DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Frar 2010 ( *1 )

Fil-Kawża T-481/08

Alisei, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn F. Sciaudone, R. Sciaudone, S. Gobbato, R. Rio u A. Neri, avukati

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. van Nuffel u L. Prete, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għal annullament ta’ deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Awwissu 2008, dwar ir-rimbors ta’ parti mill-ammonti mogħtija lir-rikorrenti fil-kuntest ta’ ċerti proġetti ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp u fl-għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-baġit Komunitarju jew mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp (FEŻ) u, min-naħa l-oħra, talba għall-kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba l-aġir tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-kuntest ġuridiku u kuntrattwali

Il-kuntratti bejn Alisei u l-Kummissjoni

1

Ir-rikorrenti, Alisei, hija għaqda li ma tagħmilx profitt skont id-dritt Taljan, ikkostitwita b’att tal-20 ta’ Jannar 1998, wara l-fużjoni tal-għaqdiet li ma jagħmlux profitt skont id-dritt Taljana Cidis u Nuova Frontiera. Bejn is-27 ta’ Mejju 1998 u l-21 ta’ Lulju 2004, hija kkonkludiet 22 kuntratt ta’ sussidju mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu VI (“Għotjiet”) u skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu IV (“Implimentazzjoni tal-Budget”) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145 iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

2

Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw 17 [ALI 08, ALI 41, ALI 44, ALI 46, ALI 03, ALI 04, ALI 06, ALI 07, ALI 17, ALI 18, ALI 19, ALI 25, ALI 39, ALI 42, ALI 45, ALI 47 et ALI 48] mit-22 kuntratt jinkludu klawżola li tipprovdi li “kull tilwima bejn il-Kummissjoni u [ir-rikorrenti] li tista’ tqum waqt l-eżekuzzjoni tal-[…] kuntratt u li ma tistax tiġi riżolta bi ftehim komuni għandha titressaq quddiem il-qrati ta’ Brussell”.

3

Id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw ħamsa minn dawn it-22 kuntratt jistabbilixxu li l-qrati ta’ Brussell għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu t-tilwim li jista’ jqum fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tagħhom fil-każ fejn il-partijiet ma jkunux setgħu jirriżolvu l-kontroversja tagħhom wara tentatttiv li tiġi riżolta bi ftehim komuni jew/u wara proċedura ta’ konċiljazzjoni.

4

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-22 kuntratt imsemmi iktar ’il fuq jistabbilixxu l-possibbiltà, b’mod partikolari għad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni, li jitwettqu verifiki u kontrolli dwar kif is-sussidji mogħtija ġew użati.

Il-kuntratti bejn Alisei u l-pajjiżi terzi ffinanzjati mill-FEŻ

5

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) ġie stabbilit sabiex jiffinanzja l-kooperazzjoni tal-Komunità Ewropea mal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), inizjalment permezz ta’ Anness mat-Trattat KEE, u wara permezz ta’ ftehim intern tal-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill. Sa llum, hemm għaxar FEŻ suċċessivi u l-ftehim interni marbuta ma’ dawn il-FEŻ ġew konklużi għal perijodu li jikkorrispondi għall-perijodu tad-diversi ftehim u konvenzjonijiet li permezz tagħhom il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha stabbilixxew din is-sħubija speċjali mal-Istati ACP. L-ammonti li ġew mogħtija lill-FEŻ ma ġewx inklużi fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u dan jispjega l-fatt li l-amministrazzjoni tagħhom ġew irregolati minn regolamenti finanzjarji speċifiċi għall-eżekuzzjoni ta’ kull FEŻ.

6

It-twaqqif tas-sitt, tas-seba’, tat-tmien u tad-disa’ FEŻ ġie stabbilit, rispettivament, permezz tat-Tielet Konvenzjoni ACP-KEE, iffirmata f’Lomé, fit-8 ta’ Diċembru 1984 (ĠU 1986, L 86, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lomé III”), permezz tar-Raba’ Konvenzjoni ACP-KEE, iffirmata f’Lomé, fil-15 ta’ Diċembru 1989 (ĠU 1991, L 229, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Lomé IV”), permezz tal-ftehim li jemenda l-Konvenzjoni ta’ Lomé IV, iffirmat f’Mawrizju, fl-4 ta’ Novembru 1995 (ĠU 1998, L 156, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Mawrizju”) u permezz tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmaw f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 3 iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Cotonou”).

7

Dawn il-ftehim u l-konvenzjonijiet jipprovdu li, ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor, kull proġett jew programm iffinanzjat minn sussidju tal-FEŻ iwassal sabiex tiġi stabbilita konvenzjoni finanzjarja bejn il-Kummissjoni u l-Istat jew l-Istati ACP ikkonċernati. Din il-konvenzjoni tispeċifika, b’mod partikolari, l-impenn finanzjarju tal-FEŻ kif ukoll il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament (ara l-Artikolu 222(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lomé III, Artikolu 291(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Lomé IV, li ma huwiex emendat bil-Ftehim ta’ Mawrizju, u l-Artikolu 17(1) u (2) tal-Anness IV, intitolat “Il-Proċeduri ta’ l-implimentazzjoni u ta’ l-amministrazzjoni”, tal-Ftehim ta’ Cotonou).

8

Barra minn hekk, dawn l-istess ftehim u konvenzjonijiet jistabbilixxu l-funzjoni tal-uffiċjal prinċipali tal-FEŻ. Huwa jinħatar mill-Kummissjoni u huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tar-riżorsi tal-FEŻ (ara l-Artikolu 226(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lomé III, l-Artikolu 311(1) tal-Konvenzjoni ta’ Lomé IV, li ma huwiex emendat bil-Ftehim ta’ Mawrizju, u l-Artikolu 34(1) tal-Anness IV tal-Ftehim ta’ Cotonou).

9

Il-finanzjament tal-erba’ FEŻ imsemmija iktar ’il fuq kien is-suġġett ta’ erba’ ftehim interni bejn l-Istati Membri miġbura fi ħdan il-Kunsill, jiġifieri l-Ftehim Intern 86/126/KEE, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità (ĠU 1986, L 86, p. 210), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/482/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1991, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 263, p. 1), il-Ftehim intern bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar u l-amministrazzjoni tal-għajnuna tal-Komunità taħt it-Tieni Protokoll Finanzjarju għar-rabà Konvenzjoni ACP-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol 28, p. 267), u bejn ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar l-Iffinanzjar u l-Amministrazzjoni tal-Għajnuna tal-Komunità permezz tal-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim ta’ Cotonou u l-allokazzjoni tal-għajnuna finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li dwarhom il-Parti Erba’ tat-Trattat KE hija applikabbli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 35, p. 380).

10

Id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-erba’ ftehim interni huma s-suġġett, rispettivament, tar-Regolament finanzjarju 86/548/KEE, tal-11 ta’ Novembru 1986, applikabbli għas-Sitt FEŻ (ĠU L 325, p. 42), tar-Regolament Finanzjarju 91/491/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, applikabbli għall-koperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba’ Konvenzjoni ta’ Lomé (ĠU L 266, p 1), ir-Regolament finanzjarju 98/430/KE, tas-16 ta’ Ġunju 1998, applikabbli għall-koperazzjoni għall-finanzjament tal-iżvilupp skont ir-raba’ Konvenzjoni ACP-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 448), u, ir-Regolament finanzjarju, tas-27 ta’ Marzu tal-2003, applikabbli għad-9 Fond ta’ Żvilupp Ewropew [Fond Ewropew għall-Iżvilupp] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 131).

