13.9.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 236/16 |
Rikors ippreżentat fil-21 ta' Lulju 2008 — People's Mojahedin of Iran vs Il-Kunsill
(Kawża T-284/08)
(2008/C 236/27)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: People's Mojahedin of Iran (Auvers sur Oise, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Spitzer, lawyer u D. Vaughan, QC)
Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropej
Talbiet tar-rikorrent(i)
— |
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE safejn tapplika għar-rikorrenti; |
— |
tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż tar-rikorrenti. |
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob, abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, l-annullament parzjali u, safejn tolqot lilha, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/583/KE, tal-15 ta' Lulju 2008 (1) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/868/KE.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għar-raġuni li, safejn din tirrigwarda l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi, dak iż-żmien ma kien hemm l-ebda deċiżjoni rilevanti minn awtorità nazzjonali kompetenti li kienet suffiċjenti sabiex tiġġustifika din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni għandha tiġi annullata peress li, filwaqt li ntqal li kienet ibbażata fuq “informazzjoni ġdida” u fuq deċiżjoni minn awtorità kompetenti differenti minn dik tar-Renju Unit, il-provi li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill ma ntwerewx lir-rikorrenti qabel ma adotta d-deċiżjoni. Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni għalfejn tali informazzjoni kellha tiġi meqjusa bħala ġdida jew rilevanti.
Ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mingħajr evalwazzjoni xierqa ta' l-informazzjoni l-ġdida u dwar jekk kinitx tikkostitwixxi prova konkreta u affidabbli li l-Kunsill kien intitolat li jaġixxi fuqha, sabiex jipprova li r-rikorrenti kienet involuta fit-terroriżmu.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt ta' smigħ xieraq u tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f'ċirkustanzi li kienu jammontaw għal abbuż jew ksur tal-proċeduri u/jew tal-poter.
(1) ĠU L 188, p. 21.