15.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Schwerin — il-Ġermanja) — André Grootes vs Amt für Landwirtschaft Parchim)

(Kawża C-152/09) (1)

(Politika agrikola komuni - Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll relattiva għal ċerti skemi ta’ għajnuna - Skema ta’ pagament uniku - Regolament (KE) Nru 1782/2003 - Kalkolu tad-drittijiet għall-pagament - Artikolu 40(5) - Bdiewa li kienu taħt obbligi agroambjentali matul il-perijodu ta’ referenza - Artikolu 59(3) - Implementazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ pagament uniku - Artikolu 61 - Valuri differenti għal kull ‘unit’ għall-ettari b’mergħa permanenti u għal kull ettaru ieħor eliġibbli għall-għajnuna)

2011/C 13/11

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Schwerin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: André Grootes

Konvenut: Amt für Landwirtschaft Parchim

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Verwaltungsgerichts Schwerin — Interpretazzjoni tal-Artikolu 40(5) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40 p. 269) — Każijiet li fihom il-bdiewa suġġetti għal obbligi agroambjentali waqt il-perijodu ta’ referenza jistgħu jitolbu li l-ammont ta’ referenza jiġi kkalkolat fuq il-bażi tas-sena preċedenti għal dik tal-parteċipazzjoni fl-obbligi msemmija iktar ’il fuq.

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 40(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, tal-20 ta’ Frar 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fl-Istat Membru kkonċernat ikunu ġew stabbiliti valuri differenti għal kull ‘unit’ għall-ettari b’mergħa u għal kull ettaru ieħor eliġibbli għall-għajnuna skont l-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, bidwi li fid-data ta’ referenza msemmija f’dan l-Artikolu jkun suġġett għal obbligi agroambjentali taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb, assunti immedjatament wara obbligi agroambjentali li kellhom l-għan li art li tinħarat tiġi kkonvertita f’art għall-mergħa permanenti, jista’ jitlob li d-drittijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 319/2006, jiġu kkalkolati abbażi tal-valuri għal kull unit stabbiliti għall-ettari eliġibbli għall-għajnuna li ma jkunux ettari b’mergħa.

(2)

L-Artikolu 40(5) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 319/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li biss l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn it-tibdil fl-użu ta’ art li tinħarat f’art għall-mergħa permanenti u l-parteċipazzjoni f’miżura agroambjentali tippermetti li ma jiġix ikkunsidrat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet għall-pagament, il-fatt li dik l-art kienet tintuża bħala art għall-mergħa permanenti fid-data ta’ referenza prevista mill-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament, kif emendat.

(3)

L-Artikolu 40(5) tar-Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir-Regolament Nru 319/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 61 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu mhijiex suġġetta għall-kundizzjoni li l-bidwi li jippreżenta l-applikazzjoni għall-pagament uniku jkun ukoll dak li biddel l-użu tal-art inkwistjoni.


(1)  ĠU C 167, 18.7.2009.