11

Dawn l-erba’ regolamenti jistabbilixxu li l-Kummissjoni għandha tiżgura taħt ir-responsabbiltà proprja tagħha l-amministrazzjoni tal-FEŻ u taħtar, b’mod partikolari, l-uffiċjal prinċipal tal-FEŻ kif ukoll l-uffiċjal tal-kontijiet (ara l-Artikolu 10(1) u l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament finanzjarju 86/548, l-Artikolu 9(1) u l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament finanzjarju 91/491, l-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 15(1) tat-Titolu II “Amministrazzjoni finanzjarja tal-approprjazzjonijiet tal-EDF [FEŻ] mill-Kummissjoni” tar-Regolament finanzjarju 98/430 kif ukoll l-Artikolu 1(2) u l-Artikoli 18 u 27 tar-Regolament finanzjarju, tas-27 ta’ Marzu 2003 applikabbli għad-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp). Barra minn hekk, l-ewwel tliet regolamenti finanzjarji msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq jistabbilixxu l-funzjoni tal-kontrollatur finanzjarju. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 133(2) tar-Regolament finanzjarju tas-27 ta’ Marzu 2003, applikabbli għad-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp jistabbilixxi li l-impenji li jaqgħu taħt l-FEŻ preċedenti mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ Cotonou, tal-1 ta’ April 2003, għandhom jibqgħu jiġu eżegwiti skont ir-regoli applikabbli għal dawn l-FEŻ; madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament huma applikabbli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-funzjoni tal-kontrollatur finanzjarju. Dan l-aħħar regolament ma jistabbilixxix il-funzjoni tal-kontrollatur finanzjarju.

12

Ir-Regolamenti finanzjarji 86/548, 91/491 u 98/430, li japplikaw rispettivament għas-sitt, għas-seba’ u għat-tmien FEŻ jistabbilixxu, bħala regola, li kull dejn stabbilit, likwidu u pagabbli dovut lill-FEŻ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-krediti tal-FEŻ għandu jkun is-suġġett ta’ ordni ta’ rkupru maħruġa mill-uffiċjal prinċipali. Madankollu, l-uffiċjal prinċipali jista’ jirrinunzja milli jirkupra d-dejn. L-ordni ta’ rkupru għandha tiġi rreġistrata mill-uffiċjal tal-kontijiet li huwa responsabbli li jwettaq l-imsemmija reġistrazzjoni u li għandu jeżerċita d-diliġenza xierqa sabiex jiżgura li, fl-imsemmija data ta’ reġistrazzjoni, id-dejn marbut magħha jiġi żgurat. L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jinforma lill-uffiċjal prinċipali bil-fatt li d-dejn ma ġiex irkuprat fit-terminu previst u għandu jibda, jekk ikun il-każ, il-proċedura ta’ rkupru (ara l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament finanzjarju 86/548, l-Artikolu 15(2) u l-Artikolu 16 tar-Regolament finanzjarju 91/491, l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 19 tar-Regolament finanzjarju 98/430).

13

Ir-Regolament finanzjarju, tas-27 ta’ Marzu 2003, applikabbli għad-disa’ FEŻ jinkludi, fl-Artikoli 45 sa 47 tiegħu, dispożizzjonijiet simili. Madankollu, ċerti preċiżjonijiet supplimentari ddaħħlu fir-rigward tal-irkupru. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-ordni tal-irkupru hija “segwita minn nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur” li hija stabbilita wkoll mill-uffiċjal prinċipali tal-FEŻ. It-tieni nett, l-Artikolu 46(2) tal-istess regolament jistabbilixxi li, f’każ fejn id-dejn ma jkunx effettivament ġie rkuprat, l-uffiċjal tal-kontijiet “għandu jinforma lill-uffiċjal li jawtorizza li jkun responsabbli u jibda’ immedjatament il-proċedura biex jagħmel l-irkupru b’kull mezz li toffrilu l-liġi, inkluż, fejn ikun xieraq, bit-tpaċċija. Jekk dan ma jkunx possibbli, l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jinforza deċiżjoni għall-irkupru assikurata jew f’konformità ma’ l-Artikolu 44(2) jew permezz ta’ l-azzjoni legali”. It-tielet nett, l-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi formalment ammont bħala li jista’ jinġabar minn persuni li ma jkunux Stati permezz ta’ deċiżjoni li għandha tkun infurzabbli taħt l-istess kondizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 256 tat-Trattat [KE]”.

14

Bejn l-24 ta’ April 2002 u t-13 ta’ April 2005, ir-rikorrenti kkonkludiet għaxar kuntratti għall-provvista ta’ servizzi li ġew iffinanzjati mill-FEŻ. Hija kkonkludiet sitt kuntratti mal-Kummissjoni li twettqu fir-Repubblika tal-Kongo u li ġew iffinanzjati mis-sitt FEŻ, kuntratt mar-Repubblika tal-Angola li ġie ffinanzjat mis-seba’ FEŻ, kuntratt mar-Repubblika tal-Ginea Ekwatorjali li ġie ffinanzjat mit-tmien FEŻ, u żewġ kuntratti, rispettivament, mar-Repubblika Gaboniża u mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe li ġew iffinanzjati mid-disa’ FEŻ.

15

Dawn il-kuntratti huma kollha rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet marbuta mal-kuntratti għas-servizzi ffinanzjati mill-FEŻ u li jinsabu fl-Anness IV tad-Deċiżjoni Nru 3/90 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KEE, tad-29 ta’ Marzu 1990, li tadotta leġiżlazzjoni ġenerali, kundizzjonijiet ġenerali u regoli tal-proċedura għall-konċiljazzjoni u għall-arbitraġġ marbuta ma’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi ffinanzjati mill-FEŻ, u li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom (ĠU L 382, p.1), kif miżjud jew emendat bil-kuntratt.

16

Fir-rigward ta’ tilwim marbut ma’ kuntratt, l-Artikolu 45(2) tal-kundizzjonijiet ġenerali msemmija iktar ’il fuq, intitolat “Riżoluzzjoni ta’ tilwim”, jistabbilixxi proċedura li għandha tiġi segwita sabiex kontroversji jiġu riżolti bi ftehim komuni. F’każ li din il-proċedura ma tirnexxix, l-Artikolu 45(3) tal-imsemmi kundizzjonijiet ġenerali jindika li l-partijiet jistgħu jipprovaw, għal terminu stabbilit, il-konċiljazzjoni mmexxiha minn terzi. L-Artikolu 45(5) ta’ dawn il-kundizzjonijiet jipprovdi wkoll li “f’każ li ma tiġix riżolta bi ftehim komuni jew permezz tal-konċiljazzjoni matul il-terminu massimu previst, it-tilwima hija, fil-kuntest ta’ kuntratt transnazzjonali, riżolta kemm jekk il-partijiet fil-kuntratt jaċċettawha skont il-liġi nazzjonali ta’ fejn ix-xogħol prinċipali twettaq jew skont prattiki internazzjonali stabbiliti, kif ukoll permezz tal-arbitraġġ skont ir-regoli tal-proċedura adottati skont il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

17

L-għaxar kuntratti inkwistjoni ma żidux jew emendaw id-dispożizzjoni tal-Artikolu 45(5). Barra minn hekk, fl-ebda minn dawn il-kuntratti ma hemm imniżżel li t-tilwim għandu jiġi riżolt skont il-liġi jew il-prattiki tal-Istat ikkonċernat, b’mod li t-tilwim bejn il-partijiet f’dawn il-kuntratti għandu jiġi riżolt b’arbitraġġ. Ir-regoli tal-proċedura tal-arbitraġġ li l-Artikolu 45(5) jirreferi għalihom huma dawk imniżżla fl-Anness V tad-Deċiżjoni Nru 3/90.

