviment liberu tal-merkanzija stabbilita mit-Trattat KE.
47 – Fuq din l-istruttura artikolata fuq tliet livelli tal-verifika tal-proporzjonalità, ara l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-14 ta’ April 2010 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26).
48 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 42), u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, Ġabra p. 1‑2055, punt 51).
49 – Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
50 – Punt 126 tar-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija.
51 – Punt 126 tal-kontroreplika tar-Repubblika tal-Awstrija.
52 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
53 – L-offerta ta’ AV ġiet estiża, qabel l-introduzzjoni tal-ewwel fażi tal-projbizzjoni ta’ moviment mit-2 ta’ Mejju 2008, minn 19-il par sa 26 par ta’ ferrroviji kuljum. Ara r-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, punt 294.
54 – Ara l-kontroreplika tar-Repubblika tal-Awstrija, punt 125.
55 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).
56 – Punt 74 tar-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija.
57 – Programm nach § 9a IG‑L für das Bundesland Tirol (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).
58 – Ibidem, p. 65.
59 – Ibidem, p. 66.
60 – Risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, punt 86. Dan it-tnaqqis fin-numru ta’ trasport ta’ merkanzija inkwistjoni huwa dovut għall-fatt li, għalkemm it-trasport ta’ ċereali kellu jaqa’ taħt il-projbizzjoni settorjali tal-moviment skont l-ippjanar oriġinali, fil-verżjoni definittiva, madankollu, ma ddaħħalx fl-elenku ta’ merkanzija kkonċernata.
61 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 87).
62 – Rapport ta’ perizja tal-Institut für Energie‑ und Umweltforschung Heidelberg tat-30 ta’ Novembru 2007, “Einfluss verkehrsbeschränkender Maßnahmen auf der Inntalautobahn auf die Luftqualität” (impatt fuq il-kwalità tal-arja ċirkostanti ta’ miżuri li jirrestrinġu t-traffiku fuq l-awtostrada ta’ Inn), anness A‑25 tar-rikors tal-Kummissjoni.
63 – Rikors tal-Kummissjoni, punti 70 et seq, kif ukoll ir-replika tal-Kummissjoni, punti 42 et seq.
64 – Risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, punti 211 et seq, u kontroreplika tar-Repubblika tal-Awstrija, punti 84 et seq.
65 – Ökoscience AG, “Expertise zum Gutachten des ifeu zu Verkehrsmaßnahmen auf der Inntalautobahn A 12”, tas-6 ta’ Awwissu 2009, anness D‑3 tal-kontroreplika tar-Repubblika tal-Awstrija.
66 – Kontroreplika tar-Repubblika tal-Awstrija, punt 97.
67 – Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ewwel projbizzjoni settorjali tal-moviment fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 87).
68 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑297/08, Ġabra p. I‑1749, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
69 – Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
70 – Ara r-risposta tar-Repubblika tal-Awstrija, punti 300 et seq.
71 – Proposta ta’ regolament tal-Landeshauptmann, li permezz tiegħu huwa pprojbit it-trasport fuq distanza twila ta’ ċerta merkanzija fuq l-awtostrada A 12 fil-wied ta’ Inn, bi spjegazzjonijiet, Anness C‑1 tar-replika tal-Kummissjoni.
72 – Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
73 – Spjegazzjonijiet dwar il-proposta ta’ regolament tal-Landeshauptmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71, p. 4).
74 – Ibidem, p. 9.
75 – Nota ta’ intervent tar-Repubblika Taljana, punti 51 et seq.
76 – Osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Awstrija tal-1 ta’ Marzu 2010, punt 63.