25.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 272/30 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awissu 2008 — Smurfit Kappa Group vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-304/08)
(2008/C 272/57)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Smurfit Kappa Group plc (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentanti: T. Ottervanger, E. Henny, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 230 KE; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 230 KE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 582/2007 tat-2 ta' April 2008 (Każ “Għajnuna lil Propapier PM2 GmbH & Co. KG-LIP” C(2008) 1107) li biha l-Kummissjoni approvat l-għajnuna mill-Istat lil Propapier PM2 GmbH & Co. KG innotifikata mill-Istat Ġermaniż.
Ir-rikorrenti, kumpannija internazzjonali ta' imballaġġ li għandha s-sede tagħha fl-Irlanda, ressqet ilment informali quddiem il-Kummissjoni kontra l-għoti ta' sussidju sostanzjali għall-bini (fir-Reġjun ta' Brandenburg-Nordost fil-Ġermanja) ta' fabbrika fejn tinħadem il-karta li, skond ir-rikorrenti, ser tkun l-ikbar waħda fl-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li għalkemm kien hemm indikazzjonijiet ċari li l-investiment issussidjat kien ser ikollu effetti serji u sproporzjonati fuqha u fuq is-settur meħud fl-intier tiegħu, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm il-ħtieġa ta' investigazzjoni formali peress li l-għajnuna reġjonali ma kinitx tilħaq il-limiti tas-sehem mis-suq u taż-żieda fil-kapaċità stabbiliti fil-paragrafu 68(a) u (b) tal-Linji Gwida fuq Għajnuna Nazzjonali għal 2007-2013 (1) (“Il-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali”) u, konsegwentement, iddikjarat l-għajnuna bħala inkompatibbli mat-Trattat KE.
Ir-rikorrenti, li hija kompetitriċi diretta tal-benefiċjarju tal-għajnuna, tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tibdiex il-proċedura formali skont l-Artikolu 88(2) KE għal dawn il-motivi:
L-ewwel nett, skond ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tibda l-proċedura formali skont l-Artikolu 88(2) KE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 (2) u teżamina l-għajnuna iktar fid-dettall fid-dawl tad-dubji li jqumu minħabba d-diffikultajiet strutturali tas-suq u skont evalwazzjoni iktar xierqa tas-suq. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament illimitat ruħha li tapplika l-limiti stretti tal-paragrafu 68 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali u wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkalkulat iż-żieda fil-kapaċità.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(3) KE u l-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali sa fejn id-deċiżjoni kkontestata (i) ma tinkludi l-ebda analiżi tal-effett negattiv tal-għajnuna fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u (ii) tinterpreta b'mod żbaljat il-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali. Għal din ir-raġuni, jingħad li, minflok ma wieżnet il-benefiċċji tar-reġjun mal-konsegwenzi ta' għajnuna sostanzjali għas-settur meħud fl-intier tiegħu, il-Kummissjoni sempliċement applikat test ta' żieda fil-kapaċita ta' 5 % filwaqt li ma wettqitx analiżi ekonomika. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni tat-test stabbilit fil-paragrafu 68 tal-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali tikser it-Trattat KE peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma teżiġix li l-Kummissjoni tapprova awtomatikament l-miżuri kollha ta' għajnuna li ma jilħqux il-limiti stabbiliti mill-istess dispożizzjoni.
It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta' fatt u żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq u taż-żieda fil-kapaċità.
Ir-raba' nett, huwa sostnut li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(3) u l-Linji Gwida għall-Għajnuna Reġjonali sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinkludi żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-miżura ta' għajnuna.
Il-ħames nett, qiegħed jingħad li d-deċiżjoni hija wkoll ivvizzjata bi żbalji serji ta' liġi sa fejn hija tqis il-Mappa ta' Għajnuna Reġjonali 2007-2013 tal-Ġermanja bħala kompatibbli mat-Trattat KE, u tqis lir-Reġjun ta' Brandenburg-Nordost bħala eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont id-deroga stabbilita fl-Artikolu 87(3)(a) KE għall-perijodu kollu bejn l-2007 u l-2013. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata għaliex hija tinjora għajnuna oħra rigward l-istess proġett.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-obbligi tagħha li timmotiva, b'mod xieraq, id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-investigazzjoni preliminari.
(1) ĠU 2006 C 54, p. 13.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU 1999 L 83, p. 1).