18

Barra minn hekk, ir-rikorrenti kkonkludiet żewġ kuntratti rispettivament mar-Repubblika tal-Kongo u mar-Repubblika tal-Côte d’Ivoire li ġew iffinanzjati, rispettivament, mit-tmien u mid-disa’ FEŻ. L-Artikolu 13 tad-dispożizzjonijiet ġenerali li japplikaw għal kull wieħed minn dawn il-kuntratti jistabbilixxi proċedura għar-riżoluzzjoni bi ftehim komuni tal-kontroversji bejn il-partijiet f’dawn il-kuntratti, kif ukoll il-possibbiltà li l-kontroversja titressaq, bi qbil, quddiem il-Kummissjoni. Skont dan l-istess artikolu, f’każ li l-proċeduri msemmija iktar ’il fuq ma jirnexxux, kull parti tista’ tressaq il-kontroversja quddiem il-qrati tal-Istat tal-amministrazzjoni kontraenti.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

19

Fis-27 ta’ Awwissu 2004, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) beda investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u din tal-aħħar ġiet informata biha fit-3 ta’ Ġunju 2005. F’dan il-kuntest, l-OLAF wettaq, mis-6 sal-10 ta’ Ġunju 2005, sensiela ta’ spezzjonijiet fil-bini tar-rikorrenti f’Milano. Matul dan il-perijodu, impjegati ta’ kumpannija esterna li tirrevedi l-kontijiet wettqet ukoll spezzjoni fl-imsemmi bini tar-rikorrenti.

20

B’ittra tas-6 ta’ Mejju 2006, l-OLAF bagħat lir-rikorrenti r-rapport ta’ kontroll u ta’ verifika magħmul wara l-ispezzjonijiet mwettqa fuq il-post mis-6 sal-10 ta’ Ġunju 2005, kif ukoll kopja tar-rapport tal-kumpannija esterna li tirrevedi l-kontijiet imsemmija iktar ’il fuq sabiex tgħaddi l-kummenti tagħha. Kopja ta’ din l-ittra ntbagħtet ukoll mill-OLAF lill-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni tal-Kummissjoni (Europaid). Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi rapport fis-7 ta’ April 2006.

21

B’ittra tat-3 ta’ Mejju 2006, Europaid informa lir-rikorrenti li l-fatti fir-rapporti msemmija iktar ’il fuq ħolqu dubju dwar in-natura eliġibbli tal-ispejjeż u huwa kien talab ir-rimbors tagħhom fil-kuntest ta’ proġetti differenti. Għaldaqstant, Europaid ħaseb li jitlob verifika u, fl-istess ħin, fir-rigward tal-kuntratti fis-seħħ u l-programmi ta’ xogħol li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, li jissospendi kull ħlas lir-rikorrenti.

22

Wara laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u tar-rikorrenti fis-16 ta’ Mejju 2006, Europaid, b’ittra tat-2 ta’ Ġunju 2006, ikkonferma lir-rikorrenti l-intenzjoni tiegħu li jitlob verifika sabiex jivverifika n-natura eleġibbli tal-ispejjeż iddikjarati minnha. B’ittra tas-7 ta’ Lulju 2006, Europaid bagħat lir-rikorrenti, minn naħa, l-identità tal-awditur estern li kien responsabbli mill-verifika u, min-naħa l-oħra, il-pjan li l-verifika kellha tiffoka fuqu.

23

Il-verifika bdiet b’fażi esplorattiva mwettqa fil-bini tar-rikorrenti mit-12 sas-16 ta’ Lulju 2006. Din il-fażi esplorattiva tal-verifika kienet intiża sabiex tidentifika u ssib id-dokumenti meħtieġa għall-investigazzjoni. Mill-20 ta’ Settembru 2006, twettqu kontrolli fuq il-post. Fis-7 ta’ Diċembru 2006, fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, ġiet organizzata laqgħa preliminari ta’ għeluq bejn l-awditur estern u r-rikorrenti. Fit-2 ta’ Marzu 2007, u għal darba oħra fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, saret laqgħa oħra bejn l-awditur estern u r-rikorrenti.

24

B’ittri tat-18 ta’ Jannar, tat-28 ta’ Frar, tat-23 ta’ April u tat-13 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrenti għaddiet ċerti kritiki fir-rigward tal-awditur estern responsabbli mill-verifika kif ukoll fir-rigward tal-mod ta’ kif twettqet din il-verifika. Europaid wieġeb l-ewwel tliet ittri tar-rikorrenti b’ittri fit-2 ta’ Frar, fit-22 ta’ Marzu u fil-15 ta’ Mejju 2007.

25

B’ittra tal-20 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti, sabiex tgħaddi l-kummenti tagħha, verżjoni konsolidata tar-rapport tal-verifika flimkien mal-osservazzjonijiet proprji tagħha. Hija stiednet ukoll lir-rikorrenti sabiex tagħti l-fehma tagħha dwar l-irkupru tal-ammont ta’ EUR 6433424.400 u informatha dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kontradittorja għal nuqqas professjonali gravi u għal nuqqas gravi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali, skont l-Artikoli 93, 96 u 114 tar-Regolament finanzjarju, kif ukoll li teskludiha għal perijodu ta’ sentejn minn kull partiċipazzjoni f’sejħiet ta’ offerti u ta’ sussidji ffinanzjati mill-Komunità. Hija tat lir-rikorrenti terminu ta’ xahar sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan is-suġġett.

26

Wara din l-ittra tal-Kummissjoni kien hemm skambju ta’ ittri bejn il-partijiet, li jinkludu ħames ittri mibgħuta mir-rikorrenti lil Europaid, rispettivament fl-20 u fit-28 ta’ Settembu u fit-22 ta’ Ottubru 2007, fl-4 ta’ April u fit-13 ta’ Awwissu 2008, kif ukoll tliet ittri minn Europaid lir-rikorrenti, rispettivament fit-22 ta’ Settembru u fid-9 ta’ Ottubru 2007 u fil-5 ta’ Marzu 2008.

27

Bit-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti r-rapport finali tal-verifika li l-awditur estern kien bagħtilha fit-28 ta’ Lulju 2008. Hija wieġbet ukoll l-ittri tar-rikorrenti tal-4 ta’ April u tat-13 ta’ Awwissu 2008 u informat lil din tal-aħħar bil-ftuħ, f’data li ser tingħatalha ulterjorment mill-uffiċjal kompetenti, tal-proċedura tal-irkupru ta’ ammont totali ta’ EUR 4750121 li jirrigwarda l-ammonti miġbura fil-kuntest tal-34 kuntratt inkwistjoni.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-5 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża, li fiha titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrenti ġarrbet;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid-19 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni qajmet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Hija titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

30

Fl-4 ta’ Marzu 2009, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fl-osservazzjonijiet tagħha, hija titlob il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, talbet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni aġixxiet skont din it-talba fit-terminu stabbilit.

32

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-2 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti talbet li jiġu adottati “miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura” li jippruvaw, minn naħa, jġiegħlu lill-Kummissjoni tipproduċi t-test sħiħ tal-kuntratt li hija kkonkludiet mal-awditur estern responsabbli mit-twettiq tal-verifika msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 21 u 22 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali, tisma’, bħala xhieda, lid-direttur ġenerali ta’ Europaid u lill-imsieħeb tal-awditur estern responsabbli mill-verifika.

33

Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba fis-17 ta’ Lulju 2009. Hija ssostni li t-talba tar-rikorrenti għandha bħala għan, fil-verità, li jiġu adottati miżuri ta’ struzzjoni u għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondati.

34

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-30 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti talbet li jiġu adottati miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li jitolbu li l-Kummissjoni tispeċifika jekk l-awditur estern wettaqx il-verifika abbażi ta’ “standards internazzjonali tal-kontijiet” jew jekk wettaqx “proċedura miftiehma”, irregolata minn “standards internazzjonali dwar is-servizzi konnessi 4400 — Missjonijiet li l-informazzjoni finanzjarja tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-proċeduri miftiehem”, li hija differenti minn dik li kienet stabbilita fil-kuntratt konkluż bejn dan l-awditur u l-Kummissjoni.

35

B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-1 ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti ppreżentat il-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awditur estern u invokat żewġ motivi ġodda insostenn tar-rikors tagħha.

Id-dritt

36

Skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk parti tagħmel talba, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Skont il-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-proċedura għandha titkompla oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura, meta rikors ikun manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, mingħajr ma tkompli l-proċedura, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

37

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mill-atti tal-proċess u li ma hemmx lok li tinfetaħ il-proċedura orali.

