26.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 107/27


Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2008 — Shetland Islands Council vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-44/08)

(2008/C 107/46)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Shetland Islands Council (Lerwick, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: E. Whiteford, Barrister, R. Murray, Solicitor, u R. Thompson QC)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunatjiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tannulla l-Artikoli 1(2), 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent huwa awtorità pubblika li għamel ħlasijiet lis-settur tas-sajd fl-ambitu ta' żewġ miżuri ġenerali ta' għajnuna, intitolati “Aid to the Fish Catching and Processing Industry” (Għajnuna lill-Industrija tas-Sajd u ta' l-Ipproċessar tal-Ħut) u “Aid to the Fish Farming Industry” (Għajnuna lill-Industrija ta' l-Akwakultura), li jikkonsistu f'tipi differenti ta' skemi ta' għajnuna. Waħda minn dawn l-iskemi kienet intitolata “First Time Shareholder Scheme” (Skema ta' Għajnuna għall-Azzjonisti l-Ġodda). Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna li r-Renju Unit implimenta fuq il-bażi ta' din l-iskema hija inkompatibbli mas-suq komuni, safejn din tikkonċerna għajnuna mogħtija għall-ewwel akkwist ta' sehem f'bastiment tas-sajd użat.

Permezz tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jitlob l-annullament parzjali, skond l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 39/2006 (ex NN 94/2005) tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-Iskema ta' Għajnuna għall-Azzjonisti l-Ġodda implimentata fir-Renju Unit. B'mod partikolari, ir-rikorrent jitlob l-annullament ta' l-Artikoli 1(2), 3, 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li ġejja:

(1)

Il-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta kkonstatat li l-ħlasijiet kollha magħmula għall-ewwel akkwist ta' sehem f'bastiment tas-sajd użat kienu inkompatibbli mas-suq komuni u kellhom jiġu rkuprati;

(2)

Il-Kummissjoni għamlet żball ta' liġi meta kkonstatat li l-irkupru tal-ħlasijiet kien kompatibbli ma':

(a)

l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1); u

(b)

il-prinċipji ġenerali ta' ċertezza legali u tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittima u tat-trattament uguali.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU 1999 L 83, p. 1).