DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
22 ta’ Ġunju 2009
Kawża T-371/08 P
Bart Nijs
vs
Il-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Deċiżjoni ta’ ħatra tas-superjur tar‑rikorrent – Kompetizzjoni interna – Elezzjonijiet tal-Kumitat tal-Persunal – Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni lir-rikorrent għas-sena 2006 – Appell in parti manifestament inammissibbli u in parti manifestament infondat”
Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-26 ta’ Ġunju 2008, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri (F-5/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. B. Nijs għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis‑seħħ fil-mument tal-preżentata tat-talba
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 111 ; Regoli tal‑Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)
2. Proċedura – Rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Possibbiltà ta’ tieni skambju ta’ noti – Setgħa diskrezzjonali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, anness I, Artikolu 7(3))
1. Jekk ir-regola li tinsab fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, illi t-Tribunal jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors li manifestament jidher li għandu jiġi miċħud, hija regola ta’ proċedura li bħala tali, tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha għall-kawżi kollha pendenti quddiem dan it-Tribunal, mhux l-istess japplika għar-regoli li abbażi tagħhom dan it-Tribunal jista’, bl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jikkunsidra rikors bħala manifestament inammissibbli u li ma jistgħux ikunu oħrajn ħlief dawk applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.
Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-istess ħin, il-kontenut leġiżlattiv ta’ liema huwa strettament identiku, għal kawża ppreżentata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-aħħar Regoli tal‑Proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qed juża din il-possibbiltà. Peress illi t-test tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ġie ppubblikat f’data ħafna qabel l-introduzzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku, rikorrent ma jistax jallega b’mod xieraq li ma kienx f’pożizzjoni li jkun jaf, fil-ħin tal-preżentata tar-rikors tiegħu, ir-regoli li abbażi tagħhom ir-rikors tiegħu ġie miċħud.
Barra minn hekk, peress illi r-Regoli tal-Proċedura ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, ħadd ma hu suppost jinjorahom.
(ara l-punti 20 u 28)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1989, Binder, 161/88, Ġabra p. 2415, punt 19
2. Mill-Artikolu 7(3) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar illi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandu l-ebda obbligu li jitlob lill-partijiet sabiex jipproċedu għat-tieni skambju ta’ noti. Id-deċiżjoni li jitlob tali skambju tirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali tal-imsemmi tribunal, illi huwa jeżerċita skont il-bżonnijiet tiegħu ta’ informazzjoni. Konsegwentement, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax joħloq aspettativa leġittima lir-rikorrent dwar il‑possibbiltà li jippreżenta t-tieni nota ta’ sottomissjonijiet wara r-rikors.
(ara l-punt 27)