Fuq it-talba għal annullament

L-argumenti tal-partijiet

38

Il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 tidħol fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali, irregolat mill-klawżoli tad-diversi kuntratti li huma ttrattati f’din l-istess ittra. Issa, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali applikabbli għall-kuntratti konklużi bejnha u bejn ir-rikorrenti ma jinkludu l-ebda klawżola ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali tista’ taqta’ l-kawża preżenti, iżda, għall-kuntrarju, jipprovdu li l-qrati ta’ Brussell għandhom il-ġurisdizzjoni fuq kull kawża marbuta ma’ dawn l-istess kuntratti. Il-kuntratti l-oħra msemmija f’din l-ittra, konklużi bejn ir-rikorrenti u numbru ta’ pajjiżi terzi u ffinanzjati mill-FEŻ, huma rregolati minn dispożizzjonijiet kuntrattwali li jipprovdu li l-kontroversji għandhom jiġu riżolti “skont il-liġi nazzjonali ta’ fejn ix-xogħol prinċipali twettaq”. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni fuq il-kawżi marbuta ma’ dawn il-kuntratti. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest kuntrattwali tal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, din tal-aħħar ma tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

39

Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-diċitura tagħha, l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, ma tistax titqies bħala att li jipproduċi effetti legali vinkolanti, iżda hija, minbarra dan, att preparatorju li ma jistax jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament.

40

Ir-rikorrenti tammetti li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kawżi marbuta mal-34 kuntratt imsemmija fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008. Madankollu, hija ssostni li d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-ittra tidħol fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali u, għaldaqstant, ma hijiex att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, hija bbażata fuq qari żbaljat u parzjali ta’ din l-ittra kif ukoll fuq ksur tal-għan u tal-kontenut tat-talba għal annullament.

41

Skont ir-rikorrenti, fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni ma weġbitx biss għad-dikjarazzjonijiet tagħha marbuta mas-sospenzjoni tal-ħlasijiet u mal-allegati irregolaritajiet tal-verifika u ma ħabbritx biss il-ftuħ tal-proċedura għal irkupru. Hija kienet bagħtitilha wkoll ir-rapport finali tal-verifika u kienet informatha li dan ir-rapport kienet tqisu bħala bażi teknika affidabbli u leġittima li minnu jitnisslu l-konsegwenzi għal din il-kawża. Fi kliem ieħor, bl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-awditur estern peress li adottat ir-rapport finali.

42

It-talba għal annullament tirrigwarda preċiżament dan l-aspett speċifiku tal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, u permezz tagħha hija tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fil-kuntest tal-prerogattivi amministrattivi tagħha, li tqis il-proċedura ta’ verifika mogħtija lill-awditur estern bħala magħluqa u riżolta u li kkonfermat il-konklużjonijiet kollha ta’ din il-proċedura billi adottat ir-rapport finali.

43

Barra minn hekk, il-ksur ta’ ċerti drittijiet tagħha u ta’ ċerti prinċipji ġenerali tad-dritt, invokati fir-rikors, jirrigwardaw l-adozzjoni u l-approvazzjoni tar-rapport inkwistjoni bħala att li huwa attribwit lir-rieda u lis-setgħa ta’ amministrazzjoni fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tagħha bħala awtorità pubblika, u mhux għar-relazzjonijiet kuntrattwali eventwali bejnha u l-Kummissjoni. Għalhekk, l-oġġezzjonijiet ma jirrigwardawx il-ksur tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi iżda l-ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt.

44

Il-ġurisprudenza marbuta mal-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra att li jidħol fl-ambitu ta’ kuntest kuntrattwali hija irrilevanti għal dan il-każ. Minn naħa, kif tammetti l-Kummissjoni, l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 ma tikkostitwixxi la ordni ta’ rkupru u lanqas nota ta’ debitu. Min-naħa l-oħra, f’din l-istess ittra, il-Kummissjoni kienet qieset il-proċedura ta’ verifika mogħtija lill-awditur estern bħala magħluqa u riżolta u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha. Għalhekk, hija ma tistax tiġi separata mill-kuntest kuntrattwali ta’ din l-ittra, u dan japplika wkoll għall-kuntratti konklużi ma’ numru ta’ pajjiżi terzi li ġew esklużivament iffinanzjati mill-FEŻ.

45

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, sa fejn, fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni għalqet b’mod definittiv il-proċedura ta’ verifika mogħtija lil awditur estern, hija kienet qieset din il-proċedura ta’ verifika bħala regolari u kienet kkonfermat il-konklużjonijiet tal-awditur estern billi adottat ir-rapport finali, fatt li kien biddel is-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Fil-fatt hija tqis li għaddiet mill-istatus ta’ “kreditur ta’ sensiela ta’ ħlasijiet li għad iridu jiġu riċevuti” għal dak ta’ “debitur, tal-inqas potenzjali, ta’ ammonti diġà mogħtija u li bħalissa huma s-suġġett ta’ tilwim tal-kontijiet”. Barra minn hekk, billi ntużaw il-prinċipji ta’ prudenza li japplikaw fil-qasam tal-kontijiet, l-imsemmija ittra obbligatha tħassar ammont li jaqbeż EUR 2 miljuni mill-bilanċ tad-dejn tagħha u ddaħħal minfloku dejn mhux previst ta’ EUR 4.7 miljuni.

46

Ir-rikorrenti tenfasizza li, anki jekk l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 setgħet, parzjalment, titqies bħala att preparatorju, inkwantu l-Kummissjoni rrispondiet għall-oġġezzjonijiet tagħha u ħabbret bil-quddiem il-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru, il-parti ta’ din l-ittra dwar it-tmiem tal-proċedura ta’ verifika u l-adozzjoni tar-rapport finali għandhom natura definittiva u tista’ tiġi separata mill-kuntest kuntrattwali, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tat-22 ta’ April 1997, Geotronics vs Il-Kummissjoni (C-395/95 P, Ġabra p. I-2271, punti 12 sa 15), li r-riżultat tagħha jista’, b’analoġija, jiġi applikat għal din il-kawża, b’mod li din l-ittra tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkonfermata mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni quddiem l-Ombudsman Ewropew b’risposta għall-ilment imressaq mir-rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

47

Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-qorti tistħarreġ il-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet maħsuba li jipproduċu effetti legali vinkolanti fuq terzi billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2008, Imelios vs Il-Kummissjoni, T-97/07, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9, u tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54).

48

Fil-każ ta’ atti jew deċiżjonijiet li l-implementazzjoni tagħhom tinvolvi stadji differenti, b’mod partikolari wara proċedura interna, huma biss, bħala regola, dawk il-miżuri li jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-Kummissjoni wara din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 10, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2002, Satellimages TV5 vs Il-Kummissjoni T-95/99, Ġabra p. II-1425, punt 32).

49

Dan japplika wkoll fil-każ ta’ deċiżjonijiet jew atti meħuda matul proċedura preparatorja li tikkostitwixxi, waħedha, l-aħħar stadju ta’ proċedura speċjali li hija distinta minn dik li tippermetti lill-istituzzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 11, u digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2004, Camós Grau vs Il-Kummissjoni, T-96/03, ĠabraSP p. I-A-157 u II-707, punt 30).

50

Barra minn hekk, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jidħlu fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali u li ma jistgħux jiġu separati minnu ma humiex imniżżla, minħabba n-natura tagħhom, bħala atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali (digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il-Kummissjoni, T-314/03 u T-378/03, Ġabra p. II-1421, punt 64, u Imelios vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 22).

51

F’din il-kawża għandu jiġi eżaminat jekk l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 tikkostitwixxix att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ssostni li dan huwa l-każ peress li din l-ittra, minn naħa, tinkludi deċiżjoni li ġġib fi tmiemha proċedura amministrattiva ta’ verifika li ngħatat mill-Kummissjoni lill-awditur estern u, min-naħa l-oħra, tadotta r-rapport ta’ verifika miktub minn dan l-awditur.

