3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 355/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour d’appel de Paris — Franza) — Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS vs Président de l’Autorité de la Concurrence, Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi)

(Kawża C-439/09) (1)

(Artikolu 101(1) u (3), TFUE - Regolament (KE) Nru 2790/1999 - Artikoli 2 sa 4 - Kompetizzjoni - Prattika restrittiva - Netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva - Kosmetiċi u prodotti għall-kura personali - Projbizzjoni ġenerali u assoluta ta’ bejgħ permezz tal-internet - Projbizzjoni imposta mill-fornituri lid-distributuri awtorizzati)

(2011/C 355/04)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pierre Fabre Dermo-Cosmétique SAS

Konvenuti: Président de l’Autorité de la Concurrence, Ministre de l’Économie, de l’Industrie et de l’Emploi

fil-preżenza ta’: Ministère public, Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour d’appel de Paris — Kompetizzjoni — Projbizzjoni ġenerali u assoluta li jinbiegħu fuq l-Internet prodotti kosmetiċi u għall-kura personali, imposta mill-fornitur fuq id-distributuri awtorizzati fil-qafas ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva — Obbligu li tali prodotti jinbiegħu minn post fiżiku fil-preżenza ta’ spiżjar — Restrizzjoni serja bil-għan li tillimita l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, li ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni ġenerali skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364) — Possibbiltà li tibbenefika mill-eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE

Dispożittiv

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, li teżiġi li l-bejgħ tal-kosmetiċi u prodotti għall-kura personali jsir f’żona fiżika fil-preżenza obbligatorja ta’ spiżjar gradwat, għandha bħala konsegwenza l-projbizzjoni tal-użu tal-internet għall-bejgħ tagħha, u b’hekk tammonta għal restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ din il-klawżola kuntrattwali u tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih taqa’, jidher li, fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodotti inkwistjoni, din il-klawżola ma hijiex oġġettivament ġustifikata.

L-Artikolu 4(ċ) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni permezz tal-kategorija prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma tapplikax għal kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva li tinkludi klawżola li tipprojbixxi de facto l-internet bħala metodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, kuntratt bħal dan jista’ jibbenefika, b’mod individwali, mill-applikabbiltà tal-eċċezzjoni legali tal-Artikolu 101(3) TFUE jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjonijiet ikunu sodisfatti.


(1)  ĠU C 24, 30.01.2010