12.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 92/37 |
Appell ippreżentat fil-5 ta' Frar 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra s-sentenza mogħtija fit-22 ta' Novembru 2007 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kawża F-109/06, Dittert vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-51/08 P)
(2008/C 92/75)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: G. Berscheid u K. Herrmann, aġenti)
Appellat: Daniel Dittert (Lussemburgu, Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu)
Talbiet ta' l-appellanti
— |
tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta' Novembru 2007 fil-kawża F-109/06, Dittert vs Il-Kummissjoni, u terġa' tibgħat il-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku; |
— |
tikkundanna lill-konvenut fl-appell ibati l-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan l-appell, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tat-22 ta' Novembru 2007 mogħtija fil-Kawża F-109/06, Dittert vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) annulla d-deċiżjoni tagħha li tassenja lir-rikorrent fl-ewwel istanza numru insuffiċjenti ta' punti ta' prijorità sabiex jiġi promoss skond il-proċedura ta' promozzjoni 2005 u d-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi l-lista ta' l-uffiċjali promossi skond l-imsemmija proċedura ta' promozzjoni safejn din ma tinkludix ismu fiha.
In sostenn ta' l-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji għal annullament.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li t-TSP ma applikax l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal safejn fl-intervent tad-Direttur Ġenerali fil-proċedura għall-assenjazzjoni tal-punti, ta' valur eċċessivi li indebitament jirrestrinġi s-setgħa diskrezzjonali ta' l-Awtorità tal-Ħatra wara l-konstatazzjoni li n-nuqqas ta' tali intervent jikkostitwixxi l-ivvizzjar ta' proċedura sostanzjali.
It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li t-TSP interferixxa mal-kompetenzi ta' l-Awtorità tal-Ħatra bi ksur ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u ordna inġunzjoni fil-konfront tagħha bi qbiż tal-kompetenzi ta' stħarriġ ġudizzjarju tiegħu.
It-tielet nett, il-Kummissjoni tilmenta li t-TSP ma mmotivax biżżejjed fid-dritt il-konstatazzjoni li tgħid li l-assenjazzjoni lir-rikorrent fl-ewwel istanza ta' ċertu numru ta' punti ta' prijorità mill-Kumitat ta' promozzjoni ma tikkostitwixxix rimedju xieraq għal difett proċedurali kkwalifikat bħala “sostanzjali” mill-Qorti tal-Prim'Istanza u mogħtija fin-nuqqas ta' l-intervent tad-Direttur Ġenerali. Barra minn hekk, hija ssostni li t-TSP ibbaża s-sentenza kkontestata fuq distorsjoni tal-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat ta' promozzjoni.