52

L-ewwel nett, fir-rigward tat-22 kuntratt imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħha mnissla mill-imsemmija kuntratti u sabiex tiżgura li r-rikorrenti teżegwixxi kif suppost l-obbligi tagħha skont dawn l-istess kuntratti, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi b’kontrolli u b’verifiki li jidhrulha meħtieġa u adegwati. Barra minn hekk, it-tali kontrolli u verifiki huma espressament awtorizzati minn kliem dawn il-kuntratti kkonċernati (ara punt 4 iktar ’il fuq).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista’ tqabbad awditur estern sabiex jagħmel, f’isimha, verifika u li jibgħatilha l-konklużjonijiet ta’ din il-verifika fil-forma ta’ rapport. Hija tista’ wkoll, jekk il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport jidhrulha preċiżi u ġusti, tibbaża ruħha fuqu sabiex issostni, quddiem l-istanzi adegwati, id-drittijiet li hija tqis li hija l-proprjetarja tagħhom skont il-kuntratti inkwistjoni.

54

Isegwi li, sa fejn it-22 kuntratt inkwistjoni huma kkonċernati, il-verifika magħmula mill-awditur estern magħżul mill-Kummissjoni taqa’, għal din tal-aħħar, taħt l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha mnissla mill-imsemmija kuntratti u għalhekk, tidħol fl-ambitu ta’ kuntest kuntrattwali definit minn dawn il-kuntratti.

55

Għaldaqstant, anki jekk l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 għandha titqies fis-sens li ġġib il-proċedura ta’ verifika marbuta mat-22 kuntratt imsemmija iktar ’il fuq fi tmiemha u li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-awditur estern billi tadotta r-rapport finali, hija ma tistax, għall-kuntrarju ta’ dak li ssosnti r-rikorrenti, tiġi separata mill-kuntest kuntrattwali kkostitwit minn dawn il-kuntratti u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. It-talba għal annullament tad-deċiżjoni li allegatament tinsab f’din l-ittra, sa fejn tirrigwarda t-22 kuntratt, hija, għalhekk, inammissibbli.

56

Barra minn hekk, din it-talba ma tistax terġa’ tiġi kkunsidrata fis-sens li ssostni l-ksur tal-obbligi tal-Kummissjoni skont it-22 kuntratt imsemmija iktar ’il fuq u li, għalhekk, għandha titressaq skont klawżola ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża. Fil-fatt, hija r-rikorrenti li għandha tagħmel l-għażla tal-bażi ġuridika tar-rikors tagħha, u mhux il-qorti li tagħżel il-bażi legali l-iktar adegwata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust, C-160/03, Ġabra p. I-2077, punt 35; digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Frar 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-205/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 38, u Imelios vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punt 19).

57

Fi kwalunkwe każ, anki jekk it-talba għal annullament, sa fejn tirrigwarda l-parti tal-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 marbuta mat-22 kuntratt inkwistjoni, tista’ terġa’ tiġi kkunsidrata, hija inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi l-kawża.

58

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi kawżi ta’ natura kuntrattwali mressqa quddiemha minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi biss abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ. Fin-nuqqas tat-tali klawżola, hija tkun qed twessa’ l-ġurisdzzjoni tagħha lil hinn mill-kawżi li huma mogħtija lilha b’mod limitattiv (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T-186/96, Ġabra p. II-1633, punt 47).

59

Issa, f’din il-kawża, it-22 kuntratt imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq ma jinkludu l-ebda klawżola ta’ arbitraġġ li tipprovdi li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża preżenti, iżda, għall-kuntrarju, jistipulaw li l-kawżi marbuta ma’ dawn il-kuntratti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell.

60

It-tieni nett, sa fejn l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 tirrigwarda t-12-il kuntratt imsemmija fil-punti 14 u 18 iktar ’il fuq, konklużi bejn ir-rikorrenti u ċerti Stati ACP u ffinanzjati mill-FEŻ, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi li jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja tal-FEŻ, l-interventi tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni, kemm jekk japprovaw jew jirrifjutaw l-approvazzjoni, kemm jekk jawtorizzaw jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni, huma maħsuba biss li jikkonstataw jekk il-kundizzjonijiet tal-finanzjament ġewx sodisfatti jew le u ma għandhomx bħala għan jew bħala effett li jitfgħu fid-dubju l-prinċipju li skontu, għall-kuntratti inkwistjoni li jaqgħu taħt kuntratti nazzjonali, huma biss l-Istati benefiċjarji li għandhom ir-responsabbiltà li jippreparawhom, jinnegozzjawhom u jikkonkluduhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1984, STS vs Il-Kummissjoni, 126/83, Ġabra p. 2769, punt 16, u tal-10 ta’ Lulju 1985, CMC et vs Il-Kummissjoni, 118/83, Ġabra p. 2325, punt 28).

61

Fil-fatt, l-impriżi offerenti jew li jingħatawlhom il-kuntratti inkwistjoni għandhom relazzjoni legali biss mal-Istat benefiċjarju responsabbli mill-kuntratt, u l-atti tar-rappreżentanti tal-Kummissjoni ma jistgħux ikollhom fuq l-impriżi l-effett li jissostitwixxu deċiżjoni maħruġa minn din l-istituzzjoni għal dik maħruġa minn Stat ACP li huwa l-uniku li jista’ jikkonkludi u jiffirma dan il-kuntratt (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja STS vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punt 18; tal-14 ta’ Jannar 1993 Italsolar vs Il-Kummissjoni, C-257/90, Ġabra p. I-9, punt 22, u tad-29 ta’ April 1993, Forafrique Burkinabe vs Il-Kummissjoni, C-182/91, Ġabra p. I-2161, punt 23).

62

Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jgħoddu għal kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi msemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, konklużi wara sejħa għall-offerti nazzjonali organizzata mill-Istat ACP ikkonċernat, jgħoddu wkoll, b’analoġija, għal kuntratti ta’ sussidju konklużi minn wieħed mill-Istati ACP imsemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq.

63

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex per se biżżejjed biex iwasslu għall-inammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra att, adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprja tagħha, li tressaq minn individwu li ntlaqat minn dan l-att u li ġie formalment indirizzat lilu, u dan anki meta l-imsemmi att jidħol fl-ambitu tal-kuntest ta’ proċedura ta’ natura kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, sentenza Geotronics vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 13 u 14).

64

Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament, sa fejn din tirrigwarda t-12-il kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti, minn naħa, u l-Istati differenti ACP, min-naħa l-oħra, għandu, għalhekk jiġi stabbilit jekk din l-ittra, formalment indirizzata lir-rikorrenti, tinkludix effettivament deciżjoni tal-Kummissjoni, adottata fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha, li tkun tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

65

Ir-rikorrenti tammetti hija stess li, sa fejn fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni ħabbritilha li nota ta’ debitu kienet ser tinħarġilha dalwaqt, din l-ittra ma tikkostitwixxix, fir-rigward tagħha, att li jipproduċi effetti legali vinkolanti. Madankollu, hija ssostni li fl-imsemmija ittra l-Kummissjoni mhux biss tirrispondi għall-oġġezzjonijiet marbuta mal-verifika magħmula minn awditur estern fuq talba tal-Kummissjoni, iżda tadotta deċiżjoni formali li ġġib il-proċedura amministrattiva ta’ verifika fi tmiemha u tikkonferma l-konklużjonijiet tal-awditur estern billi adottat ir-rapport finali. Din id-deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li verifika magħmula fil-kuntest ta’ kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ għandha neċessarjament bħala għan il-fatt li n-natura regolari tal-operazzjonijiet finanzjarji magħmula fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti tiġi vverifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jistgħu jiġi kkonstatati irregolaritajiet li jwasslu għal obbligu ta’ rimbors ta’ ċerti ammonti lill-FEŻ.

