2.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-17 ta’ Frar 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-iStockholms tingsrätt — l-Isveżja) — Konkurrensverket vs TeliaSonera AB

(Kawża C-52/09) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 102 TFUE - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Prezzijiet applikati minn operatur ta’ telekomunikazzjonijiet - Servizzi intermedjarji ta’ ADSL - Servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali - Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tal-kompetitur)

2011/C 103/03

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Stockholms tingsrätt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Konkurrensverket

Konvenuta: TeliaSonera AB

Fil-preżenza ta’: Tele2 Sverige AB

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Stockholms tingsrätt — Interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE — Effett ta’ pressjoni fuq il-marġni — Prezzijiet applikati minn operatur ta’ telekomunikazzjonijiet preċedentement detentur ta’ monopolju għall-aċċess ADSL — Differenza bejn il-prezzijiet iffatturati mill-operatur lill-operaturi intermedjarji għall-provvista bl-ingrossa ta’ aċċess ADSL u t-tariffi applikati mill-operatur lill-konsumaturi għall-aċċess ADSL li ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż addizzjonali sostnuti mill-operatur innifsu għall-provvista tas-servizzi tiegħu bl-imnut.

Dispożittiv

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE il-fatt li impriża vertikalment integrata, f’pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tas-servizzi permezz ta’ linja diġitali asimmetrika tal-abbonat intermedjarji, tapplika prattika tariffarja li hija tali li d-differenza bejn il-prezzijiet applikati f’dan is-suq u dawk applikati fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali ma hijiex suffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi li din l-impriża jkollha tbati sabiex ikollha aċċess għal dan is-suq tal-aħħar.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ tali prattika, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. B’mod partikolari,

hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabel kollox, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma huwiex possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawk il-prezzijiet u spejjeż li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri fl-istess suq, u

huwa neċessarju li jintwera li, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura indispensabbli tal-prodott bl-ingrossa, din il-prattika tipproduċi effett antikompetittiv mill-inqas potenzjali fis-suq bl-imnut, mingħajr ma dan ikun b’xi mod iġġustifikat ekonomikament.

Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, ma humiex, bħala prinċipju, rilevanti:

in-nuqqas, għall-impriża kkonċernata ta’ kull obbligu leġiżlattiv sabiex tipprovdi s-servizzi permezz ta’ linja diġitali asimmetrika tal-abbonat intermedjarji fis-suq bl-ingrossa li fih għandha pożizzjoni dominanti,

il-grad ta’ dominanza li din l-impriża żżomm f’dan is-suq;

il-fatt li l-imsemmija impriża ma għandhiex wkoll pożizzjoni dominanti fis-suq bl-imnut tas-servizzi ta’ konnessjoni broadband lill-klijenti finali;

il-fatt li l-klijenti li għalihom tapplika tali prattika tariffarja huma klijenti ġodda jew eżistenti tal-impriża kkonċernata;

l-impossibbiltà għall-impriża dominanti li tirkupra t-telf eventwali li l-implementazzjoni ta’ tali prattika tariffarja setgħet ikkawżat, u lanqas

il-grad ta’ maturità tas-swieq ikkonċernati u l-fatt li dawn jinvolvu teknoloġija ġdida li teħtieġ investimenti kbar ħafna.


(1)  ĠU C 90, 18.4.2009.