26.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 107/35


Rikors ippreżentat fit-12 ta' Frar 2008 — Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-82/08)

(2008/C 107/59)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Guardian Industries Corp. (Auburn Hills, l-Istati Uniti) u Guardian Europe Sàrl (Dudelange, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Völcker, F. Louis, A. Vallery. C. Eggers u H.-G. Kamann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment id-deciżjoni kkontestata skond il-motivi esposti fit-taqsimiet A.1 u A.2;

tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2007)5791 finali (Kawża COMP/39.165 — ħġieġ ċatt), tat-28 ta' Novembru 2007, kif notifikata lilhom fit-3 ta' Diċembru 2007, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, fost impriżi oħra, kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE billi pparteċipaw, bejn l-20 ta' April 2004 u t-22 ta' Frar 2005 fi grupp kumpless ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma bil-għan li jikkontrollaw iż-ŻEE kollha.

Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u l-multa imposta fuqhom għandha tiġi aġġustata, peress li hija vvizzjata bl-iżbalji gravi li ġejjin:

(i)

in-nuqqas tal-Kummissjoni li tressaq provi preċiżi u konsistenti li r-rikorrenti pparteċipaw f'kartell operat minn tliet produtturi tal-ħġieġ operattivi qabel il-laqgħa tal-11 ta' Frar 2005;

(ii)

l-affermazzjoni mhux sostanzjata tal-Kummissjoni li, waqt dik il-laqgħa, ir-rikorrenti daħlu fi ftehim li jkopri ż-ŻEE kollha.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-ġurisdizzjoni bla limitu tagħha sabiex tnaqqas iktar il-multa imposta fuqhom. Fuq din il-bażi, huma jsostnu, fl-ewwel lok, li billi tbiegħdet mill-pożizzjoni konsistenti tagħha u bi ksur ċar tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni allegatament eskludiet biljun Euro ta' “captive sales” [bejgħ minn fornituri lil konsumaturi li huma fil-proprjetà sħiħa jew parzjali ta' l-imsemmija fornituri] mill-kalkolu tal-multi tad-destinatarji l-oħra, u għaldaqstant eżaġerat bil-kbir il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq u, fit-tieni lok, il-Kummissjoni injorat ir-rwol sostanzjalment passiv tar-rikorrenti fil-ksur meta mqabbel ma' l-isforzi fit-tul tal-parteċipanti l-oħra sabiex jorganizzaw f'kartell il-bejgħ ta' ħġieġ ċatt fl-Ewropa, u t-tentattivi tagħhom biex iħajru lir-rikorrenti jingħaqdu magħhom f'dawn l-isforzi.