67

Madankollu, l-oriġini tad-djun dovuti lill-FEŻ kkonstatati wara l-verifika magħmula mill-Kummissjoni, jew fuq talba tagħha, ma jinsabx fil-verifika fiha nnifisha, iżda fil-ksur minn parti fil-kuntratt iffinanzjat mill-FEŻ tal-obbligi kuntrattwali tagħha. Fil-fatt, ir-rapport ta’ verifika sempliċiment jikkonstata l-irregolaritajiet eventwali li diġà jeżistu kif ukoll id-djun li jirriżultaw minnhom. Għalhekk, dan ma jbiddilx is-sitwazzjoni ġuridika tad-debitur ta’ dawn id-djun. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kull kawża li tirrigwarda d-djun inkwistjoni, dan tal-aħħar għandu l-possibbiltà li jikkontesta l-fatti u l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ verifika quddiem il-qorti kompetenti.

68

L-argument tar-rikorrenti, li jipprovdi li meta r-rapport finali ġiet adottat dan obbligaha tbiddel il-bilanċ tagħha billi tneħħi kreditu u ddaħħal minfloku dejn mhux previst, ma jistax iwassal għal konklużjoni kuntrarja, peress li, kif diġà ġie rrilevat, ir-rapport ta’ verifika ma jistax jimplika l-obbligu li r-rikorrenti tbiddel il-kontijiet proprji tagħha, ħaġa li hija biss tista’ tagħmel.

69

Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni hija responsabbli, skont il-ftehim u l-konvenzjonijiet li stabbilixxew il-varji FEŻ kif ukoll skont ir-regolamenti finanzjarji korrispondenti, mill-fatt li tiżgura l-amministrazzjoni ta’ dawn il-FEŻ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija mhux biss għandha d-dritt, iżda wkoll l-obbligu li tiżgura, qabel kull għotja ta’ fondi Komunitarji, li l-kundizzjonijiet tat-tali għotjiet huma effettivament sodisfatti u, għal dan l-għan, hija għandha, b’mod partikolari, tfittex l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiżgura l-amministrazzjoni ekonomika tar-riżorsi tal-FEŻ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza CMC et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, punti 44 u 47).

70

Kif ġie rrilevat fil-punti 12 u 13 iktar ’il fuq, l-uffiċjal prinċipali tal-FEŻ, li nħatar mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi ordni ta’ rkupru għal kull dejn stabbilit, likwidu u pagabbli dovut lill-FEŻ. Din l-ordni hija indirizzata lill-uffiċjal tal-kontijiet, li nħatar ukoll mill-Kummissjoni. Dan tal-aħħar għandu jeżerċita d-diliġenza xierqa sabiex jiżgura l-introjtu tal-FEŻ u jekk it-terminu stabbilit fl-ordni ta’ rkupru ma jkunx ġie osservat, huwa jinforma lill-uffiċjal prinċipali tal-FEŻ u jibda l-proċedura ta’ rkupru. Ir-Regolament finanzjarju, tas-27 ta’ Marzu 2003, applikabbli għad-disa’ Fond Ewropew għall-Iżvilupp jipprovdi wkoll li l-ordni ta’ rkupru hija segwita minn nota ta’ debitu li hija indirizzata lid-debitur.

71

Il-fatt li jiġi kkonstatat dejn dovut lill-FEŻ f’rapport ta’ verifika li jikkonċerna kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ jista’, għalhekk, jagħti lok għall-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru li jirrigwarda d-dejn u, jekk ikun il-każ, ta’ nota ta’ debitu indirizzata lid-debitur.

72

Madankollu, kif diġà ġie deċiż, nota ta’ debitu sempliċiment tgħaddi l-informazzjoni lid-debitur dwar l-obbligu li jirriżulta minn kuntratt iffinanzjat mid-disa’ FEŻ u li l-Kummissjoni ma hijiex parti fiha. Fil-każ fejn id-debitur ma jgħaddix l-ammont mitlub, il-Kummissjoni tista’ jew tirrinunza li tirkupra d-dejn, jew tipproċedi b’kumpens, jew tirrikorri għall-infurzar li jista’ jseħħ b’deċiżjoni eżekuttiva jew b’titolu eżekuttiv miksub b’mezzi kontenzjużi. Għalhekk, in-nota ta’ debitu ma għandhiex natura eżekuttiva iżda hija sempliċiment att preparatorju li jiġi qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar jekk għandhiex jew le tkompli l-proċedura ta’ rkupru, kemm billi tibda proċedura kontenzjuża kemm billi tadotta deċiżjoni li jkollha titolu eżekuttiv. Għaldaqstant, in-nota ta’ debitu ma hijiex miżura li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u ma tipproduċix effetti legali vinkolanti u, għalhekk, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ April 2008, Cestas vs Il-Kummissjoni, T-260/04, Ġabra p. II-701, punti 75 u 76).

73

Din il-konklużjoni tgħodd ukoll għall-ordni ta’ rkupru li hija stabbilita fir-regolamenti finanzjarji kollha li jirregolaw ir-raba’ FEŻ inkwistjoni f’din il-kawża. Minbarra l-fatt li t-tali ordni ma hija lanqas indirizzata lid-debitur, iżda għandha natura purament interna, għaliex tirrigwarda biss l-uffiċjal tal-kontijiet, hija tinvolvi biss l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li, f’każ li d-dejn kkonċernat ma jinġabarx, huwa jibda l-proċedura ta’ rkupru skont il-mezzi differenti msemmija iktar ’il fuq.

74

Għalhekk, rapport ta’ verifika li jikkonstata djun dovuti lill-FEŻ mhux bilfors ser jagħti lok għal att li jipproduċi effeti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwa l-interessi tad-debitur. B’mod ċar, dan ma huwiex il-każ meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tirrinunzja milli tiġbor id-dejn. Dan ma huwiex lanqas il-każ meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ rkupru b’mezz kontenzjuż, f’liema każ rikors ser jiġi ppreżentat quddiem il-qrati kompetenti. F’din l-aħħar ipoteżi, kif diġà ġie rrilevat, id-debitur ikollu l-possibbiltà li jikkontesta l-konklużjonijiet tal-verifika fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

75

Ir-rapport ta’ verifika dwar il-kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ, li jista’ jitqies li jwassal għal att ulterjuri li jipproduċi effetti legali vinkolanti għal wieħed mill-partijiet kontraenti, jikkostitwixxi biss l-att preparatorju ta’ dan l-aħħar att u dan tal-aħħar jista’ jikkawża biss preġudizzju lill-individwu. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ġġib il-verifika fi tmiemha u li tikkonferma l-konklużjonijiet tal-awditur estern billi tadotta r-rapport finali ma tistax għalhekk, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali.

76

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti b’mod żbaljat tinvoka l-allegata proċedura amministrattiva ta’ verifika. L-ebda mir-regolamenti finanzjarju msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq ma jinkludu dispożizzjonijiet marbuta mal-verifiki li jirrigwardaw l-kuntratti ffinanzjati mill-FEŻ. Għalkemm dan ma jfissirx li l-Kummissjoni hija prekluża milli tagħmel it-tali verifiki hija stess, jew li titlob lil awditur estern jagħmilhom f’isimha, jibqa’ xorta l-fatt li, f’din l-ipoteżi, ma hemmx proċedura ta’ verifika speċjali u distinta li allegatament ingħalqet bid-deċiżjoni li approvat ir-rapport ta’ verifika. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq hija, f’din il-kawża, irrilevanti.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008, hija wkoll inammissibbli, sa fejn din l-ittra tirrigwarda t-12-il kuntratt, iffinanzjat mill-FEŻ, konklużi bejn ir-rikorrenti u l-Istati ACP differenti u għalhekk, għandha tiġi miċħuda in toto.

78

It-tielet nett, l-argument imressaq mir-rikorrenti fil-memorandum tagħha ppreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2009 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) ma jistax jitfa’ fid-dubju l-konklużjoni li tipprovdi li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni allegatament inkluża fl-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 hija inammissibbli kemm fir-rigward tat-22 kuntratt imsemmi fil-punt 1 iktar ’il fuq kif ukoll fir-rigward tat-12-il kuntratt imsemmi fil-punti 14 u 18 iktar ’il fuq.

