7.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 55/36 |
Appell ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2009 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fl-14 ta' Ottubru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-74/07, Meierhofer vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-560/08 P)
(2009/C 55/66)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers)
Parti l-oħra fil-kawża: S. Meierhofer (Munich, il-Ġermanja)
Talbiet tal-appellanti
— |
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża F-74/07, Meierhofer vs Il-Kummissjoni; |
— |
tikkundanna lill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża F-74/07, Meierhofer vs Il-Kummissjoni, li permezz tiegħu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/26/05 tad-19 ta' Ġunju 2007 minħabba ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni.
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata kienet ċaħdet it-talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla dwar il-fatt li l-kandidat ma kienx għadda mill-eżami orali tal-kompetizzjoni. Il-kandidat ma laħaqx in-numru minimu ta' punti meħtieġa għall-eżami orali għal nofs punt. Skont l-avviż tal-kompetizzjoni, l-eżami orali kellu marka waħda globali.
L-appell jikkonċerna r-rekwiżiti dwar l-obbligu ta' motivazzjoni ta' Bord tal-Għażla ta' kompetizzjoni u l-kriterji tal-istħarriġ tal-qorti Komunitarja. L-appellanti tikkontesta b'mod partikolari l-argument tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li permezz tiegħu, f'każ ta' “ċirkustanzi partikolari”, pereżempju f'każ ta' attribuzzjoni ta' marka ġusta li hija kważi n-numru ta' punti minimi meħtieġa, is-sempliċi komunikazzjoni tal-attribuzzjoni ta' marka eliminatorja lill-kandidat li ġie eliminat fil-fażi tal-eżami orali ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta' motivazzjoni.
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti ssostni li din il-pożizzjoni timplika nuqqas ta' ċertezza legali:
— |
L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta' motivazzjoni għandu jkun konformi mal-osservanza tal-kunfidenzjalità applikabbli għax-xogħol tal-Bord tal-Għażla, skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u li tipprekludi li jiġu kkomunikati l-fehmiet tal-membri diversi tal-Bord tal-Għażla u li jiġu żvelati d-dettalji tal-evalwazzjoni tal-kandidat kemm personalment kif ukoll b'paragun ma' kandidati oħra. |
— |
It-tieni nett, huwa possibbli li l-paragun ma' każijiet relatati mal-aċċess għal dokumenti, li wettaq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ikun żbaljat peress li l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdi ebda regola derogatorja jew ibbilanċjar tal-interessi. |
— |
It-tielet nett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku injora l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-obbligu ta' motivazzjoni għandu jkun proporzjonat mal-miżura inkwistjoni u li tipprovdi li huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni. Peress li l-istħarriġ sussegwenti ta' eżami orali mill-qorti Komunitarja huwa impossibbli min-natura tiegħu, dan essenzjalment illimita l-istħarriġ tagħha għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet proċedurali u tal-avviż tal-kompetizzjoni. |
Barra minn hekk, is-sentenza toħloq nuqqas ta' ċertezza legali fir-rigward tad-distinzjoni bejn il-forom diversi tal-miżuri proċedurali relatati mar-rekwiżit li għandu korp li jippreżenta dokumenti kunfidenzjali jew maċ-ċirkustanzi li fihom ir-rifjut tal-komunikazzjoni tagħhom jista' jiġi użat kontra l-persuna kkonċernata (miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji). Fil-kawża inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta b'mod żbaljat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni peress li hija qatt ma rrifjutat tali komunikazzjoni. Il-Kummissjoni spjegat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija ma setgħetx tippreżenta dokumenti rilevanti abbażi tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mit-Tribunal, iżda hija kienet tistenna miżura ta' istruzzjoni tal-kulleġġ ġudikanti.