79

Ir-rikorrenti, essenzjalment, issostni li, filwaqt li l-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-awditur estern, mehmuż ma’ dan il-memorandum, stabbilixxa li l-imsemmi awditur kellu jagħmel “verifika” skont l-“istandards internazzjonali tal-kontijiet”, il-Kummissjoni kienet, sussegwentament u mingħajr ma formalment emendat il-kuntratt, aċċettat li l-awditur jipproċedi biss b’verifiki skont “proċedura mifthiema”. Ir-rikorrenti ssostni li dan il-fatt jikkonferma n-natura fondata tal-motivi invokati fir-rikors u tinvoka żewġ motivi ġodda, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tal-“obbligu ta’ imparzjalità tal-azzjoni amministrattiva” u ta’ eċċess ta’ poter jew ta’ abbuż ta’ poter.

80

Dawn id-dikjarazzjonijiet, anki jekk jitqiesu ammissibbli u fondati, ma juru bl-ebda mod li l-ittra tad-19 ta’ Awwissu 2008 tinkludi deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali. L-iktar l-iktar, huma jippruvaw juru n-natura irregolari tal-verifika magħmula mill-awditur estern fuq talba tal-Kummissjoni. Issa, kif diġà ġie rrilevat, din il-verifika tidħol fl-ambitu ta’ kuntest kuntrattwali li ma tistax tiġi separata minnu.

Fuq it-talba għad-danni

L-argumenti tal-partijiet

81

Il-Kummissjoni ssostni li l-aġir allegatament dannuż li dwaru r-rikorrenti tikkritikaha fil-kuntest tat-talba tagħha għad-danni, jikkonsisti fil-fatt li, peress li ssospendiet ċerti ħlasijiet, hija ma eżegwixxietx tajjeb, jew ma eżegwixxietx, l-obbligi tagħha mnissla mid-diversi kuntratti ta’ finanzjament li hija kkonkludiet. Din il-konklużjoni hija kkonfermata minn qari tal-partijiet tar-rikors li jiffokaw fuq in-natura allegatament illeċita tal-aġir tal-Kummissjoni, mill-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u l-allegat dannu li r-rikorrenti ġarrbet kif ukoll mill-firxa tiegħu.

82

Skont il-Kummissjoni, il-verifika tan-natura allegatament illegali tal-aġir li dwaru r-rikorrenti tikkritikaha, tippreżumi, għalhekk, eżami tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha skont il-kuntratti inkwistjoni. Issa, fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi l-kawża preżenti tal-imsemmija kuntratti, it-tali eżaminazzjoni tmur lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, bit-talba tagħha għad-danni, ir-rikorrenti qed tfittex li tikseb riżultat li hija tista’ tikseb biss billi tippreżenta azzjoni għad-danni kuntrattwali quddiem il-qrati kompetenti. Għalhekk, it-talba għad-danni hija manifestament inammissibbli.

83

Fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka, insostenn tat-talba tagħha għad-danni, il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika fl-iqsar żmien possibbli d-deċiżjoni tagħha, meħuda f’Novembru 2005, li tissospendilha l-ħlasijiet kollha, kif ukoll il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tipprovdilha iktar informazzjoni dwar dan is-suġġett u li rrifjutat li tiltaqa’ mar-rappreżentanti tagħha. Dan l-aġir kien dam sejjer għal diversi xhur, sakemm il-Kummissjoni informatha, b’ittra f’Mejju 2006, bl-imsemmija deċiżjoni. Skont ir-rikorrenti, dan l-aġir tal-Kummissjoni huwa vvizzjat mill-istess motivi ta’ illegalità ppreżentati insostenn tat-talba għal annullament u jikkostitwixxi wkoll ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza.

84

Fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-aġir li dwaru l-Kummissjoni hija kkritikata u d-dannu li allegatament ġarrbet u l-firxa tiegħu, ir-rikorrenti ssostni li, peress li ma kinitx taf bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissospendilha l-ħlasijiet, hija kompliet twettaq diversi proġetti mingħajr ma bidlet l-istruttura operazzjonali tagħha u l-iskema ta’ infiq tagħha u, għalhekk, kellha “dejn” ġdid minħabba t-twettiq f’proġetti oħra li kienet qed tipparteċipa fihom u minħabba l-involviment tagħha f’diversi proċeduri kontenzjużi. Hija ġarrbet ukoll dannu morali “gravi ħafna”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir mhux ta’ ħtija.

85

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kummissjoni marbut mal-inammissibbiltà tat-talba għad-danni huwa bbażat fuq żnaturament tal-kontenut tar-rikors tagħha. Mill-qari tal-parti kollha tar-rikors li tiffoka fuq it-talba għad-danni jirriżulta li r-rikorrenti tagħmel talba għal kumpens għad-danni li hija ġarrbet mill-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tinformaha bid-deċiżjoni li tissospendilha l-ħlasijiet kollha. Għalhekk, it-talba għad-danni hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni, kif ukoll fuq il-motivi l-oħra illegali invokati insostenn tat-talba għal annullament.

86

Il-fatt li r-rikorrenti titlob bħala kumpens għad-dannu materjali ammonti li huma ċarament distinti mill-ħlasijiet li hija tista’ tkun intitolata għalihom skont il-kuntratti inkwistjoni u li, barra minn hekk, hija ser tkompli l-proċedura għall-kumpens tad-danni morali, jikkonferma n-natura mhux kuntrattwali tat-talba għal annullament u, għalhekk, in-natura ammissibbli tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87

L-ewwel nett, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għandu jiġi osservat li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-korpi tagħha, diversi kundizzjonijiet għandhom ikunu sodisfatti, jiġifieri, l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realità tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs Il-KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, T-175/94, Ġabra p. II-729, punt 44, u tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il-Kummissjoni, T-336/94, Ġabra p. II-1343, punt 30).

88

It-tieni nett, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba att leċitu sseħħ biss jekk it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivament sodisfatti, jiġifieri r-realtà tad-dannu allegatament miġrub, ir-rabta kawżali bejn id-dannu allegatament miġrub u l-allegat att tal-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll in-natura anormali u speċjali tad-dannu allegati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punti 19 u 53, u Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2007, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, C-325/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 76).

89

It-tielet u l-aħħar nett, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi mressqa. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u għall-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk hemm bżonn mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huwa meħtieġ, sabiex rikors jitqies bħala ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors huwa fondat jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test stess tar-rikors, u dan anki jekk ikunu fil-qosor (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20; tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, Ġabra p. II-1703, punt 49, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Qorti tal-Awdituri, T-277/97, Ġabra p. II-1825, punti 28 u 29).

90

Fir-rigward ta’ talba għad-danni li tipprova tikseb kumpens għal dannu allegatment mġarrab minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ssospenditilha l-ħlasijiet kollha, ir-rikorrenti għandha, sabiex tosserva l-obbligi tagħha msemmija iktar ’il fuq, tispeċifika, fir-rikors tagħha, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma s-sors tal-allegat obbligu tal-Kummissjoni li jgħaddilha l-ħlasijiet, jew tal-inqas, li jinformaha fl-iqsar żmien possibbli bid-deċiżjoni li dawn il-ħlasijiet jiġu sospiżi.

91

It-tali speċifikazzjonijiet huma, qabel kollox, meħtieġa sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tivverifika jekk ir-rikors jirrigwardax effettivament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, kemm minħabba att illeċitu kif ukoll minħabba att leċitu, jew jekk jirrigwardax, pjuttost, ir-responsabbiltà kuntrattwali tagħha f’liema każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 58 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tilqa’ r-rikors biss fl-ipoteżi fejn il-kuntratti inkwistjoni jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawżi marbuta mal-eżekuzzjoni tagħhom.

92

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm ir-rikorrenti tinvoka, fir-rikors tagħha, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, meħuda diġà f’Novembru 2005, li tissospendilha l-ħlasijiet kollha, hija bl-ebda mod ma tispeċifika liema huma l-ħlasijiet, li fin-nuqqas ta’ din is-sospenzjoni, tagħhom hija għandha dritt u, wisq inqas, jekk l-oriġini tagħhom jinsabux fil-kuntratti konklużi bejnha u l-Kummissjoni jew jekk humiex imnissla direttament mid-dispożizzjonijiet applikabbli li, barra minn hekk, ma ġewx iċċitati mir-rikorrenti. Isegwi li, fir-rigward tat-talba għad-danni, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.

93

Il-fatt li, fir-rikors, ir-rikorrenti tinvoka esklużivament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità kif ukoll l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza ma jistax jitfa’ fid-dubju dawn il-konklużjonijiet.

94

Fil-fatt, fir-rigward ta’ kawża ta’ natura kuntrattwali, is-sempliċi fatt li jiġu invokati regoli ġuridiċi li ma jirriżultawx minn kuntratt, iżda li huma imposti fuq il-partijiet, ma jistax ikollu bħala effett li jbiddel in-natura kuntrattwali tal-kawża u li, għaldaqstant, iwassal sabiex il-parti li tinvoka dawn ir-regoli taħrab milli tkun suġġetta għall-qorti li għandha ġurisdizzjoni. Jekk kien mod ieħor, in-natura tal-kawża, u għalhekk, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni jkunu jistgħu jinbidlu skont ir-regoli li l-partijiet jinvokaw, fatt li jmur kontra r-regoli ta’ ġurisdizzjoni materjali ta’ qrati differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni, C-214/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

95

Barra minn hekk, fir-rigward tal-amministraturi, l-istituzzjonijiet huma suġġett għall-obbligi li jaqgħu taħt il-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-responsabbilitajiet amministrattivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, meta r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-parti rikorrenti hija b’mod ċar ta’ natura kuntrattwali, din tal-aħħar tista’ tikkritika lill-Kummissjoni biss għal ksur ta’ dispożizzjoni kuntrattwali jew għal ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Burie Onderzoek en advies, T-179/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 118).

96

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li fir-rikors tagħha r-rikorrenti ma setgħetx sempliċiment tinvoka r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità kif ukoll l-allegat ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza, iżda kellha tispeċifika l-oriġini, kuntrattwali jew le, tal-obbligi li l-Kummissjoni kienet kisret meta ddeċidiet li tissospendi l-ħlasijiet kollha lir-rikorrenti u meta naqset, għal perijodu twil ta’ żmien, li tinformaha b’din is-sospensjoni.

97

Minn dak li ntqal preċedentament jirriżulta li t-talba għad-danni hija inammissibbli u għalhekk għandha tiġi miċħuda.

98

L-argument imressaq mir-rikorrenti fil-memorandum tagħha ppreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2009 (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) ma jitfax fid-dubju din il-konklużjoni. Dan l-argument ma huwiex rilevanti għat-talba għad-danni peress li jirrigwarda l-verifika magħmula minn awditur estern fuq talba tal-Kummissjoni u jirrigwarda, għalhekk, perijodu li ġie wara t-talba għad-danni. Fil-fatt, skont id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, l-allegat aġir dannuż tal-Kummissjoni ġie fi tmiemu meta ntbagħtet l-ittra tal-Europaid, tat-3 ta’ Mejju 2006, li informat lir-rikorrenti li l-ħlasijiet kollha tagħha kienu sospiżi. Issa, il-verifika bdiet biss fit-12 ta’ Lulju 2006 (ara punti 21 u 23 iktar ’il fuq).

99

Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-rikors għandu jinftiehem fis-sens li l-ħlasijiet koperti mis-sospensjoni allegatament deċiża f’Novembru 2005 għandhom l-oriġini tagħhom fl-34 kuntratt imsemmija iktar ’il fuq u li l-verifika mitluba mill-Kummissjoni tirrigwardhom, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, fir-rigward tat-22 kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti, imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, li l-allegat ksur tal-Kummissjoni tal-obbligi tagħha li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti jwasslu għar-responsabbiltà kuntrattwali tagħha u jagħtu lok għal kawża ta’ natura kuntrattwali li hija taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali biss fil-każ ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi din il-kawża.

100

Min-naħa l-oħra, huwa veru, fir-rigward tat-12-il kuntratt imsemmija fil-punti 14 u 18 iktar ’il fuq, konklużi bejn ir-rikorrenti u ċerti Stati ACP u ffinanzjati mill-FEŻ, li l-kunsiderazzjonijiet fil-punti 60 u 62 iktar ’il fuq ma jistgħux jaffettwaw il-possibbiltajiet ta’ rikors li kull individwu għandu kontra l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 1985, Murri vs Il-Kummissjoni, 33/82, Ġabra p. 2759, punt 35).

101

Madankollu, ġie deċiż li, fil-każ fejn kontroversja kuntrattwali bejn Stat ACP u l-kontraenti tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt iffinanzjat mill-FEŻ ma tkunx ġiet riżolta bil-quddiem, bi ftehim komuni jew bl-użu tal-proċeduri stabbiliti fil-kuntratt, bħalma huwa l-arbitraġġ, il-parti l-oħra fil-kuntratt ma tkunx tista’ tistabbilixxi li l-aġir tal-Kummissjoni marbut ma’ din il-kontroversja kkawżalha dannu li huwa distint minn dak li permezz tiegħu hija tkun tista’ tmexxi, skont il-mezzi adegwati, għal kumpens kontra l-Istat ACP inkwistjoni. Fit-tali ipoteżi, talba għad-danni mressqa minn din l-istess parti kontra l-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandha tiġi miċħuda peress li r-rikorrenti ma tkunx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir tal-Kummissjoni u l-allegat dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Murri vs Il-Kummissjoni, punt 100 iktar ’il fuq, punti 36 sa 39, u International Procurement Services vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punti 58 sa 61).

102

F’din il-kawża, dan huwa preċiżament il-każ fir-rigward tat-12-il kuntratt imsemmija iktar ’il fuq, konklużi bejn ir-rikorrenti u Stati ACP differenti. Fil-fatt, skont id-dikjarazzjonijiet tal-istess rikorrenti, id-dannu kkonċernat bit-talba tagħha għad-danni joriġina mill-fatt li sospendewlha l-ħlasijiet li, skont dawn il-kuntratti, l-Istati ACP kellhom jgħaddulha, ladarba l-kundizzjonijet stabbiliti f’dan ir-rigward kienu sodisfatti.

103

Issa, ir-rikorrenti setgħet, u għad tista’ jekk taħseb li hemm bażi, tmexxi, skont il-mezzi legali adegwati, kontra l-Istati ACP ikkonċernati għall-kumpens tad-dannu eventwali li jirriżulta mill-allegat ksur tal-obbligi tal-imsemmija Stati li jirriżultaw mill-kuntratti msemmija. Għaldaqstant, il-fatt li t-talba għad-danni tista’ titqies li tirrigwarda l-kumpens għad-danni allegatament mġarrba mir-rikorrenti minħabba l-fatt li l-ħlasijiet stabbiliti mit-12-il kuntratt inkwistjoni ġew sospiżi għandu jiġi miċħuda bħala manifestament infondat fid-dritt.

104

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda wkoll u, għalhekk, ir-rikors kollu kemm huwa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx bżonn li jiġu ordnati l-miżuri mitluba mir-rikorrenti fit-talbiet tagħha tat-2 ta’ Lulju u tat-30 ta’ Settembru 2009 (punti 32 u 34 iktar ’il fuq), tkun xi tkun il-klassifikazzjoni legali preċiża tagħhom, jiġifieri jekk humiex miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ struzzjoni. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li l-ewwel nett jispeċifikaw in-natura tal-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni lill-awditur estern responsabbli mill-verifika; din hija kwistjoni li hija irrilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża.

Fuq l-ispejjeż

105

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm il-lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Alisei hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Mogħti fil-Lussemburgu, 8 ta’ Frar 2010.

E. Coulon

Reġistratur

M. Vilaras

President


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.